This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0031
Judgment of the Court (First Chamber) of 2 March 2023.#Eurocostruzioni Srl v Regione Calabria.#Request for a preliminary ruling from the Corte suprema di cassazione.#Reference for a preliminary ruling – Structural Funds – Regulation (EC) No 1685/2000 – Eligibility of expenditure – Requirement of proof of payment – Receipted invoices – Accounting documents of equivalent probative value – Construction undertaken directly by the final beneficiary.#Case C-31/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
Eurocostruzioni Srl vs Regione Calabria.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolament (KE) Nru 1685/2000 – Eliġibbiltà tal-ispejjeż – Obbligu ta’ prova ta’ ħlas – Fatturi mħallsa – Dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti – Kostruzzjoni mwettqa direttament mill-benefiċjarju finali.
Kawża C-31/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
Eurocostruzioni Srl vs Regione Calabria.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolament (KE) Nru 1685/2000 – Eliġibbiltà tal-ispejjeż – Obbligu ta’ prova ta’ ħlas – Fatturi mħallsa – Dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti – Kostruzzjoni mwettqa direttament mill-benefiċjarju finali.
Kawża C-31/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:136
*A9* Corte suprema di cassazione, Ordinanza del 08/01/2021 (24L26/2015)
*P1* Corte suprema di cassazione, Prima sezione civile, Sentenza 28/09/2023 14/11/2023 (ECLI:IT:CASS:2023:31587CIV)
https://www.italgiure.giustizia.it/xway/application/nif/clean/hc.dll?verbo=attach&db=snciv&id=./20231114/snciv@s10@a2023@n31587@tS.clean.pdf
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolament (KE) Nru 1685/2000 – Eliġibbiltà tal-ispejjeż – Obbligu ta’ prova ta’ ħlas – Fatturi mħallsa – Dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti – Kostruzzjoni mwettqa direttament mill-benefiċjarju finali”
Fil-Kawża C‑31/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura
Eurocostruzioni Srl
vs
Regione Calabria,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Eurocostruzioni Srl, minn M. Sanino u S. Sticchi Damiani, avvocati, |
– |
għar-Regione Calabria, minn M. Manna u G. Naimo, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn A. Grumetto, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u P. Rossi, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat‑13 ta’ Ottubru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 tat‑28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam mal-eliġibbilità tal-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 122)), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 tal‑10 ta’ Marzu 2004 (ĠU 2004, L 72, p. 66) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1685/2000”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eurocostruzioni Srl u r-Regione Calabria (ir-Reġjun ta’ Calabria, l-Italja) dwar il-ħlas tal-bilanċ ta’ sussidju għall-finijiet tal-kostruzzjoni u tat-tagħmir ta’ lukanda, kif ukoll ta’ faċilitajiet sportivi annessi, fil-komun ta’ Rossano (l-Italja), abbażi tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000-2006 li kien ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea għall-imsemmi reġjun. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir‑Regolament (KE) Nru 1260/1999
3 |
Il-premessi 35, 41 u 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), kienu jistipulaw:
[…]
[…]
|
4 |
Skont kliem l-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament: “Ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibiltà ta’ l-ispiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2)”. |
5 |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi: “Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’forma ta’ pagamenti akkont, pagamenti provisorji jew pagamenti tal-bilanċ finali. Il-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv [probatorju ekwivalenti].” |
6 |
L-Artikolu 38(1) tal-istess regolament kien jipprevedi: “Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom: […]
[…]”. |
Ir‑Regolament Nru 1685/2000
7 |
Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1685/2000 tistipula: “[…] għal ċertu tip ta’ ħidmiet il-Kummissjoni tikkunsidra li hu meħtieġ sabiex tiggarantixxi l-implimentazzjoni uniformi u imparzjali tal-[f]ondi [s]trutturali madwar il-Komunità li tadotta sett komuni ta’ regoli dwar infiq [spejjeż] eliġibbli. L-adozzjoni ta’ kull regola li għandha x’taqsam ma’ tip partikolari ta’ ħidma ma tippredetterminax taħt liema mill-Fondi msemmija fuq, din il-ħidma tista’ tkun kofinanzjata. L-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli m’għandhiex iżżomm Stati Membri, f’ċerti każijiet li għandhom ikunu indikati, milli japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti. […]” |
8 |
Skont kliem il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1, intitolata “Ħlasijiet minn benefiċjarji finali”, tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Regoli ta’ eliġibilità”: “Bħala regola [ġenerali], il-ħlasijiet mill-benefiċjarju finali, iddikjarati bħala ħlas provviżorju u ħlas tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi mħallsa. Meta dan ma jistax isir, [dawn il-]ħlasijiet għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [ta’ kontabbiltà] ta’ valur probattiv [probatorju] ekwivalenti.” |
Id‑dritt Taljan
Il‑Liġi Nru 59 tal‑15 ta’ Marzu 1997
9 |
L-Artikolu 4(4)(c) tal-legge n. 59 – Delega al Governo per il conferimento di funzioni e compiti alle regioni ed enti locali, per la riforma della pubblica amministrazione e per la semplificazione amministrativa (il-Liġi li Tiddelega lill-Gvern l-Għoti ta’ Funzjonijiet u Kompiti lir-Reġjuni u lill-Awtoritajiet Lokali għar-Riforma tas-Servizz Pubbliku u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva), tal‑15 ta’ Marzu 1997 (GURI Nru 63, tas‑17 ta’ Marzu 1997), kien jipprevedi d-delega lir-reġjuni ta’ funzjonijiet u ta’ kompiti amministrattivi fil-qasam ta’ politiki reġjonali, strutturali u ta’ koeżjoni tal-Unjoni. Din id-delega ġiet implimentata bid-decreto legislativo n. 123 – Disposizioni per la razionalizzazione degli interventi di sostegno pubblico alle imprese, a norma dell’articolo 4, comma 4, lettera c), della legge 15 marzo 1997, n. 59 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 123 no 123 – Dispożizzjonijiet għar-razzjonalizzazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ pubbliku favur l-impriżi, konformement mal-Artikolu 4(4)(c) tal-Liġi Nru 59, tal‑15 ta’ Marzu 1997), tal‑31 ta’ Marzu 1998 (GURI Nru 99, tat‑30 ta’ April 1998). |
Il‑Liġi Reġjonali Nru 7 tat‑2 ta’ Mejju 2001
10 |
Il-legge regionale n. 7 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale 2001 e pluriennale 2001/2003 della Regione Calabria (Legge Finanziaria) [Il-Liġi Reġjonali Nru 7 – Dispożizzjonijiet għall-Istabbiliment tal-Baġit Annwali 2001 u Pluriennali 2001/2003 tar-Reġjun ta’ Calabria (il-Liġi Finanzjarja)], tat‑2 ta’ Mejju 2001 (Bollettino ufficiale della Regione Calabria Nru 41, tad‑9 ta’ Mejju 2001), kienet tipprevedi l-possibbiltà li l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju lokali jiġu sostnuti permezz ta’ għajnuna mogħtija abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat‑12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141), “anki b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) ta’ Calabria 2000-2006, approvat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni C(2000) 2345 tat‑8 ta’ Awwissu 2000”. L-Artikolu 31 quater ta’ din il-liġi kien jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill Reġjonali ta’ Calabria, ta’ atti li jirregolaw il-modalitajiet ta’ għoti ta’ din l-għajnuna. |
Id‑Deċiżjoni Nru 398 tal‑14 ta’ Mejju 2002
11 |
Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu Nru 398 tal‑14 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill Reġjonali ta’ Calabria approva sejħa għal proġetti (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal proġetti”), li l-Artikolu 8 tagħha kien jagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000 u kien jipprevedi li kienu eliġibbli għal għajnuna l-ispejjeż relatati mal-artijiet, mal-binjiet u mal-faċilitajiet, mal-għamara u mat-tagħmir kif ukoll mal-iproġettar u mal-istudji. |
