Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0349

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati fit-13 ta’ Ottubru 2022.
    HYA et vs Spetsializirana prokuratura.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar tad-data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58 – Artikolu 15(1) – Limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-interċettazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna tal-konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat serju intenzjonat – Prassi li biha d-deċiżjoni titfassal skont mudell ta’ test stabbilit minn qabel u nieqes minn motivi individwalizzati – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża C-349/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:779

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    COLLINS

    ippreżentati fit‑13 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑349/21

    HYA,

    IP,

    DD,

    ZI,

    SS

    il-parti oħra fil-proċedura:

    Spetsializirana prokuratura

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 5(1) u Artikolu 15(1) – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza interċettazzjoni telefonika fir-rigward ta’ persuni ssuspettati li wettqu reat kriminali serju – Mudell jew formola standard – Motivazzjoni – Sorveljanza illegali – Ammissibbiltà ta’ prova li nkisbet b’mod illegali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 u Artikolu 47”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) tistaqsi jekk prassi fejn awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ miżuri ta’ sorveljanza moħbija għall-interċettazzjoni, reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ konverżazzjonijiet bejn persuni ssuspettati (iktar ’il quddiem “interċettazzjoni telefonika”) permezz ta’ mudell ġenerali ta’ test mingħajr ebda individwalizzazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE ( 2 ), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u l-premessa 11 tagħha. Hija tistaqsi wkoll jekk l-assenza ta’ motivazzjoni individwalizzata f’tali awtorizzazzjonijiet tistax tiġi rrimedjata permezz ta’ evalwazzjoni retrospettiva, de novo, mill-imħallef tas-smigħ u, fil-każ ta’ risposta negattiva, jekk provi li nstabu li nkisbu bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu ammessi bħala provi.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea

    2.

    Il-Premessa 2 tad-Direttiva 2002/58 tiddikjara:

    “Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem “il-Karta”]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dik il-Karta.”

    3.

    Il-Premessa 11 tad-Direttiva 2002/58 tiddikjara:

    “Bħad-Direttiva 95/46/KE ( 3 ), din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, [iktar ’il quddiem il-“KEDB”], hekk kif interpretati mid-deċi\jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-[KEDB].”

    4.

    Taħt l-intestatura “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

    5.

    L-Artikolu 15, bl-intestatura “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE” jiddikjara, fil-paragrafu (1) tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

    B.   Id-dritt Bulgaru

    6.

    L-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni Bulgara jipprevedi li “atti ġudizzjarji għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet”.

    7.

    L-Artikolu 34 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; iktar ’il quddiem in-“NPK”) ( 4 ) jipprevedi li “kull att tal-qorti għandu jkun fih […] motivazzjoni […]”

    8.

    L-Artikolu 172 tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   . L-awtoritajiet responsabbli għall-istadju preliminari tal-proċeduri jistgħu jagħmlu użu minn metodi investigattivi speċjali – tagħmir elettroniku u tekniku […], li għandhom iservu sabiex jirreġistraw l-attivitajiet tal-persuni ssorveljati […]

    (2)   . Metodi investigattivi speċjali għandhom jintużaw fejn dan huwa neċessarju għall-investigazzjoni ta’ reati kriminali intenzjonati serji […], fejn l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi inkwistjoni huwa impossibbli bi kwalunkwe mod ieħor, jew hemm diffikultajiet eċċezzjonali.”

    9.

    Skont l-Artikolu 173(1) tan-NPK:

    “Sabiex jintużaw il-metodi investigattivi speċjali fl-istadju preliminari tal-proċeduri, il-prosekutur pubbliku li jissorvelja għandu jissottometti lill-qorti talba bil-miktub li tiddikjara r-raġunijiet. […]”

    10.

    L-Artikolu 174 tan-NPK jipprevedi:

    “[…]

    (3)   . Awtorizzazzjoni għall-użu ta’ metodi investigattivi speċjali fi proċeduri fil-ġurisdizzjoni tal-Ispetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)] għandha tingħata minn qabel mill-President tagħha […]

    (4)   . L-awtorità indikata fil-paragrafi 2 sa 3 għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat […]’

    11.

