This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0100
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 21 March 2023.#QB v Mercedes-Benz Group AG.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Ravensburg.#Reference for a preliminary ruling – Approximation of laws – Approval of motor vehicles – Directive 2007/46/EC – Article 18(1) – Article 26(1) – Article 46 – Regulation (EC) No 715/2007 – Article 5(2) – Motor vehicles – Diesel engine – Pollutant emissions – Exhaust gas recirculation valve (EGR valve) – Reduction in nitrogen oxide (NOx) emissions limited by a ‘temperature window’ – Defeat device – Protection of the interests of an individual purchaser of a vehicle equipped with an unlawful defeat device – Right to compensation from the vehicle manufacturer on the basis of tortious liability – Method of calculating compensation – Principle of effectiveness – Article 267 TFEU – Admissibility – Reference to the Court from a single judge.#Case C-100/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Marzu 2023.
QB vs Mercedes-Benz Group AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Ravensburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Valv għar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-exhaust (valv EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Metodu ta’ kalkolu tal-kumpens – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Imħallef uniku.
Kawża C-100/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Marzu 2023.
QB vs Mercedes-Benz Group AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Ravensburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Valv għar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-exhaust (valv EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Metodu ta’ kalkolu tal-kumpens – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Imħallef uniku.
Kawża C-100/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:229
*A9* Landgericht Ravensburg, Beschluss vom 12/02/2021 (2 O 393/20)
*P1* Bundesgerichtshof, Urteil vom 26/06/2023 (ECLI:DE:BGH:2023:260623UVIAZR335.21.0)
Publication Flash News "Décisions de suivi" N° 3/23
*P2* Bundesgerichtshof, VIa. Zivilsenat, Urteil vom 27/11/2023 (VIa ZR 1425/22)
Publication Flash News "Décisions de suivi" N° 1/24
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
21 ta’ Marzu 2023 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Valv għar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost (valv EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Metodu ta’ kalkolu tal-kumpens – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Imħallef uniku”
Fil-Kawża C‑100/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2021, fil-proċedura
QB
vs
Mercedes-Benz Group AG, preċedentement Daimler AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe u P. G. Xuereb (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal QB, minn P. Franz, N. Gellert, R. Ghaffari, R. Klinger, K. Meiser u A. Pacura, Rechtsanwälte, |
– |
għal Mercedes-Benz Group AG, minn M. Ruttloff, U. Soltész, E. Wagner u N. Wimmer, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen, M. Noll‑Ehlers u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1), tal-Artikolu 26(1) u tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009 tas‑7 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 118, p. 13, rettifika fil-ĠU 2009 L 128, p. 61) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1), kif ukoll mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn QB u Mercedes‑Benz Group AG, preċedentement Daimler AG, manifattur tal-vetturi bil-mutur, dwar id-dritt għal kumpens invokat minn QB u l-kalkolu tal-ammont tal-kumpens possibbilment dovut lilu minħabba l-akkwist ta’ vettura b’magna diesel mgħammra b’softwer li jnaqqas ir-riċirkulazzjoni tal-gassijiet li jniġġsu ta’ din il-vettura skont it-temperatura esterna mhux konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva Qafas
3 |
Id-Direttiva Qafas tħassret bir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46 (ĠU 2018, L 151, p. 1), b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din id-direttiva qafas tibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar. |
4 |
Skont il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva qafas: “Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat.” |
5 |
L-Artikolu 1 tal-istess direttiva qafas kien jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità. [...] Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.” |
6 |
L-Artikolu 3 tad-direttiva qafas kien jipprovdi, fil-punti 5 u 36 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk: [...]
[...]
