This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0235
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 29 September 2022.#Raiffeisen Leasing v Republika Slovenija.#Request for a preliminary ruling from the Vrhovno sodišče Republike Slovenije.#Reference for a preliminary ruling – Common system of value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Article 203 – Sale-and-lease back agreement – Persons liable for payment of VAT – Possibility of treating a written contractual agreement as an invoice.#Case C-235/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-29 ta’ Settembru 2022.
RAIFFEISEN LEASING, trgovina in leasing d. o. o. vs Republika Slovenija.
Talba għal deċiżjoni, preliminari imressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KEE – Artikolu 203 – Kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura – Persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT – Possibbiltà li kuntratt bil-miktub jiġi assimilat għal fattura.
Kawża C-235/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-29 ta’ Settembru 2022.
RAIFFEISEN LEASING, trgovina in leasing d. o. o. vs Republika Slovenija.
Talba għal deċiżjoni, preliminari imressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KEE – Artikolu 203 – Kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura – Persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT – Possibbiltà li kuntratt bil-miktub jiġi assimilat għal fattura.
Kawża C-235/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:739
*A9* Vrhovno sodišče Republike Slovenije, Predhodno 17/03/2021 (X Ips 91/2020-25)
*P1* Vrhovno sodišče, Sklep 16/11/2022 (ECLI:SI:VSRS:2022:X.IPS.91.2020)
Publication Flash News "Décisions de suivi" N° 1/23
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
29 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KEE – Artikolu 203 – Kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura – Persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT – Possibbiltà li kuntratt bil-miktub jiġi assimilat għal fattura”
Fil-Kawża C‑235/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2021, fil-proċedura
Raiffeisen Leasing, trgovina in leasing d. o. o.
vs
Republika Slovenija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Raiffeisen Leasing, trgovina in leasing d. o. o., minn A. Cankar, odvetnik, |
– |
għar-Republika Slovenija, minn A. Vran, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, U. Babovič u A. Kraner, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Raiffeisen Leasing, trgovina in leasing d.o.o. (iktar ’il quddiem “Raiffeisen Leasing”), u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-Ministrstvo za finance (il-Ministeru għall-Finanzi, is-Slovenja), dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
It-Titolu IV, intitolat “Transazzjonijiet taxxabbli”, tad-Direttiva 2006/112 jinkludi Kapitolu 1, intitolat “Provvista ta’ merkanzija”. |
4 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li jinsab f’dan il-Kapitolu 1, jipprevedi: “1. ‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli. 2. Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija: […]
[…]” |
5 |
It-titolu XI, intitolat “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”, tal-imsemmija direttiva jinkludi Kapitolu 1, intitolat “L-obbligu ta’ ħlas”, li t-Taqsima 1 tiegħu hija intitolata “Persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa lill-awtoritajiet tat-taxxa”. |
6 |
L-Artikolu 203 tal-istess direttiva, li jinsab f’din it-taqsima, jipprovdi: “Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura.” |
7 |
Fi ħdan il-Kapitolu 3, intitolat “Fatturazzjoni”, li jagħmel parti mill-imsemmi Titolu XI tad-Direttiva 2006/112, jinsabu t-Taqsima 2, intitolata “Il-kunċett ta’ fattura”, li tinkludi l-Artikolu 218 u 219, it-Taqsima 3, intitolata “Il-ħruġ ta’ fatturi”, li tinkludi l-Artikoli 220 sa 225, kif ukoll it-Taqsima 4, intitolata “Kontenut tal-fatturi”, li tinkludi l-Artikoli 226 sa 231. |
8 |
L-Artikolu 218 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’forma elettronika bħala fatturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.” |
9 |
L-Artikolu 219 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Kwalunkwe dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura inizzjali għandu jitqies bħala fattura.” |
10 |
