Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0410

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
    Proċeduri kriminali kontra FU et.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van Cassatie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 5 – Ċertifikat A 1 – Irtirar proviżorju – Effett vinkolanti – Ċertifikat miksub jew użat b’mod frawdolenti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13(1)(b)(i) – Persuni li normalment iwettqu attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar – Applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija – Kunċett ta’ ‘sede’ – Impriża li tkun kisbet liċenzja Komunitarja ta’ trasport bis-saħħa tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u (KE) Nru 1072/2009 – Effett – Liċenzja miksuba jew użata b’mod frawdolenti.
    Kawżi magħquda C-410/21 u C-661/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:138

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 5 – Ċertifikat A 1 – Irtirar proviżorju – Effett vinkolanti – Ċertifikat miksub jew użat b’mod frawdolenti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13(1)(b)(i) – Persuni li normalment iwettqu attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar – Applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija – Kunċett ta’ ‘sede’ – Impriża li tkun kisbet liċenzja Komunitarja ta’ trasport bis-saħħa tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 u (KE) Nru 1072/2009 – Effett – Liċenzja miksuba jew użata b’mod frawdolenti”

    Fil-Kawżi magħquda C‑410/21 u C‑661/21,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Ġunju 2021 (C‑410/21) u tas‑27 ta’ Ottubru 2021 (C‑661/21), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Lulju 2021 u fl‑4 ta’ Novembru 2021, rispettivament, fil-proċeduri kriminali kontra

    FU,

    DRV Intertrans BV (C‑410/21),

    u

    Verbraeken J. en Zonen BV,

    PN (C‑661/21),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal FU u DRV Intertrans BV, minn F. Vanden Bogaerde, avukat,

    għal Verbraeken J. en Zonen BV, minn P. Bekaert u S. Bekaert, avukati,

    għal PN, minn F. Vanden Bogaerde, avukat,

    għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, C. Pochet u L. Van den Broecket, bħala aġenti,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u F. van Schaik, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2004, L 166, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 987/2009”), tal-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51), kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri kriminali mibdija, minn naħa, kontra FU u DRV Intertrans BV (Kawża C‑410/21), u, min‑naħa l-oħra, kontra Verbraeken J. en Zonen BV u PN (Kawża C‑661/21), għat-twettiq ta’ frodi fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament Nru 883/2004

    3

    Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 883/2004 tistabbilixxi:

    “Sabiex tkun evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm overlapping fid-disposizzjonijiet ta’ leġislazzjoni nazzjonali li japplikaw għal sitwazzjoni waħda u sabiex ikunu evitati l-komplikazzjonijiet li jinqalgħu f’sitwazzjoni bħal din, huwa meħtieġ li persuni li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità jkunu suġġetti għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss.”

    4

    It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ Liema Leġislazzjoni Tapplika”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 tiegħu.

    5

    L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.”

    6

    L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun suġġetta għal:

    […]

    (b)

    jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru tar-residenza:

    (i)

    għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew ta’ min iħaddem jekk hija impjegata minn impriża jew persuna li tħaddem waħda; […]

    […]”.

    7

    Bis-saħħa tal-Artikolu 72(a) tal-istess regolament, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Amministrattiva”) għandha l-funzjoni b’mod partikolari li tittratta kull kwistjoni amministrattiva jew ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 jew minn dawk tar-Regolament Nru 987/2009.

    8

    Skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Koperazzjoni”:

    “[…]

    4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandu jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lil xulxin u li jikkoperaw sabiex jassiguraw li dan ir-Regolament ikun implimentat kif suppost.

    […]

    6.   F’każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jew ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna konċernata għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni (jew istituzzjonijiet) ta’ l-Istat Membru (jew Stati Membri) konċernat (jew konċernati). Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perjodu raġjonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Amministrattiva biex tindaħal.”

    9

    L-Artikolu 90(1) tal-istess regolament jipprovdi:

    “Ir-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU 1971, L 149, p. 2)] għandu jkun revokat mill-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    […]”

    Ir‑Regolament Nru 987/2009

    10

    Il-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxu:

    “(2)

    L-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni aktar effikaċi u aktar stretta bejn l-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali hija fattur essenzjali biex tippermetti lill-persuni koperti mir-[Regolament Nru 883/2004] li jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fl-aħjar żmien u kondizzjonijiet possibbli.

    […]

    (6)

    It-tisħiħ ta’ ċerti proċeduri għandu jġib aktar sigurezza ġuridika u trasparenza għal min juża r-[Regolament Nru 883/2004]. […]”

    11

    Taħt it-titolu “Valur legali tad-dokumenti u l-evidenza ta’ sostenn maħruġa fi Stat Membru ieħor”, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 883/2004] u [ta’ dan ir-regolament], u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

    2.   F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.

    3.   Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.

    4.   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”

    12

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(5a) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], ‘uffiċċju rreġistrat jew post tan-negozju’ għandu jirreferi għall-uffiċċju rreġistrat jew post tan-negozju fejn id-deċiżjonijiet essenzjali tal-impriża huma adottati u fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha.”

    13

    Skont l-Artikolu 19(2) tal-istess regolament:

    “Fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.”

    14

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet”, jipprovdi:

    “1.   L-istituzzjonijiet relevanti għandhom jikkomunikaw lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru, li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004], l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita d-data li fiha din il-leġislazzjoni ssir applikabbli u l-kontribuzzjonijiet li dik il-persuna u l-prinċipal jew prinċipali tagħha jkunu obbligati jħallsu taħt din il-leġislazzjoni.

