This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0814
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 11 January 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-11 ta’ Jannar 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-11 ta’ Jannar 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:15
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)
Kawża C‑814/21
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika tal‑Polonja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 22 TFUE – Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat – Ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma għandhom in-nazzjonalità Pollakka – Assenza ta’ dritt ta’ sħubija f’partit politiku – Kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti għaċ-ċittadini – Artikolu 10 TUE – Prinċipju ta’ demokrazija – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 12, 39 u 40 – Ġustifikazzjoni – Artikolu 4(2) TUE”
Werrej
I. Introduzzjoni
II. Ilkuntest ġuridiku
A. Iddritt talUnjoni
1. ItTrattat FUE
2. IlKarta
3. IdDirettiva 93/109/KE
4. Id-Direttiva 94/80/KE
B. Iddritt Pollakk
1. IlLiġi dwar ilPartiti Politiċi
2. IlKodiċi Elettorali
3. IlLiġi dwar ixXandir
4. IlLiġi dwar lAssoċjazzjonijiet
III. Ilproċedura prekontenzjuża
IV. Ittalbiet talpartijiet
V. Analiżi
A. Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mirRepubblika Ċeka
1. Argumenti talpartijiet
2. Evalwazzjoni
B. Fuq ilmertu
1. Argumenti talpartijiet
a) IlKummissjoni
1) Fuq ilfondatezza tarrikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
2) Fuq leżerċizzju millIstati Membri talkompetenza tagħhom
b) IrRepubblika talPolonja
1) Ilformulazzjoni talArtikolu 22 TFUE ma tagħtix iddritt ta’ sħubija f’partit politiku
2) Irrestrizzjoni tassħubija f’partit politiku hija ġġustifikata millgħan li tiġi limitata lisfera ta’ influwenza taċċittadini “mobbli” talUnjoni fuq ilħajja politika nazzjonali
3) Ilkandidati mhux imsieħba f’partit politiku ma humiex speċjalment żvantaġġati meta mqabbla malimsieħba
c) Largumenti partikolari tarRepubblika Ċeka, intervenjenti, u losservazzjonijiet bi tweġiba talKummissjoni
1) Fuq ilportata talArtikolu 22 TFUE
i) Largumenti tarRepubblika Ċeka
ii) Losservazzjonijiet talKummissjoni
2) Fuq ilbażi legali applikabbli
i) Largumenti tarRepubblika Ċeka
ii) Losservazzjonijiet talKummissjoni
3) Fuq ilprova tannuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat
i) Largumenti tarRepubblika Ċeka
ii) Losservazzjonijiet talKummissjoni
4) Fuq illimitazzjoni tależerċizzju taddrittijiet mogħtija millArtikolu 22 TFUE
i) Largumenti tarRepubblika Ċeka
ii) Losservazzjonijiet talKummissjoni
5) Fuq issitwazzjoni flIstati Membru loħra
i) Largumenti tarRepubblika Ċeka
ii) Losservazzjonijiet talKummissjoni
2. Evalwazzjoni
a) Fuq ilportata talArtikolu 22 TFUE
b) Fuq leżistenza ta’ limitazzjoni tależerċizzju taddrittijiet elettorali
c) Fuq ilġustifikazzjoni tarrestrizzjoni tassħubija f’partit politiku
VI. Fuq lispejjeż
VII. Konklużjoni
I. Introduzzjoni
1. Permezz tar-rikors tagħha eżerċitat skont l-Artikolu 258 TFUE u bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar għar-raġuni li, essenzjalment, billi ma tatx id-dritt li jkunu membri ta’ partit politiku liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma għandhomx nazzjonalità Pollakka, iżda li jirrisjedu fit-territorju tagħha (2), l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew huma inqas minn dawk taċ-ċittadini Pollakki (3).
2. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom l-opinjoni tar-Repubblika tal-Polonja li għandu jsir biss qari litterali tal-Artikolu 22 TFUE, fis-sens li huwa jirregola biss il-kundizzjonijiet legali ta’ kandidatura, ma tistax tiġi adottata u li, għall-kuntrarju, l-analiżi kuntestwali u teleoloġika tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq il-preġudizzju għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kandidatura, sostnut mill-Kummissjoni, huwa fondat.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. It‑Trattat FUE
3. L-Artikolu 20 TFUE huwa fformulat kif ġej:
“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.
2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:
[…]
b) id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat;
[…]
Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”
4. L-Artikolu 22 TFUE jipprovdi:
“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.
2. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223[(1)] u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.”
2. Il‑Karta
5. L-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), intitolat “Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma’ oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta’ l-interessi tagħha.
2. Il-partiti politiċi fil-livell ta’ l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.”
3. Id‑Direttiva 93/109/KE
6. Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas‑6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (5), tistabbilixxi fir-raba’ premessa tagħha:
“Billi l-Artikolu 8b (2) tat-Trattat KE huwa biss dwar il-possibbilità li jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 138(3) tat-Trattat KE, li jipprovdi għat-twaqqif ta’ proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha għal dawn l-elezzjonijiet;
Billi essenzjalment ifittex li jabolixxi l-ħtieġa tan-nazzjonalità li bħalissa teżisti fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri sabiex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet”.
7. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva tipprovdi l-arranġamenti dettaljati li bihom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu m’humiex ċittadini jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot u għall-Kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.”
4. Id‑Direttiva 94/80/KE
8. Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad‑19 ta’ Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini ta’ l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (6), tistabbilixxi, fil-ħames premessa tagħha:
“Billi l-iskop ta’ l-Artikolu 8b (1) huwa li jassigura illi ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini ta’ l-Istati Membri fejn joqogħdu u kemm jekk mhumiex, jistgħu jeżerċitaw f’dak l-Istat id-dritt tagħhom tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali taħt l-istess kondizzjonijiet; billi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni mhux ċittadini, inklużi dawk dwar il-perijodu u l-prova ta’ residenza, għandhom għalhekk ikunu identiċi għal dawk, jekk hemm, li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru kkonċernat; billi persuni li mhumiex ċittadini m’għandhomx ikunu meħtieġa li jimxu ma’ kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali sakemm, bħala eċċezzjoni, trattament differenti bejn ċittadini u dawk li mhumiex tkun ġustifikata b’ċirkustanzi speċifiċi għal dawn ta’ l-aħħar li jiddistingwuhom minn dawk ta’ l-ewwel”.
9. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom ċittadini ta’ l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini tiegħu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joqogħdu bħala kandidati hemmhekk f’elezzjonijiet muniċipali.”
B. Id‑dritt Pollakk
1. Il‑Liġi dwar il‑Partiti Politiċi
10. L-Artikolu 2(1) tal-ustawa o partiach politycznych (il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi) (7) tas‑27 ta’ Ġunju 1997, jipprevedi:
“Iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Polonja li għandhom tal-inqas 18-il sena jistgħu jkunu membri ta’ partit politiku.”
11. L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jipprovdi:
“L-aċċess għall-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni huwa ggarantit għall-partiti politiċi skont ir-regoli stabbiliti f’liġijiet distinti.”
12. L-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:
“1. Il-patrimonju tal-partiti politiċi joriġina minn kontribuzzjonijiet tal-imsieħba tagħhom, donazzjonijiet, suċċessjonijiet jew legati, dħul mill-proprjetà kif ukoll għotjiet u sussidji previsti mil-liġi.
2. Il-patrimonju tal-partiti politiċi jista’ jintuża biss għal finijiet stabbiliti fl-istatuti jew għal finijiet karitattivi.
[…]
4. Partit politiku ma jistax jagħmel dħul mill-patrimonju tiegħu ħlief għal dak li jirrigwarda:
1) l-interessi fuq il-fondi miżmuma f’kontijiet bankarji u kontijiet fissi;
2) in-negozjar ta’ obbligi tas-Skarbu Państwa [(it-Teżor Pubbliku, il-Polonja)] u ta’ bonds tat-Teżor Pubbliku;
3) it-trasferiment ta’ attiv;
[…]”
13. L-Artikolu 28(1) tal-istess liġi jipprevedi:
“Partit politiku li:
1) jkun ikkostitwixxa l-kumitat elettorali tiegħu fid-dawl ta’ elezzjonijiet tas-Sejm [(id-Diet, il-Polonja)] u jkun ġabar, fil-livell nazzjonali, tal-inqas 3 % tal-voti validi favur il-lista kostitwenti ta’ kandidati tiegħu għall-kariga ta’ deputat jew
2) ikun ingħaqad f’koalizzjoni elettorali fid-dawl ta’ elezzjonijiet tad-Diet, li l-listi kostitwenti ta’ kandidati tagħhom għall-kariga ta’ deputat ikunu ġabru, fil-livell nazzjonali, tal-inqas 6 % tal-voti validi,
għandu dritt jibbenefika, matul il-leġiżlatura u skont il-modalitajiet u r-regoli stabbiliti f’din il-liġi, minn sussidju ffinanzjat mill-baġit tal-Istat […] għat-twettiq tal-attivitajiet statutorji tiegħu.
[…]”
14. L-Artikolu 36(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi jistabbilixxi:
“Il-fond elettorali tal-partit politiku jista’ jiġi kkostitwit minn ħlasijiet mwettqa minnu, kif ukoll minn donazzjonijiet, suċċessjonijiet u legati.”
2. Il‑Kodiċi Elettorali
15. L-Artikolu 84 tal-ustawa Kodeks wyborczy (il-Liġi dwar il-Kodiċi Elettorali) (8) tal‑5 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Elettorali”), jipprovdi:
“1. Id-dritt ta’ nomina ta’ kandidati għal elezzjoni jappartjeni lill-kumitati elettorali. Il-kumitati elettorali jeżerċitaw ukoll attivitajiet elettorali oħra u b’mod partikolari, abbażi tal-prinċipju ta’ esklużività, imexxu l-kampanja elettorali għan-nom tal-kandidati.
