This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0431
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 13 October 2022.#X GmbH & Co. KG v Finanzamt Bremen.#Request for a preliminary ruling from the Finanzgericht Bremen.#Reference for a preliminary ruling – Freedom of establishment and freedom to provide services – Corporation tax – Determination of the taxable income of companies – Transactions featuring foreign elements – Obligation to provide fiscal documentation of business relations between parties with a relationship of interdependence – Estimate of the taxable income and surcharge by way of a penalty.#Case C-431/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
X GmbH & Co. KG vs Finanzamt Bremen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Bremen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Taxxa fuq il-kumpanniji – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ barra mill-pajjiż – Obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn persuni li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza – Stima u żieda tad-dħul taxxabbli bħala sanzjoni.
Kawża C-431/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
X GmbH & Co. KG vs Finanzamt Bremen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Bremen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Taxxa fuq il-kumpanniji – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ barra mill-pajjiż – Obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn persuni li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza – Stima u żieda tad-dħul taxxabbli bħala sanzjoni.
Kawża C-431/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:792
*A9* Finanzgericht Bremen, beschluss vom 07/07/2021 (2 K 187/17 (3))
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Taxxa fuq il-kumpanniji – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ barra mill-pajjiż – Obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn persuni li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza – Stima u żieda tad-dħul taxxabbli bħala sanzjoni”
Fil-Kawża C‑431/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi, Bremen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura
X GmbH & Co. KG
vs
Finanzamt Bremen,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),
komposta minn L.S. Rossi, Presidenta tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal X GmbH & Co. KG, minn S. Stahlschmidt u J. Uterhark, Rechtsanwälte, kif ukoll minn M. Giese, Steuerberaterin, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u V. Uher, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 49 KE kif ukoll tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn X GmbH & Co. KG u Finanzamt Bremen (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Bremen, il-Ġermanja), dwar żieda fid-dħul taxxabbli applikata minn dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem iż-“żieda fiskali”), minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu fiskali ta’ dokumentazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali transkonfinali bejn kumpanniji relatati. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 90, dwar l-obbligi ta’ kooperazzjoni tal-persuna taxxabbli, tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa) (BGBl. 2002 I, p. 3866), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprevedi: “(1) Il-persuni kkonċernati għandhom jikkooperaw fl-istabbiliment tal-fatti. Huma jissodisfaw b’mod partikolari l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni billi jiżvelaw sinċerament il-fatti kollha rilevanti għat-taxxa u billi jikkomunikaw il-provi li huma magħrufa lilhom. Il-portata ta’ dawn l-obbligi tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. […] (3) Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li jinkludu element barrani, il-persuna taxxabbli hija obbligata li tistabbilixxi rekords tan-natura u tal-kontenut tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ persuni relatati fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Außensteuergesetz (Gesetz über die Besteuerung bei Auslandsbeziehungen (il-Liġi dwar it-Taxxa fil-Kuntesti Internazzjonali), tat‑8 ta’ Settembru 1972 (BGBl. 1972 I, p. 1713). L-obbligu ta’rekord jkopri wkoll il-bażijiet ekonomiċi u legali ta’ ftehim dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra, li josservaw il-prinċipju ta’ distakkament, konkluż mal-persuni relatati. F’każ ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali eċċezzjonali, ir-rekords għandhom jiġu stabbiliti f’ terminu qasir. L-obbligi ta’ rekords japplikaw b’analoġija għall-persuni taxxabbli li għandhom iqassmu, għall-finijiet tat-taxxa fuq livell nazzjonali, profitti bejn l-impriża nazzjonali u l-istabbilimenti barranin tagħhom jew jiddeterminaw il-profitt tal-istabbilimenti nazzjonali tal-impriża barranija tagħhom. Sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi tad-dritt, il-Ministeru Federali għall-Finanzi huwa awtorizzat jiddefinixxi, bil-kunsens tal-Bundesrat, permezz ta’ digriet ta’ implimentazzjoni, in-natura, il-kontenut u l-portata tar-rekords li għandhom jiġu stabbiliti. Bħala regola ġenerali, l-awtorità tat-taxxa għandha teżiġi l-preżentazzjoni ta’ rekords biss għat-twettiq ta’ kontroll fiskali. Il-preżentazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 97, bil-kundizzjoni li l-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax. Il-preżentazzjoni għandha ssir fuq talba f’terminu ta’ 60 jum. Sa fejn il-preżentazzjoni tikkonċerna rekords relatati ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali eċċezzjonali, it-terminu huwa ta’ 30 jum. F’każijiet partikolari debitament iġġustifikati, it-terminu ta’ preżentazzjoni jista’ jiġi estiż”. |
4 |
L-Artikolu 162 tal-Kodiċi tat-Taxxa, intitolat “Stima tal-valuri taxxabbli”, jipprovdi: “(1) Jekk l-awtorità tat-taxxa ma tkunx kapaċi tiddetermina jew tikkalkula l-valur taxxabbli, hija għandha tistmah. Hija tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għal din l-istima. […] (3) Jekk persuna taxxabbli tonqos mill-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni previsti fl-Artikolu 90(3), billi ma tippreżentatx ir-rekords jew jekk ir-rekords ippreżentati huma, essenzjalment, inutilizzabbli, jew inkella jekk jiġi kkonstatat li l-persuna taxxabbli ma stabbilixxietx f’terminu qasir ir-rekords imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 90(3), huwa preżunt b’mod kontestabbli, li d-dħul taxxabbli tagħha fil-Ġermanja, li r-rekords tagħhom msemmija fl-Artikolu 90(3) jintużaw għad-determinazzjoni tagħhom, huma ogħla mid-dħul li tkun iddikjarat. Jekk, f’dan il-każ, l-awtorità tat-taxxa għandha tagħmel stima u tali dħul jista’ jiġi ddeterminat biss f’ċertu marġni ta’ stima, b’mod partikolari biss abbażi ta’ meded ta’ prezzijiet, dan il-marġni ta’ stima jista’ jintuża għad-detriment tal-persuna li tħallas it-taxxa. Jekk, minkejja l-preżentazzjoni ta’ rekords li jistgħu jintużaw mill-persuna taxxabbli, jeżistu indizji fis-sens li, fil-każ ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ distakkament, id-dħul tagħha jkun ogħla mid-dħul iddikjarat abbażi tar-rekords u jekk dubji f’dan is-sens ma jistgħux jitneħħew għaliex persuna relatata li tinsab barra mill-pajjiż ma tissodisfax l-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni previsti fl-Artikolu 90(2) jew id-dmirijiet ta’ informazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 93(1), għandha tiġi applikata t-tieni sentenza b’analoġija. (4) Jekk persuna taxxabbli ma tippreżentax ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 90(3) jew jekk ir-rekords ippreżentati huma, essenzjalment, inutilizzabbli, għandha tiġi ffissata żieda ta’ EUR 5000. Iż-żieda tammonta għal, minn tal-inqas, 5 % u, l-iktar, għal 10 % tal-ammont addizzjonali tad-dħul li jirriżulta mill-korrezzjoni mwettqa skont il-paragrafu 3, meta, wara din il-korrezzjoni, iż-żieda taqbeż EUR 5000. Fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva ta’ rekords li jistgħu jintużaw, l-ammont massimu taż-żieda huwa ta’ EUR 1000000, madankollu mill-inqas EUR 100 għal kull jum sħiħ ta’ qbiż tat-terminu. Sa fejn l-awtoritajiet tat-taxxa jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-ammont taż-żieda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-għan ta’ din iż-żieda intiża għall-osservanza mill-persuna taxxabbli tal-obbligu li twettaq u li tippreżenta fit-termini r-rekords imsemmija fl-Artikolu 90(3), b’mod partikolari l-vantaġġi miksuba mill-persuna taxxabbli u, fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva, ukoll it-tul tal-qbiż tat-terminu. Hemm lok li ma tiġix imposta żieda jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ rekords msemmija fl-Artikolu 90(3) jidher skużabbli jew jekk in-nuqqas ikun biss minimu. In-nuqqas imwettaq minn rappreżentant legali jew minn impjegat huwa ekwivalenti għal aġir illegali. Iż-żieda għandha tiġi imposta, bħala regola ġenerali, wara t-tmiem tal-kontroll fiskali”. |
