Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0363

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Ferrovienord SpA vs Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT euFederazione Italiana Triathlon vs Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT u Ministero dell’Economia e delle Finanze.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte dei Conti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Politika ekonomika – Regolament (UE) Nru 549/2013 – Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA) – Direttiva 2011/85/UE – Rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kompetenza tal-qorti tal-awdituri – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-363/21 u C-364/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:563

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Politika ekonomika – Regolament (UE) Nru 549/2013 – Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ESA) – Direttiva 2011/85/UE – Rekwiżiti applikabbli għall-oqfsa baġitarji tal-Istati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kompetenza tal-qorti tal-awdituri – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawżi magħquda C‑363/21 u C‑364/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 u fl‑10 ta’ Ġunju 2021, fil-proċeduri

Ferrovienord SpA

vs

Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT (C‑363/21),

fil-preżenza ta’:

Procura generale della Corte dei conti,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

u

Federazione Italiana Triathlon

vs

Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT,

Ministero dell’Economia e delle Finanze (C‑364/21),

fil-preżenza ta’:

Procura generale della Corte dei conti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ferrovienord SpA u l-Federazione Italiana Triathlon, minn D. Lipani, J. Polinari u F. Sbrana, avvocati,

għall-Procura generale della Corte dei conti, minn A. Canale, procuratore generale, A. Corsetti u A. Iadecola, vice procuratori generali,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis u P. Garofoli, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Biz, F. Blanc, S. Delaude u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 174, p. 1), tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat‑8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU 2011, L 306, p. 41), tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tal-Artikolu 19 TUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, fil-Kawża C‑363/21, Ferrovienord SpA u l-Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑364/21, il-Federazione Italiana Triathlon (il-Federazzjoni Taljana tat-Triathlon, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“FITRI”) u l-ISTAT u l-Ministero dell’ Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) dwar l-inklużjoni, għas-sena 2020, ta’ Ferrovienord u tal-FITRI fil-lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kont ikkonsolidat tal-profitti u tat-telf tal-awtoritajiet pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“lista ISTAT”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/85

3

Skont il-premessi 3, 4 u 23 tad-Direttiva 2011/85:

“(3)

Il-prattiċi tal-kontabbiltà pubblika kompleti u affidabbli għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika huma prekondizzjoni għall-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Il-kontroll intern għandu jiżgura li r-regoli eżistenti jiġu infurzati fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali. L-awditjar indipendenti mwettaq minn istituzzjonijiet pubbliċi bħall-qrati tal-awdituri jew minn korpi privati tal-awditjar għandu jinkoraġġixxi l-aqwa prattiki internazzjonali.

(4)

Id-disponibbiltà ta’ data fiskali hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni. Id-disponibbiltà regolari ta’ data fiskali f’waqtha u affidabbli hija ċ-ċavetta għal monitoraġġ tajjeb u f’waqtu, li mbagħad jippermetti azzjoni rapida fil-każ ta’ żviluppi baġitarji mhux mistennija. Element kruċjali fl-iżgurar tal-kwalità ta’ data fiskali, huwa t-trasparenza, li għandha tinvolvi disponibbiltà pubblika u regolari ta’ data bħal din.

[…]

(23)

Id-dispożizzjonijiet tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja stabbilita mit-TFUE u b’mod partikolari l-[Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST)] japplikaw għall-amministrazzjoni pubblika fl-intier tagħha, li tinkludi s-sottosetturi tal-gvern ċentrali, il-gvern statali, il-gvern lokali, u l-fondi tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal‑25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 2, p. 3].”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati rigward il-karatteristiċi tal-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Dawk ir-regoli huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi taħt it-TFUE fir-rigward tal-evitar ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija d-direttiva jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ ‘gvern’, ‘defiċit’ u ‘investiment’ stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-TUE u mat-TFUE. Id-definizzjoni tas-sottosetturi ta’ amministrazzjoni pubblika stabbilita fil-punt 2.70 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 2223/96 għandha tapplika wkoll.

Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

‘qafas baġitarju’ tfisser is-sett ta’ arranġamenti, proċeduri, regoli u istituzzjonijiet li huma l-bażi għat-twettiq tal-linji ta’ politika baġitarja ta’ amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari: […]

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/85 huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-kontabbiltà pubblika, l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti sistemi ta’ kontabbiltà pubblika li komprensivament u konsistentement ikopru s-sottosetturi kollha tal-aministrazzjoni pubblika u jkollhom fihom l-informazzjoni meħtieġa biex biex tiġi ġġenerata data bbażata fuq id-dovuti bl-għan li titħejja data bbażata fuq l-istandard [tas-Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità Ewropea, adottata mir-Regolament Nru 2223/96, iktar ’il quddiem l-“ESA 95”]. Dawk is-sistemi ta’ kontabbiltà pubblika għandhom ikunu soġġetti għal kontroll intern u awditjar indipendenti.”

7

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jkollu stabbiliti regoli fiskali numeriċi li jkunu speċifiċi għalih u li jippromwovu b’mod effettiv il-konformità mal-obbligi tiegħu derivanti mit-TFUE fil-qasam tal-politika baġitarja fuq orizzont multiannwali għall-amministrazzjoni pubblika ġenerali fl-intier tagħha. Regoli bħal dawn għandhom jippromwovu b’mod partikolari:

(a)

il-konformità mal-valuri referenzjali dwar id-defiċit u d-dejn stabbiliti f’konformità mat-TFUE;

(b)

l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali multiannwali, li jinkludi konformità mal-objettivi baġitarji għal perjodu medju tal-Istati Membri.”

8

L-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni, ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż għandhom jinkludu speċifikazzjonijiet dwar l-elementi li ġejjin:

[…]

(b)

il-kontroll effettiv u f’waqtu rigward il-konformità mar-regoli bbażat fuq analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri”.

Ir‑Regolament (UE) Nru 473/2013

9

L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU 2013, L 140, p. 11), jistabbilixxi li:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

‘korpi indipendenti’ tfisser korpi li huma strutturalment indipendenti jew korpi mogħnija b’awtonomija funzjonali vis à vis l-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru, u li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali […]

[…]

2.   Għandhom japplikaw ukoll għal dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet tas-‘settur amministrazzjoni pubblika’ u tas-‘sottosetturi tas-settur amministrazzjoni pubblika’ stipulati fil-punt 2.70 tal-Anness A għar-Regolament [Nru 2223/96] […]”

10

L-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ korpi indipendenti għall-monitoraġġ tal-konformità ma’:

[…]

(b)

regoli fiskali numeriċi msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva [2011/85].”

