Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0579

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
    J.M. vs Apulaistietosuojavaltuutettu u Pankki S.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Itä-Suomen hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 4 u 15 – Portata tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 – Informazzjoni li tinsab fil-log files ġġenerati minn sistema ta’ pproċessar (log data) – Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Kunċett ta’ ‘destinatarji’ – Applikazzjoni ratione temporis.
    Kawża C-579/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1001

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑579/21

    J. M.

    bl-intervent ta’:

    Apulaistietosuojavaltuutettu,

    Pankki S

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Itä‑Suomen hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva tal-Finlandja tal-Lvant, il-Finlandja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Data miżmuma f’reġistru tal-operazzjonijiet – Dritt ta’ aċċess – Kunċett ta’ data personali – Kunċett ta’ destinatarju – Persunal tal-kontrollur”

    1.

    Impjegat u, fl-istess ħin, klijent ta’ istituzzjoni finanzjarja talab lil din tal-aħħar tinformah bl-identità tal-persuni li kkonsultaw id-data personali tiegħu fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna. Fid-dawl tar-rifjut tal-istituzzjoni li tipprovdilu din l-informazzjoni, huwa rrikorra għar-rimedji ġudizzjarji korrispondenti, sakemm wasal quddiem l-Itä‑Suomen hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva tal-Finlandja tal-Lvant, il-Finlandja).

    2.

    Din il-qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 2 ). Bi tweġiba għal din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi dwar id-dritt tas-suġġett tad-data li jaċċedi għal ċerta informazzjoni relatata mal-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni. Il‑GDPR

    3.

    Il-premessa 11 tiddikjara li:

    “Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll ta’ setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali u sanzjonijiet ekwivalenti għall-ksur fl-Istati Membri”.

    4.

    L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”) jiddikjara li:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (1)

    data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

    (2)

    ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

    (9)

    ‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le”.

    5.

    L-Artikolu 15 (“Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”) jipprovdi kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-finijiet tal-ipproċessar;

    (b)

    il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni;

    (c)

    ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    (d)

    fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

    (e)

    l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar;

    (f)

    id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

    (g)

    fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom;

    (h)

    l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data”.

    6.

    L-Artikolu 24 (“Responsabbiltà tal-kontrollur”) jipprovdi kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “B’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ”.

    7.

    L-Artikolu 25 (“Protezzjoni ta’ data mid-disinn u b’mod awtomatiku”) jipprovdi kif ġej fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta’ data personali miġbura, il-livell ta’ pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B’mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b’mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta’ persuni fiżiċi”.

    8.

    L-Artikolu 29 (“Ipproċessar taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur”), jipprovdi li:

    “Il-proċessur u kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkollhom aċċess għal data personali ma għandhomx jipproċessaw dik id-data ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.

    9.

    L-Artikolu 30, (“Reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar”), jipprovdi li:

    “1.   Kull kontrollur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur, għandu jżomm reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:

    (a)

    l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt, ir-rappreżentant tal-kontrollur u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

    (b)

    il-finijiet tal-ipproċessar;

    (c)

    deskrizzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta’ data personali;

    (d)

    il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali inklużi riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    […]

    (f)

    fejn ikun possibbli, il-limiti ta’ żmien imbassrin għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta’ data;

    (g)

    fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1).

    2.   Kull proċessur u, fejn applikabbli, rappreżentant tal-proċessur għandhom iżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta’ attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem kontrollur, li jkun fih:

    (a)

    l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-proċessur jew proċessuri u ta’ kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f’ismu, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

    (b)

    il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f’isem kull kontrollur;

    (c)

    fejn applikabbli, trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali […]

    (d)

    fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1).

    3.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun bil-miktub, inkluż f’forma elettronika.

    4.   Il-kontrollur jew il-proċessur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, għandhom jagħmlu r-reġistru disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba.

    5.   L-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal impriża jew organizzazzjoni li timpjega inqas minn 250 persuna ħlief jekk l-ipproċessar li twettaq x’aktarx jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-ipproċessar mhuwiex okkażjonali, jew l-ipproċessar jinkludi kategoriji speċjali ta’ data […] jew l-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati […]”.

    10.

    L-Artikolu 58 (“Setgħat”) jipprovdi kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:

    (a)

    li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

    […]”.

    B.   Id‑dritt nazzjonali

    1. Tietosuojalaki (1050/2018) ( 3 )

    11.

    Skont l-Artikolu 30, id-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-ħaddiema, dwar it-testijiet u l-kontrolli li għandhom jitwettqu fir-rigward tal-ħaddiema, dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għal dan il-għan, kif ukoll dawk dwar is-sorveljanza teknika fuq il-post tax-xogħol u dwar l-aċċess u l-ftuħ ta’ ittri elettroniċi ta’ ħaddiem jinsabu fil-Laki yksityisyden suojasta työelämässä (759/2004) ( 4 ).

    12.

    Skont l-Artikolu 34(1), is-suġġett tad-data ma għandux dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tikkonċernah, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-GDPR, sa fejn:

    1)

    it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jkun jista’ jipperikola s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, kif ukoll is-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku jew il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali;

    2)

    it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data jkun jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa jew għall-kura tas-suġġett tad-data jew għad-drittijiet tas-suġġett tad-data jew ta’ terz, jew

    3)

    id-data personali tkun tintuża fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ superviżjoni u ta’ kontroll u ċ-ċaħda tad-data tkun neċessarja sabiex jiġi protett interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Finlandja jew tal-Unjoni Ewropea.

    13.

    Skont l-Artikolu 34(2), jekk parti biss mid-data msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx taqa’ taħt id-dritt previst fl-Artikolu 15 tal-GDPR, is-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb aċċess għad-data l-oħra kollha li tkun tikkonċernah.

    14.

    Skont l-Artikolu 34(3), ir-raġunijiet għar-restrizzjoni għandhom jiġu żvelati lis-suġġett tad-data, sa fejn dan ma jkunx jippreġudika l-għan tar-restrizzjoni.

    15.

    Skont l-Artikolu 34(4), fuq talba tas-suġġett tad-data, id-data msemmija fl-Artikolu 15(1) tal-GDPR għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-superviżur għall-protezzjoni tad-data meta s-suġġett tad-data ma jkollux dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tkun tikkonċernah fil-konfront tiegħu.

    2. Laki yksityisyden suojasta työelämässä (759/2004)

    16.

