This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0721
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 19 January 2023.#Eco Advocacy CLG v An Bord Pleanála.#Request for a preliminary ruling from the High Court (Ireland).#Reference for a preliminary ruling – Environment – Directive 92/43/EEC – Conservation of natural habitats and of wild fauna and flora – Special areas of conservation – Article 6(3) – Screening of a plan or project with a view to determining whether or not it is necessary to carry out an appropriate assessment of the implications of that plan or project for a special area of conservation – Statement of reasons – Measures that may be taken into account – Project for the construction of a dwelling – Procedural autonomy – Principles of equivalence and effectiveness – Procedural rules according to which the subject matter of the dispute is determined by the pleas in law put forward at the point in time at which the action was brought.#Case C-721/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2023.
Eco Advocacy CLG vs An Bord Pleanála.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali, kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6(3) – Screening ta’ pjan jew ta’ proġett bl-għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa jew le tal-impatt ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni – Motivazzjoni – Miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Proġett ta’ bini ta’ residenza – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Regoli proċedurali li bis-saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima jiġi ddeterminat mill-motivi mqajma fil-mument tal-preżentata tar-rikors.
Kawża C-721/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2023.
Eco Advocacy CLG vs An Bord Pleanála.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali, kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6(3) – Screening ta’ pjan jew ta’ proġett bl-għan li jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni xierqa jew le tal-impatt ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni – Motivazzjoni – Miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Proġett ta’ bini ta’ residenza – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Regoli proċedurali li bis-saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima jiġi ddeterminat mill-motivi mqajma fil-mument tal-preżentata tar-rikors.
Kawża C-721/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:39
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fid‑19 ta’ Jannar 2023 ( 1 )
Kawża C‑721/21
Eco Advocacy CLG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività – Rekwiżiti rigward l-argumenti bil-miktub quddiem il-qorti nazzjonali – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni – Motivazzjoni – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti – Eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni – Miżuri għat-tnaqqis tad-dannu – Konfutazzjoni ta’ dubji”
I. Introduzzjoni
1. |
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jeżiġi diversi evalwazzjonijiet tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u proġetti fuq l-ambjent. L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva SEA ( 2 ) u l-evalwazzjoni xierqa ( 3 ) tal-effetti skont id-Direttiva dwar il-Habitats ( 4 ) huma l-eżempji probabbilment l-iktar magħrufa. |
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, ċerti rekwiżiti formali għall-eżami preliminari dwar jekk l-imsemmija evalwazzjonijiet humiex effettivament neċessarji. Fir-rigward taż-żewġ direttivi, għandu jiġi ċċarat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma ssirx l-evalwazzjoni hekk imsejħa għandhiex tiġi espressament indikata u jekk, fil-każ ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, din il-motivazzjoni għandhiex issemmi espressament il-kriterji kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont id-Direttiva SEA. F’dak li jirrigwarda l-eżami preliminari taħt id-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk ċerti miżuri għal tnaqqis tad-danni jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni xierqa tal-effetti għandhiex tikkonfuta ċerti oġġezzjonijiet. |
3. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar ir-rekwiżiti imposti fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward, tqum problema analoga għal dik tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni magħmula fl-istadju tal-eżami preliminari: huwa possibbli li r-rikorrenti nnifishom ma esponewx b’mod ċar biżżejjed il-motiv li jgħid li l-motivazzjoni ma ġietx, fil-fehma tagħhom, esposta b’mod ċar biżżejjed. |
4. |
Ser nispjega iktar ’il quddiem li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-argumenti quddiem qorti u dwar il-kuntest formali tal-motivazzjoni huma limitati ħafna. Essenzjalment, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward u l-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw l-argumenti rispettivi tal-partijiet u l-informazzjoni korrispondenti li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑Direttiva SEA
5. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva SEA jiddefinixxi l-modalitajiet dwar kif għandu jiġi ddeterminat jekk titwettaqx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent: “(2) Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b). (3) Fejn issir analiżi każ b’każ jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti ddikjarati fl-Anness III. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx hemm bżonn li proġetti jgħaddu jew mid-determinazzjoni taħt il-paragrafi 4 u 5 jew minn valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u/jew limiti massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta proġetti jkunu f’kull każ suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mingħajr ma jgħaddu minn determinazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 4 u 5. (4) […] (5) L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni tagħha, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-iżviluppatur f’konformità mal-paragrafu 4 filwaqt li tqis, meta jkun rilevanti, ir-riżultati ta’ verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. Id-determinazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u:
|
6. |
L-Anness III tad-Direttiva SEA jinkludi l-kriterji ta’ għażla għad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(3): “1. Karatteristiċi tal-proġetti Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jitqiesu, b’mod partikolari fir-rigward ta’
2. Il-post fejn jinsabu l-proġetti Għandha titqies is-sensittività ambjentali ta’ żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
3. It-tip u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali L-effetti sinifikattivi li l-proġetti x’aktarx ikollhom fuq l-ambjent għandhom jitqiesu f’rabta mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness, fir-rigward tal-impatt tal-pproġett fuq il-fatturi speċifikati fl-Artikolu 3(1), filwaqt li jitqiesu:
|
B. Id‑Direttiva dwar il‑Habitats
7. |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jirregola l-hekk imsejħa evalwazzjoni tal-effetti. “Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.” |
III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
8. |
Ir-rikors għandu bħala suġġett l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-An Bord Pleanála (l-Awtorità Irlandiża tal-Ippjanar, iktar ’il quddiem il-“Board”), għal proġett ta’ kostruzzjoni ta’ djar fi Trim, fil-kontea ta’ Meath. Dan il-proġett jinkludi l-kostruzzjoni ta’ 320 unità ta’ abitazzjoni f’Charterschool Land, Manorlands. |
9. |
