EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0147

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Jannar 2023.
Comité interprofessionnel des huiles essentielles françaises (CIHEF) et vs Ministre de la Transition écologique u Premier ministre.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti bijoċidali – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Artikolu 72 – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri restrittivi fil-qasam tal-prattiki kummerċjali u tar-reklamar – Modalitajiet ta’ bejgħ li ma jaqgħux taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE – Ġustifikazzjoni – Artikolu 36 TFUE – Għan ta’ preservazzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent – Proporzjonalità.
Kawża C-147/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:31

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti bijoċidali – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Artikolu 72 – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri restrittivi fil-qasam tal-prattiki kummerċjali u tar-reklamar – Modalitajiet ta’ bejgħ li ma jaqgħux taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE – Ġustifikazzjoni – Artikolu 36 TFUE – Għan ta’ preservazzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑147/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

Comité interprofessionnel des huiles essentielles françaises (CIHEF),

Florame,

Hyteck Aroma-Zone,

Laboratoires Gilbert,

Laboratoire Léa Nature,

Laboratoires oméga Pharma France,

Pierre Fabre Médicament,

Pranarom France,

Puressel France

vs

Ministre de la Transition écologique,

Premier ministre

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Comité interprofessionnel des huiles essentielles françaises (CIHEF), Florame, Hyteck Aroma-Zone, Laboratoires Gilbert, Laboratoire Léa Nature, Laboratoires Oméga Pharma France, Pierre Fabre Médicament, Pranarom France u Puressentiel France, minn A. Bost, V. Lehmann u M. Ragot, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain u T. Stéhelin, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 57), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, L 103, p. 22, rettifika fil-ĠU 2017, L 81, p. 20) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 528/2012”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Comité interprofessionnel des huiles essentielles françaises (CIHEF) (il-Kumitat Interprofessjonali taż-Żjut Essenzjali Franċiż) flimkien ma’ tmien kumpanniji li joperaw fis-settur taż-żjut essenzjali u l-ministre de la Transition écologique (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika) flimkien mal-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), dwar rikors intiż għall-annullament, minn naħa, tad-Digriet Nru 2019-642, tas‑26 ta’ Ġunju 2019, dwar il-prattiki kummerċjali pprojbiti għal ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali (JORF tas‑27 ta’ Ġunju 2019, p. 10), u, min-naħa l-oħra, tad-Digriet Nru 2019-643, tas‑26 ta’ Ġunju 2019, dwar ir-reklamar kummerċjali għal ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali (JORF tas‑27 ta’ Ġunju 2019, p. 11).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1 sa 3, 6, 28 u 31 tar-Regolament Nru 528/2012 jistabbilixxu:

“(1)

Il-prodotti bijoċidali huma meħtieġa għall-kontroll ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u għall-kontroll ta’ organiżmi li jikkawżaw ħsara lill-materjali naturali jew manifatturati. Madankollu, il-prodotti bijoċidali jistgħu joħolqu riskji għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom u l-modi ta’ użu assoċjati magħhom.

(2)

Il-prodotti bijoċidali la għandhom jitqiegħdu fis-suq u lanqas jintużaw sakemm ma jkunux awtorizzati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-oġġetti trattati ma għandhomx jiġu introdotti fis-suq sakemm is-sustanzi attivi kollha li jinsabu fil-prodotti bijoċidali li ġew itrattati bihom jew li huma jinkorporaw ikunu approvati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(3)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-moviment liberu tal-prodotti bijoċidali fl-Unjoni waqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni kemm għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa tqal u t-tfal. Dan ir-Regolament għandu jkun sostnut mill-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jiġi żgurat li l-manifattura u t-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq ta’ sustanzi attivi u prodotti bijoċidali ma jirriżultawx f’effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew f’effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent. Bil-ħsieb li jitneħħew kemm jista’ jkun l-ostakoli għall-kummerċ tal-prodotti bijoċidali, għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi u t-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, inklużi regoli dwar ir-rikonoxximent komuni tal-awtorizzazzjonijiet u dwar il-kummerċ parallel.

[…]

(6)

Meta jitqiesu l-bidliet ewlenin li għandhom jitwettqu għar-regoli eżistenti, regolament huwa l-istrument legali adatt sabiex jissostitwixxi d-Direttiva 98/8/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3)] sabiex jiġu stabbiliti regoli ċari, dettaljati u direttament applikabbli. Barra minn hekk, regolament jiżgura li r-rekwiżiti legali jiġu implimentati fl-istess ħin u b’mod armonizzat fl-Unjoni kollha.

[…]

(28)

Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti bijoċidali biss li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jitqiegħdu fis-suq, il-prodotti bijoċidali għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti għat-tqegħid fis-suq u l-użu ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru, jew parti minnu, jew mill-Kummissjoni għat-tqegħid fis-suq u l-użu ġewwa l-Unjoni.

[…]

(31)

Jeħtieġ li jiġu pprovduti prinċipji komuni għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat mill-awtoritajiet kompetenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u suġġett”, jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-għan tiegħu hu li jkunu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għal:

a)

l-istabbiliment fil-livell tal-Unjoni ta’ lista ta’ sustanzi attivi li jistgħu jintużaw fil-prodotti bijoċidali;

b)

l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali;

c)

ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet fl-Unjoni;;

d)

it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fi Stat Membru wieħed jew aktar jew fl-Unjoni;

e)

l-introduzzjoni fis-suq ta’ oġġetti ttrattati.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi,

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti bijoċidali u oġġetti ttrattati. Lista tat-tipi tal-prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-Regolament u d-deskrizzjonijiet tagħhom hija stabbilita fl-Anness V.

