Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0580

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2022.
EEW Energy from Waste Großräschen GmbH vs MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 16(2)(c) – Aċċess għall-grilja ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Aċċess prijoritarju mogħti lill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija kemm rinnovabbli kif ukoll konvenzjonali.
Kawża C-580/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:904

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑17 ta’ Novembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑580/21

EEW Energy from Waste Großräschen GmbH

vs

MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH,

fil-preżenza ta’:

50 Hertz Transmission GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 5(3) – Artikolu 16(2)(c) – Impjant għall-produzzjoni tal-elettriku li juża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Skart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali – Sejħa ta’ prijorità għall-finijiet tal-provvista tan-network tal-elettriku – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw din il-prijorità”

I. Introduzzjoni

1.

Skont l-Artikolu 194(1)(ċ) TFUE, il-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-enerġija hija intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli ( 2 ). L-isfidi ta’ dan l-iżvilupp, li l-portata tagħhom hija kunsiderevoli, b’mod partikolari fil-kuntest ġeopolitiku attwali, huma enfasizzati fl-ewwel premessa tad-Direttiva 2009/28/KE ( 3 ), li ssemmi t-tnaqqis ta’ gass b’effett serra fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tisħin klimatiku, il-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni kif ukoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-impjieg u l-iżvilupp reġjonali ( 4 ).

2.

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kunċett ta’ “impjanti li jiġġeneraw l-elettriku […] li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” fis-sens tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, kif ukoll il-portata tas-sejħa għall-prijorità għall-finijiet ta’ tqabbid man-network tal-elettriku li jibbenefika minnu tali impjant. B’mod iktar preċiż, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk, u sa fejn, impjant li jiġġenera l-elettriku bit-trattament termiku ta’ skart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart industrijali u muniċipali bijodegradabbli għandu jibbenefika minn din il-prijorità ta’ aċċess.

3.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EEW Energy from Waste Großräschen GmbH (iktar ’il quddiem “EEW”), li topera impjant għat-trattament termiku ta’ skart, u MNG Mitteldeutsche Netzgesellschaft Strom GmbH (iktar ’il quddiem “MNG Strom”), operatriċi ta’ sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku, fir-rigward tad-dritt għall-kumpens ta’ EEW wara t-tnaqqis tal-provvista lin-network minħabba konġestjonijiet. 50 Hertz Transmission GmbH (iktar ’il quddiem “50 Hertz”), l-operatriċi tas-sistema ta’ trażmissjoni upstream ta’ MNG Strom, ipparteċipat fil-proċedura fil-kawża prinċipali bħala intervenjenti flimkien din tal-aħħar.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva 2001/77/KE

4.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/77/KE ( 5 ), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘sorsi ta’ enerġija rinovabbli’ għandha tfisser sorsi ta’ enerġija mhux fossili rinovabbli (riħ, tax-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u bijogassijiet);

b)

‘biomassa’ għandha tfisser il-parti bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sostanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji rrelatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

c)

‘elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli’ għandha tfisser elettriku prodott minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinovabbli, kif ukoll il-proporzjon ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u inkluż elettriku li jiġġedded użat biex jintlew sistemi ta’ ħażna, u eskluż l-elettriku prodott bħala riżultat ta’ sistemi ta’ ħażna;

[…]”

2. Id‑Direttiva 2009/28

5.

Skont il-premessi 1, 11, 25, 60 u 61 tad-Direttiva 2009/28:

“1)

Il-kontroll tal-konsum tal-enerġija Ewropea kif ukoll iż-żieda fl-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, flimkien ma’ ffrankar ta’ enerġija u żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, jikkostitwixxu partijiet importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra u jkun hemm konformità mal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, u ma’ aktar impenji tal-Komunità u internazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra wara l‑2012. Dawk il-fatturi għandhom ukoll rwol importanti fil-promozzjoni tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika u fl-għoti ta’ opportunitajiet għall-impjieg u l-iżvilupp reġjonali, speċjalment f’żoni rurali u iżolati.

[…]

(11)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli trasparenti u mhux ambigwi biex ikun ikkalkulat is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u biex ikunu definiti dawk is-sorsi. […]

[…]

(25)

L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. […]

[…]

(60)

L-aċċess ta’ prijorità u l-aċċess garantit għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma importanti biex sorsi ta’ enerġija rinovabbli jkunu integrati fis-suq intern tal-elettriku, f’konformità mal-Artikolu 11(2) u l-iżvilupp ulterjuri tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/54/KE [ ( 6 )]. Ir-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabilità u s-sikurezza tal-grilja u mad-distribuzzjoni jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi tal-grilja nazzjonali u l-operat sikur tagħha. L-aċċess ta’ prijorità għall-grilja jipprovdi assigurazzjoni mogħtija lill-ġeneraturi tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli konnessi li jkunu kapaċi jbiegħu u jittrasmettu l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli skont ir-regoli ta’ konnessjoni f’kull ħin, kull meta s-sors ikun disponibbli. Fil-każ li l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli jkun integrat fis-suq tal-komoditajiet, l-aċċess ta’ garanzija għandu jiżgura li l-elettriku kollu mibjugħ u appoġġat ikollu aċċess għall-grilja, filwaqt li jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli minn impjanti konnessi mall-grilja. Madankollu, dan ma jimplika l-ebda obbligu tal-Istati Membri li jappoġġaw jew li jintroduċu obbligi ta’ xiri għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. F’sistemi oħra, għall-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiġi definit prezz fiss, ħafna drabi flimkien ma’ obbligu ta’ xiri għall-operatur tas-sistema. F’dan il-każ, diġà ngħata aċċess ta’ prijorità.