|
7 |
L-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva qafas kien ifformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għall-approvazzjoni jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom japprovaw biss dawk il-vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva. 3. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva. [...]” |
8 |
L-Artikolu 8(6) tal-imsemmija direttiva qafas kien jipprovdi: “L-awtorità ta’ l-approvazzjoni għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar iċ-ċaħda jew l-irtirar ta’ kwalunkwe approvazzjoni ta’ vettura, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha”. |
9 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva qafas: “Il-manifattur għandu jgħarraf mingħajr dewmien lill-Istat Membru li ħareġ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE b’kull bidla fid-dettalji mniżżla fil-pakkett ta’ informazzjoni. Dak l-Istat Membru għandu jiddeċiedi, skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu, liema proċedura trid tiġi segwita. Fejn ikun meħtieġ, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi, f’konsultazzjoni mal-manifattur, li għandha tinħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE ġdida.” |
10 |
L-Artikolu 18(1) tad-direttiva qafas kien jipprovdi: “Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat. [...]” |
11 |
L-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva qafas kien ifformulat kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skond l-Artikolu 18. [...]” |
12 |
L-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva qafas kien jipprovdi: “Jekk Stat Membru li ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità jew li għandhom fuqhom marka ta’ approvazzjoni ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-vetturi, is-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond il-każ, jinġiebu f’konformità mat-tip approvat. L-awtorità ta’ l-approvazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandha tavża lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda.” |
13 |
L-Artikolu 46 tal-istess direttiva qafas kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet stipulati jew li jirriżultaw mill-Artikolu 31, u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, Parti I u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni determinati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid‑29 ta’ April 2009 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom malajr kemm jista’ jkun.” |
14 |
L-Anness IX tad-direttiva qafas jiddeskrivi l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ konformità KE. Il-punt 0 ta’ dan l-anness kien jipprovdi: “Iċ-ċertifikat ta’ konformità huwa dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex iserraħlu moħħu li l-vettura li huwa jkun akkwista tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea fil-ħin meta din ġiet iffabbrikata. Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu wkoll l-għan li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jirreġistraw vetturi mingħajr mal-applikant ikollu għaliex jipprovdi dokumentazzjoni teknika addizzjonali. [...]” |
Ir‑Regolament (KE) Nru 715/2007
15 |
Skont il-premessi 1, 5, 7 u 17 tar-Regolament Nru 715/2007:
[...]
[...]
|
16 |
L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (‘vetturi’) u ‘spare parts’ bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom.” |
17 |
Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: [...]
|
18 |
L-Artikolu 4(1) u (3) tal-istess regolament jistabbilixxi: “1. Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5. 2. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati. Barra minn hekk, il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali. [...] [...] 3. Il-manifatturi għandhom jifformulaw ċifri ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju u ta’ konsum tal-karburant f’dokument mogħti lix-xerrej tal-vettura fil-ħin tax-xiri.” |
19 |
L-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 huwa fformulat kif ġej: “1. Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. 2. L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni] li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’għandiex tapplika fejn:
[...]” |
20 |
Skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur mill-manifatturi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penalitajiet pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. [...] 2. It-tipi ta’ ksur li huma suġġetti għal penali għandhom jinkludu: [...] (d) l-użu ta’ tagħmir difettuż; [...]” |
Id‑dritt Ġermaniż
21 |
L-Artikolu 823 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprovdi: “1. Kull min, meta jaġixxi b’intenzjoni jew b’negliġenza, jippreġudika b’mod illegali l-ħajja, il-ġisem, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor ta’ individwu, huwa obbligat jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan. 2. L-istess obbligu huwa intiż għal min jikser liġi intiża li tipproteġi lil ħaddieħor. Jekk, skont il-kontenut tal-liġi, huwa wkoll possibbli li din tiġi miksura mingħajr ma jkun hemm kolpa, l-obbligu ta’ kumpens iseħħ biss fil-każ ta’ kolpa.” |
22 |
