Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0574

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-24 ta’ Novembru 2022.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:931

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fl‑24 ta’ Novembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑574/21

QT

vs

O2 Czech Republic a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 17(2)(a) – Aġenti kummerċjali indipendenti – Dritt għal indennizz wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija – Metodu ta’ kalkolu – Kunċett ta’ “kummissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali” – Pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba)

I. Introduzzjoni

1.

L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom ( 2 ) jistabbilixxi d-dritt ta’ aġent kummerċjali li jikseb somma flus imsejħa indennizz mingħand il-prinċipal wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija.

2.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ppreżentat min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) iqanqal kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. B’mod iktar preċiż, hija tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kummissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali” (li ser nirreferi għaliha bħala kummissjoni mitlufa) li tinsab hemmhekk.

3.

Din il-kawża tqanqal ukoll xi kwistjonijiet usa’ b’rabta mal-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm lok għall-indennizz u l-metodu ta’ kalkolu tal-indennizz skont id-Direttiva 86/653.

II. Il‑fatti fil‑kawża prinċipali, id‑domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

4.

QT ikkonkluda kuntratt ta’ aġenzija mal-predeċessur legali ta’ O2 Czech Republic a.s. (iktar ’il quddiem “O2 Czech Republic”) fl‑1 ta’ Jannar 1998. Skont dak il-kuntratt, QT u O2 Czech Republic kellhom l-istatus ta’ aġent kummerċjali u prinċipal, rispettivament.

5.

Il-kuntratt ta’ aġenzija kien dwar l-offerta u l-bejgħ ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mogħtija minn O2 Czech Republic fis-sistemi NMT 450 u GSM, il-provvista u l-bejgħ ta’ telefons ċellulari, aċċessorji u prodotti potenzjali oħra, u customer care.

6.

Skont il-kuntratt ta’ aġenzija, QT tħallas kummissjoni ta’ darba għal kull kuntratt individwali li huwa kkonkluda għal O2 Czech Republic. Kif spjegat minn O2 Czech Republic fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk QT innegozja l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid mal-istess klijent li huwa kien diġà introduċa (pereżempju, l-estensjoni tas-sħubija), huwa kien jirċievi pagament ta’ kummissjoni ta’ darba għal dak il-kuntratt il-ġdid. Madankollu, jekk kien konkluż kuntratt ġdid minn O2 Czech Republic mal-istess klijent permezz ta’ aġent differenti, il-kummissjoni ta’ darba titħallas lil dak l-aġent. Jekk O2 Czech Republic tkun ikkonkludiet kuntratt ġdid mal-istess klijent direttament, l-ebda kummissjoni ma kienet titħallas.

7.

Fil‑31 ta’ Marzu 2010, O2 Czech Republic itterminat il-kuntratt ta’ aġenzija.

8.

QT fetaħ proċeduri quddiem l-Obvodní soud pro Prahu 4 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 4, ir-Repubblika Ċeka), u talab li O2 Czech Republic tħallsu 2023799 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 80000), flimkien ma’ interessi moratorji, abbażi tad-dritt tiegħu li jirċievi indennizz skont il-leġiżlazzjoni Ċeka li tittrasponi l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653.

9.

Għall-bidu, b’sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2015, l-Obvodní soud pro Prahu 4 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 4), il-qorti tal-ewwel istanza, laqgħet parzjalment it-talba ta’ QT. Madankollu, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2016, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), il-qorti tal-appell, ħassret dik is-sentenza abbażi tal-appell ta’ O2 Czech Republic, minħabba konstatazzjoni inadegwata ta’ fatti, u bagħtet lura l-kawża lill-qorti tal-ewwel istanza għal smigħ mill-ġdid.

10.

Fit-tieni sentenza tagħha tat‑30 ta’ Jannar 2019, l-Obvodní soud pro Prahu 4 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 4) ċaħdet it-talba ta’ QT. Il-qorti tal-ewwel istanza kkonkludiet li QT kien naqas milli juri li O2 Czech Republic kienet ħadet benefiċċji sostanzjali minn klijenti miksuba minn QT wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. QT ippreżenta appell minn dik is-sentenza.

11.

B’sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2019, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) ikkonfermat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza li ċaħdet it-talba ta’ QT. Il-qorti tal-appell saħqet li l-kummissjoni ta’ senserija tat-tranżazzjonijiet kienet ta’ darba u li tali pagamenti ta’ kummissjoni kollha kienu tħallsu kif imiss lil QT, billi qalet li l-argumenti ta’ QT ibbażati fuq il-kummissjoni li huwa kien ipotetikament intitolat għaliha bil-konklużjoni ta’ iktar tranżazzjonijiet, kemm jekk ma’ klijenti ġodda jew ma’ dawk eżistenti, ma kinux jiġġustifikaw id-dritt għal indennizz. Skont dik il-qorti, għalkemm QT introduċa klijenti ġodda u żviluppa n-negozju ma’ klijenti eżistenti li setgħu kienu ta’ benefiċċju għal O2 Czech Republic wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, O2 Czech Republic kienet diġà ħallset kummissjoni lil QT għal tali tranżazzjonijiet skont il-kuntratt ta’ aġenzija u, b’hekk, il-ħlas ta’ indennizz ma kienx ikun ekwu.

12.

QT ippreżenta appell mis-sentenza tal-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

13.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, QT fil-fatt kien kiseb klijenti ġodda għal O2 Czech Republic fl‑2006 u fl‑2007, jew ikkonkluda kuntratti addizzjonali ma’ klijenti eżistenti, pereżempju, għal prodotti oħra jew estenda l-kuntratti eżistenti tagħhom, iżda, ukoll b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kemm kellhom idumu l-impenji dwar tariffi massimi, li fis-snin rilevanti kienu ser idumu l-iktar 30 xahar, huma ma kinux ser jaqbżu l‑31 ta’ Marzu 2010, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Dwar il-perijodu bejn l‑2008 u l‑2009, b’kollox 431 impenn qabżu l‑31 ta’ Marzu 2010, li 155 minnhom kienu kuntratti ġodda u 276 kienu impenji mibdula. Għalhekk, QT kien ġab prova li huwa kien ġab klijenti ġodda lil O2 Czech Republic u anki żviluppa n-negozju ma’ klijenti eżistenti. Għal tali attivitajiet, QT tħallas kif imiss minn O2 Czech Republic.

14.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-leġiżlazzjoni fir-Repubblika Ċeka hija bbażata fuq is-sistema ta’ indennizz, billi kienet ittrasponiet is-soluzzjoni stabbilita fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653.

15.

Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll, u dan ittenna mill-Gvern Ċek fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-ġurisprudenza tagħha, hija interpretat kummissjoni mitlufa bħala kummissjoni li l-aġent ikun intitolat għaliha abbażi tat-tranżazzjonijiet li kienu diġà ġew konklużi qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija.

16.

Il-qorti tar-rinviju tinnota, madankollu, li hemm ix-xejra opposta fil-ġurisprudenza u fid-duttrina Ġermaniża. Hemmhekk, tipprevali l-opinjoni li kummissjoni mitlufa tinkludi kummissjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti li l-aġent kien xorta oħra jkun irċieva, kieku r-relazzjoni ta’ aġenzija kummerċjali baqgħet teżisti, minn tranżazzjonijiet futuri bejn il-prinċipal u l-klijenti li l-aġent ikun ġab lill-prinċipal jew li magħhom l-aġent ikun żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv.

17.

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa fit-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653. Filwaqt li hija tal-fehma li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija essenzjali għad-deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aġent kummerċjali għal indennizz f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-aħħar istanza, qieset li hija kienet obbligata tagħmel rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE.

18.

F’dawk iċ-ċirkustanzi n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-espressjoni ‘kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali’ fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-[Direttiva 86/653] għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi wkoll tali kommissjoni, kommissjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti li l-aġent kummerċjali kien jikkonkludi, li kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma ġiex xolt, mal-klijenti li huwa jkun sab għall-individwu rrappreżentat jew li magħhom żied b’mod sinjifikattiv id-dħul mill-bejgħ kummerċjali?

Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet din il-konklużjoni tirreferi anki għall-hekk imsejħa kommissjonijiet ta’ darba għall-konklużjoni ta’ kuntratt?”

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub intbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja minn QT, minn O2 Czech Republic, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fil‑15 ta’ Settembru 2022 li fiha O2 Czech Republic, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali.

III. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

20.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 jipprevedi, fejn huwa rilevanti:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

2.   

(a)

L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinifikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew xort oħra ta’ klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta’ l-Artikolu 20;

(b)

L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perjodu inkwistjoni;

(ċ)

Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandhiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex għad-danni.”

B.   Id‑dritt Ċek

21.

