EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0025

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ April 2023.
ZA et vs Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Madrid de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Restrizzjonijiet vertikali tal-kompetizzjoni – Artikolu 101(1) u (2) TFUE – Prinċipju ta’ effettività – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 2 – Direttiva 2014/104/UE – Artikolu 9(1) – Effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet definittivi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jikkonstataw ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni – Applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae – Azzjonijiet għal kumpens u għal nullità għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.
Kawża C-25/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:298

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Restrizzjonijiet vertikali tal-kompetizzjoni – Artikolu 101(1) u (2) TFUE – Prinċipju ta’ effettività – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 2 – Direttiva 2014/104/UE – Artikolu 9(1) – Effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet definittivi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jikkonstataw ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni – Applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae – Azzjonijiet għal kumpens u għal nullità għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑25/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no2 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2020, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2021, fil-kawża

ZA,

AZ,

BX,

CV,

DU,

ET

vs

Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin, N. Wahl u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ZA, AZ, BX, CV, DU u ET, minn A. Hernández Pardo, I. Sobrepera Millet u L. Ruiz Ezquerra, abogados,

Għal Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA, minn M. P. Arévalo Nieto, Á. Requeijo Pascua u M. Villarrubia García, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Jimeno Fernández u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(2) TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZA, AZ, BX, CV, DU u ET (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“werrieta ta’ KN”) u Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA (iktar ’il quddiem “Repsol”) fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati mill-werrieta ta’ KN u li jirrigwardaw in-nullità tal-kuntratti konklużi bejnhom u Repsol kif ukoll il-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn dawn il-kuntratti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1/2003

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “L-oneru tal-prova” jipprovdi:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101 u 102 TFUE] il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101(1)] jew ta’ l-Artikolu [102] tat-Trattat ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l-Artikolu [101(3) TFUE] ħa jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.”

Id‑Direttiva 2014/104/UE

4

Il-premessa 34 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), tiddikjara:

“L-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-Kummissjoni [Ewropea] u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu approċċ komuni fl-Unjoni [Ewropea] kollha fir-rigward tal-effett tad-deċiżjonijiet finali dwar il-ksur tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fuq azzjonijiet sussegwenti għad-danni. Deċiżjonijiet bħal dawn huma adottati biss wara li l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata dwar id-deċiżjoni prevista jew, fin-nuqqas ta’ dan, kull dokument ieħor li jindika d-direzzjoni tal-azzjoni proposta skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, u jekk il-Kummissjoni ma tkunx neħħiet il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni billi tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni billi tipprovdi gwida lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali b’mod bilaterali u fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni. Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, biex tiġi evitata l-inkonsistenza fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, biex tiżdied l-effettività u l-effikaċja proċedurali tal-azzjonijiet għad-danni u biex jitrawwem il-funzjonament tas-suq intern għall-impriżi u l-konsumaturi, is-sejba ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE f’deċiżjoni finali minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell ma għandhiex terġa’ tgħaddi minn litigazzjoni f’azzjonijiet sussegwenti għad-danni. Għaldaqstant tali sejba għandha titqies li tkun stabbilita b’mod inkontestabbli f’azzjonijiet għal danni miġjuba fl-Istat Membru tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew tal-qorti tal-appell dwar dak il-ksur. Madankollu, l-effett tas-sejba għandu jkopri biss in-natura tal-ksur u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali, personali, temporali u territorjali tiegħu kif determinat mill-awtorità tal-kompetizzjoni jew qorti tal-appell fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha. Fejn dikjarazzjoni tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni nkisru f’każijiet fejn il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni huma applikati fl-istess każ u b’mod parallel, dak il-ksur għandu wkoll jitqies li ġie stabbilit b’mod irribattibbli.”

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, tista’ b’mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.

2.   Din id-Direttiva tistipula regoli li jikkoordinaw l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta’ dawn ir-regoli f’azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.”