Ir‑Regolament Nru 549/2013

11

Is-sistema Ewropea ta’ kontijiet ekonomiċi integrati (ESA) hija l-għodda statistika u l-istrument legali li l-Unjoni Ewropea adottat sabiex tiżgura informazzjoni komparabbli fuq l-istruttura tal-ekonomiji tal-Istati Membri u fuq l-iżvilupp tagħhom. L-ewwel ESA, jiġifieri l-ESA 95, inħolqot permezz tar-Regolament Nru 2223/96. L-ESA 2010, stabbilita bir-Regolament Nru 549/2013, ħadet post l-ESA 95.

12

Skont il-premessi 3 u 14 tar-Regolament Nru 549/2013:

“(3)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jeħtieġu l-kontijiet ekonomiċi bħala strument bażiku għall-analiżi tal-qagħda ekonomika ta’ Stat Membru jew reġjun. Għall-fini tal-komparabbiltà, dawn il-kontijiet għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ prinċipji li ma jkunux miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun kemm jista’ jkun preċiża, kompluta u fil-ħin sabiex tiżgura trasparenza massima għas-setturi kollha.

[…]

Is-SEK [ESA] 2010 għandha gradwalment tieħu post is-sistemi l-oħrajn kollha bħala qafas ta’ referenza tal-istandards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-Unjoni, biex b’hekk jinkisbu riżultati li jistgħu jitqabblu bejn l-Istati Membri.”

13

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament iwaqqaf [l-ESA 2010].

2.   Is-SEK [ESA] 2010 jipprevedi:

(a)

metodoloġija (Anness A) dwar standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà li għandhom jintużaw għat-tħejjija tal-kontijiet u t-tabelli fuq bażijiet li jistgħu jitqabblu għall-finijiet tal-Unjoni, flimkien mar-riżultati kif meħtieġ taħt l-Artikolu 3;

(b)

programm (Anness B) li jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni [Ewropea] (Eurostat) il-kontijiet u t-tabelli li jridu jiġu kkompilati skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (a).”

14

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) il-kontijiet u t-tabelli stabbiliti fl-Anness B fil-limiti taż-żmien speċifikati fih għal kull tabella.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni d-data u l-metadata rikjesta b’dan ir-Regolament b’konformità ma’ standard ta’ skambju speċifikat u arranġamenti prattiċi oħrajn.

[…]”

15

Il-Kapitolu 1 tal-Anness A tal-istess regolament, li jippreżenta l-istruttura ġenerali u l-prinċipji fundamentali tal-ESA 2010, jinkludi b’mod partikolari l-punt 1.57, li huwa fformulat kif ġej:

“L-unitajiet istituzzjonali huma entitajiet ekonomiċi li kapaċi jkunu proprjetarji ta’ oġġetti u assi, jidħlu għal passivi u jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ekonomiċi u transazzjonijiet ma’ unitajiet oħrajn fihom infushom. Għall-iskopijiet tas-sistema SEK [ESA] 2010, l-unitajiet istituzzjonali huma raggruppati flimkien f’ħames setturi istituzzjonali domestiċi reċiprokament esklużivi:

(a)

korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

(b)

korporazzjonijiet finanzjarji;

(c)

ġvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi];

(d)

unitajiet domestiċi;

(e)

istituzzjonijiet mhux għal profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi.

Il-ħames setturi flimkien jagħmlu l-ekonomija domestika totali. Kull settur huwa maqsum ukoll f’sottosetturi. Is-sistema SEK [ESA] 2010 tippermetti sett komplut ta’ kontijiet ta’ fluss u karti tal-bilanċ li għandhom jiġu kkompilati għal kull settur, u għal kull sottosettur, u għall-ekonomija totali. Unitajiet mhux residenti jistgħu jinteraġixxu ma’ dawn il-ħames setturi domestiċi, u l-interazzjonijiet jintwerew bejn il-ħames setturi domestiċi u s-sitt settur istituzzjonali: is-settur tal-bqija tad-dinja.”

16

L-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013 jinkludi l-Kapitolu 2, intitolat “Unitajiet u raggruppamenti ta’ unitajiet”, li fih il-punti 2.111 u 2.113, li jipprevedu li:

“2.111

Definizzjoni: Is-settur tal-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] […] jikkonsisti fl-unitajiet istituzzjonali kollha li huma produtturi mhux għas-suq li l-output tagħhom huwa maħsub għall-konsum individwali jew kollettiv, u li huma ffinanzjati minn pagamenti obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu lil setturi oħra, u l-unitajiet istituzzjonali li huma prinċipalment involuti fir-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid nazzjonali.

[…]

2.113

Is-settur tal-gvern ġenerali huwa maqsum f’erba’ sottosetturi:

(a)

il-gvern ċentrali (esklużi l-fondi tas-sigurtà soċjali) […]

(b)

il-gvern tal-istat (esklużi l-fondi tas-sigurtà soċjali) […]

(c)

il-gvern lokali (esklużi l-fondi tas-sigurtà soċjali) […]

(d)

il-fondi tas-sigurtà soċjali […]”

17

Fl-Anness A ta’ dan ir-regolament hemm il-Kapitolu 20, intitolat “Il-kontijiet tal-gvern”, li jinkludi l-punti 20.05 sa 20.07, li jaqraw kif ġej:

“20.05

Is-settur tal-gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi] […] jikkonsisti mill-unitajiet tal-gvern kollha u l-istituzzjonijiet kollha mingħajr skop ta’ qligħ (NPIs) mhux tas-suq li huma kkontrollati mill-unitajiet tal-gvern. Huwa jkopri wkoll produtturi oħra mhux tas-suq kif identifikati fil-paragrafi 20.18 sa 20.39.

20.06

L-unitajiet tal-gvern huma entitajiet legali stabbiliti bi proċess politiku li għandhom awtorità leġislattiva, ġudizzjarja jew eżekuttiva fuq unitajiet istituzzjonali oħra f’qasam partikolari. Il-funzjoni prinċipali tagħhom hija li jipprovdu oġġetti u servizzi lill-komunità u lill-unitajiet domestiċi b’mod mhux abbażi tas-suq u li jiddistribwixxu mill-ġdid l-introjtu u l-ġid.

20.07

Unità tal-gvern normalment għandha l-awtorità li tiġbor fondi permezz ta’ trasferimenti obbligatorji minn unitajiet istituzzjonali oħra. Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti bażiċi ta’ unità istituzzjonali, unità tal-gvern għandu jkollha l-fondi tagħha li tkun ġabret mill-introjtu minn unitajiet oħra jew irċeviet bħala trasferimenti minn unitajiet oħra tal-gvern, u għandu jkollha l-awtorità li tiżborża t-tali fondi biex tissodisfa l-għanijiet ta’ politika tagħha. Din għandha tkun tista’ wkoll tissellef fondi akkont proprju.”

