Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0279

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2022.
X vs Udlændingenævnet.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija – Artikolu 9 – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 10(1) – Artikolu 13 – Klawżola ta’ Standstill – Riunifikazzjoni tal-familja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi kundizzjonijiet ġodda iktar restrittivi għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-konjuġi ta’ ċittadini Torok li għandhom permess ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat – Impożizzjoni fuq il-ħaddiem Tork ta’ rekwiżit li jgħaddi minn eżami li jikkonferma ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru – Ġustifikazzjoni – Għan li tiġi żgurata integrazzjoni b’suċċess.
Kawża C-279/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1019

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija – Artikolu 9 – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 10(1) – Artikolu 13 – Klawżola ta’ Standstill – Riunifikazzjoni tal-familja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi kundizzjonijiet ġodda iktar restrittivi għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-konjuġi ta’ ċittadini Torok li għandhom permess ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat – Impożizzjoni fuq il-ħaddiem Tork ta’ rekwiżit li jgħaddi minn eżami li jikkonferma ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru – Ġustifikazzjoni – Għan li tiġi żgurata integrazzjoni b’suċċess”

Fil-Kawża C‑279/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2021, fil-proċedura

X

vs

Udlændingenævnet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn E. O. R. Khawaja, advokat,

għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), kif ukoll tal-Artikolu 10(1) u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz ta’ dan il-ftehim, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X, ċittadina Torka, u l-Udlændingenævnet (l-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni, id-Danimarka) dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza fid-Danimarka għar-riunifikazzjoni tal-familja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3

Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4

L-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑Deċiżjoni Nru 1/80

5

Kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, id-Deċiżjoni Nru 1/80 hija intiża sabiex ittejjeb, fil-qasam soċjali, is-sistema li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom meta mqabbla mas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 2/76 tal‑20 ta’ Diċembru 1976, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

6

Il-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”, jinkludi t-Taqsima 1, li min-naħa tagħha hija intitolata “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”, li fiha jinsabu l-Artikoli 6 sa 16 ta’ din id-deċiżjoni.

7

L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork, li jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru:

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg regolari, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess persuna li timpjega, jekk din ikollha impjieg x’toffri;

għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg regolari u suġġett għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna oħra li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg regolari, minn aċċess liberu għal kull attività mħallsa tal-għażla tiegħu.

[…]

3.   Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8

L-Artikolu 10(1) tal-istess deċiżjoni jiddisponi:

“L-Istati Membri tal-Komunità għandhom jagħtu lill-ħaddiema Torok li jagħmlu parti mis-suq regolari tal-impjieg tagħhom trattament ikkaratterizzat mill-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla mal-ħaddiema Komunitarji għal dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistipula:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10

L-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom jiġu applikati bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11

Konformement mal-Artikolu 16 tal-imsemmija deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli sa mill‑1 ta’ Diċembru 1980.

Id‑dritt Daniż

12

L-Artikolu 9 tal-udlændingeloven (il-Liġi dwar il-Barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fuq talba, permess ta’ residenza jista’ jinħareġ:

1)

lil kull barrani li għandu iktar minn 24 sena, li huwa miżżewweġ jew f’koabitazzjoni fit-tul ma’ persuna residenti fid-Danimarka, li wkoll għandha iktar minn 24 sena:

[…]

d)

li ilu detentur ta’ permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka għal iktar minn tliet snin,

[…]

12.   Ħlief għal raġunijiet speċjali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-unità tad-dar tal-familja, permess ta’ residenza b’applikazzjoni tal-punt 1(d) tal-paragrafu 1 ma jistax jinħareġ ħlief jekk il-persuna li tirrisjedi fit-territorju Daniż:

[…]

5)

kienet għaddiet mit-test ‘Prøve i Dansk 1’, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-lov om danskudddannelse til voksne udlændinge m.fl [il-Liġi dwar il-Korsijiet tal-Lingwa Daniża għall-Barranin Adulti], jew eżami tad-Daniż ta’ livell ekwivalenti jew ogħla u,

[…]”

13

Il-kundizzjoni li wieħed jgħaddi mit-test “Prøve i Dansk 1” jew minn eżami ta’ Daniż ta’ livell ekwivalenti jew ogħla, prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin, ġiet introdotta mil-lov nr 572 om ændring af udlændingeloven (il-Liġi Nru 572 li Temenda l-Liġi dwar il-Barranin) tat‑18 ta’ Ġunju 2012, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2012.

Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

X daħlet fit-territorju Daniż fl‑14 ta’ Awwissu 2015 u fil‑21 ta’ Ottubru 2015 ippreżentat quddiem l-Udlændingestyrelsen (l-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni, id-Danimarka), applikazzjoni għal permess ta’ residenza fid-Danimarka, għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi tagħha, Y, ċittadin Tork li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru mis‑27 ta’ Settembru 1979 u li kiseb permess ta’ residenza permanenti fl-imsemmi Stat Membru matul l‑1985.

15

F’din l-applikazzjoni, ġie indikat li Y kien lesta taħriġ fil-lingwa Daniża li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kalkolu tekniku, is-sinjalar tax-xogħlijiet fit-toroq, il-fehim tal-pjanijiet, introduzzjoni għas-settur u għat-tekniki tax-xogħol u li, fi kwalunkwe każ, bħala ħaddiem Tork li jeżerċita attività professjonali fid-Danimarka mill‑1980, jiġifieri għal iktar minn 36 sena, b’mod partikolari bħala mekkanik tekniku, bħala aġent tas-servizz, bħala maniġer ta’ ħanut jew maniġer ta’ maħżen, Y ma kienx obbligat jissodisfa l-kundizzjoni li jgħaddi minn eżami tal-lingwa Daniża, prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin. Ġie ppreċiżat ukoll li l-erbat itfal adulti ta’ Y, ommu u ħutu kollha kienu jgħixu fid-Danimarka.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Marzu 2016, l-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni ċaħad din l-applikazzjoni abbażi tal-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin, minħabba li Y ma kienx wera li kien issodisfa l-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni u li ma kinux jeżistu raġunijiet speċjali li jiġġustifikaw deroga f’dan ir-rigward. L-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni żied li din id-deċiżjoni ma kinitx ikkontestata mill-klawżoli ta’ Standstill, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

17

X ippreżentat rikors amministrattiv quddiem l-Udlændinge-Integrations-og Boligministerium (il-Ministeru għall-Barranin, għall-Integrazzjoni u għall-Akkomodazzjoni, id-Danimarka), li sar l-Udlændinge-og Integrationsministeriet (il-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni, id-Danimarka) kontra l-parti tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Marzu 2016 li tinkludi evalwazzjoni fid-dawl tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-istrumenti relatati miegħu, b’mod partikolari tal-klawżoli ta’ Standstill. Fir-rikors tagħha, X talbet li tiġi eżaminata mill-ġdid il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mas-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066), u tat‑12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247).

18

Fil‑25 ta’ April 2016, l-iStyrelsen for International Rekruttering og Integration (l-Uffiċċju tar-Reklutaġġ Internazzjonali u tal-Integrazzjoni, id-Danimarka) ħareġ permess ta’ residenza fid-Danimarka lil X abbażi tal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata li, wara tiġdid, skada fit‑13 ta’ Settembru 2021.

19

Fis‑27 ta’ Awwissu 2018, X ippreżenta rikors quddiem il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) intiża għall-annullament u għar-rinviju għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2017 sa fejn din id-deċiżjoni tikkonferma li l-klawżoli ta’ Standstill ma kinux jipprekludu ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt nazzjonali rilevanti. L-Uffiċċju ta’ Migrazzjoni ssostitwixxa lill-Ministeru għall-Barranin u għall-Integrazzjoni bħala konvenut fil-kawża prinċipali wara trasferiment tal-kompetenzi.

20

Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Novembru 2019, il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen) irrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li aċċettat li tiddeċidiha fl-ewwel istanza.

21

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kisba ta’ permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork li jirrisjedi legalment u li jaħdem fl-Istat Membru ospitanti għall-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ għarfien tal-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-klawżola ta’ Standstill li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u, fl-affermattiv, jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni b’suċċess ta’ dan il-konjuġi.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li minn ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li l-klawżola ta’ Standstill stabbilita minn din id-dispożizzjoni tostakola l-introduzzjoni minn Stat Membru ta’ restrizzjonijiet ġodda għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ konjuġi jew ulied li ġejjin mit-Turkija, ħlief jekk tali restrizzjoni tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, A, C‑89/18, EU:C:2019:580).

