Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0819

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-4 ta’ Mejju 2023.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:386

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    EMILIOU

    ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

    Kawża C‑819/21

    Staatsanwaltschaft Aachen

    partijiet magħquda:

    MD

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Piena ta’ priġunerija imposta fi Stat Membru li fih, skont il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, is-sistema ġudizzjarja ma għadhiex tiggarantixxi id-dritt għal smigħ xieraq – Possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija”

    I. Introduzzjoni

    1.

    MD huwa ċittadin Pollakk li ġie kkundannat mis-Sąd Rejonowy Szczecin-Prawobrzeże (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Prawobrzeże, il-Polonja) għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur. Is-sospensjoni inizjali ta’ din il-piena ġiet sussegwentement revokata mill-istess qorti u, sabiex tiġi infurzata dik il-piena, is-Sąd Okregowy Szczecin (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, il-Polonja) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) li abbażi tiegħu MD ġie arrestat fil-Ġermanja. Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE ġiet irrifjutata mill-awtoritajiet Ġermaniżi minħabba li r-residenza abitwali ta’ MD kienet fil-Ġermanja. Għalhekk, il-qorti kompetenti Pollakka talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jinfurzaw il-piena imposta fuq MD skont is-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 2 ).

    2.

    Il-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, qiegħda titlob kjarifika dwar jekk tistax tirrifjuta tali talba, fid-dawl tas-sitwazzjoni li nħolqot mir-riformi ġudizzjarji kontroversjali fil-Polonja, li taw lok għal diversi sentenzi ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja. Din is-sitwazzjoni twassal lill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt ta’ MD għal smigħ xieraq jistax jitqies li ġie salvagwardjat f’kuntest fejn, skont il-qorti tar-rinviju, in-nuqqasijiet iġġeneralizzati jaffettwaw, l-istat tad-dritt u r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ġudikatura ta’ dan l-Istat Membru.

    3.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar speċifiku dwar l-applikabbiltà, għas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, relatata mad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE ( 3 ), li tipprovdi li l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat tista’ eċċezzjonalment tiġi miċħuda, lil hinn mir-raġunijiet espressament previsti fiha, meta jidher, wara eżami f’żewġ stadji (li n-natura tiegħu se tiġi spjegata u diskussa f’dawn il-Konklużjonijiet) li tali eżekuzzjoni tirriżulta f’riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) ( 4 ). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlob ċarezza dwar il-kundizzjonijiet li fihom għandu jsir tali eżami, u l-punt xieraq fiż-żmien li għalih għandu jitwettaq.

    II. Qafas Legali

    4.

    L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiddikjara li “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.”

    5.

    L-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li dan tal-aħħar “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

    6.

    L-Artikolu 4(1)(a) sa (c) ta’ din id-deċiżjoni qafas jelenka tliet kategoriji differenti tal-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni li lilhom tista’ tintbagħat talba għar-rikonoxximent ta’ sentenza u l-eżekuzzjoni ta’ piena. Dawn huma (a) l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata fejn hija j/tgħix; jew (b) l-Istat Membru taċ-ċittadinanza, li għalih, filwaqt li m’huwiex l-Istat Membru fejn hi tgħix, il-persuna sentenzjata ser tkun deportata, ladarba hija tkun rilaxxata mill-infurzar tal-piena abbażi ta’ ordni ta’ espulsjoni jew deportazzjoni inkluża fis-sentenza jew f’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva jew kwalunkwe miżura oħra li tirriżulta mis-sentenza jew (c) kwalunkwe Stat Membru li m’huwiex l-Istat Membru imsemmi f’ a) jew b), li l-awtorità kompetenti tiegħu tagħti kunsens biex is-sentenza u ċ-ċertifikat jiġu trażmessi lil dak l-Istat Membru.

    7.

    L-Artikolu 8(1) jiddikjara li “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.”

    8.

    Il-punti (a) sa (l) tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jelenkaw raġunijiet li jippermettu “ L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat [Membru] ta’ esekuzzjoni (li) tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena”.

    III. Il-fatti, il-proċedimenti nazzjonali u d-domandi preliminari

    9.

    MD huwa ċittadin Pollakk li r-residenza abitwali tiegħu tinsab fil-Ġermanja. Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, is-Sąd Rejonowy Szczecin-Prawobrzeże (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Prawobrzeże) imponiet fuqu piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur u ssospendiet l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena bi probation (iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”). MD ma kinitx preżenti għall-proċess.

    10.

    Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Lulju 2019, din l-istess qorti rrevokat is-sospensjoni u ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija.

    11.

    Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, il-Generalstaatsanwaltschaft Köln (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Köln, il-Ġermanja) iddeċieda li ma jeżegwixxix il-MAE maħruġ mis-Sąd Okregowy Szczecin (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin) fuq il-kriterju li r-residenza abitwali ta’ MD kienet tinsab fil-Ġermanja u li huwa kien oġġezzjona għall-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki ( 5 ).

    12.

    Fis‑26 ta’ Jannar 2021, is-Sąd Okregowy Szczecin (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin) bagħtet lill-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja) kopja ċċertifikata tas-sentenza inizjali, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija imposta. Dawn id-dokumenti ntbagħtu lill-iStaatsanwaltschaft Aachen b’ġurisdizzjoni (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Aachen, il-Ġermanja; “il-PPO Aachen”).

    13.

    Wara li semgħet lil MD, u qieset li l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija inkwistjoni ġew issodisfatti, il-PPO Aachen talbet li l-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen) tinforza s-sentenza inizjali, flimkien mad-digriet ta’ rtirar tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena, u tistabbilixxi piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur.

    14.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tistax tirrifjuta r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni u l-eżekuzzjoni tal-piena imposta peress li, fil-fehma tagħha, informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq dwar is-sitwazzjoni tal-ġudikatura fil-Polonja tindika li hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li l-kundizzjonijiet prevalenti fil-mument tal-adozzjoni tas-sentenza inizjali u tad-digriet ta’ rtirar tal-probation kienu (u jibqgħu) inkompatibbli mal-prinċipju tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u mar-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja li hija l-essenza tad-dritt fundamentali ta’ MD għal smigħ xieraq skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    15.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-proposta tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja ( 6 ), fuq il-ġurisprudenza dwar l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ), mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u mill-qrati nazzjonali. Huwa jiġbed l-attenzjoni wkoll għal diversi sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet Pollakki qiesu lilhom infushom li mhumiex marbuta bis-supremazija tad-dritt tal-UE.

    16.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirreferi s-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għad-deċiżjoni preliminari:

    ‘(1)

    Tista’ Qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li ġiet mitluba tiddeċiedi dwar dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tirrifjuta, abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909], flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-(Karta), tirrikonoxxi s-sentenza ta’ Stat Membru ieħor u li tinforza l-piena imposta minn din is-sentenza skont l-Artikolu 8 tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909] meta jkun hemm raġunijiet li wieħed jemmen li l-kundizzjonijiet prevalenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tiġi infurzata jew tad-deċiżjonijiet sussegwenti relatati huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal proċess ġust minħabba li, f’dak l-Istat Membru, is-sistema ġudizzjarja nnifisha ma għadhiex konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE?

