Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0083

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2022.
    Airbnb Ireland UC u Airbnb Payments UK Ltd vs Agenzia delle Entrate.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Artikolu 114(2) TFUE – Esklużjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 2000/31/CE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kummerċ elettroniku – Portal telematiku ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli – Artikolu 1(5) (a) – Esklużjoni tal-‘qasam tat-tassazzjoni’ – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Artikolu 2(3) – Esklużjoni tal-‘qasam tat-tassazzjoni’ – Direttiva (UE) 2015/1535 – Artikolu 1(1) (e) u (f) – Kunċetti ta’ ‘regola dwar is-servizzi’ u ta’ ‘regolament tekniku’ – Obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li jiġbru u li jibagħtu lill-awtoritajiet tat-taxxa d-data ta’ kuntratti tal-kiri u li jiġbru f’ras il-għajn it-taxxa fuq il-ħlasijiet imwettqa – Obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali impost fuq il-fornituri ta’ servizzi li ma għandux stabbiliment permanenti fl-Italja – Artikolu 56 TFUE – Natura restrittiva – Għan leġittimu – Natura sproporzjonata tal-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Prerogattivi ta’ qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern.
    Kawża C-83/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1018

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Artikolu 114(2) TFUE – Esklużjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 2000/31/CE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kummerċ elettroniku – Portal telematiku ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli – Artikolu 1(5) (a) – Esklużjoni tal-‘qasam tat-tassazzjoni’ – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Artikolu 2(3) – Esklużjoni tal-‘qasam tat-tassazzjoni’ – Direttiva (UE) 2015/1535 – Artikolu 1(1) (e) u (f) – Kunċetti ta’ ‘regola dwar is-servizzi’ u ta’ ‘regolament tekniku’ – Obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li jiġbru u li jibagħtu lill-awtoritajiet tat-taxxa d-data ta’ kuntratti tal-kiri u li jiġbru f’ras il-għajn it-taxxa fuq il-ħlasijiet imwettqa – Obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali impost fuq il-fornituri ta’ servizzi li ma għandux stabbiliment permanenti fl-Italja – Artikolu 56 TFUE – Natura restrittiva – Għan leġittimu – Natura sproporzjonata tal-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE – Prerogattivi ta’ qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern”

    Fil-Kawża C‑83/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

    Airbnb Ireland UC plc,

    Airbnb Payments UK Ltd

    vs

    Agenzia delle Entrate,

    fil-preżenza ta’:

    Presidenza del Consiglio dei Ministri,

    Ministero dell’Economia e delle Finanze,

    Federazione delle Associazioni Italiane Alberghi e Turismo (Federalberghi),

    Renting Services Group Srls,

    Coordinamento delle Associazioni e dei Comitati di tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: C. Di Bella, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Airbnb Ireland UC plc u Airbnb Payments UK Ltd, minn M. Antonini, S. Borocci, A. R. Cassano, M. Clarich, I. Perego, G. M. Roberti, avvocati, u D. Van Liedekerke, advocaat,

    għall-Federazione delle Associazioni Italiane Alberghi e Turismo (Federalberghi), minn E. Gambaro, A. Manzi u A. Papi Rossi, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn C. Molitor, avocat,

    għall-Gvern Ċek, minn T. Machovičová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn N. Vincent u T. Stéhelin, bħala aġenti,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Hoogveld, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn M. Augustin, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, P. Rossi u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tas-7 ta’ Lulju 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), u tal-Artikolu 1(1)(e) u (f) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika(ĠU 2015, L 241, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 56 u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Airbnb Ireland UC plc u Airbnb Payments UK Ltd, minn naħa, u l-Agenzia delle Entrate (l-Amministrazzjoni Fiskali, l-Italja, min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ regoli tad-dritt Taljan dwar is-sistema fiskali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli fir-rigward ta’ kirjiet għal żmien qasir.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2000/31

    3

    Skont kliem tal-premessa 12 tad-Direttiva 2000/31:

    “Huwa meħtieġ li jkunu esklużi ċerti attivitajiet minn din id-Direttiva, fuq il-bażi li l-libertà li jkunu ipprovduti servizzi f’dawn l-oqsma ma tistax, f’dan l-istadju, tkun garantita permezz tat-Trattat jew ta’ leġislazzjoni sekondarja eżistenti; esklużi dawk l-attivitajiet li ma jfixklux xi strumenti li jistgħu juru li jkunu meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern; tassazzjoni, partikolarment it-taxxa ta’ valur miżjud imposta fuq numru kbir ta’ servizzi li hemm referenza għalihom f’din id-Direttiva, għandha tkun eskluża minn din id-Direttiva.”

    4

    Il-premessa 13 ta’ din id-direttiva tistipula:

    “Din id-Direttiva m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli dwar l-obbligazzjonijiet fiskali u l-anqas li tantiċipa t-tħejjija ta’ strumenti tal-Komunità dwar l-aspetti fiskali tal-kummerċ elettroniku.”

    5

    L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

    […]

    5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:

    a)

    qasam tat-tassazzjoni;

    […]”

    Id-Direttiva 2006/123

    6

    Skont kliem il-premessa 29 tad-Direttiva 2006/123:

    “Minħabba li t-Trattat jipprovdi bażi legali speċifika għal kwistjonijiet ta’ tassazzjoni u tenut kont ta’ l-istrumenti Komunitarji diġà adottati f’dak il-qasam, huwa meħtieġ li jiġi eskluż il-qasam tat-tassazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

    7

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu (3) tiegħu:

    “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni”.

    Id-Direttiva 2015/1535

    8

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 jistipula:

    “1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    e)

    ‘regola dwar is-servizzi’, tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi [tas-soċjetà tal-informazzjoni] b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn [dawn] is-servizzi […]

    Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

    i)

    regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat;

    ii)

    regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali;

    f)

    ‘regolament tekniku’, tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    Ir-regolamenti tekniċi de facto għandhom jinkludu:

    i)

    il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità mal-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

    ii)

    ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti tal-akkwist pubbliku,

    iii)

    speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

    […]”.

    9

    L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

    Id-dritt Taljan

    10

    L-Artikolu 4 tad-decreto-legge n. 50 – Disposizioni urgenti in materia finanziaria, iniziative a favore degli enti territoriali, ulteriori interventi per le zone colpite da eventi sismici e misure per lo sviluppo (id-Digriet-Liġi Nru 50, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam Finanzjarju, Inizjattivi Favur Entitajiet Territorjali, Interventi Addizzjonali Favur iż-Żoni Milquta minn Terremoti u Miżuri ta’ Żvilupp), tal‑24 ta’ April 2017 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 95 tal-24 ta’ April 2017), ikkonvertit b’emendi permezz tal-Liġi Nru 96, tal‑21 ta’ Ġunju 2017 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 144 tat-23 ta’ Ġunju 2017), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“sistema fiskali tal-2017”), intitolat “Sistema fiskali tal-kirjiet għal żmien qasir”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, kirjiet għal żmien qasir tfisser il-kuntratti tal-kiri ta’ proprjetà immobbli għal skopijiet residenzjali għal perjodu massimu ta’ 30 jum, inklużi dawk li jipprevedu l-provvista ta’ servizzi ta’ provvista online ta’ djar u ta’ tindif tal-post, konklużi minn persuni fiżiċi, barra mill-eżerċizzju ta’ attività imprenditorjali, direttament jew permezz ta’ persuni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, jew ta’ persuni li jamministraw portali telematiċi, billi jqiegħdu lill-persuni li qegħdin ifittxu proprjetà immobbli f’kuntatt ma’ persuni li għandhom unitajiet ta’ bini għall-kiri.

