EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0058

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-15 ta’ Settembru 2022.
FK vs Rechtsanwaltskammer Wien.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13 – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Anness II – Artikolu 1(2) – Persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat li ċ-ċentru ta’ interess tal-attivitajiet privati u professjonali tagħha jinsab fl-Isvizzera u li teżerċita wkoll din il-professjoni f’żewġ Stati Membri oħra – Talba għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, tal-eżerċizzju tal-imsemmija professjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u barra mill-pajjiż.
Kawża C-58/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:691

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

15 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13 – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Anness II – Artikolu 1(2) – Persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat li ċ-ċentru ta’ interess tal-attivitajiet privati u professjonali tagħha jinsab fl-Isvizzera u li teżerċita wkoll din il-professjoni f’żewġ Stati Membri oħra – Talba għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, tal-eżerċizzju tal-imsemmija professjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u barra mill-pajjiż”

Fil-Kawża C‑58/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

FK

fil-preżenza ta’:

Rechtsanwaltskammer Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal FK, minn W. Polster, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u E. Samoilova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, FK u, min-naħa l-oħra, ir-Rechtsanwaltskammer Wien (il-Kamra tal-Avukati ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar iċ-ċaħda tat-talba għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipat imressqa minnu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 883/2004

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004, bit-titolu “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

x)

‘benefiċċji t’’ qabel l-irtirar’ tfisser: il-benefiċċji kollha mogħtija fi flus, minbarra benefiċċji marbuta mal-fatt li persuna ma tkunx impjegata jew benefiċċji marbuta ma’ l-età mogħtija qabel l-età ta’ l-irtirar, mogħtija minn età speċifika lil ħaddiema li naqqsu, waqfu jew issospendew l-attivitajiet tagħhom li jrendu dħul sa l-età li fiha jikkwalifikaw għal pensjoni marbuta ma’ l-età jew pensjoni ta’ rtirar kmieni mix-xogħol, u li l-għoti tagħhom ma jiddependix minn jekk il-persuna konċernata tkunx disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat kompetenti; ‘benefiċċji marbuta ma’ l-età mogħtija qabel l-età ta’ l-irtirar’ tfisser benefiċċji mogħti qabel persuna tilħaq l-età li tintitola għal pensjoni u li jew tibqa’ tingħata wara li persuna tilħaq l-età msemmija jew li tinbidel minn benefiċċju ieħor marbut ma’ l-età;

[…]”

4

Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

d) il-benefiċċji marbuta ma’ l-età;

[…]

i) benefiċċji ta’ qabel l-irtirar;

[…]”

5

L-Artikolu 11(1) u (3)(a) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;”

6

L-Artikolu 13(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun suġġetta għal:

a)

il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru; jew

jew

b)

il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jinstab il-qofol ta’ l-interess tagħha, jekk din il-persuna ma għandhiex il-post tar-residenza tagħha f’wieħed mill-Istati Membri fejn hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha.”

7

Skont l-Artikolu 14(1) sa (3) tar-Regolament Nru 883/2004:

“1.   L-Artikolu 11 sa 13 ma għandhomx japplikaw għal assigurazzjoni volontarja jew għal assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja sakemm, fir-rigward ta’ waħda mill-fergħat imsemmija fl-Artikolu 3(1), fi Stat Membru teżisti biss skema ta’ assigurazzjoni volontarja.

2.   Meta, minħabba l-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-persuna konċernata hija suġġetta għal assigurazzjoni obligatorja f’dak l-Istat Membru, dik il-persuna ma tistax tkun suġġetta għal skema ta’ assigurazzjoni volontarja jew għal skema ta’ assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja fi Stat Membru ieħor. Fil-każijiet l-oħra kolla fejn, għal fergħa partikolari, hemm l-għażla bejn diversi skemi ta’ assigurazzjoni volontarja jew skemi ta’ assigurazzjoni mhux obbligatorji kontinwati, il-persuna konċernata għandha tagħżel biss l-iskema li trid hi.

3.   Madanakollu, fir-rigward ta’ benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità, benefiċċji marbuta ma’ l-età u benefiċċji tas-superstiti, il-persuna konċernata tista’ tagħżel l-iskema ta’ assigurazzjoni volontarja jew l-iskema ta’ assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja ta’ Stat Membru, anke jekk din il-persuna hija suġġetta b’mod obbligatorju għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Dan iżda biss jekk din il-persuna kienet suġġetta, f’xi stadju jew ieħor tal-karriera tagħha, għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru minħabba jew bħala konsegwenza ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha u jekk dan huwa permess b’mod espliċitu jew impliċitu taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.”