Id‑dritt Taljan

Il‑Kostituzzjoni tar‑Repubblika Taljana

18

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 103 tal-Costituzione della Repubblica Italiana (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana) jipprevedi li l-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja) għandha kompetenza fil-qasam tal-kontabbiltà pubblika.

Il‑Liġi Nru 196, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet fil‑Qasam tal‑Kontabbiltà u tal‑Finanzi Pubbliċi

19

L-Artikolu 1(1) sa (3) tal-legge n. 196 – Legge di contabilità e finanza pubblica (il-Liġi Nru 196, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet fil-Qasam tal-Kontabbiltà u tal-Finanzi Pubbliċi), tal‑31 ta’ Diċembru 2009 (GURI Nru 303, tal‑31 ta’ Diċembru 2009, suppliment ordinarju Nru 245), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jistabbilixxi li:

“1.   L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-finanzi pubbliċi ddefiniti fuq livell nazzjonali skont il-proċeduri u l-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u għandhom jaqsmu r-responsabbiltajiet konsegwenti f’dan ir-rigward. Il-parteċipazzjoni fit-twettiq ta’ dawn l-għanijiet għandha ssir f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-armonizzazzjoni tal-kontijiet pubbliċi u tal-koordinazzjoni tal-finanzi pubbliċi.

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, amministrazzjonijiet pubbliċi tfisser, għas-sena 2011, l-entitajiet u l-persuni indikati għal finijiet ta’ statistika fil-lista kkomunikata mill-[ISTAT] fl‑24 ta’ Lulju 2010, ippubblikata fl-istess data fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 171 kif ukoll, mis-sena 2012, l-entitajiet u l-persuni indikati għal finijiet ta’ statistika mill-[ISTAT] fil-lista kkomunikata [minnu] fit‑30 ta’ Settembru 2011, ippubblikata […] f’il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana fl-istess data fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 228, bl-aġġornamenti sussegwenti tiegħu skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, abbażi tad-definizzjonijiet previsti mir-regolamenti speċifiċi tal-Unjoni […], l-awtoritajiet indipendenti u, fi kwalunkwe każ, l-amministrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 tat‑30 ta’ Marzu 2001, kif emendat.

3.   Id-deżinjazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir kull sena mill-ISTAT permezz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata fil-Gazzetta ufficiale sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Settembru.”

Il‑Liġi Nru 243 – Dispożizzjonijiet għall‑Implimentazzjoni tal‑Prinċipju ta’ Bilanċ Baġitarju

20

L-Artikolu 2(1)(a) tal-legge « rinforzata » n. 243 – Disposizioni per l’attuazione del principio del pareggio di bilancio ai sensi dell’articolo 81, sesto comma, della Costituzione (il-Liġi “Msaħħa” Nru 243) – Dispożizzjonijiet għall-Implimentazzjoni tal-Prinċipju ta’ Bilanċ Baġitarju, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 81 tal-Kostituzzjoni), tal‑24 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 12, tal‑15 ta’ Jannar 2013, p. 14), jiddefinixxi l-kliem “amministrazzjonijiet pubbliċi” kif ġej:

“‘amministrazzjonijiet pubbliċi’ tfisser l-entitajiet iddeterminati skont il-proċeduri u l-atti previsti, konformement mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni […], mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontabbiltà u tal-finanzi pubbliċi, artikolati fis-sottosetturi tal-gvern ċentrali, tal-amministrazzjonijiet lokali u tal-korpi nazzjonali tas-sigurtà soċjali”.

21

L-Artikolu 20 ta’ din il-liġi, intitolat “Funzjonijiet ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Awdituri fuq il-baġits tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”, jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) għandha teżerċita l-kontroll ex post tal-ġestjoni tal-baġits tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-finijiet tal-koordinazzjoni tal-finanzi pubbliċi u tal-bilanċ baġitarju skont il-forom u l-modalitajiet stabbiliti mil-liġi.

Il‑Liġi Nru 161 – Dispożizzjonijiet għat‑Twettiq tal‑Obbligi li Jirriżultaw mis‑Sħubija tal‑Italja fl‑Unjoni Ewropea

22

L-Artikolu 30 tal-legge n. 161 ‐ Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea ‐ Legge europea 2013–bis (il-Liġi Nru 161 – Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mis-Sħubija tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2013a), tat‑30 ta’ Ottubru 2014 (GURI Nru 261, tal‑10 ta’ Novembru 2014, suppliment ordinarju Nru 83), jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Sabiex timplimenta b’mod sħiħ, għall-partijiet li ma humiex direttament applikabbli, id-Direttiva [2011/85] u r-Regolament [Nru 473/2013], fir-rigward, b’mod partikolari, tal-attività ta’ sorveljanza tal-osservanza tar-regoli baġitarji, il-[Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri)], fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha ta’ stħarriġ, għandha tivverifika l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà tad-data baġitarja tal-amministrazzjonijiet pubbliċi […]”

Il‑Liġi Nru 228, tal‑24 ta’ Diċembru 2012

23

L-Artikolu 1 tal-legge n. 228 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (il-Liġi Nru 228 – Dispożizzjonijiet għall-Formazzjoni tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat), tal‑24 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 302, tad‑29 ta’ Diċembru 2012, suppliment ordinarju Nru 212), kien jgħid, fil-paragrafu 169 tiegħu, li:

“L-atti li permezz tagħhom l-ISTAT jaħtar kull sena l-amministrazzjonijiet pubbliċi […] jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Plenarja tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri), kkostitwita f’formazzjoni speċjali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni”.

Il‑Kodiċi tal‑Ġustizzja tal‑Kontabbiltà

24

L-Artikolu 11(6)(b) tal-Anness 1 tad-decreto legislativo n. 174 – Codice di giustizia contabile, adottato ai sensi dell’articolo 20 della legge 7 agosto 2015, n. 124 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 174 – Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà, Adottat bis-Saħħa tal-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 124 tas‑7 ta’ Awwissu 2015), tas‑26 ta’ Awwissu 2016 (GURI Nru 209, tas‑7 ta’ Settembru 2016, suppliment ordinarju Nru 41) (iktar ’il quddiem il- “Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà”), kien jipprevedi li:

“Il-Plenarja [tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri)] ikkostitwita f’formazzjoni speċjali, fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha f’materji ta’ kontabbiltà pubblika, għandha tiddeċiedi, f’istanza unika, dwar it-tilwimiet:

[…]

b)

fil-qasam tar-rikonoxximent tal-amministrazzjonijiet pubbliċi mwettaq mill-ISTAT”.