    2.   Mill-1 ta’ Ġunju 2017, id-dħul iġġenerat minn kuntratti tal-kiri għal żmien qasir konklużi b’effett minn din id-data huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-decreto legislativo n. 23 – Disposizioni in materia di federalismo Fiscale Municipale [id-Digriet Leġiżlattiv Nru 23, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar il-Federaliżmu Fiskali Muniċipali], tal-14 ta’ Marzu 2011 (GURI Nru 67, tat-23 ta’ Marzu 2011), bir-rata ta’ 21 % fil-każ li tintgħażel it-taxxa ta’ sostituzzjoni fil-forma ta’ taxxa skedata permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn.

    3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) huma applikabbli wkoll għall-ammonti grossi ġġenerati minn kuntratti ta’ sullokazjoni u minn kuntratti bi ħlas konklużi mill-persuna li tissellef għall-użu li bħala suġġett għandhom l-isfruttament tal-propjetà immobbli minn terzi, meta dawn jiġu konklużi taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (1).

    […]

    4.   Il-persuni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, kif ukoll dawk li jamministraw portali telematiċi, billi jqiegħdu lill-persuni li qegħdin ifittxu proprjetà immobbli f’kuntatt ma’ persuni li għandha unitajiet ta’ bini għall-kiri, għandhom jittrażmettu d-data dwar il-kuntratti imsemmija fil-paragrafi (1) u (3) konklużi permezz tal-intermedjazzjoni tagħhom qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena li tiġi wara dik li għaliha tirreferi din id-data. L-assenza ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija data kif ukoll il-komunikazzjoni mhux kompleta jew mhux eżatta tagħha huma suġġetti għas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tad-decreto legislativo n. 471 – Riforma delle sanzioni tributarie non penali in materia di imposte dirette, di imposta sul valore aggiunto e di riscossione dei tributi, a norma dell’articolo 3, comma 133, lettera q), della legge 23 dicembre 1996, n. 662 (id-Digriet leġiżlattiv Nru 471 li Jistabbilixxi Riforma tas-Sanzjonijiet Fiskali mhux Kriminali fil-Qasam tat-Taxxi Diretti, tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u tal-Ġbir tat-Taxxa, b’Applikazzjoni tal-Artikolu 3(133)(q) tal-Liġi Nru 662 tat-23 ta’ Diċembru 1996), tat-18 ta’ Diċembru 1997 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 5, tat-8 ta’ Jannar 1998). Is-sanzjoni titnaqqas bin-nofs jekk it-trażmissjoni titwettaq fi żmien ħmistax il-ġurnata wara d-data ta’ skadenza jew jekk, fl-istess terminu, titwettaq it-trażmissjoni korretta tad-data.

    5.   Il-persuni residenti fit-territorju tal-Istat li jeżerċitaw attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, kif ukoll dawk li jamministraw portali telematiċi, billi jqiegħdu lill-persuni li qegħdin ifittxu proprjetà immobbli f’kuntatt ma’ persuni li għandhom unitajiet ta’ bini għall-kiri, meta jiġbru l-kirjiet jew il-korrispettiv relatat mal-kuntratti imsemmi fil-paragrafi 1 u 3, jew meta huma jintervjenu fil-kuntest tal-ħlas ta’ dawn il-kirjiet u ta’ dawn il-korrispettiv, għandhom iħallsu, bħala kolletturi tat-taxxa, żamma ta’ 21 % fuq l-ammont tal-kirjiet u tal-korrispettiv waqt il-ħlas lill-benefiċjarju u jipproċedu għall-ħlas tagħha […]. Fil-każ fejn ma tkunx magħżula l-applikazzjoni tal-iskema imsemmija fil-paragrafu (2), din iż-żamma titqies bħala ħlas akkont.

    5 bis   Il-persuni mhux residenti msemmija fil-paragrafu 5 li għandhom stabbiliment permanenti fl-Italja, fis-sens tal-Artikolu 162 tat-test uniku dwar it-taxxa fuq id-dħul, li jirriżulta mid-decreto del Presidente della Repubblica n. 917 – (Approvazione del testo unico delle imposte sui redditi (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917 dwar l-Approvazzjoni tat-Test Uniku dwar it-Taxxa fuq id-Dħul)), tat-22 ta’ Diċembru 1986 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tal-31 ta’ Diċembru 1986), meta jiġbru l-kirjiet jew il-korrispettiv relatat mal-kuntratti msemmija fil-paragrafi 1 u 3, jew meta huma jintervjenu fil-kuntest tal-ħlas ta’ dawn il-kirjiet jew ta’ dawn il-korrispettiv, jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn dan l-artikolu permezz tal-istabbiliment permanenti tagħhom. Għall-finijiet tal-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-artikolu, lil-persuni mhux residenti kkunsidrati li ma għandhomx stabbiliment permanenti fl-Italja għandhom jaħtru, fil-kwalità tagħhom bħala persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, rappreżentant fiskali magħżul minn fost il-persuni elenkati fl-Artikolu 23 tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 600 – (Disposizioni comuni in materia di accertamento delle imposte sui redditi (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 600 li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Komuni dwar l-Evalwazzjoni tat-Taxxa fuq id-Dħul)), tad-29 ta’ Settembru 1973 (suppliment ordinarju tal-GURI no268, tas-16 ta’ Ottubru 1973).

    5 ter   Il-persuna li tirċievi l-kirjiet jew il-korrispettiv, jew li tintervjeni fil-kuntest tal-ħlas ta’ dawn il-kirjiet jew ta’ dan il-korrispettiv, hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ta’ soġġorn prevista fl-Artikolu 4 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 23, tal-14 ta’ Marzu 2011, u għat-taxxa ta’ soġġorn […], kif ukoll għal obbligi oħra previsti mil-liġi u mir-regolament komunali.

    6.   Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-paragrafi 4, 5 u 5 bis ta’ dan l-artikolu, inklużi dawk li jirrigwardaw it-trażmissjoni u ż-żamma tad-data mill-intermedjarju, għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni tad-direttur tal-amministrazzjoni fiskali, adottata fi żmien 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.”

    11

    Is-sistema fiskali tal-2017 ġiet emendata permezz tad-decreto-legge 30 aprile 2019, n. 34 – Misure urgenti di crescita economica e per la risoluzione di specifiche situazioni di crisi (id-Digriet Liġi Nru 34, tat-30 ta’ April 2019, dwar il-Miżuri Urġenti Favur it-Tkabbir Ekonomiku u Sabiex Jinstabu Soluzzjonijiet għal-Sitwazzjonijiet Speċifiċi f’Perijodu ta’ Kriżi), GURI Nru 100 tat-30 ta’ April 2019, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi tal-2019 »), ikkonvertita b’emendi fil-Liġi tat-28 ta’ Ġunju 2019 (legge del 28 giugno 2019 n. 58, suppliment ordinarju tal-GURI Nru 151, tad-29 ta’ Ġunju 2019).

    12

    Skont kliem l-Artikolu 13 quater(1) tad-Digriet Liġi tal-2019, l-Artikolu 4(5 bis), tas-sistema fiskali tal-2017 huwa kkompletat kif ġej:

    “Fl-assenza tal-ħatra ta’ rappreżentant fiskali, il-persuni residenti fit-territorju tal-Istat li jifformaw parti mill-istess kategorija bħall persuni msemmija iktar ’il fuq huma responsabbli in solidum ma dawn tal-aħħar għall-implimentazzjoni u għall-ħlas taż-żamma tat-taxxa fuq l-ammont tal-kirjiet u tal-korrispettiv relatat mal-kuntratti msemmija fil-paragrafi 1 u 3.”