    (2)

    Tista’ Qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li ġiet mitluba tiddeċiedi dwar dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tirrifjuta, abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909], flimkien mal-prinċipju tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ Stat Membru ieħor u li tinforza l-piena imposta minn din is-sentenza skont l-Artikolu 8 tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909] meta hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li s-sistema ġudizzjarja f’dak l-Istat Membru ma għadhiex konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE fil-mument tad-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà?

    (3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-Domanda 1:

    Qabel ir-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor u l-eżekuzzjoni tal-piena imposta minn din is-sentenza jiġu miċħuda b’riferiment għall-Artikolu 3(4) tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909], flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-(Karta), minħabba li hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li l-kundizzjonijiet prevalenti f’dan l-Istat Membru huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba li, f’dan l-Istat Membru, is-sistema ġudizzjarja nnifisha ma għadhiex konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-kundizzjonijiet prevalenti li huma inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq kellhomx effett detrimentali speċifikament fuq il-persuna/i kkundannata/i fil-proċedura inkwistjoni?

    (4)

    Jekk id-Domanda 1 u/jew id-Domanda 2 tingħata risposta negattiva fis-sens li d-deċiżjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet prevalenti fi Stat Membru humiex inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba li, f’dak l-Istat Membru, is-sistema ġudizzjarja nnifisha ma għadhiex konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt għandha tittieħed mhux mill-qrati tal-Istati Membri iżda mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

    Is-sistema ġudizzjarja fir-Repubblika tal-Polonja kienet konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt skont l-Artikolu 2 TUE fis-7 ta’ Awwissu 2018 u/jew fis‑16 ta’ Lulju 2019, u bħalissa hija konformi magħha?”

    17.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawk l-intervenjenti wieġbu wkoll għall-mistoqsija li saritilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    IV. Analiżi

    18.

    Permezz tal-erba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika dwar jekk u taħt liema ċirkustanzi hija tista’ eċċezzjonalment tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza, mibgħuta lilha skont is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, lil hinn mir-raġunijiet espressi previsti għal dan il-għan f’dan l-istrument, meta l-applikazzjoni ta’ dik is-sistema tista’, essenzjalment, tirriżulta f’għoti ta’ ksur preċedenti tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan il-ksur jirriżulta, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, min-nuqqasijiet iġġeneralizzati li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, li jagħmilha impossibbli li dan id-dritt jiġi ssalvagwardjat b’mod xieraq.

    19.

    Biex nibda l-analiżi tiegħi, l-ewwel ser nagħti kummenti preliminari dwar il-kuntest u l-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju (A). Imbagħad ser neżamina d-domandi magħmula billi nindirizza, l-ewwel, ir-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE u li ispirat il-preżenti riferiment, b’mod partikolari, mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (B). Imbagħad ser nevalwa jekk u sa liema punt dik ir-raġuni mhux miktuba hija trasponibbli għal dak l-istrument, li jikkostitwixxi għodda oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni, li fir-rigward tagħha din il-kwistjoni tqum għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C). Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-kwistjoni ta’ x’inhu l-mument xieraq li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-applikazzjoni ta’ dik ir-raġuni mhux miktuba u eċċezzjonali (D).

    A.   Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest u l-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju

    20.

    Kif diġà ġie rrilevat, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-funzjonament tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dan l-istrument jaqa’ taħt l-ambitu ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li huwa rregolat mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u jibbaża ruħu fuq il-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandu jkollhom fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra. ( 8 ) Fil-qosor, dik il-fiduċja reċiproka tirrikjedi li kull Stat Membru jippreżumi li l-liġi tal-UE, inklużi d-drittijiet fundamentali garantiti b’dan, tiġi rrispettata fl-Istati Membri l-oħra kollha ( 9 ).

    21.

    Minn dawn l-osservazzjonijiet qosra jirriżulta li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija rregolata mill-istess prinċipji ġenerali sottostanti bħal, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, id-Deċiżjoni Qafas tal-MAE ( 10 ).

    22.

    Kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall, din id-deċiżjoni qafas tinvoka l-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE suġġett biss għar-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti għal rifjut. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-eżekuzzjoni ta’ MAE ma tistax tesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju reali li jinkisrulu jew jinkisrulha wħud mid-drittijiet fundamentali tagħha ggarantiti mill-Karta lanqas, kif kien sostnut iktar tard, li l-applikazzjoni tagħha tapprova ċertu ksur li diġà seħħ.. Sabiex jiġi evitat li dawn is-sitwazzjonijiet jimmaterjalizzaw, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat raġuni addizzjonali u mhux miktuba biex tirrifjuta eżekuzzjoni ta’ MAE li madankollu tista’ tapplika biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

    23.

    Sabiex tidentifika jekk jeżistux tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat eżami f’żewġ stadji li għandu jiġi applikat mill-awtorità kompetenti nazzjonali rispettiv Fil-qasir, dan l-eżami jirrikjedi d-determinazzjoni, bħala l-ewwel pass, ta’ jekk hemm, nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fl-Istat Membru fejn joħroġ, li jistgħu jaffettwaw id-dritt fundamentali inkwistjoni. Jekk dan ikun il-każ, it-tieni stadju tal-eżami jeħtieġ il-verifika ta’ jekk, dawk in-nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati joħolqux riskju reali li jinkiser id-dritt fundamentali inkwistjoni jew jekk ikunux diġà affettwaw dan id-dritt b’mod tanġibbli.

    24.

    Nifhem li hija x-xebh tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja skont id-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, minn naħa, u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, min-naħa l-oħra, li wasslet lill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-raġuni mhux miktuba imsemmija hawn fuq tapplikax ukoll fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni qafas. Fl-istess ħin, nifhem li ċerti differenzi bejn dawk l-istrumenti jwasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din ir-raġuni tapplikax taħt l-istess modalitajiet.

    25.

    Flimkien mal-kwistjoni prinċipali u impliċita dwar l-applikabbiltà tar-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali li teżegwixxi MAE, żviluppata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, il-qorti tar-rinviju tqajjem, espressament jew impliċitament, erba’ domandi speċifiċi li jistgħu jiġu ppreżentati kif ġej.

    26.

    Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk huwiex possibbli li l-eżami f’żewġ stadji meħtieġ mir-raġuni mhux miktuba u eċċezzjonali inkwistjoni ikun limitat għall-ewwel pass jew jekk huwiex meħtieġ ukoll li jitwettaq it-tieni pass u jiġi vverifikat jekk in-nuqqasijiet identifikati li jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti affettwawx id-dritt fundamentali ta’ MD għal smigħ xieraq qabel ir-rifjut tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ tali Stat Membru ieħor (it-tielet domanda moqrija flimkien mal-ewwel u t-tieni domanda).