8

Skont l-Artikolu 90(1) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 [, tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3,] għandu jkun revokat mill-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandu jibqa’ jgħodd u għandu jibqa’ jkollu effett legali għall-għanijiet:

[…]

ċ)

tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [(EEE), tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L. 1, p. 3)], u tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa waħda, u l-Konfiderazzjoni ta’ l-Isvizzera, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu ta’ persuni […] u ftehim oħra li fihom referenza għar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, sakemm dawn il-ftehim ma kienux modifikati fid-dawl ta’ dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

9

L-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1) intitolat “Dettalji relatati mal-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament [Nru 883/2004]”, jipprevedi fil-paragrafi 6, 8 u 9:

“6.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament [Nru 883/2004] persuna li ‘normalment twettaq attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ Stati Membri jew aktar’ għandha tirriferi, b’mod partikolari, għal persuna li simultanjament jew b’mod li jalterna twettaq attività separata waħda jew aktar f’impjieg għal rasha, irrispettivament min-natura ta’ dawk l-attivitajiet ta’ impjieg għal rasha, f’żewġ Stati Membri jew aktar.

[…]

8.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament [Nru 883/2004], ‘parti sostanzjali tal-attività ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha’ imwettqa fi Stat Membru għandha tfisser li parti sostanzjali b’mod kwantitattiv tal-attivitajiet kollha tal- persuna impjegata jew li taħdem għal rasha titwettaq hemmhekk, mingħajr ma din neċessarjament tkun il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet.

Biex jiġi ddeterminat jekk parti sostanzjali tal-attivitajiet hijiex imwettqa fi Stat Membru, għandu jittieħed kont tal-kriterji indikattivi li ġejja:

a)

fil-każ ta’ attività ta’ persuna impjegata, il-ħin tax-xogħol u/jew ir-remunerazzjoni; kif ukoll

b)

fil-każ ta’ attività ta’ persuna li taħdem għal rasha, it-turnover, il-ħin tax-xogħol, in-numru ta’ servizzi mogħtija u/jew id-dħul.

Fil-qafas ta’ evalwazzjoni globali, sehem ta’ anqas minn 25 % rigward il-kriterji msemmijin hawn fuq għandu jkun indikazzjoni li parti sostanzjali tal-attivitajiet kollha mhijiex imwettqa fl-Istat Membru relevanti.

9.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament [Nru 883/2004], iċ-‘ċentru ta’ interess’ tal-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha għandu jiġi ddeterminat billi jiġu kkunsidrati l-aspetti kollha tal-attivitajiet professjonali ta’ dik il-persuna, notevolment il-post fejn qiegħed l-indirizz fiss u permanenti tan-negozju tal-persuna, in-natura abitwali jew it-tul ta’ żmien tal-attivitajiet imwettqa, in-numru ta’ servizzi li jingħataw, u l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata kif jidher miċ-ċirkostanzi kollha.”

Il‑Ftehim KE-Svizzera

10

Il-Ftehim bejn Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU 2009, L 353, p. 71), iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999 u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika tal‑4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 38) jipprovdi fl-Artikolu 8 tiegħu:

“B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

a)

jiġi żgurat trattament ugwali;

b)

tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

c)

tinħoloq aggregazzjoni, sabiex jiġi miksub u miżmum id-dritt għall-benefiċċji, u jiġu kkalkolati tali benefiċċji, b’kont meħud, mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, tal-perjodi kollha;

d)

jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

e)

titrawwem assistenza u koperazzjoni amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.”

11

L-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bit-Taqsima A tal-anness preżenti jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   It-terminu ‘Stat Membru’ jew ‘Stati Membri’ msemmi fl-atti li jsir riferiment għalihom fit-Taqsima A ta’ dan l-anness għandu jitqies li jirreferi, minbarra għall-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-[Konfederazzjoni Svizzera]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

It-Taqsima A ta’ dan l-Anness II kienet tirreferi b’mod partikolari għar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll għar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).

13

L-imsemmi Anness II ġie aġġornat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal‑31 ta’ Marzu 2012 li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2012, L 103, p. 51), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2012. L-istess anness issa jagħmel riferiment għar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009.