6

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Effett ta’ deċiżjonijiet nazzjonali”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista’ tiġi valutata flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE.”

7

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 21 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Traspożizzjoni” huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas‑27 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.”

8

L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jiddikjara:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014.”

Id‑dritt Spanjol

9

L-Artikolu 75(1) tal-Ley 15/2007 de Defensa de la Competencia (il-Liġi 15/2007, dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tat‑3 ta’ Lulju 2007 (BOE Nru 159, tal‑4 ta’ Lulju 2007, p. 28848), kif emendata bir-Real Decreto-ley 9/2017 por el que se transponen directivas de la Unión Europea en los ámbitos financiero, mercantil y sanitario, y sobre el desplazamiento de trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017, li jittrasponi direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam finanzjarju, kummerċjali u tas-saħħa, kif ukoll dwar il-kollokament ta’ ħaddiema), tas‑26 ta’ Mejju 2017 (BOE Nru 126, tas‑27 ta’ Mejju 2017, p. 42820), jipprevedi:

“Ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat minn deċiżjoni definittiva ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni Spanjola jew minn istanza ta’ appell Spanjola għandu jitqies li ġie stabbilit b’mod inkonfutabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni ppreżentata quddiem qorti Spanjola.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Il-werrieta ta’ KN huma l-proprjetarji ta’ stazzjon tas-servizz mibni minn KN. Matul il-perijodu mis-sena 1987 sas-sena 2009, KN jew il-werrieta ta’ KN, minn naħa, u Repsol, min-naħa l-oħra, ikkonkludew numru ta’ kuntratti esklużivi ta’ provvista ta’ karburant.

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel żewġ kuntratti konklużi fl‑1 ta’ Lulju 1987 u fl‑1 ta’ Frar 1996 kienu “kuntratti ta’ rivendita”, fejn il-proprjetà fuq il-karburant ikkunsinnat minn Repsol ġiet ittrasferita lil KN jew lill-werrieta ta’ KN mill-mument tat-trasferiment tiegħu fiċ-ċisterna tal-istazzjon tas-servizz ikkonċernat. Dawn il-kuntratti kienu jipprevedu li r-remunerazzjoni tal-operatur tal-istazzjon tas-servizz kienet tikkonsisti f’kummissjoni li dan tal-aħħar seta’ japplika fuq il-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku tal-karburanti rrakkomandat minn Repsol.

12

Fis‑27 ta’ April 1999, l-Asociación de Propietarios de Estaciones de Servicio y Unidades de Suministro de Andalucía (l-Assoċjazzjoni tal-Proprjetarji tal-Istazzjonijiet tas-Servizz u tal-Unitajiet ta’ Provvista ta’ Andalucía, Spanja) issottomettiet, mal-awtoritajiet kompetenti, ilment kontra numru ta’ kumpanniji ta’ raffinar, fosthom Repsol, għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali u Komunitarju.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2001”), it-Tribunal de Defensa de la Competencia (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Spanja) ikkonstatat li, billi ffissat, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ ċerti stazzjonijiet tas-servizz Spanjoli, il-prezzijiet ta’ bejgħ lill-pubbliku ta’ karburanti, Repsol kienet kisret ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni. Din il-qorti ordnat lil Repsol ittemm dan il-ksur.

14

Din id-deċiżjoni, li l-validità tagħha tqiegħdet inkwistjoni minn Repsol, ġiet ikkonfermata minn sentenza tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) tal‑11 ta’ Lulju 2007. Din is-sentenza kienet suġġetta għal appell ippreżentat minn Repsol quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li, permezz tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Novembru 2010, ċaħdet dan l-appell. Sussegwentement, id-deċiżjoni tal‑2001 saret definittiva.

15

Fit‑22 ta’ Frar 2001, it‑22 ta’ Frar 2006 u s‑17 ta’ Lulju 2009, il-werrieta ta’ KN ikkonkludew tliet kuntratti oħra ma’ Repsol. Dawn tal-aħħar, li wkoll kienu kuntratti ta’ rivendita, kienu jinkludu obbligu ta’ provvista esklużiva favur din il-kumpannija.