Id‑Digriet‑Liġi Nru 137/2020

25

L-Artikolu 23c tad-decreto-legge n. 137 – Ulteriori misure urgenti in materia di tutela della salute, sostegno ai lavoratori e alle imprese, giustizia e sicurezza, connesse all’emergenza epidemiologica da COVID‑19 (id-Digriet-Liġi Nru 137 – Miżuri Urġenti Oħra fil-Qasam tal-Protezzjoni tas-Saħħa, tal-Għajnuna lill-Ħaddiema u lill-Impriżi, tal-Ġustizzja u tas-Sigurtà, Marbuta mal-Kriżi Epidemjoloġika tal-COVID‑19), tat-28 ta’ Ottubru 2020 (GURI Nru 269, tat-28 ta’ Ottubru 2020), kif emendat bil-legge n. 176 (il-Liġi Nru 176), tat‑18 ta’ Diċembru 2020 (GURI Nru 319, tal‑24 ta’ Diċembru 2020, suppliment ordinarju Nru 43) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 137/2020”), jistabbilixxi li:

“1.   Għall-entitajiet indikati fil-lista 1 annessa ma’ dan id-digriet, bħala unitajiet li, skont il-kriterji stabbiliti mis-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (SEK [ESA] 2010), prevista fir-Regolament [Nru 549/2013], jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-bilanċi tal-finanzi pubbliċi tal-kont ikkonsolidat tal-profitti u tat-telf tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-bilanċ tal-baġits u tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-amministrazzjonijiet pubbliċi […] kif ukoll [id-dispożizzjonijiet] fil-qasam tal-obbligi ta’ komunikazzjoni tad-data u tal-informazzjoni rilevanti fil-qasam tal-finanzi pubbliċi.

2.   Fl-Artikolu 11(6)(b) tal-Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà, li jinsab fl-Anness 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 174 tas‑26 ta’ Awwissu 2016, wara l-espressjoni ‘magħmula mill-ISTAT’, għandhom jiżdiedu l-kliem: ‘unikament għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regolamenti nazzjonali dwar it-trażżin tal-infiq pubbliku’.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

26

Skont, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 549/2013, Ferrovienord u l-FITRI (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”) ġew inklużi mill-ISTAT fil-lista ISTAT, ippubblikata fit‑30 ta’ Settembru 2020.

27

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri), li hija l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkontestaw din l-inklużjoni għar-raġuni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan ma humiex issodisfatti.

28

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, sas-sena 2012, id-deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ entità fil-lista ISTAT setgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva. Sussegwentement, saru żewġ emendi leġiżlattivi.

29

Minn naħa, fl‑2012, konformement mal-Artikolu 169 tal-Liġi Nru 228, tal‑24 ta’ Diċembru 2012, il-kompetenza sabiex tiġi mistħarrġa l-fondatezza tad-deżinjazzjoni ta’ entitajiet bħala amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ISTAT ġiet attribwita lill-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri). Din ir-regola ta’ kompetenza ġiet riprodotta fl-Artikolu 11(6)(b) tal-Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà, li kien jipprevedi li “[i]l-Plenarja tal-Corte dei conti [il-Qorti tal-Awdituri] ikkostitwita f’formazzjoni speċjali, fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha f’materji ta’ kontabbiltà pubblika, għandha tiddeċiedi, f’istanza unika, dwar il-proċeduri […] relatati mad-deżinjazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-ISTAT.”

30

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-istħarriġ li dak iż-żmien kien jaqa’ fuq il-qorti tal-awdituri kellu jsir abbażi tal-kriterji bbażati fuq ir-Regolament Nru 549/2013, li jikkostitwixxu, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, il-kundizzjonijiet li fid-dawl tagħhom entità hija inkluża fil-lista ISTAT. Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li tali inklużjoni toħloq obbligi preċiżi, b’mod partikolari ta’ kontabbiltà, fuq l-entitajiet ikkonċernati li, meta jiġu inklużi f’din il-lista, jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-bilanċi tal-finanzi pubbliċi tal-kont ikkonsolidat tal-profitti u tat-telf tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, skont l-Artikolu 23c(1) tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-kontroll tal-istatus ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi, fis-sens tar-Regolament Nru 549/2013, huwa l-operazzjoni ta’ kontabbiltà li tippreċedi t-tfassil tal-bilanċi li abbażi tagħhom jiżviluppaw ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari skont l-Artikolu 126 TFUE u l-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattati (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 12”).

31

Min-naħa l-oħra, fl‑2020, il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-awdituri, dwar il-legalità ta’ inklużjoni fil-lista ISTAT, ġiet ristretta mill-Artikolu 23c(2) tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, li emenda l-Artikolu 11(6)(b) tal-Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà, li issa jipprevedi, essenzjalment, li l-Plenarja tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) għandhom jiddeċiedu, dwar ir-rikorsi relatati mad-deżinjazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi mwettqa mill-ISTAT, għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trażżin tal-infiq pubbliku.

32

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dan l-Artikolu 11(6)(b) tal-Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà, kif emendat bl-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020.

33

Għalhekk, skont il-Procura generale della Corte dei Conti (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja), li kieku kellu jiġi interpretat bħala li jirrestrinġi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra l-lista ISTAT għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trażżin tal-infiq pubbliku, l-imsemmi Artikolu 23c ma jkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mar-Regolament Nru 549/2013 kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – sa fejn ma jkunx jiżgura lill-entitajiet ikkonċernati protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu iktar jiksbu l-istħarriġ ġudizzjarju tal-inklużjoni tagħhom bħala amministrazzjonijiet pubbliċi fil-lista ISTAT. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jaqblu ma’ din il-pożizzjoni.

34

Min-naħa l-oħra, l-ISTAT u l-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“konvenuti fil-kawżi prinċipali”) iqisu li l-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, filwaqt li jirrestrinġi l-kompetenza tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri), jestendi, fl-istess ħin, dik tal-qorti amministrattiva, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jgawdu minn protezzjoni ġudizzjarja sħiħa tal-interessi tagħhom. Fi kwalunkwe każ, skont il-konvenuti fil-kawżi prinċipali, id-determinazzjoni tal-kliem “amministrazzjoni pubblika” għandha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti amministrattiva peress li din tirrigwarda aspetti li ma jifformawx parti minn kwistjonijiet ta’ natura kontabilistika. Għaldaqstant, l-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020 huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

35

Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Procura generale della Corte dei Conti (l-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri) irrileva wkoll li, anki jekk kellha tiġi segwita l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 23c difiża mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali, din id-dispożizzjoni ma hijiex, madankollu, konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tar-rimedji ġudizzjarji. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal għal riskju ta’ titwil tal-proċeduri u ta’ deċiżjonijiet kontradittorji peress li l-entitajiet ikkonċernati jkollhom għalhekk jippreżentaw żewġ rikorsi distinti quddiem żewġ qrati differenti sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom.