L-Artikolu 669 taż-zákon č. 513/1991 Sb., obchodní zákoník (il-Liġi Nru 513/1991 dwar il-Kodiċi Kummerċjali), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, li jittrasponi l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, jiddikjara:

“(1)   Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt jekk:

(a)

huwa jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew ikun żviluppa b’mod sinjifikattiv in-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ tali klijenti; u

(b)

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun ekwu meqjusa ċ-ċirkustanzi kollha u, l-iktar, il-kummissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali għan-negozju mwettaq ma’ tali klijenti; liema ċirkustanzi jinkludu wkoll l-applikazzjoni jew xorta oħra ta’ klawżola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, skont it-tifsira tal-Artikolu 672a.”

IV. Analiżi

22.

Kif innotajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Rigall Arteria Management ( 3 ), id-Direttiva 86/653 hija att leġiżlattiv eċċezzjonali tal-Unjoni li jirregola kuntratti minn negozju għal negozju, jiġifieri kuntratti ta’ aġenzija konklużi bejn l-aġent kummerċjali u l-prinċipal, li t-tnejn jaġixxu bħala persuni negozjanti indipendenti. Hija tarmonizza ċerti aspetti tar-relazzjoni bejn aġenti kummerċjali u prinċipali u, b’mod iktar speċifiku, drittijiet u obbligi reċiproċi bażiċi tal-partijiet (Kapitolu II), ir-remunerazzjoni ta’ aġenti kummerċjali (Kapitolu III), u l-konklużjoni u t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ aġenzija (Kapitolu IV). L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jagħmel parti mill-Kapitolu IV (Artikoli 13 sa 20) tagħha.

23.

Filwaqt li diversi rinviji għal deċiżjonijiet preliminari ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tas-sistema ta’ indennizz stabbilita fid-Direttiva 86/653, din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tiċċara xi jfisser fil-verità l-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa kif stabbilit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva ( 4 ).

24.

Kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi joriġinaw mill-pożizzjoni meħuda mill-ġurisprudenza Ċeka dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi t-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653. Skont dik il-ġurisprudenza, kummissjoni mitlufa hija interpretata bħala li teskludi l-possibbiltà li aġent kummerċjali jirċievi indennizz għal kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi bejn il-prinċipal u l-klijenti li l-aġent ikun ġablu jew li magħhom l-aġent ikun żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv. Għall-konvenjenza ser nirreferi għal dawk il-klijenti bħala l-“bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent”. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk tali interpretazzjoni hijiex aċċettabbli fid-dawl tad-Direttiva 86/653 jew, għall-kuntrarju, jekk kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi hijiex inkluża f’dan il-kunċett.

25.

Jekk kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi hija inkluża fil-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa, tinqala’ kwistjoni addizzjonali għall-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba kif miftiehma b’kuntratt mill-partijiet fit-tilwima quddiem dik il-qorti. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, għalhekk, tistaqsi, essenzjalment, jekk jistax ikun hemm kummissjoni mitlufa jekk, bħal f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ aġenzija jkun jipprovdi li l-aġent jitħallas għal kull tranżazzjoni miftiehma jew konkluża f’isem il-prinċipal.

26.

Iż-żewġ domandi magħmula jistgħu jiġu ttrattati flimkien. Essenzjalment jirrigwardaw l-istess kwistjoni, li torbot mat-tifsira ta’ kummissjoni mitlufa għall-kalkolu tal-ammont ta’ indennizz għal aġent kummerċjali skont l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653.

27.

Anki jekk id-domandi jirreferu espliċitament għat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, sabiex it-tifsira ta’ kummissjoni mitlufa tagħmel sens hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva kollha kemm hi.

28.

Sabiex nirrispondi għal dawk id-domandi, ser nibda billi nindirizza l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex hija tagħti deċiżjoni preliminari fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża (A) u l-ammissibbiltà tat-talba (B). Wara ngħaddi għall-evalwazzjoni tiegħi fil-mertu (C), billi l-ewwel nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar in-natura u l-bażi loġika ta’ indennizz fid-Direttiva 86/653 (C.1) u d-distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għal indennizz u l-metodu ta’ kalkolu tal-indennizz b’rabta ma’ kummissjoni mitlufa (C.2), qabel ma ngħaddi sabiex neżamina d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari (C.3). Fl-aħħar nett noffri xi riflessjonijiet dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-indennizz li jieħu inkunsiderazzjoni kummissjoni mitlufa (C.4).

A.   Il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

29.

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, din id-direttiva tapplika għall-aġenti kummerċjali li l-attivitajiet tagħhom jinvolvu, b’mod partikolari, li jinnegozjaw jew jikkonkludu “l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija”. Madankollu, kif rajna fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li s-sitwazzjoni hija relatata ma’ kuntratt ta’ aġenzija li jirrigwarda l-bejgħ ta’ prodotti kif ukoll ta’ servizzi. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni preliminari f’din il-kawża ( 5 ), minħabba li d-Direttiva 86/653 kienet tqieset li ma tapplikax għal kuntratti ta’ aġenzija għall-bejgħ jew għax-xiri ta’ servizzi ( 6 ).

30.

Madankollu, kif indikat mill-Gvern Ġermaniż, jidher li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tagħti risposta għad-domandi magħmula f’din il-kawża tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ dik li jirreferu għaliha bħala l-ġurisprudenza Dzodzi ( 7 ).

31.

Tabilħaqq, abbażi ta’ dik il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun ittrasponiet id-Direttiva 86/653 tadotta soluzzjoni waħda għal kull tip ta’ kuntratt ta’ aġenzija, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni tinterpreta din id-direttiva, ukoll jekk il-kawża tirriżulta minn sitwazzjoni li tirrigwarda servizzi u mhux prodotti. Li tkun stabbilita ġurisdizzjoni f’tali kawżi jitqies li huwa fl-interess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sabiex ikunu evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni ( 8 ).

32.

Filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni kien relatat biss ma’ servizzi ( 9 ), jidhirli li ma hemmx raġuni għala hija ma tistax tapplika għal sitwazzjoni li fiha l-kuntratt ta’ aġenzija jkun jikkonċerna prodotti u servizzi, bħalma huwa l-każ hawnhekk ( 10 ).

33.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tkun iġġustifikata interpretazzjoni tagħha ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet meta tali dispożizzjonijiet ikunu saru japplikaw għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex ikun żgurat li dawk is-sitwazzjonijiet u sitwazzjonijiet bħalhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jiġu ttrattati bl-istess mod ( 11 ).

34.

F’din il-kawża jidher ċar mill-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, meta ttraspona d-Direttiva 86/653, il-leġiżlatur Ċek ittratta kuntratti ta’ aġenzija relatati ma’ prodotti u servizzi b’mod uniformi. B’hekk, jidher li d-dritt Ċek għamel l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 direttament u inkundizzjonatament applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u li huwa fl-interess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

35.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.

B.   L‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

36.

Skont l-argumenti mressqa minn O2 Czech Republic, id-domandi magħmula f’din il-kawża huma inammissibbli minħabba li ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Kif iddikjarat O2 Czech Republic fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u orali, peress li QT ma setax iġib prova fis-sens li huwa kien intitolat għal indennizz, id-domandi relatati man-natura ekwa tal-ħlas tal-indennizz huma irrilevanti għad-deċiżjoni li għandha tittieħed f’din il-kawża.

37.

Fil-fehma tiegħi, dawk l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

38.

Wieħed għandu jiftakar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif jipprovdi l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun ġiet ippreżentata t-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikulari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi ( 12 ).

39.

Isegwi li d-domandi relatati mad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, jekk il-problema tkun ipotetika, jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 13 ).

40.

F’din il-kawża, kif indikat fil-punti 14 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju b’mod adegwat iddeskriviet fit-talba tagħha mhux biss ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni tad-Direttiva 86/653, iżda wkoll għar-raġunijiet għalfejn din l-interpretazzjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

41.

Barra minn dan, kif indikat mill-Kummissjoni, huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li l-qorti tar-rinviju tqis li O2 Czech Republic tkompli tibbenefika mill-bażi ta’ klijentela maħluqa minn QT wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Għalhekk, jidher li l-qorti tar-rinviju tqis li QT huwa intitolat għal indennizz. Madankollu, l-ammont ta’ dan l-indennizz huwa kwistjoni differenti. Kif ser niddiskuti iktar ’l isfel, kummissjoni mitlufa għall-finijiet tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 tagħmel parti mill-kalkolu tal-indennizz, u ma hijiex kundizzjoni għad-dritt sabiex ikun hemm lok għal indennizz (ara l-punti 50 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

42.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex manifestament mhux relatata mal-fatti jew mal-għan tal-kawża prinċipali u li l-kwistjonijiet imqajma ma humiex ipotetiċi.

43.

Għalhekk, jiena tal-fehma li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża hija ammissibbli.

C.   Il‑mertu

1. In‑natura u l‑bażi loġika tal‑indennizz fid‑Direttiva 86/653

44.