12 |
L-Artikolu 9 tas-sejħa għall-proġetti kien jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda l-binjiet u l-faċilitajiet, ix-xogħlijiet għandhom jiġu kkwantifikati konformement mal-lista tal-prezzijiet tax-xogħlijiet pubbliċi tar-Reġjun ta’ Calabria tal-1994, miżjuda bi 15 %, u għall-elementi mhux previsti fiha, abbażi tal-prezzijiet tas-suq fis-seħħ stmati mill-persuna responsabbli mid-disinn. |
13 |
Skont l-Artikolu 11 tas-sejħa għall-proġetti, il-ħlas tas-sussidju kellu jiġi rregolat mid-Digriet ta’ Sussidju li jistabbilixxi l-preskrizzjonijiet li magħhom kellu jikkonforma ruħu l-benefiċjarju. |
Id‑Digriet ta’ Sussidju
14 |
Id-Digriet ta’ Sussidju Nru 4457 tal‑20 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Sussidju”) kien jistipula d-dispożizzjonijiet relatati mad-dokumenti li għandhom jiġu prodotti mill-benefiċjarju finali tal-għajnuna sabiex jipprova l-ispejjeż sostnuti. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet imwettqa, id-digriet kien jeżiġi l-produzzjoni tad-dokumentazzjoni ta’ kontabbiltà relatati magħhom, inkluż iż-żamma, mill-benefiċjarju finali, ta’ pjan tax-xogħlijiet u ta’ reġistru tal-kontabbiltà, debitament iffirmati mid-Direttur tax-xogħlijiet u mill-imsemmi benefiċjarju. |
15 |
Fl-aħħar, id-Digriet ta’ Sussidju kien jipprevedi li s-sussidju li kellu jitħallas għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet imwettqa permezz ta’ mezzi proprji seta’ jiġi ddeterminat biss wara verifika, mill-Kumitat għall-evalwazzjoni, tal-osservanza, mill-benefiċjarju finali, tal-limiti stabbiliti fil-lista msemmija fl-Artikolu 9 tas-sejħa għal proġetti, jiġifieri wara l-konstatazzjoni tat-twettiq tax-xogħlijiet abbażi tad-dokumenti tal-kontabbiltà imsemmija iktar ’il fuq (pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà). |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
16 |
Eurocostruzioni hija impriża attiva fis-settur tal-kostruzzjoni. |
17 |
Wara s-sejħa għal proġetti, din l-impriża kisbet finanzjament f’kapital għall-kostruzzjoni ta’ lukanda, inkluż għat-tagħmir tagħha, u għall-faċilitajiet sportivi annessi magħha fil-komun ta’ Rossano, li jinstab fir-Reġjun ta’ Calabria (l-Italja), inkwantu benefiċjarju finali ta’ għajnuna abbażi tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000‑2006 (Assi IV-Miżura 4.4.b, proġetti integrati eżistenti ta’ kwalifikazzjoni tal-ilqugħ tat-turisti). Il-Kummissjoni kienet approvat il-qafas ta’ għajnuna u l-programm operattiv inkwistjoni għar-Reġjun ta’ Calabria, fid-Deċiżjonijiet tagħha C(2000) 2050 tal‑1 ta’ Awwissu 2000 u C(2000) 2345 tat‑8 ta’ Awwissu 2000. |
18 |
L-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna abbażi tal-imsemmi programm operattiv kienu jinkludu, b’mod partikolari, dawk relatati mal-kostruzzjoni tal-binjiet u tal-faċilitajiet. Abbażi tal-Artikolu 9 tas-sejħa għall-proġetti, l-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni ta’ binjiet setgħu jiġu kkwantifikati fil-limiti tal-lista standard tal-prezzijiet tax-xogħlijiet pubbliċi tar-Reġjun ta’ Calabria tal‑1994, miżjuda bi 15 %, u għall-elementi mhux previsti fiha, abbażi tal-prezzijiet tas-suq fis-seħħ stmati mill-persuna responsabbli mid-disinn. |
19 |
F’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet imwettqa permezz tal-mezzi rispettivi tal-benefiċjarju finali, id-Digriet ta’ Sussidju kien jispeċifika li dan kellu jipprovdi d-dokumenti relatati mal-kontabbiltà tax-xogħlijiet, jiġifieri l-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà, iffirmati mid-Direttur tax-xogħlijiet u mill-imsemmi benefiċjarju. |
20 |
Eurocostruzioni wettqet ix-xogħlijiet previsti, xtrat l-għamara u pprovdiet lir-Reġjun ta’ Calabria d-dokumentazzjoni prevista fid-Digriet ta’ Sussidju, jiġifieri – għax-xogħlijiet – il-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà. Wara kontroll tal-konformità ta’ dawn ix-xogħlijiet, hija kisbet l-approvazzjoni tal-Kumitat tekniku kompetenti. Madankollu, hija ma kisbitx il-ħlas tal-bilanċ tas-sussidju relatat max-xogħlijiet, għaliex ir-Reġjun ta’ Calabria qies li l-impriża kienet naqset milli tipproduċi fatturi jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, konformement mal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li għalih kienet tagħmel riferiment is-sejħa għal proġetti. |
