This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0686
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 8 December 2022.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2022.
VW vs SW et u Legea S.r.l. vs VW et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tat-trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Direttiva (UE) 2015/2436 – Regolament (KE) Nru 40/94 – Regolament (UE) 2017/1001 – Drittijiet esklużivi tal-proprjetarju ta’ trade mark – Trade mark li tappartjeni lil diversi persuni – Kundizzjonijiet ta’ maġġoranza meħtieġa bejn il-koproprjetarji għall-għoti u r-revoka ta’ liċenzja tat-trade mark tagħhom.
Kawża C-686/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2022.
VW vs SW et u Legea S.r.l. vs VW et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tat-trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Direttiva (UE) 2015/2436 – Regolament (KE) Nru 40/94 – Regolament (UE) 2017/1001 – Drittijiet esklużivi tal-proprjetarju ta’ trade mark – Trade mark li tappartjeni lil diversi persuni – Kundizzjonijiet ta’ maġġoranza meħtieġa bejn il-koproprjetarji għall-għoti u r-revoka ta’ liċenzja tat-trade mark tagħhom.
Kawża C-686/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:977
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑686/21
VW,
Legea Srl
vs
SW,
CQ,
ET,
VW,
Legea Srl
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 5 – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 9 – Dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark – Eżerċizzju tad-dritt esklużiv ta’ trademark f’proprjetà konġunta – Formazzjoni ta’ kunsens kollettiv biex jiġu ttrasferiti d-drittijiet għat-trade mark – Dritt applikabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali”
1. |
Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) hija mitluba tiddeċiedi tilwima dwar trade mark li diversi persuni, li jappartjenu għall-istess familja, għandhom f’proprjetà konġunta. Il-proprjetarji konġunti qablu, f’mument partikolari, li jittrasferixxu l-użu ta’ din it-trade mark lil kumpannija, iżda wieħed minnhom għandu l-intenzjoni li sussegwentement iwaqqaf dan it-trasferiment ħaġa li l-oħrajn jopponu għaliha. |
2. |
Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ir-regoli dwar it-trasferiment tal-użu tat-trade mark mill-proprjetarju tagħha fil-każ ta’ proprjetà kondiviża. Sabiex issolvi dawn id-dubji, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2015/2436 ( 2 ) u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/1001 ( 3 ). |
3. |
B’mod iktar preċiż, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni ( 4 ) jirregolax is-sistema ta’ formazzjoni tal-kunsens kollettiv, kemm għall-għoti lil terz ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark kif ukoll għall-irtirar ta’ din il-liċenzja. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-direttiva 89/104
4. |
L-Artikolu 5 (“Drittijiet mogħtija minn trade mark”) jipprovdi: “1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ […] […].” |
5. |
L-Artikolu 8 (“Liċenzjar”) jistipula li: “1. Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall-merkanzija jew is-servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill-Istat Membru konċernat. Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva. […].” |
2. Ir-Regolament Nru 40/94
6. |
L-Artikolu 9 (“Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”) jgħid li: “1. It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha […] […].” |
7. |
Skont l-Artikolu 16 (“Meta trade marks Komunitarji għandhom jitqiesu bħala trade marks nazzjonali”): “1. Sakemm l-Artikoli 17 sa 24 ma jipprovdux mod ieħor, trade mark Komunitarja bħala oġġett ta’ propjetà għandha titqies fit-totalità tagħha, u fit-territorju kollu tal-Komunità, bħala trade mark nazzjonali reġistrata fl-Istat Membru fejn, skond ir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji,
