Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0394

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fid-29 ta’ Settembru 2022.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:743

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    RANTOS

    ippreżentati fid‑29 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑394/21

    Bursa Română de Mărfuri SA

    vs

    Autoritatea Naţională de Reglementare în domeniul Energiei (ANRE)

    fil‑preżenza ta’:

    Federaţia Europeană a Comercianţilor de Energie

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/943 – Direttiva (UE) 2019/944 – Regolament (UE) 2015/1222 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi operatur nominat wieħed tas-suq tal-elettriku”

    Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) fil-kuntest tat-tilwima bejn il-Bursa Română de Mărfuri SA (iktar ’il quddiem il-“BRM”) u l-Autoritatea Naţională de Reglementare în domeniul Energiei (ANRE) (l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali għall-Enerġija, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANRE”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li toħroġ liċenzja lill-BRM għall-finijiet tal-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku.

    2.

    Id-domandi preliminari li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi jikkonċernaw, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament (UE) 2019/943 ( 2 ), interpretat fid-dawl tad-Direttiva (UE) 2019/944 ( 3 ), jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jallokaw liċenzja waħda għall-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u għalhekk jeżiġi li l-Istati Membri jtemmu monopolju legali eżistenti f’dan il-qasam kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa stabbiliti minn dan ir-regolament japplikawx għall-operatur tas-suq tal-elettriku, fid-dawl ukoll tal-kunċett ta’ “swieq tal-elettriku”, kif definit mill-imsemmi regolament b’referenza għal din id-direttiva.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament 2019/943

    3.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/943, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jimmira li:

    […]

    (b)

    l-prinċipji fundamentali stabbiliti għal swieq tal-elettriku integrati li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku kollha jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali kif ukoll jitolbu rispons tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija, u jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni bbażata fuq is-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    (c)

    regoli ġusti stabbiliti għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b’hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tas-swieq nazzjonali u reġjonali […];

    […]”

    4.

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (7)

    ‘operatur tas-suq’ tfisser entità li tipprovdi servizz li permezz tagħha l-offerti għall-bejgħ tal-elettriku jitqabblu mal-offerti għax-xiri tal-elettriku;

    (8)

    ‘operatur nominat tas-suq tal-elettriku’ jew ‘NEMO’ [ ( 4 )] tfisser operatur tas-suq innominat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq kompiti relatati mal-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem jew mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

    […]

    (25)

    ‘parteċipant fis-suq’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li qed tiġġenera, tixtri jew tbigħ l-elettriku, is-servizzi ta’ rispons tad-domanda jew il-ħżin, inkluż it-tqegħid ta’ ordnijiet għall-kummerċ, f’wieħed jew f’iktar mis-swieq tal-elettriku inkluż is-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar;

    […]

    (40)

    ‘swieq tal-elettriku’ tfisser swieq tal-elettriku kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2019/944];

    […]”

    5.

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku”, jipprovdi:

    “L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista;

    (b)

    ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista;

    (c)

    ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni aktar flessibbli, ġenerazzjoni sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju, u domanda aktar flessibbli;

    (d)

    il-klijenti għandhom jitħallew jibbenefikaw minn opportunitajiet tas-suq u minn kompetizzjoni akbar tas-swieq tal-konsumaturi u għandhom jingħataw is-setgħa jaġixxu bħala parteċipanti fis-suq tal-enerġija u fit-tranżizzjoni tal-enerġija;

    […]

    (h)

    għandhom jitneħħew b’mod progressiv l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u tas-servizzi relatati;

    […]

    (o)

    sabiex il-parteċipanti fis-suq ikunu protetti kontra r-riskji ta’ volatilità tal-prezzijiet abbażi tas-suq u tittaffa l- inċertezza fuq ir-redditu futur fuq l-investiment, l-prodotti ta’ ħħeġġjar fit-tul għandhom ikunu kummerċjabbli fil-Borża b’mod trasparenti u l-kuntratti ta’ provvista fit-tul tal-elettriku għandhom ikunu negozjabbli barra l-Borża, soġġetti għall-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni;

    […]”

    6.

    L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Limiti tekniċi tal-offerti”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

    “4.   L-awtoritajiet regolatorji jew [l-]awtorità kompetenti maħtura, għandhom jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw b’mod indirett il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, anki bil-limitazzjoni tal-offerti relatati mal-attivazzjoni tal-enerġija ta’ bbilanċjar, tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, miżuri mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, miżuri maħsuba biex jisfidaw ir-riżultati tas-suq, jew biex jipprevjenu l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti jew taż-żoni tal-offerti ddefiniti b’mod ineffiċjenti.