5 |
L-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fil-Kuntesti Internazzjonali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal kawża prinċipali, jipprevedi: “Parti tkun relatata mal-persuna taxxabbli meta:
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
6 |
X, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija soċjetà in akkomandita, stabbilita fi Bremen (il-Ġermanja), li għandha u tmexxi ishma u tipprovdi servizzi ta’ assistenza, ta’ konsulenza u ta’ ġestjoni. Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, hija kellha l-ishma kollha ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata bis-sede tagħha fil-Ġermanja, li hija stess kellha l-ishma kollha ta’ erba’ kumpanniji oħra b’responsabbiltà limitata li għandhom is-sede tagħhom f’dan l-Istat Membru. |
7 |
X għandha bħala soċju akkomandanti kumpannija stabbilita fil-Ġermanja u bħala soċju limitat kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li s-soċju uniku tagħha, Y, huwa wkoll kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
8 |
Fl‑2013, X u s-soċjetà akkomandanti ngħaqdu. |
9 |
Y ipprovdiet servizzi abbażi ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju konkluż, għall‑2007, mas-soċju akkomandanti ta’ X, u sussegwentement, għas-snin sussegwenti tal-perijodu kontenzjuż, ma’ X. |
10 |
Dan il-kuntratt jipprevedi li r-remunerazzjoni ta’ Y tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-infiq realment sostnuti, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż sostnuti minn Y fl-interess soċjali tagħha (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż rimborsabbli”). |
11 |
Y hija obbligata li tħejji d-dokumenti dwar l-ispejjeż rimborsabbli u rendikont annwali dettaljat. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Y madankollu ma pprovdietx tali rendikont. |
12 |
X kienet is-suġġett ta’ kontroll fiskali relatat mas-snin finanzjarji 2007 sal‑2010, b’mod partikolari dwar l-ispejjeż ta’ ġestjoni mħallsa lil Y. Id-dokumentazzjoni li X kienet mistiedna tipprovdi taħt l-obbligu previst mill-Artikolu 90(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali”) kienet meqjusa insuffiċjenti mill-amminstrazzjoni fiskali Ġermaniża. |
13 |
Fis‑7 ta’ Jannar 2016, l-amministrazzjoni fiskali Olandiża, mitluba minn X, informat lill-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża li Y kienet iffatturat lil X l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi l-ispejjeż li ma kinux spejjeż rimborsabbli. |
14 |
Fis‑17 ta’ Marzu 2016, X u l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża kkonkludew, bil-parteċipazzjoni ta’ Y, tranżazzjoni li fiha ġie miftiehem li parti mill-pagamenti minn X lil Y matul il-perijodu kontenzjuż, li tammonta għal EUR 400000 fis-sena u għal ammont totali ta’ EUR 1.6 miljun, kienet ġiet ikkalkolata b’mod żbaljat bħala infiq tal-operat. |
15 |
Fir-rapport tagħha tal‑10 ta’ Ġunju 2016, l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża indikat li d-dokumenti ppreżentati minn X abbażi tal-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali ma setgħux jintużaw. |
16 |
Konsegwentement, fit‑8 ta’ Novembru 2016, din l-amministrazzjoni imponiet fuq X il-ħlas ta’ żieda fiskali, li tikkorrispondi għal 5 % tad-dħul komplementari ta’ X, stmati minn din l-amministrazzjoni għal EUR 20000 fis-sena, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 80000. |
17 |
Fid‑9 ta’ Diċembru 2016, X resqet ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem l-imsemmija amministrazzjoni, li ċaħditu. |
18 |
Fis‑27 ta’ Diċembru 2017, X adixxiet lill-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen, il-Ġermanja) b’rikors kontra din id-deċiżjoni, li fil-kuntest tiegħu hija sostniet li l-Artikolu 162(4) tal-Kodiċi tat-Taxxa li abbażi tiegħu ġiet imposta fuqha ż-żieda fiskali, jikser il-libertà ta’ stabbiliment. |
19 |