2. Waqt l-elezzjonijiet tad-Diet u s-Senat u waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fir-Repubblika tal-Polonja, il-kumitati elettorali jistgħu jiġu kkostitwiti mill-partiti politiċi u mill-koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi kif ukoll mill-votanti.
[…]
4. Waqt elezzjonijiet għall-korpi rappreżentattivi ta’ awtoritajiet territorjali kif ukoll elezzjonijiet ta’ sindki, il-kumitati elettorali jistgħu jiġu kkostitwiti mill-partiti politiċi u l-koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi, minn assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet soċjali (iktar ’il quddiem l-‘organizzazzjonijiet’), kif ukoll mill-votanti.”
16. L-Artikolu 87(1) u (2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:
“1. Il-partiti politiċi jistgħu jifformaw koalizzjoni elettorali sabiex jinnominaw kandidati komuni. Partit politiku jista’ jappartjeni għal koalizzjoni elettorali waħda biss.
2. L-attivitajiet elettorali għan-nom ta’ koalizzjoni elettorali jitmexxew minn kumitat elettorali tal-koalizzjoni kkostitwit mill-korpi tal-partiti politiċi awtorizzati biex jirrappreżentaw lil kull partit vis-à-vis il-pubbliku.”
17. L-Artikolu 89(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:
“Tal-inqas ħmistax-il ċittadin li għandu d-dritt tal-vot, jistgħu jifformaw kumitat elettorali ta’ votanti.”
18. L-Artikolu 117(1) tal-istess kodiċi jipprevedi:
“Il-kumitati elettorali li l-kandidati tagħhom kienu rreġistrati, għandhom id-dritt, sa mill‑15-il jum ta’ qabel id-data ta’ votazzjoni sad-data tal-għeluq tal-kampanja elettorali, jippreżentaw mingħajr ħlas il-programmi elettorali tagħhom fuq l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, bl-ispejjeż għax-xandara.”
19. L-Artikolu 119(1) tal-Kodiċi Elettorali jipprovdi:
“Minkejja d-dritt imsemmi fl-Artikolu 117(1), kull kumitat elettorali jista’, sa mid-data li fiha l-awtorità elettorali kompetenti tirċievi n-notifika tat-twaqqif tiegħu u sad-data tal-għeluq tal-kampanja elettorali, jippreżenta l-programm elettorali tiegħu fuq l-istazzjonijiet pubbliċi u privati tar-radju u tat-televiżjoni bi ħlas.”
20. Skont l-Artikolu 126 ta’ dan il-kodiċi:
“Il-kumitati elettorali għandhom iħallsu l-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-elezzjonijiet mir-riżorsi tagħhom stess.”
21. L-Artikolu 130 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:
“1. Ir-responsabbiltà tal-obbligi finanzjarji tal-kumitat elettorali hija imposta fuq l-aġent finanzjarju.
2. Ebda obbligu finanzjarju ma jista’ jiġi kkuntrattat għan-nom jew f’isem il-kumitat elettorali mingħajr il-ftehim bil-miktub tal-aġent finanzjarju.
3. Meta l-assi għad-dispożizzjoni tal-aġent finanzjarju ma jkunux suffiċjenti sabiex ikopru d-djun tal-kumitat elettorali:
1) ir-responsabbiltà tal-impenji finanzjarji tal-kumitat elettorali tal-partit politiku jew tal-organizzazzjoni taqa’ fuq il-partit politiku jew l-organizzazzjoni li kkostitwixxiet l-imsemmi kumitat;
2) ir-responsabbiltà tal-impenji finanzjarji tal-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni taqa’ in solidum fuq il-partiti politiċi li jagħmlu parti minn din il-koalizzjoni;
3) ir-responsabbiltà tal-impenji finanzjarji ta’ kumitat elettorali ta’ votanti taqa’ in solidum fuq il-membri tal-kumitat.
[…]”
22. L-Artikolu 132 tal-istess kodiċi jistabbilixxi:
“1. Ir-riżorsi finanzjarji tal-kumitat elettorali ta’ partit politiku jistgħu joriġinaw biss mill-fond elettorali ta’ dan il-partit, ikkostitwit b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il-Partiti Politiċi].
2. Ir-riżorsi finanzjarji tal-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni jistgħu joriġinaw biss mill-fond elettorali tal-partiti li jifformawha.
3. Ir-riżorsi finanzjarji
1) tal-kumitat elettorali ta’ organizzazzjoni,
2) ta’ kumitat elettorali ta’ votanti,
jistgħu joriġinaw biss minn kontribuzzjonijiet ta’ ċittadini Pollakki li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja kif ukoll minn self bankarju meħud unikament għall-bżonnijiet ta’ elezzjonijiet.
[…]”
23. L-Artikolu 133 tal-Kodiċi Elettorali jipprevedi:
“1. Il-kumitat elettorali ta’ partit politiku jew ta’ koalizzjoni jista’ juża l-bini u l-apparat tal-uffiċċju tal-partit politiku mingħajr ħlas matul il-kampanja elettorali.
2. Il-kumitat elettorali ta’ votanti jista’ juża l-bini u l-apparat tal-uffiċċju ta’ membru ta’ dan il-kumitat mingħajr ħlas matul il-kampanja elettorali.
3. Il-kumitat elettorali ta’ organizzazzjoni jista’ juża l-bini u l-apparat tal-uffiċċju ta’ din l-organizzazzjoni mingħajr ħlas matul il-kampanja elettorali.”
24. Skont l-Artikolu 341 ta’ dan il-kodiċi:
“Għandhom id-dritt li jinnominaw kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew:
1) il-kumitat elettorali ta’ partit politiku;
2) il-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni;
3) kumitat elettorali ta’ votanti.”
25. Skont l-Artikolu 343 tal-imsemmi kodiċi, il-lista ta’ kandidati għandha tkunu sostnuta mill-firem ta’ mill-inqas 10 000 votant li jirrisjedi b’mod permanenti fil-kostitwenza elettorali kkonċernata.
26. Għal dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet ta’ rappreżentanti ta’ awtoritajiet territorjali, l-Artikolu 399 tal-istess kodiċi jipprevedi li d-dritt ta’ nomina ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ kunsillier jaqa’ fuq il-kumitati elettorali ta’ partiti politiċi, fuq il-kumitati elettorali ta’ koalizzjonijiet, fuq il-kumitati elettorali ta’ organizzazzjonijiet u fuq il-kumitati elettorali ta’ votanti.
27. Skont l-Artikolu 400(1) tal-Kodiċi Elettorali, il-kumitat elettorali ta’ partit politiku għandu jinnotifika l-istabbiliment tiegħu lill-Państwowa Komisja Wyborcza (il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali) sa mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-regolament dwar iż-żamma tal-elezzjonijiet sa 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni.
28. L-Artikolu 401(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li kumitat elettorali ta’ koalizzjoni jista’ jkun ikkostitwit matul il-perijodu ta’ bejn id-data ta’ pubblikazzjoni tar-regolament dwar iż-żamma tal-elezzjonijiet sa 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni, u r-rappreżentant elettorali tal-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni għandu jinforma lill-kummissjoni elettorali nazzjonali b’dan mhux iktar tard minn 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni.
29. Skont l-Artikolu 402(1) tal-imsemmi kodiċi, il-kumitat elettorali ta’ organizzazzjoni għandu jikkomunika l-istabbiliment tiegħu lill-kummissarju elettorali kompetenti skont is-sede ta’ din l-organizzazzjoni sa mid-data tal-pubblikazzjoni tar-regolamenti dwar iż-żamma ta’ elezzjonijiet sa 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni.
30. L-Artikolu 403(1) sa (3) tal-istess kodiċi jipprovdi:
“1. Tal-inqas ħmistax-il ċittadin, li għandhom id-dritt tal-vot, jistgħu jifformaw kumitat elettorali ta’ votanti.
2. Wara li jkunu inġabru tal-inqas 1000 firma minn ċittadini li għandhom id-dritt tal-vot li jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kumitat elettorali ta’ votanti, ir-rappreżentant elettorali għandu jinforma lill-kummissjoni elettorali nazzjonali bl-istabbiliment ta’ dan il-kumitat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. Il-komunikazzjoni tista’ ssir sa mhux iktar mill‑55 jum ta’ qabel id-data tal-votazzjoni.
3. Jekk il-kumitat elettorali ta’ votanti kien imwaqqaf għall-finijiet tan-nomina ta’ kandidati f’distrett wieħed:
1) in-numru ta’ ċittadini previst fil-paragrafu 1 huwa ta’ 5;
2) in-numru ta’ firem previst fil-paragrafu 2 huwa ta’ 20, u n-notifika prevista fil-paragrafu 2 għandha tiġi indirizzata lill-kummissarju elettorali kompetenti skont is-sede tal-kumitat.”
3. Il‑Liġi dwar ix‑Xandir
31. L-ustawa o radiofonii i telewizji (il-Liġi dwar ix-Xandir) (9) tad‑29 ta’ Diċembru 1992 tipprovdi, fl-Artikolu 23(1) tagħha, li l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni għandhom jagħtu lill-partiti politiċi l-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar kwistjonijiet fundamentali ta’ affarijiet pubbliċi.
