This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0510
Judgment of the Court (Third Chamber) of 6 July 2023.#DB v Austrian Airlines AG.#Request for a preliminary ruling from the Oberster Gerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Air transport – Montreal Convention – Article 17(1) – Liability of air carriers for death or injury sustained by passengers – Concept of ‘accident’ – Bodily injuries aggravated by first aid administered following an accident that took place on board an aircraft.#Case C-510/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023.
DB vs Austrian Airlines AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ mewt jew ta’ offiża fuq il-persuna ta’ passiġġier – Kunċett ta’ ‘inċident’ – L-ewwel għajnuna mogħtija wara inċident li seħħ abbord inġenju tal-ajru li aggravat l-offiża fuq il-persuna.
Kawża C-510/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023.
DB vs Austrian Airlines AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ mewt jew ta’ offiża fuq il-persuna ta’ passiġġier – Kunċett ta’ ‘inċident’ – L-ewwel għajnuna mogħtija wara inċident li seħħ abbord inġenju tal-ajru li aggravat l-offiża fuq il-persuna.
Kawża C-510/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:550
*A9* Oberster Gerichtshof, beschluss vom 05/08/2021 (2 Ob 19/2li)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ mewt jew ta’ offiża fuq il-persuna ta’ passiġġier – Kunċett ta’ ‘inċident’ – L-ewwel għajnuna mogħtija wara inċident li seħħ abbord inġenju tal-ajru li aggravat l-offiża fuq il-persuna”
Fil-Kawża C‑510/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Awwissu 2021, fil-kawża
DB
vs
Austrian Airlines AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal DB, minn L. Specht, Rechtsanwalt, |
– |
għal Austrian Airlines AG, minn A. Danner, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Simonsson, G. Wilms u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1), kif ukoll tal-Artikoli 29 u 35 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), li daħlet fis-seħħ, f’dak li jirrigwarda l-Unjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Ġunju 2004. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DB u Austrian Airlines AG, trasportatur tal-ajru, dwar talba mressqa minn DB għal kumpens għad-danni kkawżati mill-ewwel għajnuna li ngħatat lil DB abbord inġenju tal-ajru waqt titjira operata minn dan it-trasportatur. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
3 |
It-tielet u l-ħames premessa tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jiddikjaraw: “[L-Istati Kontraenti jirrikonoxxu] l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn ghal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni; […] [L]-azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi”. |
4 |
L-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Mewt u inġurji [offiżi fuq il-persuna] tal-passiġġieri – dannu lill-bagalji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “It-trasportatur huwa responsabbli ghad-danni sofferti fil-każ ta’ mewt jew inġurji personali [offiżi fuq il-persuna] ta’ passiġġier] sakemm biss l-inċident li kkawża l-mewt jew l-inġurja [offiża fuq il-persuna] seħħ abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark.” |
5 |
Skont l-ewwel frażi tal‑Artikolu 29 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Bażi tal-pretensjonijiet”: “Fil-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-Konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’ oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni […].” |
6 |
L-Artikolu 35 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-azzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-dritt għad-danni għandu jintemm jekk azzjoni ma tinġiebx fi żmien sentejn, li jingħaddu mid-data tal-wasla fid-destinazzjoni, jew mid-data li fiha l-ingenju ta’ l-ajru kellu jasal, jew mid-data li fiha waqaf it-trasport.” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
7 |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad‑9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246), “[i]r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru [tal-Unjoni] fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal pertinenti għal din ir-responsabbiltà.” |
Id‑dritt Awstrijak
8 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 1489 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), fil-verżjoni tiegħu li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ABGB”), il-vittma tista’ ġġib azzjoni għad-danni kontra l-awtur tad-dannu f’terminu ta’ tliet snin. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
9 |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2016, DB ivvjaġġa minn Tel Aviv (l-Iżrael) lejn Vjenna (l-Awstrija) fuq titjira operata minn Austrian Airlines. Matul din it-titjira, waqa’ minn fuq it-trolley tal-catering li jintuża għas-servizz tal-passiġġieri buqar tal-kafè li kien fih il-kafè jaħraq u stamat lil DB. DB ingħatatlu l-ewwel għajnuna abbord l-inġenju tal-ajru. |
10 |
