Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0634

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2023.
OQ vs Land Hessen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 22 – Deċiżjoni individwali awtomatizzata – Kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali – Tfassil awtomatizzat ta’ valur ta’ probabbiltà fir-rigward tal-kapaċità ta’ persuna li tonora impenji ta’ pagament fil-futur (‘scoring’) – Użu ta’ dan il-valur ta’ probabbiltà minn terzi.
Kawża C-634/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:220

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis‑16 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑634/21

OQ

vs

Land Hessen,

fil-preżenza ta’

SCHUFA Holding AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6(1) – Legalità tal-ipproċessar – Artikolu 22 – Deċiżjoni individwali awtomatizzata – Tfassil tal-profil – Kumpanniji privati li jipprovdu informazzjoni kummerċjali – Stabbiliment ta’ valur ta’ probabbiltà ta’ solvenza ta’ persuna fiżika (scoring) – Trażmissjoni lil terzi li jiddeċiedu dwar l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ din il-persuna abbażi ta’ dan il-valur”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) abbażi tal-Artikolu 267 TFUE għandha bħala l-għan tagħha l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2.

Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-rikorrenti OQ, persuna fiżika, u l-Land Hessen (il-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja), irrappreżentat mill-Hessischer Beauftragter für Datenschutz und Informationsfreiheit (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u għal-Libertà tal-Informazzjoni għal-Land ta’ Hessen, iktar ’il quddiem il-“HBDI”), dwar il-protezzjoni tad-data personali. SCHUFA Holding AG (iktar ’il quddiem “SCHUFA”), aġenzija rregolata mid-dritt privat, tappoġġja lill-HBDI bħala intervenjenti. Fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha li tikkonsisti fil-provvista lill-klijenti tagħha ta’ informazzjoni li tikkonċerna s-solvenza ta’ terzi, SCHUFA forniet lil istituzzjoni ta’ kreditu bi score dwar ir-rikorrenti li serviet bħala bażi għar-rifjut ta’ kreditu mitlub minn din tal-aħħar. Ir-rikorrenti talbet lil SCHUFA tħassar ir-reġistrazzjoni marbuta ta’ dan tal-aħħar u li tagħtiha aċċess għad-data korrispondenti, iżda din tal-aħħar bagħtitilha biss l-iscore rilevanti u, b’mod ġenerali, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes il-metodu ta’ kalkolu tal-iscore, mingħajr ma pprovditilha informazzjoni dwar id-data speċifika li ttieħdet inkunsiderazzjoni f’dan il-kalkolu u r-rilevanza li ġiet attribwita lilha f’dan il-kuntest, filwaqt li sostniet li l-metodu ta’ kalkolu huwa kopert mis-sigriet kummerċjali.

3.

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li SCHUFA topponi għat-talba tagħha jmur kontra s-sistema ta’ protezzjoni tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja sejra tintalab tagħti deċiżjoni fuq ir-restrizzjonijiet li r-RĠPD jimponi fuq l-attività ekonomika tal-aġenziji ta’ informazzjoni fis-settur finanzjarju, b’mod partikolari fil-ġestjoni tad-data kif ukoll fuq l-effett tar-rikonoxximent tas-sigriet kummerċjali. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja sejjer ikollha tispeċifika l-portata tas-setgħat regolatorji li ċerti dispożizzjonijiet tar-RĠPD jagħtu lil-leġiżlatur nazzjonali b’deroga mill-għan ġenerali ta’ armonizzazzjoni mfittex minn dan l-att legali.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

4.

Il-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(4)

‘tfassil tal-profil’ tfisser kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika”.

5.

L-Artikolu 6 tar‑RĠPD, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jistabbilixxi:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat f’dik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

6.

L-Artikolu 15 tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jiddisponi:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

[…]

(h)

l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.”

7.

L-Artikolu 21 tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.

[…]”

8.

Għall-finijiet tal-Artikolu 22 tar-RĠPD, intitolat “Teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati, inkluż tfassil ta’ profili”:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b’mod sinifikanti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk id-deċiżjoni:

(a)

tkun meħtieġa biex wieħed jidħol f’kuntratt, jew iwettaq kuntratt, bejn is-suġġett tad-data u kontrollur tad-data;

(b)

tkun awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur u li tistabbilixxi wkoll miżuri adatti għas-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(c)

tkun ibbażata fuq il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.

3.   F’ każijiet imsemmija fil-punt (a) u (c) tal-paragrafu 2, il-kontrollur tad-data għandu jimplimenta miżuri adatti biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jikseb intervent uman min-naħa tal-kontrollur, li jesprimi l-fehma tiegħu u li jikkontesta d-deċiżjoni.

4.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu bbażati fuq kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1), sakemm ma japplikax il-punt (a) jew (g) tal-Artikolu 9(2) u ma jkunux fis-seħħ miżuri biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.”

B. Id‑dritt Ġermaniż

9.

L-Artikolu 31 tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data), tat‑30 ta’ Ġunju 2017 ( 3 ), kif emendata bil-Liġi tal‑20 ta’ Novembru 2019 ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“BDSG”), intitolat “Protezzjoni tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi f’każ ta’ scoring [stabbiliment ta’ scores] u ta’ informazzjoni dwar is-solvenza”, jipprovdi:

“1)   L-użu ta’ valur ta’ probabbiltà fir-rigward ta’ aġir speċifiku, fil-futur, ta’ persuna fiżika sabiex jiġi deċiż dwar l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ din il-persuna (scoring) huwa awtorizzat biss meta:

1.

jkunu ġew osservati d-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt għall-protezzjoni tad-data,

2.

jkun jista’ jintwera, abbażi ta’ metodu matematiku u statistiku rikonoxxut xjentifikament, li d-data użata sabiex jiġi kkalkolat il-valur ta’ probabbiltà huma rilevanti għall-kalkolu marbut mal-probabbiltà tal-aġir speċifiku,

3.

il-kalkolu tal-valur ta’ probabbiltà ma jużax esklużivament data marbuta ma’ indirizz u

4.

f’każ ta’ użu ta’ data marbuta ma’ indirizz, is-suġġett tad-data ġie informat bl-użu previst ta’ din id-data qabel il-kalkolu tal-valur ta’ probabbiltà; din l-informazzjoni għandha tkun ikkonfermata b’dokument.

2)   L-użu ta’ valur ta’ probabbiltà marbut mas-solvenza u mar-rieda li tħallas ta’ persuna fiżika, stabbilit minn kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali, huwa awtorizzat, fil-każ li fih tkun inkluża informazzjoni dwar id-djun, biss sa fejn ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 u sa fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni biss id-djun li huma marbuta ma’ provvista dovuta li ma ġietx ipprovduta minkejja li din tal-aħħar tkun eżegwibbli u

1.

li ġew ikkonstatati minn sentenza li saret definittiva jew iddikjarata provviżorjament eżegwibbli jew li għalihom jeżistu titoli ta’ dejn konformement mal-Artikolu 794 taż-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili),

2.

li ġew ikkonstatati konformement mal-Artikolu 178 tal-Insolvenzordnung (il-Kodiċi tal-Insolvenza) u li ma ġewx ikkontestati mid-debitur waqt il-laqgħa ta’ verifika tad-djun,

3.

li ġew rikonoxxuti espressament mid-debitur,

4.

li fir-rigward tagħhom

a)

id-debitur irċieva tal-inqas żewġ intimazzjonijiet bil-miktub wara l-iskadenza tagħhom,

b)

l-ewwel intimazzjoni tmur lura tal-inqas erba’ ġimgħat,

c)

id-debitur ġie informat minn qabel, iżda l-iktar kmieni waqt l-intimazzjoni, tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tagħhom minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali u

d)

id-debitur ma kkontestax id-dejn; jew

5.

li r-relazzjoni kuntrattwali sottostanti tagħhom tista’ tiġi xolta mingħajr avviż minn qabel minħabba dewmien fil-ħlas u li għalihom id-debitur ġie informat minn qabel bit-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tagħhom minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali.

Dan jgħodd bla ħsara għal-legalità tal-ipproċessar, inkluż l-istabbiliment ta’ valuri ta’ probabbiltà u data rilevanti oħra fil-qasam tas-solvenza, fid-dawl tad-dritt ġenerali tal-protezzjoni tad-data”.

III. Il‑fatti li taw lok għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kisbitx kreditu minħabba evalwazzjoni ta’ solvenza mwettqa minn SCHUFA. Din tal-aħħar hija kumpannija rregolata mid-dritt privat li topera servizz ta’ informazzjoni fil-qasam tal-kreditu li tipprovdi lill-klijenti tagħha informazzjoni dwar is-solvenza tal-konsumaturi. Għal dan l-għan, SCHUFA twettaq evalwazzjonijiet tas-solvenza li għalihom hija tistabbilixxi, abbażi ta’ ċerti karatteristiċi ta’ persuna, previżjoni, fuq il-bażi metodu tal-istatistika matematika, marbuta mal-probabbiltà ta’ aġir futur bħar-rimbors ta’ kreditu.

11.

Ir-rikorrenti talbet lil SCHUFA sabiex tħassar id-data mhux eżatta li tikkonċernaha u sabiex tatiha aċċess għad-data rreġistrata li tikkonċernaha. SCHUFA b’mod partikolari kkomunikat lir-rikorrenti l-iscore ikkalkolat fir-rigward tagħha u l-metodu ta’ funzjonament tiegħu, bħala prinċipju, tal-kalkolu tagħha, iżda ma kkomunikatilhiex il-kunsiderazzjoni tad-data differenti fil-kalkolu. SCHUFA kkunsidrat li hija ma hijiex obbligata li tiżvela l-metodi tal-kalkolu tagħha peress li dawn huma koperti mis-sigriet professjonali u mis-sigriet kummerċjali. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li hija tipprovdi informazzjoni biss lill-klijenti tagħha, li jadottaw id-deċiżjonijiet veri u proprji fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu.

12.

Ir-rikorrenti ressqet quddiem il-konvenut, kontrollur tal-protezzjoni tad-data, ilment fir-rigward tar-rapport ta’ SCHUFA, ilment li fih hija titlob li l-konvenut jordna lill-kumpannija tipprovdi u tħassar l-informazzjoni konformement mat-talba tagħha. Fid-deċiżjoni mogħtija għal dan l-ilment, il-HBDI qies li ma kienx hemm lok li jaġixxi ulterjorment kontra l-kumpannija, peress li din tal-aħħar tosserva r-rekwiżiti speċifikati mil-Liġi Federali Ġermaniża dwar il-Protezzjoni tad-Data.

13.

Il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-konvenut. Hija tikkunsidra li, sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni fil-qasam tal-kreditu li biha dawn tal-aħħar jistabbilixxu scores marbuta ma’ persuni u jittrażmettuhom lil terzi, mingħajr ebda rakkomandazzjoni jew kummentarju ieħor, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD.

14.

Il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 22(1) tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tfassil awtomatizzat ta’ valur ta’ probabbiltà li jikkonċerna l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tħallas kreditu fil-futur jikkostitwixxi diġà deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat – inkluż it-tfassil tal-profil – li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna kkonċernata jew jaffettwawha b’mod sinjifikattiv b’mod simili, meta dan il-valur, stabbilit permezz ta’ data personali tal-persuna kkonċernata jiġi kkomunikat mill-kontrollur lil terz kontrollur u meta dan tal-aħħar jibbaża ruħu b’mod determinanti fuq l-imsemmi valur għad-deċiżjoni tiegħu fuq l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjoni kuntrattwali mal-persuna kkonċernata?