16

Wara investigazzjoni tal-Comisión Nacional de la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, Spanja), din l-awtorità, fit‑30 ta’ Lulju 2009, adottat deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2009”) li permezz tagħha ssanzjonat lil ċerti kumpanniji ta’ raffinar, fosthom Repsol, talli ffissaw indirettament il-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku tal-karburanti mitlub mill-istazzjonijiet tas-servizz ikkonċernati. L-imsemmija awtorità kkonstatat li Repsol kienet kisret l-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) u l-Artikolu 1 tal-Ley 16/1989 de Defensa de la Competencia (il-Liġi 16/1989 fuq il-Kompetizzjoni), tas‑17 ta’ Lulju 1989 (BOE Nru 170, tat‑18 ta’ Lulju 1989, p. 22747).

17

Id-deċiżjoni tal‑2009, li kienet suġġetta għal rikors għal annullament, ġiet ikkonfermata mis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat‑22 ta’ Mejju u t‑2 ta’ Ġunju 2015 u saret definittiva.

18

Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kompetizzjoni tat tliet deċiżjonijiet li fihom hija kkonstatat li Repsol kienet kompliet tmur kontra r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni sal‑2019.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, taħt l-Artikolu 101(2) TFUE, il-werrieta ta’ KN, wara d-deċiżjonijiet tal‑2001 u tal‑2009, ippreżentaw, quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid, Spanja), il-qorti tar-rinviju, minn naħa, azzjoni għal nullità tal-kuntratti konklużi ma’ Repsol, minħabba li, bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, din il-kumpannija kienet iffissat il-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku tal-kombustibbli u tal-karburanti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, azzjoni għad-danni bħala ħlas għad-dannu allegatament ikkawżat minn dawn il-kuntratti. Sabiex juru l-eżistenza tal-ksur ikkonċernat, il-werrieta ta’ KN jistrieħu, fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet, fuq id-deċiżjonijiet tal‑2001 u tal‑2009.

20

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, l-ewwel, li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jaqa’ fuq il-parti li tallega dan il-ksur.

21

It-tieni, hija tosserva li, bħala prinċipju, konformement mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni ppreżentata wara deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li saret definittiva, ir-rikorrent ikkonċernat jista’ jirnexxilu jissodisfa l-oneru tal-prova li għandu dwar l-eżistenza ta’ ksur, billi juri li din id-deċiżjoni tirrigwarda preċiżament ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni.

22

Issa, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, fil-kuntest ta’ azzjoni għal nullità taħt l-Artikolu 101(2) TFUE, bħal dik imressqa mill-werrieta ta’ KN, ma jingħata ebda effett vinkolanti lil deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni jekk ma jintweriex li l-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni u l-allegat ksur li huwa s-suġġett ta’ din l-azzjoni huma l-istess u li huwa r-rikorrent u mhux persuna oħra li kien il-vittma ta’ dan il-ksur.

23

B’hekk, huwa neċessarju li titwettaq analiżi individwali tar-relazzjoni kuntrattwali li hija s-suġġett tat-tilwima u li jintwera li huwa preċiżament ir-rikorrent, operatur ta’ stazzjon tas-servizz, u mhux persuna oħra, li kien il-vittma ta’ prattika ta’ ffissar tal-prezzijiet.

24

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont ġurisprudenza nazzjonali, meta, b’mod partikolari, il-ksur ikkonstatat f’deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u dik li hija s-suġġett ta’ azzjoni għal nullità taħt l-Artikolu 101(2) TFUE ma jikkoinċidux, tali deċiżjoni lanqas ma tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

25

Konsegwentement, f’dan il-każ, sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata n-nullità tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-werrieta ta’ KN ikollhom jissottomettu mill-ġdid quddiem din il-qorti l-provi prodotti fil-kuntest tal-fajl amministrattiv eżaminat mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

26

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li d-deċiżjonijiet definittivi tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jingħatawx effett vinkolanti jkollu bħala konsegwenza li jinżammu fis-seħħ il-kuntratti li jiksru l-Artikolu 101 TFUE.