L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 huwa parti mis-sistema stabbilita fl-Artikoli 17 sa 19 ta’ din id-direttiva li tirregola d-dritt li aġent kummerċjali jirċievi indennizz jew kumpens mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Din is-sistema hija waħda mill-aspetti l-iktar kumplessi tad-Direttiva 86/653 ( 14 ).

45.

Fil-kuntest tad-Direttiva 86/653, indennizz u kumpens huma termini speċifiċi li jindikaw, b’mod ġenerali, ħlas għal terminazzjoni f’somma waħda għall-aġent ( 15 ), bis-sistema ta’ indennizz meħuda mid-dritt Ġermaniż, u s-sistema ta’ kumpens meħuda mid-dritt Franċiż ( 16 ). Filwaqt li s-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens jaqsmu bażi loġika simili ( 17 ), hemm differenzi bejniethom fil-ħsieb u fil-prattika ( 18 ). Għalhekk, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 jinkorpora kompromess bejn l-Istati Membri ( 19 ), li jagħtihom l-opportunità jagħżlu bejn indennizz iffissat skont il-kriterji stabbiliti tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653, jew kumpens skont il-kriterji stabbiliti tal-Artikolu 17(3) tagħha ( 20 ).

46.

L-indennizz imsemmi fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 ġeneralment jitqies bħala li jirrappreżenta talba speċjali għat-telf lill-aġent kummerċjali tal-avvjament li dan l-aġent ikun kiseb għall-prinċipal ( 21 ). Dak l-avvjament huwa l-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent li tkompli jkollha valur għall-prinċipal wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija.

47.

Din il-fehma kienet ilha rrikonoxxuta f’ċerti sistemi legali nazzjonali ( 22 ). Kienet indikata wkoll fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653: “L-indennizz jirrappreżenta l-benefiċċji kontinwi lill-prinċipal dovuti għall-isforzi tal-aġent. L-aġent, madankollu, ikun biss irċieva kummissjoni sakemm ikun dam il-kuntratt, li tipikament ma jirriflettix il-valur tal-avvjament iġġenerat għall-prinċipal. Huwa għal din ir-raġuni li kummerċjalment huwa ġġustifikat il-ħlas ta’ indennizz għal avvjament” ( 23 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

48.

Tabilħaqq, il-bażi loġika tal-indennizz mogħtija fid-Direttiva 86/653 tista’ titqies li hija relatata man-natura proprja tar-relazzjoni ta’ aġenzija, kif stabbilita f’din id-direttiva. Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent kummerċjali indipendenti u l-prinċipal jistabbilixxu relazzjoni dejjiema, li permezz tagħha x-xogħol ewlieni tal-aġent ikun, waqt li jaġixxi f’isem il-prinċipal u mhux f’ismu proprju, li jġib lill-prinċipal klijenti ġodda u jżid il-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti ( 24 ). Il-prinċipal jinqeda mis-servizzi tal-aġent kummerċjali sabiex jibbenefika mill-istrateġiji, mill-ħiliet u mill-kuntatti tal-aġent li jġib klijenti sabiex jikkonkludu tranżazzjonijiet mal-prinċipal ( 25 ).

49.

Għalhekk, l-indennizz huwa intiż, kif spjega l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Honyvem Informazioni Commerciali ( 26 ), li jikkumpensa lill-aġent għall-prestazzjoni tajba tiegħu dment li jkun hemm benefiċċji ekonomiċi għall-prinċipal li jkomplu jiżdiedu wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Fl-istess waqt, huwa jindirizza r-riskju tal-aġir opportunistiku tal-prinċipal li jtemm il-kuntratt ta’ aġenzija, ladarba r-relazzjoni ta’ negozju bejnu u l-klijenti li jkun ġab l-aġent tkun żviluppat, sabiex huwa jevita jkollu jħallas lill-aġent kummissjoni fuq it-tranżazzjonijiet li l-aġent ikun ikkontribwixxa sabiex iseħħu.

2. Il‑kundizzjonijiet u l‑kalkolu tal‑indennizz skont id‑Direttiva 86/653

50.

Bis-saħħa tal-formulazzjoni “jekk u sal-limiti li” tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, din id-dispożizzjoni kienet tqieset li stabbilixxiet kemm il-kundizzjonijiet li bihom għandu jingħata indennizz u l-elementi meħtieġa sabiex jiġi kkalkolat ( 27 ).

51.

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jgħid li l-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk ikun ġab lill-prinċipal klijenti ġodda jew ikun żied b’mod sinjifikattiv il-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti. It-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jindika li l-ħlas tal-indennizz għandu jkun ekwu fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kummissjoni mitlufa mill-aġent fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti.

52.

Jidhirli li, filwaqt li l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ma jiddistingwixxix b’mod ċar bejn il-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm lok li aġent ikun intitolat għal indennizz u l-metodu sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-indennizz, huwa għandu regoli relatati mat-tnejn.

53.

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 huwa dwar il-kundizzjonijiet sabiex l-aġent ikun intitolat għal indennizz. Dawn jitolbu b’mod kumulattiv li: l-ewwel, l-aġent ikun ġab klijenti ġodda għand il-prinċipal jew ikun żied b’mod sinjifikattiv il-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u, it-tieni, il-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ tali klijenti ( 28 ).

54.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-indennizz li l-aġent ikun intitolat għalih, jiġifieri li “il-ħlas ta’ dan l-indennizz” ikun ekwu, meqjusa ċ-ċirkustanzi kollha, inkluża l-kummissjoni mitlufa.

55.

Il-kummissjoni mitlufa skont it-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ma hijiex, għalhekk, kundizzjoni sabiex aġent ikun intitolat għal indennizz, iżda hija element tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dak l-indennizz.

56.

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal indennizz kienu armonizzati bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 29 ).

57.

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, sabiex ikun magħruf jekk aġent ikunx intitolat għal indennizz, il-qorti nazzjonali għandha twettaq eżami kwalitattiv (u mhux wieħed kwantitattiv), billi tieħu inkunsiderazzjoni jekk l-aġent ikunx ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew ikunx żviluppa b’mod sinjifikattiv in-negozju ma’ klijenti eżistenti u jekk il-prinċipal jibqax jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawk il-klijenti. Sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni jekk aġent ikunx intitolat għal indennizz, ma jeħtieġx li jiġi kkalkolat in-numru ta’ klijenti ġodda l-aġent ikun ġab jew il-valur preċiż tal-benefiċċji kontinwi għall-prinċipal. Malli l-qorti nazzjonali tkun tista’ tkun relattivament ċerta li l-prinċipal jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju miksub mill-aġent kummerċjali, l-aġent ikun intitolat għal indennizz.

58.

Ladarba l-kundizzjonijiet għad-dritt għal indennizz ikunu ġew issodisfatti, l-analiżi tgħaddi għall-kalkolu tal-ammont tiegħu. Dak l-ammont għandu jkun ekwu.

59.

Dwar il-metodu ta’ kalkolu ta’ indennizz ekwu, ċerta diskrezzjoni titħalla għall-Istati Membri, iżda l-qafas ta’ dik id-diskrezzjoni jkun skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 ( 30 ). F’dan ir-rigward il-kummissjoni mitlufa hija element wieħed biss, ukoll jekk importanti ( 31 ), ta’ dan il-kalkolu.

60.

Huwa f’dan id-dawl li jiena ser neżamina d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari.

3. L‑eżami tad‑domandi magħmula

61.

Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju huma, kif spjegat fil-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn li ġejjin: (i) jekk kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi bejn il-prinċipal u l-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita kummissjoni mitlufa għall-finijiet tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, u (ii) jekk pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba, meqjusa bħala kummissjoni stipulata fil-kuntratt ta’ aġenzija f’din il-kawża, jistgħux ikunu interpretati, f’dan il-kuntest, bħala kummissjoni mitlufa.

62.

Skont l-argumenti mressqa minn O2 Czech Republic u mill-Gvern Ċek, kummissjoni mitlufa skont l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ma hijiex intiża tkopri tranżazzjonijiet futuri li aġent kummerċjali kien jikkonkludi kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma kienx itterminat, iżda pjuttost tikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom l-aġent ma jkunx irċieva l-ammont sħiħ tal-kummissjoni dovuta lilu għal tranżazzjonijiet diġà mwettqa. QT, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ma jaqblux.

63.

Kif osservat fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa, lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

64.

Fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa għall-finijiet tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi bejn il-prinċipal u l-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent.

65.

L-ewwel, tali interpretazzjoni hija konformi mal-bażi loġika proprja għal indennizz stabbilita fid-Direttiva 86/653. Kif diskuss iktar ’il fuq (ara l-punti 46 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-indennizz huwa ġġustifikat mill-fatt li l-aġent kummerċjali jkun irċieva biss kummissjoni matul it-terminu tal-kuntratt ta’ aġenzija, filwaqt li l-avvjament li l-aġent ikun iġġenera għall-prinċipal sikwit ikompli wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. L-indennizz ma jistax ikun limitat għal kummissjoni fuq negozju diġà eżegwit, minħabba li huwa intiż bħala kumpens għall-aġent għall-profitti li l-prinċipal jibqa’ jirċievi wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija dovut għall-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent ( 32 ).