    Skont l-Artikolu 4(2) tat-Taqsima 2, il-persuna li timpjega hija obbligata tinforma minn qabel lill-ħaddiem bil-ġbir tad-data li tippermetti li tiġi evalwata l-affidabbiltà tiegħu. Meta tivverifika s-solidità finanzjarja tal-ħaddiem, il-persuna li timpjega għandha wkoll tinformah bir-reġistru li minnu l-informazzjoni finanzjarja tiegħu tkun inkisbet. Meta data dwar il-ħaddiem tkun inkisbet mingħand persuna li ma tkunx il-ħaddiem innifsu, il-persuna li timpjega għandha tiżvela lill-ħaddiem id-data miksuba qabel ma tintuża sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-ħaddiem. L-obbligi tal-kontrollur li jqiegħed data għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-data, kif ukoll id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data, huma rregolati mill-Kapitolu III tal-GDPR.

    II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari

    17.

    Fl‑2014, J. M. sar jaf li d-data personali tiegħu bħala klijent tal-istituzzjoni finanzjarja Suur‑Savon Osuuspankki (iktar ’il quddiem “Pankki”) kienet ġiet ikkonsultata bejn l‑1 ta’ Novembru u l‑31 ta’ Diċembru 2013. Matul dan il-perijodu, minbarra klijent, J. M. kien ukoll impjegat ta’ Pankki.

    18.

    Fid‑29 ta’ Mejju 2018, billi ssuspetta li r-raġunijiet għall-konsultazzjoni ma kinux kompletament leċiti, J. M. talab lil Pankki tinformah dwar l-identità tal-impjegati li kienu aċċedew id-data tiegħu matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq u dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar.

    19.

    Sadanittant, Pankki kienet keċċiet lil J. M., li mmotiva t-talba tiegħu billi wera, b’mod partikolari, ix-xewqa li jikkjarifika r-raġunijiet għat-tkeċċija tiegħu.

    20.

    Fit‑30 ta’ Awwissu 2018, Pankki, fil-kapaċità tagħha ta’ kontrollur, irrifjutat li tipprovdi lil J. M. l-ismijiet tal-impjegati li kienu pproċessaw id-data personali tiegħu. Hija sostniet li d-dritt previst fl-Artikolu 15 tal-GDPR ma japplikax għar-reġistri ta’ kuljum jew għall-protokolli interni li fihom huwa ddokumentat liema impjegati u f’liema mument kellhom aċċess għas-sistema informatika li tinkorpora d-data klijentali. Barra minn hekk, l-informazzjoni mitluba tikkonċerna data personali ta’ dawn l-impjegati, mhux ta’ J. M.

    21.

    Bil-għan li jiġi evitat ftehim ħażin, Pankki pprovdiet dawn l-ispjegazzjonijiet supplimentari lil J. M.:

    id-dipartimenti interni tal-istituzzjoni finanzjarja kienu investigaw, fl‑2014, id-data klijentali ta’ J. M. għall-perijodu mill‑1 ta’ Novembru sal‑31 ta’ Diċembru 2013.

    dawn l-investigazzjonijiet kienu marbuta mal-ipproċessar tad-data ta’ klijent ieħor ta’ Pankki, li minnha kien jirriżulta li huwa kellu relazzjoni ma’ J. M. li tista’ tqajjem kunflitt ta’ interessi. L-għan tal-ipproċessar kien, għalhekk, li tiġi kkjarifikata din is-sitwazzjoni ( 5 ).

    22.

    J. M. adixxa lill-awtorità nazzjonali superviżorja (l-Uffiċċju tas-Superviżur għall-Protezzjoni tad-Data, il-Finlandja), fejn talab li Pankki tiġi ordnata tipprovdi l-informazzjoni kkonċernata.

    23.

    Fl‑4 ta’ Awwissu 2020, l-Assistent Superviżur għall-Protezzjoni tad-Data ċaħad l-ilment ta’ J. M.

    24.

    J. M. ippreżenta rikors quddiem l-Itä‑Suomen hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva tal-Finlandja tal-Lvant), fejn sostna li, abbażi tal-GDPR, huwa għandu d-dritt jaċċedi għall-informazzjoni dwar l-identità u l-karigi tal-persuni li kkonsultaw id-data tiegħu fl-istituzzjoni finanzjarja.

    25.

    F’dan il-kuntest, dik il-qorti għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data stabbilit fl-Artikolu 15(1) [tal-GDPR] moqri flimkien mal-[kunċett ta’] ‘data personali’ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miġbura mill-kontrollur li tiżvela min ipproċessa d-data personali tas-suġġett tad-data, meta ġiet ipproċessata u l-finalità li għaliha ġiet ipproċessata, ma tikkostitwixxix informazzjoni li fir-rigward tagħha s-suġġett tad-data għandu dritt ta’ aċċess, b’mod partikolari, peress li din tikkonċerna l-impjegati tal-kontrollur?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u s-suġġett tad-data ma jkollu ebda dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni msemmija f’din id-domanda abbażi tal-Artikolu 15(1) [tal-GDPR], peress li din ma tistax titqies bħala ‘data personali’ tas-suġġett tad-data skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, huwa neċessarju wkoll f’dan il-każ li tiġi ppreċiżata l-kwistjoni dwar l-informazzjoni li għandu aċċess għaliha s-suġġett tad-data skont l-Artikolu 15(1)[(a) sa (h)] tal-imsemmi regolament?

    a)

    Kif għandha tiġi interpretata l-‘finalità tal-ipproċessar’ fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) [tal-GDPR] fir-rigward tal-portata tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data, fi kliem ieħor, tali finalità tal-ipproċessar tista’ tiġġustifika dritt ta’ aċċess għad-data miġbura mill-kontrollur mill-fajl storiku tal-utent, bħal informazzjoni dwar id-data personali tal-persuni li pproċessaw id-data personali tas-suġġett tad-data, il-mument li fih ġiet ipproċessata d-data u l-finalità li għaliha ġiet ipproċessata d-data?

    b)

    Il-persuni li pproċessaw id-data klijentali ta’ J. M jistgħu, f’dan il-kuntest u taħt kriterji speċifiċi, jitqiesu li huma ‘destinatarji’ ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) [tal-GDPR], li fir-rigward tagħhom is-suġġett tad-data għandu d-dritt ikun informat?

    3)

    Huwa rilevanti għall-proċedura inkwistjoni l-fatt li huwa bank li jwettaq attività regolatorja jew li J. M ħadem ma’ dan il-bank u kien klijent tiegħu fl-istess ħin?