2)

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fin-negattiv: l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 22 tar-[RĠPD] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-użu ta’ valur ta’ probabbiltà – f’dan il-każ, valur dwar is-solvenza u r-rieda tal-persuna fiżika li tħallas meta tkun inkluża informazzjoni dwar dejn – fir-rigward ta’ aġir partikolari fil-futur ta’ persuna fiżika għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ din il-persuna (“scoring”) huwa ammissibbli biss meta jkunu ssodisfatti kundizzjonijiet supplimentari ddeterminati oħra li huma esposti f’iktar dettall fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni tar-rinviju?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

15.

Id-deċiżjoni tar-rinviju datata l‑1 ta’ Ottubru 2021 waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ottubru 2021.

16.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, SCHUFA, il-Gvern Daniż, Portugiż u Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni.

17.

Waqt is-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2023, il-mandatarji ad litem tal-partijiet fil-kawża prinċipali, ta’ SCHUFA, u l-aġenti tal-Gvern Ġermaniż u Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet orali.

V. Analiżi ġuridika

A. Rimarki preliminari

18.

Billi l-fiduċja reċiproka tikkostitwixxi l-bażi ta’ kull impenn kuntrattwali f’ekonomija tas-suq, huwa, bħala prinċipju, komprensibbli mill-perspettiva intraprenditorjali li l-fornituri ta’ servizzi u ta’ oġġetti jkunu jixtiequ jsiru jafu l-klijenti tagħhom kif ukoll ir-riskji inerenti għal tali impenn kuntrattwali. Il-kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali jistgħu jikkontribwixxu fit-tisħiħ ta’ din il-fiduċja reċiproka permezz ta’ metodi statistiċi li jippermettu lill-impriżi jistabbilixxu jekk ċerti kriterji rilevanti, inkluża s-solvenza tal-klijenti tagħhom, humiex issodisfatti f’każ partikolari. B’dan il-mod, dawn tal-aħħar jgħinu lill-impriżi jikkonformaw ruħhom ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponi fuqhom speċifikament tali obbligi għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti, b’mod partikolari l-kuntratti ta’ kreditu ( 5 ). Ċerti metodi użati jistgħu jibbażaw ruħhom fuq data personali tal-klijenti, miġbura u pproċessata b’mod awtomatizzat bis-saħħa tat-teknoloġija tal-informatika. L-interess oppost għal dan l-aħħar huwa dak tas-suġġetti tad-data li jkunu jafu l-mod kif hija ġestita u rreġistrata din id-data u l-metodi li l-impriżi jsegwu sabiex jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tal-klijenti tagħhom.

19.

Ir-RĠPD, applikabbli sa mill‑25 ta’ Mejju 2018, ħoloq kuntest ġuridiku li huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi imsemmija iktar ’il fuq fi ħdan l-Unjoni kollha, b’mod partikolari billi jimponi ċerti restrizzjonijiet għall-ipproċessar ta’ data personali. Għaldaqstant, japplikaw restrizzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ ipproċessar awtomatizzat li jista’ jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ persuna fiżika jew li jaffettwaha b’mod sinjifikattiv. Dawn ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati fil-kuntest ta’ tfassil tal-profil, jiġifieri evalwazzjoni tal-aspetti personali maħsuba sabiex tiġi analizzata jew imbassra s-sitwazzjoni ekonomika, l-affidabbiltà jew l-aġir ta’ persuna fiżika. F’dan il-kuntest, sejjer nirrileva r-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tar-RĠPD, rilevanti f’din il-kawża, li huma intiżi li jipproteġu d-dinjità tal-bniedem, billi jipprekludu li s-suġġett tad-data jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni meħuda unikament fuq il-bażi ta’ ipproċessar awtomatizzat, mingħajr ebda intervent tal-bniedem li jkun kapaċi jikkontrolla, fejn xieraq, li din id-deċiżjoni ttieħdet b’mod korrett, ġust u mhux diskriminatorju ( 6 ). L-intervent tal-bniedem li għandu jiġi previst fil-kuntest ta’ dan it-tip ta’ ipproċessar awtomatizzat ta’ data jiggarantixxi li s-suġġett tad-data jkollu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu, li jikseb spjegazzjoni dwar id-deċiżjoni meħuda fi tmiem din it-tip ta’ evalwazzjoni u li jikkontestaha f’każ li ma jkunx jaqbel ma’ din id-deċiżjoni. Il-portata tar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tar-RĠPD huma speċifikament is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari.

20.

Għalkemm ir-RĠPD ħoloq qafas regolatorju globali li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali li huwa, bħala prinċipju, komplet, jeħtieġ madankollu jiġi rrilevat li ċerti dispożizzjonijiet jiftħu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu regoli nazzjonali addizzjonali, iktar stretti jew derogatorji, li jagħtu lil dawn tal-aħħar marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati (“klawżoli ta’ ftuħ”), kemm-il darba l-imsemmija regoli ma jippreġudikawx il-kontenut u l-għanjiet tar-RĠPD ( 7 ). Il-portata ta’ din is-setgħa regolatorja residwa tal-Istati Membri tikkostitwixxi l-qalba tat-tieni domanda preliminari li sejra tiġi eżaminata f’dawn il-konklużjonijiet.

B. Fuq l‑ammissibbiltà

21.

Il-HBDI u SCHUFA jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dwar dan il-punt, SCHUFA issostni li r-rinviju la huwa neċessarju għas-soluzzjoni tat-tilwima, la huwa suffiċjentement motivat, jagħti lok għal rimedju ġudizzjarju addizzjonali u jikkontradixxi t-talbiet l-oħrajn għal deċiżjoni preliminari magħmula u sussegwentement irtirati mill-istess qorti tar-rinviju.

1.   In‑natura deċiżiva tad‑domandi għas‑soluzzjoni tat‑tilwima

22.

Qabel xejn, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 8 ).

23.

Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’din il-kawża, peress li jirriżulta b’mod ċar mill-punt 40 tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-eżitu tal-proċedura jiddependi mill-ewwel domanda preliminari. Il-qorti tar-rinviju tispjega li jekk l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD kellu jiġi interpretat fis-sens li l-stabbiliment ta’ score minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni kummerċjali li tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, din il-kumpannija, b’mod iktar speċifiku l-attività rilevanti tagħha, tkun suġġetta għall-projbizzjoni tat-teħid ta’ deċiżjoni individwali awtomatizzata. Konsegwentement, tkun meħtieġa bażi legali fil-livell tal-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 22(2)(b) tar-RĠPD, li għaliha jista’ jiġi kkunsidrat biss l-Artikolu 31 tal-BDSG. Issa, l-qorti tar-rinviju tesprimi żewġ dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD. Skont il-qorti tar-rinviju, SCHUFA kienet qiegħda taġixxi mhux biss mingħajr bażi legali, iżda kienet qiegħda tikser ukoll il-projbizzjoni stabbilita f’din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti għandha d-dritt li l-HBDI ikompli, bħala awtorità superviżorja, li tipproċessa l-fajl tagħha. Għaldaqstant, huwa evidenti li risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

24.

SCHUFA ssostni wkoll li d-domanda preliminari hija inammissibbli peress li r-rikorrenti diġà ġiet informata bil-loġika tal-iscore. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti tixtieq tiġi informata bl-iktar mod iddettaljat dwar id-data kollha miġbura u dwar il-metodu użat sabiex jiġi ddeterminat l-iscore. Sa fejn SCHUFA informat lir-rikorrenti, f’termini ġenerali, dwar il-metodu ta’ funzjonament tiegħu, bħala prinċipju, tal-kalkolu tagħha tal-iscores, iżda la informatha bl-informazzjoni differenti meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu u lanqas bl-ibbilanċjar tagħha, huwa evidenti li SCHUFA ma ssodisfatx din it-talba għal informazzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti għandha interess leġittimu li tfittex li jiġu stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni preliminari d-drittijiet tas-suġġett tad-data fil-konfront ta’ kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali bħalma hija SCHUFA.

2.   L‑eżistenza ta’ żewġ rimedji ġudizzjarji paralleli

25.

Fir-rigward tal-allegat riskju ta’ ftuħ ta’ rimedju ġudizzjarju addizzjonali għas-suġġett tad-data, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni SCHUFA fl-osservazzjonijiet tagħha, il-fatt li r-rikorrenti kienet qabel xejn adixxiet lill-qrati ordinarji u kienet, sussegwentement, adixxiet il-qorti amministrattiva tar-rinviju, ma jostakolax l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. Permezz taż-żewġ rikorsi tagħha, ir-rikorrenti eżerċitat ir-rimedji ġudizzjarji previsti fl-Artikoli 78 u 79 tar-RĠPD, dispożizzjonijiet li jiggarantixxu dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront tal-awtorità superviżorja u tal-kontrollur tad-data rispettivament. Sa fejn dawn ir-rimedji ġudizzjarji jikkoeżistu b’mod awtonomu, mingħajr ma wieħed huwa sussidjarju meta mqabbel mal-ieħor, dawn jistgħu jiġu eżerċitati b’mod parallel ( 9 ). Għaldaqstant ma tista’ tiġi attribwita l-ebda irregolarità lir-rikorrenti fid-difiża tad-drittijiet tagħha protetti mir-RĠPD.

26.

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni adatta u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ( 10 ). Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda raġuni oġġettiva sabiex titpoġġa f’dubju s-sistema tar-rimedji ġudizzjarji ta’ Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-każ li fih tkun mhedda l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, pereżempju jekk il-qrati nazzjonali jiġu mċaħħda mill-fakultà jew meħlusa mill-obbligu, previst fl-Artikolu 267 TFUE, li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni.

27.

F’din il-kawża, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-eżistenza ta’ żewġ rimedji ġudizzjarji li jagħmlu possibbli azzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront, rispettivament, tal-awtorità superviżorja u tal-kontrollur tad-data, thedded l-effettività tad-dritt tal-Unjoni jew iċċaħħad lill-qrati nazzjonali mill-fakultà li jirrikorru għall-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE. Għall-kuntrarju, kif diġà spjegajt, b’rabta mal-Artikoli 78 u 79 tar-RĠPD, huwa evidenti li r-RĠPD ma jipprekludix tali sistema ta’ rimedji, li pjuttost iħalli f’idejn l-Istat Membru r-responsabbiltà li jaħtar il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni adatta u li jiddefinixxi l-modalitajiet proċedurali tar-rikors ġudizzjarju, f’konformità sħiħa mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Dan kollu ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza riċenti tagħha ( 11 ).

28.

Fl-aħħar, hemm lok li jiġi nnotat li SCHUFA sempliċiment tikkritika r-rimedji ġudizzjarji miftuħa bis-saħħa tad-dritt Ġermaniż, mingħajr madankollu ma tispjega b’mod preċiż kif sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’din il-proċedura preliminari sejra tkun inutli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Issa, kif tindika l-qorti tar-rinviju, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD, tkun tippermetti lill-konvenut li jeżerċita s-setgħat tiegħu ta’ kontroll fuq SCHUFA b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, jidhirli li l-argument ta’ SCHUFA li jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari huwa infondat.

