Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0666

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-24 ta’ Novembru 2022.
AI vs Åklagarmyndigheten.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hovrätten för Nedre Norrland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(1)(a) – Artikolu 3(h) – Kunċett ta’ ‘trasport bit-triq ta’ merkanzija’ – Kunċett ta’ ‘massa massima awtorizzata’ – Vettura attrezzata bħala spazju privat ta’ abitazzjoni temporanja u ta’ tagħbija ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Takografi – Artikolu 23(1) – Obbligu ta’ spezzjonijiet regolari mwettqa minn garaxxijiet awtorizzati.
Kawża C-666/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:932

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑24 ta’ Novembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑666/21

AI,

Åklagarmyndigheten

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hovrätten för Nedre Norrland (il-Qorti tal-Appell għan-Nofsinhar ta’ Norrland sedenti f’Sundsvall, l-Isvezja)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport fit-toroq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(1)(a) – Kunċett ta’ “trasport ta’ merkanzija bit-triq” – Vettura ta’ użu mħallat – Vettura li tinkludi kemm post ta’ abitazzjoni temporanja kif ukoll żona ta’ ħażna għat-trasport ta’ motoslitti – Trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali – Takografi – Obbligu li tali takografi jiġu spezzjonati”

I. Introduzzjoni

1.

AI – ir-rikorrent fil-kawża prinċipali – huwa entużjast tal-motoslitti li ġie mwaqqaf mill-pulizija fl-Isvezja waqt li kien qiegħed jivvjaġġa għal kompetizzjoni tal-motoslitti. Huwa kien qiegħed isuq vettura ta’ piż ta’ iktar minn 17‑il tunnellata, li kienet ġiet adattata biex tipprovdi post ta’ abitazzjoni temporanja għalih u għall-familja tiegħu matul il-vjaġġi tagħhom u li tinkludi spazju ta’ ħażna kbir biżżejjed biex joqogħdu ġewwa fih tal-inqas żewġ motoslitti.

2.

It-tilwima quddiem il-Havrätten för Nedre Norrland (il-Qorti tal-Appell għan-Nofsinhar ta’ Norrland sedenti f’Sundsvall, l-Isvezja) bejn AI u l-Åklagarmyndigheten (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Isvezja), hija bbażata fuq jekk AI kienx taħt l-obbligu li jara li t-takografu ( 2 ) li ġie installat fil-vettura tiegħu jiġi spezzjonat skont ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 ( 3 ). Din il-kwistjoni teħtieġ li l-ewwel jiġi ċċarat jekk il-vettura ta’ AI taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 ( 4 ), peress li l-obbligi differenti tat-takografi stabbiliti fir-Regolament Nru 165/2014, inkluża l-ħtieġa li tali apparat jiġi spezzjonat b’mod xieraq, japplikaw biss għall-vetturi koperti mir-Regolament Nru 561/2006 ( 5 ).

3.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-vettura ta’ AI taqax taħt l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, li jipprevedi li dan ir-regolament japplika, inter alia, għat-“trasport bit-triq […] ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi […] taqbeż it‑3,5 tunnellati”. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni tkoprix il-vetturi li, bħall-vettura ta’ AI, huma rreġistrati bħala “vetturi maħsuba u mibnija għat-trasport tal-merkanzija u li għandhom massa massima ta’ iktar minn 12‑il tunnellata”, iżda li jintużaw kemm bħala post ta’ abitazzjoni għas-sid tal-vettura u l-familja tiegħu, kif ukoll sabiex jittrasportaw il-mobbli (fil-kawża ineżami, motoslitti) għal finijiet mhux kummerċjali.

4.

Fil-qosor, għar-raġunijiet li ser nindika iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 japplika għal tali vetturi.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 561/2006

5.

Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 561/2006 tistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. Jagħmel dan prinċipalment permezz tad-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħin massimu ta’ sewqan […]”

6.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jistabbilixxi “regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni […] u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq”, kif ukoll “li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq”.

7.

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 561/2006:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

(a)

ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it‑3,5 tunnellati, jew

(b)

ta’ passiġġieri b’vetturi li huma magħmula jew addattati b’mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa’ persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop.”

8.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-parti rilevanti:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta’:

[…]

(h)

vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi b’massa massima permissibbli li ma jaqbiżx is‑7,5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija;

[…]”

9.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘trasport bit-triq’ tfisser kull vjaġġ li jsir kollu jew parti minnu f’toroq miftuħa għall-pubbliku minn vettura, kemm jekk ikollha tagħbija jew le, wżata għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija;

[…]”

2. Ir-Regolament Nru 165/2014

10.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprevedi:

“It-takografi għandhom jiġu installati u użati fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq u li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 561/2006.”

11.

Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 165/2014:

“It-takografi għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni regolari minn ħwienet tax-xogħol approvati. Għandhom titwettqu spezzjonijiet regolari mill-anqas kull sentejn.”

B.   Id-dritt nazzjonali

12.

Skont il-linji gwida mhux vinkolanti maħruġa mit-Transportstyrelsen (l-Aġenzija Svediża tat-Trasport), jistgħu jikklassifikaw bħala motorhome karozza tal-passiġġieri rreġistrata, trakk jew karozza tal-linja. Huwa ċar minn dan id-dokument li l-Aġenzija Svediża għat-Trasport hija tal-fehma li l-motorhomes kollha li huma rreġistrati bħala karozza tal-passiġġieri, trakk jew karozza tal-linja, għandhom ikunu suġġetti għal regoli dwar il-tul tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ previsti mir-Regolament Nru 561/2006, sakemm il-massa massima ammissibbli tagħhom taqbeż is‑7.5 tunnellati, irrispettivament minn jekk it-trasport ikunx “kummerċjali” jew le.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

13.

Fl‑4 ta’ April 2019, AI twaqqaf mill-pulizija Svediża f’awtostrada pubblika għal veloċità eċċessiva. Waqt il-verifika tal-pulizija, instab li t-takografu installat fil-vettura ta’ AI ma kienx ġie spezzjonat fit-terminu previst mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 165/2014. Barra minn hekk, ma kienx jinkludi diska tat-takografu. AI sostna li huwa kellu żewġ motoslitti fil-parti ta’ wara tal-vettura tiegħu u li huwa kien qiegħed jivvjaġġa għal kompetizzjoni tal-motoslitti.

14.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-vettura ta’ AI kienet irreġistrata mal-vägtrafikregistret (ir-Reġistru tat-Traffiku fit-Triq, l-Isvezja) bħala trakk tal-kategorija ta’ vetturi tal-Unjoni Ewropea N3 ( 6 ), li tinkludi l-“vetturi […] iddisinjati u mibnija primarjament għall-ġarr ta’ merkanzija […] b’massa massima ta’ aktar minn 12‑il tunnellata”. Il-vettura għandha post għal sitt passiġġieri. Hija għolja 3.6 metri u twila 14.7 metri u għandha massa ddikjarata ta’ 17.68 tunnellata. L-aspett estern tagħha huwa simili għal dak ta’ karozza tal-linja jew ta’ xarabank. Il-parti ta’ quddiem (interna) tal-vettura tikkonsisti f’post ta’ abitazzjoni għal AI u l-familja tiegħu (li huma jużaw waqt li jivvjaġġaw), filwaqt li l-parti ta’ wara hija maħsuba bħala spazju ta’ ħażna għall-finijiet tat-trasport ta’ motoslitti.

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2020, AI nstab ħati ta’ kontravenzjoni għal sewqan b’veloċità eċċessiva mis-Sundsvalls tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sundsvall, l-Isvezja). Madankollu, huwa ġie sussegwentement meħlus mill-akkuża ta’ ksur tal-Artikolu 6 tal-Kapitolu 9 tal-Förordning (2004:865) om kör – och vilotider sam färdskrivare, m.m. (ir-Regolament (2004:865) dwar, inter alia, it-tul tas-sewqan, il-perijodi ta’ mistrieħ u l-għodda ta’ monitoraġġ). Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa fuq is-sewwieqa li intenzjonalment jew b’negliġenza jużaw takografu li ma jkunx ġie spezzjonat skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 165/2014.

16.