L-Artikolu 348 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iż-“ZPO”) jipprovdi: “(1) L-awla ċivili għandha tiddeċiedi permezz ta’ wieħed mill-membri tagħha bħala Imħallef uniku. [...] [...] (3) L-Imħallef uniku għandu jibgħat it-tilwima lill-awla ċivili sabiex din tieħu deċiżjoni, meta 1. il-kawża tkun tippreżenta diffikultajiet partikolari ta’ fatt jew ta’ liġi, 2. il-kawża tkun tippreżenta importanza fundamentali, jew 3. il-partijiet jitolbu dan unanimament. L-Awla għandha tiddeċiedi dwar it-tilwima meta l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 jew 2 tal-ewwel sentenza jkunu ssodisfatti. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward permezz ta’ digriet. Trasferiment ġdid lill-Imħallef uniku huwa eskluż. [...]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
23 |
Fl‑20 ta’ Marzu 2014, QB xtrat mingħand Auto Y GmbH, vettura bil-mutur użata tad-ditta Mercedes-Benz, mudell C 220 CDI, mgħammra b’magna diesel ta’ ġenerazzjoni Euro 5, b’kilometraġġ ta’ 28591 km, bil-prezz ta’ EUR 29999. Din il-vettura, imqiegħda fis-suq mill-manifattur tal-karozzi Daimler, ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fil‑15 ta’ Marzu 2013. |
24 |
L-imsemmija vettura hija mgħammra b’softwer ta’ programmazzjoni tal-magna li jnaqqas ir-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost meta t-temperaturi esterni jkunu jinsabu taħt ċertu livell, li għandu bħala konsegwenza żieda fl-emissjonijiet ta’ NOx. Għalhekk, din ir-riċirkulazzjoni hija biss kompletament effettiva jekk it-temperatura esterna ma tinżilx taħt dan il-limitu (iktar ’il quddiem il-“firxa tat-temperaturi”). F’dan ir-rigward, it-temperatura esterna preċiża li taħtha jingħata lok għat-tnaqqis tar-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost u l-portata ta’ dan it-tnaqqis huma punti ta’ diskussjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. |
25 |
QB ippreżenta rikors quddiem il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, intiż għall-kumpens għad-dannu li Mercedes-Benz Group ikkawżatlu billi għammret il-vettura inkwistjoni b’apparat ta’ manipulazzjoni, ipprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. |
26 |
Quddiem din il-qorti, il-partijiet fil-kawża prinċipali ddiskutew l-argumenti dwar jekk il-vettura inkwistjoni hijiex mgħammra b’tali apparat illegali, dwar il-portata ta’ eventwali dritt għal kumpens ta’ QB u dwar l-imputazzjoni eventwali, fuq l-ammont tal-kumpens, tal-benefiċċju miksub minn QB mill-użu ta’ din il-vettura. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-firxa ta’ temperaturi tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Fil-fatt, ir-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost tal-vettura inkwistjoni u, għaldaqstant, l-effiċjenza tas-sistema ta’ kontroll ta’ emissjonijiet huma diġà mnaqqsa għal temperatura esterna ogħla minn 0°C, liema temperatura taqa’ taħt il-“kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”, fis-sens tal-punt 10 ta’dan l-Artikolu 3. |
28 |
Din il-qorti tqis ukoll li, prima facie, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 ma tapplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsara li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel),C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 114). Hija tiddubita jekk firxa ta’ temperaturi li għandha bħala għan li tipprekludi l-formazzjoni ta’ depożiti fil-magna u għalhekk li tipprevjeni l-użu tagħha tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stretti ta’ din l-eċċezzjoni. |
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, QB jista’ jingħata dritt għal kumpens skont l-Artikolu 823(2) tal-BGB, li jeżiġi sempliċi negliġenza. Madankollu, din id-dispożizzjoni tippreżupponi l-ksur ta’ liġi intiża li tipproteġi lil ħaddieħor, li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), ifisser li hija intiża tal-inqas li tipproteġi l-individwu jew grupp ta’ persuni kontra l-ksur ta’ interess ġuridiku speċifiku. F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li l-imsemmija liġi tkun ġiet adottata bil-għan li tagħti protezzjoni legali lil dan l-individwu jew lil dan il-grupp ta’ persuni, anki jekk tkun tikkonċerna prinċipalment il-protezzjoni ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni timplika li l-perikolu li din il-liġi hija intiża li tipproteġi lil ħaddieħor jimmaterjalizza ruħu b’dannu konkret u li l-persuna jew persuni konkretament leżi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-liġi miksura. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ikoprux ukoll, minbarra l-protezzjoni ta’ interessi ġenerali, l-interessi ta’ individwu, xerrej ta’ vettura mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni, fost l-oħrajn meta tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali skont dan ir-regolament. |
30 |
Hemm interpretazzjonijiet diverġenti dwar dawn il-kwistjonijiet fil-ġurisprudenza u fid-duttrina Ġermaniżi. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li l-atti tal-Unjoni adottati bil-għan li jarmonizzaw ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-vetturi jirrigwardaw prinċipalment livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq kif ukoll ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007 ma huwiex intiż li jipproteġi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni ekonomika tax-xerrej individwali ta’ vettura. |
31 |
Għall-kuntrarju, diversi qrati reġjonali jqisu li l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas kif ukoll l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandhom ukoll bħala għan il-protezzjoni individwali tax-xerrej ta’ vettura. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet taċ-ċertifikat ta’ konformità huwa, skont l-Anness IX tad-Direttiva Qafas, li l-manifattur ta’ vettura jiżgura lix-xerrej ta’ din il-vettura li din tkun konformi mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli fl-Unjoni fil-mument tal-manifattura tagħha. Dan iċ-ċertifikat għandu wkoll l-għan li jiffaċilita l-proċedura amministrattiva ta’ reġistrazzjoni u l-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni. |