    4)

    Huwa rilevanti għall-eżami tad-domandi msemmija iktar ’il fuq li d-data ta’ J. M ġiet ipproċessata qabel ma daħal fis-seħħ [il-GDPR]?”

    III. Il‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    26.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2021.

    27.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn J. M., minn Pankki, mill-Gvern Awstrijak, Ċek u Finlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    28.

    Waqt is-seduta, li nżammet fit‑12 ta’ Ottubru 2022, dehru J. M., l-Uffiċċju tas-Superviżur għall-Protezzjoni tad-Data, Pankki, il-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni.

    IV. Analiżi

    29.

    Sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk dan ir-regolament huwiex, ratione temporis, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Ir-raba’ domanda preliminari tirrigwarda dan id-dubju.

    A.   L‑applikabbiltà tal‑GDPR (ir‑raba’ domanda preliminari)

    30.

    Skont l-Artikolu 99(1) tiegħu, il-GDPR daħal fis-seħħ fl‑24 ta’ Mejju 2016. Madankollu, l-applikabbiltà tiegħu ġiet posposta għall‑25 ta’ Mejju 2018 ( 6 ).

    31.

    L-eżami tad-data personali ta’ J. M. seħħ bejn l‑ta’ Novembru u l‑31 ta’ Diċembru 2013, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ u l-applikabbiltà tal-GDPR.

    32.

    Madankollu, id-data rilevanti hawnhekk hija dik tad‑29 ta’ Mejju 2018, jum li fih J. M., filwaqt li invoka l-Artikolu 15(1) tal-GDPR (applikabbli mill‑25 ta’ Mejju 2018), talab l-informazzjoni kontenzjuża.

    33.

    Kif enfasizza l-Gvern Awstrijak, l-Artikolu 15(1) tal-GDPR jagħti lis-suġġetti tad-data dritt ta’ natura proċedurali (dritt ta’ aċċess) sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom ( 7 ). Bħala regola ta’ din in-natura, din tapplika hekk kif tidħol fis-seħħ ( 8 ). Għaldaqstant, J. M seta’ jinvokaha meta talab informazzjoni mingħand Pankki.

    34.

    Ċertament, il-legalità tal-ipproċessar tad-data miġbura qabel id-dħul fis-seħħ tal-GDPR għandha tiġi bbilanċjata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni sostantiva li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, jiġifieri, id-Direttiva 95/46/KE ( 9 ) u, sa fejn dan jirriżulta applikabbli b’mod retroattiv, tal-GDPR ( 10 ).

    35.

    Peress li ma huwiex ikkontestat li l-informazzjoni mitluba kienet fil-pussess tal-kontrollur meta J. M. talab jaċċediha (li huwa d-dritt iggarantit mill-Artikolu 15(1) tal-GDPR), dan l-aħħar regolament kien applikabbli ( 11 ).

    36.

    Il-fatt li d-data kontenzjuża kienet ġiet ipproċessata qabel id-dħul fis-seħħ tal-GDPR huwa, konsegwentement, irrilevanti għall-aċċess jew għaċ-ċaħda tal-informazzjoni meħtieġa mis-suġġett tad-data skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR.

    B.   L‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari

    37.

    L-ewwel u t-tieni domanda preliminari jistgħu jiġu eżaminati flimkien. Il-kwistjoni li titqajjem hija, essenzjalment, dik dwar jekk id-data personali ta’ J. M., miġbura u pproċessata minn Pankki, tikkorrispondix għall-informazzjoni li s-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR.

    1. L‑identità tal-impjegat u d‑data personali tas‑suġġett tad‑data

    38.

    Infakkar li l-informazzjoni mitluba minn J. M. kienet tirrigwarda l-identità tal-impjegati li kienu kkonsultaw id-data tiegħu bħala klijent matul is-sena 2013, kif ukoll il-mument li fih kien seħħ l-ipproċessar u l-għan tal-ipproċessar.

    39.

    Matul is-seduta ġie kkonfermat li J. M. illimita t-talba tiegħu sabiex ikun jaf l-identità ta’ dawn l-impjegati. Fit-tilwima, ma huwiex ikkontestat, speċifikament, li l-ipproċessar tad-data tiegħu mill-istituzzjoni bankarja kellu bażi legali ( 12 ).

    40.

    Issa:

    Fir-rigward tal-mument tal-ipproċessar, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, J. M. kien diġà jaf bih meta ressaq it-talba tiegħu.

    Fir-rigward tal-għan tal-ipproċessar, Pankki żvelatu lil J. M. fit-termini esposti iktar ’il fuq ( 13 ).

    41.

    Għaldaqstant id-dibattitu jirrigwarda biss l-informazzjoni dwar l-identità tal-impjegati ta’ Pankki li pproċessaw id-data personali ta’ J. M.

    42.

    Fil-verità, din l-informazzjoni tirrigwarda dettall tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar u mhux, strettament, id-data personali tas-suġġett tad-data, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR ( 14 ).

    43.

    Huwa ċar li l-persuna li d-data tagħha kienet is-suġġett tal-konsultazzjoni kienet J. M ( 15 ). Ladarba dan tal-aħħar kiseb il-konferma mingħand Pankki li d-data tiegħu kienet ġiet ipproċessata ( 16 ), l-informazzjoni li għaliha kien intitolat, skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR, hija dik elenkata fil-punti (a) sa (h) ta’ din id-dispożizzjoni ( 17 ). Billi din tiġi pprovduta, l-eżerċizzju tad-drittijiet li għandu s-suġġett tad-data huwa ffaċilitat ( 18 ), fi ħdan il-kuntest tal-mekkaniżmi li jiggarantixxu l-legalità tal-ipproċessar tad-data.

    44.

    Mill-Artikolu 15(1) tal-GDPR jirriżulta li l-informazzjoni inkwistjoni tikkonċerna ċ-ċirkustanzi relatati mal-ipproċessar tad-data.

    45.

    Fil-fatt, l-Artikolu 15(1) tal-GDPR jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

    L-ewwel, “dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le.”

    It-tieni, ladarba l-eżistenza ta’ pproċessar tkun ikkorroborata l-“[…] aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja” ( 19 ), jiġifieri għal dik elenkata fil-punti (a) sa (h) ta’ din id-dispożizzjoni.

    46.

    Id-dispożizzjoni tiddistingwixxi bejn id-“data personali”, minn naħa, u l-“informazzjoni” msemmija fil-punti tal-paragrafu 1, min-naħa l-oħra.

    47.

    L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data skont l-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tal-GDPR ma tistax għalhekk tiġi konfuża mad-data personali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament.

    48.