Kemm AI kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ressqu appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Hovrätten för Nedre Norrland (il-Qorti tal-Appell għan-Nofsinhar ta’ Norrland sedenti f’Sundsvall), jiġifieri l-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami.

17.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku isostni li AI huwa obbligat ikollu takografu spezzjonat kif xieraq installat fil-vettura tiegħu għaliex il-vettura tiegħu tintuża għat-trasport ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006. AI jikkontesta din l-allegazzjoni u jsostni li huwa ma huwiex suġġett għal tali obbligu peress li l-vettura tiegħu ma tintużax għat-trasport kummerċjali ta’ merkanzija, iżda pjuttost bħala motorhome għal użu privat.

18.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-għan prinċipali tal-vettura ta’ AI huwa li tipprovdi post ta’ abitazzjoni temporanja (għall-użu privat ta’ AI) għandux jirriżulta fl-esklużjoni tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006.

19.

F’dan ir-rigward, din il-qorti tinnota li xejn fil-formulazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 ma jissuġġerixxi li l-għan prinċipali jew l-użu attwali tal-vetturi għandu xi impatt dirett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, sakemm il-vettura tista’ tintuża għat-“trasport tal-merkanzija bit-triq”. Barra minn hekk, il-premessa 6 tar-Regolament Nru 561/2006 tagħmilha ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa ddefinit b’riferiment għal “kategoriji ta’ vetturi”. Għalhekk, jidher li l-kategorija li taħtha hija rreġistrata l-vettura fir-Reġistru tat-Traffiku fit-Toroq tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 japplikax għal vettura partikolari.

20.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk il-fatt li tali vettura għandha l-“possibbiltà prattika li tittrasporta l-merkanzija” huwiex biżżejjed sabiex tapplika din id-dispożizzjoni. Hija tispjega li, jekk ikun biżżejjed li vettura tkun kapaċi tittrasporta “merkanzija” għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, ikun diffiċli li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li ma jkunx ifisser, fil-prattika, li hija biss il-massa massima ammissibbli tal-vettura (jiġifieri, jekk taqbiżx it‑3.5 tunnellati jew le) li hija rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk vettura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

21.

Barra minn hekk, wara li nnotat li l-kunċett ta’ “merkanzija” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 561/2006, din il-qorti tenfasizza li, fil-lingwaġġ kurrenti, l-apparat privat rarament jiġi kklassifikat bħala “merkanzija”. L-espressjoni “trasport bit-triq ta’ merkanzija”, użata fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, tidher għalhekk li tissuġġerixxi li dan ir-regolament huwa primarjament intiż li jkopri t-trasport kummerċjali assoċjat mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan iddikjarat ta’ dan ir-regolament, li huwa li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tat-toroq u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-toroq.

22.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, madankollu, li l-Artikolu 3(h) u (i) tar-Regolament Nru 561/2006 juru b’mod ċar li ċerti vetturi użati għat-trasport mhux kummerċjali jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, l-espressjoni “trasport bit-triq ta’ merkanzija” għandha tingħata tifsira wiesgħa. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa, b’mod partikolari, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “xufier” prevista fl-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 561/2006, li minnha jista’ jiġi dedott li, sabiex taqa’ fl-ambitu ta’ din id-definizzjoni, persuna ma għandhiex tkun qiegħda ssuq il-vettura bħala parti mid-dmirijiet tagħha.

23.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1]

Il-kunċett ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq, kif użat fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, għandu jitqies li jinkludi wkoll it-trasport magħmul minn vetturi li l-massa totali tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati u li huma prinċipalment intiżi biex jaqdu l-funzjoni ta’ abitazzjoni privata temporanja?

[2]

Jekk dan huwa l-każ, il-kapaċità ta’ tagħbija tal-vettura jew il-mod li bih din ġiet irreġistrata fir-reġistru nazzjonali tat-traffiku fit-triq għandha importanza?”

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, datata l-25 ta’ Ottubru 2021, ġiet irreġistrata fil-5 ta’ Novembru 2021. Il-Kummissjoni Ewropea biss ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura. Ma nżammet l-ebda seduta.

IV. Analiżi

25.

Ir-Regolament Nru 561/2006 jistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera li jwettqu trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni. Sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-regoli, ir-Regolament Nru 165/2014 jipprevedi sensiela ta’ obbligi fir-rigward tal-approvazzjoni, l-installazzjoni, l-ispezzjoni u l-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni, bħal takografi, li jintużaw sabiex tiġi rreġistrata data dwar, b’mod partikolari, l-attività tas-sewwieq u d-distanza vvjaġġata.

26.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, li huwa identiku għal dak tar-Regolament Nru 165/2014 ( 7 ), huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li jipprevedi li dan ir-regolament japplika għat-“trasport bit-triq […] ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it‑3,5 tunnellati” (l-Artikolu 2(1)(a)) u għat-“trasport bit-triq […] ta’ passiġġieri b’vetturi li huma magħmula jew addattati b’mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa’ persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop” (l-Artikolu 2(1)(b)). Il-kawża ineżami tikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji.

27.

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li ser nanalizza flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk vettura ta’ użu mħallat, bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami, li tinkludi kemm post ta’ abitazzjoni temporanja għal AI u l-familja tiegħu u kif ukoll spazju ta’ ħażna għat-trasport ta’ motoslitti għal finijiet ta’ divertiment, taqax taħt l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, b’tali mod li s-sewwieq ta’ tali vettura għandu josserva r-regoli ta’ dan ir-regolament u tar-Regolament Nru 165/2014 u li l-vettura għandu jkollha takografu (spezzjonat b’mod xieraq) installat skont dan l-aħħar regolament.

28.

Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nindika r-raġunijiet għalfejn dan huwa fil-fatt il-każ. L-ewwel, ser nispjega li l-fatt li tali vettura tittrasporta oġġetti mobbli (fil-kawża ineżami, motoslitti) għal finijiet mhux kummerċjali ma jistax jipprekludiha milli tiġi kkunsidrata bħala vettura li tittrasporta “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 u, għaldaqstant, bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (A). It-tieni, ser nispeċifika li, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti kriterji, il-fatt li tali vettura tintuża prinċipalment bħala spazju ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies mill-okkupanti tagħha ma jipprekludihiex milli taqa’ taħt din id-dispożizzjoni u milli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 (B).

A.   Vettura li tittrasporta merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006?

29.

Sabiex sitwazzjoni partikolari taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel, it-trasport inkwistjoni għandu jkun kopert mill-Artikolu 2(1)(a) jew l-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament (il-kundizzjoni pożittiva) u, it-tieni, ma għandux ikun kopert minn ebda waħda mill-esklużjonijiet elenkati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament (il-kundizzjoni negattiva) ( 8 ). Din id-dispożizzjoni telenka l-operazzjonijiet ta’ trasport li, minkejja li jkunu koperti b’mod ieħor mill-Artikolu 2(1)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 561/2006, huma speċifikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament u fir-Regolament Nru 165/2014, peress li jitwettqu minn vetturi li għandhom ċerti karatteristiċi speċifiċi, permanenti ( 9 ) u/jew huma rriżervati għal użu ( 10 ) li ma jistax jitqies bħala li jhedded l-għanijiet segwiti minn dawn ir-regolamenti ( 11 ).

30.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li AI jittrasporta l-motoslitti għal finijiet ta’ divertiment. Dawn il-partijiet ma jaqblux, madankollu, dwar jekk il-fatt li tali merkanzija tiġi ttrasportata għal finijiet mhux kummerċjali jipprekludix l-operazzjoni ta’ trasport ta’ AI milli tissodisfa l-kundizzjoni pożittiva li rreferejt għaliha fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk il-kunċett ta’ “trasport bit-triq ta’ merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss mobbli jew oġġetti li huma ttrasportati għal finijiet kummerċjali. Kieku dan ikun il-każ, din id-dispożizzjoni ma tkunx tapplika għall-operazzjoni tat-trasport ta’ AI, li tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 minħabba n-natura mhux kummerċjali tagħha.

31.

Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 tkun żbaljata. Fil-fatt, huwa ċar li din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax biss it-“trasport ta’ merkanzija” għal finijiet kummerċjali, iżda tista’ tapplika wkoll għall-operazzjonijiet ta’ trasport ta’ mobbli jew ta’ oġġetti li huma rriżervati għal użu privat u mhux kummerċjali (fil-kawża ineżami, purament bħala parti mill-passatemp ta’ AI).

32.

Diversi raġunijiet wassluni għal din il-konklużjoni.

33.

L-ewwel, huwa evidenti mit-test tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 li din id-dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda riferiment għall-ħtieġa sabiex l-operazzjonijiet ta’ trasport li huma koperti minn din id-dispożizzjoni ikunu ta’ natura professjonali jew kummerċjali.

34.

It-tieni, tali rekwiżit ma jistax jiġi dedott mit-terminu “merkanzija”, użat f’din id-dispożizzjoni. Huwa minnu li r-Regolament Nru 561/2006 ma jinkludi l-ebda definizzjoni ta’ dan it-terminu ( 12 ), u li, kieku wieħed kellu jiddetermina t-tifsira u l-portata tiegħu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ), b’riferiment għat-tifsira abitwali fil-lingwaġġ kurrenti, wieħed jista’ jsib li l-kunċett ta’ “merkanzija” jista’ jinftiehem bħala “oġġetti” maħluqa jew prodotti sabiex jinbiegħu bħala parti minn tranżazzjonijiet kummerċjali ( 14 ).

35.

Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha tiġi bbilanċjata mal-fatt li, skont l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eċċezzjonijiet (fakultattivi) għat-trasport ta’ “materjal, tagħmir jew makkinarju għall-użu tax-xufier matul ix-xogħol tiegħu” (it-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d)) jew “tagħmir taċ-ċirku u ta’ fun-fairs” (l-Artikolu 13(1)(j)). Tali operazzjonijiet ta’ trasport, li jikkonċernaw oġġetti li jintużaw fil-kuntest ta’ attività professjonali iżda li ma humiex intiżi li jinbiegħu, huma għalhekk koperti mill-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, sakemm ma humiex espressament esklużi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-kelma “merkanzija” f’din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-“oġġetti” li huma intiżi li jinbiegħu.

36.

Lanqas ma jidhirli li dan it-terminu huwa limitat, b’mod usa’, għall-“oġġetti” li huma marbuta ma’ tranżazzjoni kummerċjali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 561/2006 juża t-terminu “merkanzija” f’mill-inqas żewġ każijiet, mingħajr ebda rabta ma’ tranżazzjoni kummerċjali, iżda pjuttost b’riferiment għal “trasport mhux kummerċjali” ( 15 ).

37.

Ninnota, barra minn hekk, li, fil-kuntest ta’ regolament ieħor fil-qasam tat-trasport bit-triq, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/858, it-terminu “merkanzija” huwa ddefinit ( 16 ) bħala “primarjament kwalunkwe oġġett mobbli” ( 17 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat, b’mod ġenerali, tifsira wiesgħa għall-kunċett ta’ “merkanzija” fil-ġurisprudenza tagħha ( 18 ), b’mod partikolari meta interpretat dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ( 19 ). F’dan il-kuntest, hija ddikjarat b’mod ċar li jekk il-merkanzija tiġix ttrasportata għal finijiet ta’ bejgħ jew għal użu jew konsum personali huwa irrilevanti ( 20 ).

38.

It-tielet, interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, fid-dawl tal-Artikolu 3, u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(h) tiegħu, li essenzjalment jipprevedi li dan ir-regolament ma japplikax għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija minn vetturi ta’ inqas minn 7.5 tunnellati, tikkonferma, fil-fehma tiegħi, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni ma huwiex limitat għat-“trasport ta’ merkanzija” ta’ natura kummerċjali.

39.

Biex inkun preċiż, sabiex vettura tibbenefika mill-esklużjoni inkluża fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, il-vettura għandha tintuża għat-“trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” ( 21 ), u, it-tieni, il-massa massima ammissibbli tagħha ma għandhiex taqbeż is‑7.5 tunnellati. B’mod ċar, il-fatt li jeżisti t-tieni rekwiżit jista’ jfisser biss ħaġa waħda: L-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament jista’ attwalment japplika għat-trasport ta’ “merkanzija” għal użu mhux kummerċjali jekk il-massa massima ammissibbli tal-vettura inkwistjoni teċċedi dan l-ammont ( 22 ).

40.

L-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa minn vetturi użati għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija jistgħu jibbenefikaw ukoll, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju stess, minn esklużjoni oħra, jiġifieri dik prevista fl-Artikolu 3(i) tar-Regolament Nru 561/2006, li tapplika għal “vetturi kummerċjali, li għandhom stat storiku skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikunu misjuqa, u li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija” ( 23 ). Hawn ukoll, il-limiti ta’ din l-esklużjoni huma ċari. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher, f’dan il-każ ukoll, li kkunsidra l-fatt li l-vettura tittrasporta merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali bħala insuffiċjenti sabiex tali trasport jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, ipproċeda fuq il-bażi li l-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament jista’ japplika għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija.

41.

B’mod ġenerali, il-fatt li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 561/2006 jinkludi mhux biss waħda, iżda żewġ esklużjonijiet limitati b’mod strett li jirrigwardaw każijiet speċifiċi li jinvolvu t-trasport ta’ “merkanzija” għal finijiet mhux kummerċjali, huwa, fil-fehma tiegħi, testimonjanza għall-fatt li tali trasport ma huwiex totalment eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

42.

Fil-fehma tiegħi, kull interpretazzjoni oħra tkun contra legem. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi interpretat b’mod li l-effetti tiegħu jiġu estiżi lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi li huwa intiż li jiżgura, u l-portata tal-esklużjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu ddeterminati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament ( 24 ). Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li joħloq esklużjoni ġenerali għall-vetturi kollha li jittrasportaw merkanzija mhux kummerċjali, l-Artikolu 3(h) u (i) ta’ dan ir-regolament ma kienx jillimita l-esklużjonijiet li jistabbilixxi għal kategoriji speċifiċi ta’ merkanzija ttrasportata, iżda kien sempliċement jirreferi għat-trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali ( 25 ).

43.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 japplika, bħala prinċipju ( 26 ), għat-trasport ta’ “merkanzija” irrispettivament min-natura kummerċjali jew mhux kummerċjali ta’ dan it-trasport. Madankollu, meta merkanzija tiġi ttrasportata għal finijiet mhux kummerċjali, huma biss il-vetturi li l-massa massima ammissibbli tagħhom taqbeż is‑7.5 tunnellati li huma koperti minn din id-dispożizzjoni peress li l-vetturi taħt dan l-ammont huma esklużi skont l-Artikolu 3(h) ta’ dan ir-regolament.

44.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

45.

F’dan ir-rigward, infakkar li r-Regolament Nru 561/2006 għandu tliet għanijiet: l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq, li jittejbu l-kundizzjonijiet soċjali għall-ħaddiema li huma koperti minnu, u t-titjib tas-sigurtà ġenerali fit-toroq (għall-vetturi kollha) ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li t-trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali ma jinċidix fuq il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq, u lanqas ma jtellef il-kisba tal-għan tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dan is-settur ( 28 ). Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li adotta l-fehma li tali operazzjonijiet ta’ trasport jistgħu joħolqu riskju għas-sigurtà fit-toroq, b’mod partikolari meta l-massa massima ammissibbli tal-vetturi kkonċernati tkun ogħla minn 7.5 tunnellati (jew, kif inhu l-każ għall-vettura ta’ AI, attwalment tiżen iktar minn 17‑il tunnellata). Fil-fatt, il-Parlament Ewropew enfasizza, matul l-ewwel qari ( 29 ) tal-abbozz ta’ proposta tal-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 ( 30 ), li l-“aspett tas-sigurtà fit-toroq” ma setax ikun limitat, fil-fehma tiegħu, għas-settur kummerċjali u għandu japplika wkoll għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija.

46.

Huwa wkoll utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq l-importanza tal-għan li tittejjeb is-sigurtà ġenerali fit-toroq f’diversi sentenzi dwar l-interpretazzjoni tal-esklużjonijiet u tal-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 561/2006 ( 31 ).