    13

    L-Artikolu 13 quater(4) ta’ dan id-digriet liġi jipprovdi:

    “Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-offerta turistika, tiġi żgurata l-protezzjoni tat-turisti u jiġu miġġielda l-forom irregolari ta’ akkomodazzjoni, kif ukoll għal finijiet fiskali, hija stabbilita […] database speċjali ta’ strutturi ta’ akkomodazzjoni u ta’ proprjetà immobbli ddedikati għal kirjiet għal żmien qasir li jinstabu fit-territorju nazzjonali, li jiġu identifikati permezz ta’ kodiċi alfanumeriku, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ identifikazzjoni”, li għandu jintuża f’kull komunikazzjoni dwar l-offerta u l-promozzjoni tas-servizzi lill-utenti.”

    14

    Skont kliem l-Artikolu 13 quater(7) tal-imsemmi digriet liġi, “il-proprjetarji tal-istrutturi ta’ akkomodazzjoni, il-persuni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli u l-persuni li jamministraw portali telematiċi, billi jqiegħdu lill-persuni li qegħdin ifittxu proprjetà immobbli jew parti minn proprjetà immobbli f’kuntatt ma’ persuni li għandhom unitajiet ta’ bini jew parti minn unitajiet ta’ bini għall-kiri, huma obbligati li jippubblikaw il-kodiċi ta’ identifikazzjoni fil-komunikazzjonijiet dwar l-offerta u l-promozzjoni”.

    15

    Fl-aħħar nett, skont kliem l-Artikolu 13 quater(8) tal-Liġi tal-2019, “[i]n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 iwassal għall-applikazzjoni ta’ multa ta’ EUR 500 sa 5000” u, “[f]il-każ ta’ ripetizzjoni tal-ksur, is-sanzjoni tiżdied bid-doppju tal-ammont dovut”.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jamministraw Portal telematiku ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli Airbnb, li jippermetti li jitqiegħdu f’kuntatt, minn naħa, sidien il-kera li għandhom postijiet ta’ akkomodazzjoni u, min-naħa l-oħra, persuni li jfittxu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni, billi jirċievu mingħand il-klijent il-ħlas relatat mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-akkomodazzjoni qabel il-bidu tal-kiri u billi dan il-ħlas jiġi ttrasferit lil sid il-kera wara li l-kirja tkun bdiet, jekk ma jkunx hemm kontestazzjoni min-naħa tal-kerrej.

    17

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) intiż għall-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni Nru 132395 tad-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali, tat‑12 ta’ Lulju 2017, li timplimenta s-sistema fiskali tal-2017, u, it-tieni, taċ-Ċirkulari Interpretattiva Nru 24 tal-Agenzia delle Entrate – Regime fiscale delle locazioni brevi – Art. 4 DL 24 aprile 2017 n. 50, convertito dalla legge 21 giugno 2017 n. 96 (iċ-Ċirkulari Interpretattiva Nru 24 tal-amministrazzjoni fiskali, li għandha bħala suġġett is-“Sistema fiskali tal-kirjiet għal żmien qasir – Art. 4 DL 24 ta’ April 2017 Nru 50, ikkonvertit f’liġi permezz tal-Liġi 96 tal-21 ta’ Ġunju 2017”), tat-12 ta’ Ottubru 2017, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, dwar l-applikazzjoni ta’ din is-sistema fiskali.

    18

    Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Frar 2019, l-imsemmija qorti ċaħdet dan ir-rikors fejn iddeċidiet li, l-ewwel, is-sistema fiskali tal-2017 ma kinitx introduċiet “regolament tekniku” jew “regola dwar is-servizzi”, it-tieni, l-obbligu li jibagħtu d-data tal-kuntratti u li japplikaw taxxa f’ras il-għajn la kien jikser il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, la l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u, it-tielet, l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali, meta persuna li tamministra portal telematiku ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli ma tkunx residenti jew stabbilita fl-Italja, kien konformi mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità u ta’ neċessità stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    19

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

    20

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2019, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari dwar diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

    21

    Permezz tad-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2020, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑723/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:509), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dik it-talba għal deċiżjoni preliminari kienet manifestament inammissibbli, filwaqt li speċifikat li l-qorti tar-rinviju setgħet tressaq quddiemha talba ġdida għal deċiżjoni preliminari akkumpanjata b’indikazzjonijiet li jippermettulha li tagħti risposta utli għad-domandi magħmula.

    22

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, mill-ġdid, li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Kif għandhom jiġu interpretati l-kliem ‘regolament tekniku’ tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u ‘regola dwar is-servizzi’ tas-soċjetà tal-informazzjoni li jinsabu fid-[Direttiva 2015/1535] u, b’mod partikolari, dan il-kliem għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopru wkoll miżuri ta’ natura fiskali li ma humiex immirati direttament biex jirregolaw is-servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda li huma ta’ natura li jirregolaw l-eżerċizzju konkret tal-attività fit-territorju tal-Istat Membru, b’mod partikolari billi jiġi impost fuq il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli responsabbli, inklużi, għalhekk, dawk li ma humiex stabbiliti f’dan l-Istat u li jipprovdu s-servizzi tagħhom online, obbligi li għandhom il-funzjoni li jikkontribwixxu għall-ġbir effettiv ta’ taxxi dovuti minn sidien il-kera, bħal:

    a)

    il-ġbir u l-komunikazzjoni sussegwenti lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ informazzjoni relatata ma’ kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir konklużi bħala riżultat tal-attività tal-intermedjarju;

    b)

    iż-żamma tas-sehem dovut lill-awtoritajiet tat-taxxa tas-somom imħallsa mill-kerrejja lis-sidien tal-kera u l-ħlas sussegwenti ta’ dawn is-somom lit-Teżor Pubbliku?

    2)

    a)

    Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-[Direttivi 2000/31 u 2006/123] jipprekludi miżura nazzjonali li tipprevedi, impożizzjoni fuq intermedjarji tal-propjetà immobbli attivi fl-Italja – inklużi, konsegwentement, operaturi mhux stabbiliti li jipprovdu s-servizzi tagħhom online – obbligi li tinġabar informazzjoni relatata ma’ kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir konklużi permezz tagħhom u komunikazzjoni sussegwenti ta’ din l-informazzjoni lill-amministrazzjoni tat-taxxa, għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxi diretti dovuti mill-utenti tas-servizz?

    b)

    Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-[Direttivi 2000/31 u 2006/123] jipprekludu miżura nazzjonali li tipprevedi, impożizzjoni fuq intermedjarji tal-propjetà immobbli attivi fl-Italja – inklużi, konsegwentement, operaturi mhux stabbiliti li jipprovdu s-servizzi tagħhom online – li jseħħu matul il-fażi tal-ħlas relatata ma’ kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir konklużi permezz tagħhom, l-obbligu ta’ ġbir, għall-fini ta’ rkuprar tat-taxxi diretti dovuti mill-utenti tas-servizz, ta’ taxxa minn ras il-għajn minn dawn il-ħlasijiet u ħlas wara lit-Teżor Pubbliku?

    c)

    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-[Direttivi 2000/31 u 2006/123] tista’ madankollu tiġi ristretta, skont id-dritt tal-Unjoni, b’miżuri nazzjonali bħal dawk deskritti hawn fuq, taħt (a) u (b), minħabba l-ineffettività, fil-każ kuntrarju, tal-impożizzjoni fiskali relatata ma’ taxxi diretti dovuti minn utenti tas-servizz?

    d)

    l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-[Direttivi 2000/31 u 2006/123] tista’ madankollu tiġi ristretta, skont id-dritt tal-Unjoni, b’miżura nazzjonali li timponi fuq intermedjarji tal-propjetà immobbli mhux stabbiliti fl-Italja, l-obbligu li jaħtru rappreżentant fiskali meħtieġ biex jeżegwixxi, f’isem u għall-intermedjarju mhux stabbilit, il-miżuri nazzjonali deskritti hawn fuq, taħt (b), fid-dawl tal-ineffettività, fil-każ kuntrarju, tal-impożizzjoni fiskali relatata ma’ taxxi diretti dovuti mill-utenti tas-servizz?