2. F’każijiet mhux kontemplati mill-paragrafu 1, l-Istat Membru msemmi f’dak il-paragrafu huwa l-Istat Membru fejn jinsab is-sede ta’ l-Uffiċċju. 3. Jekk żewġ persuni jew iktar huma msemmijin fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji bħala koproprjetarji, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-komproprjetarju li jkun imsemmi l-ewwel; jekk dana ma jkunx possibli, għandu japplika għall-komproprjetarji sussegwenti fl-ordni kif inhuma mniżżlin. Meta l-paragrafu 1 ma japplika għal ebda komproprjetarju, għandu japplika l-paragrafu 2.” |
8. |
Skont l-Artikolu 19 (“Drittijiet in rem”): “1. Trade mark Komunitarja tista’, b’mod indipendenti mill-impriża, tingħata bħala garanzija jew tkun is-soġġett ta’ drittijiet in rem. […].” |
9. |
Skont l-Artikolu 21 (“Proċedimenti ta’ falliment”): “1. Dawk il-proċedimenti ta’ falliment biss li fihom it-trade mark tal-Komunità tista’ tkun involuta huma dawk miftuħa fl-Istat Membru tat-territorju li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi ewlenija tiegħu. […] 2. Fil-każ ta’ proprjetà konġunta ta’ trade mark tal-Komunità, il-paragrafu 1 għandu jkun applikabbli għas-sehem tal-proprjetarju konġunt. […].” |
10. |
L-Artikolu 22 (“Liċenzjar”) jistipula: “1. Trade mark Komunitarja tista’ tiġi liċenzjata fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, jew fir-rigward ta’ kollha, għall-Komunità kollha jew għal parti minnha. Il-liċenzja tista’ tkun esklussiva jew mhux esklussiva. […].” |
11. |
Fl-Artikolu 97 (“Il-liġi applikabbli”) jipprovdi: “1. Il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. 2. Fil-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika l-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi d-dritt internazzjonali privat tagħha. […].” |
B. Id-dritt Taljan
1. Id-Decreto Legislativo 10 febbraio 2005, n. 30 — Codice della proprietà industriale, a norma dell’articolo 15 della legge 12 dicembre 2002, n. 273 ( 5 )
12. |
L-Artikolu 6 (“Komunjoni tal-beni”), jiddetermina li: “1. Jekk dritt ta’ proprjetà industrijali jappartjeni lil diversi persuni, is-setgħat relatati miegħu huma rregolati, ħlief fil-każ ta’ ftehim li jipprovdi mod ieħor, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-komunjoni tal-beni sa fejn ikunu kompatibbli. […].” |
13. |
L-Artikolu 20(1) jindika li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv fuqha, flimkien, b’konsegwenza ta’ dan, mad-dritt tal-proprjetarju li jipprojbixxi lil terzi milli jużaw it-trade mark fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tiegħu. |
14. |
L-Artikolu 23 jawtorizza lill-proprjetarju jittrasferixxi t-trade mark għall-prodotti jew għas-servizzi kollha jew parti minnhom li għalihom hija rreġistrata u jippermetti li t-trade mark tista’ tkun ukoll is-suġġett ta’ liċenzja esklużiva. |
2. Ir-Regio Decreto 16 marzo 1942, n. 262 — Approvazione del testo del Codice civile ( 6 )
15. |
L-Artikolu 1108 (“Innovazzjonijiet u atti oħra li jmorru lil hinn mill-amministrazzjoni ordinarja”) jistabbilixxi li: “Bi ftehim mal-maġġoranza tal-parteċipanti li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-valur totali tal-proprjetà komuni, jistgħu jiġu implementati l-innovazzjonijiet kollha intiżi għat-titjib jew sabiex jagħmlu iktar faċli jew vijabbli l-użu tagħha, bil-kundizzjoni li ma jippreġudikawx it-tgawdija ta’ ebda mill-parteċipanti u li dawn ma jkunux jinvolvu spiża kbira wisq. Bl-istess mod, jistgħu jitwettqu atti oħra li jmorru lil hinn mill-amministrazzjoni ordinarja, bil-kundizzjoni li ma jippreġudikawx l-interess ta’ ebda wieħed mill-parteċipanti. Il-kunsens tal-parteċipanti kollha huwa meħtieġ għall-atti ta’ trasferiment jew ta’ kostituzzjoni ta’ drittijiet in rem fuq il-proprjetà komuni u għall-kirjiet ta’ tul ta’ iktar minn disa’ snin […].” |