47.

Nikkunsidra li, jekk l-operazzjonijiet ta’ trasport kollha mwettqa għat-trasport tal-merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimplimenta bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, ikun kompromess ( 32 ). Il-fatt li dan it-tip ta’ trasport huwa inqas frekwenti minn dak li jitwettaq fil-kuntest ta’ attività kummerċjali huwa ( 33 ), fil-fehma tiegħi, irrilevanti: Fil-fatt, AI jista’ jqum filgħodu darba minnhom u jiddeċiedi li jsuq il-vettura tiegħu ta’ iktar minn 17‑il tunnellata għal 20 siegħa konsekuttiva mingħajr ma jieħu l-ebda pawża, possibbiltà li jista’ jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-sigurtà ġenerali fit-toroq (b’mod partikolari minħabba l-piż ta’ tali vettura).

48.

Naħseb li dan it-tip ta’ sitwazzjoni kien fuq quddiem nett f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni meta ddeċieda li jillimita l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 għat-“trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija” minn vetturi li l-massa massima ammissibbli tagħhom ma teċċedix 7.5 tunnellati ( 34 ). Bħala tali, jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-esklużjoni sistematika ta’ tali operazzjonijiet ta’ trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun inkompatibbli mal-kisba ta’ dan l-għan.

49.

Barra minn hekk, ma naħsibx li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Lundberg ( 35 ) tipprovdi xi appoġġ favur interpretazzjoni kuntrarja. Wieħed jista’, mal-ewwel ħarsa, jikkunsidra li t-tilwima quddiem il-qrati nazzjonali f’dik il-kawża hija simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, bħal AI, Lundberg kien is-sid u s-sewwieq ta’ vettura li kien juża sabiex jittrasporta vettura bil-mutur oħra, jiġifieri karozza tat-tlielaq (f’karru irmonkat mal-ewwel vettura). Huwa kien sewwieq tal-vetturi tat-tlielaq dilettant li jikkompeti fi tlielaq tal-karozzi, fil-ħin ta’ divertiment tiegħu. Madankollu, b’differenza minn AI (li l-vettura tiegħu tiżen iktar minn 17‑il tunnellata), il-vettura ta’ D. Lundberg kellha piż ikkombinat li ma jaqbiżx dak ta’ 7.5 tunnellati.

50.

Fil-fehma tiegħi, huwa dan l-element speċifiku, u mhux is-sempliċi fatt li D. Lundberg kien qiegħed jittrasporta l-karozza tat-tlielaq tiegħu għal finijiet mhux professjonali u mhux kummerċjali, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li din l-operazzjoni ta’ trasport kienet taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 u kienet, għaldaqstant, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument ( 36 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba, f’dik il-kawża, sabiex tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, iżda biss il-portata tal-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006.

51.

Fil-fehma tiegħi, wieħed għalhekk għandu jirreżisti għat-tentazzjoni ta’ applikazzjoni tas-soluzzjoni ġudizzjarja adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Lundberg għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għas-sempliċi raġuni li, fil-kawża ineżami wkoll, AI jittrasporta merkanzija għad-divertiment tiegħu nnifsu ( 37 ). F’dan ir-rigward, infakkar li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx il-fatt li l-massa massima ammissibbli tal-vettura ta’ AI hija iktar minn 7.5 tunnellati u li, bħala tali, din il-vettura ma taqax taħt l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006.

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li huwa ċar li l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 ma huwiex limitat għat-trasport ta’ merkanzija ta’ natura kummerċjali. Id-definizzjoni f’din id-dispożizzjoni tkopri wkoll – u r-regoli ta’ dan ir-regolament u tar-Regolament Nru 165/2014 għalhekk japplikaw għal – l-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa minn vetturi li jittrasportaw merkanzija għal finijiet privati u mhux kummerċjali, pereżempju fil-kuntest ta’ passatemp, ħlief meta dawn l-operazzjonijiet jaqgħu fil-portata tal-esklużjoni espressa stabbilita fl-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 (jew kwalunkwe esklużjoni jew eċċezzjoni oħra ta’ dan ir-regolament).

B.   Il-każ ta’ vetturi ta’ użu mħallat użati kemm għat-trasport ta’ “merkanzija” kif ukoll bħala post ta’ abitazzjoni temporanja għall-okkupanti tagħhom

53.

Wara li ġie stabbilit li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-fatt li l-vettura ta’ AI tittrasporta merkanzija (fil-kawża ineżami, motoslitti) għal finijiet mhux kummerċjali ma jipprekludix li din tiġi kkunsidrata bħala vettura li tittrasporta “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, issa ser neżamina jekk il-fatt li din hija vettura ta’ użu mħallat, użata minn AI u l-familja tiegħu, mhux biss għat-trasport ta’ merkanzija, iżda wkoll sabiex tipprovdi akkomodazzjoni temporanja għall-okkupanti tagħha, jeskludihiex mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Ser nispjega li dan ma huwiex il-każ.

54.

Kif fakkart fil-punt 26 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 561/2006 japplika (i) għat-“trasport bit-triq […] ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it‑3,5 tunnellati” (l-Artikolu 2(1)(a)) u (ii) għat-“trasport bit-triq […] ta’ passiġġieri b’vetturi li huma magħmula jew addattati b’mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa’ persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop” (l-Artikolu 2(1)(b)). Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta loġikament li dan ir-regolament ma jkoprix operazzjonijiet ta’ trasport fit-toroq imwettqa (i) minn vetturi li jittrasportaw merkanzija b’massa massima ammissibbli li ma taqbiżx it‑3.5 tunnellati, jew (ii) minn vetturi li jittrasportaw passiġġieri, li huma mibnija jew adattati b’mod permanenti sabiex iġorru mhux iktar minn disa’ persuni (inkluż is-sewwieq).

55.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, AI jsostni, essenzjalment, li, minbarra dawn iż-żewġ kategoriji ta’ “trasport”, u dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjonijiet jew tal-eċċezzjonijiet espressament previsti mir-Regolament Nru 561/2006 (bħall-Artikolu 3(h)), l-operazzjonijiet l-oħra ta’ trasport jistgħu wkoll jevitaw ir-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament. Skont AI, dan huwa l-każ tat-“trasport” imwettaq minn vetturi mibnija jew adattati b’mod permanenti primarjament sabiex jipprovdu post ta’ abitazzjoni għall-okkupanti tagħhom, pjuttost milli sempliċement jittrasportaw il-merkanzija. AI jsostni li tali trasport ma huwiex kopert mill-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006. Huwa jikkunsidra li l-vettura tiegħu għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (irrispettivament mill-fatt li hija użata għat-“trasport ta’ merkanzija” u li għandha massa massima ammissibbli ta’ iktar minn 7.5 tunnellati), għaliex hija użata primarjament bħala post ta’ abitazzjoni temporanja għalih u għall-familja tiegħu.

56.

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li xejn fir-Regolament Nru 561/2006 ma jindika li l-fatt li vettura tintuża mhux biss għat-trasport ta’ merkanzija, iżda, primarjament, bħala spazju ta’ abitazzjoni temporanja jipprekludi li tiġi kkunsidrata bħala trasport ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

57.

F’dan ir-rigward, ninnota, l-ewwel, li għalkemm l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 speċifikament jobbliga li titwettaq evalwazzjoni tal-mod ta’ kif il-vettura ġiet mibnija jew adattata b’mod permanenti (qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li tali vettura tittrasporta passiġġieri għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni), dan ma huwiex il-każ fil-każ tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

58.

Madankollu, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vettura bil-mutur”, previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 561/2006, jirriżulta li r-regoli inklużi f’dan ir-regolament huma intiżi sabiex japplikaw għal “kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess […] li normalment tintuża għat-trasport […] ta’ merkanzija” li l-operazzjoni ta’ trasport tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament ( 38 ). Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 561/2006 jirriżulta li l-vettura ma għandux għalfejn “ikollha tagħbija”.