4. Il‑Liġi dwar l‑Assoċjazzjonijiet
32. Skont l-Artikolu 4(1) tal-ustawa Prawo o stowarzyszeniach (il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet) (10) tas‑7 ta’ April 1989, jistgħu wkoll jingħaqdu fl-assoċjazzjonijiet il-barranin li jirrisjedu fil-Polonja.
III. Il‑proċedura prekontenzjuża
33. Fis‑16 ta’ April 2012, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proġett EU Pilot, informat lill-awtoritajiet Pollakki bl-opinjoni preliminari tagħha dwar l-inkompatibbiltà mal-Artikolu 22 TFUE tal-leġiżlazzjoni Pollakka li tirriżerva għaċ-ċittadini Pollakki d-dritt ta’ twaqqif ta’ partit politiku u d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku.
34. Fl-assenza ta’ tweġiba, il-Kummissjoni indirizzat, fis‑26 ta’ April 2013, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja bl-istess suġġett. Fit-tweġiba tiegħu tal‑24 ta’ Lulju 2013, dan l-Istat Membru kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni.
35. Fit‑22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija sostniet li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 22 TFUE billi ċaħdet liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni d-dritt li jwaqqfu partit politiku u d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku.
36. Fit-tweġiba tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 2014, ir-Repubblika tal-Polonja argumentat li l-Artikolu 22 TFUE ma jagħtix id-dritt, fl-Istat Membru ta’ residenza, ta’ twaqqif ta’ partit politiku u ta’ sħubija f’partit politiku liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.
37. B’ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja talab lir-Repubblika tal-Polonja tinformah b’eventwali żvilupp tal-pożizzjoni tagħha jew b’emendi leġiżlattivi adottati sabiex tiżgura d-drittijiet inkwistjoni lil dawn iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.
38. Wara li, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Jannar 2021, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni biż-żamma tal-opinjoni tagħhom, din iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors filwaqt li llimitat is-suġġett tiegħu għal-limitazzjoni tal-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku għaċ-ċittadini Pollakki biss. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-rigward tal-kwistjoni tat-twaqqif ta’ partit politiku minn dawn iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, imqajma matul il-fażijiet preċedenti tal-proċedura, hija kienet qiegħda tirriżerva l-possibbiltà li tinvokaha fil-kuntest ta’ proċedura distinta.
IV. It‑talbiet tal‑partijiet
39. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tikkonstata li, “billi ċaħdet lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li ma għandhomx ċittadinanza Pollakka, iżda li għandhom ir-residenza tagħhom fir-Repubblika tal-Polonja, id-dritt għal sħubija f’partit politiku, [dan l-Istat Membru] [naqas] milli [jwettaq] l-obbligi [tiegħu] taħt l-Artikolu 22 [TFUE]”, u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
40. Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
41. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.
42. Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Ċeka qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, żviluppat xi argumenti tar-Repubblika tal-Polonja u wieġbet għal xi argumenti mressqa mill-Kummissjoni.
43. Dik l-istituzzjoni tikkonkludi l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota ta’ intervent, limitati għall-kwistjonijiet ġodda, fis-sens li hija ssostni t-talbiet tar-rikors tagħha.
V. Analiżi
A. Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir‑Repubblika Ċeka
1. Argumenti tal‑partijiet
44. Għall-kuntrarju tar-Repubblika tal-Polonja, fin-nota ta’ intervent tagħha r-Repubblika Ċeka ssostni li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet li fuqhom huwa bbażat. Dan l-Istat Membru jirrileva li, minkejja li l-Kummissjoni talbet li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 22 TFUE, fil-motivi tar-rikors tagħha, hija ssemmi wkoll l-Artikolu 20(2)(b) TFUE u l-Artikoli 11 u 12 tal-Karta.
45. Il-Kummissjoni tqis li hija tinvoka mingħajr ambigwità li l-projbizzjoni għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jissieħbu f’partit hija inkompatibbli mal-Artikolu 22 TFUE. Ir-Repubblika tal-Polonja fehmet dan sewwa u barra minn hekk tiddefendi ruħha b’mod ċar fir-risposti tagħha. Qabelxejn, il-Kummissjoni tippreċiża li interpretazzjoni korretta tal-bażi tar-rikors tagħha kienet teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sistematiku dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju. Imbagħad, hija rreferiet ukoll għall-Karta sabiex tfakkar li, meta l-Istati Membri jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE, huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u għandhom, għalhekk, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Fl-aħħar nett, dan ma jikkontestax il-portata ta’ din il-kawża, kif riflessa fit-talbiet, li jipprovdu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li twettaq diskriminazzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità, għandha tiġi kkunsidrata bħala ksur tal-Artikolu 22 TFUE.
2. Evalwazzjoni
46. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li “[i]t-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet” (11). Għaldaqstant, l-eċċezzjoni mqajma mir-Repubblika Ċeka hija inammissibbli (12), peress li r-Repubblika tal-Polonja ma qajmitx l-inammissibbiltà tar-rikors.
47. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u fil-ġurisprudenza tagħha (13), għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikors tal-Kummissjoni jippreżentax l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex jippermetti lir-Repubblika tal-Polonja u lill-Qorti tal-Ġustizzja jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, kundizzjoni neċessarja sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.
48. F’dan il-każ, kif targumenta l-Kummissjoni, mill-motivi tar-rikors isegwi b’mod ċar li l-Artikolu 22 TFUE, li fuqu huwa bbażat, għandu jiġi interpretat billi jitqiegħed fil-kuntest stabbilit fl-Artikolu 20(2)(b) TFUE u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet eżistenti mal-Artikoli 11 u 12 tal-Karta. Għalhekk, ma jirriżultax li l-Kummissjoni tallega ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (14).
B. Fuq il‑mertu
1. Argumenti tal‑partijiet
a) Il‑Kummissjoni
1) Fuq il‑fondatezza tar‑rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
49. Il-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 22 TFUE għar-raġunijiet li:
– huwa jagħti liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni d-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet elettorali fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fih jirrisjedu;
– huwa jistabbilixxi prinċipju ġenerali u universali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li ma huwiex ristrett biss għar-regoli prattiċi, amministrattivi u proċedurali stabbiliti fid-Direttivi 93/109 u 94/80, u li ma jeħtieġx li jingħataw dettalji tal-aspetti konkreti kollha tal-aċċess għall-elezzjonijiet;
– għaldaqstant, kull miżura bbażata fuq kriterju ta’ nazzjonalità li tipprekludi liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-dritt tal-kandidatura tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fih jirrisjedu hija pprojbita, u
– l-impossibbiltà għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jissieħbu f’partit politiku, li tirriżulta mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, li ċċaħħadhom mill-aċċess għal korp fundamentali għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, tippreġudika l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti meta mqabbla maċ-ċittadini Pollakki. Għalhekk, hija ċċaħħad lil dawn iċ-ċittadini mill-effett imfittex mid-drittijiet mogħtija mit-Trattat ibbażati fuq l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ residenza (15).
50. Hija tinsisti fuq il-fatt li hija ma ssostnix li d-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni dritt għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika. Hija tenfasizza, mill-banda l-oħra, ir-rwol essenzjali tal-partiti politiċi fis-sistemi elettorali, fil-ħajja politika tal-Istati Membri, u b’mod iktar ġenerali, fuq il-kontribuzzjoni tagħhom għad-demokrazija rappreżentattiva. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (16) u fuq il-Linji Gwida dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Partiti Politiċi tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia) (17).
51. Konsegwentement, hija tikkunsidra li ċittadin “mobbli” tal-Unjoni ma jistax ikun kandidat fl-elezzjonijiet fl-Istat Membru fejn jirrisjedi taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat jekk ma jistax joħroġ għal dawn l-elezzjonijiet bħala membru ta’ partit politiku nazzjonali.
52. F’dan ir-rigward, hija targumenta li, għal kandidat fl-elezzjonijiet, l-appartenenza f’partit politiku tippreżenta diversi vantaġġi speċifiċi, mingħajr ekwivalenza barra minn tali partit, għall-kuntrarju tal-analiżi li r-Repubblika tal-Polonja tibbaża fuq ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjonijiet (18). Dawn il-vantaġġi huma s-segwenti:
– il-popolarità pubblika tal-isem tal-partit, ir-rabtiet storiċi u r-reputazzjoni tiegħu, kif ukoll ir-rabtiet miżmuma mal-istrutturi soċjo-organizzattivi (pereżempju s-sindakati, li storikament jistgħu jkunu marbuta ma’ partit, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, eċċ);
– l-użu tal-apparat elettorali u ta’ riżorsi umani u finanzjarji tal-partit politiku, kif ukoll
– il-prerogattivi speċifiċi mogħtija mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-aċċess għall-finanzjament jew għall-midja u t-tassazzjoni.
53. Fir-rigward tal-finanzjament fil-Polonja, il-Kummissjoni tosserva li l-partiti politiċi li jiksbu ċertu numru ta’ voti waqt elezzjonijiet tad-Diet għandhom id-dritt għal sussidju matul il-leġiżlatura, skont l-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi. Huma għandhom aċċess għal sorsi ta’ finanzjament, skont l-Artikolu 24 ta’ din il-liġi, li huma ferm iktar numerużi minn dawk li għandhom il-kumitati elettorali ta’ votanti u ta’ organizzazzjonijiet u li jistgħu jintużaw inter alia sabiex jiffinanzjaw il-kampanja elettorali permezz tal-fondi elettorali tagħhom miżjuda wkoll b’donazzjonijiet, suċċessjonijiet u legati, skont l-Artikolu 36 tal-imsemmija liġi.
54. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza żewġ restrizzjonijiet speċifiċi oħra għall-kumitati elettorali, jiġifieri:
– waqt elezzjonijiet muniċipali, il-votanti li jixtiequ jifformaw kumitat elettorali għandhom jiġbru tal-inqas 1000 firma, skont l-Artikolu 403 tal-Kodiċi Elettorali, u
– il-kandidati mhux Pollakki huma mċaħħda mid-dritt li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-kumitati elettorali ta’ organizzazzjonijiet jew ta’ votanti, b’tali mod li ma jistgħux jittrasferixxu fondi lill-kumitat, anki għall-kampanja tagħhom stess, bl-effett li din ir-restrizzjoni ssaħħaħ it-telf ta’ opportunitajiet li jiġu eletti (19).
55. Fir-rigward tal-midja, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-partiti politiċi għandhom, bħala regola ġenerali, riżorsi finanzjarji ikbar sabiex jiddedikawhom għal attivitajiet intiżi sabiex jippromwovu l-kandidati tagħhom, u anki sabiex jixtru paġni ta’ reklamar fuq l-istazzjonijiet privati jew anki sabiex ikunu attivi fuq in-networks soċjali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi u l-Artikolu 23 tal-Liġi dwar ix-Xandir, il-partiti politiċi għandhom aċċess permanenti ggarantit għall-midja tas-servizz pubbliku u għalhekk jistgħu jesprimu ruħhom fuq l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni dwar kwistjonijiet fundamentali tal-affarijiet pubbliċi, anki jekk dawn ma jkunux marbuta ma’ kampanja elettorali speċifika. Skont il-Kummissjoni, dawn il-mezzi kollha jkabbru l-opportunitajiet tal-membri ta’ partit li jkunu magħrufin u li jxerrdu b’mod wiesa’ l-kontenut tal-programm elettorali tagħhom.
56. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-eżistenza ta’ xi stħarriġ tal-opinjoni pubblika li donnu jindika li ħafna drabi l-votant jibbaża l-vot tiegħu fuq il-personalità tal-kandidat iktar milli fuq l-appartenenza tiegħu f’partit politiku, ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni li l-liġi Pollakka twassal għal diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità fil-konfront taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jixtiequ joħorġu għall-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew. B’mod konkret, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li dawn iċ-ċittadini jistgħu jkunu inqas magħrufa fil-pajjiż ospitanti tagħhom.
2) Fuq l‑eżerċizzju mill‑Istati Membri tal‑kompetenza tagħhom
57. Il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja:
– l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (20), u
– l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni biss jekk l-applikazzjoni ta’ din il-miżura ma twassalx għal ksur tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (21).
58. F’dan ir-rigward, hija ssostni li waqt li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tieħu inkunsiderazzjoni obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 20(2)(b) u mill-Artikolu 22 TFUE, b’tali mod li d-dritt tal-Unjoni japplika fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (22).
59. L-appartenenza f’partit politiku hija espressjoni tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni kif ukoll tal-libertà ta’ espressjoni, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 12(1) (23) u fl-Artikolu 11 tal-Karta. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta (24).
60. Għalhekk, il-Kummissjoni targumenta li ċ-ċaħda tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku hija manifestazzjoni evidenti ta’ restrizzjoni tad-dritt fundamentali ta’ assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, tali restrizzjoni ma tistax tmur lil hinn minn restrizzjoni ammessa skont il-KEDB. Hija tfakkar ukoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi n-natura speċifika tal-Istati Membri tal-Unjoni (25).
61. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-inklużjoni ta’ drittijiet politiċi fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza hija intiża sabiex tiżgura li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu jistgħu jintegraw u jgawdu rwol politiku attiv fl-Istat Membru fejn jirrisjedu, fil-kuntest tal-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew, li jinvalida kwalunkwe idea ta’ ndħil fl-affarijiet nazzjonali.
62. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jirriżervaw għaċ-ċittadini tagħhom id-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet nazzjonali (jew, f’ċerti każijiet, reġjonali), aspett li jissodisfa l-prinċipju li ma tiġix ippreġudikata l-identità nazzjonali inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li r-Repubblika tal-Polonja ma pprovdiet ebda prova ta’ tali preġudizzju, filwaqt li, minbarra hi u r-Repubblika Ċeka, ebda Stat Membru ieħor ma jillimita l-kundizzjonijiet ta’ sħubija f’partit politiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad li hija trid tipprovdi dritt għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika mingħajr restrizzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza. Barra minn hekk, hija tqis li xejn ma jipprekludi li l-kamp ta’ azzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fil-partiti politiċi, jiġi ristrett, pereżempju, waqt in-nomina ta’ kandidati fl-elezzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali.
63. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-kandidati mhux imsieħba f’partit politiku jistgħu jiġu inklużi fil-lista tal-kumitat elettorali ta’ partit ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid ugwaljanza mal-kandidati msieħba peress li huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn tat-tieni joħorġu bħala membri ta’ partit u li dawn tal-ewwel jiddependu fuq ftehim konkluż wara deċiżjoni favorevoli tal-membri tal-partit, li huma ma jistgħux jinfluwenzaw “minn ġewwa”.
b) Ir‑Repubblika tal‑Polonja
64. Dan l-Istat Membru jressaq tliet serje ta’ argumenti.
1) Il‑formulazzjoni tal‑Artikolu 22 TFUE ma tagħtix id‑dritt ta’ sħubija f’partit politiku
65. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 22 TFUE ma huwiex direttament applikabbli, peress li ż-żewġ paragrafi tiegħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi addizzjonali li ma jipprevedux armonizzazzjoni globali tas-sistemi elettorali tal-Istati Membri (26). Huwa jirrigwarda biss ir-rekwiżiti formali tal-kandidatura u mhux il-possibbiltajiet konkreti li wieħed jiġi elett fi Stat Membru. L-estensjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE għad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku tmur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni previst fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 4(1) u (2) TUE.
2) Ir‑restrizzjoni tas‑sħubija f’partit politiku hija ġġustifikata mill‑għan li tiġi limitata l‑isfera ta’ influwenza taċ‑ċittadini “mobbli” tal‑Unjoni fuq il‑ħajja politika nazzjonali
66. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, minħabba r-rwol tal-partiti fil-qasam ta’ politika pubblika u l-għan tagħhom li jeżerċitaw is-setgħa pubblika, is-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku hija ta’ natura li jkollha effetti b’mod partikolari fuq ir-riżultati tal-elezzjonijiet leġiżlattivi jew presidenzjali, li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 22 TFUE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal ċerti elezzjonijiet, kif ukoll mal-Artikolu 4(2) TUE.
67. F’dan ir-rigward, hija targumenta li, fir-rigward tal-appartenenza f’partiti politiċi, l-Artikolu 11(1) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) jiggarantixxi l-libertà ta’ twaqqif ta’ partiti politiċi u l-libertà għall-attivitajiet tagħhom, fid-dawl tal-fatt li l-partiti politiċi jġibu flimkien, fl-osservanza tal-prinċipji tal-libertà ta’ parteċipazzjoni u ta’ ugwaljanza, lil ċittadini Pollakki sabiex jeżerċitaw, permezz ta’ metodi demokratiċi, influwenza fuq il-politika nazzjonali.
68. Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li tipprovdi li ċ-ċaħda tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku tippreġudika l-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Karta u fl-Artikolu 11 tal-KEDB. Hija ssostni, minn naħa, li l-Istati partijiet għal din il-konvenzjoni jistgħu jintroduċu restrizzjonijiet fuq l-attività politika tal-barranin (27). Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ sħubija f’partit politiku, l-Artikolu 12 tal-Karta ma japplikax.
3) Il‑kandidati mhux imsieħba f’partit politiku ma humiex speċjalment żvantaġġati meta mqabbla mal‑imsieħba
69. Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta, l-ewwel nett, li d-dritt Pollakk ma jissuġġettax il-possibbiltà li wieħed joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew għall-appartenenza f’partit politiku.
70. It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha ssostni d-dikjarazzjonijiet tagħha li l-appartenenza f’partit politiku ttejjeb l-opportunitajiet li wieħed jiġi elett fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew, peress li studji juru li l-għażla tal-votanti hija ggwidata għall-kuntrarju mill-mod li bih il-votanti jipperċepixxu lill-kandidati, skont il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u politika (28) jew, fi kliem ieħor, mill-popolarità tagħhom. Barra minn hekk, l-eżempju tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jiġu miġbura fi grupp f’assoċjazzjoni li tista’ tiddefendi opinjonijiet b’mod simili għal dawk ta’ partit politiku huwa maqtugħ mir-realtà peress li jsostni li ebda Pollakk ma huwa membru tagħha.
71. It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Polonja osservat li ċittadin “mobbli” tal-Unjoni jista’ jiġi inkluż fil-lista tal-kandidati proposta minn partit politiku jew minn koalizzjoni ta’ partiti (29).
72. Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza, bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament, minn naħa, li din tikser il-limiti tan-nefqa imposti mill-Kodiċi Elettorali fuq il-kumitati elettorali ta’ partiti jew ta’ koalizzjoni meta ssostni li, meta mqabbla, il-kumitati elettorali ta’ votanti u l-organizzazzjonijiet huma finanzjarjament żvantaġġati. Min-naħa l-oħra, huwa minnu li huma biss iċ-ċittadini Pollakki li jistgħu jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ partit politiku, iżda huma għandhom, bħala prinċipju, jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju tagħha, skont l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi.