    2.   L-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu ssir applikabbli għal persuna taħt it-Titolu II tar-[Regolament Nru 883/2004] għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni li tindika d-data li fiha l-applikazzjoni ta’ dik il-leġislazzjoni tidħol b’effett lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li dik il-persuna kienet suġġetta l-aħħar għal-leġislazzjoni tiegħu.”

    15

    L-Artikolu 96(1) tal-istess regolament jipprovdi:

    “Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 [tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 1972, L 74, p. 1),] huwa b’dan mħassar b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010.

    […]”

    Ir‑Regolament Nru 1071/2009

    16

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1071/2009, intitolat “Rekwiżiti meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur ta’ trasport bit-triq”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq għandhom:

    (a)

    ikollhom stabbiliment effettiv u stabbli fi Stat Membru;

    […]”

    17

    Taħt it-titolu “Il-kondizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-istabbiliment”, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a), l-impriża għandha, fl-Istat Membru konċernat:

    (a)

    ikollha stabbiliment f’dak l-Istat Membru b’sede fejn iżżomm id-dokumenti tan-negozju ewlieni tagħha, partikolarment id-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha, dwar il-ġestjoni tal-persunal, id-dokumenti li jkun fihom data relatata mal-ħin tas-sewqan u l-mistrieħ u kwalunkwe dokument ieħor li għalih l-awtorità kompetenti għandu jkollha aċċess biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-istabbilimenti fit-territorju tagħhom ikollhom ukoll dokumenti oħra disponibbli fis-sede tagħhom fi kwalunkwe ħin;

    (b)

    ladarba tingħata awtorizzazzjoni, l-impriża jkollha għad-disposizzjoni tagħha vettura waħda jew aktar li jkunu rreġistrati jew b’mod ieħor imqegħdin fiċ-ċirkolazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, kemm jekk dawk il-vetturi ikunu totalment proprjetà tagħha jew, per eżempju, detenuti taħt ftehim ta’ kiri bil-possibiltà ta’ xiri jew kuntratti ta’ kiri jew leasing;

    (c)

    twettaq b’mod effettiv u kontinwu bit-tagħmir amministrattiv meħtieġ l-operazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-vetturi msemmija fil-punt (b) u bit-tagħmir u l-faċilitajiet tekniċi xierqa, f’ċentru operattiv li jkun jinsab f’dak l-Istat Membru.”

    18

    L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Impriża ta’ trasport li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 għandha, wara li tapplika, tkun awtorizzata teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. L-awtorità kompetenti għandha taċċerta li impriża li tippreżenta applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Artikolu.”

    19

    L-Artikolu 12(1) tal-istess regolament jipprovdi:

    “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk l-impriżi li huma awtorizzaw biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ikomplux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3. […]”

    Ir‑Regolament Nru 1072/2009

    20

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1072/2009:

    “It-trasport internazzjonali għandu jkun soġġett għall-pussess ta’ liċenza Komunitarja u, jekk ix-xufier huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien mal-attestazzjoni ta’ xufier.”

    21

    L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Il-liċenza Komunitarja għandha tinħareġ minn Stat Membru, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, lil kwalunkwe trasportatur li jġorr merkanzija bit-triq b’kera jew b’kumpens li:

    (a)

    huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru, skont il-leġislazzjoni Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru; u

    (b)

    huwa intitolat, fl-Istat Membru tal-istabbiliment, f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jirregolaw l-aċċess għall-impjieg ta’ operatur tat-trasport bit-triq biex iwettaq it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.”

    Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

    Il‑kawża C‑410/21

    22

    FU huwa l-amministratur ta’ DRV Intertrans BV, kumpannija stabbilita fil-Belġju. Huwa waqqaf flimkien ma’ martu l-kumpannija Md Intercargo s. r. o., stabbilita fis-Slovakkja. L-attività ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji hija t-trasport nazzjonali u internazzjonali.

    23

    L-awtorità kompetenti Slovakka ħarġet ċertifikati A 1, li, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009, jagħtu prova tal-affiljazzjoni ta’ diversi ħaddiema tal-kumpannija Md Intercargo mas-sigurtà soċjali Slovakka (iktar ’il quddiem il-“ħaddiema kkonċernati”).

    24

    L-attivitajiet tal-FU u r-rabtiet bejn il-kumpanniji msemmija iktar ’il fuq kienu s-suġġett ta’ verifika mis-Sociale Inspectie (l-Ispettorat Soċjali, il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“Ispettorat Soċjali Belġjan”), li wriet li Md Intercargo kienet fir-realtà mmexxija mill-Belġju fejn seħħet il-parti l-kbira tas-servizzi ta’ trasport tagħha. Skont l-Ispettorat Soċjali Belġjan, Md Intercargo kienet ġiet ikkostitwita sabiex tassenja lil DRV Intertrans forza ta’ xogħol irħis billi tikkollokalha l-ħaddiema. Għalkemm kellha liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq maħruġa mill-awtoritajiet Slovakki, Md Intercargo ma kellha ebda attività ekonomika rilevanti fis-Slovakkja, u dan ġie kkonfermat mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru bi tweġiba għal mistoqsija tal-Ispettorat Soċjali Belġjan.