21 |
Eurocostruzioni bdiet proċedura ta’ ordni għal ħlas quddiem it-Tribunale di Catanzaro (il-Qorti Distrettwali ta’ Catanzaro, l-Italja), intiża sabiex ir-Reġjun ta’ Calabria jiġi mġiegħel iħallsu l-bilanċ tas-sussidju. Dik il-qorti, permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ April 2012, laqgħet it-talba tal-imsemmija impriża u kkundannat lill-imsemmi reġjun għall-ħlas tas-somom mitluba mill-istess impriża. |
22 |
Ir-Reġjun ta’ Calabria appella l-imsemmija sentenza quddiem il-Corte d’appello di Catanzaro (il-Qorti tal-Appell ta’ Catanzaro, l-Italja). Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2014, dik il-qorti qieset li, peress li s-sejħa għal proġetti kienet tagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000, il-ħlas tal-bilanċ tas-sussidju kien suġġett għall-preżentazzjoni ta’ fatturi mħallsa jew ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, u dan anki jekk ix-xogħlijiet kienu twettqu minn Eurocostruzioni, permezz ta’ mezzi tagħha stess. Fil-fatt, l-impriża kienet obbligata li tipproduċi d-dokumentazzjoni ta’ kontabbiltà xierqa sabiex tipprova l-ħlasijiet imwettqa, fost l-oħrajn, għax-xiri ta’ materjal, il-kiri ta’ vetturi u r-remunerazzjoni tal-ħaddiema jew tas-subappaltaturi. F’dan ir-rigward, id-dokumenti pprovduti mill-impriża, bħal ma huma l-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà, kienu neċessarji, iżda allegatament ma kinux suffiċjenti. B’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmija qorti laqgħet l-appell ippreżentat mir-Reġjun ta’ Calabria. |
23 |
Fis‑27 ta’ Ottubru 2015, Eurocostruzioni ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, l-impriża b’mod partikolari sostniet li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li l-formulazzjoni tiegħu tibda bil-kliem “bħala regola [ġenerali]”, sempliċement jistipula prinċipju ġenerali, li jista’ jkun suġġett għal eċċezzjonijiet. F’dan ir-rigward, Eurocostruzioni sostniet ukoll li hija debitament wettqet ix-xogħlijiet previsti u li hija pproduċiet it-totalità tad-dokumenti tal-kontabbiltà mitluba fid-Digriet ta’ Sussidju, b’tali mod li r-rifjut fil-konfront tagħha min-naħa tar-Reġjun ta’ Calabria abbażi tar-Regolament Nru 1685/2000 imur kontra l-prinċipji ta’ bona fide, ta’ lealtà u ta’ aspettattivi leġittimi. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 u tosserva, barra minn dan, li dan l-anness donnu ma jipprevedix ix-xenarju ta’ kostruzzjoni diretta ta’ proprjetà immobbli mill-benefiċjarju finali permezz tal-materjal, tat-tagħmir u tal-ħaddiema rispettivi tiegħu. |
25 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
26 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, jiġġustifika l-ispejjeż sostnuti billi jipproduċi dokumenti oħra għajr dawk espliċitament imsemmija minn din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑ammissibbiltà
27 |
Ir-Reġjun ta’ Calabria jqis li l-ewwel domanda hija inammissibbli, minħabba li l-interpretazzjoni mitluba tar-Regolament Nru 1685/2000 ma għandha ebda relazzjoni mat-tilwima fil-kawża prinċipali u li l-qorti tar-rinviju naqset milli tesponi r-raġunijiet li wasslu sabiex ikollha dubji dwar din l-interpretazzjoni. |
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Proximus (Direttorju pubbliku elettroniku), C‑129/21, EU:C:2022:833, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, speċifikament, l-obbligi ta’ Eurocostruzioni, bħala benefiċjarju finali, abbażi tar-Regolament Nru 1685/2000 u, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-anness tiegħu, li l-applikabbiltà tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-Reġjun ta’ Calabria. Barra minn hekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet neċessarja. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjonijiet tar-Reġjun ta’ Calabria dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il‑mertu