73. Il-ħames nett, skont ir-Repubblika tal-Polonja, minkejja li l-kundizzjoni li jinġabru 1000 firma, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet (30), sabiex jitwaqqaf kumitat elettorali ma hijiex imposta fuq il-kumitati elettorali tal-partiti, koalizzjonijiet u organizzazzjonijiet, iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni għandhom il-fakultà li jikkostitwixxu kumitati elettorali ta’ organizzazzjonijiet li fi ħdanhom jistgħu joħorġu kandidati u jibbenefikaw mill-infrastrutturi tagħhom.
74. Is-sitt nett, fir-rigward tal-midja, ir-Repubblika tal-Polonja tindika, qabelxejn, li l-aċċess għaliha huwa rregolat mingħajr distinzjoni bejn il-kumitati elettorali mill-Artikoli 116 et seq tal-Kodiċi Elettorali u minn dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-kodiċi li jirrigwardaw id-diversi elezzjonijiet. Imbagħad, għal dak li jirrigwarda d-dritt li jesprimu ruħhom fuq l-istazzjonijiet pubbliċi barra mill-perijodu ta’ kampanja elettorali, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li dan jirriżulta mir-rwol tal-partiti fis-sistema politika tal-Istat u li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva fil-qasam. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza l-ugwaljanza tal-aċċess għan-networks soċjali, influwenti matul il-kampanji elettorali u lil hinn minnhom.
c) L‑argumenti partikolari tar‑Repubblika Ċeka, intervenjenti, u l‑osservazzjonijiet bi tweġiba tal‑Kummissjoni
1) Fuq il‑portata tal‑Artikolu 22 TFUE
i) L‑argumenti tar‑Repubblika Ċeka
75. Dan l-Istat Membru jargumenta li mid-Direttivi 93/109 u 94/80, li jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE, jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità hija indirizzata għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-vot u tal-kandidatura u mhux fir-rigward ta’ elementi oħra, inkluż il-kundizzjonijiet għal sħubija f’partit politiku. Din l-analiżi hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (31).
ii) L‑osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni
76. Dik l-istituzzjoni tqis li, minkejja li d-dritt sekondarju jirregola ċertament ċerti aspetti tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-qasam ta’ elezzjonijiet, dan id-dritt sekondarju ma jistax jiġi invokat sabiex jillimita l-portata tal-Artikolu 22 TFUE, u għalhekk, dik tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE għal kwistjonijiet speċifiċi rregolati mill-imsemmi dritt. Huwa t-Trattat li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni awtorizzat tad-dritt sekondarju, u mhux il-kontra (32).
2) Fuq il‑bażi legali applikabbli
i) L‑argumenti tar‑Repubblika Ċeka
77. Dan l-Istat Membru jsostni li, jekk id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli f’din il-kawża, huwa għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità inkluża fl-Artikolu 18 TFUE, u mhux fid-dawl tal-Artikolu 22 TFUE, li jipprevedi projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-vot u tal-kandidatura taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’ċerti elezzjonijiet. Peress li s-sħubija f’partit politiku ma tagħtix lil ċittadin “mobbli” tal-Unjoni l-kwalità ta’ kandidat f’elezzjoni, fl-assenza ta’ tali kwalità, huwa biss l-Artikolu 18 TFUE li japplika (33).
ii) L‑osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni
78. Din tikkontesta r-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata mir-Repubblika Ċeka insostenn tal-argument tagħha. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diskriminazzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 18 TFUE ma jfissirx li d-dispożizzjonijiet diskriminatorji inkwistjoni f’din il-proċedura, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet politiċi mogħtija liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mill-Artikolu 22 TFUE, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ksur tal-obbligu tal-ugwaljanza fit-trattament espressament previst minn din id-dispożizzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża fid-Direttiva 93/109 li “d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru tar-residenza, pprovdut fl-[Artikolu 22(2) TFUE attwali], huwa eżempju fejn ikun qed jiġi applikat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini u dawk li m’humiex” (34). Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE huwa limitat għaċ-ċittadini li għandhom il-kwalità ta’ kandidati biss, tmur kontra l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-kandidatura, fosthom l-opportunitajiet li wieħed isir kandidat, u mbagħad li jiġi elett (35).
3) Fuq il‑prova tan‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat
i) L‑argumenti tar‑Repubblika Ċeka
79. Dan l-Istat Membru jfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (36). Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet u l-preżunzjonijiet mhux sostnuti dwar il-pożizzjoni ta’ dgħufija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mhux imsieħba f’partit politiku magħmula fir-rikors ma jistgħux jirnexxu.
ii) L‑osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni
80. Din tirrileva li d-diskriminazzjoni allegata lir-Repubblika tal-Polonja tirriżulta direttament minn dispożizzjonijiet legali vinkolanti u mhux minn prattika amministrattiva. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi pprovduta data statistika fuq in-numru ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li ġarrbu de facto preġudizzju minħabba din id-diskriminazzjoni. Dan lanqas ma huwa possibbli, fil-prattika, f’każ, bħal dak inkwistjoni, fejn il-miżura diskriminatorja għandha natura dissważiva. Fil-fatt, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b’mod preċiż kemm-il ċittadin “mobbli” tal-Unjoni ma pprovax joħroġ għall-elezzjonijiet għax kien skoraġġut minħabba l-projbizzjoni ta’ sħubija f’partit politiku (37).
4) Fuq il‑limitazzjoni tal‑eżerċizzju tad‑drittijiet mogħtija mill‑Artikolu 22 TFUE
i) L‑argumenti tar‑Repubblika Ċeka
81. Dan l-Istat Membru jikkritika r-rilevanza tal-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (38), u jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-impossibbiltà li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu membri ta’ partiti politiċi ma tippreġudikax is-sustanza tad-drittijiet elettorali previsti fl-Artikolu 22 TFUE u li l-leġiżlazzjoni Pollakka tippermetti l-eżerċizzju sħiħ ta’ dawn id-drittijiet.
ii) L‑osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni
82. Hija żżomm il-pożizzjoni tagħha li, meta l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE, huma għandhom jagħmlu dan b’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni u b’rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni żżid li mill-ġurisprudenza ċċitata fir-rikors tagħha, dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-drittijiet, jirriżulta obbligu għal dawn tal-aħħar li jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom b’mod li jiżgura r-rispett tal-imsemmija drittijiet (39).
5) Fuq is‑sitwazzjoni fl‑Istati Membru l‑oħra
i) L‑argumenti tar‑Repubblika Ċeka
83. L-argument tal-Kummissjoni li żewġ Stati Membri biss jipprevedu restrizzjonijiet tal-appartenenza f’partiti politiċi ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE. Għall-kuntrarju, dan l-argument jikkonferma li l-Kummissjoni tfittex li tinterpreta b’mod differenti din id-dispożizzjoni, li l-formulazzjoni tagħha ilha l-istess għal żmien twil, abbażi ta’ żvilupp tal-kuntest soċjali. Madankollu, tali żvilupp jista’ jkun biss raġuni sabiex issir emenda tad-dispożizzjoni inkwistjoni, u mhux bidla fundamentali tal-interpretazzjoni tagħha.
ii) L‑osservazzjonijiet tal‑Kummissjoni
84. Skont dik l-istituzzjoni, dan l-argument donnu ma jinftihemx. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma jirrestrinġux l-aċċess għas-sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni juri r-rilevanza tal-interpretazzjoni li hija adottat.
2. Evalwazzjoni
85. Dan ir-rikors jirrigwarda l-konsegwenzi fir-rigward tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew li jirriżultaw mid-dritt ta’ sħubija f’partit politiku li, skont il-liġi Pollakka, ma huwiex mogħti liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. Din il-projbizzjoni għandha l-effett, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn iċ-ċittadini ma jeżerċitawx id-dritt tal-kandidatura tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet “taħt l-istess kondizzjonijiet” bħaċ-ċittadini Pollakki, fis-sens tal-Artikolu 22 TFUE?
86. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, is-sħubija f’partit politiku taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (40).
87. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat x’rekwiżiti jirriżultaw mill-Artikolu 22 TFUE, invokat mill-Kummissjoni, u jekk jistax ikun sostnut b’mod validu li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jaffettwaw l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.
a) Fuq il‑portata tal‑Artikolu 22 TFUE
88. Skont il-formulazzjoni tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE huwa limitat biss għall-elezzjonijiet li huwa jsemmi, jiġifieri l-elezzjonijiet muniċipali (paragrafu 1) u dawk għall-Parlament Ewropew (paragrafu 2), u jeskludi għalhekk l-elezzjonijiet leġiżlattivi jew presidenzjali.
89. Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza li jistabbilixxi l-Artikolu 22 TFUE għandux jinftiehem li jkopri l-kundizzjonijiet kollha li fihom kull ċittadin “mobbli” tal-Unjoni jista’ joħroġ fl-elezzjonijiet jew jekk jirrigwardax biss il-kundizzjonijiet legali ta’ kandidatura.
90. Għalhekk, għandu jiġi ddefinit il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri peress li l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (41) kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti mid-Direttivi 93/109 u 94/80, rispettivament.
91. L-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq qari litterali tal-Artikolu 22 TFUE, li dawn id-direttivi jirrestrinġu l-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit minn din id-dispożizzjoni, għandu qabel kollox jiġi eskluż minħabba l-ġerarkija tar-regoli, ġustament sostnuta mill-Kummissjoni, li permezz tagħha d-dritt sekondarju ma jistax jirrestrinġi dritt irrikonoxxut mit-Trattat (42).
92. Għalhekk, l-imsemmija direttivi sempliċement jiddefinixxu qafas minimu li fih huwa kkonkretizzat il-prinċipju ta’ ugwaljanza għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura (43).