    Ċertament, din ma hijiex data, iżda informazzjoni dwar:

    “il-finijiet tal-ipproċessar” (punt (a));

    “il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni” (punt (b));

    “il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen” (punt (d));

    id-drittijiet tas-suġġett tad-data msemmija fil-punti (e), (f) u (g) ( 20 );

    l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet (punt (h)).

    49.

    F’dawn il-każijiet kollha, l-informazzjoni tirrigwarda jew ċerti drittijiet tas-suġġett tad-data, jew, b’mod partikolari, elementi relatati mal-ipproċessar imwettaq, bħall-għan tiegħu (jiġifieri r-raġuni għalih) u s-suġġett tiegħu (il-kategoriji ta’ data pproċessata).

    50.

    L-informazzjoni dwar id-destinatarji li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali (Artikolu 15(1)(c) tal-GDPR), tippreżenta iktar problemi kunċettwali, li għalihom ser nirreferi immedjatament.

    51.

    L-Artikolu 15(1) tal-GDPR jistabbilixxi, essenzjalment, dritt għall-informazzjoni dwar il-fatt innifsu tal-ipproċessar u dwar iċ-ċirkustanzi tiegħu. Ma’ din l-informazzjoni tiżdied dik dwar id-drittijiet li għandu s-suġġett tad-data fir-rigward tad-data li hija s-suġġett tal-ipproċessar, bħal dak ta’ tressiq ta’ lment quddiem awtorità superviżorja.

    52.

    Fl-opinjoni tiegħi, is-sempliċi eżistenza tal-ipproċessar u ċ-ċirkustanzi tiegħu ma jikkostitwixxux “data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR.

    53.

    Huwa minnu li deċiżjonijiet li jaffettwaw is-suġġett tad-data jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju ( 21 ). Iżda dan ir-riżultat ma jiddependix fuq liema persuna jew persuni fiżiċi eżaminaw b’mod konkret id-data għan-nom u taħt ir-responsabbiltà ta’ Pankki, li hija l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    54.

    Għalhekk, J. M. ikollu d-dritt li Pankki, bħala kontrollur, tinformah dwar id-data personali miżmuma minnha, jew miksuba mill-istess J. M.(Artikolu 13 tal-GDPR), jew permezz ta’ mezzi oħra (Artikolu 14 tal-GDPR). Huwa jkollu wkoll dritt – skont l-Artikolu 15 tal-GDPR – għall-informazzjoni dwar l-eżistenza u ċ-ċirkustanzi ta’ kull ipproċessar li għalih kienet suġġetta din id-data, iżda mhux għaliex din tal-aħħar tikkostitwixxi fiha nnifisha “data personali”, iżda b’mandat espliċitu skont tal-Artikolu 15 tal-GDPR ( 22 ).

    55.

    Filwaqt li nkompli fuq dak li iktar tard ser nispjega iktar fit-tul, dak li huwa rilevanti għal din il-kawża huwa li l-identità tal-impjegati li kkonsultaw id-data ta’ J. M. ma tikkostitwixxix “data personali” tiegħu.

    56.

    Ikun differenti jekk il-protokolli jew ir-reġistri li ser nirreferi għalihom iktar ’il quddiem, ikunu jinkludu, direttament jew indirettament, data personali tas-suġġett tad-data, differenti mir-riferiment għall-impjegati li jkunu aċċedewha. Jekk dan huwiex il-każ, jew le, jiddependi ħafna mill-kontenut tal-protokolli jew tar-reġistri korrispondenti. Iżda, nirrepeti, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija limitata għal li ssir magħrufa l-identità tal-impjegati ta’ Pankki, din ma hijiex data personali ta’ J. M., iżda ta’ dawn l-istess impjegati.

    2. Aċċess għall‑informazzjoni dwar id‑destinatarji li lilhom tkun ġiet żvelata d‑data personali

    57.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, anki jekk din ma tikkostitwixxix data personali ta’ J. M., dan tal-aħħar għandux id-dritt, fid-dawl tal-Artikolu 15(1)(a) u (c) tal-GDPR, li Pankki tipprovdilu informazzjoni dwar l-impjegati li jkunu pproċessaw id-data personali tiegħu.

    58.

    Skont l-Artikolu 15(1)(a), is-suġġett tad-data għandu d-dritt li l-kontrollur jikkonfermalu x’inhuma l-iskopijiet tal-ipproċessar. Madankollu, tali Artikolu 15(1)(a) (li, f’dan il-każ, ġie rrispettat peress li Pankki informat lil J. M. dwar l-għan tal-ipproċessar) ma jipprovdix kriterji sabiex jiġu mifhum min huma destinatarji tad-data personali tiegħu.

    59.

    Għall-kuntrarju, id-domanda tkun tagħmel sens sħiħ meta tkun teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-GDPR. Infakkar li, skont tali dispożizzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb l-informazzjoni dwar ir-“ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali.”

    60.

    L-Artikolu 4(9) tal-GDPR, min-naħa tiegħu, jiddefinixxi “riċevitur” bħala l-“persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le.”

    61.

    Dan l-aħħar punt (“irrispettivament milli huwiex parti terza jew le”) jista’ jagħti lok għal nuqqas ta’ ftehim dwar il-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiv tad-dispożizzjoni, kif ġie invokat waqt is-seduta. Interpretazzjoni superfiċjali u, fil-fehma tiegħi, żbaljata tista’ ssostni l-idea li “riċevitur” ma jkunx biss kwalunkwe terz li lilu Pankki tkun żvelat data personali ta’ J. M., iżda wkoll kull wieħed mill-impjegati li jikkonsultaw, b’mod konkret, din id-data f’isem u għan-nom tal-persuna ġuridika li hija Pankki.

    62.

    L-Artikolu 4(10) tal-GDPR jiddefinixxi “parti terza” bħala “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali” ( 23 ).

    63.

    Issa, fid-dawl ta’ dawn il-premessi, inqis li l-kunċett ta’ destinatarju ma jkoprix lill-impjegati ta’ persuna ġuridika li, meta jużaw is-sistema informatika tagħha, jikkonsultaw id-data personali ta’ klijent f’isem il-korpi diriġenti tiegħu. Meta tali impjegati jaġixxu taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur, huma ma jiksbux, minħabba dan il-fatt biss, in-natura ta’ “destinatarji” tad-data ( 24 ).

    64.