Wara diversi kuntatti informali, l-applikazzjoni formali għal permess tal-bini għal dan il-proġett ġiet ippreżentata fit‑8 ta’ Lulju 2020. Dan il-proġett jipprevedi l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ prekawzjoni għat-tindif tal-ilma tax-xeba’ qabel ma dan jispiċċa fix-xmajra li hija xmara tributarja tax-xmara Boyne. |
10. |
Il-Boyne nnifisha tgħaddi madwar 640 metru fit-Tramuntana tal-proġett. Hija tagħmel parti miż-żona ta’ protezzjoni, kif iddefinita mid-Direttiva dwar l-Għasafar, tar-“River Boyne and River Blackwater Special Protection Area” (IE0004232), li għaliha l-għasfur ta’ San Martin (Alcedo atthis) [A229] jirrappreżenta “qualifying interest” (importanza partikolari). Iż-żona tinsab fuq żona ta’ protezzjoni skont id-Direttiva dwar il-Habitats, ir-“River Boyne and River Blackwater Special Area of Conservation” (IE0002299). It-tipi ta’ habitats ta’ moxa mistagħdra kalkarja [7230] u l-foresti alluvjali Alnus glutinosa (siġar tal-alnu) u Fraxinus excelsior (siġar tal-fraxxnu), (Alno-Padion, Alnion incanae, Salicion albae) [91E0] kif ukoll l-ispeċi ta’ annimali Lampetra fluviatilis (qlafat tax-xmajjar) [1099], Salmo salar) (salamun) [1106] u Lutra lutra (lontra) [1355] jirrappreżentaw ukoll “qualifying interest” (importanza partikolari). |
11. |
Tħejja rapport dwar l-eżami preliminari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kif ukoll twettqet evalwazzjoni tal-effetti ekoloġiċi li tinkludi għadd ta’ proposti għal miżuri ta’ mitigazzjoni. Ġie ppreżentat ukoll rapport dwar l-eżami preliminari skont id-Direttiva dwar il-Habitats, li kkonkluda li ma kienx ser ikun hemm impatt fuq is-siti Natura 2000. |
12. |
An Taisce (National Trust for Ireland, espert legali tal-ippjanar tat-territorju) u l-Council (il-Kunsill) tal-Belt ta’ Trim ippreżentaw osservazzjonijiet li juru l-effetti possibbli fuq is-siti Natura 2000 li jirriżultaw mir-rimi tal-ilma tax-xeba’. Il-Kunsill esprima wkoll riżervi fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi. |
13. |
Il-Board madankollu ħareġ l-awtorizzazzjoni kontenzjuża mingħajr ma wettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent konformement mad-Direttiva SEA u lanqas evalwazzjoni tal-effetti skont id-Direttiva dwar il-Habitats. |
14. |
Il-mudell użat mill-eżaminatriċi tal-Board fl-Anness A tar-rapport tagħha juża format għall-eżami preliminari tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li jvarja fuq punti essenzjali mill-Anness III tad-Direttiva SEA. Il-High Court (il-Qorti Għolja) tqis li l-konkordanza bejn l-Anness III u r-rapport tal-eżaminatriċi ma tidhirx ċara. Barra minn hekk, l-eżaminatriċi teżamina l-beżgħat tal-effetti fuq is-siti Natura 2000, iżda tqis, fl-aħħar mill-aħħar, li dawn ma humiex fondati. |
15. |
Fis‑27 ta’ Ottubru 2020, l-awtorizzazzjoni ngħatat formalment permezz ta’ deċiżjoni tal-Board, skont il-proċedura applikabbli għall-proġetti ta’ bini ta’ akkomodazzjoni ta’ natura strateġika. Il-Board ma speċifikax f’liema dokumenti kienet tinsab eżattament il-motivazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva SEA u tal-evalwazzjoni tal-effetti fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats. Skont il-High Court (il-Qorti Għolja), jidher li l-intenzjoni kienet li r-rapport tal-eżaminatriċi, li jinsab fl-Anness A ta’ dan id-dokument, u r-rapporti ppreżentati mill-iżviluppatura, għandu jkun fihom il-motivazzjoni sa fejn l-eżaminatriċi rreferiet għalihom. |
16. |
Eco Advocacy ppreżentat rikors kontra din l-awtorizzazzjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja). |
17. |
Mill-ewwel sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) jirriżulta li Eco Advocacy invokat, għall-ewwel darba waqt is-seduta, iż-żewġ motivi li huma s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domanda kif ukoll tas-sitt domanda ( 6 ). Sussegwentement, An Taisce u ClientEarth ġew ammessi fil-proċedura inkwantu amici curiae. |
18. |
Permezz ta’ digriet ippreżentat fir-Reġistru fis‑26 ta’ Novembru 2021, il-High Court (il-Qorti Għolja) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
19. |
Ġew sottomessi b’mod konġunt dikjarazzjonijiet bil-miktub minn Eco Advocacy CLG, An Board Pleanála, An Taisce – The National Trust for Ireland u ClientEarth b’mod konġunt, kif ukoll mill-Irlanda, mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Taljana, dawn il-partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fis‑27 ta’ Ottubru 2022. |
IV. Analiżi legali
20. |
Id-domandi magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja) jirrigwardaw, minn naħa, il-legalità ta’ rekwiżiti rigward l-argumenti ta’ partijiet li jinvokaw ksur tad-dritt tal-Unjoni (l-ewwel domanda) u, min-naħa l-oħra, l-eżami preliminari dwar jekk għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva SEA (it-tieni u t-tielet domanda) jew evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq iż-żoni ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats (ir-raba’ sas-sitt domanda). |
A. L‑ewwel domanda: rekwiżiti għall‑espożizzjoni tal‑allegat ksur
21. |
L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġu ċċarati l-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni għar-rekwiżiti nazzjonali dwar il-forma ta’ espożizzjoni tal-motivi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Mid-domanda jirriżulta li, skont id-dritt proċedurali Irlandiż, il-ksur konkret allegat għandu jiġi espost fl-atti tal-partijiet. Madankollu, jidher li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ppreċiżawx, fil-motivi kollha, liema dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata ġew miksura, liema hija l-interpretazzjoni eżatta li għaliha qiegħed isir riferiment u f’hiex jikkonsisti, fil-fehma tagħhom, il-ksur. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u/jew ta’ kooperazzjoni leali, jew, b’mod ġenerali, jew fil-kuntest speċifiku tad-dritt tal-ambjent, jagħtix ġurisdizzjoni, jew saħansitra joħloq obbligu, għall-qrati nazzjonali li xorta waħda jeżaminaw tali motivi li ma ġewx esposti suffiċjentement bil-miktub. |
1. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda
22. |
L-Italja tqis li din id-domanda hija inammissibbli minħabba li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tesponix b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kellhom jiġu ssodisfatti mill-argumenti ta’ Eco Advocacy sabiex dawn tal-aħħar ikunu ammissibbli. |
23. |
Għandha tintlaqa’ din l-oġġezzjoni, li espożizzjoni iktar preċiża ta’ dawn ir-regoli nazzjonali u tal-argumenti kemm bil-miktub kif ukoll orali fit-talba għal deċiżjoni preliminari kienet tkun ta’ għajnuna għal risposta utli tal-Qorti tal-Ġustizzja u għall-parteċipazzjoni tal-Italja fil-proċedura. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi espożizzjoni sommarja tas-suġġett tat-tilwima u tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jew, tal-inqas, espożizzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati d-domandi kif ukoll il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw fil-kawża kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. |
24. |
Għalkemm din l-informazzjoni tista’ tinkiseb mill-atti proċedurali nazzjonali u, b’mod partikolari, minn sentenza preċedenti tal-High Court (il-Qorti Għolja) ( 7 ), madankollu, dawn l-elementi ma jiġux ikkomunikati lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas ma huma tradotti. |
25. |
Minkejja din l-assenza, huwa madankollu possibbli li tingħata risposta għal din id-domanda sa fejn, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-tilwima li biha hija adita l-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, ma huwiex xieraq li din id-domanda tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
2. Evalwazzjoni
26. |