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
16. |
Fl‑1990, VW, SW, CQ u ET ħolqu kumpannija f’isem kollettiv li ppreżentat, fid-29 ta’ Lulju 1992, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni nazzjonali tat-trade mark Legea għal oġġetti sportivi. Ir-reġistrazzjoni ngħatat fil-11 ta’ Mejju 1995 bin-numru 650850. |
17. |
Fl‑1993, il-proprjetarji konġunti tat-trade mark Legea taw, b’mod unanimu, lil Legea Srl (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Legea”), il-liċenzja għall-użu ta’ din it-trade mark għal żmien indeterminat u b’titolu gratuwitu ( 7 ). |
18. |
F’Diċembru 2006, VW esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu maż-żamma tal-liċenzja ( 8 ). |
19. |
Fl-2009, il-kumpannija Legea ressqet kawża quddiem it-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja) sabiex tikseb, fost talbiet oħra, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ ċerti trade marks irreġistrati minn VW li jinkludu l-isem “Legea”. Min-naħa tiegħu, VW ressaq kontrotalba fil-kuntest tal-istess proċedura. |
20. |
F’dik il-kawża, ġie diskuss:
|
21. |
Fil-11 ta’ Ġunju 2014, it-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli) ħarġet sentenza fejn iddikjarat li l-użu tat-trade mark mill-kumpannija Legea kien: a) leġittimu sal-31 ta’ Diċembru 2006, peress li kien sar bil-kunsens unanimu tal-proprjetarji konġunti kollha; u b) illegali wara l-31 ta’ Diċembru 2006, minħabba n-nuqqas ta’ qbil espress min-naħa ta’ VW. |
22. |
Ladarba din is-sentenza ġiet appellata quddiem il-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell ta’ Napoli, l-Italja), dik il-qorti annullatha parzjalment fil-11 ta’ April 2016. |
23. |
Skont il-Qorti tal-Appell, l-użu tat-trade mark mill-kumpannija Legea kien ukoll konformi mad-dritt għall-perijodu ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 2006, peress li l-proprjetarji konġunti kienu leġittimament iddeċidew, b’maġġoranza ta’ tliet kwarti, li jippermettu li din il-kumpannija tkompli tuża t-trade mark wara din id-data. Fil-każ ta’ komproprjetà, il-ftehim unanimu tal-proprjetarji konġunti ma jkunx neċessarju sabiex l-użu esklużiv tat-trade mark jiġi ttrasferit lil terzi. |
24. |
VW ikkontesta s-sentenza mogħtija fl-appell quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Dik il-qorti ssostni, sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, essenzjalment dan li ġej:
|
25. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2021. |
27. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-kumpannija Legea, SW, CQ, ET, VW, mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
28. |
Ma ġiex ikkunsidrat meħtieġ li tinżamm seduta |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjoni preliminari
29. |
Din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks. Fiha għandu jiġi ddeterminat kif jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet esklużivi marbuta mal-proprjetà ta’ trade mark, meta din tappartjeni lil diversi komproprjetarji (jew proprjetarji konġunti). ( 9 ) |
30. |
Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li “ċerti trade marks inkwistjoni huma trade marks tal-Unjoni Ewropea”, iżda ma tippreċiżax jekk it-trade mark Legea, li hija s-suġġett tat-tilwima, għandhiex jew le tali karattru ( 10 ). |
31. |
Mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar diversi reġistrazzjonijiet (nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali) tas-sinjal Legea ( 11 ), iżda, nirrepeti, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma tistax tkun magħrufa b’ċertezza jekk dik li tinsab fi ħdan l-EUIPO hijiex dik relatata ma’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ( 12 ). |
32. |
F’din is-sitwazzjoni, sabiex jiġu koperti l-possibbiltajiet kollha, għandha ssir analiżi tal-leġiżlazzjoni kemm tat-trade marks tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali. |
33. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi preliminari tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 2017/1001 u tad-Direttiva 2015/2436. Madankollu, kif diġà sostnejt, ma naħsibx li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ testi japplikaw għall-fatti tat-tilwima li seħħew fl-1993 u f’Diċembru 2006. |
34. |
Fil-fatt:
|
35. |
Fi kwalunkwe każ, peress li l-kontenut taż-żewġ blokok leġiżlattivi (id-Direttiva 89/104 u r-Regolament Nru 40/94, minn naħa, u d-Direttiva 2015/2436 u r-Regolament 2017/1001, min-naħa l-oħra) huwa simili f’dan il-qasam, ir-raġunamenti relatati mal-ewwel wieħed jistgħu jiġu trasposti għat-tieni wieħed. Sabiex nenfasizza dan il-paralleliżmu, ser nindika l-korrispondenzi li jeżistu. |
B. L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
36. |
SW, CQ u ET, sostnew li l-ewwel domanda preliminari ma hijiex neċessarja sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima oriġinali ( 14 ). Huma jargumentaw li, peress li kien hemm unanimità fost il-proprjetarji konġunti matul l-għoti ta’ liċenzji ( 15 ), huwa irrilevanti li wieħed ikun jaf jekk il-maġġoranza kinitx biżżejjed sabiex tiġi adottata tali deċiżjoni. |
37. |
Huwa probabbli li SW, CQ u ET, għandhom raġun fl-approċċ tagħhom, iżda ma jistax jiġi eskluż li d-domanda tal-qorti tar-rinviju hija rilevanti, jekk dik il-qorti trid tagħti xi konsegwenza legali lill-fatt li, f’dak iż-żmien, id-deċiżjoni unanima tal-proprjetarji konġunti tat-trade mark setgħet kienet maġġoritarja. |
38. |
Minn din il-perspettiva, il-fatt li t-trade mark li tappartjeni lil diversi proprjetarji, pro indiviso, tista’ tiġi ttrasferita b’maġġoranza, u mhux neċessarjament b’unanimità, lil terzi, jista’, eventwalment, ikollu l-effetti tiegħu fir-rigward tax-xorti ulterjuri tal-liċenzja ta’ użu (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-irtirar tagħha) ( 16 ). |
39. |
Il-kumpannija Legea eċepiet, bħala eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-assenza ta’ regolazzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi fformata r-rieda tal-proprjetarji konġunti ta’ trade mark, kemm għall-għoti ta’ liċenzja għall-użu minn terz, kif ukoll għall-irtirar tagħha. |
40. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju tagħti x’tifhem li, għall-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), ma huwiex evidenti li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tista’ tagħti soluzzjoni għall-punt inkwistjoni. Huwa preċiżament għaliex għandha d-dubji tagħha f’dan ir-rigward li dik il-qorti tagħmel id-domandi tagħha. |
41. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari ma jibbenefikawx biss mill-preżunzjoni ta’ rilevanza ( 17 ), iżda huma xierqa sabiex jippermettu li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiddetermina jekk dawn humiex applikabbli, jew le, għall-kawża prinċipali. |
C. L-ewwel domanda preliminari
42. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam jippermettux li, meta trade mark tappartjeni lil diversi proprjetarji konġunti, it-trasferiment tal-użu tagħha, b’titolu gratuwitu u għal żmien indeterminat, jistax jiġi deċiż b’maġġoranza jew, għall-kuntrarju, jeħtieġx l-unanimità. |
43. |
Fl-isfond ta’ din id-domanda hemm problemi li, sa mid-dritt Ruman, ħassbu lill-ġuristi. Il-komproprjetà tal-beni, in-natura kondiviża jew in solidum tagħhom, il-maġġoranzi meħtieġa sabiex jiġu adottati deċiżjonijiet skont l-importanza xi ftit jew wisq kbira tagħhom għall-ħaġa komuni jew it-tul ta’ żmien li matulu huma jkomplu l-effetti tagħhom, jew il-maġġoranzi sabiex jiġu approvati l-atti ta’ amministrazzjoni u ta’ trasferiment ta’ beni komuni, huma bosta kwistjonijiet oħra li mhux dejjem ingħataw l-istess risposti ( 18 ). |
44. |