3.   L‑allegata assenza ta’ motivazzjoni tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

29.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ SCHUFA. Sabiex tinftiehem aħjar din il-kawża, jidhirli xorta waħda li huwa neċessarju li jiġi indirizzat l-argument ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara SCHUFA, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi b’mod suffiċjentement iddettaljat l-isfidi tal-kawża preżenti sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod iktar konkret, il-qorti tar-rinviju tispjega li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tasserixxi d-drittijiet tagħha fil-konfront ta’ SCHUFA. Skont il-qorti tar-rinviju, kemm-il darba ma jingħatax interpretazzjoni restrittiva, l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD huwa, bħala prinċipju, adatt sabiex joffrilha protezzjoni fir-rigward ta’ ipproċessar awtomatizzat tad-data personali tagħha.

30.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-importanza li ċerti impriżi jagħtu lill-iscore stabbilit mill-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni kummerċjali għall-evalwazzjoni tat-tbassir tal-kapaċità ekonomika ta’ persuna fiżika, dan l-iscore jista’ jiġi kkunsidrat bħala “deċiżjoni” awtonoma fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Interpretazzjoni f’dan is-sens hija neċessarja sabiex tingħalaq lakuna ġuridika li tirriżulta mill-fatt li, inkella, is-suġġett tad-data ma jkunx f’pożizzjoni li jikseb l-informazzjoni neċessarja skont l-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD. Fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni ddettaljata, inqis li hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ SCHUFA u li jiġi konkluż li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

C. Fuq il‑mertu

1.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

a)   Il‑projbizzjoni ġenerali prevista fl‑Artikolu 22(1) tar‑RĠPD

31.

L-Artikolu 22(1) tar-RĠPD jippreżenta partikolarità b’rabta ma’ restrizzjonijiet oħrajn għall-ipproċessar tad-data inkluża f’dan ir-regolament, sa fejn huwa jistabbilixxi “dritt” tas-suġġett tad-data li ma jkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profil. Minkejja t-terminoloġija użata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD ma tirrikjedix li s-suġġett tad-data jinvoka attivament id-dritt. Fil-fatt, interpretazzjoni fid-dawl tal-premessa 71 ta’ dan ir-regolament u b’kunsiderazzjoni tal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari tal-paragrafu 2 tiegħu li jħabbar il-każijiet li fihom tali pproċessar awtomatizzat huwa eċċezzjonalment awtorizzat, tippermetti pjuttost li jiġi konkluż li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali tad-deċiżjonijiet tat-tip deskritt iktar ’il fuq. Ġaladarba ntqal dan kollu, hemm lok li jiġi enfasizzat li din il-projbizzjoni tapplika biss f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna, jiġifieri b’mod konkret għal deċiżjonijiet “li jipproduċ[u] effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b’mod sinifikanti”.

32.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kalkolu ta’ score imwettaq minn kumpannija li tipprovdi informazzjoni fil-qasam tal-kreditu jaqax taħt l-Artikolu 22(1)tar-RĠPD meta l-iscore miksub jiġi trażmess lil impriża li sserraħ fuqu b’mod determinanti sabiex tadotta deċiżjoni marbuta mal-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjoni kuntrattwali mas-suġġett tad-data. Fi kliem ieħor, tixtieq tkun taf jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għall-kumpanniji li jipprovdu informazzjoni fil-qasam tal-kreditu li jipprovdu scores għad-dispożizzjoni tal-impriżi finanzjarji. L-eżami ta’ din id-domanda jeżiġi li jiġi stabbilit jekk humiex sodisfatti f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22(1) tar-RĠPD.

b)   L‑applikabbiltà tal‑Artikolu 22(1) tar‑RĠPD

1) L-eżistenza ta’ “tfassil tal-profil” fis-sens tal‑punt 4 tal‑Artikolu 4 tar-RĠPD

33.

Din id-dispożizzjoni teżiġi qabel xejn li jkun jeżisti pproċessar awtomatizzat ta’ data personali, billi t-“tfassil tal-profil” huwa kkunsidrat bħala subkategorija, fid-dawl tal-kliem tagħha ( 12 ). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-“iscoring” imwettaq minn SCHUFA jaqa’ taħt id-definizzjoni legali inkluża fil-punt 4 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, billi din il-proċedura tistrieħ fuq data personali sabiex tevalwa ċerti aspetti marbuta ma’ persuni fiżiċi sabiex tanalizza jew tbassar elementi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, l-affidabbiltà tagħhom u l-aġir probabbli tagħhom. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-metodu użat minn SCHUFA jipprovdi “score” fuq il-bażi ta’ ċerti kriterji, jiġifieri riżultat li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-solvenza tas-suġġett tad-data. Fl-aħħar, jeħtieġ li nenfasizza li l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-proċedura inkwistjoni bħala “tfassil tal-profil”, b’tali mod li din il-kundizzjoni tista’ titqies bħala ssodisfatta f’din il-kawża.

2) Id‑deċiżjoni għandha tipproduċi “effetti legali” fir‑rigward tas-suġġett tad-data jew li “bl-istess mod [t]affettwa lilu b’mod sinifikanti”

34.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD teżiġi li d-deċiżjoni inkwistjoni tipproduċi “effetti legali” fir-rigward tas-suġġett tad-data jew li “bl-istess mod [t]affettwa lilu b’mod sinifikanti”. Ir-RĠPD b’hekk jirrikonoxxi li t-teħid ta’ deċiżjoni awtomatizzata, inkluż it-tfassil tal-profil, jista’ jkollu konsegwenzi gravi għas-suġġetti tad-data. Għalkemm ir-RĠPD ma jiddefinixxix il-kliem “effetti legali” u lanqas il-frażi “bl-istess mod […] b’mod sinifikanti”, xorta jibqa’ l-fatt li l-formulazzjoni użata tindika b’mod ċar li huma biss dawk l-effetti li għandhom impatt gravi li huma previsti minn din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel xejn tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-premessa 71 tar-RĠPD issemmi b’mod espliċitu “[ir-]rifjut awtomatiku ta’ applikazzjoni għal kreditu online” bħala eżempju tipiku ta’ deċiżjoni li taffettwa s-suġġett tad-data “b’mod sinifikanti”.

35.

Sussegwentement, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt, minn naħa, li sa fejn l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal kreditu jikkostitwixxi stadju preliminari għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self, ir-rifjut ta’ tali applikazzjoni jista’ jkollu “effetti legali” għas-suġġett tad-data, billi dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jibbenefika iktar minn relazzjoni kuntrattwali mal-istabbiliment finanzjarju inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li tali rifjut jista’ jinċidi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tas-suġġett tad-data. Għaldaqstant, huwa loġiku li jiġi konkluż li din il-persuna sejra tkun affettwata “b’mod simili” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li kien konxju waqt il-formulazzjoni tal-premessa 71 tar-RĠPD, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, nikkunsidra li, fid-dawl tas-sitwazzjoni li tinsab fiha r-rikorrenti, il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti f’din il-kawża, kemm-il darba jsir enfasi fuq il-konsegwenzi legali jew ekonomiċi tar-rifjut ta’ għoti ta’ kreditu.

3) Id‑“deċiżjoni” għandha tkun “[i]bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat”

36.

Għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet addizzjonali. Fl-ewwel lok, huwa neċessarju li jiġi adottat att li għandu n-natura ta’ “deċiżjoni” fir-rigward tas-suġġett tad-data. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni inkwistjoni għandha tkun “[i]bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat”. Fir-rigward ta’ din l-aħħar imsemmija kundizzjoni, ma hemm xejn fl-espożizzjoni tal-fatti tad-deċiżjoni tar-rinviju li jindika li minbarra l-proċedura matematika u statistika applikata minn SCHUFA, l-iscores jiġu stabbiliti b’xi mod determinanti permezz ta’ evalwazzjoni u ta’ apprezzament individwali minn bniedem. Konsegwentement, l-istabbiliment ta’ score bħala att imwettaq minn SCHUFA għandu jitqies bħala “bbażat unikament fuq ipproċessar awtomatizzat”. Ġaladarba ntqal dan kollu, jeħtieġ li ma jintesiex li l-istabbiliment finanzjarju, li lilu SCHUFA tikkomunika l-iscore, huwa obbligat jadotta att preżumibbilment awtonomu fir-rigward tas-suġġett tad-data, jiġifieri l-għoti jew ir-rifjut tal-kreditu. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar liema minn dawn iż-żewġ atti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD, kwistjoni li sejra tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

37.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, qabel xejn huwa neċessarju li jiġi stabbilit x’inhi n-natura legali ta’ “deċiżjoni” u x’forma għandu jkollha din tal-aħħar. Minn perspettiva etimoloġika, dan il-kunċett jimplika “opinjoni” jew “teħid ta’ pożizzjoni” fuq sitwazzjoni partikolari. Għandha tkun ukoll ta’ “natura vinkolanti” bil-għan li tkun distinta minn sempliċi “rakkomandazzjonijiet” li, bħala prinċipju, ma għandhom l-ebda konsegwenza legali jew fattwali ( 13 ). Ġaladarba ntqal dan kollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-HBDI, ma jidhirlix li f’dan il-kuntest hija rilevanti analoġija mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u dan iktar u iktar meta din ma hija bl-ebda mod fondata mid-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

38.

L-assenza ta’ definizzjoni legali tippermetti li jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-għażla ta’ kunċett wiesa’, li jista’ jinkludi fih diversi atti li jistgħu jaffettwaw is-suġġett tad-data b’diversi modi. Fil-fatt, kif diġà indikajt, “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD jista’ jew ikollha “effetti legali”, jew inkella taffettwa s-suġġett tad-data “b’mod simili”, fatt li jimplika li d-“deċiżjoni” inkwistjoni jista’ jkollha impatt li ma jkunx neċessarjament ġuridiku iżda pjuttost ekonomiku u soċjali. Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD huwa intiż li jipproteġi l-persuni fiżiċi mill-effetti potenzjalment diskriminatorji u inġusti tal-ipproċessar awtomatizzat ta’ data, jidhirli li għandha tkun imposta diliġenza partikolari u din għandha tkun riflessa wkoll fl-interpretazzjoni ta’ din ir-regola.

39.

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, sa fejn l-atti attribwibbli lil stabbiliment finanzjarju privat jistgħu wkoll ikollhom konsegwenzi gravi għall-indipendenza u l-libertà ta’ azzjoni tas-suġġett tad-data f’ekonomija tas-suq, b’mod partikolari meta tkun kwistjoni marbuta mal-verifika tas-solvenza ta’ applikant għal kreditu ( 14 ), ma nara l-ebda raġuni oġġettiva sabiex jiġi limitat il-kunċett ta’ “deċiżjoni” għall-qasam strettament pubbliku, jiġifieri r-relazzjoni bejn l-Istat u ċ-ċittadin, kif tissuġġerixxi impliċitament l-analoġija proposta mill-HBDI. Il-klassifikazzjoni bħala “deċiżjoni” ta’ teħid ta’ pożizzjoni adottata fir-rigward tas-suġġett tad-data jidhirli li tirrikjedi eżami fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi speċifiċi kif ukoll il-gravità tal-effetti fuq l-istatus legali, ekonomiku u soċjali tal-imsemmija persuna ( 15 ).

40.