66.

It-tieni, l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 86/653 isostnu l-interpretazzjoni ta’ kummissjoni mitlufa tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva kif propost f’dawn il-konklużjonijiet.

67.

Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa ċar mit-tieni u mit-tielet premessa tagħha li d-Direttiva 86/653 għandha l-għan li tipproteġi lill-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, sabiex tippromwovi s-sigurtà ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali u tiffaċilita l-kummerċ fi prodotti bejn l-Istati Membri billi tarmonizza s-sistemi legali tagħhom fil-qasam ta’ rappreżentanza kummerċjali. Għal dawn l-għanijiet, din id-direttiva tistabbilixxi, inter alia, regoli għall-konklużjoni u għat-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ aġenzija skont l-Artikoli 13 sa 20 ( 33 ).

68.

F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653 huma ta’ importanza kruċjali, minħabba li huma jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien raġonevoli li jingħata lil aġenti kummerċjali matul il-ħolqien tas-suq uniku ( 34 ).

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha wkoll ċara li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 86/653 li tipproteġi lill-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, ma jista’ jkun hemm ebda interpretazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva li tista’ tkun ta’ ħsara għall-aġent kummerċjali ( 35 ).

70.

B’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jeħtieġ li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 tkun interpretata b’mod li din tkun jikkontribwixxi għal dik il-protezzjoni tal-aġent kummerċjali u li, għalhekk, tqis b’mod sħiħ il-merti tal-aġent fl-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet assenjati lilu ( 36 ).

71.

F’din il-kawża, kif indikat il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 għandha tkun suġġetta għal loġika simili. L-interpretazzjoni li kummissjoni mitlufa tfisser tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi tikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ aġenti kummerċjali wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali mal-prinċipal, billi tqis b’mod sħiħ ix-xogħol imwettaq mill-aġenti għall-benefiċċju tal-prinċipali ( 37 ).

72.

F’dan ir-rigward, kif saħaq il-Gvern Ġermaniż, meta kuntratt ta’ aġenzija jiġi tterminat, il-prinċipal f’ħafna każijiet jibqa’ jibbenefika mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent billi jkompli jwettaq tranżazzjonijiet ma’ tali klijenti. Għalhekk, jekk ma jitqisux kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi dan ikun qiegħed ixejjen l-għan segwit minn din id-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-aġent kummerċjali.

73.

Tabilħaqq, jista’ jiġi nnotat li, fil-prattika, kuntratti iżgħar ma’ klijenti sikwit jevolvu f’ikbar kuntratti, b’iktar qligħ maż-żmien. Pereżempju, fil-każ fejn xogħlijiet ta’ inġinerija jieħdu ż-żmien, kuntratti tal-ewwel tipikament għandhom tendenza li jkunu żgħar, u l-aġent jitqabbad b’kuntratt mal-prinċipal biex “jirfes l-għatba” ma’ klijenti f’isem il-prinċipal bis-saħħa tal-istrateġiji, il-ħiliet u l-kuntatti tal-aġent. Jekk kummissjoni mitlufa tkun ristretta għan-negozju diġà mwettaq, dan jista’ jċaħħad lill-aġent minn sehem kunsiderevoli tal-profitti li jkun għamel il-prinċipal wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija abbażi tax-xogħol tal-aġent.

74.

Għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa minn O2 Czech Republic u mill-Gvern Ċek, l-interpretazzjoni proposta ta’ kummissjoni mitlufa tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 tqis realtajiet ekonomiċi u ma teqridx is-suq tal-aġenzija kummerċjali. Ma humiex injorati ċ-ċirkustanzi speċifiċi li O2 Czech Republic ġibdet l-attenzjoni għalihom fis-seduta, bħall-karatteristiċi tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u t-taqlib fis-suq (il-bidliet fit-tariffi u fl-imġiba tal-konsumaturi u ż-żieda fl-għadd ta’ kompetituri potenzjali li mid-dehra wasslu għal tnaqqis tal-għadd ta’ kuntratti matul il-perijodu tal-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni). Fil-fatt, huma jitqiesu bħala parti mill-evalwazzjoni ekwa tal-indennizz (ara l-punti 97 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 38 ).

75.

Lanqas jekk ikunu inklużi tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi sabiex tkun iddeterminata kummissjoni mitlufa, dan ma jmurx kontra l-għan segwit mid-Direttiva 86/653 sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali ( 39 ). Il-fatt li jkollu jsir tbassir dwar tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi, dan ma huwiex parti mhux tas-soltu ta’ strateġiji ta’ negozju. Bl-istess mod, kif ċertu Avukat Ġenerali nnota, tali tbassir diġà jsir mill-qrati ( 40 ).

76.

Fl-aħħar nett, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 86/653 isostnu l-interpretazzjoni proposta ta’ kummissjoni mitlufa tal-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva.

77.

Sabiex infakkar, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jeżiġi li l-aġent kummerċjali jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew ikun żied b’mod sinjifikattiv il-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u li l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ tali klijenti.

78.

Kif indikat mill-Gvern Ġermaniż, l-evalwazzjoni tal-benefiċċji miżmuma mill-prinċipal skont it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 tikkonċerna t-tranżazzjonijiet stabbiliti jew żviluppati mill-aġent kummerċjali, li minnhom il-prinċipal “jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali”. Dak li jittieħed bħala benefiċċju jista’, bħala prinċipju, ikun ikkalkolat biss minn kunsiderazzjoni ipotetika tal-iżvilupp futur ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, li jissemmew ukoll fit-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ( 41 ). Dan jissuġġerixxi li l-kummissjoni mitlufa ssegwi l-fatt li l-prinċipal jieħu benefiċċji wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija ( 42 ).

79.

Barra minn dan, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Ċeka u kif indikat mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, l-interpretazzjoni proposta ta’ kummissjoni mitlufa tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 hija konsistenti mal-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva.

80.

L-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 86/653 jinsabu fil-Kapitolu III tagħha, dwar ir-remunerazzjoni. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 86/653 jipprovdi li, sakemm il-kuntratt ma jkunx miktub b’mod differenti, l-aġent kummerċjali huwa intitolat għal kummissjoni fuq tranżazzjonijiet konklużi matul il-perijodu kopert bil-kuntratt ta’ aġenzija. L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jindika li l-aġent huwa intitolat għal kummissjoni fuq ċerti tranżazzjonijiet konklużi wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija f’sitwazzjonijiet fejn, essenzjalment, it-tranżazzjoni kienet dovuta għall-isforzi tal-aġent qabel it-tmiem ta’ dan il-kuntratt.

81.

Jidhirli li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 għandu loġikament ikopri sitwazzjonijiet differenti minn dawk diġà koperti bl-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva ( 43 ). Għalhekk, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 ma għandux japplika għal sitwazzjonijiet li fihom l-aġent kummerċjali ma jkunx irċieva l-kummissjoni dovuti lilu mill-prinċipal, minħabba li dawn is-sitwazzjonijiet jaqgħu taħt l-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva.

82.

Tabilħaqq, l-interpretazzjoni ta’ kummissjoni mitlufa mressqa minn O2 Czech Republic u mill-Gvern Ċek bħala kummissjoni fuq negozju li jkun diġà twettaq tkun diffiċli li tiġi distinta mill-kummissjoni diġà dovuta lill-aġent skont l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 86/653 ( 44 ). Din tal-aħħar, jekk ma titħallasx, aktarx tiġi indirizzata b’azzjoni bbażata fuq ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija.

83.

Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi fil-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa, li jwassalni għat-tieni domanda. Permezz ta’ din it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, u f’liema ċirkustanzi, pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu kummissjoni mitlufa, jekk din tal-aħħar hija relatata ma’ kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija.

84.

F’dak ir-rigward, għandu jitqies li dan il-każ juri li l-kunċett ta’ pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba jista’ jfisser ħafna affarijiet. Minn naħa, kif spjegat mill-Gvern Ġermaniż, pagament ta’ kummissjoni ta’ darba jfisser remunerazzjoni ta’ somma waħda meta jinġieb klijent ġdid lill-prinċipal. Dik is-somma hija indipendenti minn kemm iddum u minn kif tiżviluppa r-relazzjoni kummerċjali ma’ dak l-istess klijent. Fi kliem ieħor, l-aġent jitħallas darba għal kull klijent. Min-naħa l-oħra, O2 Czech Republic u l-Gvern Ċek jużaw it-terminu pagament ta’ kummissjoni ta’ darba sabiex jindikaw il-kummissjoni tat-tip miftiehem kuntrattwalment bejn QT u O2 Czech Republic. Kif spjegat iktar ’il fuq (ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet), QT irċieva kummissjoni għal kull kuntratt konkluż (jew immodifikat) ma’ klijent, sew jekk kien wieħed ġdid jew eżistenti. Is-somma kienet aġġustata skont ċerti fatturi, bħat-tul tal-kuntratt konkluż, it-tariffa u l-għadd ta’ servizzi inklużi, li l-aġent seta’ jinnegozja. Għalhekk, QT ma tħallasx għal kull klijent, iżda għal kull kuntratt. Jekk l-istess klijent li oriġinarjament ikun iffirma l-kuntratt mal-prinċipal jiffirma kuntratt ġdid permezz ta’ aġent differenti, ikun ifisser li jkun dak l-aġent l-ieħor li jkun intitolat għal kummissjoni.