14

Barra minn hekk, huwa biss mill‑1 ta’ Jannar 2005, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 (ĠU 2005, L 117, p. 1), li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004 jirrigwarda wkoll l-“iskemi ta’ istituzzjonijiet tal-pensjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet liberi” li jinkludu l-pensjoni tal-irtirar imħallas wara l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Id‑dritt Awstrijak

15

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskrizzjoni fil-lista tal-Kamra tal-Avukati fl-Awstrija u l-ksib tal-pensjoni tal-irtirar korrispondenti jinsabu fl-Artikoli 49 u 50 tar-Rechtsanwaltsordnung (ir-Regolament dwar l-Eżerċizzju tal-Professjoni ta’ Avukat), tal‑15 ta’ Lulju 1868 (RGBl., 96/1868), fil-verżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 156/2020) (iktar ’il quddiem ir-“RAO”).

16

L-Artikolu 49(2) tar-RAO jipprovdi:

“Huma bħala prinċipju suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet il-persuni kollha iskritti fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati Awstrijaka jew fil-lista tal-avukati ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea miżmuma mill-Kamra tal-Avukati Awstrijaka, kif ukoll l-avukati bi prova iskritti fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati Awstrijaka, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux diġà, minħabba l-eżerċizzju minnhom tal-professjoni ta’ avukat, iskritti fi skema ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija obbligatorja, taħt leġiżlazzjoni oħra ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni, ta’ Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Konfederazzjoni Svizzera. Kamra waħda jew iktar jistgħu wkoll joħolqu organu ta’ sigurtà soċjali komuni.”

17

L-Artikolu 50(1) tar-RAO jipprevedi, essenzjalment, li kull persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat għandha d-dritt għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar, ta’ pensjoni tal-invalidità jew ta’ pensjoni tas-superstiti meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan ikunu ssodisfatti u jseħħ l-avveniment li jagħti lok għad-dritt għall-benefiċċju kkonċernat.

18

Skont l-Artikolu 50(2) tar-RAO, dan id-dritt għandu jiġi ddefinit fl-Istatut tal-organi ta’ sigurtà soċjali skont regoli fissi. Is-subparagrafu (aa) tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(2) tar-RAO jispeċifika li, sabiex tinkiseb pensjoni tal-irtirar antiċipata, il-persuna kkonċernata għandha tirrinunzja għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju nazzjonali jew barra mill-pajjiż.

19

L-Artikolu 26 tal-Verordnung der Vertreterversammlung des österreichischen Rechtsanwaltskammertages über die Versorgungseinrichtungen Teil A der österreichischen Rechtsanwaltskammern (Satzung Teil A 2018) (l-Istatut tal‑2018 tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Kungress tal-Kmamar tal-Avukati Awstrijaċi dwar l-organi ta’ sigurtà soċjali “Parti A” ta’ dawn il-Kmamar tal-Avukati, iktar ’il quddiem “l-Istatut tal‑2018 dwar it-Parti A”) jipprovdi wkoll, fil-punt 8 tal-ewwel paragrafu tiegħu bħala kundizzjoni għal kisba ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipat, ir-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, “fi kwalunkwe post”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

FK, imwieled fl‑1954, huwa kemm ċittadin Pollakk, kif ukoll ċittadin Ġermaniż. Ilu iskritt, mit‑8 ta’ Marzu 1984, fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln (il-Ġermanja). Hemmhekk huwa jwettaq attività professjonali mhux biss bħala Rechtsanwalt, iżda wkoll bħala interpretu u traduttur ġuramentat bil-lingwa Pollakka. Sa mill-bidu tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, huwa ħallas kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-irtirar tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja).

21

Fl‑1996, FK ġie iskritt fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Vjenna fl-Awstrija, fejn huwa eżerċita l-professjoni ta’ avukat, minbarra l-eżerċizzju tal-attività tiegħu fil-Ġermanja. Wara l-iskrizzjoni tiegħu f’dan ir-reġistru, FK ikkontribwixxa għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka.

22

Iċ-ċentru ta’ interess tal-attivitajiet ta’ FK baqa’ f’Köln sal‑2007, sena li fiha huwa ttrasferixxa r-residenza tiegħu u ċ-ċentru ta’ interess tal-attivitajiet tiegħu fl-Isvizzera, fejn issa jeżerċita l-professjoni ta’ avukat, huwa iskritt fil-lista tal-avukati ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA, bis-saħħa tal-iskrizzjoni tiegħu fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln.