    5.   Meta awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti maħtura tidentifika politika jew miżura li tista’ tgħin biex tillimita l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, din għandha tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex telimina jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex tillimita l-impatt ta’ dik il-politika jew miżura fuq l-imġiba tal-offerti […]”

    Id‑Direttiva 2019/944

    7.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944 jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (9)

    ‘swieq tal-elettriku’ tfisser swieq tal-elettriku inklużi swieq b’bejgħ dirett (“over-the-counter”) u l-iskambji tal-enerġija elettrika, swieq għall-kummerċ ta’ enerġija, ta’ kapaċità kif ukoll servizzi ta’ bbilanċjar u servizzi anċillari f’kull perijodu ta’ żmien, inklużi s-swieq bil-quddiem, bil-ġurnata ’l quddiem u dawk fl-istess ġurnata;

    […]”

    8.

    Skont l-Artikolu 72 tagħha, id-Direttiva 2019/944 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2009/72/KE ( 5 ) b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, u l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva l-ġdida bdew japplikaw, skont l-Artikolu 73 tal-ewwel direttiva, minn din id-data.

    Ir‑Regolament (UE) 2015/1222

    9.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/1222 ( 6 ),, intitolat “Nomina ta’ NEMOs u revoka tan-nomina”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kull Stat Membru li huwa konness elettrikament ma’ żona ta’ offerti fi Stat Membru ieħor għandu jiżgura li NEMO wieħed jew iktar jiġu nnominati […] biex iwettqu l-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem/jew l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata. […]”

    10.

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Nomina ta’ NEMOs fil-każ ta’ monopolju ġuridiku nazzjonali għal servizzi ta’ nnegozjar [kummerċ]” jipprovdi:

    “1.   Jekk diġà jkun jeżisti monopolju ġuridiku nazzjonali li jeskludi n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed għal servizzi ta’ nnegozjar [kummerċ] tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata fi Stat Membru jew fiż-żona tal-offerti tal-Istat Membru fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat irid jinnotifika lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u jista’ jirrifjuta n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed f’żona tal-offerti.

    […]

    2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, monopolju legali nazzjonali jitqies li jeżisti meta l-liġi nazzjonali tistipula b’mod espliċitu li ma jistax ikun hemm iktar minn entità waħda fi ħdan Stat Membru jew żona tal-offerti ta’ Stat Membru li twettaq servizzi ta’ nnegozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata.

    3.   Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. […] Abbażi ta’ dak ir-rapport u jekk il-Kummissjoni jidhirlha li ma hemmx ġustifikazzjoni għall-kontinwazzjoni tal-monopolji ġuridiċi nazzjonali […], il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra miżuri leġiżlattivi xierqa jew miżuri xierqa oħra sabiex iżżid iktar il-kompetizzjoni u n-negozjar fost u bejn l-Istati Membri. […]”

    Id‑dritt Rumen

    11.

    Il-Legea energiei electrice şi a gazelor naturale nr. 123/2012 ( 7 ), tipprevedi, fl-Artikolu 10(2)(f) tagħha:

    “L-awtorità kompetenti għandha toħroġ liċenzji għall-:

    […]

    (f)

    ġestjoni tas-swieq ċentralizzati – liċenzja waħda biss hija allokata lill-operatur tas-suq tal-elettriku u liċenzja waħda biss hija allokata lill-operatur tas-suq tal-ibbilanċjar.”

    Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l-proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    12.

    Il-BRM hija kumpannija li għandha, skont il-liġi Rumena, kompetenza ġenerali sabiex tamministra swieq ta’ interess pubbliku.

    13.

    Fl‑20 ta’ Awwissu 2020, din il-kumpannija ppreżentat lill-ANRE talba għall-ħruġ ta’ liċenzja għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku ( 8 ).

    14.

    Peress li l-ANRE ċaħdet din it-talba għar-raġuni li l-unika liċenzja disponibbli, skont l-Artikolu 10(2)(f) tal-Liġi Nru 123/2012, kienet ġiet allokata lill-kumpannija OPCOM, il-BRM ippreżentat rikors quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), il-qorti tar-rinviju, sabiex l-ANRE tiġi ordnata toħroġilha l-liċenzja mitluba. Il-Federaţia Europeană a Comercianţilor de Energie (il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċjanti tal-Enerġija, ir-Rumanija) intervjeniet f’din it-tilwima.