27

Skont din il-qorti, jekk il-werrieta ta’ KN jirnexxilhom juru li dawn il-kuntratti, mill-perspettiva ratione temporis u ratione loci, jikkorrispondu għall-prattiki ssanzjonati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fid-deċiżjonijiet definittivi tagħhom kif ukoll għat-tipi ta’ kuntratti eżaminati minn dawn l-awtoritajiet, ikollu jiġi kkunsidrat li dawn issodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u, għalhekk, li rnexxielhom jipprovaw l-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li huwa s-suġġett tar-rikors tagħhom.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Jekk ir-rikorrent jistabbilixxi li r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu ta’ provvista esklużiva u li tagħti d-dritt għall-użu ta’ trade mark (abbażi ta’ kummissjoni jew ta’ bejgħ eżegwit bi prezz ta’ riferiment ta’ bejgħ mill-ġdid bi skont) ma’ [Repsol] jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali u ratione temporis eżaminat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, għandu jitqies li r-relazzjoni kuntrattwali hija affettwata mid-deċiżjoni tat-Tribunal de Defensa de la Competencia (il-Qorti tal-Kompetizzjoni […]) tal‑11 ta’ Lulju 2001 (Każ 490/00 REPSOL) u/jew bid-deċiżjoni [tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kompetizzjoni] tat‑30 ta’ Lulju 2009 (Każ 652/07 REPSOL/CEPSA/BP), meta jitqies li r-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003/KE rigward l-oneru tal-prova dwar dan il-ksur ġew issodisfatti skont dawn id-deċiżjonijiet?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva [għall-ewwel domanda], u jekk jiġi stabbilit fil-każ speċifiku li r-relazzjoni kuntrattwali hija koperta mid-deċiżjoni tat-Tribunal de Defensa de la Competencia (il-Qorti tal-Kompetizzjoni […]) tal‑11 ta’ Lulju 2001 (Każ 490/00 REPSOL) u/jew mid-deċiżjoni [tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kompetizzjoni] tat‑30 ta’ Lulju 2009 (Każ 652/07 REPSOL/CEPSA/BP), il-konsegwenza għandha neċessarjament tkun id-dikjarazzjoni ta’ nullità ipso jure tal-ftehim, skont l-Artikolu 101(2) TFUE?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

Osservazzjonijiet preliminari

29

Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għad-Direttiva 2014/104, u b’mod partikolari għall-Artikolu 9(1) tagħha. Issa, din id-dispożizzjoni tista’ tkun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali biss jekk din it-tilwima kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tagħha.

30

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi osservat, kif jirriżulta mit-titolu ta’ din id-direttiva u mill-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi ċerta regolamentazzjoni tar-rikorsi għad-danni ppreżentati fuq livell nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

31

Minn dan jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/104, inkluż dak tal-Artikolu 9 tagħha, huwa limitat għas-sempliċi azzjonijiet għad-danni mibdija minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u, għalhekk, ma jestendix għal tipi oħra ta’ rikors li għandhom bħala suġġett ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħal, pereżempju, l-azzjonijiet għal nullità ppreżentati taħt l-Artikolu 101(2) TFUE.

32

Għalhekk l-azzjoni għal nullità ppreżentata mill-werrieta ta’ KN bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) TFUE ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/104.

33

Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva għar-rikors għad-danni tal-werrieta ta’ KN, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi determinata l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk id-dispożizzjoni kkonċernata tikkostitwixxix dispożizzjoni sostantiva jew le (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 38).