L-Artikolu 220 tal-istess direttiva jiddisponi: “Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dak li ġej, tinħareġ fattura, jew hi nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:
[…]” |
11 |
Skont l-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112: “Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221: […]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 227 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom u li jipprovdu merkanzija jew servizzi hemmhekk jindikaw in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, imsemmi fl-Artikolu 214, tal-konsumatur f’każijiet għajr dawk imsemmija fil-punt (4) ta’ l-Artikolu 226” |
13 |
L-Artikolu 229 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri m’għandhomx jitolbu li l-fatturi jkunu ffirmati.” |
Id-dritt Sloven
14 |
Skont l-Artikolu 67 taz-zakon o davku na dodano vrednost – ZDDV-1 (il-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, Uradni list RS, Nru 117/06, tas-16 ta’ Novembru 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali: “Sabiex teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
15 |
L-Artikolu 76 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Il-VAT għandha titħallas minn: […] 9) kwalunkwe persuna li ssemmi l-VAT fil-fattura.” |
16 |
L-Artikolu 81(8) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, huma kkunsidrati bħala fatturi d-dokumenti kollha fuq il-karta jew forma elettronika li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 80.a sa 84.a ta’ din il-liġi.” |
17 |
L-Artikolu 82 tal-istess liġi jelenka d-data li l-persuna taxxabbli għandha tindika fil-fattura, filwaqt li l-Artikolu 83 ta’ din il-liġi jelenka d-data li l-persuna taxxabbli għandha tindika fil-fattura ssemplifikata. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
RED d.o.o. kienet proprjetarja ta’ art u ta’ dar f’Rožna dolina, fil-muniċipalità ta’ Ljubljana (is-Slovenja). Din il-kumpannija xtaqet tibni f’dan il-post bini ġdid. Fid‑19 ta’ Novembru 2007, hija kkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura (sale-and-lease back) ma’ Raiffeisen Leasing. Skont dan il-kuntratt, Raiffeisen Leasing obbligat ruħha tixtri l-art għal prezz u RED li tħallas lil Raiffeisen Leasing il-ħlasijiet mensili tal-leasing sar-rimbors sħiħ tal-valur tal-art u tal-bini li għandu jinbena, jiġifieri somma ta’ EUR 1 294 786.56 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura”). L-ammont tal-VAT ta’ EUR 110 056.86 kien jidher f’dan il-kuntratt. |
19 |
Raiffeisen Leasing ma ħarġitx fattura lil RED abbażi tal-kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura, peress li l-VAT la ġiet iffatturata u lanqas imħallsa minnha. RED sostniet, abbażi tal-kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, billi sostniet li dan il-kuntratt kien jikkostitwixxi fattura. |
20 |
Fit‑22 ta’ Novembru 2007, il-partijiet għall-kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura kkonkludew kuntratt ta’ bejgħ tal-art (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ bejgħ”), li fih ġie ffissat prezz ta’ bejgħ li jinkludi l-VAT. RED stabbilixxiet għal Raiffeisen Leasing fattura li fiha ġiet ikkunsidrata l-VAT. |
21 |
Matul ix-xahar ta’ Novembru 2007, Raiffeisen Leasing invokat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi tal-kuntratt ta’ bejgħ. |
22 |
Peress li RED ma ssodisfatx l-obbligi tagħha previsti fil-kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura fit-terminu previst, il-partijiet xoljew dan il-kuntratt fil‑21 ta’ Ottubru 2011. Sussegwentement, Raiffeisen Leasing biegħet l-art lil terza persuna bi prezz li jinkludi l-VAT. |
23 |
Fil‑25 ta’ Lulju 2014, RED ingħatat deċiżjoni tal-awtorità fiskali Slovena, li ċaħdet it-talba tagħha għal tnaqqis tal-VAT abbażi tal-imsemmi kuntratt. L-imsemmija deċiżjoni tal-awtorità fiskali ċaħdet ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali u, għaldaqstant, Raiffeisen Leasing kisbet id-dritt li tnaqqas, permezz ta’ aġġustament, il-VAT dovuta. Madankollu, l-awtorità fiskali kkonstatat li din il-kumpannija ma kinitx ħallset il-VAT dovuta għall-perijodu mit‑3 ta’ Jannar 2008 sal‑25 ta’ Lulju 2014. Għaldaqstant, din l-awtorità ordnat lil Raiffeisen Leasing tħallas interessi fuq id-dejn fiskali fl-ammont ta’ EUR 50 571.88. |
24 |
Fir-rigward tat-tranżazzjoni msemmija fil-kuntratt ta’ bejgħ, l-awtorità fiskali kkonstatat li din kienet eżentata mill-VAT. |
25 |