32 |
Fil-każ li jitqies li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jipproteġu biss interessi legali ġenerali u mhux l-interessi partikolari tax-xerrejja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk il-prinċipju ta’ effettività jistax jeżiġi li kull kolpa, b’intenzjoni jew b’negliġenza, imwettqa minn manifattur tal-vetturi billi jqiegħed fis-suq vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, tiġi ssanzjonata bil-possibbiltà, għax-xerrej ikkonċernat, li jinvoka dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà delittwali ta’ dan il-manifattur. |
33 |
F’dan ir-rigward, skont il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), l-applikabbiltà tal-Artikolu 823(2) tal-BGB hija bbażata fuq il-fatt li, fl-interess ta’ applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jiżdiedu sanzjonijiet tad-dritt ċivili. |
34 |
Fil-każ li QB ikun jista’ jibbenefika minn tali dritt għal kumpens fis-sens tal-Artikolu 823(2) tal-BGB, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex neċessarju, sabiex tagħti effett prattiku lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, li l-benefiċċju miksub mill-użu tal-vettura inkwistjoni ma jiġix imputat fuq id-dritt għal kumpens jew li dan jiġi imputat biss limitattivament. Din il-kwistjoni hija wkoll is-suġġett ta’ perspettivi diverġenti fil-ġurisprudenza u fid-duttrina Ġermaniżi, inkluż fir-rigward tal-influwenza li l-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu tista’ teżerċita fuq tali imputazzjoni. |
35 |
F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li, minn naħa, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu prevista mid-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-kumpens, il-persuna leża ma tistax titqiegħed f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik li fiha hija tinsab mingħajr l-avveniment dannuż u, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu imputati fuq id-dritt għal kumpens biss il-benefiċċji marbuta ma’ dan l-avveniment, mingħajr ma jinħeles b’mod sproporzjonat l-awtur tad-dannu. Kuntrarjament, diversi qrati reġjonali jqisu li l-benefiċċju miksub mill-użu ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali jista’ jiġi imputat fuq id-dritt għal kumpens. |
36 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju, li tiddeċiedi bħala Imħallef uniku fil-kawża prinċipali, tirrileva li, skont il-punti 1 u 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 348(3) taż-ZPO, l-Imħallef uniku inizjali huwa obbligat jibgħat il-kawża lill-awla ċivili sabiex din tkun indirizzata lilha meta l-kawża jkollha diffikultajiet partikolari ta’ fatt jew ta’ liġi jew tkun ta’ importanza fundamentali. F’dan ir-rigward, l-Imħallef uniku ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali. B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) jirriżulta li meta Imħallef uniku jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari mingħajr ma preċedentement jibgħat lura l-kawża lill-awla ċivili sabiex din tkun indirizzata, din il-qorti tikser il-prinċipju kostituzzjonali tal-qorti legali, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 101(1) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali). |
37 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludi tali obbligu ta’ rinviju lill-awla ċivili. Fil-fatt, permezz tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Imħallef uniku hija ammissibbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-osservanza jew le tar-regoli proċedurali nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li tiġi adita b’tali talba. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Fl-affermattiv:
Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:
Fl-affermattiv:
Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sar-raba’ domanda:
Fin-negattiv:
Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sas-sitt domanda:
|
Fuq it‑talbiet għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura
39 |
Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Gvern Ġermaniż u Mercedes-Benz Group, permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 u fl‑14 ta’ Lulju 2022 rispettivament, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
40 |
Insostenn tat-talba tagħha, Mercedes‑Benz Group issostni, essenzjalment, li l-Avukat Ġenerali qies, b’mod żbaljat, fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-pussess ta’ vettura li ma tosservax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, permezz ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti li jaqbżu l-valuri limitu stabbiliti, jikkawża dannu morali lil dan ix-xerrej. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ eventwali dannu morali ma tqajmitx mill-qorti nazzjonali u ma ġietx diskussa bejn il-partijiet. |
41 |
Fit-talba tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni, essenzjalment, minn naħa, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq elementi ġodda, li għadhom ma ġewx diskussi bejn il-partijiet, sa fejn dawn jirreferu għall-Anness IX tad-Direttiva Qafas u għall-punt 0 ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dan il-gvern jikkontesta l-validità ta’ dan il-punt 0. |
42 |