Abbażi tal-kriterji esposti fil-punti preċedenti, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sussegwentement liema hija d-“deċiżjoni” rilevanti f’din il-kawża. Kif imsemmi iktar ’il fuq, jeżisti, minn naħa, l-att li permezz tiegħu bank jaċċetta jew jirrifjuta li jagħti kreditu lill-applikant u, min-naħa l-oħra, l-iscore li jirriżulta minn proċedura ta’ tfassil tal-profil imwettaq minn SCHUFA. Fl-opinjoni tiegħi, huwa impossibbli li tingħata risposta kategorika għal din id-domanda peress li l-klassifikazzjoni tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari. B’mod iktar konkret, il-mod kif inhi strutturata l-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjoni huwa ta’ importanza essenzjali. Din il-proċedura tipikament tinkludi fiha diversi fażijiet bħat-tfassil tal-profil, il-ħolqien tal-iscore u d-deċiżjoni li tagħti l-kreditu fil-veru sens tal-kelma.

41.

Jidhirli li huwa evidenti li għalkemm stabbiliment finanzjarju jista’ jwettaq huwa stess din il-proċedura, xejn ma jipprekludih milli jiddelega ċerti kompiti, fuq bażi kuntrattwali, lil kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali, pereżempju t-tfassil tal-profil u l-iscoring. Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD bl-ebda mod ma jeżiġi li dawn il-kompiti jitwettqu fi stadju wieħed jew f’diversi stadji. Ġaladarba ntqal dan kollu, id-delega possibbli ta’ ċerti kompetenzi lil fornitur ta’ servizzi estern ma jidhirlix li għandha rwol essenzjali fl-analiżi billi tali delega ġeneralment taqdi kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u organizzattivi, li jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor.

42.

Għall-kuntrarju, l-aspett li jidhirli li għandu rwol kruċjali huwa dak marbut mal-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni hijiex iddiżinjata b’tali mod li l-iscoring imwettaq mill-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali jiddetermina minn qabel id-deċiżjoni tal-istabbiliment finanzjarju li jagħti jew li jirrifjuta l-kreditu. Li kieku l-iscoring kellu jitwettaq mingħajr ebda intervent mill-bniedem li jista’, fejn xieraq, jivverifika r-riżultat tiegħu u n-natura ġusta tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-applikant tal-kreditu, jidhirli li huwa loġiku li jiġi kkunsidrat li l-iscoring jikkostitwixxi huwa stess id-“deċiżjoni” prevista fl-Artikolu 22(1) tar-RĠPD.

43.

Li jiġi preżunt il-kuntrarju peress li d-deċiżjoni li jingħata jew li jiġi rrifjutat il-kreditu hija formalment responsabbiltà tal-istabbiliment finanzjarju, ikun jikkostitwixxi mhux biss formaliżmu eċċessiv, iżda jonqos ukoll li jippermetti li ssir ġustizzja fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ bħal dan ineżami. Dan jidhirli li huwa iktar u iktar minnu sa fejn l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD bl-ebda mod ma jimponi li d-“deċiżjoni” għandu jkollha xi forma partikolari. Il-fattur deċiżiv huwa l-effett li d-“deċiżjoni” għandha fuq is-suġġett tad-data. Sa fejn score negattiv jista’, waħdu, jipproduċi effetti sfavorevoli għas-suġġett tad-data, jiġifieri jillimitah b’mod kunsiderevoli fl-eżerċizzju tal-libertajiet tiegħu, jew anki jistigmatizzah fil-kumpannija, jidhirli li huwa ġġustifikat li dan jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq meta stabbiliment finanzjarju jagħtih importanza primordjali fil-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjoni ( 16 ). Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-applikant għal kreditu huwa affettwat sa mill-istadju tal-evalwazzjoni tas-solvenza tiegħu mill-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali u mhux biss fl-istadju finali tar-rifjut tal-kreditu, li fih l-istabbiliment finanzjarju ma jagħmel xejn ħlief li japplika r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni għall-każ konkret ( 17 ).

44.

Ġaladarba, fl-ewwel lok, l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD jeżiġi li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha tkun ibbażata “unikament” fuq ipproċessar awtomatizzat ( 18 ), u, fit-tieni lok, li l-kliem ta’ dispożizzjoni jikkostitwixxi ġeneralment il-limiti ta’ kull interpretazzjoni, jidher li huwa neċessarju li l-ipproċessar awtomatizzat jibqa’ l-uniku element li jiġġustifika l-approċċ tal-istabbiliment finanzjarju fir-rigward tal-applikant għal kreditu. Dan kien ikun il-każ li kieku kien hemm il-parteċipazzjoni tal-bniedem fil-kuntest tal-proċedura, mingħajr madankollu ma jkun f’pożizzjoni li jinfluwenza r-rabta kawżali bejn l-ipproċessar awtomatizzat u d-deċiżjoni finali. Il-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali jkollha tieħu de facto d-deċiżjoni finali għall-istabbiliment finanzjarju. Dan jiddependi fuq regoli u prattiċi interni tal-istabbiliment finanzjarju inkwistjoni, li ma għandhom b’mod ġenerali jħallulu l-ebda marġni ta’ manuvra dwar l-applikazzjoni tal-iscore għal applikazzjoni għal kreditu.

45.

Essenzjalment din hija kwistjoni fattwali li tista’, fl-opinjoni tiegħi, tiġi evalwata aħjar mill-qrati nazzjonali. Għaldaqstant jiena nipproponi li l-qorti tar-rinviju tiġi fdata bil-kompitu li tistabbilixxi hija stess sa liema punt l-istabbiliment finanzjarju huwa ġeneralment marbut bl-iscoring imwettaq minn kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali bħalma hija SCHUFA, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija iktar ’il fuq ( 19 ). Jiena sejjer nibbaża ruħi fuq l-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju sabiex nagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali f’din il-kawża.

46.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel xejn li jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk intervent tal-bniedem bħala prinċipju għadu possibbli f’dan l-istadju tal-proċess deċiżjonali, id-deċiżjoni li torbot relazzjoni kuntrattwali mas-suġġett tad-data “hija fil-prattika ddeterminata sa tali punt sa fejn l-iscore trażmess mill-kumpanniji ta’ informazzjoni jirrifletti ruħu fid-deċiżjoni tat-terzi kontrolluri”. Skont il-qorti tar-rinviju, “huwa l-iscore stabbilit abbażi ta’ pproċessar awtomatizzat mill-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali li normalment jiddetermina jekk u kif it-terzi responsabbli jidħlux f’kuntratt mas-suġġett tad-data”. Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li għalkemm it-terzi kontrolluri ma għandhomx jagħmlu d-deċiżjoni tagħhom dipendenti biss fuq l-iscore, xorta jibqa’ l-fatt li, “bħala regola ġenerali, dan jagħmluh bil-kbir”. Hija żżid li “l-għoti ta’ self jista’ jiġi rrifjutat minkejja score bħala prinċipju suffiċjenti (għal raġunijiet oħrajn, bħall-assenza ta’ garanziji jew dubju dwar kemm sejjer jirnexxi investiment li kellu jiġi ffinanzjat), iżda, fi kwalunkwe każ fl-oqsma tas-self mogħti lil konsumaturi, score insuffiċjenti jwassal għal rifjut ta’ self kważi fil-każijiet kollha, u dan anki jekk investiment ikun jidher li huwa profittabbli”. Fl-aħħar, din il-qorti tindika li “esperjenzi li jirriżultaw mill-kontroll tal-protezzjoni tad-data mwettaq mill-awtoritajiet juru li huma l-iscores li għandhom rwol deċiżiv waqt l-għoti tas-self u tat-twaqqif tal-kundizzjonijiet tiegħu”.

47.

Il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jidhirli li jindikaw, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għandha ssir minn kull qorti nazzjonali f’kull każ partikolari, li l-iscore stabbilit minn kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali u kkomunikata lil stabbiliment finanzjarju għandu t-tendenza b’mod ġenerali li jiddetermina minn qabel id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar dwar l-għoti jew ir-rifjut tal-kreditu lis-suġġett tad-data, b’mod li dan it-teħid ta’ pożizzjoni għandu jitqies bħala li huwa biss ta’ natura formali fil-kuntest tal-proċedura ( 20 ). Minn dan isegwi li l-iscore nnifsu għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu l-kwalità ta’ “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD.

48.

Tali konklużjoni jidhirli li hija raġonevoli peress li kull interpretazzjoni oħra tkun tpoġġi f’dubju l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ din id-dispożizzjoni li hija intiża li tipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Kif iddikjarat ġustament il-qorti tar-rinviju, qari żbaljat tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD iwassal għal lakuna fil-protezzjoni legali: il-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali li mingħandha jkollha tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa mis-suġġett tad-data ma hijiex obbligata li tipprovdihom skont l-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD peress li din allegatament ma tirriżultax mit-“teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet” tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u l-istabbiliment finanzjarju li jieħu d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-iscore stabbilit b’mod awtomatizzat u li huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD ma jistax jipprovdiha peress li ma għandux għad-dispożizzjoni tiegħu din l-informazzjoni.

49.

Konsegwentement, l-istabbiliment finanzjarju ma jkunx f’pożizzjoni li jikkontrolla l-evalwazzjoni tas-solvenza tal-applikant għal kreditu f’każ ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni, kif jirrikjedi l-Artikolu 22(3) tar-RĠPD, jew li jiżgura pproċessar ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju permezz ta’ proċeduri matematiċi jew statistiċi adegwati kif ukoll b’miżuri tekniċi u organizzattivi adatti, kif tirrikjedi s-sitt sentenza tal-premessa 71 tar-RĠPD ( 21 ). Sabiex tiġi evitata tali sitwazzjoni li tmur b’mod ċar kontra l-għan leġiżlattiv evokat fil-punt preċedenti, jiena nipproponi interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD li tieħu inkunsiderazzjoni l-inċidenza reali tal-iscoring fuq is-sitwazzjoni tas-suġġett tad-data.

50.

Tali approċċ jidhirli li huwa loġiku peress li l-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali ġeneralment għandha tkun l-unika entità kapaċi tilqa’ talbiet oħrajn tas-suġġett tad-data, ibbażati fuq drittijiet li huma wkoll iggarantiti mir-RĠPD, jiġifieri d-dritt għal rettifika, previst fl-Artikolu 16 tar-RĠPD, f’każ li d-data personali użata sabiex jitwettaq l-iscoring kellha tirriżulta li ma hijiex preċiża, kif ukoll id-dritt għal tħassir, previst fl-Artikolu 17 tar-RĠPD, f’każ li l-imsemmija data tkun ġiet suġġetta għal ipproċessar illegali. Sa fejn l-istabbiliment finanzjarju ġeneralment la jipparteċipa fil-ġbir ta’ din id-data u lanqas fit-tfassil tal-profil meta dawn il-kompiti jiġu ddelegati lil terz, huwa raġonevoli li tiġi eskluża l-possibbiltà li huwa jkun f’pożizzjoni li effettivament jiżgura r-rispett tal-imsemmija drittijiet. Madankollu, is-suġġett tad-data ma għandux ikun obbligat ibati l-konsegwenzi negattivi ta’ tali delega tal-kompiti.

51.

Li l-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali tinżamm responsabbli minħabba l-istabbiliment tal-iscore – u mhux minħabba l-użu ulterjuri tagħha – jidhirli li huwa l-mod l-iktar effettiv sabiex tiġi żgurata protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, jiġifieri d-dritt għal protezzjoni tad-data personali, previst fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), iżda wkoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, previst fl-Artikolu 7 tal-Karta, peress li din l-attività tikkostitwixxi, fl-aħħar mill-aħħar, is-“sors” ta’ kull preġudizzju possibbli. B’kont meħud tar-riskju li l-iscore stabbilit minn kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali jintuża minn għadd kbir ta’ stabbilimenti finanzjarji, jidhirli li huwa raġonevoli li s-suġġett tad-data jiġi permess isostni d-drittijiet tiegħu direttament fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

52.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD huma ssodisfatti, b’tali mod li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

c)   Il‑portata tad‑dritt għal informazzjoni previst fl‑Artikolu 15(1)(h) tar‑RĠPD

53.