(61)

F’ċerti ċirkostanzi mhux possibbli li jkunu għal kollox żgurati t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mingħajr ma tiġi affettwata l-affidabbiltà jew is-sikurezza tal-grilja. F’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jkun xieraq li jingħata kumpens finanzjarju lil dawk il-produtturi. Madankollu, l-objettivi ta’ din id-Direttiva jirrikjedu żieda sostnuta fit-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli mingħajr ma jiġu affettwati l-affidabbiltà jew is-sikurezza tal-grilja. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jippermettu penetrazzjoni ogħla tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inter alia billi jikkunsidraw l-ispeċifitajiet ta’ riżorsi varjabbli u riżorsi li għadhom ma jistgħux jiġu maħżuna. […]”

6.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. Hija tistabbilixxi regoli relatati mat-trasferimenti tal-istatistika bejn l-Istati Membri, il-proġetti konġunti bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, mal-garanziji tal-oriġini, proċeduri amministrattivi, informazzjoni u taħriġ u aċċess għall-grilja tal-elettriku għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. […]”

7.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2003/54/KE japplikaw.

Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

a)

‘enerġija minn sorsi rinnovabbli’ tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

[…]

e)

‘bijomassa’ tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura (inklużi sustanzi veġetali u mill-annimali), l-industriji forestali u industriji relatati inkluż is-sajd u l-akwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali;

[…]”

8.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Kalkolu tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Il-konsum finali gross ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’kull Stat Membru għandu jkun ikkalkulat bħala s-somma ta’:

a)

konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

[…]

3.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(a), il-konsum finali gross ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkun ikkalkulat bħala l-kwantità ta’ elettriku prodott fi Stat Membru minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bl-esklużjoni tal-produzzjoni ta’ elettriku f’unitajiet ta’ ppumpjar tal-ħażniet minn ilma li qabel kien ippumpjat ‘il fuq.

F’impjanti multi-kombustibbli li jużaw sorsi rinnovabbli u konvenzjonali, il-parti biss tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tkun ikkunsidrata. Għall-għanijiet ta’ dan il-kalkolu, il-kontribut ta’ kull sors ta’ enerġija għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu ta’ enerġija.

[…]”

9.

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Garanziji tal-oriġini tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet li jiġi provat lill-klijenti finali s-sehem jew il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’taħlita tal-enerġija ta’ produttur tal-enerġija, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/54/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tista’ tkun garantita bħala tali fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, skont kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji”.

10.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Aċċess għall-grilji u t-tħaddim tagħhom”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adatti biex jiżviluppaw infrastruttura ta’ grilji ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, netwerks intelliġenti, faċilitajiet għall-ħażna u s-sistema tal-elettriku, sabiex jippermettu t-tħaddim sikur tas-sistema tal-elettriku hekk kif din tiffaċċja l-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża l-interkonnessjoni bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu passi adatti biex iħaffu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-infrastruttura tal-grilja u biex jikkoordinaw l-approvazzjoni tal-infrastruttura tal-grilja mal-proċeduri amministrattivi u ta’ ppjanar.

2.   Soġġett għar-rekwiżiti marbuta maż-żamma tal-affidabbiltà u s-sigurtà tal-grilja, fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

a)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiggarantixxu fit-territorju tagħhom jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

b)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll jew għal aċċess prijoritarju jew għal aċċess garantit għas-sistema ta’ grilja tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

c)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-trasmissjoni ta’ impjanti li jiġġeneraw l-elettriku, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jagħtu prijorità lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sa fejn tippermetti l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-elettriku nazzjonali u fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri operattivi xierqa relatati mal-grilja u mas-suq sabiex ikunu minimizzati r-restrizzjoniet fuq l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-każ li jittieħdu miżuri sinifikanti biex jitnaqqsu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex tkun garantita s-sigurtà tas-sistema nazzjonali tal-elettriku u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi responsabbli mis-sistema jirrapurtaw lill-awtorità regolatorja kompetenti dwar dawk il-miżuri u jindikaw liema miżuri korrettivi għandhom l-intenzjoni li jieħdu sabiex jevitaw restrizzjonijiet mhux adatti”.

B.   Id‑dritt Ġermaniż

11.

L-Artikolu 3, intitolat “Definizzjonijiet”, tal-Erneuerbare-Energien-Gesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Enerġiji Rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”), tal‑25 ta’ Ottubru 2008, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“EEG tal-2012”) ( 7 ), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1)

‘impjant’, kull stabbiliment ta’ produzzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli […],

[…]

3)

‘enerġiji rinnovabbli’, […] l-enerġija tal-bijomassa […] kif ukoll il-parti bijodegradabbli mill-iskart muniċipali u industrijali,

[…]”

12.

L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, intitolat “Xiri, trasport u distribuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għall-Artikolu 11, l-operaturi ta’ network huma obbligati jixtru, jittrasportaw u jiddistribwixxu mingħajr dewmien u bi prijorità l-elettriku kollu propost prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli […]”

13.

L-Artikolu 11 tal-imsemmija liġi, intitolat “Ġestjoni tal-provvista ta’ elettriku lin-network”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…] l-operaturi ta’ network huma awtorizzati b’mod eċċezzjonali sabiex jirregolaw l-impjanti […] direttament jew indirettament konnessi man-network tagħhom […]:

1)

jekk, fin-nuqqas ta’ regolament, ikun hemm konġestjoni fiż-żona tan-network ikkonċernat, inkluż fin-network upstream,

2)

bil-kundizzjoni li l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, […] ikompli jibbenefika mill-prijorità, inkwantu impjanti oħra għall-produzzjoni tal-elettriku ma għandhomx jibqgħu konnessi man-network sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ provvista tal-elettriku, […]

[…]”

14.