Barra minn hekk, l-imsemmi gvern juri n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali sa fejn dawn jiksru r-relazzjonijiet eżistenti bejn id-Direttiva Qafas u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223). Minn naħa, ikun inkompatibbli mal-istruttura ġenerali ta’ din l-aħħar direttiva li l-konsumatur jingħata dritt għal kumpens minħabba sempliċi kolpa. Min-naħa l-oħra, ċertifikat ta’ konformità, fis-sens tad-Direttiva Qafas, ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għal garanzija tal-manifattur. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, b’imparzjalità u b’indipendenza sħaħ, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li wasslet għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, indipendentement mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat mill-partijiet ikkonċernati. |
46 |
Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li hija għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi u li din il-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma kinux diskussi bejn il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, iż-żewġ talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma jinkludu ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti fl-imsemmija kawżi. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
48 |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Imħallef uniku huwa obbligat, b’mod partikolari minħabba l-importanza ta’ prinċipju ta’ kawża li jkollu quddiemu, jibgħat din il-kawża lil awla ċivili komposta minn tliet imħallfin u jiddeżisti milli jindirizza huwa stess talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-imsemmija kawża. |
49 |
Mercedes‑Benz Group issostni li din id-domanda hija inammissibbli peress li, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. |
50 |
Il-Gvern Ġermaniż isostni li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali. |
51 |
Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali jippermettix jew le lil Imħallef uniku jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar din it-tilwima, li tikkonċerna l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens, allegat mix-xerrej ta’ vettura kontra manifattur ta’ vetturi, minħabba l-preżenza, f’din il-vettura, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Barra minn hekk, din id-domanda hija ipotetika, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma kinitx is-suġġett ta’ rikors fil-mument li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja. |
52 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland,C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti),C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-seba’ domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Fil-fatt, hija llimitat ruħha li tindika li l-ġurisdizzjoni tal-qorti unika sabiex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din it-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ tiġi kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija ma tippreċiżax liema jkun l-effett fuq id-deċiżjoni tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, fuq id-deċiżjoni li ttemm l-istanza tal-eventwali difett proċedurali li jirriżulta mill-fatt li Imħallef uniku jkun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma rrinvija l-kawża prinċipali lil kulleġġ ġudikanti kulleġġjali. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li din kienet, f’dan l-istadju tal-proċedura, is-suġġett ta’ rikors li fil-kuntest tiegħu huwa allegat li hija vvizzjata b’tali difett. |
55 |
Għaldaqstant, is-seba’ domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Osservazzjonijiet preliminari
56 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jiddefinixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” bħala “kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”. |
57 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-softwer imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza stabbilixxa firxa ta’ temperaturi li permezz tagħha r-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost hija biss kompletament effettiva jekk it-temperatura esterna ma tinżilx taħt ċertu limitu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost u, għaldaqstant, l-effiċjenza tas-sistema ta’ kontroll ta’ emissjonijiet huma diġà mnaqqsa għal temperatura esterna ogħla minn 0°C, liema temperatura taqa’ taħt il-kundizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vetturi, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007. |
58 |
Fir-rigward ta’ firxa ta’ temperaturi simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li jiżgura l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mill-imsemmi regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15°C u 33°C u li l-altitudni ta’ sewqan tkun inqas minn 1000 metru jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 47). |
59 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-temperatura esterna preċiża li taħtha jingħata lok għat-tnaqqis tar-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost u l-portata ta’ dan it-tnaqqis huma punti ta’ diskussjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, skont il-każ, jekk, fid-dawl tal-kjarifiki magħmula fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, is-softwer imsemmi fil-punt 24 ta’ din tal-aħħar jikkostitwixxix “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007. |
60 |
Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tliet eċċezzjonijiet, fosthom dik li tinsab fl-Artikolu 5(2)(a), li hija l-unika waħda rilevanti skont il-qorti tar-rinviju. Din tikkonċerna l-każ fejn “il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura”. |