[…]

3.   Soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni espliċita kuntrarja f’dan ir-Regolament jew f’leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-istrumenti li ġejjin:

[…]

k)

Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv [ĠU 2006, L 376, p. 21];

[…]

m)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet[, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8)];

[…]”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

i)

‘tqegħid fis-suq’ tfisser kwalunkwe forniment matul attività kummerċjali jew l-użu ta’ prodott bijoċidali jew ta’ oġġett ittrattat għad-distribuzzjoni, sew jekk bi ħlas kif ukoll jekk b’xejn;

j)

‘introduzzjoni fis-suq’ tfisser l-ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodott bijoċidali jew ta’ oġġett ittrattat;

k)

‘użu’ tfisser l-operazzjonijiet kollha li jitwettqu bi prodott bijoċidali, inklużi l-ħżin, il-manipulazzjoni, it-taħlit u l-applikazzjoni, għajr kwalunkwe tali operazzjoni mwettqa bil-ħsieb tal-esportazzjoni ta’ prodott bijoċidali jew l-oġġett ittrattat ‘il barra mill-Unjoni;

[…]

y)

‘reklam’ tfisser mezz għall-promozzjoni tal-bejgħ jew l-użu ta’ prodotti bijoċidali permezz ta’ media stampata, elettronika jew mod ieħor;

[…]”

7

Fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Prinċipji ġenerali rigward l-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali”, jinsab l-Artikolu 17 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali”, li huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prodotti bijoċidali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw sakemm ma jkunux awtorizzati skont dan ir-Regolament.

[…]

5.   Prodotti bijoċidali għandhom jintużaw skont it-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 22(1) u r-rekwiżiti ta’ ttikkettar u imballaġġ stipulati fl-Artikolu 69.

L-użu korrett għandu jinvolvi l-applikazzjoni razzjonali ta’ għaqda fiżika, bijoloġika, kimika jew ta’ miżuri oħra skont il-każ, li bihom l-użu tal-prodotti bijoċidali jiġi limitat għall-minimu meħtieġ u jittieħdu l-passi ta’ prekawzjoni adatti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħtu lill-pubbliku l-infomazzjoni adatta dwar il-benefiċċji u r-riskji assoċjati mal-prodotti bijoċidali u l-modi ta’ kif għandu jitnaqqas l-użu tagħhom.

[…]”

8

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri għall-użu sostenibbli ta’ prodotti bijoċidali”, jipprevedi:

“Sat-18 ta’ Lulju 2015 il Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar kif dan ir-Regolament jikkontribwixxi għal użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali, inkluż dwar il-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri addizzjonali, b’mod partikolari għall-utenti professjonali, biex jitnaqqsu r-riskji li jinħolqu għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent mill-prodotti bijoċidali. Dan ir-rapport għandu, inter alia, jeżamina:

a)

il-promozzjoni tal-aħjar prattika bħala mezz tat-tnaqqis tal-prodotti bijoċidali għall-minimu;

b)

l-approċċi l-iktar effettivi għall-monitoraġġ tal-użu tal-prodotti bijoċidali;

c)

l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ prinċipji tal-ġestjoni ta’ annimali dannużi fir-rigward tal-użu tal-prodotti bijoċidali;

d)

ir-riskji li joħloq l-użu tal-prodotti bijoċidali f’żoni speċifiċi bħal skejjel, postijiet tax-xogħol, kindergartens, spazji pubbliċi, ċentri ta’ kura ġerjatrika jew fil-viċinanza tal-ilma tal-wiċċ jew ilma tal-qiegħ u jekk hemmx ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali biex jindirizzaw dawk ir-riskji;

e)

ir-rwol li r-rendiment aħjar tal-apparat li jintuża għall-applikazzjoni tal-prodotti bijoċidali jista’ jkollu rigward l-użu sostenibbli.

Fuq il-bażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tissottometti proposta għall-adozzjoni skont il-proċedura leġislattiva ordinarja.”

9

Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-għotja ta’ awtorizzazzjoni”:

“1.   Prodott bijoċidali għajr dawk eliġibbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni simplifikata f’konformità mal-Artikolu 25 għandu jiġi awtorizzat sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

is-sustanzi attivi jkunu inklużi fl-Anness I jew approvati għat-tip ta’ prodott rilevanti u tkun issodisfata kwalunkwe kundizzjoni speċifikata għal dawk is-sustanzi attivi;

b)

jiġi stabbilit skont il-prinċipji komuni għall-evalwazzjoni tad-dossiers għall-prodotti bijoċidali stipulati fl-Anness VI, li l-prodott bijoċidali, meta jintuża kif inhu awtorizzat u jitqiesu l-fatturi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ikun jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

i)

il-prodott bijoċidali huwa effikaċi biżżejjed;

ii)

il-prodott bijoċidali ma għandu l-ebda effett mhux aċċettabbli fuq l-organiżmi fil-mira, b’mod partikolari reżistenza mhux aċċetabbli jew reżistenza indiretta jew sofferenza u wġigħ żejjed għall-vertebrati;

iii)

il-prodott bijoċidali ma għandu l-ebda effett mhux aċċettabbli immedjat jew li jdum, hu nnifsu u lanqas bħala riżultat tar-residwi tiegħu, fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluża s-saħħa ta’ gruppi vulnerabbli, jew tal-annimali, direttament jew permezz tal-ilma tax-xorb, l-ikel, l-għalf, l-arja, jew permezz ta’ effetti indiretti oħrajn;

iv)

il-prodott bijoċidali ma għandu l-ebda effett mhux aċċettabbli minnu nnifsu, jew minħabba r-residwi tiegħu, fuq l-ambjent […]”