F’dan il-kuntest, ma nistax nenfasizza biżżejjed l-importanza tal-osservanza sħiħa mill-kontrollur tal-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni fir-rigward tas-suġġett tad-data. Konformement mal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD, dan tal-aħħar għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mhux biss il-konferma li d-data personali li tikkonċernah hija jew ma hijiex ipproċessata, iżda wkoll informazzjoni oħra bħall-eżistenza ta’ teħid ta’ deċiżjoni awtomatizzata, inkluż tfassil tal-profil, fis-sens tal-Artikolu 22 tar-RĠPD, informazzjoni utli li tikkonċerna l-loġika sottostanti, kif ukoll l-importanza u l-konsegwenzi previsti ta’ dan l-ipproċessar għas-suġġett tad-data.

54.

Billi SCHUFA rrifjutat li tirrileva lir-rikorrenti ċerta informazzjoni marbuta mal-metodu tal-kalkolu peress li din kienet tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, jidher li huwa rilevanti li tiġi speċifikata l-portata tad-dritt għal informazzjoni previst fl-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li tiġi pprovduta “informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta”. Fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri, bħala prinċipju, anki l-metodu tal-kalkolu użat minn kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali sabiex tistabbilixxi score, kemm-il darba ma jkunux hemm interessi kunfliġġenti li jixirqilhom li jiġu protetti. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi evokata l-premessa 63 tar-RĠPD, li minnha jirriżulta, inter alia, li “[d-dritt ta’ aċċess għad-data personali] ma għandux jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ persuni oħrajn, inklużi sigrieti tan-negozju jew proprjetà intellettwali u b’mod partikolari d-dritt tal-awtur li jipproteġi s-software” (korsiv miżjud minni).

55.

Jistgħu jinsiltu serje ta’ konklużjonijiet minn interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD moqri fid-dawl tal-premessi 58 u 63 ta’ dan ir-regolament. Fl-ewwel lok, huwa evidenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien perfettament konxju mill-kunflitti li jistgħu jirriżultaw bejn, minn naħa, id-dritt għal protezzjoni tad-data personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, u min-naħa l-oħra, id-dritt għal protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, previst fl-Artikolu 17(2) tal-Karta. Fit-tieni lok, huwa ċar li huwa ma pprevediex li jissagrifika dritt fundamentali għal benefiċċju ta’ dritt fundamentali ieħor. Għall-kuntrarju, analiżi iktar bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jippermetti li jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura bilanċ ġust bejn id-drittijiet u r-responsabbiltajiet.

56.

It-tfakkira tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-premessa 63 tar-RĠPD, li tindika li “r-riżultat ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet m’għandux ikun rifjut li tiġi provduta l-informazzjoni kollha lis-suġġett tad-data” ( 22 ), fl-opinjoni tiegħi tfisser li fi kwalunkwe każ għandu jingħata minimu ta’ informazzjoni sabiex ma jiġix kompromess il-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni tad-data personali. Minn dan isegwi li għalkemm il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali jew tal-proprjetà intellettwali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, għal kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali raġuni leġittima sabiex tirrifjuta li tirrileva l-algoritmu użat għall-kalkolu tal-iscore tas-suġġett tad-data, hija għall-kuntrarju bl-ebda mod ma tista’ tintuża sabiex tiġġustifika rifjut assolut ta’ informazzjoni. Dan jgħodd iktar u iktar meta jkunu jeżistu mezzi ta’ komunikazzjoni adatti, li jiffaċilitaw il-komprensjoni, filwaqt li jiggarantixxu ċertu livell ta’ kunfidenzjalità.

57.

L-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, li skontu “[i]l-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-[Artikolu 15] relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi” ( 23 ), jidhirli li huwa partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest. Din id-dispożizzjoni tappoġġja r-raġunament espost iktar ’il fuq sa fejn jirriżulta minnha li l-għan reali tal-Artikolu 15(1)(h) tar-RĠPD huwa li jiġi żgurat li s-suġġett tad-data jikseb informazzjoni b’mod komprensibbli u aċċessibbli, b’mod konformi mal-ħtiġijiet tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, dawn ir-rekwiżiti diġà jeskludu obbligu possibbli ta’ żvelar tal-algoritmu, b’kont meħud tal-kumplessità tiegħu. Fil-fatt, l-utilità tal-komunikazzjoni ta’ formula partikolarment kumplessa tkun dubjuża jekk ma jiġux ipprovduti l-ispjegazzjonijiet neċessarji. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-premessa 58 tar-RĠPD li minnha jirriżulta li l-osservanza tar-rekwiżiti evokati iktar ’il fuq hija partikolarment importanti “f’sitwazzjonijiet fejn […] l-kumplessità teknoloġika tal-prattika jagħmluha diffiċli għas-suġġett tad-data li jkun jaf u jifhem jekk hijiex, minn min u għal liema għan qed tinġabar data personali dwaru” ( 24 ).

58.

Għar-raġunijiet esposti, nikkunsidra li l-obbligu li tiġi pprovduta “informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta” għandu jinftiehem fis-sens li tinkludi spjegazzjonijiet suffiċjentement iddettaljati dwar il-metodu użat għall-kalkolu tal-iscore u r-raġunijiet li wasslu għal riżultat partikolari. B’mod ġenerali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data b’informazzjoni ġenerali, b’mod partikolari dwar il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għall-proċess deċiżjonali u dwar l-importanza rispettiva tagħhom f’livell aggregat, li jkunu utli għalih wkoll sabiex jikkontesta kull “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD ( 25 ).

d)   Risposta għall‑ewwel domanda preliminari

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment awtomatizzat ta’ valur ta’ probabbiltà fir-rigward tal-kapaċità tas-suġġett tad-data li jonora self fil-futur diġà jikkostitwixxi deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profil, li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lil dak is-suġġett tad-data jew li jaffettwah b’mod sinjifikattiv b’mod simili meta dan il-valur, stabbilit permezz tad-data personali marbuta ma’ dik is-suġġett tad-data, jiġi kkomunikat mill-kontrollur lil terz kontrollur u meta, konformement ma’ prattika stabbilita, dan tal-aħħar jibbaża d-deċiżjoni tiegħu marbuta mal-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ dan l-istess suġġett tad-data b’mod determinanti fuq l-imsemmi valur.

2.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

60.

Minkejja li t-tieni domanda saret biss fl-ipoteżi li fiha l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, jidhirli li din tkun bl-istess mod rilevanti jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li l-iscoring jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjoni awtomatizzata stabbilita fl-Artikolu 22(1) tar-RĠPD. F’tali każ, kif jindika ġustament il-Gvern Finlandiż, ikun neċessarju li tiġi eżaminata sussegwentement jekk tistax issir eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni skont l-Artikolu 22(2)(b) tar-RĠPD. Skont din id-dispożizzjoni, il-projbizzjoni ma tapplikax “jekk id-deċiżjoni […] tkun awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur”.

61.

Din id-dispożizzjoni tinkludi fiha marġni ta’ manuvra regolatorja espliċita meta t-tfassil tal-profil awtomatizzat li jkun kopert minnha jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt ta’ Stat Membru. Jekk ikun ibbażat fuq id-dritt ta’ Stat Membru, il-liġi nazzjonali għandha tipprovdi għal garanziji speċifiċi għas-suġġett tad-data. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddetermina jekk tali “awtorizzazzjoni” tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 6 tar-RĠPD innifsu jew minn dispożizzjoni nazzjonali, adottata fuq bażi legali prevista fih. Dan l-aħħar imsemmi każ jidhirli li jeħtieġ analiżi ddettaljata ġaladarba l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità tal-Artikolu 31 tal-BDSG mal-Artikoli 6 u 22 tar-RĠPD, fatt li jeżiġi li l-Artikoli 6 u 22 tar-RĠPD jistgħu jikkostitwixxu bażijiet legali adegwati.

a)   L‑eżistenza ta’ bażi legali fir‑RĠPD li tagħti kompetenzi regolatorji lill‑Istati Membri

62.

Il-qorti nazzjonali tesprimi preċiżament dubji f’dan ir-rigward, billi, fl-opinjoni tagħha, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 22 tar-RĠPD ma jistgħu jservu bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 31 tal-BDSG, li tistabbilixxi ċerti regoli marbuta mal-iscoring. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur nazzjonali wettaqx applikazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD li jagħtuh marġni ta’ manuvra sabiex jistabbilixxi regoli nazzjonali dwar l-ipproċessar tad-data personali skont ir-RĠPD u anki, f’ċerti ċirkustanzi, li jidderogaw minnu. Ir-risposta għal din id-domanda hija kumplessa peress li l-leġiżlatur Ġermaniż ma jipprovdi għal ebda klawżola ta’ ftuħ fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi ( 26 ). Madankollu, huwa daqstant ieħor rilevanti li l-punt 1 tal-Artikolu 31(1) tal-BDSG jiddikjara espressament li l-iscoring “huwa awtorizzat biss meta d-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt għal protezzjoni tad-data jkunu ġew osservati” (korsiv miżjud minni). Kif sejjer nesponi iktar ’il quddiem, diversi argumenti jwassluni sabiex nagħti risposta negattiva għal din id-domanda.

1) L‑applikabbiltà tal‑Artikolu 22(2)(b) tar‑RĠPD

63.

Qabel xejn, hemm lok li tissemma d-dispożizzjoni tal-Artikolu 22(2)(b) tar-RĠPD, li tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jawtorizzaw deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomizzat ta’ data, inkluż it-tfassil tal-profil, u li għaldaqstant tista’ tiġi invokata bħala bażi legali. Madankollu, jeħtieġ li jiġi nnotat li dan il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-iscoring ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 22. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem kif ukoll mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 22 tar-RĠPD, l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 tippreżupponi li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma ssodisfatti. Konsegwentement, huwa evidenti li l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(2)(b) tar-RĠPD għandha titwarrab jekk l-ewwel domanda tkun tirrikjedi risposta negattiva.

64.

Għal finijiet ta’ kompletezza u fid-dawl tar-risposta affermattiva li qiegħed nipproponi li tingħata lill-ewwel domanda, inqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-prospett li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ li fih il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis min-naħa tagħha li l-iscoring imwettaq minn kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali tikkostitwixxi “deċiżjoni” fis-sens tal-paragrafu 1. Madankollu, anki f’dan il-każ, jippersistu dubji dwar l-adegwatezza tal-Artikolu 22(2)(b) ta’ dan ir-regolament sabiex iservi bħala bażi legali, għal ċertu numru ta’ raġunijiet.

65.

Fl-ewwel lok, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 22 tar-RĠPD jikkonċerna biss id-deċiżjonijiet meħuda “unikament” fuq l-ipproċessar awtomizzat ta’ data filwaqt li, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 31 tal-BDSG jinkludi fih b’mod mhux iddifferenzjat regoli li japplikaw ukoll għal deċiżjonijiet mhux awtomatizzati, filwaqt li jirregola l-legalità tal-użu tal-ipproċessar tad-data għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ scores. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 31 tal-BDSG għandu kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ħafna ikbar minn dak tal-Artikolu 22 tar-RĠPD ( 27 ). Konsegwentement, huwa dubjuż li l-Artikolu 22(2)(b) tar-RĠPD huwa intiż li jservi bħala bażi legali.