Il-Finanzgericht Bremen tindika li l-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li l-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tista’ titqies li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, b’mod partikolari, min-neċessità li jiġi ggarantit il-ħarsien tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri u li jiġi permess kontroll fiskali effikaċi iżda ma ddeċidietx dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni taż-żieda fiskali li tista’ tiġi imposta fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu. Skont il-qorti tar-rinviju, din iż-żieda tista’ tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
20 |
F’dan il-kuntest, il-Finanzgericht Bremen (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 43 tat-Trattat KE u l-Artikolu 49 TFUE li jiggarantixxu l-libertà ta’ stabbiliment (u l-Artikolu 49 tat-Trattat KE u l-Artikolu 56 TFUE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha, fil-każ ta’ fatti marbuta ma’ tranżazzjonijiet b’element barrani, il-persuna taxxabbli għandha tistabbilixxi dokumentazzjoni tan-natura u tal-kontenut tar-relazzjonijiet tagħha ta’ negozju mal-persuni relatati, li tinkludi wkoll il-bażi ekonomika u legali ta’ ftehim […] dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra mal-persuni relatati [, li josserva il-prinċipju ta’ distakkament], u li skontha, jekk il-persuna taxxabbli ma tipproduċix l-imsemmija dokumentazzjoni meta l-awtoritajiet fiskali jitolbuha tagħmel dan, jew jekk id-dokumentazzjoni prodotta essenzjalment ma tkunx tista’ tintuża, mhux biss ikun preżunt b’mod konfutabbli li d-dħul tagħha suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja, li għad-determinazzjoni tiegħu sservi d-dokumentazzjoni, huwa ogħla mid-dħul li hija ddikjarat u, jekk f’tali każijiet l-awtorità tat-taxxa għandha tagħmel stima u dan id-dħul jista’ jiġi ddeterminat biss f’ċertu qafas, b’mod partikolari biss abbażi ta’ meded ta’ prezzijiet, dan il-qafas jista’ jiġi eżawrit għad-detriment tal-persuna li tħallas it-taxxa, iżda, barra minn hekk, għandha tiġi ddeterminata żieda, li hija ta’ mill-inqas 5 fil-mija u ta’ mhux iktar minn 10 fil-mija tal-ammont addizzjonali ddeterminat tad-dħul, iżda mill-inqas EUR 5000, u, fil-każ ta’ sottomissjoni tardiva ta’ dokumentazzjoni li tista’ tintuża, sa EUR 1000000, iżda mill-inqas EUR 100 għal kull jum sħiħ ta’ dewmien, u l-impożizzjoni ta’ sovrataxxa ma ssirx biss jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ żamma ta’ dokumentazzjoni jidher skużabbli jew jekk in-nuqqas ikun biss minimu?” |
Fuq id‑domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
21 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess tad-deċiżjoni tar-rinviju u mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula jirriżulta li għandhom jingħataw elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni mhux biss taż-żieda fiskali li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali, iżda wkoll ta’ dan l-obbligu nnifsu. |
22 |
Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li huwa neċessarju, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, li l-qorti tar-rinviju tingħata elementi ta’ risposta li jippermettu li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-aspetti tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, invokati minn din il-qorti, dwar iż-żieda fiskali applikabbli fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva tad-dokumentazzjoni fiskali applikabbli. |
Fuq il‑libertà ta’ moviment applikabbli
23 |
Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-domanda preliminari tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u FUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandha tiġi ddeterminata l-libertà applikabbli fil-kawża prinċipali. |