59.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, sabiex operazzjoni ta’ trasport tkun tista’ tiġi koperta mill-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 u tkun suġġetta għar-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament, ma huwiex meħtieġ li, f’mument partikolari, il-vettura tkun effettivament qiegħda tittrasporta l-merkanzija. Lanqas ma huwa meħtieġ, kif isostni AI quddiem il-qorti tar-rinviju, li tali vettura tintuża primarjament għat-trasport tal-merkanzija. Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-vettura tkun “normalment tintuża għat-trasport ta’ merkanzija” ( 39 ). Fil-fehma tiegħi, il-vettura għandha għalhekk turi karatteristiċi permanenti (u mhux biss temporanji) li jindikaw li hija “normalment tintuża għat-trasport ta’ merkanzija”. Dawn l-elementi għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu evalwati fid-dawl tal-mod li bih il-vettura tkun ġiet mibnija jew kif tkun ġiet adattata b’mod permanenti, b’analoġija mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament ( 40 ).

60.

It-tieni, jidhirli li d-distinzjoni li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jistabbilixxi bejn it-“trasport […] ta’ merkanzija” (l-Artikolu 2(1)(a)) u t-“trasport […] ta’ passiġġieri” (Artikolu 2(1)(b)) tixbah (tal-inqas, sa ċertu punt) id-distinzjoni magħmula fi strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bit-triq u, b’mod partikolari, fir-Regolament 2018/858 (li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u tqegħid fis-suq tal-vetturi ġodda kollha) ( 41 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, il-vetturi bil-mutur li huma “iddisinjati u mibnija primarjament għall-ġarr tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom” ( 42 ) jaqgħu taħt kategorija waħda (il-Kategorija M), filwaqt li l-vetturi bil-mutur li huma “iddisinjati u mibnija primarjament għall-ġarr ta’ merkanzija” ( 43 ) jaqgħu taħt kategorija distinta oħra (Kategorija N).

61.

“Karavans bil-mutur” huma ddefiniti, fil-punt 5.1 ta’ Parti A tal-Anness I tar-Regolament 2018/858 ( 44 ), bħala vetturi tal-kategorija M bi spazju ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies. Dan l-ispazju għandu jinkludi, bħala minimu, it-tagħmir li ġej: (a) sits u mejda; (b) akkomodazzjoni tal-irqad li tista’ tkun sit ikkonvertit; (c) faċilitajiet ta’ fejn issajjar; (d) faċilitajiet ta’ ħażna. Isegwi mill-fatt li l-“karavans bil-mutur” huma inklużi fil-kategorija M tar-Regolament 2018/858 li, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, huma kkunsidrati bħala vetturi “iddisinjati u mibnija primarjament għall-ġarr tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom”, u mhux merkanzija. Il-fatt li jinkludu faċilitajiet ta’ ħażna ma jipprekludihomx milli jaqgħu taħt din il-kategorija, peress li tali faċilitajiet ta’ ħażna huma integrati fl-ispazju ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies u huma mwaħħla hemmhekk b’mod riġidu ( 45 ).

62.

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, jiena nista’ faċilment naċċetta li, għall-finijiet tar-Regolament Nru 561/2006, il-“karavans bil-mutur” li juru l-karatteristiċi elenkati fil-punt 61 iktar ’il fuq għandhom, bħala prinċipju, bħalma huwa l-każ għall-finijiet tar-Regolament 2018/858, jitqiesu wkoll bħala użati għat-trasport ta’ passiġġieri, u mhux ta’ merkanzija, u, għalhekk, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument biss meta jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b) (jiġifieri, biss meta jkunu mibnija jew adattati b’mod permanenti għat-trasport ta’ iktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq, u jkunu intenzjonati għal dan l-għan).

63.

Wara li għamilt din il-kjarifika, nixtieq nenfasizza li l-kawża prinċpali tikkonċerna tip ta’ vettura partikolari: waħda li l-apparenza esterna tagħha hija simili għal dik ta’ karozza tal-linja jew ta’ xarabank, u li hija vettura ta’ użu mħallat, peress li tinkludi kemm spazju ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies kif ukoll spazju ta’ ħażna kbir biżżejjed sabiex AI jaħżen tal-inqas żewġ motoslitti.

64.

Niddeduċi, mill-proċess tal-kawża, u mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-ispazju ta’ ħażna tal-vettura ta’ AI ma huwiex integrat fl-ispazju ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies tagħha, iżda huwa separat ( 46 ). Barra minn hekk, ma jidhirx li dan huwa maħsub sabiex jiżgura ħażna biss għall-“bagalji” tal-passiġġieri tal-vettura (b’differenza mill-kompartiment tal-bagalji ta’ karozza tal-linja jew xarabank jew il-kaxxa tas-saqaf ta’ karavan bil-mutur). Finalment, jidhirli li dan l-ispazju ta’ ħażna huwa karatteristika permanenti tal-vettura ta’ AI. Kuntrarjament għal rack tar-roti jew ta’ kaxxa tas-saqaf, dan ma jistax jitneħħa faċilment.

65.

F’tali sitwazzjoni, għandu jitqies li l-vettura għadha qiegħda tittrasporta l-passiġġieri u l-bagalji tagħhom? Jiena ma naħsibx ( 47 ). Għandha titqies li hija “normalment” tittrasporta ‘merkanzija’ u, għaldaqstant, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006? Fil-fehma tiegħi, iva.

66.

Fil-fatt, nikkunsidra li vettura ta’ użu mħallat bħall-vettura ta’ AI, li tinkludi kemm post ta’ akkomodazzjoni u spazju ta’ ħażna, għandha titqies bħala vettura li “normalment” tittrasporta “merkanzija”, għall-finijiet tar-Regolament Nru 561/2006, u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk tissodisfax jew le r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi kklassifikata bħala “karavan bil-mutur”, fis-sens tar-Regolament Nru 2018/858, meta l-ispazju ta’ ħażna ta’ tali vettura (i) ikun separat jew inkella fiżikament distingwibbli mill-post ta’ abitazzjoni (minflok integrat miegħu), (ii) ma jidhirx raġonevolment li kien maħsub sabiex jipprovdi ħażna biss għall-bagalji tal-okkupanti tal-vettura, u (iii) jikkostitwixxi karatteristika permanenti tal-vettura, fis-sens li l-vettura hija mibnija jew adattata b’mod permanenti sabiex tinkludi tali spazju.

67.

Dan l-eżami fi tliet partijiet, li huma l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw f’kull każ partikolari, jidhirli li jipprovdi r-riżultati mixtieqa fil-parti l-kbira tal-każijiet.

68.

L-ewwel, huwa jiżgura, f’tarf tal-ispettru, li s-sewwieq professjonali ta’ trakk li jkun adatta l-kabina tal-vettura sabiex b’mod permanenti jinkludi salott u spazju għall-irqad jibqa’ suġġett għar-regoli stabbiliti mir-regoli Nru 561/2006 (jew għaliex il-post ta’ abitazzjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti kollha stabbiliti mir-Regolament 2018/858 sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “karavan bil-mutur”, jew minħabba li, fi kwalunkwe każ, l-ispazju ta’ ħażna xorta jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet indikati iktar ’il fuq).

69.

Fit-tarf l-ieħor tal-ispettru, huwa jwassal ukoll sabiex jiġi kkunsidrat li karavan bil-mutur ma jitqiesx bħala vettura li tittrasporta “merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 506/2006, minħabba s-sempliċi fatt li l-ixkafef tal-post ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies ikunu mimlija bi platti, tazzi u utensili jew oġġetti oħra li tipikament ikunu jinsabu f’“dar”, jew minħabba li tali vettura tinkludi bagoll jew spazju ta’ ħażna li jidhru li huma maħsuba biss għat-trasport tal-bagalji tal-passiġġieri, jew li għandha rack tar-roti jew kaxxa tas-saqaf imwaħħla magħha.

70.

It-tieni, l-eżami stabbilit fil-punt 66 iktar ’il fuq jipprovdi soluzzjoni xierqa (jew tal-inqas li tevita riżultati assurdi) f’sitwazzjonijiet iktar kumplessi u inqas ċari. Sabiex nispjega dan il-punt, nibbaża ruħi fuq tliet eżempji (ipotetiċi).

71.