L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt proċedurali intern jistax jeżiġi li ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi invokat b’mod ċar u preċiż diġà fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk tali rekwiżiti fir-rigward tal-argumenti tal-partijiet humiex legali u, min-naħa l-oħra, jekk id-dritt tal-Unjoni jawtorizzax jew saħansitra jobbligax lil-qrati nazzjonali jqajmu ex officio tali ksur, indipendentement mill-espożizzjoni fil-ħin ta’ tali ksur mill-partijiet. |
a) Rekwiżiti li jirrigwardaw l‑argumenti tal‑partijiet
27. |
Qabelxejn, mill-prinċipju ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u/jew ta’ kooperazzjoni leali, invokat mill-High Court (il-Qorti Għolja), jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 8 ). |
28. |
Madankollu, kif diġà esponejt f’konklużjonijiet preċedenti ( 9 ), huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għal rikorsi intiżi sabiex jiġu implimentati d-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (awtonomija proċedurali tal-Istati Membri), fi kwalunkwe każ fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam. Fil-kawża ineżami, il-modalitajiet proċedurali ta’ dawn ir-rikorsi ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 10 ). |
29. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA jinkludi regoli speċifiċi fil-qasam tal-protezzjoni ġuridika li, f’dan il-każ, jistgħu jillimitaw l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Skont l-Artikolu 11(1), l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, aċċess għal proċedura ta’ rikors quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex tiġi kkontestata l-legalità sostantiva u proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) jipprevedi li l-proċeduri kkonċernati għandhom ikunu ġusti, retti, f’waqthom u ma jiswewx tant li jkunu projbittivi. |
30. |
Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu, b’mod partikolari, li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent ikollhom aċċess għal proċedura ta’ rikors effettiva u ekwa. F’dan il-kuntest, għandha teżisti l-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet rilevanti, u għaldaqstant li jiġi esposti ċerti motivi. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux kif u l-mument li fih dawn il-motivi għandhom jiġu esposti. Għaldaqstant, dan l-aspett ikompli jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. |
31. |
Ma jidhirx li l-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa ppreġudikat fil-kawża ineżami. Għall-kuntrarju, ma huwiex eskluż li rekwiżiti fir-rigward tal-preċiżjoni tal-argumenti bil-miktub jistgħu jirrendu iktar diffiċli jew impossibbli l-invokazzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet. Madankollu, il-prinċipju ta’ effettività jinkiser biss jekk b’dan il-mod l-eżekuzzjoni ġudizzjarja ssir eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli. |
32. |
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fl-istruttura ġenerali tal-proċedura, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s‑sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad‑difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 11 ). |
33. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li regoli proċedurali nazzjonali li bis‑saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima huwa ddeterminat mill-motivi tar-rikors imqajma fil-mument tal-preżentata tiegħu huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività sakemm huma jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jħarsuha mid-dewmien inerenti fl-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda ( 12 ). |
34. |
Kif tirrileva ġustament l-Irlanda, regoli analogi jeżistu wkoll fid-dritt proċedurali tal-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 13 ). Skont l-Artikolu 127(1), ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. |
35. |
Għalhekk huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività li d-dritt proċedurali tal-qrati nazzjonali jeżiġi, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti tal-partijiet, li dawn jiġu esposti fi stadju bikri b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. |
36. |
Il-kwistjoni dwar liema tip ta’ espożizzjoni huwa suffiċjentement ċar u preċiż jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-fattur deċiżiv għandu jkun jekk il-partijiet involuti u l-qorti jistgħux jidentifikaw b’ċertezza l-motiv ikkonċernat. Formaliżmu eċċessiv biss ikun ikkunsidrat bħala eċċessivament diffiċli u għalhekk ma jkunx konformi mal-prinċipju ta’ effettività. |
37. |
Barra minn hekk, ir-rekwiżiti dwar l-espożizzjoni tal-motivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sa fejn l-aġir tal-parti l-oħra kkontribwixxa għal eventwali nuqqasijiet. B’mod partikolari, it-tieni, it-tielet, il-ħames u s-sitt domanda jindikaw li, fil-kawża prinċipali, il-Board ippreżenta l-motivi tal-awtorizzazzjoni kontenzjuża taħt forma li setgħet tikkontribwixxi għan-nuqqasijiet tal-argumenti ta’ Eco Advocacy. Jekk dan huwa l-każ, din iċ-ċirkustanza jkollha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti dwar l-argumenti ta’ Eco Advocacy. |
38. |
Il-kwistjoni dwar jekk ċerti atti tal-partijiet jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali kompetenti. Din il-qorti għandha tiddetermina l-kontenut tar-rekwiżiti nazzjonali rilevanti billi tinterpreta d-dispożizzjonijiet ikkonċernati u hija biss din il-qorti li għandha l-għarfien neċessarju sabiex tkun tista’ tevalwa liema tip ta’ espożizzjoni hija suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tinftiehem mill-partijiet u minnha nnifisha. Barra minn hekk, dik il-qorti tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tiddetermina jekk nuqqasijiet li jaffettwaw l-argumenti, effettivament tawx lok għal fehim ħażin u sa fejn dawn huma attribwibbli għall-aġir tal-parti l-oħra. |
39. |
Fil-qosor, għandu jingħad li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, limitata mill-prinċipju ta’ effettività, tippermetti li l-partijiet f’tilwima jkunu obbligati jesponu fl-argumenti bil-miktub tagħhom, fi stadju bikri, ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, sabiex dan il-ksur jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali. |
b) Tqajjim ex officio
40. |
Madankollu, ir-rekwiżiti awtorizzati skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li jirrigwardaw l-argumenti tal-partijiet quddiem il-qrati nazzjonali, ikunu limitati fl-effettività tagħhom jekk dawn il-qrati jkunu obbligati mid-dritt tal-Unjoni, jew tal-inqas awtorizzati, li jqajmu ex officio ksur tad-dritt tal-Unjoni espost b’mod insuffiċjenti. |
41. |
Il-High Court (il-Qorti Għolja) madankollu tiddeduċi tali obbligu min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, An Taisce tiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-qrati nazzjonali, fil-verżjoni Ingliża ta’ dawn is-sentenzi “of their own motion”, ma għandhomx japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 14 ). Abbażi tal-verżjoni Ingliża ta’ din il-ġurisprudenza, dan jinftiehem peress li “of their own motion” tista’ tiġi tradotta wkoll bil-frażi’“ex officio”. Din il-ġurisprudenza tista’ għalhekk tinftiehem fis-sens li l-qrati tal-Istati Membri huma obbligati li jeskludu ex officio l-applikazzjoni tad-dritt intern meta din tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
42. |
Madankollu, din il-perspettiva hija bbażata fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza ċċitata dwar is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Dan joħroġ b’mod iktar ċar mill-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din il-formulazzjoni, li skontha l-qrati għandhom jaġixxu “de leur propre autorité”, iżda wkoll, pereżempju, mill-verżjoni Ġermaniża, li tuża “eigener Entscheidungsbefugnis” ( 15 ). |
43. |