10

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikant għal awtorizzazzjoni għandu jissottometti d-dokumenti li ġejjin flimkien mal-applikazzjoni:

a)

għal prodotti bijoċidali għajr prodotti bijoċidali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25:

i)

dossier jew ittra ta’ aċċess għall-prodott bijoċidali li jissodisfa/tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III;

ii)

sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali inkluża l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (e) sa (q) tal-Artikolu 22(2), skont kif japplika;

iii)

dossier jew ittra ta’ aċċess għall-prodott bijoċidali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II għal kull sustanza attiva fil-prodott bijoċidali;

b)

għal prodotti bijoċidali li l-applikant iqis li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25:

i)

sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali kif imsemmi fil-punt (a)(ii) ta’ dan il-paragrafu;

ii)

data dwar l-effikaċja; u

iii)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra b’appoġġ għall-konklużjoni li l-prodott bijoċidali jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25.”

11

Il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Proċedura ta’ awtorizzazzjoni simplifikata”, jinkludi l-Artikoli 25 sa 28 tiegħu, li jipprevedu l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni applikabbli għall-prodotti bijoċidali li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

12

Fil-Kapitolu XIII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oġġetti ttrattati”, jinsab l-Artikolu 58 tiegħu, li huwa stess huwa intitolat “L-introduzzjoni fis-suq ta’ oġġetti ttrattati”, li jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Oġġett ittrattat ma għandux jiġi introdott fis-suq sakemm is-sustanzi attivi kollha li jinsabu fil-prodotti bijoċidali li ġew ittrattat bihom jew li jinkorporaw mhumiex inklużi fil-lista mfassla skont l-Artikolu 9(2), għat-tip u l-użu tal-prodott rilevanti, jew fl-Anness I, u tkun sodisfatta kwalunkwe kondizzjoni jew restrizzjoni speċifikata hemmhekk.”

13

Il-Kapitolu XV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni u Komunikazzjoni”, jinkludi t-Taqsima 2, li min-naħa tagħha hija intitolata “Informazzjoni dwar il-prodotti bijoċidali”, komposta mill-Artikoli 69 sa 73 tal-istess regolament. L-Artikolu 69, huwa stess intitolat “Klassifikazzjoni, imballaġġ u tikkettar tal-prodotti bijoċidali”, jipprovdi:

“1.   Id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li prodotti bijoċidali huma kklassifikati, imballati u ttikkettjati skont is-sommarju approvat tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet dwar periklu u d-dikjarazzjonijiet dwar prekawzjoni, kif imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 22(2), u d-Direttiva 1999/45/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 24, p. 109)] u, fejn applikabbli, ir-Regolament [Nru 1272/2008].

Barra minn hekk, il-prodotti li wieħed jista’ jaħsibhom ikel, inkluż xorb, jew għalf għandhom jiġu mballati b’tali mod li titnaqqas il-possibbiltà li jsir tali żball. Jekk ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali, għandhom jinkludu komponenti li jiskoraġġixu l-konsum tagħhom u, b’mod partikolari, ma għandhomx ikunu attraenti għat-tfal.

2.   Barra mill-konformità mal-paragrafu 1, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li t-tikketti ma għandhomx iqarrqu fir-rigward tar-riskji tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu u, fi kwalunkwe każ, ma għandhomx isemmu l-indikazzjonijiet ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘ma jagħmilx ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew indikazzjonijiet simili. Barra minn hekk, it-tikketta għandha turi b’mod ċar u li ma jitħassarx din l-informazzjoni li ġejja:

[…]

f)

l-użi li l-prodott bijoċidali huwa awtorizzat għalihom;

g)

l-istruzzjonijiet għall-użu, il-frekwenza tal-applikazzjoni u r-rata tad-doża, espressa f’unitajiet metriċi, b’mod li jagħmel sens u li jiftiehem mill-utent, għal kull użu previst fit-termini tal-awtorizzazzjoni;

[…]

i)

jekk akkumpanjata b’fuljett, is-sentenza “Aqra l-istruzzjonijiet mehmuża qabel l-użu” u fejn applikabbli, twissijiet għall-gruppi vulnerabbli;

[…]

m)

fejn applikabbli, il-kategoriji tal-utenti li l-prodott bijoċidali huwa ristrett għalihom;

n)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar kwalunkwe periklu speċifiku għall-ambjent b’mod partikolari dwar il-protezzjoni ta’ organiżmi li mhumiex fil-mira u l-evitar tal-kontaminazzjoni tal-ilma;

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu:

a)

il-forniment ta’ mudelli jew abbozzi tal-imballaġġ, it-tikkettjar u l-fuljetti;

b)

li l-prodotti bijoċidali jitqiegħdu fis-suq fit-territorji tagħhom ikunu ttikkettati bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tagħhom.”

14

Il-Kapitolu XV tar-Regolament Nru 528/2012 jinkludi wkoll l-Artikolu 72, intitolat “Reklamar”, li huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kwalunkwe reklam għal prodotti bijoċidali għandu, barra milli jkun konformi mar-Regolament [Nru 1272/2008], jinkludi s-sentenzi ‘Uża s-sustanzi bijoċidali b’mod sikur. Għandek dejjem taqra t-tikketta u l-informazzjoni tal-prodott qabel ma tużah’. Is-sentenzi għandhom ikunu jingħarfu b’mod ċar u li jinqraw b’relazzjoni għar-reklam kollu.