L-ewwel eżempju: ikkunsidra serfer dilettant li għandu vann ta’ iktar minn 7.5 tunnellati, b’kapaċità li jġorr 50 surfboard kemm għall-użu tiegħu nnifsu kif ukoll għal dak tal-ħbieb tiegħu, u li fih huwa jżomm saqqu li jorqod fuqu minn żmien għal żmien. Is-serfer ikun qiegħed jittrasporta “merkanzija”? Iva, għaliex il-vettura tiegħu ma turix il-karatteristiċi kollha elenkati fir-Regolament 2018/858 sabiex tiġi ttikkettata bħala “karavan bil-mutur” u, għaldaqstant, sabiex tiġi kklassifikata bħala vettura maħsuba jew mibnija primarjament għat-trasport ta’ “passiġġieri u l-bagalji tagħhom” u minħabba li, fi kwalunkwe każ, hija mibnija jew adattata b’mod permanenti sabiex tinkludi spazju ta’ ħażna identifikabbli b’mod ċar li ma jidhirx li huwa maħsub unikament għat-trasport tal-bagalji tiegħu. Fi kliem ieħor, is-serfer dilettant jinsab f’sitwazzjoni li ma hijiex differenti għal dik ta’ sewwieq ta’ trakk professjonali deskritt fil-punt 68 iktar ’il fuq.

72.

It-tieni eżempju: xi jkun il-każ jekk is-serfer kellu “karavan bil-mutur” proprja u ttrasporta s-surfboards tal-ħbieb jew tal-familja tiegħu fi spazju ta’ ħażna mhux ikbar minn bagoll maħsub għat-trasport tal-bagalji? Il-surfer ma jkunx qiegħed jittrasporta “merkanzija”. Dan ikun jinsab fl-istess sitwazzjoni tal-karavan bil-mutur “klassiku” fil-punt 69 iktar ’il fuq.

73.

It-tielet eżempju (hawn fejn issir iktar ikkumplikata): xi jkun il-każ jekk l-istess surfboards (jew, għall-fini tal-argument, il-motoslitti ta’ AI) jitqiegħdu f’karru kbir ħafna ( 48 ) mwaħħal mal-parti ta’ wara ta’ karavan bil-mutur? Il-fatt li l-karru jkun jista’ jitneħħa mill-karavan bil-mutur jipprekludi li l-vettura tiġi kkunsidrata bħala li tittrasporta merkanzija? Jiena ma naħsibx. Fil-fatt, għall-finijiet tar-Regolament Nru 561/2006, “vettura” tista’ tikkonsisti f’kombinazzjoni ta’ vetturi ( 49 ). Għalhekk, karru magħqud ma’ karavan ikun jitqies li jifforma unità waħda ta’ “vettura”. Il-karatteristiċi permanenti tal-karru (bħall-fatt li ġie mibni jew adattat b’mod permanenti bħala spazju ta’ ħażna) jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu applikati għall-“vettura” fl-intier tagħha ( 50 ).

74.

Kif diġà sostnejt fil-punt 59 iktar ’il fuq, huwa importanti li jitfakkar li ma huwiex neċessarju, sabiex operazzjoni ta’ trasport taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, li l-vettura li twettaq din l-operazzjoni tkun primarjament użata għat-trasport ta’ merkanzija (kif huwa meħtieġ mir-Regolament Nru 2018/858). Huwa biżżejjed li l-vettura tkun “normalment” ( 51 ) użata għat-trasport tal-merkanzija.

75.

Fil-fehma tiegħi, vettura ta’ użu mħallat għandha titqies li hija “normalment” użata għat-trasport ta’ merkanzija jekk (i) tkun mibnija jew adattata b’mod permanenti sabiex iżżomm spazju ta’ ħażna li huwa (ii) identifikabbli b’mod ċar ( 52 ) u (iii) raġonevolment jidher li kien maħsub mhux biss għat-trasport tal-bagalji tal-passiġġieri. Sakemm dawn il-karatteristiċi huma preżenti, ma hemmx bżonn li jiġi evalwat jekk it-trasport tal-merkanzija jiħux preċedenza fuq dak tal-passiġġieri ( 53 ). Is-sewwieq għandu, fil-fehma tiegħi, ikun suġġett għar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ previsti mir-Regolament Nru 561/2006, u l-obbligu li jkollu takografu debitament spezzjonat, sakemm il-massa massima ammissibbli tal-vettura taqbeż it‑3.5 tunnellati (għat-trasport kummerċjali ta’ merkanzija) jew is‑7.5 tunnellati (għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija) ( 54 ).

76.

Jidhirli li dan l-approċċ huwa konsistenti mad-definizzjoni tat-terminu “merkanzija” bħala li jkopri kull oġġett tanġibbli u mhux sempliċement merkanzija intiża li tinbiegħ jew tintuża għal tranżazzjoni kummerċjali, li jiena pproponejt għall-adozzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-taqsima preċedenti ( 55 ). Dan huwa wkoll konformi mal-għan ta’ titjib ġenerali tas-sigurtà fit-toroq li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jimplimenta fir-Regolament Nru 561/2006 ( 56 ). Fil-fatt, huwa jiżgura li l-vetturi tqal li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li joħolqu riskju reali għas-sigurtà ġenerali fit-toroq jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u ma jistgħux jaħarbu mill-obbligi li jinsabu fih, għas-sempliċi raġuni li jservu parzjalment bħala karavan bil-mutur.

77.

F’dan l-istadju, nixtieq inżid li l-kategorija ta’ vetturi tal-Unjoni li taħtha hija rreġistrata l-vettura fir-reġistru nazzjonali tat-traffiku hija, fil-fehma tiegħi, indikattiva, iżda mhux deċiżiva. Wieħed xorta għandu jevalwa jekk il-vettura hijiex “normalment” użata għat-trasport tal-merkanzija, jiġifieri, jekk il-kriterji li stabbilixxejt iktar ’il fuq humiex issodisfatti. Il-qorti tar-rinviju speċifikat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-vettura ta’ AI hija rreġistrata taħt il-kategorija N3 tar-Regolament 2018/858, li tkopri “vetturi bil-mutur iddisinjati u mibnija primarjament għall-ġarr ta’ merkanzija” b’massa massima ta’ iktar minn 12‑il tunnellata. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-vettura tkun irreġistrata f’din il-kategorija ċertament jindika li hija “normalment” tintuża għat-trasport tal-merkanzija ( 57 ). Madankollu, hija ma jistax ikollha rwol determinanti fl-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali. Kieku din kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, dan tal-aħħar kien sempliċement jirreferi għal dawn il-kategoriji fir-Regolament Nru 561/2006 ( 58 ).

78.

Nixtieq nikkonkludi bi ftit kliem dwar il-konsegwenzi prattiċi tas-soluzzjoni li jiena pproponejt. Hija bl-ebda mod ma timplika li l-vetturi kollha ta’ użu mħallat bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li jinkludu kemm spazju ta’ akkomodazzjoni biex jgħixu n-nies kif ukoll spazju ta’ ħażna għat-trasport ta’ merkanzija għal finijiet mhux kummerċjali, għandhom ikunu mgħammra b’takografu, jew li s-sewwieq tagħhom għandu josserva r-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti mir-Regolament Nru 561/2006.

79.

Fil-fatt, kif indikajt preċedentement, is-sewwieqa ta’ tali vetturi jaqgħu biss taħt l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006 u għandhom ikunu obbligati josservaw ir-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament u fir-Regolament Nru 165/2014 (inkluż l-obbligu li jkollhom takografu debitament spezzjonat), meta jista’ jingħad li l-vettura tagħhom “normalment” tintuża għat-trasport ta’ merkanzija u meta l-massa massima ammissibbli tal-vettura taqbeż is‑7.5 tunnellati. Numru sinjifikattiv ta’ motorhomes ta’ użu mħallat, karavans u oħrajn simili ma humiex ser jaqbżu dan il-limitu. L-operazzjonijiet ta’ trasport tagħhom huma, għalhekk, purament u sempliċement, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 ( 59 ).

V. Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hovrätten för Nedre Norrland (il-Qorti tal-Appell għan-Nofsinhar ta’ Norrland sedenti f’Sundsvall, l-Isvezja):

(1)

L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, moqri fid-dawl tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(b) u tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li vettura li twettaq l-operazzjoni ta’ trasport għandha tkun “normalment” użata għat-trasport ta’ merkanzija. Il-kategorija li fiha vettura hija rreġistrata fir-reġistru nazzjonali tat-traffiku ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward. Il-fatt li l-merkanzija tiġi ttrasportata għal finijiet mhux kummerċjali, minflok dawk kummerċjali, ma jipprekludix li l-operazzjoni ta’ trasport tkun koperta minn din id-dispożizzjoni u milli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

(2)

L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, moqri fid-dawl tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(b) tiegħu,

għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li vettura ta’ użu mħallat li tinkludi kemm spazju ta’ akkomodazzjoni għall-okkupanti tagħha kif ukoll spazju ta’ ħażna għall-finijiet tat-trasport ta’ merkanzija għandha titqies bħala li hija “normalment” użata għat-trasport ta’ merkanzija u, għalhekk, hija koperta mill-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, sakemm dan l-ispazju ta’ ħażna (i) ikun separat jew inkella fiżikament distingwibbli mill-post ta’ abitazzjoni (minflok integrat miegħu), (ii) ma jidhirx raġonevolment li kien maħsub sabiex jipprovdi ħażna biss għall-bagalji tal-okkupanti tal-vettura, u (iii) jikkostitwixxi karatteristika permanenti tal-vettura, fis-sens li l-vettura hija mibnija jew adattata b’mod permanenti sabiex tinkludi tali spazju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Takografu huwa magna f’vettura li tirreġistra, inter alia, il-veloċità, id-distanza vvjaġġata u l-perijodi ta’ waqfien, użati għall-verifika, b’mod partikolari, tal-ħinijiet legali tax-xogħol tax-xufier.

( 3 ) Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83).

( 5 ) Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 165/2014.

( 6 ) Il-vetturi li jappartjenu għall-kategorija ta’ vetturi tal-Unjoni N3 huma ddefiniti, fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), bħala “vetturi bil-mutur iddisinjati u mibnija primarjament għall-ġarr ta’ merkanzija […] b’massa massima ta’ aktar minn 12‑il tunnellata.”

( 7 ) Ara l-punt 2 iktar ’il fuq. Kif indikajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar’ il fuq, huwa ċar mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 165/2014 li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa identiku għal dak tar-Regolament Nru 561/2006.

( 8 ) Ninnota li, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, l-Istati Membri jistgħu jagħtu, fit-territorju tagħhom, eċċezzjonijiet addizzjonali għar-regoli ġenerali relatati mal-ekwipaġġi, mal-ħinijiet tas-sewqan, mal-pawżi u mal-perijodi ta’ mistrieħ ta’ dan ir-regolament (jiġifieri, dawk stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9). Dawn l-eċċezzjonijiet huma applikabbli għat-trasport imwettaq minn ċerti vetturi (differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 3).

( 9 ) Pereżempju, il-“vetturi speċjalizzati” fl-Artikolu 3(e) u (f).

( 10 ) Pereżempju, il-vetturi użati għat-trasport tal-passiġġieri permezz ta’ servizzi regolari li l-vjaġġ inkwistjoni tagħhom ma jaqbiżx il‑50 kilometru (l-Artikolu 3(a)) jew vetturi użati f’emerġenzi jew operazzjonijiet ta’ salvataġġ (l-Artikolu 3(d)).

( 11 ) Dwar il-kombinazzjoni taż-żewġ elementi (karatteristiċi permanenti u użu), ara l-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006, li japplika għall-vetturi li l-massa massima ammissibbli tagħhom ma taqbiżx is‑7.5 tunnellati u li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta’ merkanzija.

( 12 ) B’mod partikolari, ninnota li l-kelma “merkanzija” ma hijiex inkluża fost id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 561/2006.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Lundberg (C‑317/12, EU:C:2013:631, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara d-definizzjoni tat-terminu “goods” mogħtija mill-Collins Dictionary (https://www.collinsdictionary.com/dictionary/english/goods). Dan premess, ninnota li l-Cambridge Dictionary jidher li għażel definizzjoni iktar wiesgħa, li tinkludi mhux biss “things for sale” [“affarijiet għall-bejgħ”], iżda wkoll “the things that you own” [l-“affarijiet li tippossjedi”] (https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/goods).

( 15 ) Ara, verbatim, l-Artikolu 3(h) u (i) tar-Regolament Nru 561/2006.

( 16 ) Fil-punt 1.3 tal-Parti Introduttorja tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolata “Definizzjonijiet ġenerali, kriterji għat-tqassim tal-vetturi f’kategoriji, tipi ta’ vetturi u tipi ta’ karozzeriji”.

( 17 ) Enfasi miżjuda minni.

( 18 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus (C‑296/15, EU:C:2017:431, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 1968, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (7/68, EU:C:1968:51).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, f’din is-sentenza, li, għalkemm “merkanzija” għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE tfisser “prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali” (enfasi miżjuda minni), ma hemm l-ebda rekwiżit li dawn jintużaw għal finijiet kummerċjali jew anki li jkunu intiżi li jintużaw għalhekk.

( 21 ) Fl-aħħar verżjoni kkonsolidata tar-Regolament Nru 561/2006 (kif emendat mir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 (ĠU 2020, L 249, p. 1)), “trasport mhux kummerċjali” huwa ddefinit (fl-Artikolu 4(r)) bħala “trasport mhux kummerċjali’, […] għajr trasport b’kiri jew kumpens jew għall-kont proprju, li għalih ebda remunerazzjoni diretta jew indiretta ma tiġi riċevuta u li ma jiġġenera ebda dħul direttament jew indirettament għax-xufier tal-vettura jew għal oħrajn, u fejn ma jkun hemm ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali”.

( 22 ) Sakemm, naturalment, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjoni oħra elenkata fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 561/2006 (bħall-Artikolu 3(i)) jew ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament.

( 23 ) Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjoni ekstraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Seeger (C‑554/09, EU:C:2011:523, punt 30), dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materjal” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 (li fil-frattemp ġie emendat).

( 26 ) Mill-ġdid, ħlief jekk l-operazzjoni ta’ trasport tibbenefika minn waħda mill-esklużjonijiet jew eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3 jew fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006.

( 27 ) Ara l-premessa 17 u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006. Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjoni ekstraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punt 29). Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pricoforest (C‑13/21, EU:C:2022:188, nota ta’ qiegħ il-paġna 7), dawn it-tliet għanijiet huma, sa ċertu punt, reċiproċi. Billi jiżguraw li l-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ jiġu alternati, ir-regoli tar-Regolament Nru 561/2006 jipproteġu lil xufiera u ekwipaġġ ta’ vetturi użati għal trasport bit-triq kontra l-effetti ħżiena ta’ perijodi ta’ sewqan eċċessivi u mqassma ħażin. Hekk kif l-għejja u n-nuqqas ta’ mistrieħ min-naħa tax-xufiera ta’ tali vetturi huma rrikonoxxuti bħala kawżi ta’ inċidenti tat-traffiku, dawn ir-regoli fl-istess waqt jipproteġu s-sigurtà stradali. Finalment, hekk kif il-prattika tax-xogħol ibbażata fuq sfruttament mhux xieraq ta’ dawk il-ħaddiema u l-ekwipaġġ tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport, dawn ir-regoli jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti f’dan ir-rigward.

( 28 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Lundberg (C‑317/12, EU:C:2013:631, punti 3536).

( 29 ) Ara l-“Ġustifikazzjoni” tal-Emenda Nru 22 tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew fuq il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fil-qasam soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq (COM(2001) 573 – C5-0485/2001 – 2001/0241(COD))” (disponibbli hawn: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-5-2002-0388_EN.html?redirect#_section2).

( 30 ) Ara l-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ xi leġiżlazzjoni soċjali rigward it-trasport fuq it-triq (COM(2001) 573 final).

( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjoni ekstraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punt 38), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 561/2006, u s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse (C‑222/12, EU:C:2014:142, punti 40 sa 42), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(h) ta’ dan ir-regolament. Ninnota li, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat speċifikament li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(h) kellu jiġi “[ddeterminat] fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament, inkluż dak tas-sigurtà fit-triq” (enfasi miżjuda minni).