36

Skont il-qorti tar-rinviju, l-emenda magħmula fl-Artikolu 11(6)(b) tal-Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabbiltà twassal għal nuqqas assolut ta’ protezzjoni ġudizzjarja għall-entitajiet li jinsabu f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Għalhekk, qabelxejn, fin-nuqqas ta’ qorti li għandha kompetenza sabiex tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ amministrazzjoni pubblika u l-obbligi marbuta magħha, kull verifika tal-osservanza mill-Istat Taljan tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar din il-kwalità, prevista mir-Regolament Nru 549/2013 u, għaldaqstant, tal-bilanċi tal-finanzi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 126 TFUE, tal-Protokoll Nru 12 kif ukoll tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, tkun ineżistenti.

37

Sussegwentement, din il-qorti tqis li l-limitazzjoni tal-effetti tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti tal-awdituri “għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trażżin tal-infiq pubbliku” twassal, fil-fatt, sabiex tiġi eliminata kull possibbiltà ta’ stħarriġ indipendenti minn din il-qorti fuq l-awtoritajiet baġitarji u fuq il-legalità tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-bilanċi tal-finanzi pubbliċi li jservu sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, imsemmi fl-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 2011/85. Għaldaqstant, l-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020 ma jidhirx li josserva r-regola, prevista mir-Regolament Nru 473/2013 u mid-Direttiva 2011/85, li teżiġi separazzjoni bejn l-awtoritajiet baġitarji u l-korpi tal-awditjar, peress li dan tal-aħħar jista’ jseħħ fil-forma ġudizzjarja.

38

Fl-aħħar nett, skont l-imsemmija qorti, peress li l-kwalità ta’ amministrazzjoni pubblika, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, toħloq għall-entitajiet ikkonċernati obbligi u limitazzjonijiet tad-drittijiet tagħhom, id-dritt għal rimedju effettiv sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw din il-kwalità għandu jiġi rrikonoxxut lilhom, konformement mal-Artikolu 19 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

39

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel, li, għalkemm, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku intern li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji, l-effettività tar-rikors hija mnaqqsa, f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni li din il-qorti tista’ tadotta ma tistax tikkostitwixxi kompletament dikjarazzjoni ta’ illegalità tal-klassifikazzjoni tal-entità kkonċernata fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rikors, kif previst fl-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, huwa suġġett għal regoli proċedurali straordinarji li jiddevjaw totalment minn dawk tar-rimedji ġudizzjarji previsti mill-ordinament ġuridiku Taljan għal sitwazzjonijiet analogi. Għalhekk, fid-dritt Taljan, il-kwistjonijiet kollha ta’ rikonoxximent ta’ status jaqgħu taħt azzjoni awtonoma għal konstatazzjoni mressqa quddiem qorti kompetenti li d-deċiżjoni tagħha hija vinkolanti għal dak li jirrigwarda l-effetti marbuta ma’ dan l-istatus. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk dan l-Artikolu 23c huwiex konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

40

It-tieni, l-imsemmija qorti hija tal-fehma li, anki jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 23c proposta mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali, jibqa’ dubju dwar il-konformità ta’ dan l-istess artikolu mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn, fil-perijodu qasir li ddum is-sena finanzjarja li matulu, wara li tkun ġew inklużi fil-lista ISTAT, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma obbligati jeżegwixxu l-obbligi li jirriżultaw minn din l-inklużjoni, dawn ir-rikorrenti jkollhom għalhekk jippreżentaw żewġ rikorsi distinti quddiem żewġ qrati differenti sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom, li jirriskja li jippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali għal dak li jirrigwarda l-istatus tagħhom. Bl-istess mod, skont din l-interpretazzjoni, jibqa’ dubju dwar il-konformità ta’ dan l-istess Artikolu 23c mal-prinċipju ta’ ekwivalenza tar-rimedji ġudizzjarji peress li l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana tindika lill-qorti tal-awdituri bħala kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni korretta tal-bilanċi baġitarji tal-Istat Taljan.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regola ta’ applikabbiltà diretta [tal-ESA 2010] u l-prinċipju tal-effett utli [tar-Regolament Nru 549/2013] u tad-[Direttiva 2011/85] jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali fuq l-applikazzjoni tal-ESA 2010 tiġi limitata biss għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-limitazzjoni tan-nefqa pubblika u li twaqqaf l-effet utli prinċipali tas-sistema tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-verifika tat-trasparenza u tal-affidabbiltà tal-bilanċi baġitarji, li jippermetti li tiġi vverifikata t-trajjettorja ta’ konverġenza [tar-Repubblika Taljana] lejn it-twettiq tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju?

2)

Ir-regola ta’ applikabbiltà diretta tal-ESA 2010 u l-prinċipju tal-effett utli [tar-Regolament Nru 549/2013] u tad-Direttiva 2011/85, għal dak li jirrigwarda s-separazzjoni organizzazzjonali bejn l-awtoritajiet baġitarji u l-organi ta’ kontroll, jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali fuq l-applikabbiltà tal-ESA 2010 tiġi limitata biss għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-limitazzjoni tan-nefqa pubblika, u li twaqqaf b’hekk kwalunkwe kontroll indipendenti fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-entitajiet li jikkontribwixxu għall-awditjar tal-kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika Taljana (kif iddefinita għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni), li jippermetti li tiġi vverifikata t-trajjettorja ta’ konverġenza [tar-Repubblika Taljana] lejn it-twettiq tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju?

3)

Il-prinċipju tal-Istat tad-dritt, fil-forma ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja u tal-ekwivalenza tar-rimedji legali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li:

a)

tipprekludi kull stħarriġ ġudizzjarju fuq l-applikabbiltà tal-ESA 2010, magħmul mill-ISTAT għall-finijiet tad-definizzjoni tal-portata tas-settur S.13 u għaldaqstant, dwar l-eżattezza, it-trasparenza u l-affidabbiltà tal-bilanċi baġitarji, li jippermetti li tiġi vverifikata t-trajjettorja ta’ konverġenza [tar-Repubblika Taljana] lejn it-twettiq tal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (ksur tal-prinċipju tal-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja);

b)

tesponi lir-rikorrenti, jekk l-interpretazzjoni tar-regola li hija proposta mill-amministrazzjonijiet konvenuti kellha titqies bħala eżatta, anki permezz ta’ interpretazzjoni awtentika, għall-oneru doppju li tagħmel azzjoni legali u, għaldaqstant, għal riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji dwar l-eżistenza ta’ status legali skont id-dritt tal-Unjoni, fatt li jagħmel impossibbli l-protezzjoni effettiva tad-dritt tagħha ratione temporis, fit-terminu meħtieġ sabiex teżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw [mid-deċiżjoni li jagħti dan l-istatus kontenzjuż] (jiġifieri matul is-sena finanzjarja) u xxejjen iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-eżistenza tal-istatus ta’ amministrazzjoni pubblika;

c)

dejjem jekk l-interpretazzjoni tar-regola li hija proposta mill-amministrazzjonijiet konvenuti kellha titqies bħala eżatta, anki permezz ta’ interpretazzjoni awtentika, tipprevedi li hija qorti li ma hijiex dik li għaliha l-kostituzzjoni Taljana tirriżerva l-ġurisdizzjoni fuq id-dritt baġitarju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżattezza tad-definizzjoni tal-baġit?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

42

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Awwissu 2021, il-Kawżi C‑363/21 u C‑364/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

43

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-kawżi jiġu suġġetti għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44

Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura.