    25

    Abbażi tal-verifika hekk imwettqa mill-Ispettorat Soċjali Belġjan, inbdew proċeduri kriminali kontra FU u DRV Intertrans quddiem il-correctionele rechtbank West-Vlaanderen, afdeling Brugge (il-Qorti Kriminali ta’ Flandre tal-Punent, Diviżjoni ta’ Bruges, il-Belġju), għal frodi fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu mis‑17 ta’ Lulju 2013 sal‑11 ta’ Ottubru 2014.

    26

    Matul dawn il-proċeduri kriminali, l-Ispettorat Soċjali Belġjan, fis‑26 ta’ Ottubru 2016, talab lill-istituzzjoni Slovakka li ħarġet iċ-ċertifikati A 1 fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati tirtirahom b’mod retroattiv.

    27

    Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Diċembru 2016, l-istituzzjoni Slovakka li ħarġet dawn iċ-ċertifikati wieġbet li hija kienet inutilment ipprovat twettaq verifika tal-kumpannija MD Intercargo u talbet lill-Ispettorat Soċjali Belġjan sabiex jibagħtilha s-sejbiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-provi kollha miġbura fil-kuntest ta’ din il-kawża sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk kinitx taċċetta li tapplika l-iskema ta’ sigurtà soċjali Belġjana għall-ħaddiema kkonċernati b’mod retroattiv. Fid-dawl tad-dubji serji li hija kellha fir-rigward ta’ fejn din il-kumpannija kellha s-sede vera tagħha u tal-eżistenza ta’ proċeduri kriminali msemmija fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, l-istituzzjoni Slovakka li ħarġet iċ-ċertifikati A 1 fir-rigward tal-ħaddiema kkonċernati indikat li kienet irtirathom b’mod provviżorju, b’tali mod li dawn iċ-ċertifikati issa ma għadx għandhom saħħa vinkolanti u l-awtoritajiet Belġjani jistgħu għalhekk ikomplu l-imsemmija proċeduri kriminali. Madankollu, din l-istituzzjoni li ħarġet dawn iċ-ċertifikati enfasizzat, l-ewwel, li kemm bil-provi li l-Ispettorat Soċjali Belġjan kellu jibgħatilha kif ukoll bl-eżitu tal-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-qrati Belġjani, hija setgħet tiddetermina b’mod definittiv il-leġiżlazzjoni li tapplika għall-ħaddiema kkonċernati, u t-tieni, li dawn il-ħaddiema jibqgħu, sadanittant, suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Slovakka u li ebda wieħed miċ-ċertifikati A 1 inkwistjoni ma kien ser jiġi rtirat b’mod definittiv.

    28

    Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, il-correctionele rechtbank West-Vlaanderen, afdeling Brugge (il-Qorti Kriminali ta’ Flandre tal-Punent, Diviżjoni ta’ Bruges) sabet lil FU u DRV Intertrans ħatja ta’ frodi fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Din is-sentenza ġiet, qabelxejn, ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018 tal-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju) u, sussegwentement, annullata permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ April 2019 tal-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), li rrinvijat il-kawża quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju).

    29

    Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021 mogħtija minn din il-qorti tal-aħħar, FU u DRV Intertrans instabu ħatja ta’ frodi fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Minn din is-sentenza jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjoni Slovakka li ħarġet iċ-ċertifikati A 1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali irtirathom b’mod provviżorju, dawn tqiesu li ma humiex vinkolanti u, għaldaqstant, bħala nieqsa minn kull valur probatorju fir-rigward tal-iskema ta’ sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiema kkonċernati. Bl-istess mod, ġie kkunsidrat li l-liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq li kienet tibbenefika minnha MD Intercargo ma kellha ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-imsemmija skema u ma kinitx teżiġi li din il-kumpannija titqies li kellha stabbiliment effettiv u stabbli fis-Slovakkja, għall-finijiet tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009.

    30

    FU u DRV Intertrans appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Fil-kuntest ta’ dan l-appell, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu b’mod partikolari li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 ma jippermettix li ċ-ċertifikati A 1 jiġu rtirati jew sospiżi b’mod provviżorju, b’tali mod li ċ-ċertifikati A 1 irtirati b’mod provviżorju mill-istituzzjoni Slovakka li kienet ħarġithom kien għad kellhom il-valur kollu tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, skont b’mod partikolari tal-Artikoli 5, 11 u 12 tar-Regolament Nru 1071/2009, kif ukoll tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1072/2009, il-fatt li kumpannija jkollha liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq jikkostitwixxi, għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, prova inkonfutabbli tal-eżistenza ta’ stabbiliment effettiv u stabbli fl-Istat Membru li ħariġha, u għalhekk, tas-sede ta’ din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru.

    31

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 987/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk, wara li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg ikunu talbu l-irtirar retroattiv taċ-ċertifikati A1, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkunu ħarġu [dawn iċ-ċertifikati] sempliċement jirtiraw[hom] b’mod provviżorju […] billi jindikaw li huma ma għadx għandhom saħħa vinkolanti b’tali mod li l-proċedura kriminali tista’ titkompla fl-Istat Membru ta’ impjieg, u li l-Istat Membru li ħareġ [l-imsemmija ċertifikati] ser jieħu deċiżjoni definittiva biss wara li l-proċedura kriminali tkun ingħalqet b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ impjieg, il-preżunzjoni marbuta maċ-ċertifikati A1 tal-affiljazzjoni regolari tal-ħaddiema kkonċernati mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ ħruġ ma tibqax tapplika u dawn iċ-ċertifikati A1 ma jibqgħux jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg? Jekk din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg jistgħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-imsemmija ċertifikati A1 għal frodi?