61 |
Sa fejn jistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 50). |
62 |
Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-bżonn ta’ apparat ta’ manipulazzjoni għandu jkun iġġustifikat mhux biss għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsara jew minn inċident, iżda wkoll għall-funzjonament sigur tal-vettura. Fil-fatt, fid-dawl tal-użu, fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u”, din għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi huma kumulattivi (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 61). |
63 |
F’dan ir-rigward, il-projbizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament tkun imxejna mis-sinjifikat tagħha u mċaħħda minn kull effett utli jekk ikun permess l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit bl-għan uniku li jipproteġi l-magna mid-deterjorament u mill-anzjanità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel),C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 113). |
64 |
Għaldaqstant, softwer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jiġi kklassifikat bħala apparat ta’ manipulazzjoni, jista’ jiġi ġġustifikat taħt l-imsemmija eċċezzjoni biss sa fejn jiġi stabbilit li dan l-apparat jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident lill-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi apparat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2016:570, punt 62). |
65 |
Barra minn hekk, fir-rigward ta’ firxa ta’ temperaturi simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jimponix formalment kundizzjonijiet oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li apparat ta’ manipulazzjoni li, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, għandu jitħaddem fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tiġi protetta minn ħsara jew minn inċident u sabiex il-funzjonament sigur tal-vettura jiġi żgurat, imur manifestament kontra l-għan imfittex minn dan ir-regolament, li l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li ssir deroga minnu f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna biss, u jwassal sabiex jiġi ppreġudikat b’mod sproporzjonat il-prinċipju nnifsu tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ NOx mill-vetturi (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2016:570, punt 63). |
66 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonkludiet li tali apparat ta’ manipulazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, li jiġi rrikonoxxut li tali apparat ta’ manipulazzjoni jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jwassal sabiex irendi din l-eċċezzjoni applikabbli matul il-parti l-kbira tas-sena fil-kundizzjonijiet reali ta’ sewqan li jipprevalu fit-territorju tal-Unjoni, b’mod li l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ tali apparat ta’ manipulazzjoni, stabbilit fl-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ikun jista’, fil-prattika, jiġi applikat inqas ta’ spiss mill-imsemmija eċċezzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2016:570, punti 64 u 65). |
67 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l-evalwazzjonijiet fattwali neċessarji għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 60 sa 66 ta’ din is-sentenza. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
68 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipproteġu, minbarra interessi ġenerali, l-interessi partikolari ta’ xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tagħha meta din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
69 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn id-domandi huma mmotivati mill-fatt li, skont din il-qorti, l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 823(2) tal-BGB, mix-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni, jippreżumi l-ksur ta’ liġi intiża li tipproteġi lil individwi. |
70 |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-imsemmi regolament jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 6 tiegħu, fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, fit-tnaqqis kunsiderevoli tal-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi b’magna diesel sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest,C‑128/20, EU:C:2016:570, punti 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-projbizzjoni, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet hija intiża preċiżament li tillimita l-emissjonijiet ta’ gass li jniġġes u li tikkontribwixxi għalhekk għall-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, imfittex minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur),C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 57). |
71 |
Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li din id-dispożizzjoni ssegwi, l-istess bħar-regolament li tifforma parti minnu, għan ġenerali li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
72 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan ġenerali li jaqa’ taħt l-obbligu għall-manifatturi, previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 715/2007, li jipprovdi lix-xerrej tal-vettura fil-mument tax-xiri tagħha, dokument li jindika ċ-ċifri tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u tal-konsum tal-karburant. Fil-fatt, dan l-obbligu huwa intiż, kif jista’ jiġi dedott mill-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, sabiex il-konsumaturi u l-utenti jirċievu informazzjoni oġġettiva u preċiża dwar in-natura ftit jew wisq inkwirenti tal-vetturi fil-mument li jsiru d-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom. |