23

Minn dan iż-żmien, il-ħin iddedikat minn FK għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fil-Ġermanja naqas progressivament favur dak iddedikat għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni fl-Isvizzera, jiġifieri, reċentement, FK għalhekk iddedika 70 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu għall-eżerċizzju tal-imsemmija professjoni fl-uffiċċju Svizzeru tiegħu, 25 % fl-uffiċċju Ġermaniż tiegħu u 5 % fl-uffiċċju Awstrijak tiegħu. Barra minn hekk, il-ħin tax-xogħol ta’ FK fl-uffiċċju Awstrijak tiegħu qatt ma qabeż 10 % tal-ħin tax-xogħol totali tiegħu fl-eżerċizzju tal-istess professjoni.

24

FK ilu mis-sena 2018 jirċievi pensjoni tal-irtirar antiċipat fil-Ġermanja, filwaqt li jkompli jeżerċita hemmhekk il-professjoni ta’ avukat.

25

FK iħallas ukoll kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali fl-iskema ġenerali ta’ rtirar fl-Isvizzera.

26

Fis‑16 ta’ Ottubru 2017, FK ippreżentat quddiem il-Kamra tal-Avukati ta’ Vjenna talba għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipat mill‑1 ta’ Novembru 2017, li permezz tagħha huwa indika li rrinunzja għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija, filwaqt li żamm l-iskrizzjoni tiegħu fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln u fil-lista tal-avukati ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA, fl-Isvizzera.

27

Permezz tad-deċiżjoni tal-kummissjoni tal-Kamra tal-Avukati ta’ Vjenna, tad‑29 ta’ Mejju 2018, din it-talba ġiet miċħuda abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 26 u 29 tal-Istatut tal‑2018 dwar il-Parti A, li jipprovdu li l-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar jippreżupponi rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat “fi kwalunkwe post”.

28

Fit‑3 ta’ Awwissu 2018, FK ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, li kkonfermat l-imsemmija deċiżjoni.

29

FK ippreżenta rikors għal Reviżjoni straordinarja kontra d-deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija). Din tal-aħħar annullat din id-deċiżjoni għar-raġuni, essenzjalment, li l-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) kienet naqset milli tistabbilixxi l-fatti li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, minkejja li FK kien sostna li d-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar għar-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju nazzjonali u barra mill-pajjiż.

30

Adita bil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sal‑1 ta’ Jannar 2005, fil-Ġermanja bħal fl-Awstrija, l-iskemi speċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, inklużi dawk li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat, kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 skont l-Anness II tiegħu. Huwa biss minn din id-data li dawn il-ħaddiema kienu suġġetti għal dan ir-regolament, wara emenda tal-imsemmi regolament, li skontha ma kien hemm ebda ftuħ ta’ drittijiet għal kwalunkwe perijodu preċedenti, anki jekk il-perijodi ta’ attività mwettqa preċedentement kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni.

31

Din il-qorti tqis li għandu jiġi applikat l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna li teżerċita, bħal FK, attività bħala persuna li taħdem għal rasha f’żewġ jew fi tliet Stati Membri.

32

L-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni fil-każ fejn iċ-ċentru tal-interessi tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata u l-post ta’ residenza ta’ din tal-aħħar ma jinsabux fi Stat Membru, sa fejn, skont interpretazzjoni letterali tal-imsemmija dispożizzjoni, l-ebda leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma hija applikabbli f’tali każ.

33

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tkun applikabbli, l-istess qorti tistaqsi wkoll jekk ir-RAO hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, mad-dritt għall-proprjetà u mal-moviment liberu tal-persuni, jew mal-libertà ta’ stabbiliment, u, fin-negattiv, jekk hemmx lok li s-subparagrafu aa tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(2) tar-RAO ma jiġix applikat skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

34

Filwaqt li tenfasizza li fil-kawża prinċipali teżisti sitwazzjoni transkonfinali li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li FK huwa stabbilit f’żewġ Stati Membri u li dispożizzjoni Awstrijaka taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata fil-Ġermanja, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għall-proprjetà, u għalhekk anki l-interessi patrimonjali marbuta ma’ benefiċċji soċjali previsti mil-liġi, bħalma huma l-pensjonijiet tal-irtirar, huwa invjolabbli u li restrizzjonijiet għal tali dritt fundamentali għandhom ikunu ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali, għandhom ikunu xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan imfittex u għandhom ikunu proporzjonati. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk l-interessi inkwistjoni jiġġustifikawx li l-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar jiġi suġġett għar-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju Awstrijak kif ukoll barra mill-pajjiż. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, li hija ggarantita mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 49 TFUE.