L-Artikolu 12 tal-istess liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet eċċezzjonali”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-provvista tal-elettriku lin-network provenjenti minn impjanti għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, […] titnaqqas minħabba konġestjoni, skont l-Artikolu 11(1), l-operaturi kkonċernati minn din il-miżura għandhom ikunu kkumpensati, […] sa 95 % tat-telf mid-dħul imġarrab, miżjuda bl-ispejjeż supplimentari li huma kellhom jaffaċċjaw u mnaqqsa bl-ispejjeż li din ippermettitilhom jekonomizzaw. […]”

15.

L-Artikolu 16 tal-EEG tal-2012, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi tan-network għandhom iħallsu lill-operaturi ta’ impjanti għall-elettriku provenjenti minn impjanti li jużaw esklużivament sorsi ta’ enerġija rinnovabbli […], tal-inqas fl-ammont previst fl-Artikoli 18 sa 33. […]”

16.

Dawn id-dispożizzjonijiet tal-EEG tal‑2012 jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-EEG fil-verżjoni tagħha fis-seħħ bejn l‑1 ta’ Jannar 2009 u l‑31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem l-“EEG tal‑2019”) ( 8 ) kif ukoll għal dawk tal-EEG fil-verżjoni bejn l‑1 ta’ Awwissu 2014 u l‑31 ta’ Diċembru 2016 ( 9 ).

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

17.

EEW topera impjant għat-trattament termiku tal-iskart li jippermettilha tipproduċi l-enerġija elettrika u termika (iktar ’il quddiem l-“impjant inkwistjoni”). Din tuża kważi esklużivament l-iskart industrijali u muniċipali, li jitħallat qabel ma jinħaraq u jinkludi proporzjon bijodegradabbli, li d-daqs tiegħu jvarja u jirrappreżenta sa 50 % tal-iskart skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn EEW. L-impjant inkwistjoni jalimenta lin-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku ta’ MNG Strom, li huwa marbut bi ftehim ta’ konnessjoni u xiri miegħu, b’parti mill-elettriku prodott.

18.

Bejn is-snin 2011 u 2016, MNG Strom ordnat lil EEW, f’diversi okkażjonijiet, fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha tas-sigurtà tan-network tal-elettriku, tnaqqas temporanjament il-provvista lin-network minħabba konġestjonijiet. Konsegwentement, EEW talbet lil MNG kumpens fl-ammont ta’ EUR 2.24 miljun fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet eċċezzjonali previsti mill-EEG, fil-verżjonijiet tagħha fis-seħħ bejn l‑1 ta’ Jannar 2011 u l‑31 ta’ Diċembru 2016, fosthom l-Artikolu 12(1) tal-EEG tal‑2012.

19.

Il-qorti tal-appell adita ċaħdet it-talba għall-kumpens ta’ EEW minħabba li l-elettriku prodott fl-impjant inkwistjoni ma kienx miksub esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

20.

EEW ippreżentat appell ta’ reviżjoni kontra s-sentenza tal-qorti tal-appell quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-qorti tar-rinviju. Din tirrileva li l-eżitu tal-kawża pendenti quddiemha jiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk l-impjant inkwistjoni għandux ikun ikklassifikat bħala “impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tal-EEG tal‑2012. Skont din il-qorti, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex eskluża minħabba li l-elettriku prodott fl-impjant inkwistjoni ma ġiex miksub esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

21.

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-EEG, fl-ewwel verżjoni tagħha fis-seħħ matul is-sena 2000, kienet tikkonċerna l-elettriku prodott minn impjanti li jużaw esklużivament sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/77 fid-dritt Ġermaniż, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(c) tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EEG ġie estiż matul is-sena 2004 sabiex jinkludi l-parti mill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-impjanti ibridi li jużaw is-sorsi ta’ enerġija klassiċi.

22.

Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 12 tal-EEG tal‑2012 u mill-istruttura ta’ din il-liġi jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet, introdotti fl-EEG għall-ewwel darba matul is-sena 2009, japplikaw ukoll għall-impjanti li ma jużawx esklużivament sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għaldaqstant, sakemm impjant jipproduċi l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u għalhekk jibbenefika mill-prijorità għall-finijiet sabiex jalimenta n-network bl-elettriku, skont l-EEG, kull tnaqqis jew kull interruzzjoni fix-xiri tal-elettriku fil-kuntest tal-ġestjoni tal-provvista lin-network jagħti lok għall-obbligu ta’ kumpens previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet eċċezzjonali.

23.

Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-leġiżlatur Ġermaniż kien għażel li jsegwi d-dritt tal-Unjoni u li ma japplikax ir-regola li tgħid li jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-elettriku miksub esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ma huwiex ċar li, fid-dritt Ġermaniż, għandu jiġi kklassifikat bħala “impjant”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-EEG tal‑2012, kull impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku li jittratta kwalunkwe proporzjon minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, żgħir kemm huwa żgħir, b’mod li dan jibbenefika mill-prijorità għall-finijiet ta’ konnessjoni ma’ u ta’ provvista lin-network bl-elettriku. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż rilevanti jiġu interpretati skont il-kunċett ta’ “elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2001/77. Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “impjant ibridu”, iżda dan ma huwiex iddefinit u ma huwiex nieqes mill-ambigwità. Fil-fatt, it-terminu “impjant ibridu” jindika ġeneralment, fil-lingwa teknika, impjant li juża diversi teknoloġiji differenti għall-finijiet tal-produzzjoni tal-enerġija, pereżempju l-enerġija solari u l-gass. Skont tali tifsira, l-impjanti li huma limitati biex jużaw taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija differenti, rinnovabbli u konvenzjonali, fil-kuntest ta’ proċess wieħed ta’ produzzjoni tal-elettriku, ma humiex koperti minn dan il-kunċett ta’ “impjant ibridu”. Dan ikun il-każ meta d-diversi sorsi ta’ enerġija jitħalltu eżatt qabel ma jintużaw għall-finijiet tal-produzzjoni tal-enerġija, iżda wkoll meta, biex jiġi prodott l-elettriku, l-impjant jirrikorri għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fossili fil-forma ta’ taħlita preeżistenti, varjabbli u inalterabbli, bħall-impjant inkwistjoni.