66.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi nnotat, kif tindika l-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 31 tal-BDSG jirregola l-“użu” ta’ valur ta’ probabbiltà minn atturi ekonomiċi, iżda mhux l-“istabbiliment” ta’ dan il-valur minn kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali, aspett li huwa madankollu s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari. Dan jista’ jiġi dedott ukoll mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta. Kif esponejt b’mod iddettaljat fil-kuntest tal-eżami ta’ din id-domanda, l-Artikolu 22(1) tar-RĠPD japplika wkoll għall-istadju tal-“istabbiliment” tal-iscore u mhux biss għall-istadju tal-“użu” tiegħu minn stabbiliment finanzjarju, kemm-il darba jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet ( 28 ). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 31 tal-BDSG jidher li jirregola każ differenti minn dak li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 22 tar-RĠPD, fatt li għandu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 22(2)(b) tar-RĠPD għandu jiġi eskluż bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 31 tal-BDSG.

2) L‑applikabbiltà tal‑Artikolu 6(2) u (3) tar‑RĠPD

i) Fuq il‑klawżoli li jagħtu kompetenzi regolatorji lill-Istati Membri

67.

Skont l-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali biss jekk tkun issodisfatta l-kundizzjoni marbuta ma’ wieħed mill-motivi elenkati fih. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom tali pproċessar jista’ jitqies li huwa legali ( 29 ). Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa leġittimu, l-istabbiliment ta’ score minn kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali għandu jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

68.

F’każ bħal dak ineżami fil-kawża prinċipali, il-punti (b), (c) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jistgħu, bħala prinċipju, jkunu applikabbli. Konformement mal-Artikolu 6(2) ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar speċifiċi sabiex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli tar-RĠPD. Issa, jeħtieġ li jiġi speċifikat li din id-dispożizzjoni tapplika bil-għan li jiġi osservat il-paragrafu 1(c) u (e). Bl-istess mod, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 6 jistabbilixxi li l-bażi tal-ipproċessar huwa ddefinit mid-dritt tal-Istat Membru li huwa suġġett għalih il-kontrollur kemm-il darba l-ipproċessar ikkonċernat ikun jikkonċerna l-każijiet previsti fil-paragrafu 1(c) u (e).

69.

Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli iktar speċifiċi meta l-ipproċessar “ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur” jew “meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur”. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom l-effett li jinkwadraw b’mod strett is-setgħa regolatorja tal-Istati Membri, billi jeskludu l-użu arbitrarju ta’ klawżoli ta’ ftuħ previsti fir-RĠPD, li jista’ jostakola l-għan ta’ armonizzazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

70.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat f’dan il-kuntest li, sa fejn uħud minn dawn il-klawżoli jużaw terminoloġija speċifika għar-RĠPD, mingħajr ma jipprevedu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, it-termini użati għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 30 ). Huwa fl-isfond ta’ dan il-kuntest li jeħtieġ li jiġi vverifikat iktar ’il quddiem jekk il-leġiżlazzjoni tal-Artikolu 31 tal-BDSG taqax taħt waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 6(1) tar-RĠPD.

ii) Il‑legalità tal‑ipproċessar tad‑data

– Ir-raġuni prevista fil‑punt (b) tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar‑RĠPD

71.

Fir-rigward tal-punt (b), jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-ipproċessar ikun legali biss jekk, u sa fejn l-ipproċessar ikun neċessarju “għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti” jew “sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt”. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat il-fatt li s-servizzi tal-kumpanniji ta’ informazzjoni jintużaw biss f’każijiet eċċezzjonali fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Il-fażi l-iktar importanti hija l-fażi prekuntrattwali, li matulha ġeneralment tinkiseb informazzjoni dwar is-solvenza. It-trażmissjoni ta’ talba għal informazzjoni lil kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali għall-finijiet ta’ verifika tas-solvenza jidhirli li hija awtorizzata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ( 31 ). Madankollu, jeħtieġ li jiġi speċifikat li din id-dispożizzjoni tkopri biss l-awtorizzazzjoni li jitmexxew investigazzjonijiet dwar is-solvenza minn sħab kuntrattwali potenzjali, kredituri u/jew fornituri ta’ servizzi legali u b’hekk toħloq il-kundizzjonijiet preliminari għall-ġbir legali ta’ data mill-kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma jidhirlix li hija suffiċjenti, waħedha, sabiex isservi bħala bażi legali maħsuba sabiex tagħmel leġittimi l-attivitajiet ta’ kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali b’mod ġenerali ( 32 ).

72.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jikkodifika raġuni ta’ legalità tal-ipproċessar tad-data personali, dan ma jikkonċerna l-ebda wieħed mill-każijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3, li skonthom l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom kompetenza regolatorja. Minn dan isegwi li, sa fejn l-Artikolu 6 tar-RĠPD jelenka dawn il-każijiet b’mod eżawrjenti, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 31 tal-BDSG ma tistax tiġi adottata unikament abbażi tal-punt (b) tal-Artikolu 6(2) tar-RĠPD.

– Ir-raġuni prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 6(1) tar‑RĠPD

73.

Ir-raġuni prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD tikkonċerna l-ipproċessar ibbażat fuq “obbligu legali” li għalih ikun suġġett il-kontrollur. Dan jimplika rekwiżiti imposti mill-Istat innifsu. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma tinkludix l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti rregolati mid-dritt ċivili, pereżempju kuntratt konkluż bejn stabbiliment finanzjarju u kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali. Madankollu, l-istabbilimenti finanzjarji li għandhom jiżguraw ruħhom dwar is-solvenza tal-klijenti tagħhom skont obbligi imposti fuqhom mid-dritt nazzjonali, jistgħu jibbażaw ruħhom fuq din il-bażi legali għall-finijiet ta’ talbiet għal informazzjoni korrispondenti, b’tali mod li jiggarantixxu, minn perspettiva ta’ kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali, il-legalità perfetta ta’ tali talbiet. Għall-kuntrarju, l-“istabbiliment” ta’ score mill-kumpannija ta’ informazzjoni kummerċjali ma jistax jitqies bħala miżura adottata għat-twettiq ta’ “obbligu legali” impost fuq din tal-aħħar, peress li tali obbligu ma jidhirx li jeżisti fid-dritt nazzjonali. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-punt (c) ma jistax jiġi invokat b’mod validu bħala bażi legali sabiex jagħmel l-attività tal-iscoring ipproċessar legali.

– Ir-raġuni prevista fil‑punt (e) tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar‑RĠPD

74.

Sussegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jistax jiġi invokat bħala bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikolu 31 tal-BDSG. Dan ikun il-każ jekk l-ipproċessar ikun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur”. Minn naħa, jista’ jiġi sostnut, kif jirriżulta mill-għan leġiżlattiv tal-Artikolu 31 tal-BDSG, rifless fit-titolu ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (“Protezzjoni tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi f’każ ta’ scoring u ta’ informazzjoni dwar is-solvenza”), u tax-xogħlijiet preparatorji ( 33 ), li l-kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali jikkontribwixxu għall-funzjonament tal-ekonomija ta’ pajjiż ( 34 ).

75.

Fil-fatt, sa fejn l-imsemmija kumpanniji jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar is-solvenza ta’ persuni partikolari, huma jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi billi jevitaw ir-riskju ta’ dejn eċċessiv ( 35 ) iżda wkoll tal-impriżi li jbigħulhom l-oġġetti jew jagħtuhom krediti. Dawn il-kumpanniji jiżguraw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja billi jipprekludu li jingħataw krediti b’mod irresponsabbli lil persuna li ssellef li jippreżentaw riskji għolja ta’ falliment ( 36 ). Mingħajr sistema affidabbli ta’ evalwazzjoni tal-kreditu, parti kbira mill-popolazzjoni tkun prattikament eskluża mill-possibbiltà li tikseb self minħabba riskji li ma jistgħux jiġu kkalkolati, it-tranżazzjonijiet ekonomiċi fl-era tal-informazzjoni jkunu kunsiderevolment iktar diffiċli u t-tentattivi ta’ frodi jgħaddu inosservati. Minn dan l-angolu, huwa possibbli li jiġu sottoskritti l-motivi li jidher li wasslu lil-leġiżlatur Ġermaniż jadotta l-Artikolu 31 tal-BDSG.

76.

Min-naħa l-oħra, anki jekk konxju mill-fatt li persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat jistgħu jaġixxu fl-interess pubbliku, jidhirli li huwa evidenti li mhux kwalunkwe “interess leġittimu” jista’ jiġġustifika applikazzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD. Ir-relazzjoni mal-“eżerċizzju ta’ awtorità pubblika” u l-premessi 45, 55 u 56 tar-RĠPD jindikaw pjuttost li din id-dispożizzjoni tikkonċerna, fl-ewwel lok, l-awtoritajiet pubbliċi fis-sens strett, kif ukoll il-persuni ġuridiċi li għandhom f’idejhom parti mill-awtorità pubblika, u, fit-tieni lok, il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat li jwettqu pproċessar għall-finijiet ta’ servizz pubbliku, pereżempju fil-qasam tas-“saħħa pubblika”, tal-“protezzjoni soċjali” u l-“ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa”, imsemmija espressament fil-premessa 45. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-kompiti klassiċi tal-Istat.

77.

Bl-istess mod, nosserva li l-premessi 55 u 56 tar-RĠDP jagħmlu riferiment għal “assoċjazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti uffiċjalment”, kif ukoll għal “partiti politiċi”, jiġifieri għal organizzazzjonijiet li, skont il-kriterji tal-leġiżlatur tal-Unjoni, jiżvolġu attivitajiet fl-interess pubbliku u jwettqu għal dan l-għan ipproċessar ta’ data personali. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, niddubita jekk din id-dispożizzjoni tistax tinkludi wkoll l-attivitajiet tal-kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali, inkluż l-iscoring. Tali interpretazzjoni twessa’ b’mod kunsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tagħmel partikolarment diffiċli l-identifikazzjoni tal-limiti ta’ din il-klawżola ta’ ftuħ ( 37 ).

78.

Minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti, jeħtieġ li jiġi rrilevat f’dan il-kuntest li għalkemm l-Artikolu 31 tal-BDSG huwa intiż li jipproteġi t-tranżazzjonijiet ekonomiċi, din id-dispożizzjoni ma ssemmi l-ebda kompitu konkret tal-imsemmija kumpanniji ( 38 ). Kif diġà indikajt f’dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li nibbaża ruħi fuq l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju dwar il-kuntest legali nazzjonali, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-“użu” tal-iscore minn atturi ekonomiċi, u mhux l-“istabbiliment” tiegħu minn kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali ( 39 ). Issa, hija l-legalità ta’ din l-attività li tinsab fil-qalba tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD ma huwiex adatt sabiex iservi bħala bażi legali.

– Ir‑raġuni prevista fil‑punt (f) tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar‑RĠPD

79.

Sussegwentement jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-attività taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 40 ), id-dispożizzjoni inkwistjoni kienet tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, fl-ewwel lok, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz kontrollur li lilu ġiet ikkomunikata d-data, fit-tieni lok, in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex u, fit-tielet lok, il-kundizzjoni li ma jkunux jipprevalu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data mill-protezzjoni tad-data.

80.