73 |
Dan premess, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, hemm lok li r-Regolament Nru 715/2007 jitqiegħed fil-kuntest tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi eżaminat mhux biss fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, iżda wkoll tal-qafas regolatorju tal-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fi ħdan l-Unjoni li jaqa’ fih l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel),C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 75). |
74 |
Il-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-“approvazzjoni tat-tip tal-KE” ta’ vettura bil-mutur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala l-“proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ [din id-Direttiva Qafas] u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI” tal-imsemmija Direttiva Qafas. Dan l-Anness IV, intitolat “Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi” kien jirreferi, fil-parti I tiegħu, intitolat “Atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi prodotti f’serje mhux limitati”, għar-Regolament Nru 715/2007 fir-rigward ta’ “[e]missjonijiet (Euro 5 u 6) vetturi mhux ta’ strapazz/aċċess għal informazzjoni”. |
75 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas kien jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jawtorizzaw il-bejgħ jew it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni biss ta’ dawk il-vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva qafas. |
76 |
Fl-aħħar lok, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 715/2007 jipprovdi li l-manifatturi għandhom jistabbilixxu li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, irreġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fl-Unjoni ġew approvati skont dan ir-regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. |
77 |
Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li l-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas għandhom ikunu suġġetti għal approvazzjoni tat-tip u, min-naħa l-oħra, li din l-approvazzjoni tista’ tingħata biss jekk it-tip ta’ vettura inkwistjoni jissodisfa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, b’mod partikolari, dawk dwar l-emissjonijiet, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 52). |
78 |
Minbarra dawn ir-rekwiżiti dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE imposta fuq il-manifatturi, dawn tal-aħħar huma wkoll obbligati joħorġu ċertifikat ta’ konformità lix-xerrej individwali ta’ vettura. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva Qafas kien jipprovdi li l-manifattur jagħti, fil-kapaċità tiegħu ta’ detentur ta’ approvazzjoni tat-tip KE, ċertifikat ta’ konformità ma’ kull vettura kompleta, inkompleta jew kompluta li kienet immanifatturata skont it-tip ta’ vettura approvata. |
79 |
Skont l-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva qafas, dan iċ-ċertifikat huwa obbligatorju għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u tal-bejgħ jew tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura. Dan l-obbligu huwa spjegat mill-fatt li l-imsemmi ċertifikat, skont id-definizzjoni li kienet ingħatat fil-punt 36 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, huwa “maħruġ mill-manifattur sabiex jiċċertifika li vettura li tappartjeni lis-sensiela tat-tip approvat skont [l-imsemmija direttiva qafas] kienet tissodisfa l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha”. |
80 |
Barra minn hekk, minbarra l-għan tal-istabbiliment u tal-funzjonament ta’ suq intern ikkaratterizzat minn kompetizzjoni leali bejn il-manifatturi mfittex mill-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, is-sanzjonijiet previsti f’dan l-artikolu għandhom jiggarantixxu wkoll li x-xerrej ta’ vettura jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ konformità li jippermettilu, konformement mal-Anness IX ta’ din id-direttiva qafas, jirreġistraha fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr ma jkun meħtieġ jipprovdi dokumenti tekniċi addizzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑668/16, EU:C:2018:802, punt 87). |
81 |
Meta jixtri vettura li tappartjeni għal serje ta’ tip ta’ vettura approvat, u, għaldaqstant, flimkien ma’ ċertifikat ta’ konformità, konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li r-Regolament Nru 715/2007 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tiegħu, jiġi osservat fir-rigward ta’ din il-vettura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 54). |
82 |
Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas imsemmija fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din tistabbilixxi rabta diretta bejn il-manifattur tal-vetturi u x-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur intiża li tiggarantixxi lil dan tal-aħħar li din il-vettura hija konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. B’mod partikolari, peress li l-manifattur ta’ vettura għandu josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007 meta jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ konformità lix-xerrej individwali ta’ din il-vettura għar-reġistrazzjoni u l-bejgħ jew it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-imsemmija vettura, dan iċ-ċertifikat jippermetti li dan ix-xerrej jiġi protett kontra n-nuqqas ta’ osservanza, minn dan il-manifattur, tal-obbligu tiegħu li jqiegħed fis-suq vetturi konformi ma’ din id-dispożizzjoni. |
83 |