    27.

    Fit-tieni lok, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-mument li fih għandu jsir dan l-eżami: jekk huwiex id-data li fiha ingħatat is-sentenza inizjali li timponi l-piena, jew id-data li fiha is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena ġiet revokata (l-ewwel domanda), jew jekk huwiex id-data li fiha l-awtorità ta’ eżekuzzjoni trid tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena (it-tieni domanda).

    28.

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni prevalenti fir-rigward tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti hijiex kwistjoni għall-qorti nazzjonali, jew jekk tikkostitwixxix domanda dwar l-“interpretazzjoni tat-Trattati”, riżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan l-aħħar każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din is-sistema ġudizzjarja kinitx, fid-dati rilevanti, konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt (ir-raba’ domanda).

    29.

    Fit-taqsimiet segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nindirizza dawk id-domandi flimkien filwaqt li niftakar, f-ewwel lok, il-bidu tar-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE qabel ma ndur, fit-tieni lok, għall-applikabbiltà u l-kundizzjonijiet tiegħu għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, inkluż, fit-tielet lok, it-terminu xieraq tiegħu.

    B.   Ir-raġuni mhux miktuba għar-rifjut eċċezzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE

    30.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet ir-raġuni mhux miktuba għar-rifjut eċċezzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE fis-sentenza tagħha Aranyosi u Căldăraru ( 11 ) li fiha ċ-ċediment tal-persuni kkonċernati tqieset li ġġorr ir-riskju li dawk il-persuni jkunu esposti għal ksur tal-projbizzjoni assolut ta’ trattament inuman jew degradanti ( 12 ), fid-dawl tan-nuqqasijiet sistemiċi fil-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti.

    31.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati jeżegwixxu MAE ( 13 ), bla ħsara biss għar-raġunijiet ta’ rifjut mandatorju u fakultattiv ta’ eżekuzzjoni, previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE. L-ebda waħda mir-raġunijiet elenkati f’dawk id-dispożizzjonijiet ma kienet tapplika għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ wkoll tiġi miċħuda, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn l-ewwel, ikun hemm konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni ta’ dritt fundamentali kkonċernat u fejn, it-tieni, ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata mill-MAE tkun f’riskju reali li d-dritt fundamentali tiegħu jew tagħha inkwistjoni jinkiser jekk hu jew hija ċċeduta ( 14 ).

    32.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-applikazzjoni ta’ dan l-il-kriterju mhux miktub biex jiġi rrifjutat eċċezzjonalment, u tal-eżami f’żewġ stadji li fuqu hija tistrieħ, fis-sentenza tagħha Ministru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) [traduzzjoni mhux uffiċjali], fil-kuntest tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Minn din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ toqgħod lura milli timplimenta MAE, meta, l-ewwel, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq dwar l-operat tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti, huwa josserva li hemm riskju reali, fir-rigward tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, li d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq jista’ jinkiser u fejn, it-tieni, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li, wara ċ-ċediment tiegħu jew tagħha, il-persuna rikjesta tkun f’dak ir-riskju ( 15 ).

    33.

    Fis-sentenzi tagħha Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) ( 16 ) u Openbaar Ministerie (tribunal stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, meta l-qorti nazzjonali tkun sodisfatta li l-ewwel kundizzjoni tal-eżami f’żewġ stadji ntlaħqet, xorta waħda huwa neċessarju li wieħed jipproċedi għat-tieni stadju u jevalwa ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-sitwazzjoni.

    34.

    Barra minn hekk, filwaqt li l-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali biex jiġi eżegwit MAE kien inizjalment ikkunsidrat kontra ċirkustanzi fattwali li kienu jagħmluha rilevanti li jiġi eżaminat biss ksur prospettiv tad-dritt fundamentali inkwistjoni (“riskju reali”), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li din ir-raġuni tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet li jinvolvu provi ta’ ksur tal-passat (meta l-MAE kkonċernat ikun inħareġ sabiex tiġi eżegwita l-piena ta’ priġunerija imposta fi proċedimenti kriminali li kienu influwenzati b’mod tanġibbli min-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati identifikati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti) ( 18 ).

    C.   Fuq ir-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali li jiġi eżegwit MAE u Deċiżjoni Qafas 2008/909

    35.

    Qabel ma ndur fuq il-kwistjoni prinċipali dwar jekk ir-raġuni mhux miktuba li tirrifjuta b’mod eċċezzjonali li jiġi eżegwit MAE tapplika ukoll mutatis mutandis għad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (2), ser nikkummenta dwar jekk tali kunsiderazzjoni hijiex rilevanti għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, tali rilevanza għandha teżisti biss jekk il-qorti tar-rinviju ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn is-sistema legali ta’ dan l-istrument timponi obbligu ta’ rikonoxximent tas-sentenza u ta’ eżekuzzjoni tal-piena inkwistjoni (1).

    1. Fuq l-eżistenza ta’ obbligu ta’ rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-piena

    36.

    Infakkar li r-raġuni mhux miktuba għar-rifjut eċċezzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE kienet żviluppata sabiex jiġi evitat riskju reali ta’ ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali protetti mill-Karta (jew biex jiġi evitat li ksur jiġi sussegwentement maħfur), li, jekk tali ħtieġa tiġi stabbilita, twassal għal eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE.

    37.

    Għalhekk, sabiex din ir-raġuni ssir rilevanti fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi ddeterminat li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn hija għandha l-obbligu li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun intbagħtet lilha u li tinforza l-piena imposta minn dik is-sentenza. Madankollu, mhux il-każijiet kollha li huma koperti minn dak l-istrument jagħtu lok għal tali obbligu.

    38.

    Fil-fatt, dak l-istrument jagħmel distinzjoni bejn diversi sitwazzjonijiet, skont ir-relazzjoni bejn il-persuna kkundannata kkonċernata u l-Istat Membru li lilu tkun intbagħtet it-talba għal rikonoxximent.

    39.

    Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-Istat Membru emittenti jista’ jindirizza talba f’dan is-sens biex: (a) l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata fejn hija j/tgħix; (b) l-Istat Membru taċ-ċittadinanza, li għalih, filwaqt li m’huwiex l-Istat Membru fejn hi tgħix, il-persuna sentenzjata ser tkun deportata, ladarba hu jew hi j/tkun skontat l-piena tiegħu/tagħha; jew (ċ) kwalunkwe Stat Membru “li l-awtorità kompetenti tiegħu tagħti kunsens biex is-sentenza u ċ-ċertifikat jiġu trażmessi lil dak l-Istat Membru”.

    40.

    Fi kliem ieħor, mentri l--ewwel żewġ xenarji joħolqu obbligu ta’ rikonoxximent tas-sentenza u ta’ eżekuzzjoni tal-piena inkwistjoni, it-tielet wieħed huwa suġġett għal kunsens li jista’ jingħata jew ma jingħatax. ( 19 ) Konsegwentement, dak it-tielet xenarju ma jinvolvix, fih innifsu, obbligu li tintlaqa’ talba mibgħuta f’dak is-sens.

