This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0497
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 22 September 2022.#SI and Others v Bundesrepublik Deutschland.#Request for a preliminary ruling from the Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht.#Reference for a preliminary ruling – Area of freedom, security and justice – Border controls, asylum and immigration – Asylum policy – Directive 2013/32/EU – Common procedures for granting and withdrawing international protection – Application for international protection – Grounds for inadmissibility – Article 2(q) – Concept of ‘subsequent application’ – Article 33(2)(d) – Rejection by a Member State of an application for international protection as inadmissible on account of the rejection of a previous application made by the person concerned in the Kingdom of Denmark – Final decision taken by the Kingdom of Denmark.#Case C-497/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
SI et vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Motivi ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti sottomessa mill-parti kkonċernata fir-Renju tad-Danimarka – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tad-Danimarka.
Kawża C-497/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
SI et vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Motivi ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti sottomessa mill-parti kkonċernata fir-Renju tad-Danimarka – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tad-Danimarka.
Kawża C-497/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:721
*A9* Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht, beschluss vom 06/08/2021 (9 A 178/21)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
22 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Motivi ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti sottomessa mill-parti kkonċernata fir-Renju tad-Danimarka – Deċiżjoni finali meħuda mir-Renju tad-Danimarka”
Fil-Kawża C‑497/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig‑Holstein, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura
SI,
TL,
ND,
VH,
YT,
HN
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azema, L. Grønfeldt u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SI, TL, ND, VH, YT u NH, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge – Außenstelle Boostedt (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, fergħa ta’ Boostedt, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li ċaħdet it-talbiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Protokoll dwar il‑pożizzjoni tad‑Danimarka
3 |
L-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka”) jiddikjaraw: “Artikolu 1 Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE]. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skont l-Artikolu 238(3) [TFUE]. Artikolu 2 Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE], l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m’għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. B’mod partikolari, l-atti ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li huma emendati jkomplu jorbtu lil u jkunu applikabbli għad-Danimarka mingħajr bidla.” |
Id‑Direttiva 2011/95/UE
4 |
Il-premessi 6 u 51 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) jiddikjaraw:
[…]
|
5 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tippreskrivi regoli dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat sabiex ikunu eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-refuġjati u l-persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din il-protezzjoni. |
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
Id‑Direttiva 2013/32
7 |
L-Artikolu 2(b), (e) u (q) tad-Direttiva 2013/32 huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]
|
8 |
Skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva: “Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.” |
9 |
L-Artikolu 33(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:
|
Ir‑Regolament Dublin III
10 |
Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tiegħu, ir-Regolament Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li kien issostitwixxa, konformement mal-Artikolu 24 tiegħu, il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat f’Dublin fil‑15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1). |
11 |
Fi ħdan il-Kapitolu II, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jiddikjara, bit-titolu “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”: “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [mingħajr stat] li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
12 |
L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat: […]
|
Il‑Ftehim bejn l‑Unjoni u d‑Danimarka
13 |
Il-Ftehim bejn [l-Unjoni] Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea u eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU 2008, L 335M, p. 72, iktar ’il quddiem il- “Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka”) ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/188/KE tal‑21 ta’ Frar 2006 (ĠU 2008, L 335M, p. 72). |
14 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim: “1. Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 343/2003] li hu anness ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati skond l-Artikolu 27(2) tar-[Regolament Nru 343/2003] u – fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim – implimentati mid-Danimarka […] għandhom japplikaw skond id-dritt internazzjonali għar-relazzjonijiet bejn [l-Unjoni] u d-Danimarka. 2. Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26),] li hu anness ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu […] u – fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim – implimentati mid-Danimarka […] għandhom japplikaw skond id-dritt internazzjonali għar-relazzjonijiet bejn [l-Unjoni] u d-Danimarka. 3. Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għandha tapplika minflok id-data msemmija flArtikolu 29 tar-[Regolament Nru 343/2003], u l-Artikolu 27 tar-[Regolament Nru 2725/2000].” |
15 |
La d-Direttiva 2011/95 u lanqas id-Direttiva 2013/32 ma huma msemmija mill-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka. |