Ma huwiex eskluż li tip ta’ vettura, kopert minn approvazzjoni tat-tip tal-KE, li jippermetti lil din il-vettura tintuża fit-triq, jista’ oriġinarjament ikun approvat mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni mingħajr ma tkun ġiet żvelata lilha l-preżenza tas-softwer imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, id-Direttiva Qafas tipprevedi s-sitwazzjoni fejn l-illegalità ta’ element ta’ disinn ta’ vettura, fid-dawl, pereżempju, tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, tiġi skoperta biss wara din l-approvazzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 8(6) ta’ din id-direttiva qafas jipprovdi li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni tista’ tirtira l-approvazzjoni ta’ vettura. Barra minn hekk, mill-ewwel u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta manifattur jinforma lil Stat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip KE b’emenda tal-informazzjoni rreġistrata fil-fajl ta’ approvazzjoni, dan l-Istat Membru jista’, jekk dan ikun neċessarju, jiddeċiedi, billi jikkonsulta lill-manifattur, li għandha tingħata approvazzjoni tat-tip KE ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 56). Fl-aħħar, l-Artikolu 30(1) tal-istess direttiva qafas kien jipprovdi li, fil-każ li Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jikkonstata nuqqas ta’ konformità mat-tip ta’ vettura approvat minnu, huwa kellu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip, sabiex jiżgura li l-vetturi jinġiebu f’konformità ma’ dan it-tip. |
84 |
Konsegwentement, l-illegalità ta’ apparat ta’ manipulazzjoni mgħammar f’vettura bil-mutur, skoperta wara l-approvazzjoni tat-tip tal-KE għal din il-vettura, tista’ tikkontesta l-validità ta’ din l-approvazzjoni u, b’estensjoni, dik taċ-ċertifikat ta’ konformità li suppost jiċċertifika li l-imsemmija vettura, li tappartjeni lis-sensiela tat-tip approvat, kienet tissodisfa l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha. Fid-dawl tar-regola stabbilita fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva Qafas, din l-illegalità hija għalhekk ta’ natura, b’mod partikolari, li toħloq inċertezza dwar il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-imsemmija vettura u, eventwalment, li tippreġudika lix-xerrej ta’ vettura li għandha apparat ta’ manipulazzjoni illegali. |
85 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipproteġu, minbarra interessi ġenerali, l-interessi partikolari tax-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tiegħu meta din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda
86 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda. |
Fuq il‑ħames u s‑sitt domanda
87 |
Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, dan jipprekludi li l-benefiċċju miksub mill-użu effettiv ta’ din il-vettura jiġi imputat fuq ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-imsemmija vettura u, jekk dan ma jkunx il-każ, li dan il-benefiċċju jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-prezz tax-xiri totali tal-istess vettura. |
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, jipproteġu l-interessi partikolari tax-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tiegħu meta din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
89 |
Għalhekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur għandu, fil-konfront tal-manifattur ta’ din il-vettura, dritt li l-imsemmija vettura ma tkunx mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament. |
90 |
Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, li għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2007, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
91 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 18(1), mill-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu li x-xerrej ta’ vettura bil-mutur mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, jibbenefika minn dritt għal kumpens min-naħa tal-manifattur ta’ din il-vettura meta l-imsemmi apparat ikun ikkawża dannu lil dan ix-xerrej. |
92 |
Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-modalitajiet ta’ kisba ta’ tali kumpens mix-xerrejja kkonċernati mix-xiri ta’ tali vettura, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-modalitajiet. |
93 |
Dan premess, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba, mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur, ta’ kumpens xieraq għad-danni kkawżati lilu mill-ksur, mill-manifattur ta’ din il-vettura, tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività. |
94 |
Bla ħsara għal din ir-riżerva, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali huma intitolati jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka,C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 125). |
95 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imputazzjoni tal-benefiċċju miksub mill-użu effettiv tal-vettura kkonċernata tiżgurax kumpens xieraq lix-xerrej, sakemm jiġi stabbilit li dan tal-aħħar ġarrab dannu marbut mal-installazzjoni fil-vettura tiegħu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. |
96 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt f’dan il-qasam, hija l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li għandha tiddetermina r-regoli dwar il-kumpens għad-dannu effettivament ikkawżat lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, sakemm dan il-kumpens ikun xieraq għad-dannu mġarrab. |
Fuq l‑ispejjeż
97 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( i ) Fil-punti 77 u 83 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.