24 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet ta’ moviment, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, EU:C:2010:26, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Barra minn hekk, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tapplika biss għall-sehem li jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hornbach-Baumarkt, C‑382/16, EU:C:2018:366, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jikkonċerna l-uniċi tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali bejn impriżi “relatati” fis-sens tad-dritt nazzjonali, peress li din ir-rabta hija ddefinita mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ interdipendenza, kapitalista jew ta’ natura oħra, li tikkaratterizza, kif jidher f’kull każ, influwenza ċerta tal-impriża waħda fuq l-oħra. Dan huwa fi kwalunkwe każ il-każ meta din ir-rabta hija ddefinita miċ-ċirkustanza, li hija dik tal-kawża prinċipali, li tgħid li persuna żżomm direttament jew indirettament sehem li jikkorrispondi għal mill-inqas kwart tal-kapital tal-persuna taxxabbli. Fil-fatt, Y iżomm indirettament, permezz ta’ kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, 100 % tal-kapital ta’ X, stabbilita fil-Ġermanja. |
27 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni esklużivament fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment. |
28 |
Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju rreferiet, fid-domanda tagħha, għal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita, rispettivament, fl-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 49 TFUE, ser isir riferiment biss għall-Artikolu 49 TFUE, peress li l-interpretazzjoni tgħodd, fi kwalunkwe każ, ukoll għall-Artikolu 43 KE. |
29 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha, fl-ewwel lok, il-persuna taxxabbli hija suġġetta għal obbligu ta’ dokumentazzjoni fuq in-natura u l-kontenut kif ukoll fuq il-bażijiet ekonomiċi u legali tal-prezz u tal-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra tat-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali tagħha ma’ persuni li magħhom għandha rabta ta’ interdipendenza, kapitalista jew ta’ natura oħra, li tippermetti lil din il-persuna taxxabbli jew lil dawn il-persuni li jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-persuna l-oħra u li tipprevedi, fit-tieni lok, fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, mhux biss li dan id-dħul taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat huwa preżunt, b’mod kontestabbli, iktar għoli minn dak li ġie ddikjarat, fejn l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tagħmel stima għad-detriment tal-persuna li tħallas it-taxxa, iżda wkoll għal impożizzjoni ta’ żieda ta’ ammont ekwivalenti għal, minn tal-inqas, 5 % u, l-iktar, għal 10 % tal-ammont addizzjonali tad-dħul ikkalkolat, b’ammont minimu ta’ EUR 5000, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa skużabbli jew jekk in-nuqqas imwettaq ikun minimu. |
Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment
Fuq l‑obbligu ta’ dikjarazzjoni fiskali
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tinkludi, b’mod konformi mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede prinċipali, it-tmexxija ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li vantaġġi mhux normali jew gratwiti mogħtija minn kumpannija residenti lil kumpannija li għandha rabta ta’ interdipendenza magħha jiżdiedu mal-profitti rispettivi tal-ewwel kumpannija biss jekk il-kumpannija benefiċjarja tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
F’dan il-każ, l-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jirrigwarda t-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali mwettqa bejn kumpannija residenti ma’ kumpannija oħra, li magħha hija għandha rabtiet ta’ interdipendenza, kapitalistiċi jew ta’ natura oħra, li jippermettu lil din tal-aħħar teżerċita influwenza ċerta fuq il-kumpannija residenti. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpanniji residenti ma humiex suġġetti għal obbligu paragunabbli għat-tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi ma’ kumpanniji residenti. |
33 |
Tali differenza fit-trattament tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, peress li l-kumpanniji stabbiliti fl-Istat ta’ tassazzjoni jibbenefikaw minn trattament inqas favorevoli meta l-kumpanniji li magħhom għandhom rabtiet ta’ interdipendenza huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor. |
34 |
Fil-fatt, kumpannija omm, stabbilita fi Stat Membru ieħor, tista’ tiġi mwassla tirrinunzja għall-akkwist, għall-ħolqien jew għaż-żamma ta’ sussidjarja f’dan l-ewwel Stat Membru (ara, b’analoġija, sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura fiskali li tista’ tostakola l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk din tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li dan ikun xieraq sabiex jiżgura li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li dan ma jeċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna ta’ Stat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Eżenzjoni ta’ fondi ta’ investment kuntrattwali), C‑342/20, EU:C:2022:276, punt 69). |