24.

Din il-qorti tirrileva li, madankollu, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/77 jiddefinixxi l-“biomassa” bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli u li l-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva tipprovdi li din tinkludi l-“parti bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali”. Dawn id-dispożizzjonijiet jimmilitaw favur is-sens li l-elettriku prodott bl-inċinerazzjoni ta’ dan il-proporzjon bijodegradabbli għandu jitqies li ġej minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fejn l-impjanti li jipproduċu l-enerġija b’dan il-mod għandhom, għaldaqstant, fid-dritt Ġermaniż, jiġu kklassifikati bħala “impjanti”, fis-sens tal-EEG, u jibbenefikaw mill-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku.

25.

L-imsemmija qorti tosserva li peress li d-Direttiva 2001/77 ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/28, li hija applikabbli għall-kawża prinċipali ( 10 ), id-dritt Ġermaniż għandu jiġi interpretat skont din tal-aħħar. L-istess qorti tindika li, meta tikkunsidra d-dritt tal-Unjoni, hija ttendi li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-EEG dwar il-prijorità għall-finijiet tal-provvista lin-network tal-elettriku fis-sens li dawn japplikaw għall-impjanti li ma jużawx esklużivament sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biss jekk is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u konvenzjonali jintużaw fil-kuntest ta’ sistemi separati. Min-naħa l-oħra, l-impjanti li jirrikorru għal taħlita preeżistenti, varjabbli u inalterabbli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u konvenzjonali, bħal fil-każ tal-produzzjoni tal-elettriku bil-ħruq tal-iskart, għandhom, fi kwalunkwe każ, jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet eċċezzjonali previsti fl-Artikolu 12(1) tal-EEG tal‑2012 biss fil-każijiet fejn il-parti mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija, bħala medja, ikbar minn dik ta’ sorsi ta’ enerġija konvenzjonali. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din l-interpretazzjoni twassal biex EEW ma tkunx tista’ titlob ebda kumpens skont dawn id-dispożizzjonijiet eċċezzjonali peress li l-impjant inkwistjoni juża sorsi ta’ enerġija mħallta minn qabel fi proporzjonijiet varjabbli u li l-parti mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma hijiex preponderanti skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn EEW.

26.

L-istess qorti żżid li, fil-każ fejn l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 kellu jkun interpretat fis-sens li jirrigwarda impjanti fejn il-parti mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tagħhom ma hijiex preponderanti, tqum il-kwistjoni dwar jekk jeżistix limitu li ’l isfel minnu l-impjant li jipproduċi l-elettriku minn tali sorsi ta’ enerġija ma jkunx għad jista’ jibqa’ jitqies bħala impjant li juża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27.

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn l-elettriku li minnu hija biss parti li tiġi prodotta minn skart bijodegradabbli jibbenefika mill-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku, tistax tiġi invokata r-ratio legis tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28, li jgħid li fl-impjanti multikombustibbli li jużaw kemm sorsi rinnovabbli kif ukoll dawk konvenzjonali, għandha tkun ikkunsidrata l-parti biss tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Din il-kwistjoni tkun importanti sabiex jiġi stabbilit jekk it-talba għall-kumpens ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet eċċezzjonali previsti fl-Artikolu 12(1) tal-EEG tal‑2012 tirrigwardax it-telf tad-dħul irċevut b’rabta mat-total tal-elettriku prodott fl-impjant inkwistjoni jew biss mill-parti mill-elettriku prodott mill-proporzjon bijodegradabbli tat-taħlita tal-iskart.

28.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28/KE […], flimkien mal-Artikolu 2(a) u (e) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li prijorità għall-finijiet tal-alimentazzjoni tal-grilja [network] tal-elettriku għandha tingħata wkoll lill-installazzjonijiet [impjanti] ta’ produzzjoni tal-elettriku li fihom dan jiġi ġġenerat permezz ta’ trattament termiku ta’ skart imħallat, liema skart jinkludi proporzjon varjabbli ta’ skart industrijali u muniċipali bijodegradabbli?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-għoti ta’ prijorità għall-finijiet tal-alimentazzjoni tal-grilja tal-elettriku previst fl-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 huwa dipendenti fuq id-daqs tal-proporzjon ta’ skart bijodegradabbli użat fil-produzzjoni tal-elettriku bil-mod deskritt fl-ewwel domanda?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, fir-rigward tad-daqs tal-proporzjon ta’ skart bijodegradabbli, hemm limitu li taħtu [’l isfel minnu] r-regoli applikabbli għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma japplikawx għall-elettriku prodott?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, dan il-limitu jikkorrispondi għal-liema proporzjon ta’ skart bijodegradabbli, u kif għandu jiġi ddeterminat?