34

Fil-każ fejn l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 jitqies bħala “dispożizzjoni sostantiva” u peress li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li din id-direttiva ġiet trasposta fid-dritt Spanjol ħames xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 21 tagħha, peress li d-Digriet-Liġi Rjali 9/2017 li jittrasponi l-imsemmija direttiva daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Mejju 2017, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din ma tistax titqies li hija ġdida, intemmitx qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din l-istess direttiva, jiġifieri s‑27 ta’ Diċembru 2016, jew jekk komplietx tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 4248).

35

Min-naħa l-oħra, jekk din id-dispożizzjoni titqies bħala “dispożizzjoni proċedurali”, din tkun mistennija li tapplika għas-sitwazzjoni ġuridika kkonċernata fid-data li fiha daħlet fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 28).

36

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura sostantiva jew le tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat minn deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn istanza ta’ appell jitqies li huwa stabbilit b’mod inkonfutabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom taħt l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

37

Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din tagħti, essenzjalment, lid-deċiżjonijiet definittivi ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew, jekk ikun il-każ, lid-deċiżjonijiet ta’ istanza ta’ appell li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, effett vinkolanti għall-finijiet tal-azzjonijiet għad-danni ppreżentati quddiem qorti tal-istess Stat Membru li fih din l-awtorità teżerċita l-kompetenzi tagħha.

38

B’mod partikolari, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 jistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

39

Issa, peress li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ dannu kkawżat minn dan il-ksur, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-imsemmi ksur kif ukoll l-identità tal-awtur ta’ dan l-istess ksur jagħmlu parti mill-elementi indispensabbli li l-persuna leża għandu jkollha sabiex tippreżenta rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 60), għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 jirrigwarda l-eżistenza ta’ wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà ċivili għall-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni u għandu, għalhekk, kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 fil-konklużjonijiet tiegħu, jiġi kklassifikat bħala regola sostantiva.

40

Għandu għalhekk jitqies li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 huwa ta’ natura sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva.

41

Kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, jeħtieġ, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntemmitx qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew jekk din tkomplix tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

42

Għal dan il-għan, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura u l-mekkaniżmu ta’ funzjonament tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 49100).

43

Kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni li skontha ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat f’deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew f’deċiżjoni ta’ istanza ta’ appell għandha titqies li ġiet stabbilita b’mod inkonfutabbli għall-finijiet ta’ rikors għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ippreżentat wara tali deċiżjonijiet, quddiem qorti tal-istess Stat Membru bħal dak li fih din l-awtorità u din l-istanza ta’ appell jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom.

44

Peress li l-fatt identifikat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala dak li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ksur ikkonċernat huwa meqjus li ġie stabbilit b’mod inkonfutabbli għall-finijiet tar-rikors għad-danni kkonċernat huwa d-data li fiha d-deċiżjoni kkonċernata saret definittiva, għandu jiġi vverifikat jekk din id-data tippreċedix id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, inkwantu din tal-aħħar ma ġietx trasposta fid-dritt Spanjol f’dan it-terminu.

45

F’dan il-każ, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li d-deċiżjoni tal‑2001 saret definittiva wara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2010 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal‑2009 saret definittiva wara s-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat‑22 ta’ Mejju u t‑2 ta’ Ġunju 2015. Għalhekk, dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104. Jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew stabbiliti.

46

Konsegwentement, fid-dawl tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva ma jistax ikun applikabbli ratione temporis għal rikorsi għad-danni mressqa b’konsegwenza tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li saru definittivi qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, hawnhekk, li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

Fuq il‑mertu

48

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat f’deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li kien is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti iżda li sar definittiv wara li ġie kkonfermat minn dawn il-qrati, għandu jitqies li ġie stabbilit, kemm fil-kuntest ta’ azzjoni għal nullità taħt l-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għad-danni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, mir-rikorrent, sakemm ma tingħatax prova kuntrarja, b’tali mod li l-oneru tal-prova ddefinit minn dan l-Artikolu 2 jiġi ttrasferit fuq il-konvenut, sa fejn il-portata ratione temporis u ratione loci tal-allegat ksur li hija s-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi tikkoinċidi ma’ dik tal-ksur li ġie kkonstatat f’din id-deċiżjoni.