2.   Dawk li jirreklamaw jistgħu jissostitwixxu l-kliem ‘sustanzi bijoċidali’ fis-sentenzi preskritti b’referenza ċara għat-tip ta’ prodott li jkun qiegħed jiġi rreklamat.

3.   Ir-reklami għall-prodotti bijoċidali ma għandhomx jirriferu għall-prodott b’manjiera li tqarraq fir-rigward tar-riskji mill-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, ir-reklamar ta’ prodott bijoċidali ma għandux isemmi ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘mhux ta’ ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew kwalunkwe indikazzjoni simili.”

15

L-Anness V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tipi ta’ prodotti bijoċidali u d-deskrizzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2(1)”, jipprovdi:

“Grupp Prinċipali 1: Disinfettanti

[…]

Tip ta’ prodott 2: Diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew l-annimali

[…]

Tip ta’ prodott 4: Żoni tal-ikel u tal-għalf

[…]

Grupp Prinċipali 3: Kontroll tal-infestazzjonijiet

Tip ta’ prodott 14: Rodentiċidi

[…]

Tip ta’ prodott 18: Insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra

[…]”

Id‑dritt Franċiż

16

L-Artikolu L. 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent jipprovdi:

“Kull reklamar kummerċjali għandu jkun ipprojbit għal ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali ddefiniti mir-Regolament [Nru 528/2012].

Permezz ta’ deroga mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, ir-reklamar intiż għal utenti professjonali għandu jkun awtorizzat fil-post fejn il-prodotti jiġu ddistribwiti lil tali utenti u f’pubblikazzjonijiet indirizzati lil tali utenti.

Wara konsultazzjoni mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu jiġi adottat digriet li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati b’riferiment għar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u l-mod li bih tali reklami jistgħu jkunu ppreżentat. Tali reklami għandhom jindikaw b’mod ċar l-użu u l-applikazzjoni xierqa tal-prodotti, sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, kif ukoll il-perikoli potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.”

17

L-Artikolu L. 522-18 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“B’rabta mal-bejgħ ta’ prodotti bijoċidali ddefiniti fl-Artikolu L. 522‑1, għandhom jiġu pprojbiti skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ fis-sens tal-Artikolu L. 441‑1 tal-Kodiċi Kummerċjali, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti. Għandha tkun ipprojbita kwalunkwe prattika kummerċjali maħsuba biex tevadi din il-projbizzjoni, direttament jew indirettament, permezz tal-għoti ta’ skontijiet, riduzzjoni tal-prezz jew tnaqqis fuq firxa differenti ta’ prodotti li hija marbuta max-xiri tal-imsemmija prodotti.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu jiddefinixxi b’digriet il-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati b’riferiment għar-riskji li jinvolvu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.”

18

L-Artikolu R. 522-16-1 tal-imsemmi kodiċi, introdott bid-Digriet Nru 2019-642, tas‑26 ta’ Ġunju 2019, dwar il-prattiki kummerċjali pprojbiti għal ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali, adottat skont l-Artikolu L. 522-18 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, jipprovdi:

“Il-kategoriji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu L. 522-18, li għalihom ċerti prattiki kummerċjali huma pprojbiti, huma l-prodotti li jaqgħu taħt it-tipi 14 u 18 iddefiniti mir-Regolament [Nru 528/2012].

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-prodotti bijoċidali eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata konformement mal-Artikolu 25 tal-istess regolament.”

19

Skont l-Artikolu R. 522-16-2 tal-istess kodiċi, introdott bid-Digriet Nru 2019-643 tas‑26 ta’ Ġunju 2019, adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu L. 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent:

“I.- Il-kategoriji ta’ prodotti bijoċidali msemmija fl-Artikolu L. 522-5-3, li huwa pprojbit ir-reklamar kummerċjali tagħhom intiż għall-pubbliku ġenerali, huma s-segwenti:

1° Prodotti tat-tipi 14 u 18 iddefiniti mir-Regolament [Nru 528/2012];

2° Prodotti tat-tipi 2 u 4 ddefiniti minn dan ir-regolament u kklassifikati, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1272/2008], bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija 1: kategorija akuta 1 (H400) u kategorija 1 kronika (H410).

II.- Għall-prodotti msemmija fil-paragrafu I, kull reklam indirizzat għal professjonisti għandu josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolament [Nru 528/2012], imsemmi fil-punt 1 tal-paragrafu I. Barra minn hekk, dan ir-reklamar kollu għandu jkollu s-segwenti b’mod ċar u viżibbli:

1° Iż-żewġ sentenzi segwenti: ‘Qabel kull użu, ivverifika jekk l-użu ta’ dan il-prodott huwiex assolutament neċessarju, speċjalment f’żoni li għandu aċċess għalihom il-pubbliku ġenerali. Sa fejn huwa possibbli, uża metodi u prodotti alternattivi li jippreżentaw l-inqas riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.’

2° Dikjarazzjoni tat-tip ta’ prodott bijoċidali assoċjat mal-prodott, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament [Nru 528/2012] imsemmi iktar ’il fuq.

III.- Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma japplikawx għal prodotti bijoċidali eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata skont l-Artikolu 25 tar-Regolament [Nru 528/2012].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ żewġ rikorsi, adixxew lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) b’rikors għal eċċess ta’ poter, intiż, għall-annullament, minn naħa, tad-Digriet Nru 2019-642, tas‑26 ta’ Ġunju 2019, u, min-naħa l-oħra, tad-Digriet Nru 2019-643, tas‑26 ta’ Ġunju 2019. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-digrieti żiedu d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli R. 522-16-1 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent li jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet regolamentari ta’ applikazzjoni tal-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3.