    3)

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (primarju jew sekondarju) imqajma minn waħda mill-partijiet u assoċjata mal-indikazzjoni preċiża tat-test tad-domandi, il-qorti madankollu tirriżerva d-dritt li tipproċedi bil-formulazzjoni awtonoma ta’ dawn id-domandi, billi tindika b’mod diskrezzjonali, skont l-għarfien u t-twemmin tiegħu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma potenzjalment kuntrarji għal dawn u l-kliem eżatt tad-domandi, sakemm jibqgħu fil-kuntest tas-suġġett tal-kawża, jew hija obbligata tirriproduċi d-domandi kif ifformulati mill-parti li titlob ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

    Dwar l-applikabbiltà tad-Direttivi 2000/31, 2006/123 u 2015/1535 għall-miżuri ta’ natura fiskali

    23

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-espressjonijiet “regolament tekniku” tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u “regola dwar is-servizzi” tas-soċjetà tal-informazzjoni li jinstabu fid-Direttiva 2015/1535 għandhom jinftehmu fis-sens li dawn ikopru wkoll miżuri ta’ natura fiskali li ma humiex direttament intiżi li jirregolaw servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda li huma ta’ natura li jirregolaw l-eżerċizzju konkret tal-attività inkwistjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    24

    Fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, (a) sa d), il-qorti tar-rinviju ssemmi d-Direttivi 2000/31 u 2006/123, jekk jitqies li l-prinċipji stipulati fihom “jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni”.

    25

    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-Direttiva 2000/31, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tenfasizza fil-punti 27 sa 30 tas-sentenza tas-27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland (C‑674/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Airbnb Ireland”, EU:C:2022:303), din id-direttiva, l-ewwel, ġiet adottata fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 95 KE, li t-termini tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 114 TFUE, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, fil-paragrafu 2 tiegħu, id-“dispożizzjonijiet fiskali”, fejn dawn it-termini ma kinux ikopru biss l-oqsma kollha tat-taxxa, iżda wkoll l-aspetti kollha ta’ dan il-qasam. It-tieni, din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-fatt li l-Artikolu 114(2) TFUE jagħmel parti mill-Kapitolu 3, intitolat “Approssimazzjoni ta’ liġijiet”, li jsegwi Kapitolu 2, intitolat “Dispożizzjonijiet fiskali”, fi ħdan it-Titolu VII tat-Trattat FUE, li għandha bħala suġġett ir-“regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet”, b’tali mod li dak kollu li jirrigwarda l-imsemmi Kapitolu 3, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ma jirrigwardax dak li jaqa’ taħt l-imsemmi Kapitolu 2, jiġifieri d-dispożizzjonijiet fiskali. It-tielet, dan ir-raġunament jipprevali fir-rigward tad-dritt sekondarju adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, u sussegwentement tal-Artikolu 114 TFUE, sa fejn l-imsemmi raġunament huwa dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni letterali tal-kliem vast użat fl-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31, jiġifieri l-“qasam tat-tassazzjoni”. Ir-Raba’, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati mill-premessi 12 u 13 tad-Direttiva 2000/31.

    26

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-Direttiva 2006/123, għandu, minn naħa, jiġi indikat li din teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, skont it-termini li jinstabu fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, il-“qasam tat-tassazzjoni”.

    27

    Min-naħa l-oħra, il-premessa 29 tal-imsemmija direttiva hija espliċita fir-rigward tal-motiv tal-esklużjoni inkwistjoni, peress li din tfakkar li t-Trattat FUE jipprevedi bażijiet ġuridiċi speċifiċi fil-qasam tat-taxxa u li, meqjusa l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni diġà adottati f’dan il-qasam, il-qasam tat-tassazzjoni għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

    28

    Fid-dawl tal-fatt li kemm t-termini “qasam ta’ tassazzjoni” u “qasam tat-tassazzjoni”, kif ukoll il-bażijiet ġuridiċi espliċitament previsti f’dan ir-rigward mit-Trattat FUE huma ġeneriċi, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 25 ta’ din is-sentenza għalhekk jgħoddu wkoll f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni tal-“qasam tat-tassazzjoni” mid-Direttiva 2006/123.

    29

    F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, id-Direttiva 2015/1535, għandu jiġi osservat li din tirrigwarda t-“Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 337 u 43 tiegħu”. Għalhekk, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 114(2) TFUE fir-rigward tad-“dispożizzjonijiet fiskali” tapplika wkoll f’dak li jirrigwarda din id-direttiva, għar-raġunijiet esposti fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

    30

    Barra minn hekk, il-kontenut tad-Direttiva 2015/1535 jikkonferma b’mod indirett l-esklużjoni tad-“dispożizzjonijiet fiskali” mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress lil-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(f)(iii) ta’ din id-direttiva jsemmi, fost ir-regolamenti tekniċi de facto, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi “li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji ”. Għalhekk ma humiex ikkonċernati l-miżuri ta’ natura fiskali bħala tali, iżda biss miżuri marbutin ma miżuri fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2020, Admiral Sportwetten et, C‑711/19, EU:C:2020:812, punt 38), bil-konsegwenza li dawn tal-aħħar jibqgħu, bħala tali, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

    31

    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk miżuri bħal dawk introdotti fid-dritt Taljan mis-sistema fiskali tal-2017 jaqgħux taħt il-“qasam tat-tassazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31, taħt il-“qasam tat-tassazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123, u għalhekk huma “dispożizzjonijiet fiskali”, fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE, li jirrigwarda espressament id-Direttiva 2015/1535.

    32

    Hekk kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, is-sistema fiskali tal-2017 temenda l-leġiżlazzjoni fiskali Taljana dwar il-kirjiet għal żmien qasir, irrispettivament minn jekk dawn il-kirjiet jitwettqux, skont kliem l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija leġiżlazzjoni fiskali, “direttament jew permezz ta’ persuni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, jew ta’ persuni li jamministraw portali telematiċi”.

    33

    Illum il-ġurnata l-persuni kollha msemmija iktar ’il fuq huma suġġetti għal tliet tipi ta’ obbligi, jiġifieri, qabel kollox, l-obbligu ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet fiskali tad-data dwar il-kuntratti tal-kiri konklużi wara l-intermedjazzjoni tagħhom, wara dan, fid-dawl tal-intervent tagħhom fil-ħlas tal-kera, l-obbligu li tinżamm it-taxxa dovuta fuq is-somom imħallsa mill-kerrejja lil sidien il-kera u ta’ ħlas ta’ din it-taxxa lit-Teżor pubbliku, jew bħala ħlas finali, jew inkella bħala akkont skont l-għażla mwettqa minn sidien il-kera, u, fl-aħħar, fin-nuqqas ta’ stabbiliment permanenti fl-Italja, l-obbligu li jinħatar, f’dan il-pajjiż, rappreżentant fiskali.