Kif jirriżulta wkoll mill-kuntest li fih isiru dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija qiegħda tirreferi hawnhekk għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jew, jekk meħtieġ, li japplikaw id-dritt tal-Unjoni li għandu supremazija mingħajr ma jkollhom jistennew li dispożizzjonijiet interni li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni jitħassru jew jiġu annullati. |
44. |
Kif diġà esponejt, ma huwiex neċessarju li l-partijiet jinvokaw espressament fid-dettall quddiem il-qrati nazzjonali liema huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li dawn il-qrati huma mitluba jinterpretaw b’mod konformi jew iħallu mhux applikati. Għall-kuntrarju, id-determinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-elaborazzjoni tal-metodu sabiex tiġi eliminata eventwali kontradizzjoni bejn id-dritt intern u d-dritt tal-Unjoni jifformaw parti mill-obbligu tal-qrati nazzjonali li jilħqu l-għan previst mid-dritt tal-Unjoni ( 16 ). |
45. |
Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-qrati nazzjonali jistgħux jew għandhomx iqajmu ex officio ċertu ksur tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex relatata ma’ din il-kwistjoni. |
46. |
L-istess bħas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA ma jinkludux rekwiżiti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, ma hemm xejn f’dawn id-dispożizzjonijiet li jindika obbligu jew awtorizzazzjoni tal-qrati nazzjonali li jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata lil hinn mill-motivi invokati. |
47. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA jiddistingwixxi ruħu mir-regoli li kienu s-suġġett ta’ sentenza reċenti dwar eżami mill-ġdid tad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji jistħarrġu f’intervalli regolari l-legalità tad-detenzjoni, mingħajr ma jillimitaw bl-ebda mod dan l-obbligu ( 17 ). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li hija l-awtorità ġudizzjarja kompetenti li għandha tqajjem ex officio l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni ta’ legalità li ma ġietx invokata mill-persuna kkonċernata ( 18 ). Dan l-obbligu huwa ġġustifikat fid-dawl tal-indħil serju fid-dritt għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, marbut mad-detenzjoni. Madankollu, fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, ma jeżistux dispożizzjonijiet paragunabbli u, b’mod ġenerali, lanqas ma hemm indħil serju simili fid-drittijiet tal-individwi. |
48. |
Għalhekk, l-obbligu jew l-awtorizzazzjoni tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio ċerti motivi għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li hija limitata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
49. |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jeżaminaw ex officio l-kwistjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta, fl-eżami ta’ din il-kwistjoni, huma jkollhom imorru lil hinn mil-limiti tat-tilwima kif iddefiniti mill-partijiet. Għall-kuntrarju, dawn il-qrati huma obbligati jqajmu ex officio l-aspetti ġuridiċi li jirriżultaw minn dispożizzjoni vinkolanti tal-Unjoni meta, skont id-dritt nazzjonali, dawn huma obbligati jew awtorizzati li jagħmlu dan fir-rigward ta’ dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt intern ( 19 ). |
50. |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’deroga minn dak li ntqal hawn fuq, li l-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Klawżoli Inġusti f’Kuntratti mal-Konsumatur ( 20 ) u, meta jagħmlu dan, għandhom jirrimedjaw l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollhom il-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan ( 21 ). Madankollu, dan huwa każ partikolari fejn il-bżonn speċifiku ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jimmanifesta ruħu wkoll mill-fatt li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ( 22 ), il-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet din il-ġurisprudenza għall-infurzar ta’ ċerti drittijiet oħra li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-konsumaturi ( 23 ). |
51. |
Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi eventwalment trasposta għal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni f’każijiet li jippreżentaw riskju ta’ ksur partikolarment serju ( 24 ). Madankollu, ebda indizju f’dan is-sens ma jista’ jinstab fil-kawża ineżami. Għalhekk, ma hemmx lok li din il-kwistjoni tkompli tiġi eżaminata. |
52. |
Id-domanda preliminari ssemmi, barra minn hekk, l-ipoteżi li għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-qrati nazzjonali jqajmu ex officio ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, tal-inqas, madankollu, jawtorizzahom li jagħmlu dan. Ma huwiex ċar jekk din il-kwistjoni hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima peress li l-partijiet Irlandiżi jesponu b’mod unanimu d-dritt Irlandiż diġà jawtorizza lill-High Court (il-Qorti Għolja), taħt ċerti ċirkustanzi, tqajjem ex officio tali ksur. |
53. |
Fil-każ li din il-kwistjoni tkun rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, hija għandha tiġi evalwata wkoll b’riferiment għal-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, stabbiliti mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
54. |
Tali awtorizzazzjoni tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ ekwivalenza, jekk id-dritt intern jipprevedi din is-setgħa f’każijiet paragunabbli. Għalkemm l-argument li għadu kif issemma huwa f’dan is-sens, fl-aħħar mill-aħħar ma hemmx informazzjoni suffiċjenti dwar id-dritt Irlandiż sabiex tingħata risposta definittiva għal din id-domanda. |
55. |
Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ effettività jista’, l-iktar l-iktar, jistabbilixxi l-obbligu għall-qrati nazzjonali li jqajmu ex officio ċertu ksur, għalkemm ma hemm xejn fil-każ preżenti li jindika l-eżistenza ta’ dan. Il-punt ta’ riferiment għal dan il-prinċipju huwa speċifikament dak tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. L-infurzar ta’ drittijiet ma jistax jiddependi fuq setgħa li l-eżerċizzju tagħha huwa fid-diskrezzjoni tal-qrati. |
56. |
Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax u lanqas ma jawtorizza, b’mod ġenerali, lill-qrati nazzjonali jqajmu ex officio ksur tad-dritt tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. |
c) Ir‑risposta għall‑ewwel domanda
57. |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, limitata mill-prinċipju ta’ effettività, tippermetti li l-partijiet f’tilwima jiġu obbligati jesponu fl-argumenti tagħhom bil-miktub, fi stadju bikri, ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex dan ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali. B’mod ġenerali, id-dritt tal-Unjoni la jobbliga u lanqas jawtorizza lill-qorti nazzjonali tqajjem ex officio tali ksur. |
B. Kwistjonijiet dwar l‑evalwazzjoni tal‑effetti fuq l‑ambjent
58. |
It-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw l-eżami preliminari dwar jekk proġett għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Huwa minnu li dawn id-domandi jqumu biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, iżda, skont il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, hija finalment il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq dan l-aspett abbażi tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi. |
59. |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex, qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Din hija l-hekk imsejħa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
60. |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA jipprevedi li l-proġetti elenkati fl-Anness I għandhom, bħala prinċipju, dejjem ikunu suġġetti għal din l-evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 4(2), fir-rigward ta’ proġetti elenkati fl-Anness II, f’ċerti sitwazzjonijiet għandu jiġi ddeterminat fuq bażi ta’ każ b’każ jekk hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’tali determinazzjoni, l-Artikolu 4(3) jipprevedi li l-kriterji ta’ għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Id-domandi f’dan il-każ jirrigwardaw dan l-eżami preliminari. |
61. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssir meta jkun hemm probabbiltà jew riskju li l-proġett inkwistjoni jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Meta jitqies, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li għandha tintlaħaq mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, u fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva SEA għandha tiġi interpretata fid-dawl tiegħu, riskju bħal dan jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-proġett inkwistjoni ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ( 25 ). Dan jikkorrispondi mal-prattika deċiżjonali ( 26 ) tal-Kumitat ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Espoo ( 27 ), implimentata mid-Direttiva SEA ( 28 ). |
62. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-ewwel ser nirrispondi għat-tielet domanda, imbagħad għat-tieni domanda. |
1. It‑tielet domanda: portata tal‑motivazzjoni fil‑każ ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal‑effetti fuq l‑ambjent
63. |
Permezz tat-tielet domanda, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tikseb kjarifika rigward ir-rekwiżiti dwar il-komprensibbiltà tal-motivazzjoni; hija tistaqsi jekk l-awtorità għandhiex tesponi espressament l-eżami tat-titoli u tas-sottotitoli preċiżi kollha, imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva SEA, sa fejn dawn it-titoli u sottotitoli jistgħu jkunu rilevanti għall-proġett. |
64. |
Skont l-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva SEA, id-determinazzjoni magħmula mill-awtorità kompetenti għandha tindika, billi tirreferi għall-kriterji rilevanti li jinsabu fl-Anness III, ir-raġunijiet prinċipali sabiex ma tiġix mitluba evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva SEA jikkonċernaw ċerti karatteristiċi tal-proġett ikkonċernat, il-karatteristiċi tas-sit kif ukoll in-natura u l-karatteristiċi tal-effetti potenzjali. |
65. |
Il-motivazzjoni tista’ tissodisfa dawn ir-rekwiżiti biss jekk hija teskludi, għal kull wieħed mill-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva SEA, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-proġett ikollu effetti sinjifikattivi. Fil-każ ta’ ċerti kriterji, din il-konklużjoni tista’ tkun ovvja; f’dan ir-rigward, indikazzjoni qasira tista’ tkun suffiċjenti, jekk ikun il-każ, anki b’mod konġunt għall-kriterji kollha ta’ dan it-tip. F’każijiet oħra, tista’ tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali ( 29 ). |
66. |
Id-Direttiva SEA ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-forma ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-punti. B’mod partikolari, hija ma teżiġix li l-motivazzjoni ssegwi l-istruttura tal-Anness III. Madankollu, il-motivazzjoni għandha teskludi b’mod suffiċjentement ċar il-possibbiltà li l-proġett ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Jekk dan ma jkunx il-każ fir-rigward ta’ ċerti kriterji tal-Anness III, il-motivazzjoni ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni li ma ssirx l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
67. |
Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, imsemmija fl-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva SEA, għandha teskludi, abbażi ta’ elementi oġġettivi u billi tirreferi għall-kriterji rilevanti tal-Anness III, il-probabbiltà jew ir-riskju li l-proġett ikkonċernat ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
2. It‑tieni domanda: identifikazzjoni speċifika tal‑motivazzjoni fil‑każ ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal‑effetti fuq l‑ambjent
68. |
It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi ċċarat sa fejn id-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tindika bi preċiżjoni d-dokumenti li fihom jinstabu l-motivi ta’ din id-deċiżjoni. |
69. |
Din id-domanda għandha bħala sfond il-fatt li, fil-kawża prinċipali, Eco Advocacy kienet ilmentat li d-deċiżjoni tal-Board ma kinitx motivata, mingħajr ma kienet konxja li l-motivazzjoni tinsab f’anness tad-deċiżjoni. |
70. |
Kif diġà indikajt, l-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva SEA jipprevedi li d-deċiżjoni li ma tiġix imposta evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tiġi motivata. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur ifformula b’mod espliċitu l-obbligu ta’ motivazzjoni, li jimplika neċessarjament l-eżistenza tal-possibbiltà li din id-deċiżjoni tiġi kkontestata b’mod effettiv ( 30 ). Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat preċedentement li kien biżżejjed li l-motivazzjoni tinsab fid-deċiżjoni nnifisha, jew inkella f’komunikazzjoni sussegwenti magħmula fuq talba ( 31 ), issa huwa stabbilit li l-motivi għandhom ikunu parti mid-deċiżjoni. |
71. |
Madankollu, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva SEA ma jimponix fuq l-awtorità kompetenti l-obbligu li tindika espressament, b’mod separat u/jew speċifiku, eżattament f’liema dokumenti huma esposti l-motivi tagħha. Lanqas ma teżisti indikazzjoni f’dan ir-rigward b’rabta mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 32 ), implimentat mid-Direttiva SEA ( 33 ). |
72. |
Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti jew l-Istat Membru jżommu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi ( 34 ). Din il-kwistjoni taqa’ għalhekk ukoll fl-awtonomija proċedurali li għandha tiġi eżerċitata fil-limiti stabbiliti mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 35 ). |
73. |
Madankollu, ikun diffiċli li jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ effettività jekk il-motivazzjoni tkun moħbija jew ekwivoka ( 36 ), għaliex, f’dan il-każ, l-infurzar ta’ eventwali drittijiet marbuta mad-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jsir inutli u, għaldaqstant, eċċessivament diffiċli. Għall-kuntrarju, il-motivazzjoni għandha tkun identifikabbli bħala tali u għandha u ssemmi b’mod li jinftiehem l-indikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni. |
74. |
Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha, konformement mal-Artikolu 4(5)(b) tad-Direttiva SEA u mal-prinċipju ta’ effettività, tiżgura li l-motivi jkunu identifikabbli bħala tali u jkunu komprensibbli mil-lat tal-kontenut tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali, li għandha l-informazzjoni neċessarja, li għandha tevalwa jekk motivazzjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, sabiex jiġi stabbilit jekk il-pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat kienx f’pożizzjoni li jidentifika l-motivi bħala tali u li jifhimhom. |
C. Domandi dwar id‑Direttiva dwar il‑Habitats
75. |
Ir-raba’ sas-sitt domanda jirrigwardaw l-eżami preliminari tal-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. |
76. |
Filwaqt li l-evalwazzjoni ġenerali tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex direttament marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ( 37 ), l-evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats hija intiża sabiex tipprepara l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett. Dan peress li skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħtu l-kunsens tagħhom dwar dan il-pjan jew proġett, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-effetti u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, biss wara li jkunu żguraw ruħhom li dan il-pjan jew proġett mhux ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit bħala tali u, jekk xieraq, wara li jkunu semgħu l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. |