85.

Kif indikat mill-Gvern Ġermaniż, pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba, jiġifieri fil-mod kif huwa juża dan it-terminu, tabilħaqq ma setgħux ifissru kummissjoni mitlufa. Indennizz ma għandux ikun piż irraġonevoli impost fuq il-prinċipal, iżda jindirizza l-benefiċċji li l-prinċipal jibqa’ jirċievi mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent. Jekk l-aġent kien diġà tħallas għal tali benefiċċji futuri, li jista’ jkun il-każ meta, skont il-kuntratt, il-kummissjoni tkun vis-à-vis kull klijent, ma jkunx hemm kummissjoni mitlufa għall-aġent.

86.

Madankollu, l-indennizz ma jiddependix biss minn kummissjoni mitlufa. Għal din ir-raġuni, l-esklużjoni ta’ pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba, kif dan it-terminu jinftiehem fil-Ġermanja, mill-kalkolu tal-indennizz hija għalkollox konformi mal-mod li jiena pproponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Rigall Arteria Management ( 45 ), b’rabta mal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 86/653 ( 46 ). F’dawk il-konklużjonijiet, jiena pproponejt li d-dritt ta’ aġent kummerċjali għal kummissjoni fuq tranżazzjonijiet imtennija għandu jkun interpretat bħala regola fakultattiva ( 47 ). Dik l-interpretazzjoni tad-Direttiva 86/653 b’hekk tippermetti lill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija sabiex jipprovdu għal pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba bħala forma ta’ remunerazzjoni tal-aġent. B’mod ċar, jekk tali pagamenti ta’ kummissjoni jkunu permessi abbażi tad-Direttiva 86/653, indennizz ma jkunx jista’ jkun dipendenti fuq jekk l-aġent kellux id-dritt jirċievi kummissjoni fuq tranżazzjonijiet ta’ darba jew imtennija. Madankollu, il-fatt li l-aġent kien ikun diġà tħallas għall-benefiċċji futuri tal-prinċipal għandu jitqies għall-kalkolu ta’ indennizz ekwu.

87.

Għall-kuntrarju, jekk pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba jitqiesu bħal dawk miftiehma kuntrattwalment bejn QT u ta’ O2 Czech Republic f’dan il-każ, il-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent tkun tista’ ġġib benefiċċji lill-prinċipal li l-aġent ma jkunx għadu tħallas għalihom. Għalhekk, kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma kienx ġie tterminat, l-aġent seta’ kien irċieva kummissjoni. Ma hemmx ċertezza li dak l-aġent seta’ tabilħaqq jagħmilha possibbli li l-prinċipal kien ser jiffirma kuntratt ġdid mal-klijent li huwa kien ġablu. Madankollu, teżisti tali possibbiltà. Għalhekk, tali pagament ta’ kummissjoni ta’ darba jista’ jirrappreżenta l-kummissjoni mitlufa li għandha titqies għall-kalkolu tal-ammont ta’ indennizz. Kemm ikun l-ammont ta’ tali kummissjoni mitlufa jiddependi mill-istimi tal-valur futur tal-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent għall-prinċipal, kif ukoll mill-probabbiltà li l-aġent li kien ġab il-klijent ikun jista’ jinnegozja jew jikkonkludi tranżazzjoni ġdida ma’ dak il-klijent (ara l-punti 90 sa 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

88.

Fi kwalunkwe każ, kif innotat mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, u kkonfermat ukoll mill-Gvern Ċek, indennizz ma jistax jiġi eskluż awtomatikament peress li pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba jkunu miftiehma kuntrattwalment, minħabba li, kif indikat espressament fl-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, indennizz ma huwiex ibbażat biss fuq kummissjoni mitlufa, iżda fuq iċ-ċirkustanzi kollha relatati mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Kif saħaq il-Gvern Ġermaniż, kieku jkun stipulat biss li l-pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba jeskludu d-dritt għal indennizz, wieħed ikun jista’ jevadi n-natura imperattiva ta’ dan id-dritt.

89.

Konsegwentement, abbażi tar-raġunijiet deskritti fil-qosor iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa għall-finijiet tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ifisser kummissjoni fuq tranżazzjonijiet futuri ipotetiċi bejn il-prinċipal u l-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent. Dan il-kunċett ma huwiex affettwat mill-fatt li pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba jkunu saru lill-aġent. Huwa biss jekk il-pagamenti ta’ kummissjoni miftiehma kuntrattwalment kienu pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba ta’ tip li l-aġent kien ikun diġà tħallas għall-benefiċċji futuri li l-prinċipal jibqa’ jirċievi mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent, li dawn ma jkunux jirrappreżentaw kummissjoni mitlufa. Dan, madankollu, ma jfissirx li l-aġent ma jkunx intitolat għall-ħlas ta’ indennizz, peress li kummissjoni mitlufa hija biss element wieħed sabiex tkun stabbilita n-natura ekwa ta’ dan il-ħlas.

4. Il‑metodu ta’ kalkolu tal‑indennizz b’teħid inkunsiderazzjoni tal‑kummissjoni mitlufa

90.

Għadha teżisti l-kwistjoni dwar kif kummissjoni mitlufa, meqjusa bħala r-remunerazzjoni għal benefiċċji futuri li jgawdi minnhom il-prinċipal mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ indennizz ekwu.

91.

Skont il-ġurisprudenza, il-kalkolu tal-indennizz tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 86/653 jista’ jsir fi tliet fażijiet: “Qabel kollox, l-ewwel fażi hija intiża sabiex tikkwantifika l-benefiċċji tal-prinċipal li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ma’ klijenti mressqa mill-aġent kummerċjali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(2)(a). Sussegwentement, it-tieni fażi hija intiża sabiex tivverifika, skont it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-ammont li jintlaħaq abbażi tal-kriterji deskritti iktar ’il fuq huwiex ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari, tat-telf tal-kummissjoni subit mill-aġent kummerċjali. Fl-aħħar nett, fit-tielet fażi, l-ammont tal-indennizz huwa suġġett għal-limitu massimu previst fl-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva li japplika biss jekk dan l-ammont, li jirriżulta miż-żewġ fażijiet ta’ kalkolu preċedenti, jeċċedih” ( 48 ).

92.

Dawn it-tliet fażijiet ma jfissrux neċessarjament li, sabiex isir kalkolu konkret tal-indennizz, huma għandhom ikunu segwiti f’din l-ordni. Fil-fehma tiegħi, dawn għandhom ifissru li jindikaw li, fl-aħħar mill-aħħar, il-qofol tal-kalkolu tal-ammont ta’ indennizz essenzjalment huwa li, sabiex ikun ekwu, l-indennizz għandu jirrifletti kemm il-benefiċċji futuri miżmuma mill-prinċipal, kif ukoll it-telf li l-aġent kummerċjali jbati minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, li tipikament huwa rrappreżentat mill-kummissjoni mitlufa tal-aġent. Kif innotat mill-Gvern Ġermaniż, iż-żewġ ammonti – il-benefiċċji futuri miżmuma mill-prinċipal u l-kummissjoni mitlufa tal-aġent – huma ħafna drabi proporzjonati. Din hija r-raġuni għaliex, fil-prattika, l-ewwel u t-tieni fażi, kif deskritti mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jingħaqdu flimkien.

93.

L-elementi rilevanti kollha għall-kalkolu ta’ indennizz ekwu għandhom ikunu kkwantifikati f’dan l-eżerċizzju. Peress li ħafna minn dawn l-elementi jistgħu jkunu biss stimi (minħabba li huma relatati mal-futur), wieħed jistaqsi kif jista’ jsir il-kalkolu b’mod konkret.

94.

F’dan ir-rigward, id-Direttiva 86/653 ma għandhiex regoli speċifiċi, iżda tħalli l-għażla tal-metodu ta’ kalkolu għall-Istati Membri.

95.

Fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 ( 49 ), il-Kummissjoni tiddeskrivi l-metodu aċċettabbli għall-kalkolu tal-indennizz, li kien ibbażat fuq prassi Ġermaniża. Din il-prassi kienet aġġustata wara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen ( 50 ). Madankollu, hija xorta tibda, kif spjega l-Gvern Ġermaniż fis-seduta, billi tistma l-għadd ta’ snin li fihom il-prinċipal jista’ jkun mistenni jibbenefika mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent. Kummissjoni mitlufa tkun, imbagħad, stmata b’rabta ma’ dak il-perijodu ( 51 ).