    Madankollu, jista’ jkun il-każ li impjegat ma jsegwix il-proċeduri stabbiliti mill-kontrollur u, fuq inizjattiva tiegħu stess, jaċċedi d-data klijentali jew ta’ impjegati oħra b’mod illegali. F’tali ipoteżi, l-impjegat żleali ma jkunx aġixxa f’isem u għan-nom tal-kontrollur.

    65.

    F’dan ir-rigward, l-impjegat żleali jista’ jiġi kklassifikat bħala “destinatarju” li lilu tkun ġiet “żvelata” (fis-sens figurattiv), jew li, minn rajh, u għalhekk illegalment, data personali tas-suġġett tad-data ( 25 ), jew saħansitra bħala kontrollur (awtonomu) tal-ipproċessar ( 26 ).

    66.

    Mid-deskrizzjoni fattwali li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-argumenti esposti waqt is-seduta minn Pankki, jirriżulta li din tal-aħħar awtorizzat, taħt ir-responsabbiltà tagħha, lill-impjegati tagħha sabiex jikkonsultaw id-data personali ta’ J. M. Dawn l-impjegati għalhekk segwew l-istruzzjonijiet tal-kontrollur u aġixxew f’ismu. Għalhekk ma huwiex possibbli li dawn jiġu kklassifikati bħala destinatarji fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) tal-GDPR ( 27 ).

    67.

    Hija kwistjoni differenti li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-impjegati u tal-mument li fih xi ħadd minnhom aċċeda għad-data personali tal-klijent (jiġifieri, il-kontenut ta’ dawn ir-riferimenti fil-fajls jew fir-reġistri li ser niffoka fuqhom immedjatament) għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll sabiex jivverifikaw il-legalità tal-azzjonijiet tagħhom.

    68.

    Dan huwa kkorroborat mill-Artikolu 29 tal-GDPR li jirreferi għall-persuni li jaġixxu “taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkollhom aċċess għal data personali”. Din id-data tista’ tiġi pproċessata minn dawn il-persuni biss fuq istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegahom, li hija l-kontrollur effettiv (jew il-proċessur).

    69.

    L-Artikolu 15(1) tal-GDPR huwa intiż li jippermetti lis-suġġett tad-data jeżerċita (jiddefendi) b’mod effettiv id-drittijiet li huwa għandu fir-rigward tad-data personali tiegħu. Għalhekk, għandu jiġi indikat min huwa l-kontrollur u, fejn ikun il-każ, lil liema destinatarji din id-data ġiet żvelata. Permezz ta’ din l-informazzjoni, is-suġġett tad-data jkun jista’ jindirizza ruħu, minbarra lill-kontrollur, lid-destinatarji li saru jafu bid-data tiegħu.

    70.

    Ċertament, is-suġġett tad-data jista’ jkollu dubji dwar il-legalità tal-intervent ta’ ċerti persuni fil-ġestjoni tal-ipproċessar tad-data tiegħu f’isem il-kontrollur jew il-proċessur u taħt id-dipendenza tagħhom.

    71.

    F’dan il-kuntest, kif irrileva l-Gvern Ċek u kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, wieħed jista’ jindirizza ruħu lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (Artikolu 38(4) tal-GDPR) jew lill-awtorità superviżorja sabiex iressaq ilment (Artikolu 15(1)(f) u Artikolu 77 tal-GDPR). Dak li ma huwiex irrikonoxxut lilu huwa d-dritt li jiġbor direttament data personali (l-identità) tal-impjegat li, bħala subordinat għall-kontrollur jew għall-proċessur, jaġixxi bħala prinċipju skont l-istruzzjonijiet tiegħu.

    72.

    Waqt is-seduta, ġie diskuss jekk il-possibbiltà li jiġi indirizzat l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jew l-awtorità superviżorja kinitx tikkostitwixxi garanzija suffiċjenti, mill-perspettiva tad-difiża tad-drittijiet tal-persuna li d-data tagħha kienet is-suġġett ta’ pproċessar.

    73.

    Sabiex jiġi solvut dan id-dibattitu, tista’ tiġi adottata pożizzjoni massimalista, b’tali mod li kull suġġett tad-data jkollu d-dritt li jkun jaf l-identità tal-impjegati tal-kontrollur li kellhom aċċess għad-data tiegħu, anki jekk fuq ordni jew taħt il-mandat ta’ dan il-kontrollur.

    74.

    Jiena nemmen li l-GDPR ma jagħtix sostenn sabiex jiġi difiż dan l-argument, bla ħsara għall-possibbiltà li Stat Membru jadottah fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu, għal settur speċifiku wieħed jew iktar ( 28 ).

    75.

    Ma jkunx prudenti, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja, li tassumi funzjonijiet kważi leġiżlattivi, temenda l-GDPR sabiex tintroduċi obbligu ġdid ta’ informazzjoni, superimpost fuq dawk tal-Artikolu 15(1) tiegħu. Dan ikun il-każ kieku l-kontrollur tad-data kien meħtieġ, b’mod indiskriminat, jipprovdi lis-suġġett tad-data bl-identità mhux biss tad-destinatarju li lilu tkun ġiet żvelata d-data, iżda ta’ kwalunkwe impjegat, jew persuna taċ-ċirku intern tal-kumpanija, li kellhom aċċess leġittimu għaliha ( 29 ).

    76.

    Kif irrimarkat Pankki waqt is-seduta, l-identità tal-impjegati individwali li jkunu amministraw l-ipproċessar tad-data ta’ klijent tikkostitwixxi informazzjoni partikolarment sensittiva mill-perspettiva tas-sigurtà tagħhom, tal-inqas f’ċerti setturi ekonomiċi.

    77.

    Dawn l-impjegati jistgħu jkunu esposti għal tentattivi ta’ pressjoni u ta’ influwenza minn naħa ta’ dawk li, bħala klijenti tal-istituzzjoni bankarja, jista’ jkollhom interess li jippersonalizzaw l-interlokutur tagħhom, li ma jkunx iktar l-istituzzjoni finanzjarja nnifisha, iżda wieħed jew iktar mill-impjegati tagħha, bħala ħolqa iktar dgħajfa fil-katina tan-negozju. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet, permezz tal-konsultazzjoni tad-data klijentali, jitwettaq sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi li huma suġġetti għalihom il-banek fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità fil-qasam finanzjarju.

    78.

    Ċertament, il-klijent jista’ jiddubita mill-integrità jew mill-imparzjalità tal-persuna fiżika li tkun intervjeniet f’isem il-kontrollur tad-data tiegħu. Tali dubju jista’, jekk ikun raġonevoli, jiġġustifika l-interess tiegħu li jsir jaf l-identità tal-impjegat, bil-għan li jieħu azzjoni kontrih sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu.