Fir-rigward, qabel xejn, tat-tfittxija ta’ “interess leġittimu”, infakkar li r-RĠPD u l-ġurisprudenza jirrikonoxxu firxa wiesgħa ta’ interessi kkunsidrati leġittimi ( 41 ), filwaqt li jispeċifikaw li, konformement mal-Artikolu 13(1)(d) tar-RĠPD, huwa l-kontrollur li għandu jindika l-interessi leġittimi mfittxija fil-kuntest tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD. Kif diġà indikajt f’dawn il-konklużjonijiet, l-għan leġiżlattiv tal-Artikolu 31 tal-BDSG jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-legalità tal-attivitajiet imwettqa minn kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali, peress li, fl-opinjoni tal-leġiżlatur Ġermaniż, dawn tal-aħħar jikkontribwixxu għall-funzjonament korrett tal-ekonomija tal-pajjiż ( 42 ). Sa fejn dawn l-attivitajiet jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ diversi atturi ekonomiċi kontra r-riskji marbuta mal-insolvenza, b’konsegwenzi gravi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jista’ jingħad f’dan l-istadju tal-analiżi li d-dispożizzjoni nazzjonali ċċitata iktar ’il fuq tfittex għan ekonomiku, li jista’ jikkostitwixxi “interess leġittimu” fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD.

81.

Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjoni li tirriżulta min-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali għandhom isiru biss sa fejn ikunu strettament neċessarji ( 43 ). Għaldaqstant għandu jkun hemm rabta mill-qrib bejn l-ipproċessar u l-interess imfittex, fl-assenza ta’ soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni iktar rispettużi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, peress li ma huwiex suffiċjenti li l-ipproċessar jippreżenta sempliċi utilità għall-kontrollur. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tesprimi ċerti dubji dwar il-legalità tal-attività tal-iscoring fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, hija ma tipprovdi l-ebda element ta’ informazzjoni li tissuġġerixxi l-eżistenza possibbli ta’ miżuri ta’ sostituzzjoni iktar rispettużi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Fl-assenza ta’ informazzjoni kuntrarja, jiena inklinat li nirrikonoxxi ċertu marġni ta’ manuvra fl-għażla tal-miżuri adegwati sabiex jintlaħaq l-għan previst.

82.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-ibbilanċjar, minn naħa, tal-interessi tal-kontrollur u, min-naħa l-oħra, tal-interessi jew tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni sar fil-każ ineżami b’mod leġiżlattiv. Billi adotta l-Artikolu 31 tal-BDSG, il-leġiżlatur Ġermaniż ippermetta li l-interessi ekonomiċi jipprevalu fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Issa, tali approċċ huwa possibbli biss jekk il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD jipprovdi għal klawżola li tippermetti lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar speċifiċi sabiex tadatta r-regoli tal-imsemmi regolament f’dak li għandu x’jaqsam l-ipproċessar. Madankollu dan ma huwiex il-każ, kif sejjer nispjega iktar ’il quddiem.

83.

Kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-Artikolu 6(2) u (3) tar-RĠPD, iż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar speċifiċi hija awtorizzata biss għall-każijiet previsti fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1. L-analiżi preċedenti wriet li l-Artikolu 31 tal-BDSG ma jipprevedi l-ebda ċirkustanza li tista’ taqa’ taħt l-imsemmija każijiet, fatt li loġikament jeskludi li l-Artikolu 6(2) u (3) tar-RĠPD jista’ jiġi invokat bħala bażi legali. Applikazzjoni għall-każ previst fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tikser mhux biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda tinterpreta b’mod żbaljat il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tirriżulta mill-oriġini tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

84.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46/KE ( 44 ) – l-att legali li ppreċeda r-RĠPD –, l-Istati Membri kienu obbligati “[jispeċifikaw] il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali [kien ikun] skond il-liġi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni billi kkonkludiet li xejn ma kien jipprekludi lill-Istati Membri milli, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, huma jistabbilixxu “prinċipji regolatorji” għall-kunsiderazzjoni neċessarja skont l-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva, li jikkorrispondi għall-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD. Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-RĠPD ma għadux jagħti iktar tali setgħa lill-Istati Membri. Fil-fatt, l-assenza ta’ dispożizzjoni ekwivalenti fir-RĠPD timplika li l-Istati Membri ma jistgħux iktar jistabbilixxu prinċipji regolatorji fid-dritt nazzjonali tagħhom bil-għan li jispeċifikaw l-“interess leġittimu” fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ( 45 ).

85.

Ir-riferiment għal “dispożizzjonijiet b’rabta ma’ sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar” tal-Kapitolu IX, inklużi fil-paragrafi 2 u 3, ma għandux l-effett li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-RĠPD. Dan jikkostitwixxi pjuttost riferiment għal dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar speċifiċi f’oqsma limitati, jiġifieri meta l-ipproċessar ikun neċessarju għall-osservanza ta’ “obbligu legali” fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, jew għall-eżekuzzjoni ta’ “kompitu li jsir fl-interess pubbliku” jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ “awtorità uffiċjali”, fil-każ previst fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu ( 46 ). Kif diġà indikajt qabel, dawn l-oqsma bl-ebda mod ma huma marbuta maċ-ċirkustanzi li fihom japplika l-Artikolu 31 tal-BDSG.

86.

F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll jitfakkar li għalkemm il-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni kienet tagħtiha l-kompetenza li “tadotta atti delegati […] sabiex tispeċifika aktar il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1 għal diversi setturi u sitwazzjonijiet ta’ pproċessar tad-dejta, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali li tirrigwarda lil minorenni”, din il-proposta ma ġietx adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-analiżi tal-evoluzzjoni tat-test juri li s-setgħat regolatorji tal-Istati Membri ġew ridotti fl-interessi ta’ armonizzazzjoni iktar qawwija, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u uniformi tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, kif jikkonfermaw ukoll il-premessi 3, 9 u 10 tar-RĠPD ( 47 ). Din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-RĠPD.

87.

Fl-aħħar, nikkunsidra li huwa neċessarju li jiġi rrilevat li, anki fil-każ li fih jirriżulta li japplika l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 31 tal-BDSG, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konformi mad-dritt tal-Unjoni. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 fis-sens li “Stat Membru ma jistax jippreskrivi, għal dawn il-kategoriji [ta’ data personali], b’mod definittiv, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma jippermetti riżultat differenti minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ każ konkret” ( 48 ). Ġaladarba din id-dispożizzjoni hija redatta f’termini kważi identiċi għal dawk tad-dispożizzjoni li ssostitwixxietha, jiġifieri l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, din l-interpretazzjoni jidhirli li għandha tibqa’ valida ( 49 ). Issa, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jidher li l-leġiżlatur nazzjonali kellu speċifikament dan l-għan, fid-dawl tal-fatt li, sa fejn l-Artikolu 31 tal-BDSG jawtorizza l-użu tal-iscores fis-settur finanzjarju, l-interessi ekonomiċi tas-settur finanzjarju jingħataw prijorità meta mqabbla mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, mingħajr madankollu ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ konkret. Tali approċċ huwa ekwivalenti għal estensjoni b’mod inammissibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-RĠPD.

88.

Fid-dawl ta’ dan kollu, nikkunsidra li l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD ma jistax jiġi invokat b’mod validu bħala bażi legali bil-għan li tiġi adottata dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 31 tal-BDSG.

– Ir‑raġuni prevista fl‑Artikolu 6(4) moqri flimkien mal‑Artikolu 23(1) tar‑RĠPD

89.

Il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 6(4) u tal-Artikolu 23(1) tar-RĠPD ġew evokati bħala bażijiet legali fil-proċedura leġiżlattiva, fatt li wassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 31 tal-BDSG. Madankollu, sussegwentement, l-idea li dawn id-dispożizzjonijiet jintużaw bħala bażi legali ġiet abbandunata. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għal din il-kawża.

90.

Fl-assenza ta’ informazzjoni iktar dettaljata ma huwiex possibbli li tittieħed pożizzjoni dwar l-applikabbiltà possibbli tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Dan jidhirli li lanqas ma huwa neċessarju jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet ma kellhom l-ebda rwol matul il-proċedura leġiżlattiva, kif tikkonferma l-qorti tar-rinviju ( 50 ).

iii) Konklużjoni intermedjarja

91.

Jiena eżaminajt, fil-punti preċedenti, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 6 u 22 tar-RĠPD jistgħux iservu bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 31 tal-BDSG, sabiex tiġi ġġustifikata l-legalità tal-istabbiliment ta’ scores fil-kuntest tal-attivitajiet imwettqa minn kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali. Varji raġunijiet, esposti fid-dettall fl-analiżi tiegħi, iserħuli moħħi dwar il-konvinzjoni tiegħi li din il-possibbiltà għandha titwarrab. Fil-qosor, nikkunsidra li, fl-assenza ta’ klawżoli ta’ ftuħ jew ta’ eżenzjonijiet li jawtorizzaw lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar speċifiċi jew li jidderogaw mir-regoli tar-RĠPD bil-għan li jirregolaw din l-attività imsemmija iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-livell ta’ armonizzazzjoni mfittxija minn dan ir-regolament li, konformement mal-Artikolu 288 TFUE, huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali dispożizzjoni nazzjonali ma hijiex konformi mar-RĠPD.

92.

Ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tinterpreta d-dritt nazzjonali jew li tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-konformità ta’ dan tal-aħħar mad-dritt tal-Unjoni fi proċedura preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, l-argumenti elaborati f’dawn il-konklużjonijiet għandhom jinftehmu bħala indikazzjonijiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RĠPD, bil-għan li jippermettu lill-qorti tar-rinviju teżerċita, jekk tkun applikabbli, din il-ġurisdizzjoni wara li tkun eżaminat hija stess l-Artikolu 31 tal-BDSG fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li twettaq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti mad-dritt tal-Unjoni.

93.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-imsemmija Stati. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun il-każ ma tapplikax, ex officio, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk din tkun ġiet adottata sussegwentement, mingħajr ma jkun neċessarju li titlob jew li tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ta’ xi proċedura kostituzzjonali oħra ( 51 ).

b)   Risposta għat‑tieni domanda preliminari

94.

B’risposta għat-tieni domanda preliminari, inqis li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 22 tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tfassil tal-profil meta dan ikun tfassil tal-profil li ma huwiex dak previst fl-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tosserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, din għandha tkun ibbażata fuq bażi legali adegwata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

VI. Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja):

1)

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-istabbiliment awtomatizzat ta’ valur ta’ probabbiltà fir-rigward tal-kapaċità tas-suġġett tad-data li jonora self fil-futur diġà jikkostitwixxi deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profil, li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lil dak is-suġġett tad-data jew li jaffettwah b’mod sinjifikattiv b’mod simili meta dan il-valur, stabbilit permezz tad-data personali marbuta ma’ dak is-suġġett tad-data, jiġi kkomunikat mill-kontrollur lil terz kontrollur u meta, konformement ma’ prattika stabbilita, dan tal-aħħar jibbaża d-deċiżjoni tiegħu marbuta mal-istabbiliment, l-eżekuzzjoni jew it-tmiem ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ dan l-istess suġġett tad-data b’mod determinanti fuq l-imsemmi valur.

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 22 tar-Regolament 2016/679,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tfassil tal-profil meta dan ikun tfassil tal-profil li ma huwiex dak previst fl-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tosserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, din għandha tkun ibbażata fuq bażi legali adegwata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2018, L 127, p. 2.