    L-Artikolu 3(1) taz-Zakon za spetsialnite razuznavatelni sredstva (il-Liġi dwar il-Metodi Investigattivi Speċjali; iktar ’il quddiem iz-“ZSRS”) ( 5 ) jipprevedi:

    “Metodi investigattivi speċjali għandhom jintużaw fejn dan huwa neċessarju sabiex jipprevjenu u jiskopru reati kriminali intenzjonati serji […], fejn il-ġabra tal-informazzjoni neċessarja hija impossibbli bi kwalunkwe mod ieħor, jew hemm diffikultajiet eċċezzjonali.”

    12.

    L-Artikolu 12(1)(1) taz-ZSRS jipprevedi:

    “Metodi investigattivi speċjali għandhom jintużaw għal persuni li fir-rigward tagħhom hemm informazzjoni u bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huma qegħdin jippreparaw, iwettqu jew wettqu kwalunkwe mir-reati kriminali intenzjonati serji indikati fl-Artikolu 3(1).”

    13.

    L-Artikolu 13(1) taz-ZSRS jispeċifika l-awtoritajiet u l-aġenziji li jistgħu jitolbu sabiex jużaw metodi investigattivi speċjali u sabiex jagħmlu użu mill-informazzjoni u provi materjali miġbura permezz ta’ dawn il-metodi.

    14.

    L-Artikolu 14(1)(7) taz-ZSRS jiddikjara:

    “L-użu ta’ metodi investigattivi speċjali jeħtieġ talba bil-miktub motivata mill-kap amministrattiv rilevanti tal-awtoritajiet indikati fl-Artikolu 13(1) jew il-prosekutur pubbliku li jissorvelja, jew, skont il-każ, mill-awtorità indikata fl-Artikolu 13(3), u fil-każ tad-direttorat indikat fl-Artikolu 13(1)(7), mid-direttur tiegħu, li fiha […] r-raġunijiet għalfejn il-ġabra tal-informazzjoni neċessarja hija impossibbli bi kwalunkwe mod ieħor, jew deskrizzjoni tad-diffikultajiet eċċezzjonali li hemm għall-kollezzjoni tagħha.”

    15.

    L-Artikolu 15(1) taz-ZSRS jipprevedi:

    “Il-kapijiet tal-awtoritajiet indikati fl-Artikolu 13(1) jew il-prosekutur pubbliku li jissorvelja, u fil-każ tad-direttorat indikat fl-Artikolu 13(1)(7), il-President tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għall-konfiska ta’ assi miksuba b’mod illegali, għandhom jissottomettu t-talba lill-Presidenti tas-Sofiyski gradski sad [(il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija)], lill-qrati reġjonali jew militari rilevanti, lill-Ispetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)], jew lil Viċi-President li huwa awtorizzat minnhom, li għandhom, fi żmien 48 siegħa, jawtorizzaw bil-miktub l-użu ta’ metodi investigattivi speċjali jew jirrifjutaw l-użu tagħhom, u jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom.”

    III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16.

    L-Ispetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-prosekutur pubbliku speċjalizzat, il-Bulgarija) ressaq proċeduri kriminali kontra ħames persuni għall-parteċipazzjoni allegata tagħhom fi grupp kriminali organizzat li assista lil ċittadini ta’ pajjiż terz sabiex jidħlu fit-territorju Bulgaru b’mod illegali, u l-istess individwi kienu akkużati wkoll li taw jew ħadu tixħim b’konnessjoni ma’ dan l-att. Dawn l-atti jikkostitwixxu “reati serji” fid-dritt Bulgaru.

    17.

    Fl‑10 ta’ April 2017, waqt l-istadju preliminari tal-proċeduri, il-prosekutur ippreżenta rikors sabiex jintużaw metodi investigattivi speċjali, li jinkludu interċettazzjoni telefonika, fir-rigward ta’ wieħed mill-persuni akkużati, IP.

    18.