Id-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks żamm silenzju sinjifikattiv (u prudenti) fuq is-sistema ta’ komproprjetà tagħhom, li jridu josservaw ir-regoli nazzjonali korrispondenti. Dan huwa li ser nipprova nispjega fir-riflessjonijiet li ġejjin, kemm għat-trade marks tal-Unjoni kif ukoll għal dawk nazzjonali li huma s-suġġett ta’ armonizzazzjoni. Ser nibda billi nanalizza l-possibbiltà stess li t-trade marks tal-Unjoni u dawk nazzjonali huma l-proprjetà pro indiviso ta’ diversi persuni. |
1. Proprjetà konġunta tat-trade marks tal-Unjoni
45. |
It-trade marks tal-Unjoni jikkostitwixxu tip ta’ proprjetà industrijali. Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 40/94, “[i]l-persuni naturali jew ġuridiċi msemmija hawn taħt, fosthom awtoritajiet stabbiliti taħt il-liġi pubblika, jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] ( 19 ).” |
46. |
Ir-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li t-trade mark tal-Unjoni tkun proprjetà ta’ diversi proprjetarji konġunti. Din il-previżjoni hija espressa, b’mod espliċitu, f’diversi dispożizzjonijiet tagħha:
|
2. Il-proprjetà konġunta tat-trade marks nazzjonali
47. |
B’differenza mit-trade marks tal-Unjoni, id-Direttiva 89/104 ma tinkludix indikazzjonijiet espliċiti għall-komproprjetà ta’ trade mark. Madankollu, dan ma jfissirx li teskludiha. |
48. |
Il-leġiżlatur nazzjonali jibqa’ liberu li jiddefinixxi d-dritt ta’ proprjetà fuq it-trade mark. Id-Direttiva 89/104 ma tikkundizzjonax l-azzjoni tagħha u għaldaqstant la tipprojbixxi u lanqas ma timponi li r-regoli interni jippermettu li trade mark nazzjonali tista’ tkun is-suġġett ta’ proprjetà kondiviża. |
3. Sabiex il-proprjetarji konġunti jittrasferixxu lil terzi l-użu tat-trade mark hemm bżonn ta’ ftehim unanimu jew ta’ maġġoranza?
49. |
Ladarba ġiet aċċettata l-possibbiltà li l-proprjetarji konġunti jkollhom il-proprjetà tat-trade mark pro indiviso, tqum il-kwistjoni dwar kif għandhom jifformaw ir-rieda komuni li jittrasferixxu l-użu tagħha lil terzi permezz ta’ liċenzja (jew, eventwalment, sabiex tiġi rrevokata din il-liċenzja). |
50. |
Għal darba oħra, ser nirreferi separatament għas-sistema tat-trade marks tal-Unjoni u għal dik nazzjonali. |
a) It-trade mark tal-Unjoni
51. |
Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 40/94 ( 23 ), “[it-]trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tista’ tiġi liċenzjata fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, jew fir-rigward ta’ kollha, għall-Komunità kollha jew għal parti minnha. [Tali] liċenzja tista’ tkun esklussiva jew mhux esklussiva. ( 24 )” |
52. |
Skont l-Artikolu 97(2) tiegħu ( 25 ), “[f]il-kwistjonijiet kollha li mhumiex koperti [mir-Regolament Nru 40/94], il-qorti tat-trade marks Komunitarji għandha tapplika il-liġi nazzjonali tagħha, u dan jinkludi id-dritt internazzjonali privat tagħha.” |
53. |
Ir-Regolament Nru 40/94 ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ liċenzja, u lanqas ix-xoljiment tagħhom. Minn dan is-silenzju jirriżulta li huwa d-dritt nazzjonali li jirregola dawn il-kundizzjonijiet, kemm fil-każ li t-trade mark tal-Unjoni hija miżmuma minn proprjetarju wieħed, kif ukoll f’dak fejn il-proprjetà hija kondiviża bejn diversi persuni ( 26 ). |
54. |
Fil-fatt, u kif tenfasizza l-Kummissjoni ( 27 ), għal dak kollu li ma huwiex direttament irregolat fuq il-livell Ewropew dwar is-sistema tat-trade mark tal-Unjoni bħala “oġġett ta’ proprjetà”, japplika d-dritt nazzjonali korrispondenti. |
b) It-trade mark nazzjonali
55. |
Jekk il-kunsiderazzjonijiet esposti sa issa huma applikabbli fir-rigward tar-regola li tiddefinixxi l-istatus tat-trade marks tal-Unjoni, dawn ikun iktar u iktar applikabbli f’kuntest regolatorju ta’ intensità iktar baxxa, bħal dak tal-armonizzazzjoni tat-trade marks nazzjonali skont id-Direttiva 89/104. |
56. |