96.

Il-kalkolu ta’ kummissjoni mitlufa, inizjalment, jiġi bbażat fuq il-kummissjoni tal-passat li l-aġent ikun fil-fatt irċieva qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-aġent jaqla’ l-istess ammont ta’ kummissjoni għal ċertu għadd ta’ snin, li mbagħad issirlu korrezzjoni billi jitqiesu l-elementi kollha li jwasslu għall-konklużjoni li l-aġent ma jaqlax verament daqshekk jew ser jaqla’ anki iktar fil-futur. Fl-aħħar nett, għalhekk, il-kummissjoni mitlufa tkun, u dan jiddependi miċ-ċirkustanzi, ikbar jew inqas minn dak li l-aġent ikun fil-fatt qala’ fis-sena rappreżentattiva skont l-istess bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent.

97.

B’mod iktar speċifiku, il-kalkolu jibda bl-ammont ta’ kummissjoni li l-aġent ikun qala’ fis-sena ta’ qabel (jew sena oħra iktar rappreżentattiva). Din il-kummissjoni mbagħad titnaqqas għal kull sena sussegwenti (peress li l-għadd ta’ snin jiddependi mill-istima ta’ kemm il-prinċipal ikun ser jibbenefika mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent) bl-istima tar-rata ta’ tluq ta’ klijenti (meqjusa bħala l-klijenti mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent li huma mistennija jaqilbu għal prodotti jew servizzi ta’ prinċipal differenti). B’dan il-mod, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-valur tal-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent ikun jista’ jonqos maż-żmien. Fl-aħħar nett, issir korrezzjoni tal-ammont sabiex jitqiesu diversi ċirkustanzi, bħat-taqlib tal-prezzijiet, bidliet importanti fis-settur inkwistjoni u kwalunkwe fatturi rilevanti oħra li jkunu jistgħu jinfluwenzaw il-valur futur tal-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent u l-kummissjoni mitlufa korrispondenti.

98.

Tħassib, bħal dak li wriet O2 Czech Republic fis-seduta (ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li għadd kbir ta’ klijenti jikkonkludu kuntratti ta’ telekomunikazzjonijiet direttament (billi jiffirmaw kuntratti online mal-prinċipal) mingħajr ma jużaw aġenti, jista’ jitqies fil-kalkolu. Tali tħassib jista’ jiġi espress jew fl-istima tar-rata ta’ tluq jew bħala fatturi oħra li jistgħu jżidu jew inaqqsu l-valur tal-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent għall-prinċipal jew tal-kummissjoni mitlufa stmata li l-aġent kien jaqla’, kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma kienx ġie tterminat. Għalhekk, jekk l-aġent ikun, pereżempju, ħoloq database ta’ klijenti relatata mal-prodotti offruti minn prinċipal partikolari u jkun mistenni li għadd kbir ta’ dawk il-klijenti ser jestendu l-kuntratt direttament mingħajr ma jmorru għand aġent jew jitilqu sabiex jiffirmaw kuntratt ma’ prinċipal ieħor, l-ammont ta’ kummissjoni tal-passat ikun jista’ jitnaqqas raġonevolment meta ssir l-istima ta’ kummissjoni mitlufa. Jekk kienet ġiet miftiehma kummissjoni abbażi ta’ kull kuntratt konkluż, bħal f’dan il-każ, li jkun ifisser li l-kuntratt li jkun imiss, konkluż mal-istess klijent, jista’ jkun ir-riżultat tal-attività ta’ aġent differenti, l-istima tal-għadd ta’ tali sitwazzjonijiet (ibbażata wkoll fuq esperjenza tal-passat) tkun tista’ titqies sabiex isir il-kalkolu ta’ kummissjoni mitlufa, li mbagħad tkun tista’ titnaqqas.

99.

It-teħid tal-pożizzjoni li kummissjoni mitlufa tkun proporzjonata għall-benefiċċji futuri tal-prinċipal bħala punt ta’ tluq fil-kalkolu jagħmel sens peress li dan joffri, fil-fehma tiegħi, soluzzjoni sempliċi u prattika għall-qrati nazzjonali. Din tibda minn somma partikolari u faċli tinħadem: kummissjoni tal-passat li l-aġent ikun qala’. Din issegwi wkoll l-għan li l-aġenti kummerċjali jkunu protetti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom. Mill-perspettiva tal-aġenti, kummissjoni mitlufa kkalkolata abbażi ta’ kummissjoni tal-passat ikun faċli tiġi evalwata, minħabba li tiddependi għalkollox minnhom. Ikun tassew diffiċli li aġent jevalwa l-profittabbiltà tal-prinċipal, li huwa improbabbli li ser jikxef tali informazzjoni, u, barra minn hekk, dan jiddependi għalkollox mill-prinċipal, minħabba li l-aġent ma għandux kontroll fuq l-ispejjeż tal-prinċipal.

100.

Dan il-metodu ta’ kalkolu bl-istess mod jiżgura livell suffiċjenti ta’ prevedibbiltà għall-prinċipal sabiex jiddeċiedi jekk jitterminax, u f’liema waqt, il-kuntratt ta’ aġenzija. Il-prinċipal ikollu wkoll informazzjoni dwar kummissjoni tal-passat imħallsa lill-aġent u jista’ wkoll, jekk tinqala’ tilwima dwar l-indennizz, jipprovdi lill-qorti b’informazzjoni rilevanti dwar tħassib ieħor li għandu jitqies bħala parti mill-aġġustament tal-istima inizjali.

101.

Wara l-aġġustament tal-kalkolu oriġinali ta’ kummissjoni mitlufa u l-benefiċċji futuri korrelattivi tal-prinċipal, fl-aħħar fażi, l-ammont li jirriżulta jkun jeħtieġlu jitnaqqas jekk ikun jaqbeż il-limitu tal-indennizz stabbilit fl-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva 86/653.

102.

Qabel ma nikkonkludi, ser nuri dan il-metodu ta’ kalkolu abbażi ta’ eżempju ipotetiku, ispirat mill-argumenti tal-Gvern Ċek fis-seduta. Aġent kummerċjali u prinċipal jidħlu f’kuntratt ta’ aġenzija għall-bejgħ ta’ njam. Ix-xogħol tal-aġent kummerċjali għalhekk ikun li jsib klijenti sabiex jixtru l-injam tal-prinċipal. Xi ftit taż-żmien wara li l-prinċipal ikun laqa’ l-klijenti miġjuba mill-aġent, il-kuntratt ta’ aġenzija jiġi tterminat. L-aġent ikun tħallas kummissjoni fuq kull bejgħ ta’ njam. L-ammont tal-kummissjoni jkun jiddependi mill-prezz tal-bejgħ tal-injam. Wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, il-prinċipal jibbenefika mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent li lilu huwa jkun jista’ jibqa’ jbiegħ l-injam tiegħu. Għalhekk, ikunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex l-aġent ikun intitolat għal indennizz, u l-indennizz għandu jiġi kkalkolat.

103.

Fis-sena qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija (sena ordinarja b’temperaturi medji), l-aġent qala’ EUR 10000 f’kummissjoni mingħand il-prinċipal. Il-biċċa l-kbira tal-klijenti xtraw injam għat-tisħin. Huwa stmat li l-prinċipal seta’ juża l-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent għal mill-inqas tliet snin oħra. Minħabba li fis-sena ta’ qabel kienu daħlu żewġ bejjiegħa ġodda fis-suq tal-injam, huwa stmat li sa 30 % tal-klijenti kienu ser imorru għand dawn il-bejjiegħa l-ġodda.

104.

Il-kalkolu, għalhekk, ikun dan li ġej:

Sena 1: EUR 10000 – 30 % = EUR 7000

Sena 2: EUR 7000 – 30 % = EUR 4900

Sena 3: EUR 4900 – 30 % = EUR 3430

Kummissjoni mitlufa stmata = EUR 15330

105.

Jekk ikunu identifikati ċirkustanzi oħra li jistgħu jinfluwenzaw il-benefiċċji futuri li l-prinċipal jieħu mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent jew l-ammont tal-kummissjoni mitlufa tal-aġent, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

106.

Ejjew nimmaġinaw li, minħabba nuqqas mistenni ta’ gass, ħafna nies jippjanaw sabiex isaħħnu darhom billi jużaw l-injam. Iż-żieda stmata fid-domanda għall-injam tista’ tirriżulta fl-irduppjar tal-prezz. Minħabba li l-kummissjoni tal-aġent kienet ikkalkolata abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-injam fis-sena ta’ qabel, il-kalkolu jista’ jeħtieġlu jiġi aġġustat billi jibda mid-doppju tal-ammont ta’ din il-kummissjoni (EUR 20000 minflok EUR 10000). Barra minn dan, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jitqies it-tul ta’ żmien li matulu n-nuqqas ta’ gass ikun mistenni jdum. Jekk dan ikun għal sena, il-prezz tal-injam jista’ jmur lura għall-ammonti ta’ qabel fit-tieni u fit-tielet sena. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kummissjoni mitlufa għandha tkun ogħla minn dik li kienet fl-ewwel sitwazzjoni (ara l-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

107.