21

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew b’mod partikolari li dawn id-digrieti huma nieqsa minn bażi legali, peress li kienu ġew adottati bi ksur tar-Regolament Nru 528/2012.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, dan ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni li jew tawtorizza Stat Membru li jipprevedi miżuri restrittivi bħal dawk li jinsabu fl-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, jew li tipprojbixxih. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk tali miżuri, mhux previsti mill-imsemmi regolament, jistgħux jiġu adottati mingħajr ma dan ir-regolament jiġi ppreġudikat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li bl-applikazzjoni tagħhom id-digrieti msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza kienu ġew adottati għandhom bħala għan il-prevenzjoni tal-inkonvenjenzi li l-użu eċċessiv ta’ ċerti prodotti bijoċidali jippreżenta għas-saħħa pubblika u għall-ambjent. Ċertament, dan l-għan ma jmurx kontra dawk imfittxija mir-Regolament Nru 528/2012. Madankollu, il-projbizzjonijiet li dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jipprevedu jseħħu fil-kuntest tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali li dan ir-regolament għandu l-għan li jarmonizza fil-livell tal-Unjoni mingħajr ma dan ir-regolament jirreferi għall-adozzjoni ta’ testi ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri u mingħajr ma tali testi isiru neċessarji sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-imsemmi regolament.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament [Nru 528/2012] jipprekludi li Stat Membru jadotta, fl-interess tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, regoli restrittivi fil-qasam tal-prattiki kummerċjali u tar-reklamar, bħal dawk li jipprevedu l-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi dwar l-Ambjent)? Jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet Stat Membru jkun jista’ jadotta tali miżuri?”

Fuq id‑domanda preliminari

24

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima ppreżentata quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha mhux biss tifformula mill-ġdid id-domanda li tkun tressqet quddiema, iżda għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Plessers, C‑509/17, EU:C:2019:424, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi, b’mod ġenerali, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 528/2012, sabiex jiġi stabbilit essenzjalment jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċernax qasam armonizzat mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, jekk l-imsemmi regolament jipprekludix din il-leġiżlazzjoni.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fi ħdan l-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dawk tad-dritt primarju (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għalhekk, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem sa fejn tirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, imbagħad, fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn dan ir-regolament ma jkunx wettaq armonizzazzjoni eżawrjenti, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri l-Artikoli 34 u 36 TFUE.

28

Għaldaqstant, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha, hemm lok li jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, din tal-aħħar tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 528/2012 u, jekk ikun il-każ, l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali:

li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali bħal skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn jew kwalunkwe prattiki ekwivalenti, li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18, inkluż fil-grupp 3 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem il-“prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18”);

li teżiġi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni fir-reklamar intiża għall-professjonisti għall-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, inkluż fil-grupp 1 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V tar-Regolament Nru 528/2012 (iktar ’il quddiem il-“prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4”), kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18, u

li tipprojbixxi r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18.

Fuq il‑projbizzjoni ta’ ċerti prattiki kummerċjali

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prattiki kummerċjali pprojbiti mill-Artikolu L. 522–18 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent huma kkostitwiti minn skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti, li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali.

30

Mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet li l-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18 għandhom jissodisfaw, sabiex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, iżda li jipprojbixxu ċerti prattiki kummerċjali waqt il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti b’tali mod li jirregolaw biss modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti.

31

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 528/2012 huwa intiż sabiex itejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent. Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament jindika li dan jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fi Stat Membru wieħed jew iktar jew fl-Unjoni.

32

L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 528/2012 jiddefinixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq bħala kwalunkwe provvista ta’ prodott bijoċidali jew ta’ oġġett ittrattat għad-distribuzzjoni jew użat fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, bi ħlas kif ukoll jekk b’xejn, filwaqt li l-użu huwa ddefinit mill-Artikolu 3(1)(k) ta’ dan ir-regolament bħala l-operazzjonijiet kollha li jitwettqu bi prodott bijoċidali, inklużi l-ħżin, il-manutenzjoni, it-taħlit u l-applikazzjoni, għajr kwalunkwe operazzjoni mwettqa bil-ħsieb tal-esportazzjoni ta’ prodott bijoċidali jew tal-oġġett barra mill-Unjoni.

33

Minn dan jirriżulta li r-regoli tal-imsemmi regolament dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq u l-użu ta’ prodotti bijoċidali jirriżultaw suffiċjentement wiesa’ sabiex ikopru l-prattiki kummerċjali marbuta mal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-istess regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni intiża li tarmonizza r-regoli li jfasslu tali prattiki. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 17, 19 u 20 tar-Regolament Nru 528/2012, moqrija fid-dawl tal-premessi 2, 3, 28 u 31 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti bijoċidali kif ukoll li jiġu applikati l-prinċipji komuni ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti mingħajr madankollu ma jiġu armonizzati l-aspetti kollha tal-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti.

34

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 528/2012 ma huwiex intiż li jarmonizza r-regoli dwar il-prattiki kummerċjali marbuta mal-bejgħ ta’ prodotti bijoċidali, bħal dawk li jinsabu fl-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent.

35

Isegwi li dan ir-regolament ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali matul il-bejgħ ta’ prodotti bijoċidali, bħall-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18.