Lil hinn mill-proklamazzjoni tal-esklużività tad-dritt tal-proprjetarju fuq it-trade mark (Artikolu 5) u mill-possibbiltà li jinħarġu liċenzji (Artikolu 8), id-Direttiva 89/104 ma tidħolx fir-regolamentazzjoni tal-aspetti marbuta mal-komproprjetà tat-trade mark jew mad-deċiżjoni tal-għoti ta’ dawn il-liċenzji ( 28 ). |
57. |
F’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi fformata r-rieda kollettiva għat-trasferiment tal-użu ta’ trade mark bi proprjetà konġunta teħtieġ li jsir riferiment, fl-ewwel lok, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Dawn jistgħu, min-naħa tagħhom, jagħmlu riferiment għall-ftehimiet tal-proprjetarji konġunti. Sussidjarjament, għandhom jiġu applikati r-regoli ġenerali tad-dritt ċivili ta’ kull Stat Membru ( 29 ). |
c) L-effettività tad-dritt tal-Unjoni
58. |
Il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jeżiġu li d-dritt nazzjonali, inkluża l-leġiżlazzjoni tal-proprjetà konġunta tat-trade marks, jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ( 30 ). |
59. |
Fil-kawża ineżami, l-ebda element imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari jew fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jwassal sabiex jitqies li r-regoli Taljani dwar il-proprjetà konġunta tat-trade marks irendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mir-regoli tal-Unjoni. |
D. It-tieni domanda preliminari
60. |
Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni:
|
61. |
Id-domanda, kif ifformulata, tonqos milli tidentifika liema norma tal-Unjoni hija applikabbli u tillimita ruħha li tinvoka (mingħajr ma tippreċiżahom) il-“prinċipji tad-dritt tal-Unjoni”. Peress li, jekk jeżistu, dawn il-prinċipji ġew tradotti fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 (jew, jekk ikun il-każ, tar-Regolament 2017/1001 u tad-Direttiva 2015/2436), ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun ibbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet. |
62. |
Fil-kuntest tad-Direttiva 89/104, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li l-proprjetarju ta’ trade mark li jkun ħareġ lil terz liċenzja għall-użu tagħha jirtira dan il-kunsens ( 31 ). Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi trasposta, mingħajr diffikultà, għall-proprjetarju kollettiv tat-trade mark (jiġifieri għall-komunità tal-proprjetarji pro indiviso). |
63. |
Madankollu, l-istess bħal fil-każ tar-rekwiżiti għall-għoti tal-użu ta’ trade mark lil terz, id-dritt tal-Unjoni ma jgħid xejn dwar il-mod kif għandha tittieħed id-deċiżjoni li tiġi rrevokata jew irtirata l-liċenzja ta’ użu, fil-każ ta’ trade marks ta’ proprjetà kondiviża. Din id-deċiżjoni hija att ġuridiku li, nerġa nirrepeti, ir-rekwiżiti għall-adozzjoni tagħha minn komunità ta’ proprjetarji ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni. |
64. |
Għaldaqstant, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jirregola d-dettalji tal-ftehimiet li jirrigwardaw ir-revoka jew l-irtirar ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark li l-proprjetà tagħha hija kondiviża. Jista’ jiġi trasferit għal din ir-revoka jew għal dan l-irtirar, mutatis mutandis, ir-raġunament espost sa issa fir-rigward tal-formazzjoni tal-kunsens kollettiv għall-għoti tal-liċenzja, kemm jekk din tkun trade mark nazzjonali jew trade mark tal-Unjoni. |
V. Konklużjoni
65. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja): “L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, u tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ ta’ komproprjetà ta’ trade mark, il-formazzjoni tal-kunsens komuni tal-komproprjetarji biex tingħata lil terz liċenzja għall-użu ta’ trade mark, kemm jekk tkun nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea, jew biex din il-liċenzja tintemm hija rregolata mir-regoli tal-Istat Membru li jkunu applikabbli.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni) (ĠU 2015, L 336, p. 1, Rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).