93. Iżda, fuq kollox, l-oriġini tal-Artikolu 22 TFUE u l-iżvilupp tal-kuntest ġuridiku li fih jaqa’ l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni juru, b’mod ċar ħafna sa mit-Trattat ta’ Lisbona, li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ pedamenti li fuqhom hija bbażata, jiġifieri, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-demokrazija rappreżentattiva.
94. Fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Kummissjoni tipprevalixxi ruħha, ġustament, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE, li jistabbilixxi li din iċ-ċittadinanza (44) tagħti, fost drittijiet oħra, it-tgawdija tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.
95. Din ir-rabta maċ-ċittadinanza ilha tinsab fid-dritt primarju sa mit-Trattat ta’ Maastricht, iffirmat fis‑7 ta’ Frar 1992 (45). Sa mill-bidu, din kienet marbuta mad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (46) u mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, li huwa l-komponent ta’ kull libertà ta’ moviment.
96. Madankollu, l-imsemmija rabta ħadet dimensjoni partikolari minħabba emendi introdotti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona minħabba l-volontà tal-Istati Membri intiżi b’mod partikolari sabiex jagħtu post prominenti liċ-ċittadinanza. Fil-fatt, minn naħa, fit-Trattat UE żdied it-Titolu II intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi”, li jinkludi l-Artikolu 9, li jipprovdi, “[f]l-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex”. Id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 24 TFUE, li jikkorrispondu għall-Artikoli 17 sa 21 KE. Id-drittijiet taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(b) u fl-Artikolu 22 TFUE.
97. Min-naħa l-oħra, kull wieħed minn dawn id-drittijiet jinsab ukoll fit-Titolu V tal-Karta (47), intitolat “Ċittadinanza”. Id-drittijiet taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fiha fl-Artikoli 39 (48) u 40 (49) f’termini ġenerali.
98. Għaldaqstant, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 22 TFUE għandhom jiġu analizzati bħala drittijiet fundamentali u bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inerenti għall-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (50).
99. Ir-repetizzjoni tagħhom fit-Trattat UE u fil-Karta hija intiża wkoll sabiex jiġu stabbiliti rabtiet ma’ drittijiet jew prinċipji oħra stabbiliti fihom, bħall-ugwaljanza u d-demokrazija, li huma valuri komuni tal-Istati Membri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (51).
100. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi, sa mit-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 10 TUE jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva” (52) u jirrikonoxxi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkunu direttament irrappreżentati fil-Parlament Ewropew u li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.
101. Għalhekk, minħabba l-kombinazzjoni mwettqa mit-Trattat ta’ Lisbona, tal-inqas għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, bejn id-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-prinċipji demokratiċi fi ħdan l-Unjoni, l-għan li tiġi żgurata rappreżentanza effettiva taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huwa espress b’mod ċar.
102. Il-Kummissjoni targumenta, ġustament, li din ir-rappreżentanza hija l-korollarju tal-integrazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-Istat ta’ residenza tagħhom, kif enfasizzat fil-premessi tad-Direttivi 93/109 u 94/80 (53). B’mod iktar partikolari fil-livell lokali, id-drittijiet politiċi rrikonoxxuti lil dawn iċ-ċittadini huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali tal-imsemmija ċittadini li għażlu li jirrisjedu fi Stat Membru li ma għandhomx in-nazzjonalità tiegħu. Minn din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat ukoll l-għan imfakkar f’dawn il-premessi, jiġifieri dak “li jevitaw kwalunkwe polarizzazzjoni bejn listi ta’ kandidati ta’ ċittadinanza u oħrajn li mhumiex”.
103. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni tista’, ġustament, issostni, abbażi tal-Artikolu 22 TFUE, imqiegħed fil-kuntest tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-prinċipji demokratiċi stabbiliti fit-Trattati, li l-garanzija tal-ugwaljanza tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni għandha tiġi tradotta, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista ta’ kriterji indikattivi, jew saħansitra eżawrjenti, fl-obbligu ġenerali li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ma tiġix skoraġġuta permezz ta’ diversi fatturi (54).
104. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 22 TFUE għandu jinftiehem fis-sens li kwalunkwe ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali lil hinn mill-kuntesti stabbiliti mid-Direttivi 93/109 u 94/80, minħabba n-nazzjonalità, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati (55), li huwa pprojbit (56).
105. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xorta għandha tiġi eżaminata l-analiżi tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-impossibbiltà ta’ sħubija f’partit politiku hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.
106. F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu dwar il-konstatazzjoni li l-possibbiltajiet li wieħed jidħol f’karigi eletti fil-livell lokali jew Ewropew jiddependu mill-grad ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma kandidati, kemm jekk fi ħdan partit kif ukoll b’mod indipendenti.
107. Madankollu, jiena tal-opinjoni, bħall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia (57), mhux ikkritikati mir-Repubblika tal-Polonja, li l-aċċess għall-mezzi li għandhom il-partiti politiċi jikkostitwixxi element essenzjali sabiex jiffavorixxi l-kandidaturi fl-elezzjonijiet (58) muniċipali jew għall-Parlament Ewropew.
108. Barra minn hekk, kif argumentat il-Kummissjoni billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rwol tal-partiti politiċi huwa primordjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi fl-Istati Membri (59). Fil-livell tal-Unjoni, dan ir-rwol huwa rrikonoxxut b’mod ċar fl-Artikolu 10(4) TUE (60), li jikkorrispondi għall-Artikolu 12(2) tal-Karta (61).
109. Fil-fatt, rabta manifesta teżisti bejn dan l-artikolu tal-Karta u l-Artikoli 39 u 40 (62) tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u għar-raġunijiet diġà esposti (63), kif ukoll f’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, kull Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE.
110. Għalhekk, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li r-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, flimkien mal-Artikolu 11 (64) tagħha dwar il-libertà ta’ espressjoni. Dawn il-libertajiet huma partikolarment protetti minħabba r-rwol primordjali tagħhom fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija (65). L-Artikolu 12(2) tal-Karta juri varjazzjoni ta’ din ir-rabta għal dak li jirrigwarda l-partiti politiċi Ewropej.
111. Dan id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-KEDB u għalhekk għandhom jiġu rrikonoxxuti għalih l-istess sens u l-istess portata bħal dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta (66).
112. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem isegwi li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista, sa fejn jippermetti liċ-ċittadini jaġixxu kollettivament f’oqsma ta’ interess komuni u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika (67).
113. Għalhekk, huwa wkoll fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tal-Karta li għandu jiġi evalwat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-impossibbiltà legali għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jissieħbu f’partit politiku fil-Polonja tikkompromettix l-ugwaljanza, maċ-ċittadini Pollakki, tal-kundizzjonijiet tal-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew, b’mod partikolari sa fejn hija tnaqqas b’mod sostanzjali l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti.
b) Fuq l‑eżistenza ta’ limitazzjoni tal‑eżerċizzju tad‑drittijiet elettorali
114. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ma tipproduċix provi tal-effetti prattiċi tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni fuq il-kandidatura taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.
115. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi ppruvata, fil-każ fejn dan joriġina mill-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva jew ta’ regolament li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħhom ma humiex ikkontestati, permezz ta analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura (68).
116. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni tallega lir-Repubblika tal-Polonja joriġina mill-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva li dan l-Istat Membru la jikkontesta l-eżistenza u lanqas l-applikazzjoni tagħha u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma s-suġġett ta’ analiżi ġuridika fir-rikors promotur.
117. Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat sa fejn din il-leġiżlazzjoni għandha effetti dissważivi fuq eventwali kandidaturi f’elezzjonijiet, aspett li ma huwiex kwantifikabbli.
118. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja hija infondata meta tikkritika lill-Kummissjoni li ma pproduċietx provi tal-effetti prattiċi, fuq id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, tal-liġi li tirriżerva s-sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Pollakki.
119. Fir-rigward tal-liġi Pollakka inkwistjoni, li tirriżerva d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Pollakki, l-inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-drittijiet elettorali tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mis-sempliċi konstatazzjoni li dawn jibbenefikaw liberament minn għażla sabiex ikunu kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew, jiġifieri bħala membri ta’ partit politiku jew bħala indipendenti, filwaqt li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni għandhom biss dan l-aħħar mezz għad-dispożizzjoni tagħhom. Issa, kif ġie espost qabel, l-aċċess għall-partiti politiċi jippermetti li d-drittijiet elettorali jiġu eżerċitati b’mod iktar effettiv għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika.
120. Ebda element espost mir-Repubblika tal-Polonja ma jista’ jibdel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari, il-fatt li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jistgħu jiġu aċċettati biex ikunu kandidati fuq lista ta’ partit politiku ma huwiex ta’ natura li jikkumpensa din il-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ azzjoni tagħhom peress li huma jiddependu fuq kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti, kif espost mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-portata tar-rwol tal-organizzazzjonijiet għas-servizz tal-persuni mhux msieħba f’partit politiku, li tinvoka r-Repubblika tal-Polonja, ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ partit politiku.
121. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiġġustifika l-eżistenza ta’ inugwaljanza fir-rigward tal-finanzjament tal-kumitati elettorali li tirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet legali li ġiet ikklassifikata bħala “ostakolu manifest” mill-awturi tar-Rapport li hija tiċċita (69).
122. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali għad-detriment taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mqiegħda fl-istess sitwazzjoni bħaċ-ċittadini nazzjonali.
123. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja, billi adottat id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, ma osservatx ir-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tal-Artikolu 22 TFUE, li għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 12, 39 u 40 tal-Karta.
c) Fuq il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni tas‑sħubija f’partit politiku
124. Ir-Repubblika tal-Polonja tiġġustifika d-differenza fit-trattament taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, li tirriżulta mill-għażla tagħha li tirriżerva għaċ-ċittadini tagħha s-sħubija f’partit politiku, permezz ta’ raġunijiet ibbażati fuq it-Trattat, b’mod partikolari, marbuta mar-rispett tal-identità nazzjonali.
125. Dan l-Istat Membru jinvoka l-Artikolu 4(2) TUE u jargumenta, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Kummissjoni, għandu l-konsegwenza li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jipparteċipaw fil-ħajja pubblika f’livell differenti minn dak ammess mill-Istati Membri u speċjalment jippermettilhom ikollhom piż fid-deċiżjonijiet nazzjonali billi jibbenefikaw mill-mezz tal-partiti politiċi.
126. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom.
127. Issa, huwa minnu li l-organizzazzjoni tal-ħajja politika nazzjonali, li għaliha jikkontribwixxu l-partiti politiċi, tagħmel parti mill-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. F’dan ir-rigward, ir-rispett ta’ din l-identità huwa rifless fil-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali biss, mingħajr għan li jiġu armonizzati s-sistemi elettorali tal-Istati Membri (70). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-effett tal-aċċess ffaċilitat għal dawn l-elezzjonijiet fuq il-bilanċ tal-ħajja politika tal-Istat Membru ta’ residenza billi pprovda li ċerti aġġustamenti, limitati (71) u tranżitorji, jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri favur iċ-ċittadini tagħhom.
128. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-impatt fil-livell nazzjonali tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partiti politiċi minħabba l-effetti potenzjali tagħhom fi ħdan dawn il-partiti, nosserva li, fl-opinjoni tal-partijiet kollha, din taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, huma jistgħu jistabbilixxu liberament l-organizzazzjoni tagħhom u l-modalitajiet ta’ għażla tal-kandidati tagħhom (72). Nirrileva li r-Repubblika tal-Polonja tiddikjara biss, mingħajr ma turiha, l-impossibbiltà li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-imsieħba, ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, għal ċerti elezzjonijiet.
129. Għaldaqstant, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-aċċettazzjoni tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-identità nazzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.
130. Barra minn hekk, preżunt li dan il-preġudizzju jseħħ, l-Artikolu 4(2) TUE għandu jinqara billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-istess livell tiegħu (73).
131. Għalhekk, l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kkonfermati mill-ġdid fil-Karta (74) u li jinkludu l-prinċipju tad-demokrazija u l-prinċipju tal-ugwaljanza, li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 TFUE (75) u mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew. Dawn il-prinċipji jagħmlu parti mill-valuri bażiċi tal-Unjoni (76).
132. Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.
VI. Fuq l‑ispejjeż
133. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
134. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
VII. Konklużjoni
135. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) Billi ċaħdet liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma għandhomx in-nazzjonalità Pollakka, iżda li jirrisjedu fir-Repubblika tal-Polonja mid-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 22 TFUE.
2) Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Iktar ’il quddiem iċ-“ċittadini ‘mobbli’ tal-Unjoni”.
3 Il-Kummissjoni ppreżentat rikors identiku kontra r-Repubblika Ċeka (Kawża C‑808/21) li qiegħed jiġi indirizzat b’mod ikkoordinat. Fit‑12 ta’ Settembru 2023 ġiet organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal dawn iż-żewġ kawżi.
4 Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
5 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 7.
6 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 12.
7 Dz. U. tal‑1997, Nru 98, pożizzjoni 604, kif emendata (Dz.U. tal‑2022, pożizzjoni 372).
8 Dz. U. tal‑2011, Nru 21, pożizzjoni 112, kif emendata (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 1319).
9 Dz. U. tal‑1993, Nru 7, pożizzjoni 34, kif emendata (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 805).
10 Dz. U. tal‑1989, Nru 20, pożizzjoni 104, kif emendata (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 2261).
11 Ara wkoll, l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
12 Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 22), kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑141/05, EU:C:2007:653, punti 27 u 28).
13 Ara b’mod partikolari, dwar l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 43), u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C-525/14, EU:C:2016:714, punt 14), kif ukoll, dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 188 sa 190 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑132/09, EU:C:2010:562, punti 40 u 41).
15 Il-Kummissjoni tirreferi għall-għaxar premessa tad-Direttiva 93/109 u għall-erbatax-il premessa tad-Direttiva 94/80.
16 Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 1998, Parti communiste unifié de Turquie et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0130JUD001939292, punt 44), u, għal dak li jirrigwarda l-importanza tal-partiti politiċi, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 1998, Parti socialiste et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0525JUD002123793, punt 41), kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (Partit tal-prosperità) et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2003:0213JUD004134098, punti 86 sa 89).
17 Iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia”. Ara t-tieni edizzjoni ta’ dawn il-linji gwida (studju nru 881/2017). Il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 1 (p. 5), kif ukoll għall-punti 17 u 18 (p. 9) tal-imsemmija linji gwida. Fir-rigward tar-rabta li jikkostitwixxu l-partiti politiċi bejn iċ-ċittadini u l-uffiċjali pubbliċi, dik l-istituzzjoni ssemmi l-punt 18 (p. 9).
18 Ara l-punti 72 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Polonja ma tiġġustifikax li s-sħubija f’partit politiku hija inqas importanti għall-votanti mill-personalità tal-kandidati.
19 Il-Kummissjoni tirreferi għar-rapport iffinanzjat mill-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (2014‑2020) tal-Kummissjoni, intitolat “Report on Political Participation of Mobile EU Citizens: Poland” (Rapport dwar il-Parteċipazzjoni Politika taċ-Ċittadini Mobbli tal-Unjoni: il-Polonja), Ottubru 2018, p. 14, disponibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: https://faireu.ecas.org/wp-content/uploads/2019/02/FAIREU_Poland.pdf?msclkid=2da146edac3e11ec9e63cccc876888d9.
20 Il-Kummissjoni tiċċita, fil-qasam ta’ proċeduri elettorali, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545).
21 Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108).
22 Dik l-istituzzjoni tiċċita s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 88), billi tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-istatus fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni, huma obbligati jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Karta.
23 Il-Kummissjoni tfakkar li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
24 Il-Kummissjoni tirreferi mill-ġdid għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602). Għal dak li jirrigwarda l-fatt li r-regoli nazzjonali għandhom jirrispettaw id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Karta, hija ssemmi s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476).
25 Il-Kummissjoni tirreferi, fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-KEDB, għas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ April 1995, Piermont vs Franza (CE:ECHR:1995:0427JUD001577389, punt 64), li tipprovdi li l-Istati Membri tal-Unjoni ma jistgħux jipprevalu minn din id-dispożizzjoni kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinvokaw drittijiet mogħtija lilhom mit-Trattati.
26 Ir-Repubblika tal-Polonja tirreferi għad-Direttivi 93/109 u 94/80, kif ukoll, speċjalment, għall-ħames premessa tal-ewwel u r-raba’ premessa tat-tieni.
27 Dan l-argument huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-KEDB.
28 Ir-Repubblika tal-Polonja tirreferi għal żewġ rapporti ta’ studji taċ-Centrum Badania Opinii Społecznej (iċ-Ċentru ta’ Studji dwar l-Opinjoni Pubblika, il-Polonja), rispettivament, Nru 165/2018, intitolat “Motifs du vote aux élections municipales de 2018”, u Nru 96/2014, intitolat “Élections au Parlement européen dans les déclarations post-électorales des Polonais”, imwettqa abbażi ta’ dikjarazzjonijiet tal-persuni mistoqsija.
29 F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li, waqt l-aħħar elezzjonijiet muniċipali, li nżammu fl‑2018, erba’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni ħarġu bħala kandidati, fosthom tnejn bħala kandidati tal-kumitat elettorali ta’ partit jew ta’ koalizzjoni ta’ partiti. Wieħed minn dawn il-kandidati kien ġie elett f’dan il-kuntest. Waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew organizzati fl‑2019, ebda kandidat ċittadin “mobbli” tal-Unjoni ma ħareġ. Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li, minkejja li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni wrew ftit interess li joħorġu fl-elezzjonijiet, anki jekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-numru globali żgħir ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja, nofs dawn iċ-ċittadini ħarġu fuq il-listi tal-kumitat elettorali ta’ partit politiku jew ta’ koalizzjoni ta’ partiti. Għandu jsir paragun mar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill, ippreżentati fil‑25 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini (Dokument tax-Xogħol SWD(2021) 357 final), iċċitat mill-Kummissjoni. Ċittadin “mobbli” tal-Unjoni ddikjara li huwa kien ipprova joħroġ fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu u ma kienx possibbli li huwa jissieħeb f’partit politiku. Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li d-data ta’ dan ir-rapport hija bbażata fuq numru żgħir ta’ kontributuri.
30 Ara l-Artikolu 403 tal-Kodiċi Elettorali.
31 Skont ir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 19(2) KE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, jiġifieri l-Artikolu 22 TFUE attwali, “jillimita ruħu li japplika għal dan id-dritt tal-vot u għall-kandidatura l-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità”. Hija tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545, punt 53).
32 Il-Kummissjoni tiċċita, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 21 TFUE, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862), u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385).
33 L-imsemmi Stat Membru żied ir-referenzi li ġejjin: “Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punti 58 u 63). F’dik il-kawża, il-punt ikkontestat kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk iċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni kkonċernat kienx akkwista l-kwalità ta’ ħaddiem”, kif ukoll “Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1999, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑172/98, EU:C:1999:335, punt 12), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑172/98, EU:C:1999:43, punt 11)”.