    Ir-rikors huwa itwal minn tmien paġni. L-ewwel paġna u n-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-paġni 2 sa 8 għandhom numru ta’ riferiment. Ir-rikors jibda b’deskrizzjoni tal-miżuri operazzjonali intenzjonati. Huwa jidentifika s-suġġett intenzjonat tal-miżuri bl-isem, numru ta’ identifikazzjoni, indirizz, funzjoni u post tax-xogħol. Huwa jiddikjara n-numru tal-mobajl u dettalji oħrajn tal-karta bi ħlas minn qabel użata mill-persuna li għandha titqiegħed taħt sorveljanza.

    19.

    Ir-rikors fih raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-miżuri ta’ sorveljanza. L-ewwel paragrafu taħt din l-intestatura jidentifika l-proċeduri preliminari u r-reat kriminali li qiegħed jiġi investigat, kemm b’riferiment għall-artikoli rilevanti tan-NPK kif ukoll għan-natura tar-reat. It-tieni paragrafu jirreferi għal testimonjanza ta’ xhud miksuba mill-Ispetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-prosekutur pubbliku speċjalizzat) dwar l-attività kriminali, l-istruttura tagħha u l-irwol tal-parteċipanti fiha. It-tielet paragrafu fih testimonjanza ta’ xhieda ulterjuri li tispeċifika kif ħadem il-grupp kriminali u l-involviment tal-persuna kkonċernata. Dan il-paragrafu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-mod li bih is-suġġett ikkomunika ma’ oħrajn fil-grupp kriminali, flimkien ma’ riferiment għan-numru tal-mobajl użat li jaqbel ma’ dak elenkat fl-ewwel paragrafu tar-rikors. Din is-sezzjoni tikkonkludi bl-osservazzjoni li t-testimonjanza tax-xhud tiġġustifika l-konklużjoni li grupp kriminali qiegħed jopera fil-Bulgarija.

    20.

    Ir-rikors jispjega għalfejn il-miżuri mitluba jitqiesu neċessarji u jistabbilixxi l-azzjonijiet li kienu diġà ttieħdu sabiex jiġu identifikati l-persuni involuti fil-grupp kriminali. Ir-rikors fih spjegazzjoni ddettaljata ulterjuri għalfejn l-attivitajiet tas-suġġett jiksru diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni.

    21.

    Il-paragrafu sussegwenti tar-rikors jistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn provi li jwasslu għall-kundanna ma jistgħux jinkisbu b’xi mod ieħor. Dan jasserixxi b’mod partikolari li l-persuni involuti jiffurmaw grupp magħluq u li huwa diffiċli li jinkisbu provi dwar il-laqgħat tagħhom. L-aħħar paragrafu tar-rikors jagħti dettalji tal-uffiċjal awtorizzat li għandu jkun innotifikat bir-riżultati tas-sorveljanza proposta.

    22.

    Fl-istess ġurnata, il-President tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (iktar ’il quddiem il-“Qorti Kriminali Speċjalizzata”) awtorizza l-interċettazzjoni ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi, ir-reġistrazzjoni tagħhom u l-ħażna tar-reġistrazzjonijiet għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. Id-digriet iniżżel l-isem u l-funzjoni tal-persuna li awtorizzat il-miżuri. Dan jiddikjara li l-awtorità li għamlet ir-rikors aġixxiet fil-kompetenza tagħha u li hemm indikazzjonijiet suffiċjenti li twettaq reat taħt l-Artikolu 172(2) tan-NPK jew l-Artikolu 3(1) taz-ZSRS, li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata). Dan jistabbilixxi li r-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 12, u 21 taz-ZSRS, jew tal-Artikolu 175(2) tan-NPK, huma ssodisfatti. Huwa jawtorizza l-metodi ta’ sorveljanza stabbiliti fir-rigward tal-persuna identifikata fir-rikors li għandha numru ta’ riferiment li jikkorrispondi ma’ dak li jidher fl-ewwel paġna u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-paġni 2 sa 8 tar-rikors. L-awtorizzazzjoni hija ffirmata, issiġillata u bid-data tal‑10 ta’ April 2017. L-ewwel paġna tat-talba għall-awtorizzazzjoni għandha l-istess firma, siġill u data.