35

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti min-natura tiegħu li wieħed ikompli jeżerċita attività fl-Istati Membri filwaqt li jirċievi pensjoni tal-irtirar fi Stat Membru ieħor, sa fejn, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, il-kwistjoni tad-differenza tal-etajiet tal-irtirar skont l-Istati Membri tiġi espressament indirizzata.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004[,] […], minn perspettiva kwantitattiva, meta l-qofol tal-interess tal-attività ta’ persuna jinsab fi Stat li ma huwiex Stat Membru li fih dik il-persuna hija wkoll residenti, u din il-persuna teżerċita attività wkoll f’żewġ Stati Membri ([fil-Ġermanju u fl-Awstrija]), [bl-attività tkun imqassma fiż-żewġ Stati Membri b’tali mod li l-parti b’mod ċara predominanti titwetaq fi Stat Membru wieħed (f’dan il-każ speċifiku fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja)?

Fil-każ li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta f’ġurisdizzjoni għall-Awstrija, issir id-domanda li ġejja:

2)

Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu aa tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(2) tar-RAO] u d-dispożizzjonijiet tal-punt 8 tal-Artikolu 26(1) tas-Satzung Teil A 2018 (l-Istatut Parti A 2018) ibbażati fuqu, huma ammissibbli jew jiksru d-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, peress li għall-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija jeħtieġu r-rinunzja għall-eżerċizzju tal-professjoni legali fi u barra mill-pajjiż (is-subparagrafu aa tal-punt 2(c) tal-Artikolu 50(2)) jew f’kull post ieħor (il-punt 8 tal-Artikolu 26(1) tal-Istatut Parti A 2018)?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

37

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 11 sa 13 ta’ din is-sentenza, li, b’mod konformi mal-Artikolu 1(2) tal-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, il-frażi “Stat Membru jew Stati Membri” imsemmija fl-atti li jsir riferiment għalihom fit-Taqsima A ta’ dan l-anness, għandu jitqies li jirreferi, minbarra għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea koperti minn dawn l-atti, għall-Konfederazzjoni Svizzera.

38

Bl-indikazzjoni espressa, fit-Taqsima A tal-Anness II tiegħu fil-verżjonijiet differenti tiegħu, tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, il-Ftehim KE-Svizzera jestendi għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti għall-Konfederazzjoni Svizzera, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda, il-Konfederazzjoni Svizzera ma għandhiex titqies bħala Stat terz, iżda bħala Stat Membru għall-finijiet ta’ din il-kawża.

Fuq l‑ewwel domanda preliminari

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 meta l-post tar-residenza tagħha u ċ-ċentru tal-interessi tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata jinsabu fl-Isvizzera u meta din il-persuna twettaq ukoll attività, imqassma b’mod mhux ugwali, f’żewġ Stati Membri oħra, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, jiġifieri fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

40

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tressqet quddiemha. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha u, f’dan il-kuntest, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 39 u l-ġuriprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, González Castro, C‑41/17, EU:C:2018:736, punt 54).

41

Konsegwentement, għalkemm il-qorti tar-rinviju llimitat formalment l-ewwel domanda tagħha għal talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 883/2004, minkejja li minħabba l-preċiżjoni magħmula fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha titqies li hija “Stat Membru”, id-domanda preliminari kellha tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti minn din il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 40 u l-ġuriprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, González Castro, C‑41/17, EU:C:2018:736, punt 55).

42

F’dan il-każ, l-elementi pprovduti fit-talba għal deċiżjoni preliminari juru li hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, tinterpreta dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

43

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll tar-Regolament Nru 1408/71, stabbilixxew sistema ta’ koordinazzjoni li tirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jagħmlu użu minn, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt għal moviment liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2008, Derouin, C‑103/06, EU:C:2008:185, punt 20; tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad, C‑269/15, EU:C:2016:802, punt 33, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et, C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 40).

44

B’applikazzjoni tar-regoli previsti f’din is-sistema ta’ koordinazzjoni, il-persuni kkonċernati huma suġġetti biss għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, sabiex jiġu evitati komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u sabiex jitħassru l-inugwaljanzi fit-trattament li, għall-persuni li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, jirriżulta f’kumulu parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punti 3637; tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad, C‑269/15, EU:C:2016:802, punti 35 u 36, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et, C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 40).