77. |
Dan il-kunsens jista’ jingħata biss jekk, mil-lat xjentifiku, ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli li l-pjan jew il-proġett ma humiex ser jaffettwaw ħażin is-sit ikkonċernat bħala tali ( 38 ). Evalwazzjoni tal-effetti għandha għalhekk tinkludi konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tal-proġett li jistgħu jaffettwaw ħażin is-sit protett ikkonċernat ( 39 ). |
78. |
Din il-funzjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti hija inerenti fir-rekwiżiti relatati mal-eżami preliminari tal-ħtieġa li titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti. |
79. |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, evalwazzjoni xierqa tal-effetti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal żona ta’ protezzjoni speċjali hija neċessarja meta pjan jew proġett jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, żona ta’ protezzjoni speċjali fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
80. |
Fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat il-kriterju ta’ evalwazzjoni, iktar tard traspost ( 40 ) għall-evalwazzjoni ġenerali tal-effetti fuq l-ambjent, li jipprovdi li l-obbligu ta’ evalwazzjoni jitnissel meta jkun hemm probabbiltà jew riskju li pjan jew proġett jaffettwaw is-sit b’mod sinjifikattiv ( 41 ). Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-pjan jew il-proġett ikkonċernati jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat ( 42 ). L-evalwazzjoni ta’ tali riskju għandha titwettaq, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew tali proġett ( 43 ). Konsegwentement, jekk, wara dan l-eżami preliminari, ikun għad hemm dubji dwar l-assenza ta’ effetti sinjifikattivi, għandha ssir l-evalwazzjoni kompleta tal-effetti prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 44 ). Din l-evalwazzjoni kompleta hija għalhekk ir-regola u deroga hija ammissibbli biss jekk kull dubju dwar il-ħtieġa tal-evalwazzjoni jiġi eskluż. |
81. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina iktar ’il quddiem, fl-ordni inversa, ir-raba’ sas-sitt domanda. |
1. Is‑sitt domanda: identifikazzjoni speċifika tal‑motivazzjoni fil‑każ ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni skont l‑Artikolu 6(3) tad‑Direttiva dwar il‑Habitats
82. |
Is-sitt domanda ttenni t-tieni domanda f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni fil-każ ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Hawn ukoll, għandu jiġi ċċarat sa fejn għandhom jiġu indikati preċiżament f’liema dokumenti jinstabu l-motivi għal din id-deċiżjoni. Huwa minnu li din id-domanda ssir biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, iżda hija xorta teħtieġ risposta, peress li hija biss il-qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hijiex pożittiva jew negattiva fil-kawża prinċipali. |
83. |
B’differenza mid-Direttiva SEA, id-Direttiva dwar il-Habitats ma tirregolax espressament il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni xierqa tal-effetti. |
84. |
Madankollu, bħal fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tal-effetti ( 45 ), stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ din id-deċiżjoni u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jippreżupponi li l-qorti adita u l-partijiet li jressqu azzjoni ġudizzjarja jkollhom aċċess għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jew f’din id-deċiżjoni, jew inkella, tal-inqas, fuq talba ( 46 ). Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkorrispondi, barra minn hekk, għad-dritt għal amministrazzjoni tajba li l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma obbligati josservaw fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux skont l-Artikolu 41 tal-Karta ( 47 ), iżda abbażi ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt ( 48 ). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-ambjent li, bħall-evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 49 ), jeħtieġu parteċipazzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikolu 6(9) ta’ din il-konvenzjoni jeżiġi motivazzjoni. |
85. |
Peress li l-komunikazzjoni tal-motivazzjoni, għalkemm meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, ma hijiex irregolata fir-rigward tal-forma tagħha, hija taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li huma għandhom jeżerċitaw fil-kuntest tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fl-aħħar mill-aħħar, l-istess kunsiderazzjonijiet bħal fil-każ ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti japplikaw fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 50 ). |
86. |
Għalhekk, meta l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats tkun tinsab – bħal fil-kawża prinċipali – f’din id-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha, għaldaqstant, tiżgura li dawn il-motivi jkunu identifikabbli bħala tali u komprensibbli mil-lat tal-kontenut tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistħarreġ jekk motivazzjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Hija għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa jekk il-pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat kienx f’pożizzjoni li jidentifika l-motivi bħala tali u li jifhimhom. |
2. Il‑ħames domanda: ikkonfutar ta’ dubji
87. |
Permezz tal-ħames domanda, il-High Court (il-Qorti Għolja) tqajjem żewġ sottodomandi dwar il-kontenut tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma ssir ebda evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats: l-ewwel għandu jiġi ċċarat jekk din il-motivazzjoni għandhiex tkun ta’ natura li tneħħi kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit Ewropew ikkonċernat. It-tieni, hija tistaqsi jekk il-motivazzjoni għandhiex espressament u individwalment tneħħi kull dubju li tqajjem f’dan ir-rigward matul il-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku. |
a) Dubji xjentifiċi raġonevoli
88. |
Il-kriterju li kull dubju xjentifiku raġonevoli jew kull dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika għandu jiġi eskluż jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kunsens ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, wara li tkun saret evalwazzjoni xierqa tal-effetti ( 51 ). Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-eżami preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li jiġi evalwat jekk jistax jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-pjan jew il-proġett ikkonċernati jaffettwaw is-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv ( 52 ). |
89. |
L-eżami preliminari huwa intiż għall-identifikazzjoni ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti li ma jeħtiġux evalwazzjoni kompleta, peress li diġà huwa stabbilit, mingħajr evalwazzjoni kompleta, li dawn jistgħu jiġu approvati ( 53 ). Għall-kuntrarju, l-eżami preliminari ma huwiex intiż sabiex jippermetti li tiġi evitata l-evalwazzjoni kompleta ( 54 ) u wisq inqas it-twettiq ta’ pjanijiet u ta’ proġetti li, fil-każ ta’ evalwazzjoni kompleta, ma għandux jingħata l-kunsens għalihom skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Għaldaqstant, il-kriterji tal-eżami preliminari għandhom ikunu tal-inqas daqstant stretti daqs dawk tal-evalwazzjoni proprja. |
90. |
Minn dan isegwi li, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha, meta, matul il-fażi ta’ eżami preliminari, tkun konvinta li ma huwiex neċessarju li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, tal-inqas, tipprovdi motivazzjoni espliċita u ddettaljata tali li tneħħi kull dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward tal-effetti dannużi tax-xogħlijiet previsti fuq iż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata bħala tali. |
b) Kull dubju mqajjem?