    79.

    Fid-dawl tas-sensittività ta’ din l-informazzjoni, l-interess li tkun magħrufa l-identità tal-impjegat huwa kunfliġġenti mal-interess mhux inqas indiskutibbli tal-kontrolluri li jippreservaw id-diskrezzjoni fir-rigward tal-identità tal-impjegati tagħhom u mad-dritt ta’ dawn tal-aħħar għall-protezzjoni tad-data tagħhom stess. Il-punt ta’ bilanċ huwa, fil-fehma tiegħi, milħuq permezz tal-intermedjazzjoni tal-awtorità superviżorja, bħala arbitru bejn dawn iż-żewġ interessi opposti.

    80.

    F’każ bħal dan inkwistjoni, hija għalhekk l-awtorità superviżorja li, mill-pożizzjoni ta’ imparzjalità tagħha, għandha tevalwa jekk id-dubji dwar l-azzjonijiet tal-impjegati fis-servizz tal-istituzzjoni bankarja humiex fondati u konsistenti sabiex jiġi ġġustifikat l-iżvelar tal-identità tagħhom.

    3. Aċċess għall‑informazzjoni dwar l‑identità tal‑impjegati inklużi fil‑fajls jew fir‑reġistri tal‑operazzjonijiet

    81.

    Ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari tista’ tieqaf hawn, wara li jiġi kkonstatat li l-impjegati tal-istituzzjoni li jaġixxu f’isimha u fuq l-istruzzjonijiet tagħha ma humiex, fil-veru sens tal-kelma, id-destinatarji msemmija fl-Artikolu 15(1)(c) tal-GDPR.

    82.

    Madankollu, huwa opportun li r-risposta tiġi kkompletata permezz tal-analiżi tal-allegat dritt tas-suġġett tad-data li jkun jaf l-identità tal-impjegati, meta dawn ikunu inklużi fil-fajls jew fir-reġistri tal-operazzjonijiet ta’ istituzzjoni. Anki jekk, kif diġà irrilevajt, mhux dawn il-fajls jew reġistri kollha neċessarjament ikollhom kontenut identiku, huwa ġeneralment aċċettat li dawn jirriflettu min (fost l-impjegati tal-kontrollur) ikun ikkonsulta d-data klijentali, u kif u meta.

    83.

    Dawn it-tip ta’ reġistri jippermettu lill-kontrollur jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu li jissodisfa l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR u li japplika l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiżgura u jistabbilixxi l-konformità tal-ipproċessar mar-regoli ta’ dan ir-regolament (Artikoli 24(1) u 25(2) tal-GDPR).

    84.

    Fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 30 ), invokata mill-Kummissjoni bħala eżempju ( 31 ) ta’ sistema partikolari ta’ protezzjoni tad-data fil-qasam tar-reati kriminali:

    L-Artikolu 24 tagħha jobbliga lil kull kontrollur iżomm reġistru tal-kategoriji kollha ta’ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali mwettqa taħt ir-responsabbiltà tiegħu (paragrafu 1); u lil kull proċessur iżomm reġistru tal-kategoriji kollha ta’ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali mwettqa f’isem kontrollur (paragrafu 2).

    L-Artikolu 25 tagħha tipprovdi li: “[…] għandhom jipprevedu li r-reġistrazzjonijiet jinżammu tal-inqas għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar li ġejjin f’sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat: il-ġbir, il-bdil, il-konsultazzjoni, l-iżvelar inklużi trasferimenti, il-kombinament u t-tħassir. Ir-reġistri ta’ konsultazzjoni u żvelar għandhom jagħmluha possibbli li jiġu stabbiliti l-ġustifikazzjoni, id-data u l-ħin ta’ kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet u, sa fejn possibbli, l-isem tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat data personali, u l-identità tad-destinatarji ta’ tali data personali ( 32 ).”

    85.

    Madankollu, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2016/680, l-informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-identità tal-impjegat li jkun ipproċessa d-data personali ma hijiex inkluża fost dik li għaliha s-suġġett tad-data għandu dritt ta’ aċċess.

    86.

    Bl-istess mod, l-Artikolu 30 tal-GDPR jipprevedi l-eżistenza ta’ dak li dan isejjaħ “reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar”, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi – bi grad inqas ta’ speċifikazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-operazzjonijiet – għal dak tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2016/680 ( 33 ). U, bħal din tal-aħħar, l-informazzjoni rreġistrata dwar l-identità tal-impjegat lanqas ma tinsab fost dik aċċessibbli għas-suġġett tad-data skont l-Artikolu 15 tal-GDPR.

    87.

    Ir-raġuni għal dan in-nuqqas ta’ simetrija bejn l-informazzjoni rreġistrata, minn naħa, u d-dritt ta’ aċċess għaliha, min-naħa l-oħra, tinsab fid-differenza tal-iskopijiet li jservu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw rispettivament ir-reġistri tal-attivitajiet ta’ pproċessar u l-aċċessibbiltà tal-kontenut tagħhom.

    88.

    Nerġa’ nirrepeti li, ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 30 tal-GDPR, huma intiżi li tiġi żgurata l-legalità tal-ipproċessar u li tiġi ggarantita l-integrità u s-sigurtà tad-data. Ir-responsabbiltà għal dan taqa’, b’mod ġenerali, fuq l-awtorità superviżorja, li l-kontrollur u l-proċessur għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha r-reġistri tal-operazzjonijiet (Artikolu 30(4) tal-GDPR).

    89.

    Fil-GDPR, id-dritt li wieħed iressaq ilment quddiem l-awtoritajiet superviżorji (Artikolu 15(1)(f)), li għandhom l-obbligu li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tiegħu, huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom. Dan huwa previst mill-Artikolu 51(1) tal-GDPR u jirriżulta mil-lista ta’ funzjonijiet mogħtija lilhom mill-Artikolu 57 tal-istess regolament.

    90.

    Il-funzjoni ġenerali ta’ superviżjoni tal-applikazzjoni tal-GDPR u ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi tiġġustifika l-prerogattivi tal-awtorità superviżorja. Fosthom, dik li jsiru magħrufa ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-ipproċessar ta’ data minn proċessur jew kontrollur. Preċiżament, waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi hija rilevanti għall-kawża ineżami: l-identità tal-persuni li jikkonsultaw id-data personali tal-klijenti f’isem il-kontrollur jew il-proċessur.

    91.