    41.

    Id-digriet għar-rinviju fih informazzjoni li tispjega li MD huwa ċittadin tal-Istat Membru emittenti u residenti fl-Istat tal-eżekuzzjoni. Dik l-informazzjoni li tidher li tindika, suġġett għal verifikazzjoni mill-qorti tar-rinviju, li ma huwiex (ukoll) ċittadin ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, fil-fehma tiegħi, id-differenzjazzjoni stabbilita mill-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tibqax, fi kwalunkwe każ, rilevanti meta t-talba għal rikonoxximent tkun saret wara rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE. Fil-fatt, skont dik id-dispożizzjoni, kif diġà ġie indikat, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jirrifjuta li jeżegwixxi MAE jekk jimpenja ruħu li jeżegwixxi l-piena inkwistjoni ( 20 ).

    42.

    Mill-proċess nifhem li din tidher li hi is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ( 21 ) li hija ġeneralment riflessa fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li jipprovdi li “id-disposizzjonijiet ta’ [dak l-instrument] għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas [MAE], għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza l-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-[Deċiżjoni Qafas MAE]”.

    43.

    Jiena tal-fehma li, kieku l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kellu jkun awtorizzat jirrifjuta, skont l-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ir-rikonoxximent ta’ sentenza wara li jkun irrifjuta li jeżegwixxi MAE bbażat fuq l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, dan iwassal għal sitwazzjoni inkompatibbli ma’ dan l-aħħar strument ( 22 ). Għalhekk, inqis li meta t-talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ssir f’dan il-kuntest speċifiku, dan ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, anki jekk, inkella, is-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt ix-xenarju diskrezzjonali previst fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ( 23 ).

    44.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, jekk ir-raġuni għal rifjut mhux miktuba u eċċezzjonali msemmija iktar ’il fuq tapplikax għal dan l-istrument, u taħt liema kundizzjonijiet, għandha tiġi eżaminata f’iktar dettall.

    2. Fuq l-applikabbiltà tar-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

    45.

    Sabiex nevalwa dik id-domanda ser nibda billi nfakkar fl-osservazzjoni preċedenti tiegħi li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, bħad-Deċiżjoni Qafas MAE hija strument fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    46.

    It-tieni, kif diġà ġie osservat, bħad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, hija tinvoka l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa stess jirriżulta mill-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandu jkollhom fis-sistemi legali ta’ xulxin. Dik il-fiduċja reċiproka tirrikjedi li l-Istati Membri, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, iqisu li l-Istati Membri l-oħra kollha jikkonformaw mad-dritt tal-UE u d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mid-dritt tal-UE ( 24 ).

    47.

    It-tielet, huwa għalhekk li, bħala regola, meta dan l-istrument iqiegħed fuq l-awtorità ta’ eżekuzzjoni l-obbligu li jirrikonoxxi sentenza u jinforza sentenza, talba magħmula f’dan is-sens għandha tingħata skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għar-raġunijiet għal rifjut elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 9(1) ta’ dan l-istrument ( 25 ). Nifhem li l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma tapplika fil-kawża prinċipali ( 26 ).

    48.

    Madankollu, kif ġie aċċenat, il-fiduċja reċiproka ma tammontax għal fiduċja għamja ( 27 ). Id-dritt tal-Unjoni għandu dejjem jiġi interpretat f’konformità mal-Karta, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-applikazzjoni tagħha twassal għal riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fiha jew, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, meta l-applikazzjoni tagħha taċċetta ċerti sitwazzjonijiet li fihom tali ksur ikun diġà seħħ. Din l-idea taqa’ taħt il-klawżola ta’ "drittijiet fundamentali" prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li, bl-istess mod bħall-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, tindika li ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE ( 28 ).

    49.

    Isegwi li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li kieku l-eżekuzzjoni tal-MAE kellha twassal għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza adottata b’riżultat ta’ proċeduri kriminali li kienu affettwati minn nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti u, għal dik ir-raġuni, influwenzat b’mod tanġibbli l-immaniġġar tal-imsemmi każ kriminali li kien jirriżulta fl-aċċettazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ xieraq ( 29 ).

    50.

    Peress li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u d-Deċiżjoni Qafas tal-MAE joperaw fuq l-istess bażi ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li jistgħu jwasslu għal infurzar effettiv ta’ piena ta’ priġunerija, inqis li r-raġuni mhux miktuba li tippermetti r-rifjut eċċezzjonali ta’ talba mressqa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għandha tapplika fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ strumenti. Fil-fatt, l-operazzjoni prattika taż-żewġ istrumenti tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi deskritti f’termini ġenerali fil-punt preċedenti.

    51.

    Barra minn hekk, ix-xebh tal-karatteristiċi sottostanti ta’ dawk l-istrumenti jwassalni biex nikkunsidra li r-raġuni mhux miktuba inkwistjoni għandha tiġi applikata taħt l-istess kundizzjonijiet irrispettivament minn liema minn dawk iż-żewġ strumenti hija invokata. Dan ifisser li, kif suġġerit mill-gvernijiet Olandiż u Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ dan ir-raġuni għandha tkun fuq l-istess eżami f’żewġ stadji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE. Fil-fatt, b’mod simili għal dak li osservat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li, irrispettivament minn kemm jistgħu jkunu serji n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, is-sempliċi fatt li jeżistu ma jaffettwax neċessarjament kull deċiżjoni li l-qrati tal-Istat Membru kkonċernat jitwasslu li jadottaw f’kull każ partikolari ( 30 ).

    52.

    Dan huwa dak li jagħmel it-tieni pass individwalizzat tal-eżami meħtieġ skont id-Deċiżjoni Qafas tal-MAE u dan huwa wkoll dak li jagħmilha neċessarja fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    53.

    Din il-konstatazzjoni, fil-fehma tiegħi, la hija affettwata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) ( 31 ), u lanqas mill-assenza, fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE. Il-qorti tar-rinviju tinvoka dawn iż-żewġ elementi sabiex issostni l-fehma tagħha li l-applikazzjoni tal-ewwel stadju tal-eżami hija biżżejjed.

    54.

    Fir-rigward, l-ewwel, tal-OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat f’din is-sentenza, fil-qosor, liema rekwiżiti “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE għandhom jissodisfaw sabiex jitqiesu “indipendenti” u b’hekk ikunu jistgħu joħorġu MAEs li jistgħu jwasslu għall-effetti legali li d-dritt tal-Unjoni jorbot magħha. L-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi inkwistjoni ma ssodisfawx f’dawn il-każijiet dawn ir-rekwiżiti li skwalifikawhom mill-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE.

    55.