36

Fit-tieni lok, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

37

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull miżura ta’ Stat Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u tat‑3 ta’ Lulju 2019, Delfarma, C‑387/18, EU:C:2019:556, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, ma hijiex ta’ natura li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni għal prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet tal-bejgħ, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sa fejn jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, sakemm jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ dan it-tip għall-bejgħ ta’ prodotti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor u li huma konformi mar-regoli stipulati minn dan l-Istat ma hijiex ta’ natura li tipprekludi l-aċċess tagħhom fis-suq jew li tostakola l-aċċess tagħhom aktar milli tostakola l-aċċess tal-prodotti nazzjonali (sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 36; tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 51, u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 35).

39

F’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet li l-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18 għandhom jissodisfaw, sabiex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Fir-realtà, dawn jipprojbixxu ċerti prattiki kummerċjali matul il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti b’tali mod li jirregolaw biss modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti. Minn dan jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala li jirregolaw modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

40

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ bejgħ ta’ ċerti prodotti tista’ madankollu tevita l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 34 TFUE biss jekk tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt 38.

41

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, japplikaw mingħajr distinzjoni għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Franċiż.

42

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk dawn id-dispożizzjonijiet jaffettwawx bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

43

F’dan il-każ, ma jirriżultax minn elementi miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel distinzjoni skont l-oriġini tal-prodotti bijoċidali inkwistjoni. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex, fil-fatt, ta’ natura li tostakola iktar l-aċċess fis-suq Franċiż tal-prodotti bijoċidali kkonċernati li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli tostakola l-aċċess tal-prodotti nazzjonali.

44

F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali waqt il-bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ prodotti bijoċidali tista’, bħala prinċipju, tirrestrinġi l-volum totali tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti fl-Istat Membru kkonċernat u tista’, b’konsegwenza, taffettwa l-volum tal-bejgħ tal-imsemmija prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Madankollu, tali konstatazzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex din il-leġiżlazzjoni tiġi kklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, A-Punkt Schmuckhandel, C‑441/04, EU:C:2006:141, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Ċertament, kif isostnu l-Kummissjoni u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, prattiki kummerċjali bħal riduzzjoni tal-prezz u tnaqqis, li huma msemmija fl-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, jikkostitwixxu metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jistgħu jirriżultaw effikaċi sabiex jippermettu l-aċċess ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għal suq nazzjonali, peress li dawn il-metodi jinfluwenzaw il-prezz ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti.

46

Madankollu, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni allegatament effikaċi ma jikkostitwixxix element suffiċjenti sabiex jitqies li din il-leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 34 TFUE. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni ma tistax tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti ħlief jekk il-projbizzjoni tal-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernati taffettwa iktar il-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli l-prodotti nazzjonali.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki kummerċjali, prevista fl-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, taffettwax iktar l-aċċess għas-suq tal-prodotti bijoċidali kkonċernati li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli dak ta’ tali prodotti li joriġinaw minn Franza. B’mod partikolari, hija għandha tevalwa jekk, kif sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, dawn id-dispożizzjonijiet ikoprux kamp strett ta’ metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali kkonċernati u jekk, konsegwentement, il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni li ma humiex ipprojbiti mill-imsemmija dispożizzjonijiet jippermettux li jiġi ggarantit li l-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra jkunu jistgħu jaċċedu għas-suq nazzjonali.

48

Jekk, fi tmiem dan l-eżami, din il-qorti tikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa iktar l-aċċess għas-suq Franċiż tal-prodotti bijoċidali kkonċernati li joriġinaw minn Stati Membri oħra minn dak ta’ tali prodotti li joriġinaw minn Franza, hija għandha tistabbilixxi jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex iġġustifikata minn raġuni waħda jew iktar ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn wieħed jew iktar mir-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

49

F’dan ir-rigward, l-ewwel, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu L. 522‑18 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent għandu l-għan li jevita l-inkonvenjenzi li l-użu eċċessiv ta’ ċerti tipi ta’ prodotti bijoċidali jippreżenta għas-saħħa pubblika u għall-ambjent.

50

Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għandu jitfakkar, minn naħa, li s‑saħħa u l‑ħajja tal‑persuni jokkupaw l‑ewwel livell fost il-beni u l‑interessi protetti mit‑Trattat u li huma l‑Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l‑livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jiżguraw lis‑saħħa pubblika kif ukoll il‑mod li bih dan il‑livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il‑livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill‑Istati Membri (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 58).

51

Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 43).

52

Għaldaqstant, mill-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

53

It-tieni, huma l-awtoritajiet nazzjonali, f’kull każ ineżami, li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat, u li dan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ projbizzjonijiet jew permezz ta’ limitazzjonijiet ta’ portata iżgħar jew li jaffettwaw b’mod inqas il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Għal dan il-għan, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jipproduċu l-provi neċessarji għal dan il-għan. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għalhekk ikollhom magħhom analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punti 5354).

54

Isegwi li, meta teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, qorti nazzjonali hija obbligata li teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-motivi magħżula huma adatti sabiex jitwettqu l-għanijiet imfittxija kif ukoll jekk ikunx possibbli li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 59).

55

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-kapaċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tilħaq l-għanijiet invokati, il-Gvern Franċiż enfasizza li din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni u sabiex tnaqqas l-espożizzjoni tal-popolazzjoni, tal-annimali u tal-ambjent għall-prodotti bijoċidali kkonċernati, billi tillimita l-inċentivi għal użu kbir wisq u kultant mhux xieraq ta’ dawn il-prodotti.