34 Hawnhekk, il-Kummissjoni tiċċita parzjalment it-tielet premessa ta’ din id-direttiva.
35 L-istess raġunament japplika għad-dritt tal-vot. L-Artikolu 22 TFUE jiggarantixxi d-dritt li wieħed ikun votant fl-istadju li fih din il-kwalità tkun għadha ma ġietx akkwistata.
36 L-imsemmi Stat Membru jsemmi, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑399/17, EU:C:2019:200, punt 51).
37 Il-Kummissjoni tosserva li madankollu hija tat tal-inqas eżempju ta’ dan it-tip, ara r-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
38 C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108.
39 Hija tikkonferma r-referenza tagħha għall-punt 108 tas-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253), u tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza ċċitata f’dak il-punt.
40 Ara, fil-qasam elettorali, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet elettorali, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545, punti 45 u 52), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42). Ara wkoll, fir-rigward tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 52). Ara, fl-aħħar nett, fir-rigward tal-valuri tal-Unjoni, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 64 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u mill-Artikolu 12 tal-Att tal‑20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti fl-Assemblea b’vot universali dirett (ĠU 1976, L 278, p. 5), li jippreċiża l-prinċipji komuni applikabbli għall-proċedura ta’ elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu bħala prinċipju kompetenti li jirregolaw il-proċedura elettorali. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 67 sa 69).
42 Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 57).
43 Ara l-aħħar parti tal-Artikolu 22 TFUE, kif ukoll ir-raba’ u s-sitt premessa tad-Direttiva 93/109, kif ukoll ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 94/80. Dawn id-direttivi jagħtu dettalji dwar il-kundizzjonijiet komuni ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura relattivi, pereżempju, għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni u għat-tul ta’ residenza stabbilit mill-Istat Membru ta’ residenza, il-modalitajiet ta’ inklużjoni fil-listi elettorali u ta’ dikjarazzjoni ta’ kandidatura, kif ukoll il-każijiet ta’ esklużjoni.
44 Fuq il-klassifikazzjoni ta’ “status fundamentali”, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara l-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttivi 93/109 u 94/180. Skont Shaw, J., “Sovereignty at the Boundaries of the Polity”, f’Walker, N., Sovereignty in Transition, Hart Publishing, Londra, 2003, p. 461 sa 500, b’mod partikolari p. 471, id-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet elettorali jirrappreżentaw parti kbira mill-valur miżjud tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Maastricht. Fil-fatt, il-possibbiltà li wieħed jipparteċipa fl-elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew ilha teżisti sa mill-Att tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kien biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht li dan id-dritt ġie rregolat mit-Trattat KE, fl-Artikolu 8 B, imbagħad fl-Artikolu 19 KE u fl-Artikolu 22 TFUE. Għal tfakkira tal-istorja leġiżlattiva, ara Shaw, J. u Khadar, L., “Article 39”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 1085 sa 1112, b’mod partikolari l-punti 39.33 u 39.34 (p. 1093 u 1094). L-istess japplika għall-elezzjonijiet muniċipali sa minn dan it-Trattat. Għal tfakkira storika ddettaljata, ara Groenendijk, K., “Article 40”, The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, op. cit., p. 1113 sa 1123, b’mod partikolari l-punt 40.17 (p. 1118). Ara, fir-rigward tal-Artikolu 19 KE, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 66), u, fl-istess sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42).
46 Ara t-tielet premessa tad-Direttivi 93/109 u 94/80, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 50).
47 Skont l-Artikolu 6(1) TUE, hija għandha l-istess valur legali bħat-Trattati.
48 Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) (iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”), “l-Artikolu 39(1) jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) [TFUE]”, u l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt.
49 Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, dan l-artikolu “jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) [TFUE]”, u l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 51).
50 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).
51 Ara l-Artikolu 2 TUE. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 64 u 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li għandha titqabbel mas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 112), ibbażata fuq ir-rabta impliċita bejn tliet valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri d-demokrazija, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali). Dwar is-setgħa ta’ kontroll tal-istituzzjonijiet, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 159).
52 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(1) TUE jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63).
53 Ara l-għaxar premessa u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 93/109, kif ukoll l-erbatax‑il premessa u l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, dwar l-importanza ta’ dan il-fattur, Shaw, J., “Sovereignty at the Boundaries of the Polity”, op. cit., p. 478, li jipprovdi li “[i]d-drittijiet elettorali […] huma drittijiet komplementari għall-migrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, drittijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Unjoni li taġixxi bħala grupp politiku protettur sabiex tiffavorixxi sentiment iktar profond ta’ involviment min-naħa tal-migrant tal-Unjoni fl-Istat ospitanti kif ukoll f’ċerti aspetti tal-kultura politika tiegħu, u sabiex tillimita d-dannu fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet politiċi li l-migrant jista’ jkun vittma tiegħu minħabba li telaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu” (traduzzjoni libera).
54 Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini u persuni li ma humiex jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni apparenti minħabba n-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland (C‑372/21, EU:C:2023:59, punt 29).
55 Ara, f’dan is-sens, is-sitt premessa tad-Direttiva 93/109 u l-ħames premessa tad-Direttiva 94/80.
56 Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, invokat mir-Repubblika Ċeka, għandu jsir riferiment għas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:453, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju li l-miżuri nazzjonali jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE biss sa fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni previsti minn dan it-trattat.
57 Ara, speċjalment, il-punti 17 u 18 (p. 9).
58 Ara f’dan ir-rigward, dwar il-finanzjament u l-aċċess għall-midja, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, punt 185 (p. 59 u 60).
59 Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2008, Yumak u Sadak vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:0708JUD00102260, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, dik il-Qorti tenfasizza li d-dibattitu politiku, li għalih jikkontribwixxu l-partiti politiċi, “jinsab fil-qalba nnifisha tal-kunċett ta’ soċjetà demokratika”.
60 Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-partiti politiċi Ewropej. Essenzjalment, din tirriproduċi t-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 191 KE.
61 Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.
62 Fuq ir-rabta stabbilita bejn l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta u l-Artikolu 12(2) tagħha, dwar ir-rwol tal-partiti politiċi, ara Costa, O., “Article 39 – Droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales et au Parlement européen”, f’Picod, F., Rizcallah, C., Van Drooghenbroeck, S., Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: commentaire article par article, it-tielet edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2023, p. 1043 sa 1068, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 1048), u fl-istess xogħol, Ducoulombier, P., “Article 12 – Liberté de réunion et d’association”, p. 313 sa 327, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 317 u 318). Ara wkoll, Shaw, J., u Khadar, L., op. cit., punt 39.04 (p. 1087), kif ukoll Groenendijk, K., op. cit., punt 40.26 (p. 1120).
63 Ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
64 Dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB. Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.
65 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑18 ta’ Frar 1999, Matthews vs Ir‑Renju Unit, (CE:ECHR:1999:0218JUD002483394, punt 44), li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-elezzjonijiet tal-membri tal-Parlament Ewropew..
66 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 111 sa 114).
67 Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 1998, Parti communiste unifié de Turquie et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0130JUD001939292, punt 25). Fiha ġie ppreċiżat li “il-partiti politiċi jirrappreżentaw forma ta’ assoċjazzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija. Fid-dawl tal-importanza tagħha fis-sistema tal-[KEDB] […], ma jista’ jkun hemm ebda dubju li jaqgħu taħt l-Artikolu 11”. Fir-rigward tal-importanza tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika taċ-ċittadini f’kuntest iktar wiesa’, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 88, 90 u 92), kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L‑Ażerbajġan (CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punti 52 u 53).
68 Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 37).
69 Ara r-Rapport dwar il-Parteċipazzjoni Politika ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 14.
70 Ara f’dan is-sens, il-ħames premessa tad-Direttiva 93/109 u r-raba’ premessa tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545 punti 52 u 53).
71 Ara l-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan ir-rigward, dwar ir-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerti karigi għaċ-ċittadini nazzjonali u tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ta’ assemblea parlamentari, il-ħames u l-għaxar premessa, kif ukoll l-Artikolu 5(3) u (4) tad-Direttiva 94/80. Fuq il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ manuvra, ara r-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 1.3.6 (p. 20), u l-analiżi ta’ Blacher, P., “Article 40 – Droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales”, f’Picod, F., Rizcallah, C., Van Drooghenbroeck, S., op. cit., p. 1069 sa 1088, b’mod partikolari l-punt 16 (p. 1083 u 1084). Għal dak li jirrigwarda l-limitazzjonijiet tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura, speċjalment skont il-proporzjon ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ residenza u t-tul ta’ residenza, ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva 93/109 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, il-kummenti ta’ Shaw, J., u Khadar, L., op. cit., punt 39.74 (p. 1104), fir-rigward tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kif ukoll ta’ Groenendijk, K., op. cit., punti 40.27 u 40.28 (p. 1121), fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali.
72 Ara f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, punti 153 u 155 (p. 49 u 50). Ara wkoll, bħala eżempju, ir-Rapport ta’ Alina Ostling iffinanzjat mill-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (2014-2020) tal-Kummissjoni, intitolat “Fair EU Synthesis report : Electoral Rights for Mobile EU Citizens – Challenges and Facilitators of Implementation”, punt 4.1.2 (p. 27).
73 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).
74 Ara t-tieni u l-ħames premessa tal-Preambolu tal-Karta.
75 Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-artikolu, għandu jsir riferiment għall-punti 101, 110 u 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
76 Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 127), u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 145). Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).