( 4 ) Għar-raġunijiet li se nsemmi iktar ’il quddiem, nikkunsidra li l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1 p. 92) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 146), fil-formulazzjoni prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade-mark fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3) hija applikabbli, ratione temporis għal din il-kawża.
( 5 ) Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 30, tal-10 ta’ Frar 2005 dwar il-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali, f’Konformità mal-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 273 tat-12 ta’ Diċembru 2002.
( 6 ) Id-Digriet Irjali Nru 262, tas-16 ta’ Marzu 1942, li bih jiġi approvat it-test tal-Kodiċi Ċivili.
( 7 ) Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li l-kumpannija Legea ġiet stabbilita fl-1993, f’kuntest ta’ familja, minn VW, CQ u ħuhom ieħor, dak iż-żmien minuri, f’partijiet ugwali. Il-komproprjetà tat-trade mark kienet diġà ġiet stabbilita, fiċ-ċirku familjari wkoll, bejn il-ġenituri (SW u ET) u t-tfal tagħhom (CQ u VW).
( 8 ) Skont VW, mill-1993 sal-2006, bħala konsegwenza ta’ serje ta’ operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital, is-sehem tiegħu fil-kumpannija Legea tnaqqas għal 2.5 % tat-total tal-ishma. F’din il-pożizzjoni minoritarja, it-talba tiegħu kontra l-kumpannija hija dik li jikseb remunerazzjoni għall-użu tat-trade mark.
( 9 ) Kif tindika l-Kummissjoni b’riferiment għar-Regolament 2017/1001, l-użu tat-termini “koproprjetarji” fl-Artikolu 19(3) u “proprjetarju konġunt” fl-Artikolu 24(2) huwa irrilevanti, peress li t-tnejn li huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti (l-istess fenomenu jseħħ fil-kuntest tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikoli 16 u 21 tiegħu). Ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw termini differenti fiż-żewġ artikoli (pereżempju, bil-Franċiż “cotitulaires” u “copropiétaire”; bit-Taljan “contitolari” u “comproprietaire”; bl-Ispanjol “cotitulares” u “copropietario”; u bil-Ġermaniż “gemeinsame Inhaber” u “Mitinhabers”, iżda oħrajn ma jagħmlux distinzjoni (bl-Ingliż “joint proprietor(s)”).
( 10 ) Konsultazzjoni fuq is-sit web tal-EUIPO turi li t-trade mark figurattiva Nru 000788646, Legea, ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Novembru 2001.
( 11 ) Osservazzjonijiet bil-miktub tal-kumpannija Legea, punt 8.
( 12 ) L-analiżi tas-sentenzi tal-ewwel istanza u tal-appell tagħti x’jifhem li din hija tassew din it-trade mark li, inizjalment ġiet irreġistrata bħala trade mark nazzjonali, mill-14 ta’ Novembru 2001, hija rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-perċezzjoni ma hijiex ċara. Id-digriet tar-rinviju ma huwiex ċar ħafna: fil-paragrafu IV, huwa jirreferi għat-trasferiment tal-użu tat-trade mark Legea fl-1993 bħala trade mark Komunitarja. Madankollu, dan ma huwiex possibbli peress li huwa biss mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 40/94 li t-trade mark Komunitarja kienet teżisti bħala tali.