45

Dan il-prinċipju tal-uniċità ta’ leġiżlazzjoni applikabbli huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004 li jiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna li twettaq attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew iktar u li jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li persuna li normalment twettaq attività għal rasha f’żewġ Stati Membri jew iktar hija suġġetta jew għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-post ta’ residenza, jekk hija twettaq parti sostanzjali tal-attività tagħha f’dan l-Istat Membru (Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-Regolament), jew għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab iċ-ċentru ta’ interessi tal-attivitajiet tagħha, jekk din il-persuna ma tkunx tirrisjedi f’wieħed mill-Istati Membri jew jekk hija twettaq parti sostanzjali ta’ dawn l-attivitajiet (Artikolu 13(2)(b) ta’ dan ir-Regolament).

46

L-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 987/2009 jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004, “parti sostanzjali” ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa fi Stat Membru tfisser li parti kwantitattivament sinjifikattiva tal-attivitajiet kollha tal-ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha kkonċernata hija mwettqa hemmhekk, mingħajr ma tkun neċessarjament il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet. Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti sostanzjali tal-attivitajiet hijiex imwettqa fi Stat Membru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-każ ta’ attività bħala persuna impjegata, il-ħinijiet tax-xogħol u/jew ir-remunerazzjoni. Is-sodisfazzjoni ta’ inqas minn 25 % ta’ dawn il-kriterji tindika li parti sostanzjali ta’ din l-attività ma hijiex imwettqa fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Ryanair, C‑33/21, EU:C:2022:402, punt 63).

47

Peress li FK kien jirrisjedi fil-Ġermanja, fejn kien ukoll jinsab iċ-ċentru tal-interessi tal-attivitajiet tiegħu qabel ma ttrasferixxa l-post tar-residenza tiegħu fl-Isvizzera, fejn attwalment jinsab iċ-ċentru tal-interessi tal-attivitajiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li dan jaqa’, konformement mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004, jew taħt l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, jew taħt dik tal-leġiżlazzjoni Svizzera.

48

F’dan il-każ, sa fejn il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ħin tax-xogħol stabbilit minn FK fl-uffiċċju Awstrijak qatt ma qabeż 10 % tal-ħin tax-xogħol globali tiegħu fl-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, għandu jiġi kkunsidrat li, skont ir-regoli ta’ kunflitt implimentati mir-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma hijiex applikabbli.

49

Issa, għalkemm is-sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt stabbilita mir-Regolament Nru 883/2004 għandha l-effett li tneżża’, bħala prinċipju, mil-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru s-setgħa li jiddetermina fid-diskrezzjoni tiegħu l-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-persuni suġġetti għaliha u fir-rigward tat-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punti 34 u 35, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et, C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767, punt 50), il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax madankollu jċaħħad lil Stat Membru li ma jkunx kompetenti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 mill-possibbiltà li jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, benefiċċji tal-familja jew pensjoni tax-xjuħija lil ħaddiem migrant b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu, minkejja li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et, C‑382/13, EU:C:2015:261, punti 58 sa 61, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et, C‑95/18 u C-‑96/18, EU:C:2019:767, punt 53).

50

Fil-fatt, ir-regoli ta’ kunflitt stabbiliti mir-Regolament Nru 883/2004 għandhom l-uniku għan li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuni li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet indikati fid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Hoogstad, C‑269/15, EU:C:2016:802, punt 37, u tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 60). Bħala tali, dawn ma għandhomx l-għan li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ sħubija fi skema ta’ sigurtà soċjali partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2013, Dumont de Chassart, C‑619/11, EU:C:2013:92, punt 39).

51

Konsegwentement, ir-Regolament Nru 883/2004 iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-benefiċjarju kkonċernat għandu drittijiet diretti, jew bis-saħħa tad-dritt intern waħdu, kif jew bis-saħħa tad-dritt intern komplut jekk meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Dumont de Chassart, C‑619/11, EU:C:2013:92, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 57).

52

Għalhekk, ir-regoli ta’ kunflitt stabbiliti mir-Regolament Nru 883/2004 ma humiex intiżi sabiex jirregolaw il-kwistjoni dwar jekk ħaddiem għandux dritt għal benefiċċju li seta’ jikseb abbażi ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lil skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru partikolari.

53

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali lill-iskemi speċjali applikabbli għall-persuni li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija kienu ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, issostitwit bir-Regolament Nru 883/2004, u li dawn kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti biss mill‑1 ta’ Jannar 2005. Min-naħa l-oħra, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinvoka l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ aggregazzjoni jew ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi mwettqa fi Stati Membri oħra għall-għoti tal-pensjoni tal-irtirar antiċipat mitlub, li huwa bbażat fuq l-applikazzjoni tad-dritt Awstrijak biss.