37 |
Madankollu, il-Gvern Ġermaniż essenzjalment isostni argumenti dwar in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontroll fiskali tal-prezzijiet ta’ trasferiment sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq tat-tranżazzjonijiet transkonfinali tal-persuna taxxabbli ma’ impriżi relatati, li huma inqas relatati mal-kwistjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet milli ma’ dik tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-kontrolli fiskali sabiex jiġi protett it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hornbach-Baumarkt, C‑382/16, EU:C:2018:366, punt 40). |
38 |
Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali leġiżlazzjoni, billi tiffaċilita l-kontrolli fiskali, issegwi l-għan li tiggarantixxi tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 63, u tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 31). |
39 |
Issa, il-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun tali li tiġġustifika differenza fit-trattament meta s-sistema eżaminata tkun intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hornbach-Baumarkt, C‑382/16, EU:C:2018:366, punt 43). |
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li s-sussidjarji ta’ kumpanniji mhux residenti jitħallew jittrasferixxu l-profitti tagħhom fil-forma ta’ vantaġġi mhux normali lejn il-kumpanniji omm tagħhom jista’ jikkomprometti tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u li dan jista’ jikkomprometti s-sistema stess ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għaliex l-Istat Membru tas-sussidjarja li tkun tat tali vantaġġi jkun kostrett li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa, bħala Stat ta’ residenza ta’ din is-sussidjarja, id-dħul tagħha, għall-benefiċċju, eventwalment, tal-Istat Membru fejn il-kumpannija omm benefiċjarja għandha s-sede tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Konsegwentement, billi jeżiġi mill-persuna taxxabbli, f’dan il-każ is-sussidjarja residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni, li tikkostitwixxi dokumentazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali tagħha ma’ impriżi li magħhom għandha rabtiet ta’ interdipendenza u li jirrigwardaw kemm in-natura u l-kundizzjonijiet ta’ dawn it-tranżazzjonijiet kif ukoll il-bażijiet ekonomiċi u legali tal-ftehim dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra, l-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jippermetti lil dan l-Istat Membru jikkontrolla b’mod iktar effikaċi u b’iktar preċiżjoni jekk dawn it-tranżazzjonijiet ġewx konklużi konformement mal-kundizzjonijiet tas-suq u li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 33). |
42 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tipprovdi għall-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali, li tiżgura kontroll fiskali tal-persuna taxxabli iktar effikaċi u preċiż, u li hija intiża li tipprekludi li benefiċċji ġġenerati fl-Istat Membru kkonċernat jiġu ttrasferiti barra mill-ġurisdizzjoni fiskali ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma jkunu ġew intaxxati, hija tali li tiggarantixxi l-ħarsien tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 34). |
43 |
Madankollu, huwa importanti li tali leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. |
44 |
Dan huwa l-każ jekk il-persuna taxxabbli titpoġġa f’pożizzjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi l-elementi rilevanti relatati mat-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali mal-impriżi li magħhom għandha rabtiet ta’ interdipendenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Impresa Pizzarotti (Vantaġġ anormali mogħti lil kumpannija mhux residenti), C‑558/19, EU:C:2020:806, punt 36). |
45 |