    B’reazzjoni għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha d-domanda dwar jekk il-konklużjoni li ntlaħqet f’dik il-kawża timplikax li, meta jiġu identifikati nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza ta’ ġudikatura, dawn in-nuqqasijiet jimplikaw li l-qrati kollha tal-Istat Membru affettwat jitilfu l-istatus tagħhom bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” li mbagħad ittaffi l-ħtieġa tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni li twettaq it-tieni stadju tal-eżami li huwa l-bażi tal-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba li tirrifjuta eċċezzjonalment li teżegwixxi MAE ( 32 ).

    56.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fin-negattiv. Hija spjegat li l-konklużjoni li ntlaħqet fis-sentenza OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u Zwickau) ma bbażatx ruħha fuq nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema nazzjonali kkonċernata, iżda fuq il-fatt li l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi inkwistjoni f’dik il-kawża kienu subordinati għall-eżekuttiv li seta’ jagħtihom struzzjonijiet dwar jekk MAE għandux jinħareġ f’każ partikolari jew le ( 33 ).

    57.

    Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li wasslu għall-iżvilupp tar-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE jinvolvu xenarju li fih MAE nħareġ minn qorti, li l-indipendenza strutturali tagħha mill-eżekuttiv ma għandhiex prima facie tiġi ddubitata minħabba li, preċiżament, hija qorti u mhux prosekutur pubbliku. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-premessa tista’ tiġi ttestjata biss fis-sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja bħala tali, li jqanqlu dubji dwar kif il-qrati li jagħmlu parti minn din is-sistema joperaw fil-fatt. Madankollu, minħabba li tali nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati jista’ jkollhom impatt differenti fil-ġudikatura inkwistjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mhux biss li jeżistu (l-ewwel pass) iżda wkoll li jistgħu jaffettwaw, jew diġà affettwaw, il-każ partikolari inkwistjoni (it-tieni pass).

    58.

    Fil-fehma tiegħi għandu japplika l-istess raġunament, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. It-tħaddim ta’ dan l-istrument jiddependi fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri li l-indipendenza tagħhom ma tistax tkun iddubitata`, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Billi, kif diġà ġie osservat, dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jista’ jkollhom impatt differenzjat fil-ġudikatura tal-Istat emittenti affettwat, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi speċifiċi tagħhom, għall-każ individwali.

    59.

    It-tieni, u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, il-konklużjoni dwar l-applikabbiltà taż-żewġ stadji tal-eżami ma hijiex affettwata mill-assenza fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE. Din il-premessa tindika li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-MAE “tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji msemmija fl-[Artikolu 2 TUE]” u b’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE.

    60.

    Huwa minnu li, fis-sentenza tagħha Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq din il-premessa, sabiex tiddikjara li t-tieni stadju tal-eżami ma għandux jitwettaq jekk il-Kunsill kellu jissospendi d-Deċiżjoni Qafas tal-MAE fir-rigward tal-Istat Membru partikolari bħala riżultat tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7(2) TUE. ( 34 )

    61.

    Madankollu, ma jirriżultax li l-assenza ta’ dispożizzjoni fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li tirreferi għal dik il-proċedura tfisser li dik il-proċedura tista’ tiġi ssostitwita b’deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali.

    62.

    Fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċara ħafna meta ddikjarat li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tieni stadju tal-eżami jwassal għal esklużjoni ġenerali (inaċċettabbli) tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku għad-deċiżjonijiet adottati mill-qrati tal-Istat Membru partikolari ( 35 ).

    63.

    Jiena tal-fehma li l-istess osservazzjoni tgħodd fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Kif osservat ukoll fil-prinċipju mill-Gvern Olandiż u dak Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ riferiment espress, f’tali att tal-liġi sekondarja, għall-mekkaniżmu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7(2) TUE ma jbiddilx il-fatt li s-sospensjoni ġenerali tal-funzjonament tiegħu fir-rigward ta’ Stat Membru partikolari tista’ tirriżulta biss minn dan il-mekkaniżmu.

    64.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-inċertezza tal-qorti tar-rinviju dwar jekk l-ewwel pass tal-eżami għandux jitwettaq mill-qrati nazzjonali, jew jekk hijiex kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni riżervata għall-Qorti tal-Ġustizzja, nirrikonoxxi bis-sħiħ it-tħassib tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-importanza ta’ din id-determinazzjoni. Madankollu, fir-rigward tas-suġġeriment tal-qorti tar-rinviju (kif riflessa iktar fil-formulazzjoni tar-raba’ domanda riferita) ( 36 ) li tali determinazzjoni għandha ssir b’mod uniformi sabiex tiġi evitata n-nuqqas ta’ sigurtà legali fl-Unjoni, nosserva li tali determinazzjoni uniformi tista’ tirriżulta biss mill-proċedura bbażata fuq l-Artikolu 7(2) TUE, imsemmija iktar ’il fuq, li, minn naħa tagħha, twassal għas-sospensjoni tal-funzjonament tal-istrument inkwistjoni fil-konfront tal-Istat Membru partikolari. Fin-nuqqas ta’ tali determinazzjoni, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tkompli tapplika. Madankollu, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, inqis li l-klawżola dwar id-drittijiet fundamentali tal-Artikolu 3(4) tagħha tipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni l-possibbiltà, u tabilħaqq obbligu, li tipprevjeni l-għoti ta’ ksur preċedenti tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq billi tirrifjuta eċċezzjonalment li tirrikonoxxi sentenza u tinforza sentenza, taħt il-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq fil-preżenti Konklużjonijiet.

    65.

    F’dan ir-rigward, nosserva wkoll li, għalkemm il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġi traspost ir-raġuni mhux miktuba għar-rifjut eċċezzjonali tal-eżekuzzjoni ta’ MAE għad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom tapplika, hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi fir-risposta għal domanda magħmula lilha skont l-Artikolu 267 TFUE, id-determinazzjoni dwar jekk dan ir-raġuni għandhiex tiġi skattata f’każ partikolari tiddependi miċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni u tikkostitwixxi kwistjoni ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali biss ( 37 ). Dan huwa minnu, mhux biss fir-rigward tat-tieni stadju tal-eżami li huwa kkonċernat biċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari, iżda wkoll fir-rigward tal-ewwel pass kkonċernat bid-determinazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqasijiet ġenerali jew sistemiċi f’dak li għandu x’jaqsam, f’dan il-każ, mal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti. Skont din il-premessa inizjali, il-ġurisprudenza msemmija f’dawn il-konklużjonijiet kollha kkonċernati mid-Deċiżjoni Qafas tal-MAE tipprovdi lill-qorti nazzjonali gwida dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. ( 38 )

    66.

    Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, b’hekk nikkonkludi li l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjonijiet fejn dan l-istrument jimponi fuq l-awtorità ta’ eżekuzzjoni l-obbligu li tirrikonoxxi sentenza u tinforza sentenza, u fejn, l-ewwel, din l-awtorità jkollha provi ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, hija tista’ tirrifjuta tali rikonoxximent u infurzar biss jekk, it-tieni, tikkonkludi li, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li, fid-dawl, inter alia, tal-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-persuna sentenzjata kkonċernata, relatata mal-mod li bih il-każ kriminali tiegħu jew tagħha ġie kondott, kien hemm ksur tad-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal smigħ xieraq, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    D.   Ir-referenza rilevanti tal-perijodu ta’ żmien

    67.