Il-kalkolu għandu, għalhekk, ikun dan li ġej:

Sena 1: EUR 20000 – 30 % = EUR 14000

Sena 2: EUR 7000 – 30 % = EUR 4900

Sena 3: EUR 4900 – 30 % = EUR 3430

Kummissjoni mitlufa stmata = EUR 22330

108.

Ejjew issa nimmaġinaw li, proprju qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, kien hemm żvolta fir-riċerka dwar l-applikazzjoni ta’ fużjoni nukleari li ħolqot aspettattiva ta’ enerġija rħisa ħafna fi żmien qasir. B’riżultat ta’ dan, huwa mistenni li kważi kulħadd ma jibqax juża l-injam għat-tisħin. L-uniċi nies li jixtru l-injam mingħand il-prinċipal ikunu dawk il-klijenti li jużaw l-injam għal għanijiet oħra, pereżempju għal xogħol bl-injam u għad-dekorazzjoni bl-injam. Dan inaqqas b’mod sinjifikattiv il-valur tal-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent, minħabba li, anki kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma kienx ġie tterminat, l-aġent ma setax jistenna iktar li jaqla’ kummissjoni kunsiderevoli mill-bejgħ tal-injam tal-prinċipal. Il-kalkolu tat-telf tal-valur tal-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent għall-prinċipal ikun proporzjonat għat-tnaqqis fil-kummissjoni mitlufa stmata. Jekk il-klijenti li jkunu xtraw l-injam għal finijiet oħra li ma humiex it-tisħin ikunu jirrappreżentaw biss 2 % tal-kummissjoni annwali li l-aġent ikun qala’, il-kalkolu jista’ jibda minn ammont ferm iktar baxx ta’ EUR 200. It-tluq stmat jista’ wkoll ikun aġġustat għal 10 %, peress li jkun probabbli li xi kumpanniji li jbigħu l-injam jitilqu mis-suq.

109.

Il-kalkolu jkun, għalhekk, dan li ġej:

Sena 1: EUR 200 – 10 % = EUR 180

Sena 2: EUR 180 – 10 % = EUR 162

Sena 3: EUR 162 – 10 % = EUR 145.80

Kummissjoni mitlufa stmata = EUR 487.80

110.

Għandu jiġi nnotat ukoll li, jekk jitqies li l-prinċipal ma jkunx jista’ jieħu kwalunkwe benefiċċju sostanzjali mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija (li tabilħaqq tista’ tkun ir-raġuni għat-terminazzjoni tiegħu), ma jkun hemm ebda ħtieġa ta’ kalkoli, minħabba li l-kundizzjonijiet għal indennizz ma jkunux inqalgħu f’tali sitwazzjoni.

111.

Barra minn dan, jekk, skont il-kuntratt ta’ aġenzija, l-aġent ikun irċieva pagament ta’ kummissjoni ta’ darba għal kull klijent, sabiex, għal kull klijent, l-aġent ikun qala’ ammont li kien intiż ikopri kwalunkwe bejgħ ta’ njam għall-ġejjieni minn dak il-klijent u, għalhekk, l-aġent ma kien jitħallas ebda kummissjoni oħra, hija possibbli l-konklużjoni li ma jkunx hemm kummissjoni mitlufa. Madankollu, jekk, pereżempju, il-prinċipal kien jikkontribwixxi wkoll għall-fond ta’ pensjoni tal-aġent, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ indennizz ekwu għall-aġent, ukoll jekk ma jkunx hemm kummissjoni mitlufa. Il-ħlas ta’ indennizz ma huwiex ibbażat fuq kummissjoni mitlufa, iżda fuq il-fatt li l-aġent ikun ħoloq bażi ta’ klijentela u li din il-bażi ta’ klijentela tkun tirrappreżenta valur għall-prinċipal ukoll wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija.

112.

L-aħħar fażi fil-kalkolu teżiġi li l-indennizz jiġi aġġustat sabiex ma jkunx jaqbeż il-limitu impost mill-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva 86/653, jiġifieri somma ekwivalenti għal remunerazzjoni ta’ sena li l-aġent ikun qala’ mingħand il-prinċipal, li tkun ikkalkolata abbażi tal-medja tal-ħames snin ta’ qabel (jew inqas minn ħames snin, jekk il-kuntratt ikun dam inqas). Jekk, bħala medja, fl-aħħar ħames snin, l-aġent, skont l-eżempju ipotetiku tagħna, kien qiegħed jaqla’ EUR 12000 bħala remunerazzjoni, il-kummissjoni mitlufa stmata tkun taqbeż il-limitu fl-ewwel u fit-tieni sitwazzjoni (ara l-punti 104 u 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u l-indennizz li jkollu jitħallas lill-aġent ikun inqas mill-kummissjoni mitlufa stmata.

V. Konklużjoni

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi magħmula min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:

Il-kunċett ta’ “kummissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali” għall-finijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat li jfisser kummissjoni li l-aġent kummerċjali jkun irċieva fuq tranżazzjonijiet futuri bejn il-prinċipal u l-klijenti l-ġodda li l-aġent kien ġab lill-prinċipal jew il-klijenti eżistenti li magħhom l-aġent kien żied b’mod sinjifikattiv il-volum tan-negozju, li kieku l-kuntratt ta’ aġenzija ma kienx ġie tterminat.

Huwa biss jekk il-pagamenti ta’ kummissjoni miftiehma kuntrattwalment kienu pagamenti ta’ kummissjoni ta’ darba ta’ tip li l-aġent kien ikun diġà ġie rremunerat għall-benefiċċji futuri li l-prinċipal jibqa’ jirċievi mill-bażi ta’ klijentela maħluqa mill-aġent, li dawn ma jkunux jirrappreżentaw kummissjoni mitlufa. Dan, madankollu, ma jfissirx li l-aġent ma jkunx intitolat għall-ħlas ta’ indennizz, peress li kummissjoni mitlufa hija biss element wieħed sabiex tiġi ddeterminata n-natura ekwa ta’ dan il-ħlas.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177.

( 3 ) C‑64/21, EU:C:2022:453, punt 17.

( 4 ) Dwar dan, ta’ min jinnota li s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195) kienet tikkonċerna t-trattament ta’ kummissjoni mitlufa skont id-dritt Ġermaniż, iżda mhux it-tifsira tal-kunċett ta’ kummissjoni mitlufa nnifisha. F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ma jippermettix il-limitazzjoni awtomatika ta’ indennizz għal kummissjoni mitlufa.

( 5 ) Tajjeb ikun innotat li, għalkemm il-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni kien konkluż qabel id-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Mejju 2004 (ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma kinux tqajmu kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-Direttiva 86/653 kinitx tapplika ratione temporis f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, bħal fil-pożizzjoni li jiena ħadt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:453, punt 23, nota ta’ qiegħ il-paġna 11), dan ma għandux jaffettwa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, minħabba li l-effetti legali tal-kuntratt ta’ aġenzija inkwistjoni ssokta wara dik id-data (ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara, dwar dan, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:954, punt 25), u tat‑3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing (C‑242/18, EU:C:2019:558, punti 30 sa 35). Ukoll ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 fl-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka. Il-kwistjoni tkun differenti biss jekk id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li kienet ippreżentata għal interpretazzjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tapplika għall-fatti tal-kawża prinċipali, li jkunu seħħew qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni, jew jekk ikun evidenti li tali dispożizzjoni ma tkunx tista’ tapplika (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic (C‑64/06, EU:C:2007:348, punt 23), li ma huwiex il-każ hawnhekk.

( 6 ) Ara, dwar dan, id-digriet tas‑6 ta’ Marzu 2003, Abbey Life Assurance (C‑449/01, mhux ippubblikat, EU:C:2003:133, punti 13 sa 20); is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 16) u tas‑17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa (C‑48/16, EU:C:2017:377, punt 28).

( 7 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 sa 43), jew, iktar reċenti, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 2627).

( 8 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punti 11 sa 19) (kuntratt ta’ aġenzija dwar servizzi ta’ trasport bil-baħar); tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punti 3031) (kuntratt ta’ aġenzija dwar servizzi ta’ trasport bil-baħar); tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punti 17 sa 19) (kuntratt ta’ aġenzija dwar servizzi bankarji u ta’ assigurazzjoni); tas‑17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa (C‑48/16, EU:C:2017:377, punti 29 sa 32) (kuntratt ta’ aġenzija dwar servizzi ta’ assigurazzjoni); u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:783, punti 24 sa 27) (kuntratt ta’ aġenzija dwar servizzi finanzjarji). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany (C‑203/09, EU:C:2010:647, punti 23 sa 28) (dwar kuntratt ta’ konċessjoni, mhux kuntratt ta’ aġenzija).