( 32 ) Barra minn hekk, l-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 3(h) u (i) ta’ dan ir-regolament ikunu qegħdin effettivament jingħataw kamp ta’ applikazzjoni li jmur ferm lil hinn mill-formulazzjoni ċara tagħhom.

( 33 ) Probabbilment AI iqatta’ inqas ħin fuq it-triq bit-trakk u ż-żewġ motoslitti tiegħu minn trasportatur professjonali ta’ merkanzija kummerċjali għall-bejgħ li jsuq minn Stokkolma (l-Isvezja) sa Göteborg (l-Isvezja) darba iva darba le matul il-ġimgħa.

( 34 ) Skont is-sistema applikabbli preċedentement, il-“vetturi użati għall-ġarr mhux kummerċjali ta’ oġġetti għal użu personali” kienu esklużi fl-intier tagħhom (ara l-Artikolu 4(12) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319)). Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament emenda din l-esklużjoni meta adotta r-Regolament Nru 561/2006 u elenka bħala rekwiżit addizzjonali li l-massa massima ammissibbli tal-vettura ma tkunx teċċedi 7.5 tunnellati.

( 35 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013 (C‑317/12, EU:C:2013:631) (iktar ’il quddiem “Lundberg”).

( 36 ) Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li l-għan tal-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 561/2006 kien “li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament it-trasport ta’ merkanizja mwettaq minn persuni privati li ma jkunu qegħdin jeżerċitaw l-ebda attività professjonali jew kummerċjali”, hija għamlet dan biss wara li enfasizzat li din id-dispożizzjoni tapplika biss għal vetturi b’massa massima ammissibbli li ma taqbiżx is‑7.5 tunnellati.

( 37 ) Fil-fehma tiegħi, wieħed għandu joqgħod attent ukoll, li ma jiħux ċerti konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Lundberg barra mill-kuntest tagħhom. Bħala eżempju, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat (fil-punt 28 ta’ din is-sentenza) li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006 japplikaw essenzjalment għas-sewwieqa professjonali, u mhux għal individwi li jsuqu għal finijiet privati. Madankollu, hija ma ddikjaratx li dawn ir-regoli japplikaw esklużivament għas-sewwieqa professjonali. Barra minn hekk, dan il-paragrafu huwa immedjatament ippreċedut minn sentenza li tfakkar li l-Artikolu 4(c) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “xufier” bħala “kull persuna li ssuq il-vettura anki jekk għal perijodu qasir […]”, li minnha huwa ovvju, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju stess, li r-Regolament Nru 561/2006 ma japplikax biss għas-sewwieqa professjonali.

( 38 ) Enfasi miżjuda minni.

( 39 ) Enfasi miżjuda minni.

( 40 ) Ara l-punt 57 iktar ’il fuq.

( 41 ) Naturalment, l-interpretazzjoni tad-diversi regolamenti għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata b’mod awtonomu. Madankollu, għalija huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jikklassifika l-vetturi b’mod simili fir-Regolament Nru 561/2006 u r-Regolament 2018/858 (jiġifieri, bħala li jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri).

( 42 ) Enfasi miżjuda minni.

( 43 ) Enfasi miżjuda minni.

( 44 ) L-Anness I huwa intitolat “Definizzjonijiet Ġenerali, Kriterji għat-Tqassim tal-Vetturi f’Kategoriji, Tipi ta’ Vetturi u Tipi ta’ Karozzeriji”. F’dan l-anness, il-Parti A hija intitolata “Kriterji għall-kategorizzazzjoni tal-vetturi”. Il-punt 5 ta’ din il-Parti A jiddeskrivi l-kriterji tal-“Vetturi bi skop speċjali” bħall-karavans bil-mutur.

( 45 ) Fil-fatt, it-tagħmir minimu (inkluż il-faċilitajiet ta’ ħażna) ta’ “karavan bil-mutur” għandu, skont il-punt 5.1 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament 2018/858, ikun “imwaħħal b’mod riġidu mal-kompartiment tal-għajxien” (anki jekk il-mejda tista’ titfassal sabiex tkun tista’ tinqala’ faċilment).

( 46 ) Ara l-punt 14 iktar ’il fuq. Fuq il-bażi tal-provi prodotti fil-proċess tal-kawża, jidher li l-vettura ta’ AI hija magħmula minn żewġ partijiet distinti. Il-parti ta’ quddiem (interjuri) tal-vettura tikkonsisti f’post ta’ abitazzjoni għal AI u għal familtu (li huma jużaw matul l-ivvjaġġar tagħhom), filwaqt li l-parti ta’ wara hija maħsuba bħala spazju ta’ ħażna, li fiha AI jittrasporta l-motoslitti għalih u għal familtu. Fi kwalunkwe każ, insibha diffiċli biex nara kif iż-żewġ motoslitti jistgħu jiġu integrati fl-ispazju ta’ akkomodazzjoni fejn jgħixu n-nies tal-vettura ta’ AI (minħabba d-daqs tagħhom).

( 47 ) Fil-każ li vettura bħal dik ta’ AI kellha tibqa’ titqies li tintuża għat-trasport tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, tali vettura tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006. Fil-fatt, din ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament sa fejn, skont l-informazzjoni pprovduta fil-proċess, ma jidhirx li din ġiet mibnija jew permanentement adattata sabiex iġġorr iktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq.

( 48 ) Wieħed jista’ dejjem isostni li, jekk il-karru ma huwiex ikbar mill-bagoll ta’ karozza regolari, ma hemmx “trasport ta’ merkanzija”.

( 49 ) Ara l-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 561/2006.

( 50 ) Fil-fehma tiegħi, dan huwa dak li jiddistingwi l-karrijiet mir-racks tar-roti, il-kaxex tas-saqaf jew elementi oħra purament aċċessorji li ma jaffettwawx id-definizzjoni tal-vettura.

( 51 ) Enfasi miżjuda minni.

( 52 ) Kif indikajt fil-punt 66 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ vetturi li jinkludu post ta’ abitazzjoni, l-ispazju ta’ ħażna għandu jkun separat jew fiżikament distingwibbli minn dan il-post ta’ abitazzjoni.

( 53 ) Pereżempju, billi jiġi evalwat jekk parti ikbar mill-vettura hijiex użata għat-trasport ta’ passiġġieri milli għat-trasport ta’ merkanzija, jew jekk il-vettura hijiex użata iktar spiss għat-trasport ta’ passiġġieri milli għat-trasport ta’ merkanzija.

( 54 ) Skont l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(h) ta’ dan ir-regolament. Il-fatt jekk il-vettura kinitx mibnija jew adattata b’mod permanenti għat-trasport ta’ iktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq (l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006), isir irrilevanti.

( 55 ) Fil-fatt, permezz tas-soluzzjoni li nipproponi jiena, il-platti, il-frieket jew il-friex ta’ karavan bil-mutur jistgħu validament jitqiesu bħala “merkanzija”. Madankollu, il-vettura kollha kemm hi tista’ tibqa’ titqies li “tittrasporta passiġġieri” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 u ma hijiex, għal din ir-raġuni biss, ikkunsidrata bħala “normalment” użata għat-trasport ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

( 56 ) Ara l-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq.

( 57 ) Madankollu ninnota li, fir-Regolament 2018/858, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel formulazzjoni kemxejn differenti minn dik fir-Regolament Nru 561/2006, peress li rrikjeda li l-vettura tintuża “primarjament” għat-trasport ta’ merkanzija (mhux li “normalment” tintuża għal dan l-għan).

( 58 ) Fil-fatt, il-kategoriji ta’ vetturi ddefiniti fir-Regolament 2018/858 kienu diġà jeżistu qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (ara l-Anness II tad‑Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1) u, qabilha, id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas‑6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44)).

( 59 ) Sabiex inkun ċar ħafna, AI ma jkunx obbligat josserva r-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ inklużi f’dan ir-regolament, u lanqas l-obbligu li jkollu takografu spezzjonat b’mod xieraq installat fil-vettura tiegħu, jekk il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonstata li l-massa massima ammissibbli tal-vettura tiegħu hija inqas minn 7.5 tunnellati.

Top