Fil‑31 ta’ Mejju 2019, DB ippreżenta rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) kontra Austrian Airlines intiż, minn naħa, sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 10196 f’danni u, min-naħa l-oħra, sabiex dan it-trasportatur tal-ajru jinżamm responsabbli għal kull dannu futur li jirriżulta mill-aggravazzjoni tal-ħruq tiegħu minħabba l-inadegwatezza tal-ewwel għajnuna mogħtija abbord l-inġenju tal-ajru. DB sostna li Austrian Airlines mhux biss hija responsabbli għan-nuqqas ta’ attenzjoni tal-persunal tagħha li kkawża l-waqgħa tal-buqar tal-kafè, iżda wkoll għall-inadegwatezza tal-ewwel għajnuna mogħtija abbord l-inġenju tal-ajru għat-trattament tal-ħruq soffert. Peress li din l-ewwel għajnuna ma tistax tiġi kklassifikata bħala “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, din hija rregolata mid-dritt nazzjonali. Konsegwentement, it-terminu ta’ tliet snin sabiex tinġieb l-azzjoni għad-danni intiża għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-imsemmija l-ewwel għajnuna, previst fl-Artikolu 1489 tal-ABGB, għadu ma skadiex. |
11 |
Austrian Airlines irribattiet li l-offiżi fuq il-persuna li sofra DB iddewwew kif suppost u li, billi l-Konvenzjoni ta’ Montréal kienet tapplika f’dan il-każ, it-terminu ta’ sentejn sabiex tinġieb l-azzjoni għad-danni, previst fl-Artikolu 35(1) tagħha, kien skada. |
12 |
Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2020. Din tal-aħħar ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) tat‑28 ta’ Ottubru 2020, li ddeċidiet li l-offiżi fuq il-persuna li sofra DB jirriżultaw minn “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, minkejja li dawn l-offiżi fuq il-persuna setgħu jitnaqqsu, jekk mhux saħansitra jiġu evitati, li kieku DB irċieva l-ewwel għajnuna adegwata. Din il-qorti qieset għalhekk li l-azzjoni għad-danni miġjuba minn DB kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u li, bis-saħħa tal-Artikolu 35(1) tagħha, it-terminu ta’ sentejn sabiex tinġieb azzjoni bħal din kien skada. |
13 |
DB ippreżenta appell għal reviżjoni kontra dik is-sentenza quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, fejn sostna li l-ewwel għajnuna mogħtija abbord inġenju tal-ajru ma taqax taħt il-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, b’mod li din il-konvenzjoni ma tapplikax f’dan il-każ. Għaldaqstant, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, previst fl-Artikolu 1489 tal-ABGB, japplika għall-azzjoni għad-danni li huwa ġab. |
14 |
Din il-qorti tqis li l-waqgħa ta’ buqar tal-kafè minn fuq it-trolley tal-catering li jintuża għas-servizz tal-passiġġieri, li seħħet abbord inġenju tal-ajru u li kkawżat ħruq lil passiġġier, tikkostitwixxi “inċident” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, kif interpretat mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt (C‑532/18, EU:C:2019:1127). Għall-kuntrarju, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-ewwel għajnuna mogħtija abbord l-inġenju tal-ajru, minħabba tali inċident, tikkostitwixxix fatt dannuż distint minn dan l-inċident, jew jekk dawn iż-żewġ avvenimenti jikkostitwixxux “inċident” uniku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
15 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “kawżalità”, li jinsab fl-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, kif ukoll is-sens u l-għan ta’ unifikazzjoni tagħha, jiffavorixxu interpretazzjoni li skontha, f’dan il-każ, il-waqgħa tal-buqar tal-kafè, minn naħa, u l-ewwel għajnuna mogħtija abbord l-inġenju tal-ajru, min-naħa l-oħra, għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, li kieku ma waqax il-buqar tal-kafè, ma kinitx tingħata l-ewwel għajnuna u, għaldaqstant, la kien ikun hemm offiżi fuq il-persuna u lanqas aggravazzjoni tal-offiżi fuq il-persuna sofferti. Din il-qorti tippreċiża li, kieku kellu jintlaqa’ l-argument tal-inċident uniku, l-azzjoni għad-danni miġjuba minn DB tkun preskritta taħt l-Artikolu 35(1) ta’ din il-konvenzjoni. |
16 |
Madankollu, l-imsemmija qorti ma teskludix li l-waqgħa tal-buqar tal-kafè u l-ewwel għajnuna mogħtija abbord l-inġenju tal-ajru minħabba l-offiża fuq il-persuna kkawżata minn din il-waqgħa jistgħu jitqiesu bħala fatti dannużi awtonomi u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan ir-rigward. |
17 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, tistax tinġieb azzjoni għad-danni, abbażi tad-dritt nazzjonali, għall-kumpens għad-dannu kkawżat lil passiġġier mill-imsemmija l-ewwel għajnuna. Skont dik il-qorti, azzjoni bħal din tista’ tinġieb abbażi tad-dritt nazzjonali biss jekk il-Konvenzjoni ta’ Montréal kellha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix, bħala fatt dannuż awtonomu, l-offiżi fuq il-persuna ta’ passiġġier abbord inġenju tal-ajru mhux kawża ta’ inċident jew irrispettivament minn kull inċident. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
19 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għoti tal-ewwel għajnuna inadegwata lil passiġġier abbord inġenju tal-ajru, li wassal għal aggravazzjoni tal-offiżi fuq il-persuna kkawżata minn “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies li jagħmel parti minn dan l-inċident. |