49

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, fl-istess waqt li joħloq obbligi għall-individwi, id-dritt tal-Unjoni huwa wkoll intiż li joħloq drittijiet li jsiru parti mill-patrimonju ġuridiku ta’ dawn l-individwi. Dawn id-drittijiet jinħolqu mhux biss meta dawn jingħataw b’mod espliċitu mit-Trattati, iżda wkoll minħabba obbligi li dawn it-trattati jimponu b’mod ċar kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands, C‑819/19, EU:C:2021:904, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1), u l-Artikolu 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet għall-partijiet f’kawża li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 24).

51

L-effikaċja sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjonijiet iddikjarati fihom jitqiegħdu inkwistjoni li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew minn aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 25, u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263 punt 39).

52

Fil-fatt, l-azzjonijiet għad-danni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali jiżguraw l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni ddikjarata fil-paragrafu 1 tiegħu, u b’hekk isaħħu n-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, peress li huma ta’ natura li jiskoraġġixxu l-ftehim jew il-prattiki, ta’ spiss moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands, C‑819/19, EU:C:2021:904, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess jgħodd għall-azzjonijiet għal nullità ppreżentati bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) TFUE.

54

Għalhekk, kwalunkwe persuna tista’ tinvoka quddiem qorti ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u, għaldaqstant, tinvoka n-nullità ta’ ftehim jew ta’ deċiżjoni pprojbiti minn din id-dispożizzjoni, prevista fl-Artikolu 101(2) TFUE, kif ukoll titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u dan l-akkordju jew din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands, C‑819/19, EU:C:2021:904, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali, inkarigati milli japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiżguraw mhux biss l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll li jipproteġu d-drittijiet li dawn jagħtu lill-individwi. Huwa l-kompitu ta’ dawn il-qrati li jiżguraw il-protezzjoni legali li tirriżulta, għall-partijiet fil-kawża, mill-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands, C‑819/19, EU:C:2021:904, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri kollha ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, sew jekk ikun jirrigwarda proċeduri nazzjonali, sew jekk proċeduri tal-Unjoni, l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) jew tal-Artikolu 102 TFUE jaqa’ fuq il-parti jew fuq l-awtorità li tallega dan il-ksur.

57

Għalkemm l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 jirregola espressament l-oneru tal-prova, inkluż f’sitwazzjonijiet li fihom l-azzjonijiet għal nullità taħt l-Artikolu 101(2) TFUE u/jew ir-rikorsi għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jiġu ppreżentati wara deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li r-Regolament Nru 1/2003 ma fihx dispożizzjonijiet dwar l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet fil-kuntest ta dawn iż-żewġ tipi ta’ azzjoni.

58

Issa, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suġġett, applikabbli ratione materiae jew ratione temporis, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt li tintalab il-konstatazzjoni tan-nullità tal-ftehimiet jew tad-deċiżjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll tad-dritt għal kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, inklużi dawk relatati mal-effetti vinkolanti tad-deċiżjonijiet definittivi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ tali tipi ta’ rikors, sa fejn dawn il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jiġu osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 42).

59

Għalhekk, ir-regoli applikabbli għar-rikorsi intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 43).

60

B’mod partikolari, il-modalitajiet imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, li jeħtieġu, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 44, 4647).

61

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 91 u 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE jsir eċċessivament diffiċli li kieku ma ġiex irrikonoxxut l-iċken effett lid-deċiżjonijiet definittivi ta’ awtorità tal-kompetizzjoni fl-azzjonijiet ċivili għad-danni jew fl-azzjonijiet intiżi biex tiġi invokata n-nullità ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet ipprojbiti bis-saħħa ta’ dan l-artikolu.