    (2)

    L-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-[Regolament Nru 883/2004], l-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 11(1) tar-[Regolament Nru 1071/2009] u l-Artikolu 4(1)(a) tar-[Regolament Nru 1072/2009] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li impriża li tikseb liċenzja għat-trasport fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont ir-[Regolament Nru 1071/2009] u r-[Regolament Nru 1072/2009] u għaldaqstant għandha tkun stabbilita b’mod effettiv u stabbilit f’dan l-Istat Membru, jimplika neċessarjament li b’dan il-mod hija ġabet il-prova inkonfutabbli li s-sede tagħha hija stabbilita f’dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-[Regolament Nru 883/2004] għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli u [f’dan is-sens] li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg huma marbuta b’din il-konstatazzjoni?”

    Il‑kawża C‑661/21

    32

    PN huwa l-amministratur ta’ Verbraeken J. en Zonen BV (iktar ’il quddiem “Verbraeken”), kumpannija tat-trasport stabbilita f’Melle (il-Belġju). Barra minn hekk, PN huwa komproprjetarju ta’ UAB Van Daele F. (iktar ’il quddiem “Van Daele”), kumpannija stabbilita fil-Litwanja li tispeċjalizza fis-servizzi ta’ trasport u ta’ loġistika u li għandha liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq maħruġa mill-awtoritajiet Litwani.

    33

    Skont investigazzjoni mwettqa mill-Ispettorat Soċjali Belġjan, PN u Verbraeken użaw lil Van Daele sabiex jimpjegaw xufiera Litwani fil-Belġju. Dawn tal-aħħar, wara li ġew irreklutati fil-Litwanja, marru fil-pront il-Belġju sabiex jiffirmaw il-kuntratti ta’ xogħol tagħhom u jwettqu l-attività tagħhom minn dan l-Istat Membru, minn ġewwa l-bini ta’ Verbraeken. Huma jivvjaġġaw prinċipalment fil-Belġju u fil-pajjiżi ġirien u jirritornaw f’dan il-bini għall-perijodi ta’ mistrieħ obbligatorju tagħhom. Id-dokumenti ta’ trasport u d-diski takografiċi huma ttrattati fl-uffiċċju ta’ PN f’Melle.

    34

    Inbdew proċeduri kriminali kontra PN u Verbraeken, b’mod partikolari, għal frodi fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu mill‑1 ta’ Lulju 2011 sal‑4 ta’ Diċembru 2015.

    35

    Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, il-correctionele rechtbank van Oost-Vlaanderen, afdeling Gent (il-Qorti Kriminali ta’ Flandre tal-Lvant, Diviżjoni ta’ Gent, il-Belġju) sabet lil PN u lil Verbraeken ħatja ta’ dan ir-reat. Din is-sentenza ġiet parzjalment annullata permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021 tal-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) sa fejn din iddikjarat li l-fatti li jikkostitwixxu l-imsemmi reat jissussistu fir-rigward ta’ PN u ta’ Verbraeken għall-perijodu mill‑20 ta’ Jannar 2014 sal‑4 ta’ Diċembru 2015.

    36

    PN u Verbraeken appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostnew b’mod partikolari li, skont l-Artikoli 5, 11 u 12 tar-Regolament Nru 1071/2009, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1072/2009, il-fatt li kumpannija jkollha liċenzja Komunitarja tat-trasport bit-triq jikkostitwixxi, għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 883/2004, prova inkonfutabbli tal-eżistenza ta’ stabbiliment effettiv u stabbli fl-Istat Membru li jkun ħariġha, u, għalhekk, tas-sede ta’ din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru.

    37

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-[Regolament Nru 883/2004], l-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 11(1) tar-[Regolament Nru 1071/2009] u l-Artikolu 4(1)(a) tar-[Regolament Nru 1072/2009] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li impriża li tikseb awtorizzazzjoni għat-trasport fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont ir-[Regolament Nru 1071/2009] u r-[Regolament Nru 1072/2009] u għaldaqstant tkun stabbilixxiet stabbiliment effettiv u stabbli f’dan l-Istat Membru jimplika neċessarjament li ġiet prodotta l-prova inkonfutabbli li s-sede tagħha hija stabbilita f’dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-[Regolament Nru 883/2004] għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli u [f’dan is-sens li] l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-impjieg huma marbuta b’din il-konstatazzjoni?

    (2)

    Il-qorti nazzjonali tal-Istat Membru tal-impjieg li tikkonstata li l-awtorizzazzjoni għat-trasport bit-triq inkwistjoni nkisbet b’mod frawdolenti tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni din l-awtorizzazzjoni jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-impjieg għandhom, minħabba l-konstatazzjoni ta’ frodi, l-ewwel jitolbu l-irtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet li jkunu ħarġuha?”