20 |
Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97, ir-responsabbiltà ta’ trasportatur tal-ajru tal-Unjoni fir-rigward tal-passiġġieri hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal li jirrigwardaw din ir-responsabbiltà. |
21 |
Skont l-Artikolu 17(1) ta’ din il-konvenzjoni, it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għad-dannu li jkun seħħ fil-każ ta’ mewt jew ta’ ħsara fuq il-persuna ta’ passiġġier, kemm-il darba biss l-inċident li jkun ikkawża l-mewt jew l-offiża fuq il-persuna jseħħ abbord l-inġenju tal-ajru jew matul l-operazzjonijiet kollha ta’ imbark jew ta’ żbark. |
22 |
Il-kunċett ta’ “inċident” għandu jinftiehem bħala avveniment involontarju, dannuż u imprevist li ma jeħtieġx li d-dannu jirriżulta mis-seħħ ta’ riskju inerenti għat-trasport bl-ajru jew li teżisti rabta bejn l-inċident u l-operazzjoni jew il-moviment tal-inġenju tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punti 35 u 41, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Austrian Airlines (Eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru), C‑589/20, EU:C:2022:424, punt 20). |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex dejjem possibbli li s-seħħ ta’ dannu jiġi attribwit lil xi avveniment iżolat meta dan id-dannu jkun il-konsegwenza ta’ serje ta’ avvenimenti interdipendenti. B’hekk, fil-kuntest ta’ ġabra ta’ avvenimenti intrinsikament marbuta li jseħħu, mingħajr interruzzjoni, fl-ispazju u fiż-żmien, din il-ġabra għandha titqies li tikkostitwixxi l-istess “inċident” wieħed, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. |
24 |
Dan huwa l-każ f’sitwazzjoni fejn il-waqgħa ta’ buqar tal-kafè li kien fih il-kafè jaħraq ikkawżat ħruq lil passiġġier u ħolqot il-ħtieġa li tingħata minnufih l-ewwel għajnuna mill-ekwipaġġ. Fil-fatt, fid-dawl tal-kontinwità spazjali u temporali li tgħaqqad il-waqgħa ta’ dan il-buqar tal-kafè u l-ewwel għajnuna mogħtija lill-passiġġier hekk ferut, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din il-waqgħa u l-aggravazzjoni tal-offiżi fuq il-persuna kkawżati mill-imsemmija waqgħa minħabba l-għoti tal-ewwel għajnuna inadegwata ma tistax tiġi kkontestata. |
25 |
Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet li tfittex li tilħaq il-Konvenzjoni ta’ Montréal. Fil-fatt, skont it-tielet premessa ta’ din il-konvenzjoni, l-Istati partijiet għaliha, konxji mill-“importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u [mil]l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”, iddeċidew li jipprevedu sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tat-trasportaturi tal-ajru. Madankollu, kif jirriżulta mill-ħames premessa tal-imsemmija konvenzjoni, sistema bħal din teħtieġ li jinżamm “bilanċ ekwu ta’ l-interessi” tat-trasportaturi tal-ajru u tal-passiġġieri (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt (C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 36). |
26 |
Issa, billi l-kunċett ta’ “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, jiġi ristrett għal serje ta’ avvenimenti intrinsikament marbuta li jseħħu wara xulxin, mingħajr interruzzjoni, fl-ispazju u fiż-żmien, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-passiġġieri jiġu kkumpensati, b’mod faċli u bla dewmien, mingħajr, però, ma t-trasportaturi tal-ajru jitgħabbew b’piż ta’ kumpens kbir wisq, li jkun diffiċli li jiġi identifikat u kkalkolat, li jista’ jqiegħed f’perikolu, jekk mhux saħansitra jipparalizza, l-attività ekonomika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt, C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 40). |
27 |
Il-fatt li t-trasportatur tal-ajru inkwistjoni naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ kura u ta’ diliġenza, kemm-il darba dan jiġi stabbilit, ma jistax iqiegħed f’dubju dawn il-konstatazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Austrian Airlines (Eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru), C‑589/20, EU:C:2022:424, punt 22). Fil-fatt, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “inċident”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, huwa biżżejjed li l-avveniment li jkun ikkawża l-mewt jew l-offiża fuq il-persuna ta’ passiġġier ikun seħħ abbord l-inġenju tal-ajru jew matul l-operazzjonijiet kollha ta’ imbark jew ta’ żbark. |
28 |
Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti tal-ewwel għajnuna inadegwata lil passiġġier abbord inġenju tal-ajru, li wassal għal aggravazzjoni tal-offiżi fuq il-persuna kkawżati minn “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies li jagħmel parti minn dan l-inċident. |
Fuq it‑tieni domanda
29 |
Billi t-tieni domanda saret biss kemm-il darba tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata. |
Fuq l‑ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
l-għoti tal-ewwel għajnuna inadegwata lil passiġġier abbord inġenju tal-ajru, li wassal għal aggravazzjoni tal-offiżi fuq il-persuna kkawżati minn “inċident”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies li jagħmel parti minn dan l-inċident. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.