62

B’hekk, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal nullità ppreżentati taħt l-Artikolu 101(2) TFUE u ta’ azzjonijiet għad-danni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ppreżentati wara deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti iżda li saret definittiva wara li ġiet ikkonfermata minn dawn il-qrati u li ma tistax tkun suġġetta iżjed għal appell taħt ir-rimedji ordinarji, għandu jiġi kkunsidrat li, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċeduri dwar tali azzjonijiet li jitressqu quddiem qorti tal-istess Stat Membru li fih din l-awtorità teżerċita l-kompetenzi tagħha, il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-imsemmija awtorità tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan il-ksur sakemm ma tingħatax prova kuntrarja, li għandha tiġi prodotta mill-konvenut, sa fejn in-natura tagħha kif ukoll il-portata ratione materiae, personae, temporis u loci tagħha jikkorrispondu għal dawk tal-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet ta’ tali proċeduri, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kkonstatat f’tali deċiżjoni għandha titqies li ġiet stabbilita mir-rikorrent sakemm ma tingħatax prova kuntrarja, b’tali mod li l-oneru tal-prova ddefinit mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi ttrasferit fuq il-konvenut, sa fejn in-natura kif ukoll il-portata ratione materiae, personae, temporis u loci tal-allegat ksur li huwa s-suġġett tal-azzjonijiet imressqa mir-rikorrent jikkorrispondu għal dawk tal-ksur ikkonstatat fl-imsemmija deċiżjoni.

64

Barra minn hekk, meta l-awtur, in-natura, il-klassifikazzjoni legali, it-tul u l-portata ratione temporis tal-ksur ikkonstatat f’dan it-tip ta’ deċiżjoni u tal-ksur li huwa s-suġġett tar-rikors ikkonċernat jikkoinċidu biss parzjalment, il-konstatazzjonijiet, li jinsabu f’tali deċiżjoni ma humiex neċessarjament neqsin minn kull rilevanza, iżda jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza tal-fatti li magħhom huma relatati dawn il-konstatazzjonijiet, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu.

65

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-werrieta ta’ KN urewx li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2001 u tal‑2009 u, b’mod partikolari, li n-natura kif ukoll il-portata ratione materaie, personae, temporis u loci tal-allegat ksur li huwa s-suġġett tal-azzjoni tagħhom għal nullità u tar-rikors tagħhom għad-danni mressaq b’konsegwenza għal dawn id-deċiżjonijiet jikkorrispondu għan-natura u għall-portata tal-ksur li huwa kkonstatat f’dawn id-deċiżjonijiet.

66

Jekk dan ma huwiex il-każ u fejn il-ksur ikkonstatat fl-imsemmija deċiżjonijiet jikkoinċidi biss b’mod limitat mal-ksur allegat fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati mill-werrieta ta’ KN, dawn l-istess deċiżjonijiet jistgħu jiġu invokati bħala indizji tal-eżistenza tal-fatti li magħhom huma relatati l-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dawn id-deċiżjonijiet.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 101 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat f’deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li kien is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti iżda li sar definittiv wara li ġie kkonfermat minn dawn il-qrati, għandu jitqies li ġie stabbilit, kemm fil-kuntest ta’ azzjoni għal nullità taħt l-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għad-danni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, mir-rikorrent, sakemm ma tingħatax prova kuntrarja, b’tali mod li l-oneru tal-prova ddefinit minn dan l-Artikolu 2 jiġi ttrasferit fuq il-konvenut, sa fejn in-natura tal-allegat ksur li huwa s-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi kif ukoll il-portata ratione materiae, personae, temporis u loci jikkoinċidu ma’ dawk tal-ksur li ġie kkonstatat fl-imsemmija deċiżjoni.