( 13 ) Minn issa ’il quddiem, anki jekk ir-riferimenti leġiżlattivi jsiru għat-trade mark Komunitarja, ser nuża l-isem “trade mark tal-Unjoni.”
( 14 ) Punti 74 u 75 tan-nota tal-osservazzjonijiet tiegħu.
( 15 ) Fil-punt IV tad-deċiżjoni tar-rinviju huwa kklassifikat bħala mhux ikkontestat il-fatt li l-liċenzja għall-użu tat-trade mark Legea ngħatat lill-kumpannija Legea fl‑1993 b’mod unanimu. It-tieni domanda preliminari hija bbażata fuq dan l-istess argument: tirreferi għal “trade mark mogħtija b’konċessjoni lil terzi permezz ta’ deċiżjoni unanima.”
( 16 ) Il-ftehim dwar trasferiment ġie adottat mill-proprjetarji konġunti kollha, fil-kawża ineżami, iżda nuqqas ta’ qbil ulterjuri jista’ jkollu effett fil-każijiet li fihom il-liċenzja setgħet tingħata b’maġġoranza.
( 17 ) Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 34 u 35); u tas-6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia (C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 24).
( 18 ) Matul iż-żmien, il-proprjetà konġunta tal-beni ġiet suġġetta għal trasformazzjoni sinjifikattiva, hekk kif il-persuni ġuridiċi (jew formuli soċji analogi, iżda mingħajr personalità) żviluppaw f’patrimonji li għandhom il-kapaċità li jaġixxu. Ir-regoli, statutorji jew legali, tal-forom differenti ta’ persuni ġuridiċi ġeneralment għandhom l-għan li jirregolaw is-sistema ta’ maġġoranzi meħtieġa sabiex jiġu adottati ftehimiet bħal dawk inkwistjoni.
( 19 ) Konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament 2017/1001.
( 20 ) Konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament 2017/1001.
( 21 ) Konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament 2017/1001.
( 22 ) Huwa dak li jikkorrispondi għal “dawk miftuħa fl-Istat Membru tat-territorju li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi ewlenija tiegħu”.
( 23 ) Konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament 2017/1001.
( 24 ) Fir-rigward tal-Artikolu 26(3)(e) tar-Regolament 2017/1001, jirriżulta li l-liċenzja tista’ tingħata għal żmien determinat jew indefinit. Ir-Regolament Nru 40/94 kien sieket fuq dan il-punt.
( 25 ) Konformità mal-Artikolu 129(2) tar-Regolament 2017/1001.
( 26 ) Fir-realtà, il-qorti tar-rinviju taqbel ma’ din l-istess opinjoni. Fid-digriet tar-rinviju tagħha (paragrafu VII), hija tindika li “[i]r-Regolament [2017/1001] ma fihx riferimenti sabiex jirregolaw il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet f’proprjetà konġunta.”
( 27 ) Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, paragrafu 27.
( 28 ) L-Artikoli 5 u 8 tad-Direttiva 89/104 jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikoli 10 u 25 tad-Direttiva 2015/2436.
( 29 ) Skont il-leġiżlazzjoni Taljana (Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali), is-setgħat tal-proprjetarji konġunti tat-trade mark huma rregolati, ħlief fil-każ ta’ ftehim kuntrarju, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-komunjoni tal-beni, sa fejn huma kompatibbli.
( 30 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Raimund (C‑425/16, EU:C:2017:776), punti 40 u 41.
( 31 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Martin Y Paz Diffusion (C‑661/11, EU:C:2013:577), punt 62 u d-dispożittiv. Madankollu, din is-sentenza tawtorizza lill-qrati nazzjonali sabiex “[jikkundannaw] lil proprjetarju ta’ trade mark għal sanzjoni jew għal kumpens għad-dannu mġarrab meta tikkonstata li tali proprjetarju temm b’mod irregolari l-kunsens li permezz tiegħu terz seta’ juża sinjali identiċi għat-trade marks tiegħu” (punt 61).