    23.

    Rikorsi simili saru fir-rigward ta’ persuni oħrajn li qegħdin jiġu investigati b’konnessjoni mal-involviment tagħhom fl-istess grupp kriminali. Il-motivazzjoni mogħtija mill-President tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) tidher li hija identika, ħlief li f’kull każ l-awtorizzazzjoni tidher li tagħmel kontroreferenza għal rikors differenti.

    24.

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-mudell ġenerali ta’ test tal-awtorizzazzjonijiet ikopri x-xenarji varji li fihom sorveljanza moħbija tista’ tkun legalment awtorizzata. Hija prassi standard li l-awtorizzazzjoni ma tinkludix motivazzjoni individwalizzata għall-ħruġ tagħha. Il-qorti tar-rinviju għalhekk kellha dubji dwar jekk l-awtorizzazzjonijiet kinux irraġunati b’mod tajjeb.

    25.

    Bħala riżultat tal-miżuri ta’ sorveljanza awtorizzati, ċerti konverżazzjonijiet telefoniċi tal-persuni ssuspettati kienu rreġistrati u maħżuna. Il-qorti tar-rinviju taċċetta li dawn il-konverżazzjonijiet huma rilevanti sabiex jipprovaw l-akkużi kriminali kontra l-akkużati, iżda tistaqsi dwar jekk humiex ammissibbli fil-każ li l-awtorizzazzjonijiet jitqiesu li huma illegali. Hija għalhekk issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    Il-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 5(1) u tal-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jippermetti prassi tal-qrati nazzjonali fi proċeduri kriminali, li permezz tagħha l-qorti tawtorizza s-sorveljanza, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ konversazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni suspettati permezz ta’ mudell ġenerali ta’ test imfassal minn qabel li fih huwa sempliċement affermat, mingħajr ebda individwalizzazzjoni, li d-dispożizzjonijiet legali huma osservati?

    (2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva, jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni rċevuta wara tali awtorizzazzjoni tintuża sabiex tiġi pprovata l-akkuża?”

    26.

    IP, DD, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-smigħ fis‑6 ta’ Lulju 2022, l-Irlanda u l-Kummissjoni ppreżentaw argument orali u wieġbu għall-mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    27.

    Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, IP u DD jikkunsidraw li l-awtorizzazzjonijiet huma illegali għaliex ma fihomx motivazzjoni individwalizzata. Bħala riżultat, id-dritt għall-ħajja privata tagħhom ma kienx protett adegwatament minn indħil arbitrarju. Huma jsostnu wkoll li ma jistgħux jikkontestaw l-awtorizzazzjonijiet b’mod effettiv, u dan jikser id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u l-Kummissjoni huma tal-fehma li qari tar-rikors u tal-awtorizzazzjoni flimkien jista’ jkun suffiċjenti sabiex jippermetti lill-persuni akkużati li jibnu kontestazzjoni legali effettiva kontra l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu esklużi l-provi miksuba permezz tagħhom.

    28.

    Fir-rigward tat-tieni domanda, IP u DD jikkunsidraw li l-provi miksuba b’mod illegali ma humiex ammissibbli. DD huwa wkoll tal-fehma li ma huwiex possibbli għall-imħallef tas-smigħ sabiex jevalwa l-legalità tal-awtorizzazzjonijiet retrospettivament. L-Irlanda tikkunsidra li l-ammissibbiltà tal-provi hija kwistjoni proċedurali li ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni taqbel mal-Irlanda, bla ħsara għar-riżerva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, prova li tirrigwarda qasam tekniku li dwaru l-imħallfin ma għandhomx għarfien u li x’aktarx tinfluwenza b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti għandha tkun eskluża fiċ-ċirkustanzi kollha.