( 3 ) BGBl. 2017 I, p. 2097.

( 4 ) BGBl. 2019 I, p. 1626.

( 5 ) B’mod konkret, dawn huma l-Artikoli 18 u 21 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11) kif ukoll l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L207, p. 14, rettifiki fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u rettifiki fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 6 ) Mil-“Linji gwida dwar it-Teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati u t-Tfassil ta’ profili għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2016/679”, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017 mill-grupp ta’ ħidma “Artikolu 29” dwar il-protezzjoni tad-data, jirriżulta li t-tfassil tal-profil u t-teħid ta’ deċiżjoni awtomatizzata jistgħu jiġġeneraw riskji kbar għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni. B’mod partikolari, it-tfassil tal-profil jista’ jipperpetwa l-isterjotipi eżistenti u s-segregazzjoni soċjali. Barra minn hekk, sa fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu limitati fil-libertà tal-għażla tagħhom fir-rigward ta’ ċerti prodotti jew servizzi, it-tfassil tal-profil jista’ jwassal għal ċaħda tal-oġġetti u tas-servizzi kif ukoll għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata.

( 7 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punti 5760).

( 8 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Pegaso u Sistemi di Sicurezza (C‑521/18, EU:C:2020:867, punti 2627).

( 9 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2022:661, punti 43 et seq).

( 10 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 45).

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 57).

( 12 ) Ara l-verżjoni Spanjola (“tratamiento automatizado, incluida la elaboración de perfiles”), Daniża (“automatisk behandling, herunder profilering”), Ġermaniża (“einer automatisierten Verarbeitung - einschließlich Profiling - ”), Estonjana (“automatiseeritud töötlusel, sealhulgas profiilianalüüsil”), Ingliża (“automated processing, including profiling”), Franċiża (“un traitement automatisé, y compris le profilage”), u Pollakka (“zautomatyzowanym przetwarzaniu, w tym profilowaniu ”) (korsiv miżjud minni).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, Bygrave, L. A., “Article 22. Automated individual decision-making, including profiling”, The EU General Data Protection Regulation (GDPR), Kuner, C., Bygrave, L. A., Docksey, C. (edituri) Oxford, 2020, p. 532.

( 14 ) Abel, R., “Automatisierte Entscheidungen im Einzelfall gem. Art. 22 DS-GVO – Anwedungsbereich und Grenzen im nicht-öffentlichen Bereich”, Zeitschrift für Datenschutz, 7/2018, p. 307, jikkunsidra li din id-dispożizzjoni tikkonċerna “deċiżjonijiet” li għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni legali tas-suġġett tad-data jew ifixklu fit-tul l-iżvilupp ekonomiku jew personali tiegħu.

( 15 ) Helfrich, M., Sydow. G., DS-GVO/BDSG, it-tieni edizzjoni, Baden-Baden, 2018, l-Artikolu 22, punt 51, jikkunsidraw li huwa determinanti li jiġi stabbilit jekk is-suġġett tad-data huwiex affettwat fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha, pereżempju, mill-konsegwenzi ta’ osservazzjoni jew ta’ evalwazzjoni, li jistgħu jaffettwawh b’mod mhux negliġibbli fl-iżvilupp tal-personalità tiegħu.

( 16 ) Bernhardt, U., Ruhrman, I., Schuler, K., Weichert, T., “Evaluation der Europäischen Datentschutz-Grundverordnung”, verżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2019, Netzwerk Datenschutzexpertise, p. 7, jikkunsidraw li l-algoritmi użati fil-kuntest tat-tfassil tal-profil għandhom potenzjal kbir ta’ diskriminazzjoni u jistgħu jikkawżaw preġudizzji, fatt li jikkostitwixxi r-raġuni għaliex l-atturi jqisu li hemm lok li jiġi speċifikat li l-forom kollha ta’ tfassil tal-profil sħiħ u kumpless huma koperti mill-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-RĠPD.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, Sydow, G., Marsch, N., DS-GVO/BDSG, it-tielet edizzjoni, Baden-Baden, 2022, §31 BDSG, punt 5, li jikkunsidraw li l-iscoring jista’ jaffettwa s-suġġetti tad-data b’mod sinjifikattiv u b’mod simili għal deċiżjoni li tipproduċi effetti legali.

( 18 ) Ara l-verżjoni Spanjola (“únicamente”), Daniża (“alene”), Ġermaniża (“ausschließlich”), Estonjana (“üksnes”), Ingliża (“solely”), Franċiża (“exclusivement”), u Pollakka (“wyłącznie”).

( 19 ) Tali approċċ jidhirli li huwa iktar u iktar neċessarju meta la SCHUFA u lanqas il-HBDI ma kienu f’pożizzjoni li jagħtu risposta ċara waqt is-seduta għall-mistoqsija dwar jekk l-iscores humiex intiżi li jiddeterminaw minn qabel id-deċiżjonijiet tal-istabbilimenti finanzjarji. Madankollu, ir-rappreżentant ta’ SCHUFA indika li dawn tal-aħħar kienu jibbenefikaw mill-esperjenza u mill-kompetenza tal-kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali sabiex jistabbilixxu s-solvenza ta’ persuna fiżika, fatt li jista’, bħala prinċipju, jiġi interpretat bħala indikazzjoni ta’ influwenza mhux negliġibbli fuq il-proċess deċiżjonali.

( 20 ) Blasek, K., “Auskunfteiwesen und Kredit-Scoring in unruhigem Fahrwasser – Ein Spagat zwischen Individualschutz und Rechtssicherheit”, Zeitschrift für Datenschutz, 8/2022, p. 436 u 438, jikkunsidra li applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-RĠPD ma tistax tkun eskluża fil-każijiet li fihom l-impjegati ta’ bank ma jpoġġux f’dubju l-evalwazzjonijiet awtomatizzati (tfassil tal-profil, scores) imwettqa mill-kumpanniji ta’ informazzjoni kummerċjali. Skont l-awtur, il-banek ma għandhomx jistrieħu unikament fuq din l-informazzjoni esterna, iżda għandhom pjuttost jivverifikawha huma stess b’mod adegwat.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, Horstmann, J., Dalmer, S., “Automatisierte Kreditwürdigkeitsprüfung – Externes Kreditscoring im Lichte des Verbots automatisierter Einzelfallentscheidungen”, Zeitschrift für Datenschutz, 5/2022, p. 263.

( 22 ) Korsiv miżjud minni.

( 23 ) Korsiv miżjud minni.

( 24 ) Ara, Zanfir-Fortuna, G., “Article 15. Right of access by the data subject”, The EU General Data Protection Regulation (GDPR) Kuner, C., Bygrave, L.A., Docksey C. (edituri), Oxford 2020, p. 463.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, il-“Linji gwida dwar it-Teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomizzati u t-Tfassil ta’ profili għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2016/679”, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017 mill-grupp ta’ ħidma “Artikolu 29” dwar il-protezzjoni tad-data, p. 28 u 30.

( 26 ) Ara “Entwurf eines Gesetzes zur Anpassung des Datenschutzrechts an die Verordnung (EU) 2016/679 und zur Umsetzung der Richtlinie (EU) 2016/680 (Datenschutz-Anpassungs- und -Umsetzungsgesetz EU - DSAnpUG-EU)”, Bundesrat – Drucksache 110/17 vom 2.2.2017, p. 101 u 102; Abel, R., “Einmeldung und Auskunfteitätigkeit nach DS-GVO und § 31 BDSG – Frage der Rechtssicherheit im neuen Recht”, Zeitschrift für Datenschutz, 3/2018, p. 105, jikkritika l-abbozz tal-liġi li ma jindikax il-klawżola ta’ ftuħ li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 31 tal-BDSG u jesprimi dubji dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, Horstmann, J., Dalmer, S., “Automatisierte Kreditwürdigkeitsprüfung – Externes Kreditscoring im Lichte des Verbots automatisierter Einzelfallentscheidungen”, Zeitschrift für Datenschutz, 5/2022, p. 265.

( 28 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99).

( 30 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 81).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, von Lewinski, K., Pohl, D., “Auskunfteien nach der europäischen Datenschutzreform – Brüche und Kontinuitäten der Rechtslage”, Zeitschrift für Datenschutz, 1/2018, p. 19.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, Abel, R., “Einmeldung und Auskunfteitätigkeit nach DS-GVO und § 31 BDSG – Frage der Rechtssicherheit im neuen Recht”, Zeitschrift für Datenschutz, 3/2018, p. 106.

( 33 ) Ara “Entwurf eines Gesetzes zur Anpassung des Datenschutzrechts an die Verordnung (EU) 2016/679 und zur Umsetzung der Richtlinie (EU) 2016/680 (Datenschutz-Anpassungs- und -Umsetzungsgesetz EU - DSAnpUG-EU)”, Bundesrat – Drucksache 110/17 vom 2.2.2017, p. 101 u 102. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li dan effettivament kien l-għan leġiżlattiv tal-Artikolu 31 tal-BDSG.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, Guggenberger, N., Sydow, G., Bundesdatenschutzgesetz, l-ewwel edizzjoni, Baden-Baden 2020, § 31, punti 2 u 5.

( 35 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punti 4042), fir-rigward tal-obbligu tal-persuna li ssellef, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, li tevalwa s-solvenza tal-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, dan l-obbligu jista’ jinkludi l-konsultazzjoni tad-databases rilevanti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu prekuntrattwali huwa intiż li jipproteġi lill-konsumaturi kontra r-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza, u b’hekk jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb tal-kreditu għall-konsum.

( 36 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Schyns (C‑58/18, EU:C:2019:467, punti 4546), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu tal-persuna li ssellef, previst fl-Artikolu 18(5)(a) tad-Direttiva 2014/17, li tivverifika s-solvenza tal-konsumatur qabel dan jingħata kreditu, huwa intiż sabiex jiġi evitat aġir irresponsabbli mill-parteċipanti fis-suq li jista’ jdgħajjef il-pedamenti tas-sistema finanzjarja.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, Sydow, G., Marsch, N., DS-GVO/BDSG, it-tielet edizzjoni, Baden-Baden 2022, § 31 BDSG, punt 6, u Abel, R., “Einmeldung und Auskunfteitätigkeit nach DS-GVO und § 31 BDSG – Frage der Rechtssicherheit im neuen Recht”, Zeitschrift für Datenschutz, 3/2018, p. 105.

( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, Guggenberger, N., Sydow, G., Bundesdatenschutzgesetz, l-ewwel edizzjoni, Baden-Baden 2020, § 31, punt 5.

( 39 ) Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 106).

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2022:704, punt 60).

( 42 ) Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 30), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 110).

( 44 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, Heberlein, H., DS-GVO – Kommentar, München 2017, l-Artikolu 6, punti 28 u 32.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, Heberlein, H., op. cit., punt 32; Roßnagel, A., Datenschutzrecht, Simitis, S., Hornung, G., Spiecker, I., (edituri), München 2019, l-Artikolu 6, punt 23.

( 47 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Leistritz (C‑534/20, EU:C:2022:495, punt 26).

( 48 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 62).

( 49 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 66), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u tar-RĠPD b’mod uniformi.

( 50 ) Guggenberger, N., Sydow, G., Bundesdatenschutzgesetz, l-ewwel edizzjoni, Baden-Baden 2020, § 31, punt 6, jikkonfermaw l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju inkwantu l-assenza ta’ rilevanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-għażla ta’ bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikolu 31 tal-BDSG.

( 51 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 293).

Top