5)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, jekk l-elettriku, li parti minnu biss hija prodotta minn skart bijodegradabbli, jibbenefika mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jista’ jiġi invokat ir-ratio legis tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28 sabiex din il-leġiżlazzjoni tapplika biss għall-parti tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, liema parti tiġi għalhekk ikkalkolata abbażi tal-kontenut enerġetiku ta’ kull sors tal-enerġija?”

29.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn EEW, MNG Strom, 50 Hertz u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll oralment waqt is-seduta sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑8 ta’ Settembru 2022.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

30.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prijorità ta’ aċċess għan-network elettriku li minnha jibbenefikaw l-impjanti li jipproduċu l-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tingħata mhux biss lill-impjanti li jipproduċu l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli iżda wkoll lil dawk li l-elettriku tagħhom jiġi ġġenerat bit-trattament termiku ta’ skart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali.

31.

Skont l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-trasmissjoni ta’ impjanti li jiġġeneraw l-elettriku, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku għandhom jagħtu prijorità lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sa fejn tippermetti l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-elettriku nazzjonali u fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u nondiskriminatorji.

32.

Nosserva li din id-dispożizzjoni hija intiża li tindirizza l-fatt li, fuq livell tekniku, is-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku għandhom kapaċità ta’ trasport intrinsikament limitat u li huma ma jistgħux neċessarjament jittrasportaw l-elettriku prodott jew li jista’ jkun prodott mill-impjanti li huma konnessi magħhom, u dan minħabba l-konsum ( 11 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla li jipprivileġġa l-impjanti li jipproduċu l-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. F’dan ir-rigward, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2009/72 ( 12 ) jipprovdi li l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess għas-sistema tiegħu jekk ma jkollux il-kapaċità neċessarja, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut jiġi mmotivat u ġġustifikat, din il-possibbiltà ta’ rifjut ta’ aċċess għas-sistema għandha tiġi evalwata każ b’każ u ma tawtorizzax lill-Istati Membri jipprovdu derogi b’mod ġenerali mingħajr ma ssir evalwazzjoni konkreta, fir-rigward ta’ kull operatur, tal-inkapaċità teknika tas-sistema li tissodisfa t-talba ta’ aċċess minn terzi ( 13 ).

33.

Fid-dawl tal-ewwel domanda magħmula, jeħtieġ li jiġi ddeterminat is-sens tal-kunċett ta’ “impjant ta’ ġenerazzjoni li juża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” kif jissemma fl-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-kunċett ikoprix impjant li l-elettriku tiegħu jiġi ġġenerat bit-trattament termiku ta’ skart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali. Jekk dan huwa l-każ, dan l-impjant għandu jibbenefika mill-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku previst f’din id-dispożizzjoni u, fil-każ fejn l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni jirrifjutalu dan l-aċċess, huwa jkun allura jista’ jikseb kumpens finanzjarju, u dan kif tgħid il-premessa 61 ta’ din id-direttiva.

34.

Il-kunċett ta’ “impjant ta’ ġenerazzjoni li juża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2009/28. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 14 ).

35.

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi kkonstatat fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, li jirreferi biss għall-impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ma tippermettix, minnha nnifisha, li jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni tikkonċernax l-impjanti li l-elettriku tagħhom jiġi ġġenerat bit-trattament termiku tal-iskart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali.

36.

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2001/77 kien fih id-definizzjoni segwenti tal-“elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli”: “elettriku prodott minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija rinovabbli, kif ukoll il-proporzjon ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali […]” ( 15 ). Madankollu, din id-direttiva ma kinitx għadha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2009/28, dan jiddefinixxi l-“enerġija minn sorsi rinnovabbli” bħala “l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet”. Konsegwentement, kif irrilevat 50 Hertz fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ma għadhiex tiddependi, għaldaqstant, mill-impjant li fih ġie ġġenerat l-elettriku, iżda biss mis-sorsi ta’ enerġija użati.

37.

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2009/28 isemmi li l-enerġija ġġenerata mill-bijomassa ( 16 ) titqies bħala enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli. Issa, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, il-bijomassa tinkludi “[]l-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart industrijali u muniċipali”. Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li l-enerġija ġġenerata mit-trattament termiku ta’ skart imħallat li jkun jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali għandu jitqies, għal din il-parti, bħala enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli.

38.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-impjant inkwistjoni jittratta skart imħallat li jinkludi proporzjonijiet ta’ skart bijodegradabbli muniċipali u industrijali, li jikkostitwixxu għaldaqstant bijomassa, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva ( 17 ).

39.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28 jipprovdi li, f’impjanti multi-kombustibbli li jużaw kemm sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll dawk konvenzjonali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti biss tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Konsegwentement, din id-direttiva ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bħala prinċipju, l-impjanti li jużaw parzjalment sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

40.

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/28, din, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, għandha bħala għan li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, l-għanijiet nazzjonali vinkolanti li jikkonċernaw il-parti mill-enerġija ġġenerata minn tali sorsi fil-konsum finali gross tal-enerġija ( 18 ). F’dan is-sens, l-Artikolu 16(2)(c) ta’ din id-direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri konkreti xierqa relatati mal-grilja [network] u mas-suq jittieħdu sabiex ikunu minimizzati r-restrizzjoniet fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-premessa 60 tal-imsemmija direttiva tindika li, meta l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jkun integrat fis-suq tal-kommoditajiet, l-aċċess iggarantit għandu jiżgura li l-elettriku kollu mibjugħ u li jibbenefika mill-għajnuna għandu aċċess għan-network, filwaqt li jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn impjanti konnessi man-network. Għal dak li jirrigwarda l-premessa 61 tal-istess direttiva, din tippreċiża li d-direttiva għandha l-għan li jkun hemm żieda sostnuta fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mingħajr ma jiġu affettwati l-affidabbiltà jew is-sigurtà tan-network.