91. |
Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti għandha wkoll tneħħi, b’mod espliċitu u individwali, kull wieħed mid-dubji espress dwar l-effetti ħżiena kkawżati liż-żona ta’ protezzjoni matul il-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku. |
92. |
Sa fejn id-dubji ma humiex raġonevoli minn perspettiva xjentifika, ma jistax jiġi mistenni mill-awtorità kompetenti li hija “teliminahom” b’mod espliċitu. Minbarra l-fatt li ma huwiex iġġustifikat li r-riżorsi ta’ awtorità jintużaw sabiex jiġu eżaminati dubji li ma għandhom ebda bażi xjentifika, spiss ma jkunx possibbli li tali dubji jiġu kkonfutati. Pereżempju, kif għandha tiġi kkonfutata mill-awtorità l-oġġezzjoni li proġett jirrita l-ispirti tal-antenati? |
93. |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda, li esponejt fil-punt 90, tgħodd għad-dubji espressi fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni biss sa fejn dawn id-dubji jkunu raġonevoli minn perspettiva xjentifika. |
3. Ir‑raba’ domanda: teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżuri li jnaqqsu d‑danni
94. |
Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk, matul l-eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-pjan jew tal-proġett li jinvolvu d-dekontaminazzjoni u li jistgħu jnaqqsu l-effetti negattivi fuq is-sit protett, meta dawn il-karatteristiċi jkunu ġew integrati fl-imsemmi proġett bħala karatteristiċi standard, indipendentement minn kull effett fuq iż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata. |
95. |
Din id-domanda għandha bħala sfond is-sentenza People Over Wind, li kienet tikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni, matul dan l-eżami preliminari, ta’ miżuri intiżi sabiex jevitaw jew inaqqsu l-effetti dannużi ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat. F’dik il-kawża, mill-fatt li tali miżuri kienu previsti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li kienet teżisti probabbiltà ta’ dannu sinjifikattiv u li, konsegwentement, kellha ssir evalwazzjoni kompleta ( 55 ). |
96. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li l-fatt li miżuri intiżi sabiex inaqqsu l-effetti dannużi tal-proġett fuq iż-żona ta’ protezzjoni kienu previsti kien jikkostitwixxi indizju tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni kompleta. Fil-fatt, mingħajr il-probabbiltà ta’ danni sinjifikattivi, dawn il-miżuri ma kinux ikunu neċessarji. |
97. |
Għall-kuntrarju, il-karatteristiċi ta’ pjan jew ta’ proġett li, filwaqt li jnaqqsu l-effetti negattivi fuq iż-żoni ta’ protezzjoni, ma humiex previsti għal dan il-għan, ma jikkostitwixxux indizji tal-probabbiltà ta’ tali effetti. Fil-fatt, dawn il-karatteristiċi ma humiex ibbażati fuq l-ipoteżi ta’ tali probabbiltà. |
98. |
Eżempju ta’ tali karatteristiċi tkun il-konnessjoni ta’ bini residenzjali mas-sistema tad-dranaġġ li tiġbor l-ilma mormi għall-finijiet tat-trattament tiegħu. Abbażi, b’mod partikolari, tad-Direttiva dwar l-Ilma Mormi ( 56 ), din hija, fi ħdan l-Unjoni, karatteristika tipika tal-bini residenzjali, meħtieġa indipendentement għal kollox mill-probabbiltà ta’ effetti negattivi fuq iż-żoni ta’ protezzjoni. B’hekk, għalkemm din il-miżura tillimita, jew saħansitra timpedixxi, id-danni lill-korpi tal-ilma li fihom jintrema l-ilma ttrattat, hija ma tikkostitwixxix indizju tal-probabbiltà ta’ dannu sinjifikattiv għaż-żoni ta’ protezzjoni. Pjuttost, tali probabbiltà tista’ dejjem tiġi dedotta minn indizji oħra. |
99. |
Madankollu, diffikultà tinstab fid-determinazzjoni dwar jekk miżura għandhiex l-għan li tipprevjeni danni sinjifikattivi għaż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata jew jekk hijiex indipendenti minn din iż-żona. F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jibbaża ruħu unikament fuq elementi suġġettivi pprovduti mill-iżviluppatur tal-proġett, peress li dawn jistgħu jkunu intiżi sabiex jevitaw l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti. Il-kunsiderazzjoni li jeżisti għan indipendenti miż-żoni ta’ protezzjoni għandha pjuttost tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, b’mod partikolari fuq dispożizzjonijiet ġenerali jew prattiki mifruxa ħafna. |
100. |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-ilma mormi tax-xeba’. Dan ma huwiex ilma mormi, li għadu kemm issemma bħala eżempju, li għandu jintrema fis-sistemi tad-dranaġġ, iżda xita li ma titħallatx mal-ilma mormi li joriġina mill-bini residenzjali kkonċernat. Fl-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-iskariki indiretti tal-ilma tax-xeba’ f’korsija ta’ xmajra protetta, tqum il-kwistjoni sa fejn il-miżuri ta’ tindif ta’ dan l-ilma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
101. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, b’mod simili għall-konnessjoni mas-sistema tad-dranaġġ u b’differenza mis-sentenza People Over Wind u simili, dawn il-miżuri ta’ tindif ma humiex implimentati sabiex jillimitaw l-effetti fuq iż-żona ta’ protezzjoni. Dawn huma pjuttost miżuri li jiġu implimentati għall-proġetti kollha ta’ dan it-tip, indipendentement minn jekk hijiex affettwata żona ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux indizju tal-probabbiltà ta’ dannu sinjifikattiv għaż-żona ta’ protezzjoni. |
102. |
Bħala indizju ta’ dannu sinjifikattiv liż-żona ta’ protezzjoni, jibqgħu l-iskariki indiretti tal-ilma tax-xeba’. Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tindikax lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-probabbiltà ta’ tali dannu tistax diġà tiġi dedotta minnha, madankollu hija tindika, billi ssemmi l-miżuri ta’ tindif, ċirkustanza, li tista’, tal-inqas, tnaqqas, jew saħansitra teskludi, tali probabbiltà. |
103. |
Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn il-miżuri ta’ tindif jikkostitwixxux, fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-eżami preliminari, ċirkustanzi oġġettivi tali li jeskludu li l-proġett jaffettwa s-sit b’mod sinjifikattiv. |
104. |
Argument ieħor adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza People over Wind, huwa rilevanti f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni kompleta wkoll bil-fatt li huwa biss permezz ta’ analiżi preċiża, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li huwa possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni jevitawx jew inaqqsux effettivament l-effetti negattivi fuq iż-żona ta’ protezzjoni ( 57 ). |
105. |
Għaldaqstant, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżura li tnaqqas l-effetti negattivi ta’ proġett, huwa deċiżiv il-punt jekk kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effettività ta’ tali miżura jistax jiġi eskluż sa mill-istadju tal-eżami preliminari. Bħala regola ġenerali, dan jippreżupponi li teżisti diġà esperjenza prattika suffiċjenti f’dak li jirrigwarda tali miżuri. Jekk tali dubji ma jistgħux jiġu esklużi, din il-miżura ma hijiex tali li teskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju ta’ dannu sinjifikattiv u ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod deċiżiv waqt l-eżami preliminari. |
106. |
Barra minn hekk, fis-sentenza People Over Wind, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-riskju li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis ta’ dannu waqt l-eżami preliminari jwassal sabiex tiġi evitata l-evalwazzjoni nnifisha ( 58 ). Barra minn hekk, l-assenza ta’ evalwazzjoni tista’ anki, minkejja dan ma huwiex il-każ hawnhekk, twassal għat-telf tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ( 59 ), li hija neċessarja f’dan ir-rigward. |
107. |
Madankollu, ma jistax jitqies bħala evitar tal-evalwazzjoni tal-effetti l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri adottati indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jeżistix riskju ta’ dannu għaż-żoni ta’ protezzjoni. Jekk dawn il-miżuri jiġu injorati, dan pjuttost iwassal sabiex il-proġett ma jittiħidx inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ waqt l-eżami preliminari. Għal dak li jirrigwarda l-eżempju ta’ konnessjoni mas-sistema tad-dranaġġ, jidhirli li dan huwa ovvju: bini residenzjali li l-ilma mormi tiegħu huwa, bħal kif kien jiġri fil-passat, direttament mormi fil-korpi tal-ilma, jew anki fit-triq, illum huwa diffiċilment konċepibbli fl-Unjoni. Għalhekk, ikun assurd li wieħed jippreżupponi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti li tali prattiki jistgħu jseħħu fil-kuntest ta’ proġett residenzjali. F’dak li jirrigwarda l-miżuri kontenzjużi dwar it-tindif tal-ilma tax-xeba’, dan l-aspett ma huwiex daqstant evidenti, iżda huwa ugwalment minnu. |
108. |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jista’ jieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi tal-pjan jew tal-proġett li jinvolvu d-dekontaminazzjoni u li jistgħu jnaqqsu l-effetti negattivi fuq iż-żona ta’ protezzjoni, jekk jiġi stabbilit, abbażi ta’ aspetti oġġettivi, li dawn il-karatteristiċi ġew integrati fil-proġett bħala karatteristiċi standard indipendentement minn kwalunkwe effett fuq iż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata, u jekk kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effettività tagħhom jista’ jiġi eskluż. |
V. Konklużjoni
109. |
Għaldaqstant nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).