56

Għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tidhirx li hija ta’ natura li tippermetti li jiġi eliminat kull riskju ta’ tixrid inutli tal-prodotti bijoċidali kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li, billi teskludi l-possibbiltà għal xerrej li jibbenefika minn kull vantaġġ finanzjarju waqt ix-xiri ta’ dawn il-prodotti, hija tista’ tipprevjeni kull xiri mhux xieraq tal-imsemmija prodotti, u, għaldaqstant, ta’ natura li jitnaqqas ir-riskju marbut mal-espożizzjoni tal-popolazzjoni, tal-annimali u tal-ambjent għal użu eċċessiv tal-istess prodotti bijoċidali. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Gvern Franċiż, din il-leġiżlazzjoni tirriżulta xierqa sabiex jiġu evitati l-fenomeni ta’ akkumulazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-ambjent u tat-tniġġis tal-ilma li jista’ jirriżulta minn dan. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

57

Fir-rigward tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki kummerċjali matul il-bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ prodotti bijoċidali, għandu jiġi kkunsidrat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-projbizzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju minħabba li miżuri ta’ informazzjoni addizzjonali meħtieġa matul il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri dawk maħsuba fil-kuntest tal-Artikolu 17(5) u tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 528/2012 ma jistgħux jikkontrobilanċjaw l-attrazzjoni ta’ offerta ta’ riduzzjoni tal-perzz u ta’ tnaqqis jew tal-provvista ta’ kampjuni mingħajr ħlas ta’ prodotti bijoċidali matul ix-xiri tagħhom.

58

Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tipprojbixxi l-prattika ta’ riduzzjoni tal-prezz u ta’ tnaqqis biss matul il-bejgħ ta’ prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18, jiġifieri dawk li jippreżentaw l-ogħla riskji għas-saħħa tal-bniedem u, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-prodotti bijoċidali eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 528/2012.

59

B’hekk, l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali bħal skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti, li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18, peress li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll tal-ambjent, li hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l‑obbligi fil‑qasam tar‑reklamar intiż għall‑professjonisti

60

Preliminarjament, hekk kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 528/2012 huwa intiż li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament huwa l-unika dispożizzjoni tiegħu li hija relatata mar-reklamar tal-prodotti bijoċidali. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni li għandu jiġi evalwat jekk l-imsemmi regolament jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni fuq ir-reklamar intiż għall-professjonisti għal ċerti tipi ta’ prodotti bijoċidali.

61

Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni, minbarra dik prevista f’dan l-artikolu, dwar ir-reklamar intiż għall-professjonisti favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4 kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18.

62

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull reklamar għal prodotti bijoċidali għandu josserva d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008, u jinkludi dikjarazzjoni preċiża li għandha tirriżulta b’mod ċar mir-reklamar u li għandha tinqara faċilment. Din ir-referenza tinkludi: “Uża s-sustanzi bijoċidali b’mod sikur. Għandek dejjem taqra t-tikketta u l-informazzjoni tal-prodott qabel ma tużah.” Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu sempliċement jeżiġi li dawk li jirreklamaw jistgħu jissostitwixxu l-kliem “sustanzi bijoċidali” f’din id-dikjarazzjoni obbligatorja b’riferiment ċar għat-tip ta’ prodott li jkun qiegħed jiġi rreklamat. Il-paragrafu 3 ta’ l-istess artikolu jipprovdi, fir-rigward tiegħu, li r-reklamar għall-prodotti bijoċidali ma għandux jagħmel riferiment għall-prodott b’mod li jista’ jqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji li tali prodott jista’ jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew fir-rigward tal-effikaċja tiegħu. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprojbixxi wkoll dikjarazzjonijiet bħal “prodott bijoċidali ta’ riskju baxx”, “mhux tossiku” jew “favur l-ambjent”.

63

Isegwi li, permezz tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jfassal, b’mod iddettaljat u komplet, il-formulazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti bijoċidali li jistgħu jidhru fir-reklamar li jirrigwarda dawn il-prodotti, sa fejn dan l-artikolu jipprevedi l-eżistenza ta’ dikjarazzjoni obbligatorja, li jipprojbixxi espressament ċerti dikjarazzjonijiet u li huwa intiż, b’mod iktar ġenerali, sabiex jipprojbixxi kull dikjarazzjoni ta’ reklamar li tista’ jqarraq lill-utent fir-rigward tar-riskji li tali prodotti jistgħu jippreżentaw.

64

Barra minn hekk, mill-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 528/2012 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jfittex bilanċ speċifiku bejn il-moviment liberu tal-prodotti bijoċidali u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent.

65

Minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 3 tiegħu, jirriżulta li l-qasam li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti bijoċidali li jistgħu jintużaw fil-kuntest tar-reklamar ta’ dawn il-prodotti ġie armonizzat, b’mod komplet, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

66

Tali interpretazzjoni hija sostnuta mir-rekwiżit li dawn jinqraw b’mod ċar ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, kif speċifikat fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 528/2012. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dikjarazzjonijiet addizzjonali għal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni jirriskjaw li jippreġudikaw li dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu jistgħu jinqraw b’mod ċar u dan, minkejja li dawn id-dikjarazzjonijiet addizzjonali ma jmorrux kontra l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent.

67

B’konsegwenza, l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni, minbarra dik prevista f’dan l-artikolu, fuq ir-reklamar intiż għal professjonisti għall-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4 kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18.

Fuq il‑projbizzjoni tar‑reklamar intiż għall‑pubbliku ġenerali

68

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru 528/2012 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu L. 522-5-3 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, li tipprojbixxi kull reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18.

69

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jfassal, b’mod iddettaljat u komplet, il-formulazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti bijoċidali li jistgħu jidhru fir-reklamar li jirrigwarda dawn il-prodotti. Madankollu, dan il-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-aspetti kollha dwar ir-reklamar tal-prodotti bijoċidali u, b’mod partikolari, li jeskludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprojbixxu r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali.