    Għad irid jiġi stabbilit x’inhu l-punt rilevanti fiż-żmien li b’referenza għalih għandha tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba msemmija hawn fuq u li b’referenza għaliha għandu jsir l-eżami f’żewġ stadji diskuss f’dan il-każ.

    68.

    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni li tqum speċifikament hija jekk dak il-punt fiż-żmien huwiex, l-ewwel, jew fl-adozzjoni tas-sentenza inizjali li permezz tagħha ġiet imposta piena ta’ priġunerija fuq MD, jew jekk jistax, it-tieni, ikun ukoll iż-żmien meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza kienet revokata jew, jekk dan jinkludix, it-tielet, il-punt fiż-żmien li fih il-qorti tar-rinviju tintalab tiddeċiedi dwar it-talba għall-eżekuzzjoni tal-piena inkwistjoni.

    69.

    Nosserva li r-rilevanza tal-ewwel punt fiż-żmien identifikat mill-qorti tar-rinviju ma tqajjem l-ebda tħassib partikolari. Nifhem li, f’dak il-mument, il-piena ta’ kustodja inkwistjoni ġiet imposta fuq MD wara proċess li fih ġiet ivvalutata l-ħtija ta’ MD. Tali proċedura għandha toffri b’mod ċar il-garanziji proċedurali xierqa, inkluż id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, kif il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk jissottomettu wkoll, l-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju għandha loġikament tirreferi għas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru emittenti fiż-żmien ta’ dawn il-proċeduri sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn seħħewx fi sfond ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti u jekk, barra minn hekk, dawk in-nuqqasijiet affettwaw b’mod tanġibbli d-dritt fundamentali ta’ MD għal smigħ ġust.

    70.

    Jekk il-qorti nazzjonali tqis li l-eżami f’żewġ stadji jipproduċi risposta fl-affermattiv, jiena tal-fehma li, kif tissuġġerixxi wkoll il-Kummissjoni, l-eżami ta’ kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti adottata wara s-sentenza inizjali ssir żejda minħabba li l-possibbiltà li jiġu rikonoxxuti u infurzati tiddependi mill-possibbiltà li tiġi rikonoxxuta u infurzata s-sentenza inizjali.

    71.

    Madankollu, jekk l-evalwazzjoni mwettqa fir-rigward tas-sentenza inizjali tħalli miftuħa l-possibbiltà li tiġi rikonoxxuta u infurzata, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba inkwistjoni tistax issir b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru emittenti meta ġiet adottata l-ordni ta’ revoka (it-tieni punt ta’ żmien identifikat fil-punt 68 iktar ’il fuq).

    72.

    Dwar din il-kwistjoni, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni għandhom opinjonijiet diverġenti. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li dak il-punt fiż-żmien huwa rilevanti (għalkemm fuq bażi sussidjarja, li spjegajt fil-punti 70 u 71 hawn fuq), il-Gvern Pollakk jargumenta l-kuntrarju.

    73.

    Naqbel, fil-prinċipju, mal-Kummissjoni, għalkemm dik l-osservazzjoni ser tiġi sfumata iktar ’il quddiem.

    74.

    Insostenn tal-argument tiegħu dwar in-nuqqas ta’ rilevanza tat-tieni punt fiż-żmien identifikat iktar ’il fuq, il-Gvern Pollakk jgħid li l-ordni ta’ revoka ma tissodisfax id-definizzjoni ta’ “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-instrument.

    75.

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tapplika, skont l-Artikolu 3(3) tagħha “biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi […]fis-sens ta’ [dik id-deċiżjoni qafas]”. L-Artikolu 1(a) fl-istess qafas jiddefinixxi “sentenza” bħala deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat [Membru] emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika”. Huwa wkoll minnu li l-piena inkwistjoni ġiet imposta fuq MD permezz tas-sentenza inizjali filwaqt li d-digriet sussegwenti “sempliċement” irrevoka s-sospensjoni inizjali tal-eżekuzzjoni tagħha.

    76.

    Madankollu, din l-osservazzjoni ma tfissirx, fil-fehma tiegħi, li dan id-digriet ma huwiex rilevanti għall-funzjonament tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    77.

    Ninnota, bi qbil mal-Kummissjoni li, f’dan il-każ, is-sentenza inizjali tista’ twassal għall-applikazzjoni speċifika tas-sistema ta’ rikonoxximent tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, biss meta s-sospensjoni inizjali tal-eżekuzzjoni tal-piena tkun ġiet revokata mid-digriet kontenzjuż minħabba li, qabel l-adozzjoni tagħha, MD ma kellhiex l-obbligu li tibda tiskonta l-piena imposta fuqu. Għalhekk, huwa dan id-digriet (ikkunsidrat flimkien mas-sentenza inizjali) li fil-prinċipju jwassal, għas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet applikabbli, għall-obbligu tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tinforza l-piena imposta. Illi, fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed li ma jiġix eskluż, tal-inqas f’dan l-istadju tal-analiżi, ir-rilevanza tat-tieni mument fiż-żmien identifikat fil-punt 68 iktar ’il fuq għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni tar-raġuni mhux miktuba għal rifjut eċċezzjonali li tingħata talba magħmula skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    78.

    Minkejja dan, il-Gvern Pollakk jargumenta wkoll li l-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru emittenti f’tali mument hija irrilevanti minħabba li l-ordni ta’ revoka la mmodifikat in-natura, u lanqas il-quantum tal-piena imposta. Dan jagħmel il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni, fil-qosor, superfluwa. Il-Gvern Pollakk spjega wkoll li r-regoli nazzjonali applikabbli jagħmlu r-revoka tas-sospensjoni obbligatorja meta l-persuna kkonċernata wettqet reat intenzjonata matul il-perijodu ta’ prova ( 39 ) u li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali ma tgawdi l-ebda diskrezzjoni u għandha tirrevoka s-sospensjoni tal-piena.

    79.

    Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ippreżentata b’sitwazzjoni kemxejn simili f’Ardic. ( 40 ) F’dak il-każ, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ġiet revokata minħabba li l-persuna kkonċernata ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet ta’ probation. Din il-persuna pparteċipat fil-kawża, u laħqet il-qofol tagħha fis-sentenza li timponi piena ta’ priġunerija, iżda ma ħaditx sehem fil-proċedimenti sussegwenti li fihom is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dik il-piena ġiet revokata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina jekk l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni ta’ revoka sussegwenti jistax, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxi raġuni għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE, skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE.

    80.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet risposta negattiva u spjegat li l-eżami ta’ din ir-raġuni għal rifjut jista’ jirrigwarda biss deċiżjoni, li tirriżulta minn proċeduri (miżmuma in absentia), li tiddeċiedi definittivament dwar il-ħtija u, jekk ikun il-każ, dwar il-piena ta’ priġunerija. Min-naħa l-oħra, din ir-raġuni ma tikkonċernax deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni jew l-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, ħlief meta timmodifika jew in-natura jew il-quantum ta’ dik il-piena u l-awtorità li adottatha kellha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward ( 41 ).