23

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-għan li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenzi tat‑12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 5556, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2019, A, C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 34). Madankollu, minn naħa, hija għadha ma ddeċidietx dwar jekk kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-lingwa tistax tiġi imposta, mhux fuq il-membru tal-familja li jitlob ir-riunifikazzjoni tal-familja mal-ħaddiem Tork li jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq dan il-ħaddiem. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li kundizzjoni li timponi fuq il-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat, li jitlob li jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għar-riunifikazzjoni tal-familja, li jipprova minn qabel il-kisba ta’ għarfien lingwistiku bażiku tal-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq, minħabba li n-nuqqas ta’ prova tal-kisba ta’ għarfien lingwistiku suffiċjenti jwassal awtomatikament għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Dogan, C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

24

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, il-Justitsministeriet (il-Ministeru għall-Ġustizzja, id-Danimarka) qies li ma kienx hemm lok li jiġu emendati l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja stabbiliti mil-Liġi dwar il-Barranin peress li tista’ ssir deroga minnhom meta jkun hemm raġunijiet speċjali li l-eżistenza tagħhom tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

25

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din la hija applikata għaċ-ċittadini Daniżi u lanqas għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont il-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tikkonċerna r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra, oqsma li ma jidhrux li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, jekk hijiex applikabbli r-regola ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u, fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex effett dirett u tistax għalhekk tiġi invokata direttament mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-klawżola ‘standstill’ fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprekludi l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li, bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi, teżiġi – sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi f’każ speċifiku – li l-konjuġi/konkubin jgħaddi minn test tal-lingwa fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, li bħala ħaddiem Tork fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, huwa kopert mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mid-Deċiżjoni Nru 1/80, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx teżiġi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt?

2)

Il-projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tkopri dispożizzjoni nazzjonali li, bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi, teżiġi – sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi f’każ speċifiku – li l-konjuġi/konkubin jgħaddi minn test tal-lingwa fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, li bħala ħaddiem Tork fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, huwa kopert mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mid-Deċiżjoni Nru 1/80, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx teżiġi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx tirrikjedi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt, filwaqt li tali rekwiżit ma japplikax għal ċittadini tal-Istat Membru Nordiku inkwistjoni (f’dan il-każ, id-Danimarka) u ta’ pajjiżi Nordiċi oħra, jew għal persuni oħra li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni (u għalhekk ma japplikax għal ċittadini tal-Unjoni jew taż-ŻEE)?

4)

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, il-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tista’ tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li l-imsemmi ħaddiem jgħaddi minn eżami li jikkonferma ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, u, fl-affermattiv, jekk din il-kundizzjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess tal-imsemmi konjuġi.

30

Għandu jitfakkar li l-klawżola ta’ Standstill stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema min-naħa ta’ ċittadin Tork fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw għalih mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li twebbes il-kundizzjonijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ħaddiema Torok li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli mad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni, għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema min-naħa ta’ dawn il-ħaddiema Torok f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2019, A, C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 28, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 20).

32

Dan huwa l-każ peress li d-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jmur fi Stat Membru sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala impjegat tista’ tiġi influwenzata b’mod negattiv meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tirrendi diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’tali mod li l-imsemmi ċittadin jista’, jekk ikun il-każ, jiġi obbligat jagħżel bejn l-attività tiegħu fl-imsemmi Stat Membru u l-ħajja tal-familja tiegħu fit-Turkija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, A, C‑89/18, EU:C:2019:580, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-punt 5 tal-Artikolu 9(12) tal-Liġi dwar il-Barranin, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fid-Danimarka u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li dan il-ħaddiem jgħaddi minn eżami li jikkonferma ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, ġiet introdotta wara d-data tad-dħul fis-seħħ fid-Danimarka tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li din twassal għal twebbis, fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja, tal-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul fit-territorju Daniż tal-konjuġi ta’ ħaddiema Torok li jirrisjedu legalment fl-imsemmi Stat Membru meta mqabbla ma’ dawk il-kundizzjonijiet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

35

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata, għandu jitfakkar li “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija pprojbita ħlief jekk taqa’ taħt il-limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 23).

36

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

37

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni jikkonsisti f’li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess tal-membru tal-familja li titlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat għar-riunifikazzjoni tal-familja.