    15.

    Essenzjalment, il-BRM sostniet li r-Regolament 2019/943, moqri flimkien mad-Direttiva 2019/944, kien jeżiġi li l-ANRE tevita kull monopolju fis-swieq ċentralizzati tal-elettriku, filwaqt li din tal-aħħar wieġbet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 123/2012, kienet diġà ġiet allokata liċenzja għall-amministrazzjoni ta’ dawn is-swieq b’mod validu lill-kumpannija OPCOM abbażi tar-Regolament 2015/1222 u li ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2019/943 ma kienet timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnominaw diversi operaturi għall-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ dawn is-swieq.

    16.

    F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell, Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Ir-[Regolament 2019/943], b’mod partikolari [il-punt (b) tal-Artikolu 1] u l-Artikolu 3 tiegħu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2019/944] jipprojbixxi Stat Membru milli jkompli jalloka liċenzja waħda għall-organizzazzjoni u għall-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-enerġija mid-dħul fis-seħħ tiegħu? Mill‑1 ta’ Jannar 2020, hemm obbligu għall-Istat Rumen li jtemm monopolju eżistenti fir-rigward tal-operat tas-suq tal-elettriku?

    2)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa fir-Regolament (UE) 2019/943, b’mod partikolari [il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1] u l-Artikolu 3 tiegħu, jinkludi l-operatur ta’ suq tal-elettriku[,] bħala [bħalma huwa] suq għan-negozju ta’ prodotti bażiċi? Huwa rilevanti għar-risposta li, għad-definizzjoni tas-suq tal-elettriku, il-punt 40 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jirreferi għad-definizzjoni tas-swieq tal-elettriku fil-[punt 9 tal-Artikolu 2] tad-Direttiva 2019/944?

    3)

    Għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ liċenzja waħda għall-operat tas-suq tal-elettriku minn Stat Membru jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kkunsidrati flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 106(1) TFUE?”

    17.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-BRM, mill-Gvern Rumen, Grieg, Taljan u Ċiprijott, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-BRM, il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċjanti tal-Enerġija, il-Gvern Rumen u dak Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li seħħet fit‑22 ta’ Ġunju 2022.

    Analiżi

    18.

    Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-analiżi tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari.

    Fuq l‑ewwel domanda preliminari

    19.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tiegħu, għandux, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944, jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, milli jallokaw liċenzja waħda għall-organizzazzjoni u għall-amministrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u li jobbliga lill-Istati Membri jtemmu monopolju legali eżistenti f’dan il-qasam.

    20.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-Rumanija, l-Artikolu 10(2)(f) tal-Liġi Nru 123/2012 jipprovdi li liċenzja waħda biss tista’ tiġi allokata lill-operatur tas-suq tal-elettriku u li din il-liċenzja ngħatat mill-ANRE lill-kumpannija OPCOM. L-attività li hija s-suġġett ta’ din il-liċenzja tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-amministrazzjoni tas-suq ċentralizzat tal-enerġija, li essenzjalment tikkonċerna l-amministrazzjoni ta’ żewġ tipi ta’ nnegozjar bejn bejjiegħa u xerrejja tal-elettriku: minn naħa, it-tranżazzjonijiet għal żmien qasir, jiġifieri l-kuntratti li jipprevedu l-provvista tal-elettriku għall-istess jum jew għall-ġurnata ta’ wara, u, min-naħa l-oħra, it-tranżazzjonijiet fit-tul, jiġifieri l-kuntratti li jipprevedu l-provvista tal-elettriku għal perijodu ta’ żmien itwal.

    21.

    Fl-ewwel lok, ninnota li r-Regolament 2019/943 u d-Direttiva 2019/944 ( 9 ), li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali dwar il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku, ma jipprovdux regoli speċifiċi dwar is-servizzi ta’ nnegozjar bejn bejjiegħa u xerrejja f’dawn is-swieq.

    22.

    Fil-fatt, minn naħa, il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, invokati mill-BRM għar-raġuni li jeħtieġu li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tas-swieq tal-elettriku, ma jipprekludux, waħedhom, l-eżistenza ta’ monopolju tal-organizzazzjoni u tal-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku. Min-naħa l-oħra, tali effett lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 10(4) u (5) tal-imsemmi regolament, invokat ukoll mill-BRM minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jistiednu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jidentifikaw il-politiki u l-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għar-restrizzjoni b’mod indirett tal-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa u, meta tali politiki u miżuri jkunu identifikati, li jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-impatt tagħhom.

    23.