    38

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Settembru 2022, il-Kawżi C‑410/21 u C‑661/21 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑410/21

    39

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-Kawża C‑410/21 jirriżulta li, wara li saret talba sabiex iċ-ċertifikati A 1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu eżaminati mill-ġdid u jiġu rtirati, indirizzata mill-Ispettorat Soċjali Belġjan lill-istituzzjoni Slovakka li ħarġet dawn iċ-ċertifikati, din tal-aħħar, peress li kellha dubji dwar il-fatti li wasslu għall-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati u fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiema kkonċernati, iddikjarat li hija kienet qiegħda tirtira l-imsemmija ċertifikati b’mod provviżorju, liema ċertifikati, sakemm hija tiddetermina l-iskema ta’ sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiema kkonċernati, ma kellhomx saħħa vinkolanti, u li, għaldaqstant, sejra tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba wara l-għeluq tal-proċeduri kriminali mibdija quddiem il-qrati Belġjani kontra l-akkużati fil-kawża prinċipali għal atti li jistgħu jinvolvu l-ksib jew l-użu frawdolenti tal-istess ċertifikati.

    40

    Għalhekk, billi “rtirat b’mod provviżorju” ċ-ċertifikati A 1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni Slovakka li ħarġithom kellha, fl-aħħar mill-aħħar, l-intenzjoni li tissospendi l-effetti legali ta’ dawn iċ-ċertifikati matul perijodu speċifiku.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑410/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, qabelxejn, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A 1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ma jibqax jorbot lill-istituzzjonijiet u lill-qrati tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, meta, wara li ssir talba sabiex dak iċ-ċertifikat ikun eżaminat mill-ġdid u jiġi rtirat, indirizzata mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat, din tal-aħħar tkun iddikjarat is-sospensjoni tal-effetti vinkolanti ta’ dan iċ-ċertifikat sakemm tiddeċiedi b’mod definittiv dwar din it-talba? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, imbagħad, jekk, f’tali ċirkustanzi, qorti tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, adita bi proċeduri kriminali miġjuba kontra persuni ssuspettati li kisbu jew użaw b’mod frawdolenti dan l-istess ċertifikat A 1, tistax madankollu tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement tinjora l-imsemmi ċertifikat?

    42

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikat A 1, li ssostitwixxa ċ-ċertifikat E 101 previst mir-Regolament Nru 574/72, jikkorrispondi għal formola standard maħruġa, skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 987/2009, mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija applikabbli, sabiex, skont il-kliem, b’mod partikolari, tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, jagħti prova li l-ħaddiema li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. B’dan il-mod, minħabba l-prinċipju li l-ħaddiema għandhom ikunu affiljati ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, dan iċ-ċertifikat jimplika neċessarjament li l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri l-oħra ma jistgħux japplikaw (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Bouygues travaux publics et, C‑17/19, EU:C:2020:379, punti 3839, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, ir-Regolament Nru 987/2009 ikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata u l-effetti legali taċ-ċertifikat E 101 u l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jissolva t-tilwim li jista’ jinqala’ bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew l-eżattezza ta’ dan iċ-ċertifikat, billi jistabbilixxi, minn naħa, in-natura vinkolanti ta’ tali ċertifikati u l-kompetenza esklużiva tal-istituzzjoni li toħroġhom fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità tagħhom, u billi jirriproduċi b’mod espliċitu, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ djalogu bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri u ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva bħala mezz sabiex jissolva t-tilwim bejn dawn l-istituzzjonijiet kemm dwar l-eżattezza tad-dokumenti maħruġa kif ukoll dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tapplika għall-ħaddiem ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et,C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprevedi li d-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru li jagħtu prova tas-sitwazzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, kif ukoll id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati invalidi mill-Istat Membru fejn inħarġu.

    45

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li ċertifikat A 1, maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, jorbot mhux biss lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru li fih titwettaq l-attività, iżda wkoll lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et,C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 47).

    46

    L-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009 jippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-istituzzjoni tal-Istat Membru li jirċievi d-dokumenti u l-provi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5 u l-istituzzjoni li toħroġ dawn id-dokumenti. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmi Artikolu 5 jippreċiżaw il-proċessi li dawn l-istituzzjonijiet huma mistiedna li jsegwu f’każ ta’ dubju dwar il-validità ta’ tali dokumenti u provi ta’ sostenn jew dwar l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fihom, billi jeżiġu li l-istituzzjoni li toħroġhom teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija dokumenti u li, jekk ikun meħtieġ, tirtirahom. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess Artikolu 5, min-naħa tiegħu, jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jressqu l-każ quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva, li għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni titressaq quddiemha.

    47

    Qabelxejn, għandu jiġi vverifikat jekk ċertifikat A 1 li l-effetti tiegħu ġew sospiżi b’mod provviżorju huwiex nieqes minn effetti vinkolanti fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-qrati tal-Istati Membri matul dan il-perijodu ta’ sospensjoni provviżorja.

    48

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta li huwa biss fejn iċ-ċertifikati A 1 jiġu rtirati jew iddikjarati li huma invalidi li jċaħħad lil dawn tal-aħħar mill-effetti vinkolanti tagħhom fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-qrati tal-Istati Membri.

    49

    Peress li t-terminu “irtirar” użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jimplika, skont it-tifsira legali tiegħu, it-tneħħija ta’ att jew it-tħassir retroattiv tiegħu abbażi ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni mnejn joriġina, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tissuġġerixxi li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni li toħroġ ċertifikat A 1 li tissospendih b’mod provviżorju ma twassalx għat-telf tal-effetti vinkolanti marbuta miegħu. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, minbarra l-każ tal-irtirar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda t-telf tal-effetti vinkolanti marbuta maċ-ċertifikati A 1 biss fil-każ fejn dawn iċ-ċertifikati jiġu ddikjarati li huma invalidi, dikjarazzjoni li għandha wkoll in-natura ta’ att definittiv ekwivalenti għal annullament tal-imsemmija ċertifikati.