54

Minn dan isegwi li l-kawża prinċipali ma tqajjimx il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli konformement mar-regoli ta’ kunflitt previsti fl-Artikoli 11 sa 13 tar-Regolament Nru 883/2004, iżda biss dik tal-applikazzjoni għall-persuna kkonċernata tal-iskema prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li għaliha hija kkontribwixxiet.

55

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-argument imressaq minn FK u li jikkonsisti fil-klassifikazzjoni tal-iskema speċjali applikabbli għall-persuni li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat bħala “assigurazzjoni volontarja jew għal assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja”.

56

Fil-fatt, bla ħsara għall-verifika li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali bħala “assigurazzjoni volontarja jew għal assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja”, tal-inqas fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill‑1 ta’ Jannar 2005, tali skema ta’ assigurazzjoni hija, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 883/2004, espressament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbilit f’dan ir-regolament. Għalhekk, FK jista’ jibbenefika minn din l-assigurazzjoni fakultattiva kontinwata fl-Awstrija, minkejja li huwa suġġett b’mod obbligatorju għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Svizzera, peress li beda jikkontribwixxi għall-iskema speċjali ta’ kopertura tal-persuni li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija minkejja li din ma kinitx koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, issostitwit bir-Regolament Nru 883/2004, u sussegwentement kompla jħallas kontribuzzjonijiet għaliha.

57

F’tali każ, il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-fakultà tiddeċiedi jekk tkomplix jew tinterrompix l-affiljazzjoni tagħha ma’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għal ċerti perijodi, sa fejn din l-għażla tipproduċi effetti fuq l-estent tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-ġejjieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Bouman, C‑114/13, EU:C:2015:81, punt 58).

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-regoli ta’ kunflitt previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 883/2004 ma humiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru fejn jinsab ukoll iċ-ċentru tal-interessi tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li twettaq attività, imqassma b’mod mhux ugwali, f’żewġ Stati Membri oħra, meta għandu jiġi ddeterminat jekk din il-persuna għandhiex drittijiet diretti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri abbażi ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari.

Fuq it‑tieni domanda preliminari

59

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar kmieni mitluba għar-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll barra mill-pajjiż.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ persuna li teżerċita l-professjoni ta’ avukat, ċittadina ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi ruħha għal Stat Membru ieħor sabiex teżerċita hemmhekk attività fil-kuntest tal-professjoni rregolata kkonċernata, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jekk hija normalment imħallsa mill-klijent, jew taħt l-Artikolu 45 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, fil-każ fejn ir-remunerazzjoni tieħu l-forma ta’ salarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punti 22 sa 25, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 23).

61

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji soċjali. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punti 35 sa 37; tal‑5 ta’ Novembru 2014, Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punti 33 sa 35, u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie, C‑866/19, EU:C:2021:865, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 94, u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punt 36).

63

Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 45, u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punt 38).

64

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tapplika mingħajr distinzjoni għall-persuni kollha li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat u għalhekk ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

65

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li kundizzjoni bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, li teżiġi r-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju nazzjonali kif ukoll barra mill-pajjiż sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar kmieni, hija ta’ natura li tiddiswadi lill-persuni li għandhom dritt għal tali pensjoni milli jużaw il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom jew il-libertà ta’ moviment tagħhom.

66

Barra minn hekk, għalkemm tali rinunzja tista’ tiġi aċċettata minn persuna li tkun eżerċitat l-attività professjonali kollha tagħha fl-Awstrija, din tista’ tkun iktar diffiċli li tiġi aċċettata għal persuna li tkun għamlet użu mil-libertà ta’ stabbiliment, jew tal-moviment liberu, u li tkun b’mod partikolari mġiegħla tkompli teżerċita l-attività professjonali tagħha fi Stat Membru ieħor, peress li ma tkunx laħqet l-età legali tal-irtirar hemmhekk.

67

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 45 u 49 TFUE, li jista’ jiġi aċċettat biss jekk ikollu għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat FUE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll meħtieġ, f’tali każ, li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ikkonċernat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2013, Wencel, C‑589/10, EU:C:2013:303, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑5 ta’ Novembru 2014, Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punt 46, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 32).