70

Isegwi li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kull reklamar lill-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4 kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18.

71

Madankollu, fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix tali leġiżlazzjoni.

72

F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxix leġiżlazzjoni li tirregola l-modalitajiet ta’ bejgħ ta’ prodotti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li tapplika għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u li taffettwa bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

73

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-Artikoli L. 522-5-3 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet li l-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 8 għandhom jissodisfaw, sabiex jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu projbizzjoni li jsir reklamar lill-pubbliku ġenerali fl-okkażjoni tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti b’tali mod li jirregolaw biss modalitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala li jirregolaw modalitajiet ta’ bejgħ fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

74

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-modalitajiet ta’ bejgħ ta’ ċerti prodotti tista’ madankollu tiġi eskluża mill-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE biss jekk tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

75

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli L. 522-5-3 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent japplikaw mingħajr distinzjoni għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Franċiż.

76

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk dawn id-dispożizzjonijiet jaffettwawx bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

77

F’dan il-każ, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmel distinzjoni skont l-oriġini tal-prodotti bijoċidali inkwistjoni. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex, fil-fatt, ta’ natura li tostakola iktar l-aċċess għas-suq Franċiż tal-prodotti bijoċidali kkonċernati li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli tostakola dak tal-prodotti nazzjonali.

78

F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita jew li tipprojbixxi ċerti forom ta’ reklamar favur ċerti prodotti tista’ tkun ta’ natura li tirrestrinġi l-volum ta’ bejgħ tagħhom u, għaldaqstant, li jista’ jkollha impatt iktar sinjifikattiv fuq il-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, hija madankollu ssuġġettat din il-konstatazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ diffikultà speċifika li tikkaratterizza suq ta’ prodott partikolari li operatur huwa kkonfrontat biha sabiex jidħol fis-suq nazzjonali, bħall-eżistenza ta’ prattiki soċjali tradizzjonali, abitudnijiet jew użanzi lokali jew ukoll iċ-ċirkustanza li l-metodu ta’ bejgħ ikkonċernat mill-projbizzjoni kien jikkostitwixxi potenzjalment l-uniku sabiex isir aċċess għas-suq nazzjonali kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products, C‑405/98, EU:C:2001:135, punti 1921; tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung, C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 25, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, DocMorris, C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 41).

79

Issa, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li s-suq Franċiż tal-prodotti bijoċidali huwa kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ waħda jew ta’ iktar diffikultajiet speċifiċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’tali mod li ma jidhirx li l-projbizzjoni ta’ kull reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur ċerti prodotti bijoċidali taffettwa iktar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

80

Jekk, fi tmiem dan l-eżami, din il-qorti tikkonstata madankollu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa iktar l-aċċess għas-suq Franċiż tal-prodotti bijoċidali li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli dak ta’ tali prodotti li joriġinaw minn Franza, hija għandha tistabbilixxi jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex iġġustifikata minn raġuni waħda jew iktar ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn wieħed jew iktar mir-rekwiżiti imperattivi rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

81

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tipprevjeni l-inkonvenjenzi li l-użu eċċessiv ta’ ċerti prodotti bijoċidali jippreżenta għas-saħħa pubblika u għall-ambjent.

82

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni hija adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, sa fejn tipprevedi projbizzjoni ta’ kull reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur uħud minn dawn il-prodotti, li jikkostitwixxi mezz li jippermetti li jiġu limitati l-inċentivi għax-xiri u għall-użu ta’ tali prodotti.

83

Fir-rigward tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-imsemmija leġiżlazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 120 u 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-projbizzjoni ta’ kull reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur ċerti prodotti bijoċidali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, hekk kif sostna l-Gvern Franċiż, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni tirreferi biss għar-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali u għalhekk ma tipprojbixxix ir-reklamar intiż għall-professjonisti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha portata limitata peress li ma tirrigwardax il-prodotti bijoċidali kollha iżda biss dawk li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18, jiġifieri dawk li jippreżentaw l-ogħla riskji għas-saħħa tal-bniedem, mingħajr ma tapplika għall-prodotti bijoċidali eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 528/2012.

84

Għalhekk l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18. L-istess japplika għall-Artikoli 34 u 36 TFUE peress li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll tal-ambjent, li hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, minn naħa, l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni, minbarra dik prevista f’dan l-artikolu, fuq ir-reklamar intiż għal professjonisti għall-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4 kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18;

u li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4 kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18;

u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali bħal skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti, li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18 meta din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll tal-ambjent, li hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju;

u li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18, meta din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll tal-ambjent, li hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l‑ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-inklużjoni ta’ dikjarazzjoni, minbarra dik prevista f’dan l-artikolu, fuq ir-reklamar intiż għal professjonisti favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, inkluż fil-grupp 1 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18, inkluż fil-grupp 3 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V tal-imsemmi regolament;

u li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, inkluż fil-grupp 2 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V tar-Regolament Nru 528/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 334/2014, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18, inkluż fil-grupp 3 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V ta’ dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikoli 34 u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċerti prattiki kummerċjali bħal skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti, li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 14 u 18, inkluż fil-grupp 3 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 334/2014, meta din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll tal-ambjent, li hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju;

u li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar intiż għall-pubbliku ġenerali favur prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt tipi ta’ prodotti 2 u 4, inkluż fil-grupp 2 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tipi ta’ prodotti 14 u 18, inkluż fil-grupp 3 ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, li jinsabu fl-Anness V tal-imsemmi regolament, meta din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni kif ukoll tal-ambjent, li hija xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top