    81.

    Mill-proċess jirriżulta li, id-digriet ta’ revoka inkwistjoni f’dan il-każ la jimmodifika n-natura, u lanqas il-quantum, tal-piena imposta. Barra minn hekk, u bla ħsara għal verifika tal-qorti tar-rinviju, il-Gvern Pollakk spjega li l-qorti nazzjonali ma kellha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-adozzjoni tagħha jew le.

    82.

    Fil-fehma tiegħi, madankollu, minn dawk l-elementi dan ma jfissirx li ċ-ċirkustanzi fl-Istat Membru emittenti li wasslu għal din ir-revoka ssir neċessarjament irrilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk tapplikax in casu r-raġuni mhux miktuba għar-rifjut eċċezzjonali li tiġi rikonoxxuta sentenza u li tiġi infurzata piena. Ir-raġuni għal dan hija li l-persuna kkonċernata tista’ tipprovdi elementi biex tindika li ċ-ċirkustanza deċiżiva li waslet għar-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza kienet konsegwenza tanġibbli tan-nuqqasijiet iġġeneralizzati jew sistematiċi msemmija iktar ’il fuq.

    83.

    B’dan f’moħħna, ma hemmx tali elementi speċifiċi fid-digriet għar-rinviju, lanqas ma hija speċifikata hemm eżattament x’kienet iċ-ċirkustanzi deċiżiva li waslet għall-adozzjoni tad-digriet tar-revoka inkwistjoni.

    84.

    F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet li jwasslu għad-deċiżjoni biex tiġi revokata sospensjoni ta’ piena jistgħu jkunu diversi u jiddependu fuq il-liġi nazzjonali applikabbli. Nifhem mill-ispjegazzjoni pprovduta mill-Gvern Pollakk, kif deskritt fil-punt 78 iktar ’il fuq, li l-adozzjoni ta’ digriet ta’ revoka, bħal dak inkwistjoni huwa konsegwenza awtomatika ta’ reat ġdid li qed jitwettaq.

    85.

    F’dawk il-kundizzjonijiet, għandu jkun stabbilit li r-revoka tas-sospensjoni inkwistjoni rriżultat awtomatikament mill-piena kriminali l-ġdida ta’ MD. Inqis, kif il-Kummissjoni targumenta wkoll fil-prinċipju, li ċ-ċirkustanzi li fihom seħħet il-piena (u għalhekk iż-żmien ta’ dik il-piena kriminali l-ġdida) jsiru rilevanti għall-applikazzjoni sussidjarja tar-raġuni mhux miktuba u eċċezzjonali inkwistjoni fejn il-provi li ġew prodotti quddiem l-awtorità eżekuttiva tistieden tali approċċ.

    86.

    Tabilħaqq, għandu jkun stabbilit li n-nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jaffettwaw il-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti kellha impatt tanġibbli fuq id-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ xieraq fi proċeduri ġodda li fihom huwa jew hija nstabet ħatja ta’ reat kriminali ġdid, din il-konstatazzjoni neċessarjament tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tar-revoka sussegwenti għall-fini tas-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar skond id-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dan għaliex, mingħajr tali kundanna kriminali ġdida, ir-revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ma kinitx isseħħ ( 42 ).

    87.

    B’kuntrast, fir-rigward finalment tat-tielet punt fiż-żmien imsemmi fil-punt 68 iktar ’il fuq, jiġifieri l-punt taż-żmien li fih l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tintalab tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena, bħall-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, ma narax ir-rilevanza tagħha għall-fini tal-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba inkwistjoni peress li s-sitwazzjoni fl-Istat Membru emittenti f’dak iż-żmien ma tistax taffettwa retrospettivament il-proċedimenti kriminali li diġà ngħalqu hemmhekk ( 43 ).

    88.

    Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nikkonkludi li, meta talba għal rikonoxximent u eżekuzzjoni skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonċerna sentenza li permezz tagħha tkun ġiet imposta piena ta’ priġunerija, u li l-eżekuzzjoni tagħha – inizjalment sospiża – ġiet sussegwentement ordnata mingħajr in-natura jew il-quantum ta’ dik is-sentenza ma tiġi mmodifikata, l-applikazzjoni tar-raġuni mhux miktuba għar-rifjut eċċezzjonali ta’ rikonoxximent ta’ sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena kif deskritta ’iktar ’il fuq fil-punt 66 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, għandha tiġi kkunsidrata, u l-eżami f’żewġ stadji li fuqu hija tinvoka, b’referenza għall-punt fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza inizjali li timponi l-piena ta’ priġunerija. Jekk dan l-eżami ma jwassalx għall-konklużjoni li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni għandhom jiġu miċħuda, l-istess eżami għandu jsir, fejn il-prova quddiem l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistieden tali approċċ, b’referenza għall-punt fiż-żmien meta ċ-ċirkustanza deċiżiva li kkawżat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li għandha tiġi rrevokata seħħet.

    V. Konklużjoni

    89.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Aachen (il-Qorti Reġjonali ta’ Aachen, il-Ġermanja) kif ġej:

    L-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li f’sitwazzjonijiet fejn dik id-deċiżjoni qafas tqiegħed obbligu fuq l-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrikonoxxi sentenza u tinforza l-piena, u fejn, l-ewwel, dik l-awtorità jkollha evidenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, hija tista’ tirrifjuta tali rikonoxximent u infurzar biss meta, it-tieni, hija tikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl, inter alia, tal-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-persuna sentenzjata kkonċernata, dwar il-mod li bih l-każ kriminali tagħha ġie kondott, kien hemm ksur tad-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal smigħ xieraq, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Meta t-talba għar-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonċerna sentenza li permezz tagħha tkun ġiet imposta piena ta’ priġunerija, u li l-eżekuzzjoni tagħha – inizjalment sospiża – ġiet sussegwentement ordnata mingħajr ma nbidlet in-natura jew il-quantum ta’ dik is-sentenza, l-eżami f’żewġ stadji msemmi hawn fuq għandu jsir b’referenza għall-punt fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza inizjali li timponi l-piena ta’ priġunerija. Jekk dak l-eżami ma jwassalx għall-konklużjoni li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni għandhom jiġu rrifjutati, l-istess eżami għandu jitwettaq, fejn il-provi quddiem l-awtorità tal-Istat Membru emittenti jistiednu tali approċċ, b’referenza għall-punt fiż-żmien meta ċ-ċirkustanzi deċiżiva li kkawżat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li għandha tiġi revokata seħħet.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà għall-finijiet tal-infurzar tagħhom fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”).

    ( 3 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34 u rettifika fil-ĠU 2009. L 17, p. 45)), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas tal-MAE”).

    ( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586; “sentenza fil-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja)”).