Fuq it‑tieni domanda

68

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn rikorrent jasal jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan l-artikolu li huwa s-suġġett tal-azzjoni tiegħu għal nullità ppreżentata taħt l-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll tar-rikors tiegħu għad-danni ppreżentata għall-finijiet tal-kumpens għad-danni mġarrba minħabba dan il-ksur, il-ftehimiet ikkonċernati minn dawn ir-rikorsi li jiksru l-Artikolu 101 TFUE huma nulli ipos jure fl-intier tagħhom.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(2) TFUE, il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet ipprojbiti bis-saħħa ta’ dan l-artikolu huma nulli ipso jure.

70

Din in-nullità, li tista’ tiġi invokata minn kulħadd, tiġi ddikjarata tali mill-qorti ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u ladarba l-ftehim ikkonċernat ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE. Peress li n-nullità msemmija fl-Artikolu 101(2) TFUE hija ta’ natura assoluta, ftehim null bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni ma għandux effetti fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti u ma jistax jiġi invokat kontra terzi. Minbarra dan, hija tista’ taffettwa l-effetti kollha, passati u futuri, tal-ftehim jew tad-deċiżjoni kkonċernata (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 22).

71

In-nullità ipso jure prevista mill-Artikolu 101(2) TFUE tirrigwarda biss l-istipulazzjonijiet kuntrattwali inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-konsegwenzi ta’ din in-nullità għal kull element ieħor tal-ftehim ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni. Dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu evalwati mill-qorti nazzjonali skont id-dritt tal-Istat Membru suġġett għall-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1983, Société de vente de ciments et bétons de l’Est, 319/82, EU:C:1983:374, punt 12).

72

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-portata u l-konsegwenzi, għar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha, ta’ eventwali nullità ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) TFUE (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, VAG France, 10/86, EU:C:1986:502, punt 15).

73

B’hekk, in-nullità ipso jure iddikjarata mill-Artikolu 101(2) TFUE tapplika biss għall-elementi tal-ftehim ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE. Il-ftehim kollu jiġi ddikjarat null biss jekk dawn l-elementi ma jidhrux li jistgħu jiġu sseparati mill-ftehim innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, EU:C:1991:91, punt 40).

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn rikorrent jasal jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan l-artikolu li huwa s-suġġett tal-azzjoni tiegħu għal nullità ppreżentata taħt l-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll tar-rikors tiegħu għad-danni għal dan il-ksur, il-qorti nazzjonali għandha tislet minn dan il-konsegwenzi kollha u minnhom għandha tiddeduċi, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) TFUE, in-nullità ipso jure tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali kollha inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE, fejn il-ftehim kollu kkonċernat jiġi ddikjarat null biss jekk dawn l-elementi ma jidhrux li jistgħu jiġu sseparati mill-ftehim innifsu.

Fuq l‑ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 101 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE], u moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kkonstatat f’deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li kien is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti iżda li sar definittiv wara li ġie kkonfermat minn dawn il-qrati, għandu jitqies li ġie stabbilit, kemm fil-kuntest ta’ azzjoni għal nullità taħt l-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għad-danni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, mir-rikorrent, sakemm ma tingħatax prova kuntrarja, b’tali mod li l-oneru tal-prova ddefinit minn dan l-Artikolu 2 jiġi ttrasferit fuq il-konvenut, sa fejn in-natura tal-allegat ksur li huwa s-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi kif ukoll il-portata ratione materiae, personae, temporis u loci jikkoinċidu ma’ dawk tal-ksur li ġie kkonstatat fl-imsemmija deċiżjoni.

 

2)

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn rikorrent jasal jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan l-artikolu li huwa s-suġġett tal-azzjoni tiegħu għal nullità ppreżentata taħt l-Artikolu 101(2) TFUE kif ukoll tar-rikors tiegħu għad-danni għal dan il-ksur, il-qorti nazzjonali għandha tislet minn dan il-konsegwenzi kollha u minnhom għandha tiddeduċi, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) TFUE, in-nullità ipso jure tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali kollha inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE, fejn il-ftehim kollu kkonċernat jiġi ddikjarat null biss jekk dawn l-elementi ma jidhrux li jistgħu jiġu sseparati mill-ftehim innifsu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top