F’dan il-każ, mill-formulazzjoni stess tad-domanda magħmula jirriżulta li l-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jikkonċerna “in-natura u l-kontenut” tar-relazzjonijiet kummerċjali iżda wkoll “il-bażijiet ekonomiċi u legali ta’ ftehim fuq il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra”. L-Artikolu 90(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa jippreċiża madankollu li n-natura, il-kontenut u l-portata tar-rekords li għandhom isiru għandhom ikunu ppreċiżati minn digriet ta’ implimentazzjoni li l-kontenut tiegħu ma huwiex speċifikat fid-deċiżjoni tar-rinviju u li tiegħu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk huwiex ta’ natura li joħloq restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi għall-persuna taxxabbli. |
46 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità tat-taxxa għandha, bħala regola ġenerali, teżiġi l-preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti biss għat-twettiq ta’ kontroll fiskali u li, bħala prinċipju, din il-preżentazzjoni għandha ssir f’terminu ta’ 60 jum, li jista’, f’każijiet partikolari debitament iġġustifikati, jiġi estiż. |
47 |
Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li tali obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. |
48 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix, bħala prinċipju, tali obbligu. |
Fuq iż‑żieda fiskali
49 |
Fir-rigward taż-żieda fiskali, li tissanzjona n-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali, għandu jitfakkar li, għalkemm is-sistemi ta’ sanzjonijiet fil-qasam fiskali jaqgħu, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri, tali sistemi ma jistax ikollhom l-effett li jikkompromettu l-libertajiet previsti fit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dan il-każ, peress li ż-żieda fiskali tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali, li jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, hija stess tista’ tikkostitwixxi tali restrizzjoni. |
51 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata jekk hija tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u sakemm, f’każ bħal dan, l-applikazzjoni tagħha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. |
52 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi dawk ta’ natura kriminali, tista’ titqies li hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza effettiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni iżda li n-natura u l-ammont tas-sanzjoni imposta jkunu, f’kull każ individwali, proporzjonati mal-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni tkun intiża li tissanzjona (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk iż-żieda fiskali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan imfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ żieda ta’ ammont suffiċjentement għoli tidher li hija ta’ natura li tiddiswadi lill-persuna taxxabbli suġġetta għall-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali milli tikser din iż-żieda u, għalhekk, li tevita li l-Istat Membru ta’ tassazzjoni jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jikkontrolla b’mod effikaċi t-tranżazzjonijiet transkonfinali bejn il-kumpanniji li għandhom rabta ta’ interdipendenza sabiex jiġi ggarantit tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
54 |
L-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-Kummissjoni Ewropea li jgħid li tali żieda tista’ ma tkunx neċessarja jekk diġà jeżistu sanzjonijiet applikabbli, inqas severi, f’sitwazzjonijiet nazzjonali paragunabbli jidher, fir-realtà, li huwa iktar intiż għan-natura xierqa tal-ammont taż-żieda fiskali. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li l-eżistenza ta’ tali sanzjonijiet ma tirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi sanzjonijiet inqas severi meta l-persuna taxxabbli ma tosservax, f’sitwazzjonijiet purament interni, obbligi ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-kompetizzjoni fiskali żleali, huwa a priori irrilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura neċessarja taż-żieda fiskali li għandha għan differenti, jiġifieri li jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
55 |
Fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ din iż-żieda, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ sanzjoni ugwali għal, minn tal-inqas, 5 % u, l-iktar, għal 10 % tal-ammont addizzjonali tad-dħul li jirriżulta mill-korrezzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni fiskali fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali, mingħajr limitu tal-ammont massimu assolut, u b’ammont minimu ta’ EUR 5000, inkluż fil-każ fejn ebda ammont addizzjonali ta’ dħul finalment ma ġie kkonstatat mill-amministrazzjoni fiskali, ma jidhirx, fih innifsu, li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ ammont sproporzjonat. |