    Fit-tieni lok, infakkar li r-Regolament Nru 2015/1222 jistabbilixxi regoli dwar in-nomina ta’ operaturi tas-suq tal-elettriku (in-NEMOs) sabiex jiżgura l-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem jew l-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata.

    24.

    Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, kull kandidat li jissodisfa l-kriterji stabbiliti minn tali regolament jista’ jiġi nnominat bħala NEMO u din in-nomina tista’ tiġi miċħuda biss jekk dawk il-kriterji ma jintlaħqux jew fil-każ indikat fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament.

    25.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jipprovdi deroga li tippermetti lill-Istati Membri jżommu monopolju legali nazzjonali fuq is-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata. Din id-deroga tirrigwarda biss is-servizzi ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata u għandha tkun suġġetta, bħal kull deroga oħra, għal interpretazzjoni stretta ( 10 ). Għaldaqstant, din ma tistax tiġi estiża għal swieq oħra tal-elettriku, bħal dak tas-servizzi ta’ nnegozjar fuq perijodu twil ta’ żmien.

    26.

    Bħala konklużjoni, għalkemm iż-żamma ta’ monopolju legali fuq is-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata tista’ tiġi ġġustifikata fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2015/1222, l-ebda regola ma hija prevista f’dan is-sens mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-suq intern tal-elettriku, u b’mod partikolari mir-Regolament 2019/943 u d-Direttiva 2019/944, fir-rigward taż-żamma ta’ monopolju legali fuq is-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku fuq perijodu twil ta’ żmien ( 11 ).

    27.

    Madankollu, peress li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-swieq tal-elettriku ma hijiex konklużiva fir-rigward tal-legalità ta’ monopolju fuq is-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku fuq perijodu twil ta’ żmien, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali monopolju jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE jew, jekk ikun il-każ, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, prevista fl-Artikolu 56 TFUE ( 12 ) u, f’każ li fl-affermattiv, jekk tali restrizzjoni hijiex ġġustifikata abbażi ta’ interess ġenerali u proporzjonat.

    28.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet ( 13 ).

    29.

    Peress li, skont id-dritt nazzjonali, huwa impossibbli li impriżi minn Stati Membri oħra jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni għal tranżazzjonijiet tal-enerġija fis-suq fuq perjodu twil ta’ żmien fir-Rumanija, permezz ta’ stabbiliment f’dan l-Istat Membru jew fuq bażi transkonfinali, għar-raġuni li huma ma jistgħux jiksbu liċenzja għal dan il-għan, tali leġiżlazzjoni, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għal sistema ta’ esklużività, tista’ titqies bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    30.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 10(2)(f) tal-Liġi Nru 123/2012 tista’ titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE jew mal-Artikolu 56 TFUE biss jekk jidher li hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li hija proporzjonata mal-għan segwit.

    31.

    Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma qajmitx din il-kwistjoni, hija ma pprovdietx informazzjoni dwar ir-raġuni leġittima li tista’ eventwalment tiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet iċċitati iktar ’il fuq ( 14 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar tali kwistjoni u, konsegwentement, wisq inqas dwar in-natura neċessarja u proporzjonata ta’ din ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    32.

    Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament 2019/943, b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tiegħu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-allokazzjoni ta’ liċenzja waħda biss għas-servizzi ta’ nnegozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2015/1222. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li jinżamm monopolju legali fuq is-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku fuq perjodu twil ta’ żmien, fejn il-legalità ta’ tali monopolju għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE.

    Fuq it‑tieni domanda preliminari

    33.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1, u l-Artikolu 3 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa japplikaw għall-operatur tas-suq tal-elettriku. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi wkoll jekk, il-fatt li l-kunċett ta’ “swieq tal-elettriku” li jinsab fil-punt 40 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa ddefinit b’referenza għad-definizzjoni tal-istess kunċett li tinsab fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, huwiex rilevanti.

    34.

    Fid-dawl tad-diversi definizzjonijiet u kontroreferenzi, b’mod partikolari fir-Regolament 2019/943 u fid-Direttiva 2019/944, jidhirli li l-operaturi tas-suq tal-elettriku, bħall-kumpannija OPCOM, huma koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

    35.