    34

    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet fiskali tad-data dwar il-kuntratti tal-kiri konklużi wara l-intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li tali miżura ma hijiex, fiha nnifisha, indirizzata lejn il-persuni taxxabbli li għandhom iħallsu din it-taxxa, iżda lejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li kellhom ir-rwol ta’ intermedjarju fil-kirjiet għal żmien qasir, u li l-għan tagħha huwa l-provvista ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali, taħt piena ta’ multa, xorta jibqa’ l-fatt li, l-ewwel, l-amministrazzjoni destinatarja ta’ din l-informazzjoni hija l-amministrazzjoni fiskali, it-tieni, din il-miżura tifforma parti minn leġiżlazzjoni fiskali, jiġifieri s-sistema fiskali tal-2017, u, it-tielet, l-informazzjoni li hija s-suġġett tal-obbligu ta’ trażmissjoni ma tistax tiġi sseparata, fir-rigward tas-sustanza tagħha, minn din il-leġiżlazzjoni, għaliex hija biss din l-informazzjoni li tista’ tidentifika l-persuna taxxabbli li għandha effettivament tħallas it-taxxa, permezz tal-indikazzjoni tal-post ikkonċernat mill-kirjiet u tal-identità ta’ sidien il-kera, li tista’ tippermetti li tiġi ddeterminata l-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa, skont is-somom irċevuti, u, b’konsegwenza ta’ dan, li jiġi stabbilit l-ammont tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Airbnb Ireland, punt 33).

    35

    Dan l-obbligu għalhekk jaqa’ taħt id-“dispożizzjonijiet fiskali”, fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE.

    36

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ġbir f’ras il-għajn tat-taxxa dovuta fuq is-somom imħallsa mill-kerrejja lil sidien il-kera u ta’ ħlas ta’ din it-taxxa lit-Teżor pubbliku, jew bħala ħlas finali bir-rata preferenzjali ta’ 21 %, jew inkella bħala akkont ta’ taxxa li tiġi għalhekk stabbilita b’rata ogħla, skont l-għażla mwettqa minn sidien il-kera, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ dawn huma, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, miżuri li “għand[hom] natura fiskali”, għaliex dawn jikkonsistu fil-ġbir tat-taxxa f’isem l-amministrazzjoni fiskali, u sussegwentement fil-ħlas tas-somom miġbura lil din tal-aħħar.

    37

    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli mhux stabbiliti fl-Italja li jinħatar rappreżentant fiskali, għandu jiġi osservat li anki dan huwa miżura fiskali, għaliex dan jiżgura l-ġbir effikaċi tat-taxxi relatat mal-ġbir f’ras il-għajn tat-taxxa mwettaq fil-kwalità ta’ “responsabbli fiskali” mill-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari dawk li jamministraw portali telematiċi.

    38

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet tipi ta’ obbligi introdotti mis-sistema fiskali tal-2017 fid-dritt Taljan jaqgħu taħt il-“qasam tat-tassazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31, taħt il-“qasam tat-tassazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123, u huma għalhekk “dispożizzjonijiet fiskali”, fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE, li jirrigwarda espliċitament id-Direttiva 2015/1535. Dawn il-miżuri huma, b’konsegwenza ta’ dan, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn it-tliet direttivi.

    39

    Ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari għalhekk tippreżupponi li l-legalità ta’ miżuri bħal ma hija s-sistema fiskali tal-2017 tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 56 TFUE.

    40

    Hemm lok li minn dan jiġi konkluż li, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi miżuri bħal ma huma t-tliet tipi ta’ obbligi esposti fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

    Dwar il-legalità ta’ miżuri bħal dawk li jirriżultaw mis-sistema fiskali tal-2017 fid-dawl tal-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 56 TFUE

    41

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom josservaw l-Artikolu 56 TFUE anki fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal ma hija s-sistema fiskali tal-2017, minkejja l-fatt li din tal-aħħar tkun tirrigwarda t-taxxi diretti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitawha fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Għalhekk hemm lok li t-tliet tipi ta’ obbligi imposti mis-sistema fiskali tal-2017 jiġu trattati wieħed wieħed.

    43

    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni lill-awtoritajiet fiskali tad-data dwar il-kuntratti tal-kiri konklużi wara l-intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, qabel kollox, mill-formulazzjoni tas-sistema fiskali tal-2017 jirriżulta li din timponi l-imsemmi obbligu fuq it-terzi kollha li jkunu involvew ruħhom, fit-territorju Taljan, fi proċess ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli għal żmien qasir, irrispettivament minn jekk humiex persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minn jekk dawn tal-aħħar humiex jew le residenti jew stabbiliti f’dan it-territorju u minn jekk dawn jintervjenux b’mod diġitali jew b’modi oħra ta’ tlaqqiegħ. Ir-riforma ikkonkretizzata permezz tas-sistema fiskali tal-2017 tirrigwarda, hekk kif jirriżulta mir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha, it-trattament fiskali tal-kirjiet kollha għal żmien qasir u tifforma parti, hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn strateġija globali ta’ ġlieda kontra l-evażjoni fiskali f’dan is-settur, li hija frekwenti, permezz, b’mod partikolari, tal-introduzzjoni ta’ tali obbligu.

    44

    Għalhekk, tali leġiżlazzjoni ma hijiex diskriminatorja u ma tirrigwardax, bħala tali, il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni, iżda timponi biss l-obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi, ladarba titwettaq dan is-servizz jiġi pprovdut, li jżommu d-data għall-finijiet tal-ġbir eżatt tat-taxxa relatata mal-kiri tal-proprjetà immobbli inkwistjoni mingħand il-proprjetarji kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza Airbnb Ireland, punt 41).

    45

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiġi invokata kontra l-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà, ma jmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (is-sentenza Airbnb Ireland, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward iqajjmu l-oġġezzjoni li kważi l-pjattaformi online kollha kkonċernati, u b’mod iktar partikolari dawk jamministraw ukoll il-ħlasijiet, huma stabbiliti fi Stati Membri oħra għajr l-Italja u li, għaldaqstant, is-sistema fiskali tal-2017 taffettwa b’mod iktar partikolari s-servizzi ta’ intermedjazzjoni bħal dawk li jiġu offruti minnhom. Huma żiedu jesponu, waqt is-seduta, li, fil-verità, din is-sistema fiskali kienet ġiet ippjanata għall-pjattaformi li jamministraw il-ħlasijiet u esklużivament għalihom.

    47

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-iżvilupp tal-mezzi teknoloġiċi kif ukoll il-konfigurazzjoni attwali tas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli jwasslu għall-konstatazzjoni li l-intermedjarji li jipprovdu s-servizzi tagħhom permezz ta’ portal telematiku jistgħu jaffaċċjaw, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data lill-amministrazzjoni fiskali iktar frekwenti u iktar importanti minn dik imposta fuq intermedjarji oħra. Madankollu, dan l-obbligu ikbar huwa biss ir-rifless ta’ numru ta’ tranżazzjonijiet ikbar li jwettqu l-imsemmija intermedjarji u tas-sehem rispettiv tagħhom tas-suq (is-sentenza Airbnb Ireland, punt 44).

    48

    Barra minn dan, fil-kawża preżenti, bil-kontra ta’ dak li kien ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, VG Media (C‑299/17, EU:C:2019:716, punt 37), il-formulazzjoni tas-sistema fiskali tal-2017 ma huwiex newtrali biss fid-dehra, għaliex din effettivament tirrigwarda l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, b’mod partikolari, hekk kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-aġenziji tal-proprjetà immobbli.