31 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fondi strutturali kienu rregolati, fid-data tal-għoti tas-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l‑20 ta’ April 2004, bir-Regolament Nru 1260/1999. L-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessa 41 tiegħu, kien jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż, fil-każ ta’ neċessità, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u ekwa tal-fondi strutturali fi ħdan l-Unjoni. Huwa fuq din il-bażi li ġie adottat ir-Regolament Nru 1685/2000. |
32 |
F’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż sostnuti minn benefiċjarju finali, ir-Regolament Nru 1260/1999 u r-Regolament Nru 1685/2000 jipprevedu rekwiżiti differenti, minn naħa, għall-ħlasijiet bil-quddiem, u min-naħa l-oħra, għall-ħlasijiet proviżorji u għall-ħlasijiet tal-bilanċ. |
33 |
Skont kliem it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[i]l-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv [probatorju ekwivalenti]”. |
34 |
Il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 jirrifletti dan ir-rekwiżit, billi jipprevedi li, “[b]ħala regola [ġenerali], il-ħlasijiet mill-benefiċjarju finali, iddikjarati bħala ħlas provviżorju u ħlas tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi mħallsa. Meta dan ma jistax isir, [dawn il-] ħlasijiet għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [ta’ kontabbiltà] ta’ valur probattiv [probatorju] ekwivalenti”. |
35 |
Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Leistritz, C‑534/20, EU:C:2022:495, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Mill-formulazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 jirriżulta li, sabiex ikunu eliġibbli, fis-sens tar-Regolament Nru 1685/2000, l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarji finali għandhom, “bħala regola [ġenerali]”, ikunu ġġustifikati minn fatturi mħallsa jew, meta dan ma jistax isir, b’dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-termini “bħala regola [ġenerali]” jirreferu b’mod ċar għall-obbligu li jiġu prodotti fatturi mħallsa, imsemmi fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt, filwaqt li l-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, prevista fit-tieni sentenza tal-imsemmi punt, tikkostitwixxi l-eċċezzjoni għal din ir-regola. |
37 |
Għalhekk, il-formulazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 ma tippermetti l-ebda eċċezzjoni oħra għajr dik espliċitament prevista minn din id-dispożizzjoni. |
38 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, mill-premessa 43 tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta li l-ispejjeż għandhom ikunu “ġustifikat[i] u ċertifikat[i]”, u dan jixhed favur interpretazzjoni restrittiva tat-tieni sentenza tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, fejn il-fatturi mħallsa u d-dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti huma l-uniċi dokumenti li jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Dan huwa a fortiori l-każ peress li l-Kummissjoni riedet tistabbilixxi regoli uniformi dwar l-ispejjeż eliġibbli, bla ħsara għall-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti, hekk kif huwa previst fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 1685/2000. |
39 |
Fl-aħħar, din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, imsemmi kemm fil-premessi 35 u 43 kif ukoll fl-Artikolu 38(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1260/1999. Skont id-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż joriġinaw minn sistema ta’ kontabbiltà bbażata fuq dokumenti ġustifikattivi li jistgħu jiġu vverifikati. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll mir-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rimbors tal-ispejjeż (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, l-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 45). |
41 |