68

F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak isostni li r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika l-miżura kkonċernata hija dedotta mill-iskop tal-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-pensjoni kkonċernata bi dħul preċedenti li miegħu ma jistgħux jiżdiedu dħul minn attività mwettqa full-time. L-għan jikkonsisti mhux biss fil-protezzjoni tal-persuni li għadhom jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat mill-kompetizzjoni ta’ dawk li diġà rtiraw, iżda wkoll li tiġi ggarantita l-vijabbiltà finanzjarja tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar ikkonċernata, li ma taqax taħt l-iskema ta’ rtirar tad-dritt komuni u li hija ffinanzjata minn sistema ta’ tqassim, b’kuntrast mas-sistemi ta’ kapitalizzazzjoni.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura leġittima li jista’ jkollhom l-għanijiet fil-qasam tal-politika tal-impjiegi, bħal dawk intiżi, b’mod partikolari, li jistabbilixxu limiti ta’ età għall-irtirar obbligatorju sabiex jiffavorixxu l-istabbiliment ta’ struttura ta’ età iktar ibbilanċjata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 50).

70

Fil-fatt, il-leġittimità ta’ tali għan ta’ interess ġenerali fid-dawl tal-politika tal-impjieg ma tistax titqiegħed raġonevolament fid-dubju, peress li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, il-promozzjoni ta’ livell tal-impjieg għoli tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet imfittxija mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Comune di Gesturi, C‑670/18, EU:C:2020:272, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għalkemm ma jistax jiġi kkontestat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola s-suq tax-xogħol sabiex jiġu lliberati impjiegi okkupati minn persuni li jkunu qrib l-età tal-irtirar u sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni b’saħħitha tal-professjonisti hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan intiż, hemm lok, għall-kuntrarju, li jiġi kkonstatat li, peress li teżiġi r-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll barra mill-pajjiż, ma jistax jiġi eskluż li din tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

72

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi r-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll barra mill-pajjiż sabiex tipproteġi l-persuni li għadhom jeżerċitaw din il-professjoni mill-kompetizzjoni minn dawk li diġà invokaw id-dritt tagħhom għall-irtirar, tidher li teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, sa fejn dan tal-aħħar jista’ jintlaħaq billi tiġi limitata din ir-rinunzja għall-eżerċizzju ta’ kull attività professjonali għat-territorju nazzjonali biss, jew saħansitra għal żona ġeografika limitata fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni tinjora l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-kisba u għaż-żamma tad-dritt għall-pensjoni ma humiex armonizzati bejn l-Istati Membri, iżda biss ikkoordinati mid-dritt tal-Unjoni, u li l-persuni kkonċernati jistgħu jkunu obbligati jkomplu jeżerċitaw fi Stati Membri oħra sabiex jiksbu d-dritt tagħhom għall-pensjoni skont id-drittijiet nazzjonali kkonċernati.

73

Minbarra dan, il-kundizzjoni ta’ rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju nazzjonali kif ukoll barra mill-pajjiż tidher li teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li jiżdiedu mal-pensjoni tal-irtirar kmieni hekk imħallsa, dħul minn attività full-time.

74

Fir-rigward tal-għan intiż għall-vijabbiltà finanzjarja tal-iskema speċjali kkonċernata, għalkemm huwa minnu li riskju ta’ preġudizzju serju għall-ekwilibriju finanzjarju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41, u tal‑11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 43), madankollu mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak ma jirriżultax b’mod ċar b’liema mod is-sistema finanzjarja ta’ din l-iskema speċjali, li hija dipendenti fuq il-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji tagħha, hija suġġetta għal preġudizzju serju mill-fatt li benefiċjarji ta’ pensjonijiet tal-irtirar kmieni tal-imsemmija skema speċjali jkomplu jaħdmu fi Stati Membri oħra.

75

Għaldaqstant, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, u sa fejn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tissodisfax il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-għan relatat mal-vijabbiltà finanzjarja tal-iskema speċjali kkonċernata, jidher, fir-rigward tal-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-għan jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar kmieni mitluba għar-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-Istat Membru li fih titwettaq l-attività kkonċernata.

Fuq l‑ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-regoli ta’ kunflitt previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ma humiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru fejn jinsab ukoll iċ-ċentru tal-interessi tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li twettaq attività, imqassma b’mod mhux ugwali, f’żewġ Stati Membri oħra, meta għandu jiġi ddeterminat jekk din il-persuna għandhiex drittijiet diretti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri abbażi ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari.

 

2)

L-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar kmieni mitluba għar-rinunzja, mill-persuna kkonċernata, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-Istat Membru li fih titwettaq l-attività kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top