    ( 5 ) Id-digriet għar-rinviju jistipula li d-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-punt 2 tal-Artikolu 83b(2) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (Liġi dwar l-assistenza reċiproka internazzjonali f’materji kriminali). Għalhekk jidher, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni, li s-sitwazzjoni kurrenti hija dik li taqa’ taħt l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE. Dik id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, meta l-persuna rikjesta tkun qed toqgħod fi, jew tkun ċittadina jew residenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u dak l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi l-piena skont il-liġi domestika tiegħu.

    ( 6 ) Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, (COM(2017) 835 finali).

    ( 7 ) Sentenzi fil-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja); tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924); tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982); tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153); tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596); u tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931), kif ukoll il-Kawża pendenti C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja.

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, l-Konklużjonijiet 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Tribunal stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 4041 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; “is-sentenza Openbaar Ministerie (Tribunal stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti)”).

    ( 10 ) Fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ara, f’dan is-sens, il-premessa 5 tagħha u l-Avviż tal-Kummissjoni – Manwal dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati u ta’ pieni ta’ kustodja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 403, p. 2), punt 1.2.

    ( 11 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198; “is-sentenza Aranyosi u Căldăraru”).

    ( 12 ) Previst fl-Artikolu 4 tal-Karta.

    ( 13 ) Kif previst fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE.

    ( 14 ) Sentenza f’Aranyosi u Căldăraru, punti 94 u 104. Ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857).

    ( 15 ) Sentenza fil-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) [traduzzjoni mhux uffiċjali], paragrafi 61 u 68.

    ( 16 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, b’mod partikolari l-punti 60 u 61, iktar ’il quddiem “is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti)”).

    ( 17 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Tribunal stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) [traduzzjoni mhux uffiċjali], punt 66.

    ( 18 ) Ibid., punti 83, 86 u 102. Kif josserva l-Gvern Olandiż, dik is-sentenza ngħatat wara li d-deċiżjoni tar-rinviju f’dan il-każ saret fit‑30 ta’ Diċembru 2021. Ara, madankollu, ukoll is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, punt 68.

    ( 19 ) Kif spjegat ukoll fl-Avviż tal-Kummissjoni – Manwal dwar it-trasferiment ta’ persuni ssentenzjati u l-pieni ta’ kustodja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 403, p. 2), “Manwal dwar it-trasferiment”, punt 2.3.4. u 2.5. Madankollu, skont l-Artikolu 4(7) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għar-rekwiżit tal-kunsens tagħhom fis-sitwazzjonijiet deskritti f’dik id-dispożizzjoni.

    ( 20 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE huwa l-istess bħall-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 espress fl-Artikolu 3(1) tagħha, jiġifieri li tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni soċjali tal-persuni sentenzjati. Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Ara hawn fuq, il-punt 11 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

    ( 22 ) Dan il-qari huwa kkonfermat mill-istruttura tal-formola standard prevista fl-Anness I tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li għandha tintbagħat lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni flimkien mas-sentenza li għandha tiġi rrikonoxxuta. Il-“Kaxxa” (g) ta’ din il-formola teżiġi li l-awtorità emittenti tindika liema mix-xenarji previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif deskritt fil-punt 39 tal-preżenti konklużjonijiet, japplikaw. Fl-istess ħin, huwa ddikjarat li tali indikazzjoni ma għadhiex meħtieġa meta l-awtorità emittenti tikkonferma, billi “timmarka” l-Kaxxa (f), li t-talba tikkostitwixxi segwitu tas-sitwazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE.

    ( 23 ) Ara hawn fuq, il-punt 39.

    ( 24 ) Ara hawn fuq, noti ta’ qiegħ il-paġna 8 u 9.

    ( 25 ) Fi kliem ieħor, filwaqt li l-obbligu li tiġi eżegwita hija r-regola, id-deċiżjoni li ma tkunx hija eċċezzjoni. Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, ara, iktar reċentement, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, LU u PH (tneħħija tas-sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, iktar ’il quddiem is-sentenza LU u PH, punti 4777 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Mill-fehma tiegħi, il-fatt li l-proċess ta’ MD sar in absentia ma kienx rilevanti meta l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li ma jeżegwixxux il-MAE, u lanqas ma huwa rilevanti f’dan il-każ fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent ta’ sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena jistgħu jiġu rrifjutati f’tali sitwazzjoni skont l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    ( 27 ) Ara Lenaerts, K. “La vie après l’avis: exploring the principle of mutual (yet not blind) trust”, Common Market Law Review, Vol. 54, Nru. 3, 2017, p. 805 sa 840, u Mitsilegas, V., “Mutual Recognition and Fundamental Rights in EU Criminal Law”, f’Iglesias Sánchez, S. u González Pascual, M., Fundamental Rights in the EU Area of Freedom, Security and Justice, Cambridge University Press, 2021, pp. 253 sa 271, esp. pp. 270 u 271.

    ( 28 ) Ara wkoll il-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909..

    ( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Openbaar Ministerie (tribunal stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), punti 83, 86 u 102 u Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), punt 68.

    ( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), punt 42.

    ( 31 ) Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456).

    ( 32 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), punt 33.

    ( 33 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), punti 48 u 50.

    ( 34 ) Sentenza fil-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja), punti 70 sa 72.

    ( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), punt 43.

    ( 36 ) Ninnota li r-raba’ domanda ssir biss fuq bażi sussidjarja, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domandi fis-sens li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta t-talba għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni permezz tar-riferiment (uniku) għall-eżistenza tan-nuqqasijiet sistemiċi jew ġenerali (għaliex, kif nifhem ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju, din l-evalwazzjoni ma tidhirx li tkun għal qorti nazzjonali, iżda pjuttost għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmilha).

    ( 37 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 75 u fil-ġurisprudenza ċċitata), u, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management and Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Openbaar Ministerie (Tribunal stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti, punti 78 sa 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Skont il-Gvern Pollakk, dan jirriżulta mill-Artikolu 75 tal-ustawa z dnia 6 czerwca 1997 r. – Kodeks karny (Liġi tas‑6 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Kodiċi Kriminali).

    ( 40 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026; “is-sentenza f’Ardic”)).

    ( 41 ) Ara wkoll is-sentenza LU u PH, punt 53.

    ( 42 ) Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza LU u PH, punti 65 sa 68 u 70 li ssostni li l-kundanna kriminali mogħtija in absentia u li mingħajrha s-sospensjoni tal-pieni ta’ priġunerija għall-eżekuzzjoni li tagħha l-MAE kienet emessa f’dik il-kawża ma kinitx tiġi revokata hija parti minn “proċess li jirriżulta f’deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE.

    ( 43 ) Inżid ngħid li, għall-kuntrarju tas-sistema tad-Deċiżjoni Qafas tal-MAE, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tinvolvix it-trasferiment tal-persuna sentenzjata mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal dik emittenti iżda l-oppost jew ma tinvolvi l-ebda trasferiment meta l-persuna kkonċernata, bħal MD, tkun diġà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    Top