    50

    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni tal-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat A 1, adita b’talba mressqa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor sabiex tirtirah, li, għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 987/2009, tirtira dan iċ-ċertifikat, għandha tittieħed fil-kuntest tal-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni bejn l-istituzzjonijiet prevista fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004, li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha huma ppreċiżati fl-Artikolu 5(2) sa (4) tar-Regolament Nru 987/2009, meta, wara li l-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat tkun eżaminata mill-ġdid, l-istituzzjoni li toħroġ dan iċ-ċertifikat tqis li, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-ħaddiem ikkonċernat, l-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħha ma tapplikax għal dan il-ħaddiem.

    51

    Minn dan isegwi li hija biss id-deċiżjoni tal-irtirar ta’ ċertifikat A 1 adottata skont din il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni mill-istituzzjoni li tkun ħarġet tali ċertifikat, u, għalhekk, wara li tkun ġiet eżaminata mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ ta’ tali ċertifikat u wara li tkun ġiet iddeterminata liema skema ta’ sigurtà soċjali tapplika għall-ħaddiem ikkonċernat, li hija ta’ natura li ċċaħħad l-imsemmi ċertifikat mill-effetti vinkolanti tiegħu.

    52

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-imsemmija proċedura ta’ djalogu u konċiljazzjoni għandha tiġi osservata mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri li huma mitluba japplikaw ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 fejn jinqala’ tilwim bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-validità jew l-eżattezza ta’ ċertifikat A 1 (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff,C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 53).

    53

    Issa, li jiġi aċċettat li l-istituzzjoni li tkun ħarġet ċertifikat A 1 tista’ ċċaħdu, anki jekk b’mod provviżorju, mill-effetti vinkolanti tiegħu mingħajr ma tkun eżaminat minn qabel il-fondatezza tal-ħruġ tiegħu u mingħajr ma tkun iddeterminat liema hija l-iskema ta’ sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiem ikkonċernat, iwassal sabiex jiġu injorati kemm il-modalitajiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-għan tal-imsemmija proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni.

    54

    Fit-tielet lok, għandha titfakkar l-importanza mogħtija, fil-kuntest tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, lill-prinċipji ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali, li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett vinkolanti taċ-ċertifikati E 101. Fil-fatt, filwaqt li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jissemma b’mod partikolari fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 987/2009 u l-prinċipju ta’ affiljazzjoni tal-ħaddiema ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali huwa espost fil-premessa 15, kif ukoll fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, l-importanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tirriżulta kemm mill-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll mill-premessa 2 u mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 987/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et,C‑527/16, EU:C:2018:669, punt 45).

    55

    Issa, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li fuqu hija bbażata l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-proċedura.

    56

    Barra minn hekk, f’tali ipoteżi, il-fatt li ċ-ċertifikat A 1 inkwistjoni ma jkollux effetti vinkolanti jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, u, b’mod partikolari, lil dik tal-Istat Membru li kellha dubji dwar l-eżattezza u l-validità tal-imsemmi ċertifikat, li jissuġġettaw il-ħaddiem ikkonċernat għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Għalhekk, interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 jippermetti lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat A 1 li tissospendih b’mod provviżorju u ċċaħdu, matul dan il-perijodu provviżorju, mill-effetti vinkolanti marbutin miegħu, aktarx li żżid ir-riskju ta’ kumulu ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali, li jimmina l-prinċipju ta’ affiljazzjoni tal-ħaddiema ma’ skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll il-prevedibbiltà tal-iskema applikabbli u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali riskju ma jistax jiġi eskluż permezz ta’ dikjarazzjoni tal-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat A 1, li tippreċiża li, matul il-perijodu li fih twaqqfu b’mod provviżorju l-effetti vinkolanti tal-imsemmi ċertifikat, il-ħaddiem ikkonċernat jibqa’ suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tiegħu. Fil-fatt, tali dikjarazzjoni ma tistax tipproduċi l-effetti ta’ ċertifikat A 1, inkluż l-effett vinkolanti tiegħu fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-qrati tal-Istati Membri minbarra dak li taħtu taqa’ l-istituzzjoni li toħroġ tali ċertifikati.

    58

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, fid-dawl tal-kumplikazzjonijiet li jista’ jġib miegħu l-eventwali kumulu ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali, interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 bħal dik imsemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza tista’ wkoll tikkomprometti l-għan aħħari kemm taċ-ċertifikati A 1 kif ukoll tal-leġiżlazzjoni tad-dritt sostantiv prevista fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et,C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li minkejja li ċertifikat A 1 ikun ġie sospiż b’mod provviżorju permezz ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni li tkun ħarġitu, dan ma jkunx nieqes mill-effetti vinkolanti tiegħu matul dan il-perijodu ta’ sospensjoni provviżorja, b’tali mod li jkompli jorbot lill-istituzzjonijiet u lill-qrati tal-Istati Membri.

    60

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, sussegwentement, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, qorti tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, adita fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuni ssuspettati li kisbu jew użaw b’mod frawdolenti ċ-ċertifikat A 1 inkwistjoni, tistax madankollu tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement tinjora dan iċ-ċertifikat.