    49

    Wara dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tenfasizza li l-Artikolu 56 TFUE ma jkoprix miżuri li l-effett waħdieni tagħhom huwa li jinħolqu spejjeż addizzjonali għas-servizz inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru (is-sentenza Airbnb Ireland, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Fl-aħħar, anki jekk l-obbligu impost fuq il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li jiġbru u li jipprovdu informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali fir-rigward tad-data dwar il-kuntratti tal-kiri konklużi wara l-intermedjazzjoni tagħhom tista’ tagħti lok għal spejjeż addizzjonali, b’mod partikolari marbutin mat-tfittxija u mal-ħażna tad-data inkwistjoni, għandu jiġi osservat, fuq kollox fil-każ ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ipprovduti b’mod diġitali, li d-data inkwistjoni hija memorizzata u diġitalizzata minn intermedjarji bħal ma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’tali mod li, f’kull każ, jidher li l-ispiża addizzjonali li dan l-obbligu jinvolvi għal dawn l-intermedjarji hija ridotta.

    51

    Dan l-ewwel tip ta’ obbligi għalhekk ma jinvolvix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hekk kif iggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

    52

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ ġbir f’ras il-għajn tat-taxxa dovuta fuq is-somom imħallsa mill-kerrejja lil sidien il-kera u ta’ ħlas ta’ din it-taxxa lit-Teżor pubbliku, għandu jiġi osservat, minn naħa, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 43 sa 48 ta’ din is-sentenza, li s-sistema fiskali tal-2017 tirrigwarda, f’dan ir-rigward, it-terzi kollha li jkunu involvew ruħhom fi proċess ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli għal żmien qasir, irrispettivament minn jekk humiex persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minn jekk dawn tal-aħħar humiex jew le residenti jew stabbiliti fit-territorju Taljan u minn jekk dawn jintervjenux b’mod diġitali jew b’modi oħra ta’ tlaqqiegħ, kemm il-darba huma jkunu għażlu, fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi tagħhom, li jiġbru l-kirjiet jew il-korrispettiv relatat mal-kuntratti ikkonċernati mis-sistema fiskali tal-2017, jew inkella li jintervjenu fil-ġbir ta’ dawn il-kirjiet jew korrispettiv.

    53

    Min-naħa l-oħra, huwa minnu, madankollu, hekk kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li, meta l-fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr l-Italja, huwa jaġixxi bħala “persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, konformament mal-Artikolu 4(5 bis) tas-sistema fiskali tal-2017, filwaqt li, meta huwa stabbilit fl-Italja, huwa għandu l-kwalità, skont l-Artikolu 4(5) ta’ din is-sistema, ta’ “kollettur tat-taxxa”, jiġifieri l-kwalità ta’ sostitut fiskali, u dan għandu l-konsegwenza li, fir-rigward tat-Teżor pubbliku, huwa jissostitwixxi lill-persuna taxxabbli u jsir il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

    54

    Anki jekk għandu jitqies, hekk kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan it-tieni tip ta’ obbligi jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli piż kunsiderevolment ikbar minn dak relatat mas-sempliċi obbligu ta’ informazzjoni, anki jekk biss minħabba l-fatt tar-responsabbiltà finanzjarja li dan jinvolvi mhux biss fil-konfront tal-Istat li fih tiġi imposta t-taxxa, iżda wkoll fil-konfront tal-klijenti, madankollu mis-sistema fiskali tal-2017, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, ma jirriżultax li l-piż għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor għajr l-Italja, huwa itqal minn dak fuq l-impriżi li għandhom stabbiliment fl-Italja, minkejja l-isem differenti tagħhom. Fil-fatt, din is-sistema fiskali timponilhom l-istess obbligi ta’ taxxa f’ras il-għajn f’isem l-amministrazzjoni fiskali u ta’ ħlas tat-taxxa skedata ta’ 21 % lil din tal-aħħar, fejn il-ġbir tat-taxxa jitwettaq bħala ħlas finali meta l-proprjetarju tal-proprjetà immobbli jkun għażel r-rata preferenzjali u bħala akkont meta dan ma jkunx il-każ.

    55

    Għalhekk ma jidhirx li, f’dak li jirrigwarda t-tieni tip ta’ obbligi, leġiżlazzjoni bħal ma hija s-sistema fiskali tal-2017, li l-uniku effett tagħha hija dak li tagħti lok għal spejjeż addizzjonali għas-servizz inkwistjoni u li taffettwa bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri u dik interna fi Stat Membru, tista’ titqies bħala li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland,C‑482/18, EU:C:2020:141, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali fl-Italja, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 4(5) u (5 bis) tas-sistema fiskali tal-2017 jirriżulta li dan huwa impost biss fuq ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li ma għandhomx stabbiliment permanenti fl-Italja, ikkwalifikati bħala “persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, filwaqt li l-fornituri ta’ tali servizzi stabbiliti fl-Italja, ikkwalifikati bħala “kolletturi tat-taxxa”, jiġifieri sostituti fiskali, ma humiex suġġetti għalih.

    57

    Għandu jiġi speċifika, f’dan ir-rigward, li dan it-tielet tip ta’ obbligi ma jikkonċernax lill-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli mhux stabbiliti fl-Italja u li jinvolvu ruħhom fil-proċess ta’ kiri għal żmien qasir ta’ proprjetà immobbli li tinstab f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali jiddependi fuq l-għażla magħmula minn dawn il-fornituri li jiġbru jew li ma jiġbrux il-kirjiet jew il-korrispettiv relatat mal-kuntratti koperti minn din is-sistema fiskali tal-2017, jew inkella li jintervjenu jew ma jintervjenux fil-ġbir ta’ dawn il-kirjiet jew korrispettiv, jiġifieri li jissuġġettaw ruħhom, fil-prattika, għat-tieni tip ta’ obbligi u li jwettqu, minħabba f’dan, ġbir ta’ taxxa fuq is-somom irċevuti, bħala ħlas finali meta l-proprjetarju tal-proprjetà immobbli jkun għażel ir-rata preferenzjali ta’ 21 % u bħala akkont meta dan ma jkunx il-każ.

    58

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema fiskali tal-2017 titratta b’mod differenti, skont jekk dawn għandhomx jew le stabbiliment permanenti fl-Italja, lill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li jwettqu dan il-ġbir jew dawn l-interventi.

    59

    Għalhekk, huwa inkontestabbli li, billi jimponi obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li ma għandhomx stabbiliment permanenti fl-Italja, u li jixtiequ jintegraw, fil-provvisti tagħhom ta’ servizzi, tali ġbir jew tali interventi, jaħtru f’dan l-Istat Membru rappreżentant fiskali, is-sistema fiskali tal-2017 timponilhom li jieħdu passi kif ukoll li jsostnu, fil-prattika, l‑ispiża tar-remunerazzjoni ta’ dan ir‑rappreżentant. Restrizzjonijiet bħal dawn joħolqu għal dawn l-operaturi, skumdità tali li tiskoraġġihom milli jwettqu servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli fl-Italja, f’kull każ skont il-modalitajiet li jikkorrispondu għax-xewqat tagħhom. Minn dan jirriżulta li dan l-obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni għall‑libertà li jiġu pprovduti servizzi li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill‑Artikoli 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 37).

    60

    Dan espost, il-qorti tar-rinviju kienet iġġustifikata meta indika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx, fil-ġurisprudenza tagħha, stabbiliet prinċipju ta’ inkompatibbiltà bejn l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali impost minn leġiżlazzjoni jew minn regolamenti nazzjonali fil-konfront tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedi jew li huwa stabbiliti fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn tiġi imposta t-taxxa u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li, f’kull każ speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fid-dawl tal-karatteristiċi rispettivi tal-obbligu inkwistjoni, jekk ir-restrizzjoni li dan kien jinvolvi setgħetx tiġi ġġustifikata fid-dawl tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali mfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hekk kif invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007,Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑522/04, EU:C:2007:405, punti 47 sa 58; tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑267/09, EU:C:2011:273, punti 38 sa 46, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑678/11, EU:C:2014:2434, punti 42 sa 62).