Madankollu, peress li l-partijiet fil-kuntratt ta’ bejgħ ma ppreżentawx dikjarazzjoni ta’ tassazzjoni li tippermetti l-issuġġettar fakultattiv tat-tranżazzjoni inkwistjoni, l-awtorità fiskali kkunsidrat li d-dritt għal tnaqqis ma setax jiġi invokat indipendentement mill-fatt li fattura kienet inħarġet li tesponi l-VAT li ma kinitx dovuta. |
26 |
Konsegwentement, Raiffeisen Leasing ġie impost fuqha l-ħlas ta’ VAT addizzjonali li jammonta għal EUR 44200, flimkien mal-interessi li jammontaw għal EUR 11 841.97. |
27 |
Fl-opinjoni tal-awtorità fiskali, il-fatt li l-art kienet, sussegwentement, mibjugħa minn Raiffeisen Leasing huwa irrilevanti, peress li dan il-bejgħ kien is-suġġett tal-applikazzjoni tal-VAT. |
28 |
Wara li eżawriet ir-rimedji amministrattivi, Raiffeisen Leasing ippreżentat rikors quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja), li ċaħdet ir-rikors tagħha. Sussegwentement hija ppreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Vrhovno sodišče (il‑Qorti Suprema, is-Slovenja). |
29 |
Din l-aħħar qorti tfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li titħallas il-VAT bħala konsegwenza tal-istabbiliment ta’ fattura li ssemmi l-VAT jista’ jinħoloq anki jekk il-fattura ma tinkludix ċerta informazzjoni li hija meħtieġa mid-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari fil-każ fejn il-post tal-provvista tas-servizz ipprovdut ma jkunx indikat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, C‑566/07, EU:C:2009:380, punti 26 u 27). |
30 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li kuntratt, inkwantu att li jaqa’ taħt id-dritt tal-obbligi, jista’ jkun distint minn fattura u jikkostitwixxi biss il-bażi legali tat-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, peress li l-fattura għandha tiġi stabbilita fil-mument tal-okkorrenza tal-fatt taxxabbli tal-obbligu li titħallas il-VAT. |
31 |
Għaldaqstant, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk kuntratt jistax jitqies bħala fattura, fis-sens tal-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, biss meta jkun oġġettivament juri r-rieda, espressa b’mod ċar mill-partijiet, li jassimilaha ma’ fattura marbuta ma’ tranżazzjoni partikolari, peress li tali kuntratt jista’ b’mod raġonevoli jagħti lill-akkwirent il-konvinzjoni li huwa jista’, abbażi tiegħu, inaqqas il-VAT tal-input. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Fil-każ ta’ risposta negattiva,
B’mod iktar konkret,
|
Fuq id-domandi preliminari
33 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura, li l-konklużjoni tiegħu ma ġietx segwita mill-istabbiliment ta’ fattura mill-partijiet, jistax jitqies bħala fattura, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, fl-affermattiv, liema huma l-elementi li dan il-kuntratt għandu obbligatorjament jinkludi sabiex ikun jista’ jitqies bħala tali fattura. |
34 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, li jiġi eżaminat jekk l-imsemmi kuntratt jesprimix oġġettivament ir-rieda tal-bejjiegħ jew tal-fornitur ta’ servizzi li jkun, bħal fil-każ ta’ fattura, tali li jista’ joħloq fix-xerrej il-konvinzjoni li huwa jista’, abbażi tal-istess kuntratt, inaqqas il-VAT tal-input. |
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-VAT indikata fuq fattura hija dovuta mill-persuna li toħroġ dik il-fattura, inkluż fin-nuqqas ta’ kull tranżazzjoni taxxabbli reali (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, P, (Karti tal-fjuwil), C‑48/20, EU:C:2021:215, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
L-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 huwa intiż sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jista’ joħloq id-dritt għal tnaqqis previst minn din id-direttiva (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, P, (Karti tal-fjuwil), C‑48/20, EU:C:2021:215, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fir-rigward tal-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, l-iskop tal-kontenut li għandu dejjem jidher fuq fattura huwa li l-amministrazzjonijiet fiskali jkunu jistgħu jikkontrollaw il-ħlas tat-taxxa dovuta u, fejn ikun applikabbli, l-eżistenza tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 27). |
38 |