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzija diġà ddeċidiet li l-qorti tal-Istat Membru ospitanti, adita fil-kuntest ta’ proċeduri miġjuba kontra persuna li timpjega fir-rigward ta’ fatti li juru li nkisbu jew intużaw ċertifikati A 1 b’mod frawdolenti, tista’ tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-eżistenza ta’ tali frodi u tinjora dawn iċ-ċertifikati biss jekk hija tikkonstata, wara li, sa fejn meħtieġ, tissospendi l-proċedura ġudizzjarja skont id-dritt nazzjonali tagħha, li, wara li l-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 76(6) tar-Regolament Nru 883/2004 tkun inbdiet minnufih, l-istituzzjoni li tkun ħarġet dawn l-imsemmija ċertifikati naqset milli teżaminahom mill-ġdid u tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, dwar il-provi ppreżentati mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, billi, jekk hemm bżonn, tannulla jew tirtira dawn l-istess ċertifikati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC et Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 80).

    62

    Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, din il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit obbligatorju sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ frodi humiex issodisfatti u, għaldaqstant, li tinsilet kull konsegwenza utli f’dak li jirrigwarda l-validità taċ-ċertifikati A 1 inkwistjoni u l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiema kkonċernati. Għalhekk, qorti tal-Istat Membru ospitanti adita bi proċeduri kriminali bħal dawk fil-kawża prinċipali ma tistax tinjora l-imsemmija proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 7173).

    63

    F’dan il-każ, għalkemm il-proċedura ta’ djalogu u ta’ konċiljazzjoni fil-fatt inbdiet, l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikati A 1 inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddeċidiet, madankollu, bi ksur tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-proċedura, li tipposponi l-eżami mill-ġdid tal-validità ta’ dawn iċ-ċertifikati u l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiema kkonċernati sal-għeluq tal-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol.

    64

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-imsemmija istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikati naqset milli teżamina mill-ġdid iċ-ċertifikati li l-ksib jew l-użu frawdolenti tagħhom ġie kkontestat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali msemmija iktar ’il fuq u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, dwar il-provi ppreżentati f’dan ir-rigward mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    65

    Għaldaqstant, dawn l-elementi għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri kriminali sabiex il-qorti tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol tinjora ċ-ċertifikati inkwistjoni (ara s-s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun etC‑359/16, EU:C:2018:63, punt 55).

    66

    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-persuni li huma akkużati, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li nqdew b’ħaddiema kkollokati bl-iskuża ta’ ċertifikati miksuba b’mod frawdolenti, għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-provi li fuqhom hija bbażata din il-proċedura, fl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, qabel ma l-qorti nazzjonali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li tinjora dawn iċ-ċertifikati u tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-imsemmija persuni skont id-dritt nazzjonali applikabbli (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et,C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 56).

    67

    Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, qorti tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, adita fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuni ssuspettati li kisbu jew użaw ċertifikat A 1 b’mod frawdolenti, tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement tinjora dan iċ-ċertifikat, sakemm jiġu osservati l-garanziji inerenti għad-dritt għal smigħ xieraq li għandhom jingħataw lil dawn il-persuni.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑410/21 għandha tkun li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat A 1 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru jorbot lill-istituzzjonijiet u lill-qrati tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, inkluż meta, wara li ssir talba sabiex dan iċ-ċertifikat jiġi eżaminat mill-ġdid u rtirat, indirizzata mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar lill-istituzzjoni li tkun ħarġitu, din tal-aħħar tkun issospendiet provviżorjament l-effetti vinkolanti ta’ dan iċ-ċertifikat sakemm tiddeċiedi b’mod definittiv dwar din it-talba. Madankollu, f’tali ċirkustanzi, qorti tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, adita fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuni ssuspettati li kisbu jew użaw l-istess ċertifikat A 1 b’mod frawdolenti, tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri kriminali, tinjora dan iċ-ċertifikat, sakemm, minn naħa, ikun skada terminu raġonevoli mingħajr ma l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat tkun eżaminat mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ ta’ dan l-istess ċertifikat u tkun ħadet pożizzjoni dwar il-provi konkreti ppreżentati mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jissuġġerixxu li l-imsemmi ċertifikat inkiseb jew intuża b’mod frawdolenti, permezz tal-annullament jew tal-irtirar, skont il-każ, taċ-ċertifikat inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ikunu osservati l-garanziji inerenti għad-dritt għal smigħ xieraq li għandhom jingħataw lil dawn il-persuni.

    Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑410/21 u l‑ewwel domanda fil‑Kawża C‑661/21

    69

    Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑410/21 u tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑661/21, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1072/2009, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali applikabbli skont l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, il-fatt li kumpannija jkollha liċenzja Komunitarja tat-trasport bit-triq maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jikkostitwixxi prova inkonfutabbli tas-sede ta’ din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru.

    70

    Kif jirriżulta mid-domandi preliminari, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-fatt li l-ħruġ ta’ liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq favur impriża huwa suġġett b’mod partikolari għar-rekwiżit ta’ stabbiliment effettiv u stabbli, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009, fl-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.

    71

    Fil-fatt, tali rekwiżit jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1072/2009.

    72

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-kunċett ta’ “uffiċju rreġistrat jew post tan-negozju tal-impriża”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, jikkorrispondix għal dak ta’ “stabbiliment effettiv u stabbli”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009.