    61

    Konsegwentement, hemm lok li l-obbligu impost fuq il-“persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa” li jinħatar rappreżentant fiskali jiġi eżaminat fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza.

    62

    L-ewwel, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni deskritta fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, dawn jifformaw parti mill-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali fis-settur tal-kirjiet għal żmien qasir, settur li fih hemm, skont kliem il-qorti tar-rinviju, “rata strutturalment għolja ta’ evażjoni fiskali”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Bl-istess mod, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effettività tal-irkupru tat-taxxa tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Huwa preċiżament fit-tfittxija li jintlaħaq dan l-għan li jinstab l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li jwettqu l-ġbir jew l-interventi msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u li ma għandhomx stabbiliment permanenti fl-Italja li jaħtru, f’dan il-pajjiż, rappreżentant fiskali. Fil-fatt, sa fejn, fil-kwalità tagħhom ta’ “persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”, dawn il-fornituri huma inkarigati li jwettqu il-ġbir f’ras il-għajn tat-taxxa f’isem l-awtoritajiet Taljani, dawn tal-aħħar jixtiequ, permezz tar-rappreżentant fiskali, jiżguraw li dan il-kompitu twettaq u li l-ammonti rċevuti, debitament intaxxati, ġew sussegwentement u korrettament imħallsa lill-amministrazzjoni fiskali, fejn għandu jiġi mfakkar li dan il-kontroll huwa ffaċilitat għal fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli stabbiliti fl-Italja, peress li, hekk kif huma jwettqu tali ġbir ta’ taxxa, huma jiksbu ipso jure, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-kwalità ta’ “kolletturi tat-taxxa”, jiġifieri ta’ sostituti fiskali.

    65

    Huwa, barra minn hekk, paradossali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkritikaw lill-awtoritajiet Taljani talli stabbilixxew, billi adottaw is-sistema fiskali tal-2017, preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali bbażata fuq iċ-ċirkustanza li fornitur ta’ servizzi huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, preżunzjoni pprojbita mill-Artikolu 56 TFUE (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), meta l-imsemmija sistema tagħtihom, bil-kontra ta’ dan, il-kompitu li jwettqu, f’isem l-amministrazzjoni fiskali, l-intaxxar f’ras il-għajn tas-somma korrispondenti għat-taxxa dovuta u li jwettqu l-ħlas tagħha lit-Teżor pubbliku, kompitu li l-leġiżlatur Taljan ipprova jiffaċilita, fir-rigward tal-kontroll tiegħu, permezz tal-ħatra ta’ rappreżentant fiskali fl-Italja.

    66

    Għandu għalhekk jitqies li miżura fiskali bħal ma huwa t-tielet tip ta’ obbligi li jirriżulta mis-sistema fiskali tal-2017 tfittex li tilħaq għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat FUE u hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

    67

    It-tieni, ma huwiex kontestabbli li dan it-tip ta’ obbligi huwa, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xieraq sabiex jiggarantixxi l-ilħuq tal-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

    68

    Għandu, b’mod partikolari, jiġi enfasizzat il-fatt li, hekk kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 2 u 3 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li jamministraw portal telematiku, bħal ma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kien is-suġġett ta’ żvilupp esponenzjali u li dawn il-provvisti ta’ servizzi, li, ipprovduti permezz tal-internet, jistgħu għalhekk, bħala prinċipju, ikunu transkonfinali, huma madankollu tranżazzjonijiet ta’ kiri li, min-naħa tagħhom, għandhom pożizzjonament fiżiku preċiż u, konsegwentement, jistgħu jkunu ta’ natura taxxabbli skont id-dritt fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.

    69

    Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk is-servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli inkwistjoni jiġux ipprovduti minn fornituri li jwettqu l-attività tagħhom permezz ta’ portali telematiċi, bħal ma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jew jekk dawn jiġux ipprovduti minn operaturi ekonomiċi iktar tradizzjonali, bħal ma huma l-aġenziji tal-proprjetà immobbli, għandu neċessarjament jiġi osservat li dawn il-kirjiet huma ta’ spiss għal żmien qasir, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tas-sistema fiskali tal-2017. B’konsegwenza ta’ dan, irrispettivament mill-mod ta’ kif il-fornituri ta’ servizzi kkonċernati jwettqu l-intermedjazzjoni tagħhom, l-istess proprjetà immobbli li tinstab fl-Italja tista’ tiġi mikrija diversi drabi matul sena taxxabbli minn sid il-kera speċifiku favur kerrejja li possibbilment huma residenti ta’ Stati Membri oħra, permezz ta’ fornituri ta’ servizzi li minn-naħa tagħhom, jekk ikun il-każ, huma wkoll stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li huma, madankollu, inkarigati li jintaxxaw f’ras il-għajn is-somma li tikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa dovuta minn sid il-kera u li jħallsuha lill-amministrazzjoni fiskali. Għalhekk għandu jitqies li l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li ma għandhomx stabbiliment permanenti fl-Italja li jaħtru, f’dan il-pajjiż, rappreżentant fiskali huwa xieraq sabiex jiggarantixxi l-ilħuq tal-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u sabiex jippermetti l-irkupru eżatt tat-taxxa.

    70

    It-tielet, għandu jiġi vverifikat jekk miżura bħal ma huwa t-tielet tip ta’ obbligi li jirriżulta mis-sistema fiskali tal-2017 tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

    71

    Qabel kollox, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ tali miżura jwassal sabiex jiġi kkonstatat li, b’kuntrast mal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, fejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ikkonċernati mill-obbligu ta’ ħatra ta’ rappreżentant fiskali fit-territorju tal-Istat Membru fejn tiġi imposta t-taxxa kienu kontribwenti, l-obbligu inkwistjoni f’din il-kawża huwa indirizzat lejn fornituri ta’ servizzi li aġixxew bħala persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u li, f’din il-kapaċità, diġà ġabru l-ammont korrispondenti għat-taxxa dovuta mill-kontribwenti, jiġifieri il-proprjetarji tal-proprjetà immobbli kkonċernati, f’isem it-Teżor pubbliku. Xorta jibqa’ l-fatt li, anki f’tali xenarju, in-natura proporzjonali ta’ tali obbligu timplika li ma jeżistux miżuri xierqa sabiex jissodisfaw l-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi fiskali u ta’ ġbir eżatt ta’ din it-taxxa mill-amministrazzjoni fiskali kkonċernata li jkunu inqas ta’ ħsara għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali li jirrisjedi jew li huwa stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru fejn tiġi imposta t-taxxa.

    72

    Wara dan, peress li dan l-obbligu japplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli li ma għandhomx stabbiliment permanenti fl-Italja u li għażlu, fil-kuntest tas-servizzi tagħhom, li jiġbru il-kirjiet jew il-korrispettiv relatat mal-kuntratti koperti mis-sistema fiskali tal-2017, jew inkella li jintervjenu fil-ġbir ta’ dawn il-kirjiet jew korrispettiv, mingħajr distinzjoni skont, pereżempju, il-volum tad-dħul fiskali intaxxat jew li jista’ jiġi intaxxat ta’ kull sena f’isem it-Teżor pubbliku minn dawn il-fornituri, għandu jitqies li t-tielet tip ta’ obbligi li jirriżulta mis-sistema fiskali tal-2017 jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din is-sistema.