( 3 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, AquaPri (C‑278/21, EU:C:2022:864, punt 32). Din il-klassifikazzjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti hija nieqsa fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, iżda tinsab fl-għaxar premessa tagħha. Abbażi tal-verżjoni Ingliża, ta’ spiss isir riferiment għall-“appropriate assessment”.
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 5 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7).
( 6 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tas‑27 ta’ Mejju 2021, Eco Advocacy/An Bord Pleanála (2020 Nru 1030 JR, [2021] IEHC 265, punti 46, 48 u 86).
( 7 ) Ara iktar ’il fuq, punt 17.
( 8 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 24), u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 44).
( 9 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Impact (C‑268/06, EU:C:2008:2, punti 45 u 46), Križan és társai (C‑416/10, EU:C:2012:218, punt 153) kif ukoll Flausch et (C‑280/18, EU:C:2019:449, punti 47 u 48).
( 10 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe v Landwirtschaftskammer für das Saarland (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 44 u 46), u s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 33).
( 11 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, Van Campenhout & Cie vs L-Istat Belġjan (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14), tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 36 u 37), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management e Catania Multiservizi u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 63).
( 12 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel v Stichting Pensioenfonds voor Fysiotherapeuten (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 20 u 21), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management e Catania Multiservizi u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 64).
( 13 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2003, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑178/00, EU:C:2003:7, punt 6), u tal‑31 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Taxation des produits énergétiques) (C‑139/20, EU:C:2022:240, punt 55).
( 14 ) An Taisce tirreferi għas-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of the Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 35), iżda formulazzjonijiet korrispondenti jistgħu jinstabu wkoll, pereżempju, fis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 24), u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 44). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment (C‑254/19, EU:C:2020:320, punt 66).
( 15 ) Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.
( 16 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment (C‑254/19, EU:C:2020:320, punt 67).
( 17 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punti 85 sa 87).
( 18 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 94).
( 19 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel v Stichting Pensioenfonds voor Fysiotherapeuten (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 13, 14 u 22), tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punti 57, 58 u 60), tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 45), u tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302, punti 32 u 35). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:320, punt 60).
( 20 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Vol. 2 p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).
( 21 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26), tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46), u tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 53).
( 22 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26), tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 45), u tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 (C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 52).
( 23 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65), u tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 66).
( 24 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Križan et (C‑416/10, EU:C:2012:218, punti 160 sa 166).
( 25 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punti 66 u 67), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins fil-kawża Wertinvest Hotelbetrieb (C‑575/21, EU:C:2022:930, punt 47), li tirrifletti l-ġurisprudenza stabbilita dwar id-Direttiva dwar il-Habitats, b’mod partikolari s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 43 u 44).
( 26 ) Economic Commission for Europe, Opinions of the Implementation Committee (2001–2020) (2020), punt 25. Ara wkoll il-Findings and recommendations further to a submission by Romania regarding Ukraine (EIA/IC/S/1, Bystroe Canal Project) tas‑27 ta’ Frar 2008 (ECE/MP.EIA/2008/6, punt 49).
( 27 ) Konvenzjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali tal‑1991 (ĠU 1992, C 104, p. 7).
( 28 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2018:972, punti 69 sa 74 u 105 et seq.).
( 29 ) B’mod simili, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et (C‑461/17, EU:C:2018:883, punti 37 sa 39), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti skont id-Direttiva dwar il-Habitats.
( 30 ) Sentenza tas‑30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punti 57 sa 59).
( 31 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 59).
( 32 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal‑1998 (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17).
( 33 ) Premessi 18 sa 21 tad-Direttiva SEA u d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
( 34 ) Ara wkoll il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (Aarhus Convention Compliance Committee), tas‑7 ta’ Marzu 2009, Association Kazokiskes Community vs Il-Litwanja (ACCC/C/2006/16, ECE/MP.PP/2008/5/Add.6, punt 81). Dwar dan il-kumitat, ara, fl-aħħar lok, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża FCC Česká republika (C‑43/21, EU:C:2022:64, nota ta’ qiegħ il-paġna 16, u l-ġurisprudenza ċċitata)
( 35 ) F’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Flausch et (C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 27).
( 36 ) Bħala illustrazzjoni, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 87).
( 37 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 231), u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).
( 38 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 117), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120).
( 39 ) Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 55).
( 40 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 61.
( 41 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 41 u 43), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 111), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 119).
( 42 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment Limited (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 51). Dwar id-Direttiva SEA, ara iktar ’il fuq, punt 61.
( 43 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 48), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 112).
( 44 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44), tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 41), u tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 114).
( 45 ) Ara iktar ’il fuq, punt 70.
( 46 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 15), u tat‑30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 59). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Holohan et (C‑461/17, EU:C:2018:649, punt 65)
( 47 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67), u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 83).
( 48 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50), u tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 39).
( 49 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 49).
( 50 ) Ara iktar ’il fuq, punti 72 u 73.
( 51 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59), tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120).
( 52 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 134).
( 53 ) Huwa wkoll b’dan il-mod li għandhom jinqraw il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:60, punt 72), li l-Board, probabbilment minħabba t-traduzzjoni Ingliża, jifhem b’mod żbaljat.
( 54 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 37).
( 55 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 35).
( 56 ) Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26).
( 57 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 36). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:60, punt 71).
( 58 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 37).
( 59 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 49), u tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman (C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 39).