41.

Barra minn hekk, nirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-aċċess iggarantit għan-network previst fl-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, dan huwa intiż li jintegra s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku billi jiżgura li l-elettriku kollu ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkollu aċċess għan-networks, li jippermetti li tintuża kwantità massima ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ( 19 ).

42.

Konsegwentement, din id-direttiva għandha bħala għan l-ikbar użu possibbli tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, jekk ma tingħatax prijorità lill-impjanti li l-elettriku tagħhom jiġi ġġenerat mit-trattament termiku tal-iskart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli dan iwassal għat-telf ta’ dan il-proporzjon ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli meta l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni jirrifjuta l-aċċess għan-network tiegħu lil produttur tal-elettriku kkonċernat minħabba konġestjonijiet.

43.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku li minnha jibbenefikaw l-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tingħata mhux biss lill-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli iżda wkoll lil dawk li l-elettriku tagħhom jiġi ġġenerat bi trattament termiku ta’ skart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali.

B.   Fuq it‑tieni sal‑ħames domanda preliminari

44.

Permezz tat-tieni sal-ħames domanda preliminari, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandux jiġi interpretat fis-sens li impjant li jiġġenera l-elettriku jibbenefika minn prijorità sabiex jaċċedi għan-network tal-elettriku biss għall-elettriku ġġenerat mill-proporzjon bijodegradabbli tal-iskart industrijali u muniċipali użat u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-modalitajiet li bihom din il-prijorità ta’ aċċess għandha tiġi applikata.

45.

Kif ġie ppreċiżat fil-kuntest tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda preliminari, mill-Artikolu 2(a) u (e) tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li l-enerġija ġġenerata mill-bijomassa tikkostitwixxi enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli iżda biss, għal dak li jikkonċerna l-iskart industrijali u muniċipali, il-proporzjon bijodegradabbli tiegħu. Minn dan jirriżulta li impjant għall-produzzjoni tal-elettriku jibbenefika minn prijorità sabiex jaċċedi għan-network tal-elettriku, fuq il-bażi tal-Artikolu 16(2)(c) ta’ din id-direttiva, biss għall-elettriku ġġenerat minn dan il-proporzjon bijodegradabbli u mhux mill- proporzjon magħmul mill-iskart konvenzjonali.

46.

F’dan l-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fir-rigward tal-Artikolu 16(2)(b) tal-imsemmija direttiva, li għalkemm din id-dispożizzjoni ssemmi l-possibbiltà li jiġi stabbilit “aċċess iggarantit” għan-network tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, dan japplika biss għal dak li jikkonċerna l-elettriku “aħdar” u li l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, isservi ta’ bażi legali għal dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għall-aċċess iggarantit għal impjanti ta’ produzzjoni ta’ enerġija provenjenti minn sors mhux rinnovabbli ( 20 ). Tali interpretazzjoni tista’ tapplika b’analoġija għall-prijorità ta’ aċċess għan-network imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tal-istess direttiva.

47.

Fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tipprevedi tali prijorità ta’ aċċess għall-impjanti ta’ produzzjoni ta’ elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mingħajr ma tiffissa, meta dawn l-impjanti jużaw simultanjament sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u konvenzjonali, parti minima ta’ sors ta’ enerġija rinnovabbli. Fi kliem ieħor, il-prijorità għall-finijiet tal-provvista tal-elettriku lin-network prevista fl-imsemmija dispożizzjoni ma tiddependix mid-daqs tal-proporzjon mill-iskart bijodegradabbli użat għall-produzzjoni tal-elettriku, peress li l-parti mill-iskart konvenzjonali ma għandha ebda rwol f’din il-prijorità. Għaldaqstant, ma jeżisti ebda limitu minimu li ’l isfel minnu l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jkunx jibbenefika mill-prijorità ta’ aċċess għan-network ( 21 ).

48.

Peress li impjant għall-produzzjoni tal-elettriku jibbenefika minn prijorità ta’ aċċess għan-network biss għall-elettriku ġġenerat minn dan il-proporzjon bijodegradabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandha tapplika din il-prijorità ta’ aċċess, b’riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28.

49.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, fuq livell ġuridiku, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, iktar milli ried iwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq, minn naħa, mill-konstatazzjoni li l-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ differenti u, min-naħa l-oħra, mill-prinċipju li jeħtieġ li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-iskemi sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri u sabiex dawn l-Istati jkunu jistgħu jfasslu miżuri nazzjonali effikaċi sabiex jilħqu l-miri mandatorji nazzjonali globali li tassenjalhom l-imsemmija direttiva ( 22 ). Fil-fehma tiegħi, l-istess raġunament jista’ jiġi applikat għal dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, jeħtieġ li jitqies li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex japplikaw il-prijorità għall-aċċess għan-network tal-elettriku tal-impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

50.