Id‑dritt Ġermaniż
L‑AsylG
16 |
L-Artikolu 26a, intitolat “Pajjiżi terzi siguri” tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għal Ażil) (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-finijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi: “(1) Ċittadin barrani li daħal fit-territorju billi ġie minn pajjiż terz, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16a(2) tal-[Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja)], (pajjiż terz sigur), ma jistax jinvoka l-Artikolu 16a(1) tal-Liġi Fundamentali. […] (2) Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni […], l-Istati terzi siguri huma l-Istati elenkati fl-Anness I. […] […]” |
17 |
L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej: “(1) applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta: […] 5. Fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 71 jew tat-tieni applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 71a, ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil. […] […]” |
18 |
L-Artikolu 31 tal-AsylG, intitolat “Deċiżjoni tal-[Uffiċċju Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati] dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil”, jipprovdi: “[…] (2) Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ammissibbli […] jispeċifikaw espressament jekk iċ-ċittadin barrani bbenefikax mill-istatus ta’ refuġjat jew mill-protezzjoni sussidjarja u jekk huwiex irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għal ażil. […] […]” |
19 |
L-Artikolu 71 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti” jipprovdi: “(1) Jekk, wara li applikazzjoni għall-ażil tiġi rtirata jew miċħuda definittivament, iċ-ċittadin barrani jressaq applikazzjoni ġdida għal ażil (applikazzjoni sussegwenti), issir proċedura ġdida għal ażil biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(1) sa (3) tal-Verwaltungsverfahrengesetz [(il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) (BGBl. 2013 I, p. 102)]; l-eżami għandu jsir mill-Uffiċċju [Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati]. […]” |
20 |
L-Artikolu 71a tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni”, jipprevedi: “(1) Jekk ċittadin barrani, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali f’dan ir-rigward, iressaq applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni) fit-territorju federali, ikun hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil biss meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli mill-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva jkunu ssodisfatti; huwa l-Uffiċċju [Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati] li għandu l-obbligu jwettaq l-eżami. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
21 |
Fl‑10 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Ġeorġjana, ressqu applikazzjonijiet għall-ażil quddiem l-Uffiċċju. |
22 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, waqt l-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjaraw li kienu telqu mill-Ġeorġja fl-2017 sabiex imorru d-Danimarka, fejn għexu għal tliet snin u fejn ressqu applikazzjonijiet għall-ażil li ġew miċħuda. |
23 |
Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2021, ir-Renju tad-Danimarka kkonferma, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Uffiċċju, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ressqu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fit‑28 ta’ Novembru 2017, li kienu ġew miċħuda fit‑30 ta’ Jannar 2019. Peress li r-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati Daniżi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjonijiet li ċaħdu t-talbiet tagħhom ġew miċħuda fis‑27 ta’ April 2020, dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi. |
24 |
Għalhekk, l-Uffiċċju eżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala t-“tieni applikazzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, ċaħadhom bħala inammissibbli skont il-punt 5 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG. L-Uffiċċju kkonstata li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu diġà ressqu applikazzjonijiet għall-ażil definittivament miċħuda fid-Danimarka, li, konformement mas-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404), kellha titqies bħala “Stat terz sigur”, fis-sens tal-Artikolu 26a tal-AsylG. Skont l-Uffiċċju, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi ġġustifikata proċedura ġdida għall-ażil ma kinux issodisfatti, peress li l-espożizzjoni tal-fatti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali insostenn tal-applikazzjonijiet tagħhom ma turi ebda bidla fis-sitwazzjoni fattwali meta meta mqabbel ma’ dik li kienet il-bażi tal-ewwel applikazzjoni tagħhom miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi. |
25 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Ġermaniż, “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 71 tal-AsylG, hija applikazzjoni ġdida għall-ażil sottomessa fil-Ġermanja, wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil, ukoll imressqa fil-Ġermanja. It-“tieni applikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 71a tal-AsylG, hija applikazzjoni għall-ażil sottomessa fil-Ġermanja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil imressqa fi Stat terz sigur, fis-sens tal-Artikolu 26a tal-AsylG, jiġifieri, b’mod partikolari, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ tipi ta’ applikazzjoni suġġetti għal proċedura li hija differenti minn dik applikabbli għall-ewwel applikazzjoni għall-ażil. L-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 71a tal-AsylG huma li t-“tieni applikazzjoni” tiġi ekwiparata mal-“applikazzjoni sussegwenti” u, bl-istess mod, li tiġi ekwiparata d-deċiżjoni meħuda mill-Istat terz, li ddeċidiet dwar l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tal-applikant li ressaq it-tieni applikazzjoni fil-Ġermanja, għal deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-ewwel applikazzjoni għall-ażil. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, għalhekk, li, sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima pendenti quddiemha, huwa neċessarju li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, jistax japplika meta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tkun ittieħdet fi Stat Membru ieħor. |