    Fil-fatt, operatur nominat tas-suq tal-elettriku jew NEMO jidħol, jew fid-definizzjoni ta’ “operatur tas-suq”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, li jirrigwarda “entità li tipprovdi servizz li permezz tagħha l-offerti għall-bejgħ tal-elettriku jitqabblu mal-offerti għax-xiri tal-elettriku” ( 15 ), jew inkella fid-definizzjoni, iktar wiesgħa, ta’ “parteċipant fis-suq” fis-sens tal-punt 25 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għal “persuna fiżika jew ġuridika, li qed tiġġenera, tixtri jew tbigħ l-elettriku, is-servizzi ta’ rispons tad-domanda jew il-ħżin, inkluż it-tqegħid ta’ ordnijiet għall-kummerċ, f’wieħed jew f’iktar mis-swieq tal-elettriku inkluż is-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar” ( 16 ).

    36.

    Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament 2019/943, u b’mod partikolari l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa japplikaw għall-operatur tas-suq tal-elettriku.

    Konklużjoni

    37.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:

    1)

    Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 1, u l-Artikolu 3 tiegħu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-allokazzjoni ta’ liċenzja waħda biss għas-servizzi ta’ nnegozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni.

    huwa ma jipprekludix li jinżamm monopolju legali fuq is-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku fuq perjodu twil ta’ żmien, fejn il-legalità ta’ tali monopolju għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE.

    2)

    Ir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1, u l-Artikolu 3 tiegħu,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa stabbiliti japplikaw għall-operatur tas-suq tal-elettriku.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

    ( 3 ) Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).

    ( 4 ) Akronimu Ingliż li jikkorrispondi għall-kliem “nominated electricity market operator”.

    ( 5 ) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

    ( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).

    ( 7 ) Il-Liġi Nru 123/2012 dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali tal‑10 ta’ Lulju 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 485, tas‑16 ta’ Lulju 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 123/2012”).

    ( 8 ) F’din id-data, skont il-Liġi Nru 123/2012, il-kumpannija OPCOM kienet l-unika operatur nominat tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata kif ukoll tas-suq għas-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku fuq perijodu twil ta’ żmien għaż-żona tal-offerti tar-Rumanija. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Rumen waqt is-seduta, il-leġiżlazzjoni Rumena neħħiet is-sistema ta’ liċenzja unika mis-sena 2022 u, matul din is-sena, il-BRM kisbet liċenzja għas-servizzi ta’ nnegozjar ta’ elettriku fuq perijodu twil ta’ żmien.

    ( 9 ) Nosserva, b’mod inċidentali, li għalkemm id-Direttiva 2019/944 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-każ, hija tista’ madankollu tkun punt ta’ riferiment għall-interpretazzjoni tar-Regolament 2019/943.

    ( 10 ) Fil-fatt, anki fir-rigward tas-servizzi ta’ nnegozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, l-applikazzjoni tal-mudell ta’ monopolju legali, li hija possibbli permezz ta’ din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi deroga mill-mudell ta’ kompetizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

    ( 11 ) Barra minn hekk, la r-Regolament 2019/943, la d-Direttiva 2019/944 u lanqas ir-Regolament 2015/1222 ma jġibu magħhom armonizzazzjoni sħiħa. Dan tal-aħħar, b’mod partikolari, jistabbilixxi sempliċiment “regoli armonizzati minimi” (ara, b’mod partikolari, il-premessa 3 tiegħu) u jikkonċerna biss l-akkoppjament singolu tal-ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata.

    ( 12 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑518/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:501, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) F’dan ir-rigward, nirrileva biss li, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ir-raġunijiet leġittimi enfasizzati mill-ANRE, jiġifieri d-daqs żgħir tas-suq Rumen u l-preżenza ta’ operatur wieħed tas-suq tal-elettriku fl-Istati Membri l-oħra (li, barra minn hekk, ma jidhirx li huwa korrett) ma humiex, prima facie, kapaċi jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet.

    ( 15 ) Ara wkoll, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2015/1222, li jipprovdi li “[i]n-NEMOs għandhom jaġixxu bħala operaturi tas-suq fi swieq nazzjonali jew reġjonali biex iwettqu akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata f’kooperazzjoni [mal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSO)]. […]” (enfasi miżjuda minni).

    ( 16 ) Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-operaturi tas-suq tal-elettriku jaqgħu wkoll taħt id-definizzjoni ta’ “impriża tal-elettriku”, fis-sens tal-punt 57 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, li ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-każ u li għalih l-punt 40 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jagħmel referenza, bħala “persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni, aggregazzjoni, rispons tad-domanda, ħżin tal-enerġija, provvista jew xiri tal-elettriku, u li tkun responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi jew tal-manutenzjoni relatati ma’ dawk il-funzjonijiet, iżda li ma tinkludix klijenti finali”.

    Top