Barra minn hekk, fuq livell tekniku, MNG Strom esponiet li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku ma jkollux għarfien, f’ħin reali, tal-proporzjon mill-iskart bijodegradabbli użat minn impjant għall-produzzjoni tal-elettriku meta huwa jagħżel l-ordni li fiha l-impjanti għandhom jieqfu, peress li lanqas l-operaturi ta’ dawn l-impjanti stess ma jkunu jafu dejjem liema hija l-parti mill-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli. 50 Hertz, min-naħa tagħha, enfasizzat li d-deċiżjoni ta’ prijorità hija miżura ta’ urġenza li tittieħed kważi istantanjament u li hija tinvolvi riperkussjonijiet fuq l-operaturi downstream, ħaġa li timplika li l-kriterji ta’ prijorità għandhom jippermettu li tingħata gwida konkreta lill-operatur tan-network. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li, f’ċerti każijiet, jista’ jkun impossibbli, mill-aspett tekniku, li tiġi applikata l-prijorità ta’ aċċess għan-network għal parti biss mill-elettriku ġġenerat minn impjant, f’dan il-każ, il-parti ġġenerata minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

51.

F’dan il-kuntest ġuridiku u tekniku, jiena tal-fehma li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindika b’mod iddettaljat kif għandha tiġi applikata l-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku, peress li dan ir-rwol, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28, huwa tal-Istati Membri, li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex ikunu jafu l-partikolaritajiet tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku nazzjonali ( 23 ). Waqt is-seduta, MNG Strom indikat għaldaqstant li fil-Ġermanja jeżistu linji gwida dwar il-ġestjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku, li, filwaqt li jimmiraw lejn l-affidabbiltà u s-sigurtà ta’ din is-sistema, iffissaw l-ordni li biha jiġu skonnettjati l-impjanti sabiex jippermettu li titnaqqas il-konġestjoni fiżika tal-imsemmija sistema.

52.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja jibqa’ jkollha l-kompetenza li tagħti indikazzjonijiet, ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28, fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri bil-għan li tiġi applikata l-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku.

53.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) ta’ din id-direttiva li l-prijorità ta’ aċċess għandha tiġi implimentata sa fejn tippermetti l-ġestjoni, fis-sigurtà kollha, tan-network nazzjonali tal-elettriku. Għal dan il-għan, kif tindika l-premessa 60 tal-imsemmija direttiva, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw iż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sigurtà tan-network u tas-sejħa jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi tan-network nazzjonali u tal-funzjonament tajjeb tiegħu.

54.

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 16(2)(c) tal-istess direttiva jirriżulta li l-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku għandha tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u nondiskriminatorji, ħaġa li timplika li dawn ikunu ċari, ikkomunikati minn qabel mill-Istati Membri u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli mill-partijiet kollha kkonċernati.

55.

Fit-tielet lok, mill-għanijiet tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità massima ta’ aċċess għan-network tal-elettriku lill-impjanti li jiġġeneraw esklużivament l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, aspett li jimplika li r-rifjut għall-aċċess għal dan in-network fil-konfront tagħhom jitħalla għall-aħħar.

56.

Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-impjanti li l-elettriku tagħhom jiġi ġġenerat bit-trattament ta’ skart imħallat li jkun fih proporzjon skart bijodegradabbli, nikkunsidra li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta dan il-proporzjon ikun stabbli matul iż-żmien, kalkulabbli u kunsiderevoli. Inkella, ikun jeżisti riskju ta’ abbuż, b’mod partikolari fil-każ fejn ikun teknikament impossibbli li tiġi applikata l-prijorità ta’ aċċess għan-network għal parti biss mill-elettriku ġġenerat minn impjant u li dan tal-aħħar jibbenefika minn tali prijorità meta, fil-prattika, l-elettriku jiġi ġġenerat speċjalment minn sorsi ta’ enerġija konvenzjonali. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-parti mill-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli tinbidel kunsiderevolment skont il-perijodi, bil-konsegwenza li, għal ċerti mimnnhom, din il-parti tkun xejn jew żgħira.

57.

Fil-ħames lok, EEW issostni li hija rċeviet sistematikament mingħand l-Umweltbundesamt (l-Uffiċċji Federali tal-Ambjent, il-Ġermanja), matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-garanziji tal-oriġini kkontemplati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/28, li ppermettewlha li tistabbilixxi li kważi 50 % mill-produzzjoni tal-elettriku tagħha kienet ġejja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, il-“garanzija tal-oriġini” hija ddefinita bħala dokument elettroniku li għandu l-funzjoni unika li jagħti prova lil konsumatur finali li parti jew kwantità speċifikata ta’ enerġija kienet prodotta minn sorsi rinnovabbli. Konsegwentement, din il-garanzija tiġi stabbilita minn dawn is-sorsi ta’ enerġija, jiġifieri fil-mument li fih l-operatur tan-network għandu jieħu d-deċiżjoni li jnaqqas temporanjament il-provvista minħabba konġestjoni ( 24 ). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-“garanzija tal-oriġini” ma tistax isservi ta’ referenza, bħala tali, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kriterji tal-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku.

58.

Fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-ratio legis tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2009/28 jistax jiġi invokat għall-elettriku li parti minnu biss hija ġġenerata minn skart bijodegradabbli. Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, fl-impjanti multikombustibbli li jużaw kemm sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll dawk konvenzjonali, hija biss il-parti mill-elettriku ġġenerata minn sorsi rinnovabbli li tittieħed inkunsiderazzjoni u li, sabiex isir dan il-kalkolu, il-kontribuzzjoni ta’ kull sors ta’ enerġija hija kkalkolata fuq il-bażi tal-kontenut enerġetiku tiegħu. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri, inqis, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni mod ieħor f’din id-direttiva, li huma jistgħu jieħdu bħala referenza l-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) sabiex jimplimentaw il-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku ( 25 ). F’dan il-kuntest, talba għall-kumpens magħmula minn operatur ta’ impjant għall-produzzjoni tal-elettriku, wara r-rifjut għall-aċċess għan-network minħabba konġestjonijiet, tkun tirrigwarda biss il-parti mill-elettriku ġġenerat mill-proporzjon bijodegradabbli tat-taħlita tal-iskart.