    IV. Kunsiderazzjoni tad-domandi preliminari

    A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

    29.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal interċettazzjoni telefonika fil-forma ta’ mudell ġenerali ta’ test li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet statutorji għal sorveljanza ġew osservati, iżda li ma fihiex raġunijiet individwalizzati, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u l-premessa 11 tagħha.

    1. Applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

    30.

    Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-operazzjonijiet kollha li jipproċessaw data personali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inklużi operazzjonijiet ta’ pproċessar li jirriżultaw minn obbligi li awtoritajiet pubbliċi jimponu fuq dawn il-fornituri. Huwa biss fejn Stati Membri jimplimentaw direttament miżuri li jidderogaw mir-regola li komunikazzjonijiet elettroniċi huma kunfidenzjali, mingħajr ma jimponu obbligi fuq fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li l-protezzjoni ta’ data ma tibqax koperta mid-Direttiva 2002/58 iżda mid-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 6 ), bir-riżultat li dawn il-miżuri nazzjonali għandhom josservaw, inter alia, id-dritt kostituzzjonali nazzjonali u l-KEDB ( 7 ).

    31.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiżvelax, u l-partijiet li attendew għas-smigħ ma setgħux jikkonfermaw, jekk il-miżuri ta’ sorveljanza inkwistjoni preżentement kinux implimentati minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. L-identità tal-korp li wettaq il-miżuri ta’ sorveljanza hija kwistjoni li għandha tiġi stabbilita mill-qorti nazzjonali.

    32.

    Sabiex nirrispondi għad-domandi preliminari, jiena ser nassumi li huma twettqu minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li l-miżuri għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 ( 8 ).

    33.

    It-tieni kwistjoni tirriżulta mill-fatt li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri sabiex “jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5 […]”. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju ma humiex daqs tant dwar il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 15(1), iżda huma iktar dwar kif il-ġudikatura tagħtihom effett. Dawn id-dubji jitfgħu lill-ewwel domanda preliminari ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58? Ma naħsibx li jagħmlu dan. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu fil-forma ta’ digriet motivat. Il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li l-awtorizzazzjonijiet jinkludu dikjarazzjoni fis-sens li r-rekwiżiti tal-liġi huma ssodisfatti. Il-kwistjoni hija jekk dan ir-raġunament huwiex suffiċjenti, minħabba li d-digrieti huma fil-forma ta’ mudell ta’ test li ma fihx raġunijiet individwalizzati. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju għalhekk jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tar-regoli nazzjonali u prassi ġudizzjarja applikabbli.

    2. Evalwazzjoni

    34.

    L-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien, jeħtieġu lill-Istati Membri essenzjalment sabiex jipprojbixxu s-smigħ, l-interċettazzjoni, il-ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet mingħajr il-kunsens tal-utenti, ħlief meta dan huwa neċessarju, xieraq u proporzjonat għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien, u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Tali miżuri għandhom ikunu skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità u dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) u (2) TUE.

    35.

    Skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta. Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

    36.

    Awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi jikkostitwixxu ndħil fid-drittijiet tal-persuni akkużati sanċiti fl-Artikolu 7 tal-Karta ( 9 ). Tali ndħil jista’ jitħalla biss, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jekk huwa previst mil-liġi u jekk, filwaqt li tiġi rrispettata l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ u ġenwinament jilħaq l-għanijiet ta’ interess ġenerali li tirrikonoxxi l-Unjoni.

    37.

    Il-prinċipju ta’ effettività huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fejn l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex issir impossibbli jew eċċessivament diffiċli ( 10 ). Dan jinkludi d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv ( 11 ). L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, barra minn hekk, jipprevedi li kull persuna li jinkisrulha d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. Fejn l-għotja tal-awtorizzazzjoni ma kinitx tinvolvi s-smigħ tas-suġġett tal-miżuri ta’ sorveljanza, bħal f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jirrigwarda stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li huwa rilevanti, u mhux it-tieni paragrafu dwar id-dritt għal smigħ xieraq.