28 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2013/32 ma tirreferix għall-kunċett tat-“tieni applikazzjoni” u tuża biss, b’mod partikolari fl-Artikolu 33(2)(d) u fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”. Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva japplika biss fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti mressqa fl-istess Stat Membru fejn l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata ġiet imressqa u miċħuda. Tista’ wkoll timmilita f’dan is-sens il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32 (COM (2016) 467 final), li kienet tipprevedi l-inklużjoni fir-regolament ikkonċernat ta’ dispożizzjoni li tiddikjara b’mod espliċitu li, wara li tkun ingħatat deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda dwar applikazzjoni preċedenti, kull applikazzjoni ġdida mressqa mill-istess applikant fi kwalunkwe Stat Membru għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru responsabbli, bħala applikazzjoni sussegwenti. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja li, f’sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) ħalliet miftuħa r-risposta għad-domanda dwar jekk tistax tkun kwistjoni ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tad-Direttiva 2013/32, meta l-ewwel proċedura li wasslet għaċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata tkun seħħet fi Stat Membru ieħor, mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi inferjuri jirriżulta li din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva, ħaġa li l-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tapprova. |
30 |
Fil-każ li tali risposta fl-affermattiv tingħata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan jistax ikun il-każ ukoll meta, wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tad-Danimarka, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali titressaq fi Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju tfakkar, f’dan ir-rigward, li, ċertament, ir-Renju tad-Danimarka huwa Stat Membru tal-Unjoni, iżda tippreċiża li, bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, dan l-Istat Membru ma huwiex marbut bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Għandu jingħad ukoll li mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 u mis-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404) jirriżulta li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens ta’ din id-direttiva biss jekk l-applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95. |
31 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “Stat Membru” fis-sens tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, biex ikun jirrigwarda biss lill-Istati Membri li jipparteċipaw fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, bħala li huma dawk marbuta bid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Dan ma huwiex il-każ tar-Renju tad-Danimarka li, bis-saħħa tal-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, jipparteċipa biss fis-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III. |
32 |
Fil-każ li d-domanda tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 30 tirċievi risposta fin-negattiv, din tqis li hija neċessarja kjarifika fir-rigward tal-punt dwar jekk, sa fejn l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali diġà ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi fuq il-bażi ta’ eżami bbażat, essenzjalment, fuq l-istess kriterji bħal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95 għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, huwiex possibbli li wieħed jipproċedi biss għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali – li jinvolvi l-obbligu li jsir eżami ġdid tal-applikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss fir-rigward tal-possibbiltà li dawn jingħataw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, minkejja li d-dritt Daniż jipprevedi, għar-refuġjati u għall-persuni li, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkollhom pretensjoni għall-protezzjoni sussidjarja, sistema ta’ protezzjoni simili għal dik prevista mid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju hija inklinata tikkunsidra li ma huwiex possibbli li jsir tali annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata quddiemha. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
34 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadini Ġeorġjani, li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħhom kienu ġew miċħuda mir-Renju tad-Danimarka. |
35 |
Issa, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, f’dak li jirrigwarda t-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, li taħtha jaqgħu, b’mod partikolari, il-politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni, ir-Renju tad-Danimarka jgawdi, bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, minn status partikolari, li jiddistingwixxih minn Stati Membri oħra. |
36 |
Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li d-domandi magħmula jiġu analizzati biss sa fejn dawn jirrigwardaw l-ipoteżi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi, mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ipoteżi taċ-ċaħda ta’ applikazzjoni analoga mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 30). |
37 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħha, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru. |
38 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta din tikkostitwixxi applikazzjoni sussegwenti li fiha ma jidhru jew jiġu prodotti ebda element jew fatt ġdid min-naħa tar-rikorrent relatati mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95. |
40 |
Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali mressqa wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti. |
41 |
B’hekk din id-definizzjoni tiġbor fi ħdanha l-kunċetti ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “deċiżjoni finali”, li huma ddefiniti wkoll fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, rispettivament fil-punt (b) u l-punt (e) tiegħu. |