59.

Fid-dawl tas-suespost, nipproponi li tingħata risposta għat-tieni sal-ħames domanda preliminari li l-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant li jiġġenera l-elettriku jibbenefika minn prijorità sabiex jaċċedi għan-network tal-elettriku biss għall-elettriku ġġenerat mill-proporzjon bijodegradabbli tal-iskart industrijali u muniċipali użat. Huwa l-obbligu tal-Istati Membri, sa fejn tippermetti l-ġestjoni, fis-sigurtà kollha, tan-network nazzjonali tal-elettriku, li jiffissaw il-kriterji trasparenti u nondiskriminatorji għall-finijiet li jiddeterminaw il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ din il-prijorità ta’ aċċess għal tali impjant.

V. Konklużjoni

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

1)

L-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-prijorità ta’ aċċess għan-network tal-elettriku li minnha jibbenefikaw l-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tingħata mhux biss lill-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku esklużivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli iżda wkoll lil dawk li l-elettriku tagħhom jiġi ġġenerat bi trattament termiku ta’ skart imħallat li jinkludi proporzjon ta’ skart bijodegradabbli industrijali u muniċipali.

2)

L-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

impjant li jiġġenera l-elettriku jibbenefika minn prijorità sabiex jaċċedi għan-network tal-elettriku biss għall-elettriku ġġenerat mill-proporzjon bijodegradabbli tal-iskart industrijali u muniċipali użat. Huwa l-obbligu tal-Istati Membri, sa fejn tippermetti l-ġestjoni, fis-sigurtà kollha, tan-network nazzjonali tal-elettriku, li jiffissaw il-kriterji trasparenti u nondiskriminatorji għall-finijiet li jiddeterminaw il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ din il-prijorità ta’ aċċess għal tali impjant.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Fuq l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġiji rinnovabbli, ara Johnston, A., u Block, G., EU Energy Law, Oxford, Oxford University Press, 2012, Nri 12.01 sa 12.185.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16). Din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, id-Direttiva 2009/28 tibqa’ applikabbli għall-kawża prinċipali.

( 4 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Elecdey Carcelen et (C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 121). Din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2009/28.

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 211).

( 7 ) BGBl. 2011 I, p. 1634.

( 8 ) BGBl. 2008 I, p. 2074.

( 9 ) BGBl. 2014 I, p. 1066. Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, matul il-perijodu affettwat mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn it-tliet verżjonijiet tal-EEG kienu suċċessivament applikabbli. Peress li d-diċitura jew il-portata tad-dispożizzjonijiet rilevanti kienu identiċi fit-tliet verżjonijiet tal-EEG, se jsir riferiment, għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni, għall-EEG tal‑2012 biss.

( 10 ) Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri kellhom jittrasponu din id-direttiva mhux iktar tard mill‑5 ta’ Diċembru 2010.

( 11 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Fondul Proprietatea (C‑179/20, EU:C:2021:731, punt 51). Ara wkoll is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea (C‑179/20, EU:C:2022:58, punti 59 et 60), li tgħid li l-aċċess għas-sistema ta’ trażmissjoni ma huwiex illimitat, peress li huwa jiddependi fuq il-kapaċità massima li n-network jista’ jiflaħ. Ir-“redispatching” huwa llum irregolat mir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), li l-punt 26 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxih bħala “miżura, inkluż tnaqqis, li hija attivata minn operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta’ trasmissjoni jew operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni permezz tal-modifika tal-mudell ta’ ġenerazzjoni, tat-tagħbija, jew it-tnejn sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tal-elettriku u tittaffa konġestjoni fiżika jew li tiġi żgurata s-sigurtà”.

( 12 ) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). Din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).

( 13 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 60).

( 14 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, T.N. u N.N. (Dikjarazzjoni li tikkonċerna r-rinunzja għas-suċċessjoni) (C‑617/20, EU:C:2022:426, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Enfasi miżjud minni. Id-Direttiva 2001/77 ma kinitx tiddefinixxi l-kunċett ta’ “impjant ibridu”, li seta’ jkun is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet.

( 16 ) Fuq il-bijomassa fl-Unjoni, ara, bl-Ingliż, European Commission, Joint Research Centre, Brief on biomass for energy in the European Union, Publications Office, 2019.

( 17 ) Infakkar li l-Istati Membri għandhom josservaw il-ġerarkija tal-iskart kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), fejn il-qirda tiegħu tiġi fl-aħħar lok.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park (C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 62).

( 19 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea (C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 62).

( 20 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea (C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 65).

( 21 ) Din il-kunsiderazzjoni tinsab ippreċiżata fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Nirrileva li r-Regolament 2019/943 indika b’mod iddettaljat ir-regoli tad-dispaċċ mill-ġdid, billi stabbilixxa, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(6)(a) tiegħu, li, meta jintuża d-dispaċċ mill-ġdid ’l isfel ibbażat fuq is-suq, l-impjanti għall-produzzjoni tal-elettriku li jużaw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jkunu suġġetti biss għad-dispaċċ mill-ġdid ’l isfel jekk ma tkun teżisti l-ebda alternattiva oħra jew jekk soluzzjonijiet oħra jirriżultaw fi spejjeż sproporzjonati b’mod sinjifikattiv jew f’riskji kbar għas-sigurtà tan-netwerk. Madankollu, dan ir-regolament ma japplikax għall-fatti tal-kawża prinċipali.

( 24 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 90).

( 25 ) Ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2009/28.

Top