    Madankollu, imkien fil-GDPR ma huwa meħtieġ li dawn ir-riferimenti għall-identità tal-impjegati inklużi fir-reġistri interni tal-istituzzjonijiet, li bihom dawn jistgħu jkunu jafu (u, jekk ikun il-każ, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità superviżorja) min eżamina, u meta, data personali ta’ klijent, għandhom ikunu disponibbli għal dan tal-aħħar.

    92.

    Għall-kuntrarju, il-persuna kkonċernata minn proċessar partikolari għandha tingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun taf iċ-ċirkustanzi rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-ipproċessar u tal-kontestazzjoni tiegħu, jekk ikun il-każ, quddiem l-awtorità ta’ superviżorja jew, fl-aħħar mill-aħħar, quddiem l-awtorità ġudizzjarja.

    93.

    Xorta jibqa’ l-fatt li, jekk f’dawn ir-reġistri ta’ operazzjonijiet, ikun hemm effettivament data personali tas-suġġett tad-data (jiġifieri minbarra s-sempliċi identità tal-impjegati), dan ikollu loġikament id-dritt li jikseb mill-kontrollur il-konferma li d-data personali tiegħu tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal dan il-għan, huwa irrilevanti jekk din tal-aħħar tkunx tinsab f’reġistru tal-operazzjonijiet jew fi kwalunkwe fajl ieħor jew database oħra interna tal-istituzzjoni.

    C.   It‑tielet domanda preliminari

    94.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “huw[iex] rilevanti għall-proċedura inkwistjoni l-fatt li huwa bank li jwettaq attività regolatorja jew li J. M ħadem ma’ dan il-bank u kien klijent tiegħu fl-istess ħin.”

    95.

    Fil-fehma tiegħi, dak kollu li ġie rrilevat sa issa ma jinbidilx għaliex il-kontrollur tad-data jeżerċita attività rregolata. Il-fatt li dan il-kontrollur ikun bank suġġett għar-regoli speċifiċi applikabbli għal dawn it-tip ta’ istituzzjonijiet ( 34 ), jista’, madankollu, ikollu effett fuq il-legalità (il-bażi ġuridika) tal-ipproċessar, meta dan ikun jirriżulta mill-osservanza tal-obbligi legali li għalihom huwa suġġett ( 35 ).

    96.

    Bħala prinċipju, lanqas ma huwa rilevanti li l-persuna li d-data tagħha tkun ġiet ikkonsultata kienet ħaddiema u, fl-istess ħin, klijenta ta’ dan il-bank. L-Artikolu 15(1) tal-GDPR ma jagħmilx distinzjoni skont l-attività professjonali tas-suġġett tad-data, minbarra l-istatus tiegħu ta’ klijent tal-istituzzjoni finanzjarja ( 36 ).

    97.

    Ċertament, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-Artikolu 23 tal-GDPR jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw leġiżlattivament il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti, inter alia, fl-Artikolu 15 tiegħu, permezz ta’ dispożizzjonijiet settorjali għal kategorija speċifika ta’ persuni kkonċernati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda limitazzjoni nazzjonali ta’ dan it-tip.

    V. Konklużjoni

    98.

    Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Itä‑Suomen hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali tal-Finlandja tal-Lvant, il-Finlandja) kif ġej:

    “L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    dan huwa applikabbli meta t-talba għall-aċċess għall-informazzjoni li s-suġġett tad-data jkun ressaq quddiem il-kontrollur tad-data tiegħu kienet tressqet wara l‑25 ta’ Mejju 2018.

    huwa ma jagħtix lis-suġġett tad-data d-dritt li jsir jaf, fost l-informazzjoni disponibbli għall-kontrollur (jekk ikun il-każ, permezz ta’ reġistri jew ta’ fajls tal-operazzjonijiet), l-identità tal-impjegat jew l-impjegati li, taħt l-awtorità u fuq l-istruzzjonijiet tiegħu, ikunu kkonsultaw id-data personali tiegħu”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1; rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2; iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

    ( 3 ) Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din il-liġi tiżviluppa u tikkompleta l-GDPR.

    ( 4 ) Liġi dwar il-Ħarsien tal-Privatezza Fil-Ħajja Professjonali.

    ( 5 ) Pankki xtaqet tikkjarifika l-eżistenza eventwali ta’ kunflitt ta’ interessi bejn klijent tal-bank li J. M. kien responsabbli għall-immaniġġar tal-kont tiegħu, u J. M innifsu. Finalment ġie konkluż li J. M. ma kien issuspettat b’ebda azzjoni żbaljata.

    ( 6 ) Artikolu 99(2) tal-GDPR.

    ( 7 ) Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fis-sentenza Österreichische Post (Informazzjoni dwar id-destinatarji tad-data personali) (C‑154/21, EU:C:2022:452), punt 33: “[…] d-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD għandu rwol funzjonali u strumentali meta mqabbel mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi oħra tas-suġġett tad-data previsti mir-RĠPD.”

    ( 8 ) Jew, kif huwa l-każ hawnhekk, mill-mument li fih ir-regola stess tibda tapplika, jekk dan ma jkunx jikkoinċidi ma’ dak tad-dħul fis-seħħ.

    ( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

    ( 10 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effettività ratione temporis tal-emendi leġiżlattivi hija miġbura fil-qosor fis-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483).

    ( 11 ) B’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 70), iddikjarat li “[l]-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu għal dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni […] mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-imgħoddi. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu terminu għaż-żamma ta’ din l-informazzjoni kif ukoll aċċess korrelattiv għaliha li jikkostitwixxu ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ mezzi ta’ intervent u ta’ rimedju ġudizzjarju previsti b’din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-piż li l-obbligu ta’ żamma ta’ din l-informazzjoni jirrappreżenta għall-kontrollur.” Korsiv miżjud.

    ( 12 ) Bla ħsara għall-fatt li dan il-punt għandu jiġi deċiż, jekk ikun il-każ, mill-qorti tar-rinviju, waqt is-seduta, tressqu bħala bażijiet sabiex jilleġittimizzaw l-ipproċessar tad-data, minn naħa, l-obbligi li jirriżultaw mil-liġijiet Finlandiżi li bis-saħħa tagħhom Pankki, bħala istituzzjoni finanzjarja, għandha tiżgura l-ġestjoni tajba tar-riskji kif ukoll l-osservanza tar-regoli ta’ prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-operazzjonijiet; min-naħa l-oħra, il-kuntratti tal-bank mal-klijenti u l-impjegati tiegħu, li jawtorizzaw il-konsultazzjoni tad-data tagħhom f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ.

    ( 13 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Skont din id-dispożizzjoni, data personali tfisser “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”, jiġifieri li “hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament”.