    73

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “uffiċju rreġistrat jew post tan-negozju tal-impriża”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar u li ma twettaqx parti sostanzjali ta’ din l-attività fl-Istat Membru tar-residenza tagħha hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih tinsab is-sede jew il-post tan-negozju tal-impriża jew tal-persuna li timpjega jekk hija impjegata minn impriża jew persuna li timpjega.

    74

    L-Artikolu 14(5a) tar-Regolament Nru 987/2009 jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, li l-Artikolu 13(1)(b)(i), b’mod partikolari, jagħmel parti minnu, “uffiċju rreġistrat jew post tan-negozju tal-impriża” tfisser is-sede jew il-post ta’ stabbiliment fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet essenzjali tal-impriża u fejn jitwettqu l-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ċentrali tagħha.

    75

    Minn dan isegwi li l-fattur ta’ konnessjoni tal-“uffiċju rreġistrat jew post tan-negozju tal-impriża” msemmi fl-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex jindika l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija applikabbli huwa ddeterminat mill-post li minnu impriża hija effettivament amministrata u organizzata.

    76

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “stabbiliment effettiv u stabbli”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, il-fatt li impriża jkollha “stabbiliment effettiv u stabbli”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(1)(a) jimplika, essenzjalment, l-ewwel, li hija għandha bini li fih iżżomm id-dokumenti ewlenin tan-negozju tagħha, it-tieni, li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha vetturi rreġistrati u, it-tielet, li hija twettaq b’mod effettiv u kontinwu l-attivitajiet tagħha fir-rigward ta’ dawn il-vetturi b’tagħmir u installazzjonijiet tekniċi u amministrattivi xierqa f’ċentru operattiv.

    77

    Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “stabbiliment effettiv u stabbli”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009, jirreferi essenzjalment għall-post fejn jinżammu d-dokumenti ewlenin tan-negozju tagħha u fejn jinsab it-tagħmir tagħha, kif ukoll l-installazzjonijiet tekniċi u amministrattivi tagħha.

    78

    Għaldaqstant, il-kriterji sabiex tiġi ddeterminata s-sede ta’ impriża tat-trasport għall-finijiet tal-ksib ta’ liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq huma differenti minn dawk użati sabiex tiġi ddeterminata s-sede ta’ impriża bħal din għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004.

    79

    Għalhekk, għalkemm l-istabbiliment effettiv u stabbli, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009, u l-post fejn impriża jew persuna li tħaddem tieħu d-deċiżjonijiet essenzjali jew twettaq il-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ċentrali jistgħu, ċertament, jikkoinċidu, dan ma għandux neċessarjament ikun il-każ.

    80

    Konsegwentement, il-kunċett ta’ “uffiċju rreġistrat jew post tan-negozju tal-impriża”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, ma jikkorrispondix ma’ dak ta’ “stabbiliment effettiv u stabbli”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1071/2009.

    81

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li impriża jkollha liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq jista’ jkun element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali applikabbli skont l-Artikolu 13(1)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, tiġi ddeterminata s-sede jew il-post tan-negozju tal-impriża, iżda ma jistax jikkostitwixxi awtomatikament il-prova ta’ dan u, a fortiori, la huwa prova inkonfutabbli u lanqas ma jorbot lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol.

    82

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑410/21 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑661/21 għandha tkun li l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1072/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li kumpannija jkollha liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jikkostitwixxix, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali applikabbli skont l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, prova inkonfutabbli tas-sede ta’ din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru.

    Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawża C‑661/21

    83

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda fil-Kawża C‑410/21 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑661/21, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda f’din il-kawża tal-aħħar.

    Fuq l‑ispejjeż

    84

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ċertifikat A 1 maħruġ minn istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru jorbot lill-istituzzjonijiet u lill-qrati ta’ Stat Membru fejn isir ix-xogħol, inkluż meta, wara li ssir talba sabiex dan iċ-ċertifikat jiġi eżaminat mill-ġdid u rtirat, indirizzata mill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar lill-istituzzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat, din tal-aħħar tkun issospendiet provviżorjament l-effetti vinkolanti ta’ dan iċ-ċertifikat sakemm tiddeċiedi b’mod definittiv dwar din it-talba. Madankollu, f’tali ċirkustanzi, qorti tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol, adita fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra persuni ssuspettati li kisbu jew użaw l-istess ċertifikat A 1 b’mod frawdolenti, tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri kriminali, tinjora dan iċ-ċertifikat, sakemm, minn naħa, ikun skada terminu raġonevoli mingħajr ma l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertfikat tkun wettqet eżami mill-ġdid tal-fondatezza tal-ħruġ ta’ dan l-istess ċertifikat u tkun ħadet pożizzjoni dwar il-provi konkreti ppreżentati mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jissuġġerixxu li l-imsemmi ċertifikat inkiseb jew intuża b’mod frawdolenti, permezz tal-annullament jew tal-irtirar, skont il-każ, taċ-ċertifikat inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, ikunu osservati l-garanziji inerenti għad-dritt għal smigħ xieraq li għandhom jingħataw lil dawn il-persuni.

     

    2)

    L-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendata bir-Regolament Nru 465/2012, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-fatt li kumpannija jkollha liċenzja Komunitarja ta’ trasport bit-triq maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jikkostitwixxix, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali applikabbli skont l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 kif emendat bir-Regolament Nru 465/2012, prova inkonfutabbli tas-sede ta’ din il-kumpannija f’dan l-Istat Membru.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top