56 |
Fil-fatt, kif tindika l-Kummissjoni, l-iffissar tal-ammont ta’ din is-sanzjoni skont perċentwali tal-korrezzjoni tad-dħul minn tassazzjoni jippermetti li tiġi stabbilita korrelazzjoni bejn l-ammont tal-multa u l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Il-fatt li tiġi prevista sanzjoni minima ta’ EUR 5000 jippermetti, barra minn hekk, li jiġi ppreżervat l-effett dissważiv taż-żieda fiskali meta l-ammont minimu tagħha jkun baxx wisq, filwaqt li l-iffissar ta’ limitu massimu ta’ 10 % jiżgura li l-ammont ta’ din iż-żieda ma jkunx eċċessiv. |
57 |
Il-fatt li ż-żieda fiskali ma hijiex applikabbli jekk il-ksur tal-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali jkun skużabbli jew jekk in-nuqqas huwa biss minuri jsaħħaħ din l-analiżi. |
58 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi wkoll, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni fiskali, il-korrezzjoni tad-dħul mit-tassazzjoni tal-persuna taxxabbli, li huwa preżunt, b’mod konfutabbli, bħala sottovalutat, ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni differenti. |
59 |
Fil-fatt, dawn ir-regoli huma ta’ natura distinta minn dik taż-żieda fiskali peress li huma intiżi mhux sabiex jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali iżda sabiex jirrettifikaw l-ammont tad-dħul taxxabbli tal-persuna taxxabbli. |
60 |
Konsegwentement, l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li lanqas ma jipprekludi żieda fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fl-ewwel lok, il-persuna taxxabbli hija suġġetta għal obbligu ta’ dokumentazzjoni fuq in-natura u l-kontenut kif ukoll fuq il-bażijiet ekonomiċi u legali tal-prezz u tal-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra tat-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali tagħha ma’ persuni li magħhom għandha rabta ta’ interdipendenza kapitalista jew ta’ natura oħra li tippermetti lil din il-persuna taxxabbli jew lil dawn il-persuni li jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-persuna l-oħra u li tipprevedi, fit-tieni lok, fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, mhux biss li dan id-dħul taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat huwa preżunt, b’mod kontestabbli, iktar għoli minn dak li ġie ddikjarat, fejn l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tagħmel stima għad-detriment tal-persuna li tħallas it-taxxa, iżda wkoll għal impożizzjoni ta’ żieda ta’ ammont ekwivalenti għal, minn tal-inqas, 5 % u, l-iktar, għal 10 % tal-ammont addizzjonali tad-dħul ikkalkolat, b’ammont minimu ta’ EUR 5000, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa skużabbli jew jekk in-nuqqas imwettaq ikun minimu. |
Fuq l‑ispejjeż
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fl-ewwel lok, il-persuna taxxabbli hija suġġetta għal obbligu ta’ dokumentazzjoni fuq in-natura u l-kontenut kif ukoll fuq il-bażijiet ekonomiċi u legali tal-prezz u tal-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra tat-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali tagħha ma’ persuni li magħhom għandha rabta ta’ interdipendenza kapitalista jew ta’ natura oħra li tippermetti lil din il-persuna taxxabbli jew lil dawn il-persuni li jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-persuna l-oħra u li tipprevedi, fit-tieni lok, fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, mhux biss li dan id-dħul taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat huwa preżunt, b’mod kontestabbli, iktar għoli minn dak li ġie ddikjarat, fejn l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tagħmel stima għad-detriment tal-persuna li tħallas it-taxxa, iżda wkoll għal impożizzjoni ta’ żieda ta’ ammont ekwivalenti għal, minn tal-inqas, 5 % u, l-iktar, għal 10 % tal-ammont addizzjonali tad-dħul ikkalkolat, b’ammont minimu ta’ EUR 5000, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa skużabbli jew jekk in-nuqqas imwettaq ikun minimu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.