    38.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li jekk id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta għandu jkun effettiv, il-persuna kkonċernata għandha tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, billi taqra din id-deċiżjoni jew inkella billi tistaqsi jew tirċievi notifika ta’ dawn ir-raġunijiet, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi, bl-għarfien sħiħ tal-fatti rilevanti, jekk ikunx utli li tippreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem qorti bil-ġurisdizzjoni li tistħarreġ il-legalità ta’ din id-deċiżjoni ( 12 ).

    39.

    Il-firxa tal-obbligu li tingħata motivazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-obbligu għandu jkun eżaminat fid-dawl tal-proċeduri fl-intier tagħhom u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jiġi aċċertat jekk dawk ikkonċernati jistgħux jippreżentaw appell xieraq u effettiv minn din id-deċiżjoni ( 13 ).

    40.

    F’din il-kawża, l-awtorizzazzjonijiet jikkonsistu f’mudell ġenerali ta’ test li fih ċerti elementi biss, bħan-numri ta’ riferiment, dati u s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-dewmien tal-miżuri ta’ sorveljanza, huma individwalizzati. Għalhekk ma huwiex possibbli għall-persuni akkużati sabiex jaċċertaw, permezz ta’ riferiment għal dan id-dokument, għalfejn l-imħallef li ta l-awtorizzazzjoni kkunsidra li kienu ġew issodisfatti r-rekwiżiti legali li jippermettu interċettazzjoni telefonika. Dawn l-individwi għalhekk ma jistgħux jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jiddeċiedu, bl-għarfien sħiħ tal-fatti rilevanti, jekk huwiex utli li jippreżentaw rikors lil qorti bil-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet bl-iskop finali li dawn il-provi jiġu ddikjarati inammissibbli.

    41.

    Madankollu, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv ma jeħtieġx neċessarjament lill-imħallef li ta l-awtorizzazzjoni sabiex jistabbilixxi, fi kliemu f’dan id-dokument, għalfejn huwa kkunsidra li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għotja tal-awtorizzazzjoni. Huwa suffiċjenti li r-raġunijiet għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu aċċertati b’mod affidabbli. Jekk ir-rikors għal awtorizzazzjoni fih spjegazzjoni ċara dwar ir-raġuni għalfejn l-awtorità jew l-uffiċjal li qegħdin jitolbu kkkunsidraw li l-miżuri ta’ sorveljanza għandhom jiġu awtorizzati, jista’ jiġi preżunt li r-raġunijiet iddikjarati fir-rikors huma dawk li pperswadew lill-imħallef sabiex jagħti l-awtorizzazzjoni ( 14 ). Dan huwa iktar u iktar għaliex, f’dan it-tip ta’ proċedura, ir-rikors u kull dokumentazzjoni li ssostnih huma l-unika bażi li fuqha l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata jew tiġi rrifjutata.

    42.

    Il-punti 18 sa 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet jiddikjaraw li n-numri ta’ riferiment u n-numri ta’ identifikazzjoni li jidhru fuq il-faċċata tal-awtorizzazzjonijiet jindikaw li kull awtorizzazzjoni tappartjeni lil rikors individwali fir-rigward ta’ persuna speċifika u numru tat-telefon. Ir-rikorsi huma strutturati u ddettaljati. It-testijiet ġuridiċi li l-imħallef għandu japplika sabiex jagħti awtorizzazzjoni huma relattivament sempliċi. Sakemm persuna akkużata tista’ tikseb kopja tar-rikors li wassal għall-għoti tal-awtorizzazzjoni fi żmien xieraq ( 15 ), hija possibbilment tkun f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet għalfejn ingħatat l-awtorizzazzjoni u sabiex tiddeċiedi, fuq bażi infurmata, jekk għandhiex tikkontestah. Sussegwentement huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina, fuq bażi ta’ każ b’każ u meħudin inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk id-dritt għal rimedju effettiv li l-persuni akkużati għandhom taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ġiex protett.

    43.