45

Insostenn tat-talba tagħha intiża sabiex dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa, il-qorti tar-rinviju ssostni li d-domandi magħmula jirrigwardaw il-kompetenza tagħha fil-qasam baġitarju. Issa, skont din il-qorti, jekk din il-kompetenza ma tiġix eżerċitata fil-perijodu ta’ żmien li jikkorrispondi għaċ-ċiklu tal-kontabbiltà kkonċernat, jiġifieri s-sena 2020, ir-regoli previsti mid-dritt tal-Unjoni jkunu neqsin minn effett utli. Għalhekk, id-determinazzjoni, għal din is-sena 2020, tal-entitajiet li għandhom jitqiesu bħala amministrazzjonijiet pubbliċi u li r-riżultat tagħha għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kont ikkonsolidat tal-profitti u tat-telf ta’ dawn l-amministrazzjonijiet għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ dan iċ-ċiklu tal-kontabbiltà.

46

F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel kull sforz sabiex tiżgura riżoluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Gmina Wieliszew, C‑698/20, EU:C:2022:787, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Sussegwentement, hija ġurisprudenza stabbilita li l-invokazzjoni ta’ interessi ekonomiċi, inklużi dawk li jista’ jkollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi, ikunu kemm ikunu importanti u leġittimi, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika, waħedha, l-użu ta’ proċedura mħaffa (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li r-riskju ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ta’ preġudizzju għall-effett utli tiegħu, li jirriżulta f’numru kbir ta’ kawżi li huma s-suġġett ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-użu tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fid-dawl tan-natura derogatorja ta’ din il-proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 2017, Anodiki Services, C‑260/17, EU:C:2017:560, punt 11).

49

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax jekk risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien qasir tippermettilhiex tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha qabel l-iskadenza taċ-ċiklu tal-kontabbiltà kkonċernat.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fit‑12 ta’ Awwissu 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, minħabba li ċ-ċirkustanzi invokati mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ma jippermettux li jitqies li l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura huma ssodisfatti.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel u tat‑tieni domanda kif ukoll tal‑punt (a) tat‑tielet domanda

51

Skont il-Gvern Taljan, l-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll il-punt (a) tat-tielet domanda huma inammissibbli, sa fejn huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-emenda leġiżlattiva, introdotta bl-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, twassal għal assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità fil-lista ISTAT. Dan il-gvern isostni, f’dan ir-rigward, li l-limitazzjoni tal-kompetenza tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri), li tirriżulta minn din l-emenda, ġiet segwita minn estensjoni tal-kompetenza ġenerali tal-qorti amministrattiva, li hija l-qorti “naturali” sabiex tiddeċiedi dwar l-atti tal-amministrazzjoni.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, WertInvest Hotelbetrieb, C‑575/21, EU:C:2023:425, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, WertInvest Hotelbetrieb, C‑575/21, EU:C:2023:425, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll li tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et, C‑277/21, EU:C:2022:318, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tkun tista’ tikkontestaha jew tivverifika l-eżattezza tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Real Vida Seguros, C‑449/20, EU:C:2021:721, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda kif ukoll għall-punt (a) tat-tielet domanda, billi wieħed jitlaq mill-premessa, esposta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li tgħid li l-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020 wassal għal assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni, mill-ISTAT, tar-Regolament Nru 549/2013, għall-finijiet tad-definizzjoni tas-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

57

Madankollu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-punti (b) u (c) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif proposta mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali. Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli twettaq interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

58

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda tintalab tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, filwaqt li għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li saru quddiemha, li huma tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et, C‑277/21, EU:C:2022:318, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll il-punt (a) tat-tielet domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

60

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolamenti Nri 473/2013 u 549/2013, id-Direttiva 2011/85 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kompetenza tal-qorti tal-awdituri sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità fil-lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

61

Skont din il-qorti, il-limitazzjoni tal-kompetenza introdotta mill-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, li jipprovdi li l-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) tista’ tieħu konjizzjoni tat-tilwimiet dwar id-deżinjazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi mwettqa mill-ISTAT “għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trażżin tal-infiq pubbliku”, wasslet għal nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar il-fondatezza tad-deżinjazzjoni ta’ entitajiet, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, bħala amministrazzjonijiet pubbliċi. Konsegwentement, din il-limitazzjoni teskludi, fil-fatt, l-ewwel, l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ kontabbiltà u baġitarji tal-Unjoni msemmija kemm mir-Regolament Nru 549/2013 kif ukoll mid-Direttiva 2011/85 u, għaldaqstant, l-osservanza tar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 126 TFUE u fil-Protokoll Nru 12, it-tieni, kull kontroll indipendenti fuq l-awtoritajiet nazzjonali baġitarji, kif previst minn din id-direttiva u mir-Regolament Nru 473/2013 kif ukoll, it-tielet, il-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mill-Artikolu 19 TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta.

62

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tar-rinviju tippreċiża li, anki jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 23c proposta mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali u msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jibqa’ dubju dwar il-konformità ta’ dan l-istess artikolu, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jkollhom għalhekk jippreżentaw żewġ rikorsi distinti quddiem żewġ qrati differenti sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom, li jirriskja li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-istatus tagħhom fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 549/2013.

63

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-assenza ta’ possibbiltà li tiġi kkontestata l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità bħala amministrazzjoni pubblika fil-lista ISTAT, kif tirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, tmurx kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 473/2013 u 549/2013 kif ukoll mid-Direttiva 2011/85 u, għaldaqstant, l-effikaċja ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva imposta mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-Artikolu 23c, kif interpretat mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali, huwiex konformi mar-rekwiżit ta’ tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

64

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-imsemmi Artikolu 23c, kif interpretat mill-qorti tar-rinviju, tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 549/2013, għandu jitfakkar li mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-ESA 2010 tistabbilixxi qafas ta’ referenza intiż, għall-bżonnijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari għad-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni, għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, skont il-premessa 3 tal-imsemmi regolament, l-elaborazzjoni ta’ dawn il-kontijiet għandha ssir abbażi ta’ prinċipji uniċi u mhux ta’ interpretazzjoni differenti, b’mod li tippermetti l-kisba ta’ riżultati komparabbli (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale, C‑632/18, EU:C:2019:833, punt 32).