    73

    Fl-aħħar, għalkemm huwa minnu li n-numru kbir ta’ tranżazzjonijiet u ta’ proprjetà immobbli li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tranżazzjoni bil-medjazzjoni tal-fornituri ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli kkonċernati jikkomplika l-kompitu tal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru fejn tiġi imposta t-taxxa, dan madankollu ma jimplikax, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Taljan, l-użu ta’ miżura bħal ma huwa l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali li jirrisjedi jew li huwa stabbilit fit-territorju ta’ dan l-Istat peress li, fl-ewwel lok, l-ewwel tip ta’ obbligi huwa preċiżament intiż sabiex jipprovdi lil dawn l-awtoritajiet fiskali l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġu identifikati l-kontribwenti responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u fl-istess ħin li tiġi ddeterminata l-bażi taxxabbli ta’ dan tal-aħħar, fit-tieni lok, li t-tieni tip ta’ obbligi jippermetti li jiġi żgurat il-ġbir f’ras il-għajn ta’ din it-taxxa u, fit-tielet lok, li l-leġiżlatur Taljan ma għażilx il-possibbiltà li dan ir-rappreżentant fiskali, li miegħu huwa jista’ jiżgura ruħu mill-ġbir eżatt tat-taxxi minn dawn il-fornituri ta’ servizzi u mit-trażmissjoni korretta tas-somom korrispondenti lit-Teżor Taljan, ikollu l-għażla li jirrisjedi jew ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr l-Italja.

    74

    F’dan ir-rigward, is-sempliċi affermazzjoni li l-kundizzjoni ta’ residenza tikkostitwixxi l-aħjar garanzija li l-obbligi ta’ natura fiskali li jaqgħu fuq ir-rappreżentant fiskali jkunu ssodisfatti b’mod effettiv hija irrilevanti. Għalkemm il-kontroll ta’ tali rappreżentant mill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jista’ effettivament jirriżulta iktar diffiċli meta dan ikun jinstab fi Stat Membru ieħor, madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li diffikultajiet amministrattivi ma jikkostitwixxux raġuni li tista’ tiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑678/11, EU:C:2014:2434, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-kontroll tal-osservanza tal-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi kkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma jistax jiġi żgurat permezz ta’ mezzi inqas ta’ ħsara għall-Artikolu 56 TFUE milli l-ħatra ta’ rappreżentant fiskali residenti fl-Italja.

    76

    Wara dan, għandu jiġi indikat, hekk kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-obbligu li jinħatar rappreżentant fiskali imur, f’ċirkustanzi bħal dawk tas-sistema fiskali tal-2017, kontra l-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑522/04, EU:C:2007:405, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑678/11, EU:C:2014:2434).

    77

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-ewwel, ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti u mill-mod li bih huma jaġixxu ta’ medjaturi, f’dak li jirrigwarda kirjiet ta’ tul massimu ta’ 30 jum li jirrigwardaw proprjetà immobbli li tinstab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jiġbru u sussegwentement li jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali d-data dwar il-kuntratti tal-kiri konklużi wara l-intermedjazzjoni tagħhom, u, jekk dawn il-fornituri jkunu ġabru l-kirjiet jew il-korrispettiv korrispondenti jew inkella intervjenew fil-ġbir tagħhom, li jiġbru f’ras il-għajn l-ammont tat-taxxa dovuta fuq is-somom imħallsa mill-kerrejja lil sidien il-kera u li jħallsuha lit-Teżor pubbliku tal-imsemmi Stat Membru;

    it-tieni, li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, f’dak li jirrigwarda kirjiet ta’ tul massimu ta’ 30 jum li jirrigwardaw proprjetà immobbli li tinstab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dawn il-fornituri jkunu ġabru il-kirjiet jew il-korrispettiv korrispondenti jew inkella intervjenew fil-ġbir tagħhom u meta jirrisjedu jew huma stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak fejn tiġi imposta t-taxxa, li jaħtru rappreżentant fiskali li jirrisjedi jew li huwa stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru fejn tiġi imposta t-taxxa.

    Fuq it-tielet domanda preliminari

    78

    Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern tirriżerva d-dritt li tipproċedi bil-formulazzjoni awtonoma tad-domandi preliminari li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja jew inkella hija għandha tirriproduċi id-domandi hekk kif dawn ġew ifformulati mill-parti fil-kawża prinċipali li titlob li ssir talba għal deċiżjoni preliminari.

    79

    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha reċentement l-okkażjoni li tfakkar, meta ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem quddiemha (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    80

    Qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern tista’ tinħeles minn dan l-obbligu biss meta tkun ikkonstatat li l-kwistjoni mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mir-relazzjoni bejn it-tieni u t‑tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati msemmija f’dan it-tielet paragrafu jgawdu mill-istess setgħa diskrezzjonali bħall-qrati nazzjonali kollha l‑oħra f’dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk hijiex neċessarja deċiżjoni fuq punt ta’ liġi tal-Unjoni biex dawn ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati ma humiex marbuta li jirreferu domanda dwar l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni mqajma quddiemhom jekk id-domanda ma hijiex rilevanti, jiġifieri fil-każijiet fejn ir-risposta għal din id-domanda, tkun xi tkun, ma jista’ jkollha ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    82

    Għalhekk hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it‑tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    83

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni diretta bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz tal‑Artikolu 267 TFUE, hija kompletament indipendenti minn kwalunkwe inizjattiva tal-partijiet fil-kawża prinċipali. Dawn tal-aħħar ma jistgħux iċaħħdu lill-qrati nazzjonali mill-indipendenza tagħhom fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mfakkra fil‑punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari billi jobbligawhom jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Minn dan isegwi li d-determinazzjoni u l-formulazzjoni tad-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja huma biss responsabbiltà tal-qorti nazzjonali u li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux jimponu jew ibiddlu l-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 5455 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, id-determinazzjoni u l-formulazzjoni tad-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja huma biss responsabbiltà tal-qorti nazzjonali u dawn il-partijiet ma jistgħux jimponu jew ibiddlu l-kontenut tagħhom.

    Fuq l-ispejjeż

    86

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) ta1qta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    L-ewwel, ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti u mill-mod li bih huma jaġixxu ta’ medjaturi, f’dak li jirrigwarda kirjiet ta’ tul massimu ta’ 30 jum li jirrigwardaw proprjetà immobbli li tinstab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li jiġbru u sussegwentement li jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali d-data dwar il-kuntratti tal-kiri konklużi wara l-intermedjazzjoni tagħhom, u, jekk dawn il-fornituri jkunu ġabru l-kirjiet jew il-korrispettiv korrispondenti jew inkella intervjenew fil-ġbir tagħhom, li jiġbru f’ras il-għajn l-ammont tat-taxxa dovuta fuq is-somom imħallsa mill-kerrejja lil sidien il-kera u li jħallsuha lit-Teżor pubbliku tal-imsemmi Stat Membru;

    It-tieni, li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, f’dak li jirrigwarda kirjiet ta’ tul massimu ta’ 30 jum li jirrigwardaw proprjetà immobbli li tinstab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dawn il-fornituri jkunu ġabru l-kirjiet jew il-korrispettiv korrispondenti jew inkella intervjenew fil-ġbir tagħhom u meta jirrisjedu jew huma stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak fejn tiġi imposta t-taxxa, li jaħtru rappreżentant fiskali li jirrisjedi jew li huwa stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru fejn tiġi imposta t-taxxa.

     

    2)

    L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, id-determinazzjoni u l-formulazzjoni tad-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja huma biss responsabbiltà tal-qorti nazzjonali u dawn il-partijiet ma jistgħux jimponu jew ibiddlu l-kontenut tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Top