    ( 15 ) L-identità tiegħu ma ġietx speċifikata bħala konsegwenza jew bħala effett tal-ipproċessar, peress li dan seħħ, preċiżament, wara l-identifikazzjoni ta’ J. M.

    ( 16 ) Kif osservat il-Kummissjoni, jista’ jkun li J. M. jikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta ma hijiex suffiċjenti jew ma hijiex preċiża. Fi kwalunkwe każ, u skont l-Artikolu 15(1) tal-GDPR, J. M. għandu d-dritt li jingħata konferma li d-data tiegħu ġiet ipproċessata jew qiegħda tiġi pproċessata (li jinkludi l-indikazzjoni ta’ meta) u l-iskopijiet li l-ipproċessar jissodisfa. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din iż-żewġ tip ta’ informazzjoni ngħatawx b’mod suffiċjenti.

    ( 17 ) Ara t-traskrizzjoni tagħha fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 18 ) Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 95/46 u f’termini li jistgħu japplikaw għall-GDPR, il-prinċipji tal-protezzjoni żgurata mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam “huma riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq il-persuni li huma responsabbli mill-ipproċessar tad-data, liema obbligi jikkonċernaw b’mod partikolari l-kwalità tad-data, is-sigurtà teknika, in-notifikazzjoni lill-awtorità superviżorja, u ċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jseħħ l-ipproċessar, u min-naħa l-oħra, fid-drittijiet mogħtija lill-persuni li d-data tagħhom hija suġġett għal ipproċessar li jiġu informati dwaru, li jikkonsultaw id-data, li jitolbu rettifika u saħansitra li jikkontestaw l-ipproċessar f’ċerti ċirkustanzi” (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak,C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 48).

    ( 19 ) Korsiv miżjud.

    ( 20 ) Id-dritt li tintalab ir-rettifika jew it-tħassir ta’ data, jew il-limitazzjoni jew l-oppożizzjoni għall-ipproċessar; id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja u d-dritt ta’ informazzjoni dwar l-oriġini tad-data li ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-data.

    ( 21 ) Punt 38 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 22 ) L-Artikoli 13, 14 u 15 tal-GDPR, integrati fit-Taqsima 2 (“Informazzjoni u aċċess għad-data personali”) tal-Kapitolu III (“Drittijiet tas-suġġett tad-data”), jikkostitwixxu sistema bbażata fuq ir-rikonoxximent tad-dritt li wieħed ikun jaf: (a) id-data personali miżmuma mill-kontrollur, irrispettivament mill-mod li bih tkun inkisbet (Artikoli 13 u 14); u (b) iċ-ċirkustanzi ta’ kull proċessar ta’ tali data, b’mod partikolari (Artikolu 15).

    ( 23 ) Korsiv miżjud.

    ( 24 ) Dan ġie wkoll difiż mill-Kumitat Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-Linji Gwida tiegħu 07/2020, adottati fit‑2 ta’ Settembru 2020, dwar il-kunċetti ta’ kontrollatur u ta’ proċessur fil-GDPR, punti 83 sa 90.

    ( 25 ) F’dan il-każ, isir applikabbli l-Artikolu 34(1) tal-GDPR.

    ( 26 ) Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huwa tal-istess opinjoni fil-Linji Gwida 07/2020, iċċitati iktar ’il fuq, punt 88: “Impjegat […] li jikseb aċċess għal data li huwa ma jkunx awtorizzat jaċċedi u għal skopijiet oħra għajr dawk tal-persuna li timpjega ma jaqax taħt din il-kategorija. Minflok, dan l-impjegat għandu jitqies bħala terz fir-rigward tal-ipproċessar imwettaq mill-persuna li timpjega. Sa fejn l-impjegat jipproċessa data personali għal skopijiet personali tiegħu, distinti minn dawk tal-persuna li timpjegah, huwa għandu jitqies bħala kontrollur u huwa għandu jassumi l-konsegwenzi u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw fil-qasam ta’ pproċessar ta’ data personali”.

    ( 27 ) L-istess riżultat jinkiseb billi jiġu interpretati r-riferimenti magħmula mill-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, kif ukoll mill-premessa 21 tiegħu, għall-mument li fih l-informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali żvelata lid-destinatarji għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data. Minn dan jirriżulta li d-destinatarju huwa istituzzjoni jew persuna esterna, mhux relatata mal-kontrollur/proċessur.

    ( 28 ) Il-Gvern Finlandiż sostna, waqt is-seduta, li huwa għamel dan fir-rigward tad-data relatata mas-saħħa.

    ( 29 ) Il-konsegwenzi li jiġi rrikonoxxut tali obbligu huma diffiċilment prevedibbli għall-attività ta’ kuljum tal-impriżi, b’mod partikolari, għal dawk li huma obbligati li jipproċessaw (loġikament, permezz tal-impjegati tagħhom) miljuni ta’ data personali tal-klijenti tagħhom.

    ( 30 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

    ( 31 ) Waqt is-seduta, ġie ppreċiżat li r-riferiment għad-Direttiva 2016/680 ma kienx jimplika l-applikabbiltà tagħha f’din il-kawża, li ma għandhiex konnotazzjonijiet kriminali.

    ( 32 ) Dispożizzjonijiet li huma riprodotti fl-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), biż-żieda, fil-paragrafu 2 tiegħu, li r-reġistri għandhom jitħassru wara tliet snin, sakemm ma jkunux neċessarji għal kontroll kontinwu.

    ( 33 ) L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2016/680 jirreferi espliċitament għall-“persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat id-data personali”. B’mod iktar ġenerali, u mingħajr ma jirreferi għal kull attività ta’ pproċessar konkreta, iżda għall-“kategoriji kollha ta’ attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem kontrollur”, l-Artikolu 30(2)(a) tal-GDPR isemmi l-“isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-proċessur”, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 4(8) tal-GDPR, il-“persuna […] li [t]ipproċessa data personali f’isem il-kontrollur”.

    ( 34 ) Din il-leġiżlazzjoni speċifika tista’ timplika, pereżempju, kif tipprovdi l-premessa 11 tad-Direttiva 2016/680, li, “[…] għall-finijiet ta’ investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu ċerta data personali li tkun proċessata minnhom, u jipprovdu dik id-data personali biss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’każijiet speċifiċi u f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru.”

    ( 35 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 36 ) Il-qorti tar-rinviju ma staqsietx jekk kienx hemm ksur tad-drittijiet ta’ J. M. bħala impjegat ta’ Pankki.

    Top