Tali rimbors jista’ jkun jirrigwarda biss spejjeż li ġew realment sostnuti u li huma debitament iġġustifikati. Kull interpretazzjoni oħra tar-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tista’ tipperikola l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi strutturali. B’mod partikolari, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, sempliċement jirrifletti gwida ġenerali, li tista’ tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet oħra għajr dik li ġiet espliċitament stipulata minn din id-dispożizzjoni. |
42 |
F’dan il-każ, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, Eurocostruzioni titlob “ħlas tal-bilanċ”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 u f’dak tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. Sabiex ikunu eliġibbli, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, l-ispejjeż invokati insostenn tat-talba tagħha għandhom għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jiġu ġġustifikati permezz ta’ fatturi mħallsa jew, meta dan ma jistax isir, permezz ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti. |
43 |
Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effett tal-fatt li l-benefiċjarju finali wettaq ix-xogħol permezz ta’ mezzi tiegħu stess ma jistax ikun li huwa jiġi eżentat mir-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni previsti mir-Regolamenti Nri 1260/1999 u 1685/2000. |
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, jiġġustifika l-ispejjeż sostnuti billi jipproduċi dokumenti oħra għajr dawk espliċitament imsemmija minn din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
45 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑ammissibbiltà
46 |
Ir-Reġjun ta’ Calabria jqis li t-tielet domanda hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju naqset milli tesponi r-rabta bejn ir-Regolament Nru 1685/2000 u r-regoli, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, li barra minn hekk ġew esposti b’mod insuffiċjenti. |
47 |
Abbażi tal-Artikolu 94(b) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tippreżenta, b’mod partikolari, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn id-dritt tal-Unjoni l-imsemmija dispożizzjonijiet. |
48 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju osservat dan l-obbligu, billi esponiet il-kontenut tal-liġijiet nazzjonali u reġjonali, tas-sejħa għal proġetti u tad-Digriet ta’ Sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dak li jirrigwarda r-rabta’ bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u d-dritt tal-Unjoni, ir-Reġjun ta’ Calabria nnifsu rrikonoxxa, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li s-sejħa għal proġetti tinkludi riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjonijiet tar-Reġjun ta’ Calabria dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il‑mertu
50 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li la r-Regolament Nru 1260/1999 u lanqas ir-Regolament Nru 1685/2000 ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”. |
51 |
Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. |
52 |
F’dak li jirrigwarda t-tifsira normali fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, għandu jiġi osservat li dawn ikopru d-dokumenti kollha tal-kontabbiltà li jistgħu jippruvaw, l-istess bħal fatturi mħallsa, l-effettività tal-ispejjeż imwettqa mill-benefiċjarju finali, u li lilhom jiġi rikonoxxut, abbażi ta’ dan, valur probatorju paragunabbli għal dak tal-fatturi mħallsa. |
53 |
F’dak li jirrigwarda l-kuntest ta’ dan il-kunċett, għandu jitfakkar li d-dritt għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tipprevedi l-obbligu li jiġu prodotti fatturi mħallsa sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju finali. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
F’dan ir-rigward għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit imsemmi fit-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jgħid li l-ħlasijiet proviżorji u l-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati mal-“ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru” mill-benefiċjarji finali. Sabiex dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt, il-portata tal-kunċett ta’ “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti” għandha tkun ristretta għad-dokumenti tal-kontabbiltà li jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti u li jagħtu stampa fl-istess ħin fidila u preċiża tagħhom, li tikkorrispondi għall-ħlasijiet imwettqa mill-benefiċjarju finali kkonċernat. |