65

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ dan l-istess regolament, l-ESA 2010 tipprevedi metodoloġija, li tinsab fl-Anness A, dwar, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet u r-regoli tal-kontabbiltà komuni, intiża sabiex tippermetti l-elaborazzjoni ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll ta’ tabelli fuq bażijiet paragunabbli għall-bżonnijiet tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 549/2013, dawn il-kontijiet għandhom jintbagħtu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat).

66

F’dan ir-rigward, il-punt 1.57 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness jipprevedi r-rabta ta’ kull unità istituzzjonali – iddefinita bħala entità ekonomika li għandha l-kapaċità li żżomm beni u assi, li tidħol f’impenji, li teżerċita attivitajiet ekonomiċi u li twettaq, f’isimha stess, tranżazzjonijiet ma’ unitajiet oħra – ma’ wieħed mis-sitt setturi prinċipali identifikati mill-ESA 2010, jiġifieri l-kumpanniji mhux finanzjarji, il-kumpanniji finanzjarji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-unitajiet domestiċi, l-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li jservu lill-unitajiet domestiċi u l-bqija tad-dinja (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale, C‑632/18, EU:C:2019:833, punt 33).

67

Is-settur tal-“gvern ġenerali [amministrazzjonijiet pubbliċi]” huwa ddefinit fil-punt 2.111 tal-Kapitolu 2 tal-Anness A kif ukoll fil-punti 20.05 et seq. tal-Kapitolu 20 tar-Regolament Nru 549/2013.

68

Fid-dawl tal-Artikoli 1 u 3 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-għan imfittex minnu, kif imfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri, fil-kuntest tat-tfassil tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom għall-bżonnijiet tal-Unjoni, għandhom jiddeterminaw is-settur relatat mal-“amministrazzjonijiet pubbliċi” billi japplikaw din id-definizzjoni.

69

Issa, sabiex jiġi żgurat li l-awtorità nazzjonali kompetenti tosserva, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “amministrazzjoni pubblika”, fis-sens tar-Regolament Nru 549/2013, id-definizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija relatata magħha u li hija imposta fuqha, id-deċiżjoni tagħha għandha tkun tista’ tiġi kkontestata u tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ possibbiltà li tiġi kkontestata din il-klassifikazzjoni, l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni ma jkunx iggarantit.

70

Konsegwentement, l-effett utli ta’ dan ir-regolament jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fil-fatt, kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tal-klassifikazzjoni ta’ entità ta’ amministrazzjoni pubblika.

71

Għal dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/85, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi regoli ddettaljati dwar il-karatteristiċi tal-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi taħt it-Trattat FUE fir-rigward tal-evitar ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern.

72

L-espressjoni “qafas baġitarju” hija ddefinita fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala li tindika l-miżuri, il-proċeduri, ir-regoli u l-istituzzjonijiet kollha li fuqhom hija bbażata t-tmexxija tal-politika baġitarja tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 2 jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d-definizzjoni tal-espressjoni “sottosetturi ta’ amministrazzjoni pubblika”, stabbilita fil-punt 2.70 tal-Anness A tar-Regolament Nru 2223/96 (identika għal dik li tinsab fil-punt 2.113 tal-Anness A tar-Regolament Nru 549/2013), hija applikabbli għall-finijiet tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2011/85, id-dispożizzjonijiet tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja stabbilit mit-Trattat FUE u, b’mod partikolari, mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, japplikaw għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha kemm huma, li jinkludu dawn is-sottosetturi.

73

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżiti applikabbli għall-oqsfa baġitarji tal-Istati Membri, li jinsabu f’din id-direttiva, japplikaw, abbażi tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha kemm huma.

74

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/85, kull Stat Membru għandu jkollu regoli baġitarji tiegħu stess u li jiffavorixxu effettivament l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat FUE fil-qasam tal-politika baġitarja fuq orizzont multiannwali, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha kemm huma. Dawn ir-regoli jippromwovu, b’mod partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ referenza għad-defiċit tal-gvern u d-dejn tal-gvern iddefiniti skont it-Trattat kif ukoll l-adozzjoni ta’ orizzont multiannwali ta’ programmazzjoni baġitarja, inkluża l-konformità mal-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tal-Istati Membri.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli baġitarji f’ċifri relatati mal-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkontribwixxu għad-dixxiplina baġitarja tal-Istat Membru li minnu jiddependu dawn l-amministrazzjonijiet.

76

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 4 tad-Direttiva 2011/85 tippreċiża li d-disponibbiltà tad-data baġitarja hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni, li l-provvista regolari ta’ data baġitarja aġġornata u affidabbli hija indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ monitoraġġ adegwat u f’waqtu, li jippermetti min-naħa tiegħu azzjoni rapida fil-każ ta’ żvilupp mhux mistenni tas-sitwazzjoni baġitarja u li element kruċjali sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tad-data baġitarja hija t-trasparenza, li timplika neċessarjament pubblikazzjoni regolari ta’ din id-data.

77

Għalhekk, minkejja li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, din id-direttiva timponi obbligi fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi biss permezz ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponuha, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan, l-iskop kif ukoll l-effett utli tal-imsemmija direttiva jirriskjaw li jiġu kompromessi jekk, fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar il-kwalità ta’ “amministrazzjoni pubblika”, data baġitarja ta’ entitajiet tiġi ppubblikata u trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) minkejja li dawn l-entitajiet ma kellhomx din il-kwalità.

78

Konsegwentement, interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/85 li tista’ tippreżerva l-effett utli tagħha tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tad-deżinjazzjoni ta’ entità bħala amministrazzjoni pubblika.

79

Għal dak li jirrigwarda, it-tielet, il-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, tosservax ir-rekwiżit ta’ kontroll indipendenti fuq l-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru kkonċernat, li jirriżulta mir-Regolament Nru 473/2013 u mid-Direttiva 2011/85, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-istrumenti tal-Unjoni jħallu l-libertà lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-korpi indipendenti responsabbli għas-sorveljanza tas-sistemi nazzjonali ta’ kontabbiltà pubblika jew l-osservanza effettiva tad-dixxiplina baġitarja imposta fuq dawn l-Istati.

80

Għalhekk, qabelxejn, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/85, moqri flimkien mal-premessa 3 tagħha, dawn is-sistemi nazzjonali għandhom ikunu suġġetti għal kontroll intern u għal awditjar indipendenti, fejn dan tal-aħħar jista’ jitwettaq minn istituzzjoni pubblika waħda jew iktar, bħal, pereżempju, il-qrati tal-awdituri jew minn korpi privati tal-awditjar. Għal dak li jirrigwarda l-kontroll intern, dan għandu jiżgura li r-regoli eżistenti fil-qasam tal-kontabbiltà pubblika jiġu implimentati fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.