38

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali għan jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għall-finijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenzi tat‑12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 56, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Udlændingenævnet, C‑379/20, EU:C:2021:660, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

40

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Daniż jirriżulta li tali leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-integrazzjoni b’suċċess tal-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment fid-Danimarka li jitlob l-għoti ta’ dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru għar-riunifikazzjoni tal-familja billi tiżgura li dan il-ħaddiem juri ċertu livell ta’ għarfien tad-Daniż u jkun, minħabba f’hekk, f’pożizzjoni li jipprova li huwa integrat sew fl-imsemmi Stat Membru u li jista’ jgħin lill-membru tal-familja tiegħu kkonċernat li jitgħallem din il-lingwa u li jintegra ruħu wkoll f’dan l-istess Stat Membru.

41

Huwa minnu li l-pussess, minn ħaddiem Tork li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ livell suffiċjenti ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, ikkonfermat mill-fatt li jkun għadda minn eżami bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jippermetti lil dan il-ħaddiem jakkumpanja lill-membru tal-familja tiegħu li jitlob dritt ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-imsemmi ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru fil-proċess ta’ integrazzjoni tiegħu f’dan tal-aħħar.

42

B’dan premess, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, minkejja li l-għan li għandu jintlaħaq minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dak tal-integrazzjoni b’suċċess tal-membru tal-familja li jitlob il-benefiċċju tar-riunifikazzjoni tal-familja, tali leġiżlazzjoni bl-ebda mod ma tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ integrazzjoni tiegħu stess, iżda hija bbażata esklużivament fuq il-premessa li l-integrazzjoni b’suċċess ta’ dan tal-aħħar ma hijiex suffiċjentement iggarantita jekk il-ħaddiem Tork ikkonċernat minn din l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma jissodisfax il-kundizzjoni li jkollu għarfien tal-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

43

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Daniż ikkonċeda li, anki jekk jirriżulta li, f’dan il-każ, il-konjuġi ta’ tali ħaddiem kienet taf id-Daniż perfettament, l-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza fid-Danimarka għar-riunifikazzjoni tal-familja kienet tiġi madankollu miċħuda peress li dan il-ħaddiem ma ssodisfax il-kundizzjoni li jgħaddi minn eżami tal-lingwa Daniża.

44

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 sa 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali wkoll ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu li hija timponi li wieħed ikun għadda minn eżami lingwistiku, fatturi li jistgħu juru l-integrazzjoni effettiva tal-ħaddiem Tork ikkonċernat mill-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja u, għaldaqstant, il-fatt li, minkejja li ma jkunx għadda minn dan l-eżami, dan il-ħaddiem jista’, jekk ikun neċessarju, jikkontribwixxi fl-integrazzjoni tal-membru tal-familja tiegħu f’dan l-Istat Membru.

45

B’mod partikolari, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu li wieħed jgħaddi mill-eżami tal-lingwa Daniża għal raġunijiet speċjali marbuta b’mod partikolari mal-unità tad-dar tal-familja tapplika biss fil-każijiet limitati mfakkra fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u mingħajr ma tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali, tal-kapaċitajiet ta’ integrazzjoni tal-membru tal-familja stess li jitlob il-benefiċċju tar-riunifikazzjoni tal-familja u tal-integrazzjoni effettiva tal-ħaddiem Tork ikkonċernat minn din l-applikazzjoni.

46

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li dan il-ħaddiem jgħaddi minn eżami li jikkonferma ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita l-integrazzjoni b’suċċess ta’ dan il-konjuġi peress li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni la l-kapaċitajiet ta’ integrazzjoni ta’ dan il-konjuġi stess, u lanqas fatturi, minbarra li jkun għadda minn tali eżami, li juru l-integrazzjoni effettiva tal-imsemmi ħaddiem fl-Istat Membru kkonċernat u, għaldaqstant, il-kapaċità tiegħu li jgħin lill-konjuġi tiegħu sabiex jintegra f’dan l-Istat Membru.

Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda

48

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domanda.

Fuq l‑ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

leġiżlazzjoni nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru kkonċernat, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru u l-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li dan il-ħaddiem jgħaddi minn eżami li jikkonferma ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi ggarantita l-integrazzjoni b’suċċess ta’ dan il-konjuġi peress li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni la l-kapaċitajiet ta’ integrazzjoni ta’ dan il-konjuġi stess, u lanqas fatturi, minbarra li jkun għadda minn tali eżami, li juru l-integrazzjoni effettiva tal-imsemmi ħaddiem fl-Istat Membru kkonċernat u, għaldaqstant, il-kapaċità tiegħu li jgħin lill-konjuġi tiegħu sabiex jintegra f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top