55 |
Fid-dawl ta’ dan, ma tistax tiġi aċċettata, mingħajr ma jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999, l-interpretazzjoni estensiva li ġiet proposta mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-effett tagħha jkun li tkun permessa valorizazzjoni ta’ xogħlijiet mingħajr rabta diretta ma ħlasijiet imwettqa, biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni li toriġina minn professjonist indipendenti u/jew minn organu uffiċjali approvat. |
56 |
Din l-interpretazzjoni stretta hija wkoll konformi mal-għan ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u mal-prinċipju ta’ rimbors tal-ispejjeż, imfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, sa fejn din ittendi li tevita kull riskju ta’ komputazzjoni doppja ta’ spejjeż u ta’ frodi b’detriment tal-fondi strutturali tal-Unjoni. |
57 |
Konsegwentement, hekk kif essenzjalment osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi kkonstatat li jistgħu jikkostitwixxu “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti” id-dokumenti tal-kontabbiltà li huma awtorizzati mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, b’mod partikolari meta l-ħruġ ta’ fattura ma huwiex rilevanti skont ir-regoli fiskali u ta’ kontabbiltà nazzjonali, u li jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tagħhom. |
58 |
F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda benefiċjarju finali li bena binja permezz ta’ mezzi tiegħu stess, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi sistema ta’ kontroll tal-ispejjeż li teħtieġ kwantifikazzjoni minn qabel tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu, ibbażata fuq skala standard, u verifika ulterjuri, ibbażata fuq il-konstatazzjoni tat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet u fuq is-sempliċi preżentazzjoni ta’ pjan tax-xogħlijiet u ta’ reġistru tal-kontabbiltà. Is-sejħa għal proġetti tiċċita espliċitament ir-Regolament Nru 1685/2000 fir-rigward tad-definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli. Għalkemm id-Digriet ta’ Sussidju ma jerġax isemmi l-obbligu li jiġu prodotti fatturi mħallsa u/jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, madankollu din iċ-ċirkustanza ma taffettwax l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament. |
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li ma kienx possibbli li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġġustifika l-ispejjeż sostnuti permezz ta’ fatturi mħallsa u, jekk ma kienx possibbli li r-rikorrenti tagħmel dan, li tevalwa jekk l-imsemmi pjan tax-xogħlijiet u l-imsemmi reġistru tal-kontabbiltà jistgħux jiġu kklassifikati, fid-dawl tal-kontenut konkret tagħhom u tar-regoli nazzjonali rilevanti, bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”. |
60 |
Hekk kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, hekk ikun il-każ jekk dawn id-dokumenti jipprovaw, fid-dawl tat-totalità taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża prinċipali, l-effettività tal-ispejjeż sostnuti, li tikkorrispondi għall-ħlasijiet imwettqa minn Eurocostruzioni, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tal-imsemmija spejjeż. |
61 |
Min-naħa l-oħra, jekk ikollu jirriżulta li dan il-pjan tax-xogħlijiet u dan ir-reġistru tal-kontabbiltà jillimitaw ruħhom, pereżempju, li jagħtu rendikont tal-andament tax-xogħlijiet billi jagħmlu riferiment biss għal kwantifikazzjoni minn qabel, ibbażata fuq skala standard, li hija ta’ natura astratta u mingħajr korrelazzjoni oġġettiva mal-ispejjeż effettivament sostnuti, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. |
62 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk, fid-dawl tal-kontenut konkret tagħhom u tar-regoli nazzjonali rilevanti, dawn id-dokumenti jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti mill-imsemmi benefiċjarju finali, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tal-imsemmija spejjeż. |
Fuq l‑ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.