42 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew ta’ “applikazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni magħmula lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2011/95. |
43 |
Issa, għalkemm applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tad-Danimarka konformement mad-dispożizzjonijiet interni ta’ dan l-Istat Membru hija inkontestabbilment applikazzjoni sottomessa lil Stat Membru, xorta jibqa’ l-fatt li din ma tikkostitwixxix applikazzjoni “li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja” fis-sens tad-Direttiva 2011/95 peress li, konformement mal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, din id-direttiva ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarka, kif inhuwa, barra minn hekk, imfakkar fil-premessa 51 ta’ din id-direttiva. |
44 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 bħala kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat tingħatax l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95 u li ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ rikors imressaq fil-kuntest tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32. |
45 |
Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, deċiżjoni meħuda mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax taqa’ taħt din id-definizzjoni. |
46 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għall-kwistjoni distinta dwar jekk il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” japplikax għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tad-Danimarka, minn qari flimkien tal-punti (b), (e) u (q) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil Stat Membru ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” jekk din tkun tressqet wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni analoga tal-istess applikant mir-Renju tad-Danimarka. |
47 |
Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti tar-Renju tad-Danimarka, li ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil dan l-Istat Membru konformement mad-dispożizzjonijiet interni tiegħu, ma tippermettix li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, magħmula mill-parti kkonċernata lil Stat Membru ieħor wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni preċedenti, tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32. |
48 |
La l-ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka u lanqas l-eventwalità li l-leġiżlazzjoni Daniża tipprevedi, għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, kundizzjonijiet identiċi għal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95, jew simili, ma jistgħu jwasslu għal konklużjoni differenti. |
49 |
Fl-ewwel lok, ċertament, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka, ir-Regolament Dublin III huwa implimentat ukoll mir-Renju tad-Danimarka. Għalhekk, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuni kkonċernati għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lid-Danimarka, Stat Membru ieħor li lilu dawn il-persuni kkonċernati ressqu talba ġdida għal protezzjoni internazzjonali jista’, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) jew fil-punt (d) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, jitlob lir-Renju tad-Danimarka jieħu lura l-imsemmija persuni kkonċernati. |
50 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, meta tali teħid lura ma jkunx possibbli jew ma jseħħx, l-Istat Membru kkonċernat għandu d-dritt li jikkunsidra li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali li l-istess persuna kkonċernata tkun ressqet quddiem l-istanzi tiegħu stess tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 44). |
51 |
Fil-fatt, għalkemm il-Ftehim bejn l-Unjoni u d-Danimarka jipprevedi, essenzjalment, l-implimentazzjoni, mir-Renju tad-Danimarka, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, l-imsemmi ftehim ma jipprovdix, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2011/95 jew id-Direttiva 2013/32 japplikaw għar-Renju tad-Danimarka. |
52 |
Fit-tieni lok, jekk jitqies, kif tafferma l-qorti tar-rinviju, li t-talbiet intiżi għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat magħmula lir-Renju tad-Danimarka jiġu eżaminati mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ kriterji sostanzjalment identiċi għal dawk previsti mid-Direttiva 2011/95, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika ċ-ċaħda, anki jekk limitata għall-parti relatata mal-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil Stat Membru ieħor minn applikant li l-applikazzjoni preċedenti tiegħu intiża għall-kisba ta’ dan l-istatus ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Daniżi. |
53 |
Minbarra l-fatt li l-formulazzjoni univoka tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32 tipprekludi interpretazzjoni f’dan is-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tagħha, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiddependi minn evalwazzjoni tal-livell konkret tal-protezzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fir-Renju tad-Danimarka mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata ċ-ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 47). |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2011/95, ma tillimitax ruħha biss biex tirregola l-istatus ta’ refuġjat, kif inhu stabbilit fid-dritt internazzjonali, jiġifieri fil-Konvenzjoni ta’ Genève, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/95, iżda tistabbilixxi wkoll l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, tikkompleta r-regoli relatati mal-istatus ta’ refuġjat. |
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra r-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat li fir-rigward tiegħu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru. |
Fuq l‑ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra r-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli, totalment jew parzjalment, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr stat li fir-rigward tiegħu applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.