Min-naħa l-oħra, il-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis ta’ din it-taxxa tal-input jingħata jekk il-kundizzjonijiet sostantivi jkunu ssodisfatti, anki jekk il-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti rekwiżiti proċedurali. Konsegwentement, meta l-amministrazzjoni fiskali jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li r-rekwiżiti sostantivi huma ssodisfatti, din ma tistax, fir-rigward tad-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas din it-taxxa, timponi kundizzjonijiet supplimentari li jista’ jkollhom l-effett li jġibu fix-xejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-amministrazzjoni fiskali ma tistax tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tal-VAT għas-sempliċi raġuni li fattura ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa mill-punti 6 u 7 tal-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, jekk hija għandha l-informazzjoni kollha sabiex tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi għal dan id-dritt huma ssodisfatti (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 43). |
40 |
Ċertament, ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-eżistenza u r-regolarità ta’ fattura u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT ma hijiex awtomatika, fis-sens li, l-ewwel nett, dan id-dritt huwa, bħala prinċipju, marbut mat-twettiq effettiv tal-kunsinna ta’ oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi inkwistjoni u, it-tieni, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis ma jestendix għal taxxa li hija dovuta esklużivament għaliex hija indikata fuq fattura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Lulju 2013, Menidzherski biznes reshenia, C‑572/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:456, punti 19 u 20). |
41 |
Madankollu, sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza u hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 huwa li jiġi eliminat ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali, dan ir-riskju jista’ jiġi evitat fil-każ fejn l-amministrazzjoni fiskali jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT humiex issodisfatti, indipendentement mill-punt dwar jekk il-VAT ġietx indikata f’dokument bit-titolu “Fattura” jew f’dokument ieħor, bħal kuntratt konkluż mill-partijiet. |
42 |
Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala fattura, fis-sens tal-Artikolu 203 ta’ din id-direttiva, dokument għandu, minn naħa, isemmi l-VAT u, min-naħa l-oħra, jinkludi l-informazzjoni msemmija fid-dispożizzjonijiet tat-Titolu XI tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolata “Kontenut tal-fatturi”, li huma neċessarji sabiex l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT humiex issodisfatti. |
43 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li jiġi eżaminat jekk, fl-ipoteżi li d-dokument inkwistjoni huwa kuntratt, dan jesprimix oġġettivament ir-rieda tal-partijiet f’dan il-kuntratt li din tkun fattura li tista’ tagħti lill-parti kontraenti l-konvinzjoni li hija tista’, abbażi ta’ dan il-kuntratt, tnaqqas il-VAT tal-input. |
44 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet kollha tal-kuntratt ta’ trasferiment ta’ bejgħ u kiri lura, jekk dan tal-aħħar fihx effettivament l-informazzjoni neċessarja f’dan il-każ sabiex l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT humiex issodisfatti. |
45 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, il-kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura kien jindika ċertament l-ammont tal-VAT iżda mhux ir-rata ta’ din it-taxxa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din ir-rata setgħetx madankollu titnaqqas minn dan il-kuntratt. |
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ trasferiment ta’ bejgħ u kiri lura, li l-konklużjoni tiegħu ma ġietx segwita mill-istabbiliment ta’ fattura mill-partijiet, jista’ jitqies bħala fattura, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ fejn dan il-kuntratt jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT humiex issodisfatti f’dan il-każ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
kuntratt ta’ bejgħ u kiri lura, li l-konklużjoni tiegħu ma ġietx segwita mill-istabbiliment ta’ fattura tal-VAT mill-partijiet, jista’ jitqies bħala fattura, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ fejn dan il-kuntratt jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tkun tista’ tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud humiex issodisfatti f’dan il-każ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.