( 9 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ġietx quddiemha kawża li tinvolvi Stat Membru li d-dritt nazzjonali tiegħu li ttraspona d-Direttiva 86/653 ikun limitat għall-bejgħ jew għax-xiri ta’ prodotti li fiha tkun tqajmet il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ kuntratt ta’ aġenzija “mħallat” li jkun ikopri prodotti kif ukoll servizzi. Iżda, minħabba li din il-kwistjoni ma tqumx f’din il-kawża, jiena mhux ser neżaminaha iktar.

( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 43), u tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex (C‑367/19, EU:C:2020:685, punt 21). Ara wkoll, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawżi magħquda Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:502, punti 43 sa 62); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:649, punti 27 sa 96); u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:333, punti 57 sa 64).

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, Sense Visuele Communicatie en Handel (C‑36/21, EU:C:2022:556, punt 21), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen (C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 56).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, Sense Visuele Communicatie en Handel (C‑36/21, EU:C:2022:556, punt 22), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen (C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 57).

( 14 ) Ara, pereżempju, Saintier, S. u Scholes, J., Commercial Agents and the Law, Routledge, Londra, 2005, p. 155-156; Randolph, F. u Davey, J., The European Law of Commercial Agency, it-tielet edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2010, p. 87 u 93.

( 15 ) Ara, pereżempju, Saintier u Scholes, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 127; Zhou, Q., “Limits of mandatory rules in contract law: an example in agency law”, Northern Ireland Legal Quarterly, Vol. 65, 2014, p. 357, f’p. 361.

( 16 ) Ara r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (86/653/KEE) (COM(96) 364 final), 23 ta’ Lulju 1996 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Kummissjoni”), p. 1 u 5.

( 17 ) Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, is-sistemi ta’ indennizz u ta’ kumpens stabbiliti fl-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 ma humiex intiżi sabiex jissanzjonaw it-terminazzjoni tal-kuntratt, iżda sabiex jikkumpensaw lill-aġent għas-servizzi tiegħu diġà mogħtija li minnhom il-prinċipal jibqa’ jibbenefika wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, CMR (C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 28).

( 18 ) Ara, pereżempju, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, “Article 30 – Indemnité après la cessation du contrat”, SEC(84) 747, 16 ta’ Mejju 1984 (anness mad-Dokument tal-Kunsill 7247/84, 21 ta’ Mejju 1984); Gardiner, C., “The EC (Commercial Agents) Directive: Twenty years after its introduction, divergent approaches still emerge from Irish and UK courts”, Journal of Business Law, 2007, p. 412, fil-p. 426 u 427. Għal verżjoni ddettaljata tal-metodi Ġermaniżi u Franċiżi dwar indennizz u kumpens, rispettivament, ara wkoll, pereżempju, Saintier u Scholes, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 156‑158 u 173‑219; Randolph u Davey, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 131‑173.

( 19 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:503, punt 30); Rapport tal-Kummissjoni, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 1.

( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 20), u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 24).

( 21 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Herios (C‑593/21, EU:C:2022:784, punt 36); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2005:641, punti 14 sa 19); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Marchon Germany (C‑315/14, EU:C:2015:585, punti 2728); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:503, punti 3536).

( 22 ) Ara, pereżempju, Lando, O., “The Commercial Agent in European Law III”, Journal of Business Law, 1966, p. 82, f’p. 84‑86; de Theux, A., Le statut européen de l’agent commercial: Approche critique de droit comparé, Publications des Facultés universitaires Saint-Louis, Brussell, 1992, p. 280‑286.

( 23 ) Rapport tal-Kummissjoni, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 1.

( 24 ) Ara d-Direttiva 86/653, b’mod partikolari l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 17(2)(a) tagħha; is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Kontogeorgas (C‑104/95, EU:C:1996:492, punt 26), u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Trendsetteuse (C‑828/18, EU:C:2020:438, punt 33).

( 25 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Marchon Germany (C‑315/14, EU:C:2015:585, b’mod partikolari l-punt 52).

( 26 ) C‑465/04, EU:C:2005:641, punti 1517 sa 19.

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2005:641, punt 41), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Marchon Germany (C‑315/14, EU:C:2015:585, punti 28 sa 35); ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 2.

( 28 ) Jeħtieġ ukoll ikun aċċertat jekk id-dritt ta’ aġent kummerċjali għal indennizz huwiex eskluż abbażi ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 86/653. Ara r-Rapport tal-Kummissjoni, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, f’p. 2.

( 29 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 31).

( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 3435), u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 26).

( 31 ) Ninnota li, mill-inqas mill-metodu ta’ kif jiġi kkalkolat l-indennizz fil-Ġermanja, jidhirli li, minkejja li bħala prinċipju kummissjoni mitlufa hija biss element wieħed fl-evalwazzjoni ta’ ekwità, fil-prattika l-indennizz jiġi stabbilit abbażi ta’ kommissjoni mitlufa. F’dan ir-rigward, ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2005:641, b’mod partikolari l-punt 17).

( 33 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 19), u tas‑16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency (C‑507/15, EU:C:2017:129, punt 29).

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 39), u tad‑19 ta’ April 2018, CMR (C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 34).

( 35 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2018, CMR (C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 35), u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Herios (C‑593/21, EU:C:2022:784, punt 27).

( 36 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ April 2016, Marchon Germany (C‑315/14, EU:C:2016:211, punt 33), u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Herios (C‑593/21, EU:C:2022:784, punt 27).

( 37 ) Dwar dan, kif innotaw xi kummentaturi, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija jkun il-fażi tar-relazzjoni ta’ aġenzija fejn aġenti kummerċjali jkunu l-iktar dgħajfa u, għalhekk, il-ħtieġa li huma jkunu protetti tkun fl-aqwa tagħha. Ara Saintier u Scholes, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 164‑165.

( 38 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Marchon Germany (C‑315/14, EU:C:2016:211, punt 42).

( 39 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 31), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, fid-dawl tat-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 86/653 “din, b’mod partikolari, hija intiża sabiex tassigura s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u, għalhekk, iċ-ċertezza legali fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali”.

( 40 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2005:641, punti 42 sa 44).

( 41 ) Dwar dan, ninnota li t-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jirreferi għall-kummissjoni mitlufa fuq in-negozju mwettaq ma’ “dawn il-klijenti”, u li l-istess espressjoni tidher fl-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni u, għalhekk, tista’ titqies sabiex tintuża f’kuntest simili. Għall-mistoqsija fis-seduta dwar dan il-punt, il-Kummissjoni indikat li l-kunċett ta’ “dawn il-klijenti” tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 ma jfissirx klijenti potenzjalment ġodda li l-aġent seta’ jġib lill-prinċipal, iżda l-klijenti l-ġodda u iktar b’saħħithom li l-aġent kien ġab lill-prinċipal matul il-perijodu tal-kuntratt ta’ aġenzija.

( 42 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Semen (C‑348/07, EU:C:2008:635, b’mod partikolari l-punti 20, 27 u 28).

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, Saintier u Scholes, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 122, li warrbu l-argument li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 86/653 jikkoinċidi mal-għoti ta’ indennizz skont l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

( 44 ) Meta kien mistoqsi fis-seduta dwar dan il-punt, il-Gvern Ċek ma ċaħadx li ż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet kienu jikkoinċidu, billi indika li dan ikun jiddependi mill-kuntratt ta’ aġenzija speċifiku.

( 45 ) C‑64/21, EU:C:2022:453, b’mod partikolari l-punti 86 sa 88 (bil-konklużjoni li interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 86/653 bħala fakultattiv ma hijiex f’kontradizzjoni mal-Artikoli 17 sa 19 ta’ din id-direttiva).

( 46 ) L-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 86/653 jipprovdi li aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kummissjoni fuq tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi tul il-perijodu kopert bil-kuntratt ta’ aġenzija meta t-tranżazzjoni tkun konkluża ma’ terz li jkun qabel akkwista bħala klijent għal tranżazzjonijiet tal-istess tip.

( 47 ) Dan kien segwit fis-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Rigall Arteria Management (C‑64/21, EU:C:2022:783, punti 28 sa 38), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien possibbli jkun hemm deroga b’mod kuntrattwali mid-dritt mogħti bl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 86/653 lil aġenti kummerċjali.

( 48 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 19), u tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 28). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2005:641, punti 45 sa 48).

( 49 ) Ara r-Rapport tal-Kummissjoni, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 2‑5. Kif innotat mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rapport jagħti informazzjoni ddettaljata għal dak li jikkonċerna l-kalkolu effettiv tal-indennizz u huwa intiż sabiex jiffaċilita interpretazzjoni iktar uniformi ta’ dan l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653. Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 35) u tas‑26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 22).

( 50 ) C‑348/07, EU:C:2009:195. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Ara wkoll, dwar dan, Saintier u Scholes, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 202‑214; Randolph u Davey, ikkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’p. 144‑147.

Top