81

Sussegwentement, l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi li r-regoli baġitarji f’ċifri speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, b’mod partikolari, jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ monitoraġġ effettiv u f’waqtu tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, imwettaq abbażi ta’ analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi indipendenti jew li jgawdu minn awtonomija funzjonali fil-konfront tal-awtoritajiet baġitarji tal-Istati Membri.

82

Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 473/2013 jipprovdi, fl-Artikolu 2(1)(a) tiegħu, definizzjoni tat-termini “korpi indipendenti”. Dawn huma korpi li huma strutturalment indipendenti jew mogħnija b’awtonomija funzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru, u li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija funzjonali u ta’ responsabbiltà. L-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi indipendenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-osservanza tar-regoli baġitarji f’ċifri msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/85.

83

Għalhekk, id-Direttiva 2011/85 u r-Regolament Nru 473/2013 jeżiġu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istabbiliment ta’ korpi indipendenti biss għall-finijiet tal-osservanza tar-regoli baġitarji f’ċifri tal-Unjoni, iżda jħallu l-libertà lill-Istati Membri li jillimitaw il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-awdituri tagħhom għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 549/2013.

84

Għal dak li jirrigwarda, ir-raba’, il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020, tosservax ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva impost mid-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, l-osservanza tad-dritt tagħhom għal tali protezzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha jindirizzaw lill-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

87

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 64 sa 78 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija rregolata, fuq il-livell sostantiv, mir-Regolament Nru 549/2013 u mid-Direttiva 2011/85, peress li dawn tal-aħħar jimponu regoli ta’ kontabbiltà u baġitarji fuq l-Istat Membru kkonċernat li l-osservanza sħiħa tagħhom għandha tkun tista’ tiġi rikjesta minn entitajiet, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, quddiem qorti. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma applikabbli.

88

B’dan premess, la dan ir-regolament u lanqas din id-direttiva ma jipprevedu l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġi żgurat l-effett utli tagħhom, peress li ma jispeċifikawx, b’mod partikolari, liema qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

89

Issa, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġudizzjarju intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji msemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

L-eżami tal-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandu jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni hija s-suġġett ta’ interpretazzjoni diverġenti mill-partijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fatt li l-qorti tar-rinviju ħadet nota tiegħu fil-kuntest tad-domandi preliminari tagħha. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Gvern Taljan sostna li, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) tista’ tiddeċiedi b’mod inċidentali dwar il-validità tad-deċiżjonijiet tal-ISTAT dwar l-inklużjoni ta’ entità fil-lista ISTAT, billi teskludi, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

91

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar l-osservanza ta’ dan il-prinċipju mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

92

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

F’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 92 u 93 ta’ din is-sentenza, jekk jiġi kkonstatat mill-qorti nazzjonali li d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020 iwassal għal assenza ta’ kull stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-ISTAT dwar l-inklużjoni ta’ entitajiet fis-settur tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif iddefinit fir-Regolament Nru 549/2013, ikollu għalhekk jitqies li din id-dispożizzjoni tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, ma tippermettix li jiġi ggarantit l-effett utli tad-Direttiva 2011/85. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, dawn l-entitajiet ma jkunu jistgħu jadixxu ebda qorti għall-finijiet tal-istħarriġ tal-miżuri meħuda mill-ISTAT skont dan ir-regolament.

95

Min-naħa l-oħra, jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23c tad-Digriet-Liġi Nru 137/2020 sostnuta mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali kif ukoll, waqt is-seduta, mill-Gvern Taljan kellha tiġi adottata mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li hija biss il-qorti amministrattiva li għandha l-kompetenza tannulla l-inklużjoni ta’ entità fil-lista ISTAT u li l-qorti tal-awdituri tista’ tistħarreġ biss il-legalità ta’ din l-inklużjoni b’mod inċidentali meta hija tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trażżin tal-infiq pubbliku, ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività jew li tiżvela element li minnu jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jkun miksur.

96

Fil-fatt, f’tali każ, ikun hemm rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jiġi żgurat l-istħarriġ tal-miżuri meħuda mill-ISTAT skont ir-Regolament Nru 549/2013 u d-Direttiva 2011/85.

97

Barra minn hekk, kif indika l-Gvern Taljan waqt is-seduta u suġġett għal verifika li taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju, l-entitajiet inklużi fil-lista ISTAT li jixtiequ jikkontestaw l-inklużjoni tagħhom bħala amministrazzjonijiet pubbliċi ma humiex obbligati jippreżentaw żewġ rikorsi distinti, jiġifieri rikors quddiem il-qorti amministrattiva u ieħor quddiem il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri). Għalhekk, minn naħa, huma jistgħu jitolbu lill-qorti amministrattiva l-annullament erga omnes tad-deċiżjoni li inkludiethom f’din il-lista. Min-naħa l-oħra, quddiem il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri), huma jistgħu jikkontestaw il-konsegwenzi tal-inklużjoni tagħhom fl-imsemmija lista u jiksbu, jekk ikun il-każ, b’mod inċidentali, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din l-inklużjoni.

98

B’dan premess, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, jeżisti r-riskju li deċiżjonijiet kontradittorji dwar il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità fil-lista ISTAT jiġu adottati, li joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Madankollu, is-sempliċi possibbiltà li tali diverġenzi jistgħu jseħħu ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm ksur tal-Artikolu 19 TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn entità li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fir-rigward tagħha tista’ tillimita ruħha għall-preżentata ta’ rikors wieħed biss sabiex it-talba tagħha tiġi eżaminata. Xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-ordinament ġuridiku Taljan li għandu jipprevedi l-modalitajiet konkreti għall-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji, b’tali mod li d-dritt għal rimedju effettiv imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta ma jiġix affettwat b’mod sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Barra minn hekk, peress li jeżisti rikors quddiem qorti indipendenti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawżi prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-qorti kompetenti, jiġifieri, skont il-konvenuti fil-kawżi prinċipali, il-qorti amministrattiva, ma hijiex, kif tindika din il-qorti, dik indikata mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana bħala l-qorti kompetenti fil-qasam baġitarju huwa irrilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda hija li r-Regolamenti Nri 473/2013 u 549/2013, id-Direttiva 2011/85 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kompetenza tal-qorti tal-awdituri sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità fil-lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, sakemm jiġu ggarantiti l-effett utli ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva imposta mid-dritt tal-Unjoni.

Fuq l‑ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro, ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat‑8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li,

 

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kompetenza tal-qorti tal-awdituri sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ entità fil-lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, sakemm jiġu ggarantiti l-effett utli ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva imposta mid-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top