    L-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura konsistenza bejn id-drittijiet li jinstabu f’dan id-dokument u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti taħt il-KEDB, mingħajr ma tiġi affettwata b’mod ħażin l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Huwa f’dan il-kuntest li kien hemm diskussjoni matul is-smigħ dwar jekk l-approċċ deskritt fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet huwiex f’kunflitt mas-sentenza reċenti tal-Qorti EDB f’Ekimdzhiev ( 16 ), fejn dik il-qorti evalwat garanziji ġudizzjarji kontra l-arbitrarjetà u abbuż fir-rigward ta’ sorveljanza moħbija, iż-żamma u l-aċċess ta’ data ta’ komunikazzjonijiet fil-kuntest tal-prassi tal-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) fis-snin mill‑2015 sal‑2019.

    44.

    Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat li l-maġġoranza vasta tal-awtorizzazzjonijiet ta’ sorveljanza maħruġa ma kienx fihom motivazzjoni proprja. Madankollu hija osservat li l-assenza tar-raġunijiet waħedha ma kinitx twassal awtomatikament għall-konklużjoni li l-imħallfin ma kinux stħarrġu b’mod tajjeb ir-rikorsi għall-awtorizzazzjonijiet ta’ sorveljanza, għalkemm numru ta’ fatturi wasslu sabiex ikollha nuqqasijiet serji f’dan ir-rigward ( 17 ).

    45.

    Għal dawn il-finijiet huwa suffiċjenti li jiġi osservat li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ekimdzhiev, filwaqt li tqajjem tħassib sinjifikattiv dwar aspetti tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ sorveljanza moħbija fil-Bulgarija, ħalliet miftuħa l-possibbiltà li tali sorveljanza kienet awtorizzata f’ċirkustanzi fejn l-imħallef li jawtorizzaha kkunsidra tajjeb li kienet ġenwinament neċessarja, xierqa u proporzjonata. Fi kwalunkwe każ, persuna akkużata li hija suġġetta għal sorveljanza mwettqa skont awtorizzazzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet tal-għotja ta’ din l-awtorizzazzjoni u li tiddeċiedi, fuq bażi infurmata, jekk għandhiex tikkontestaha. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tevalwa, fi kwalunkwe każ, jekk tali kontestazzjoni hijiex fondata.

    46.

    Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda kif ġej:

    L-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) u l-premessa 11 tagħha, ma jipprekludux prassi fejn l-interċettazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati huma awtorizzati permezz ta’ mudell ġenerali ta’ test li fih huwa ddikjarat li d-dispożizzjonijiet statutorji ġew osservati iżda li ma fihx raġunijiet individwalizzati f’dan ir-rigward, sakemm ir-raġunijiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jsiru magħrufa b’mod affidabbli u kkontestati b’mod effettiv mill-persuna akkużata li kienet is-suġġett tas-sorveljanza billi taqra l-awtorizzazzjoni u r-rikors għal din l-awtorizzazzjoni flimkien.

    B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

    47.

    Minħabba li l-evalwazzjoni tal-legalità tal-awtorizzazzjoni hija kwistjoni għall-qorti tar-rinviju, it-tieni domanda preliminari teħtieġ risposta.

    48.

    It-tieni domanda preliminari hija bbażata fuq żewġ preżunzjonijiet. L-ewwel waħda hija li l-provi kontra nkisbu permezz ta’ sorveljanza moħbija mwettqa fuq awtorizzazzjoni li kienet illegali għaliex ma kinitx motivata b’mod xieraq. It-tieni hija li l-persuna akkużata li kienet is-suġġett ta’ din is-sorveljanza ma tistax tikkontesta b’mod effettiv il-bażi legali li fuqha hija kienet awtorizzata.

    49.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju tistaqsi jekk l-imħallef tas-smigħ jistax jirrimedja illegalità fl-awtorizzazzjoni minħabba nuqqas ta’ raġunijiet tajba. Għalkemm it-tħaddim u l-konsegwenzi ta’ tali evalwazzjoni retrospettiva ma humiex totalment ċari, u hemm dubji dwar jekk l-imħallef tas-smigħ għandux ġurisdizzjoni sabiex jirrimedja tali illegalità, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju jidher li huwa xieraq li titqies din il-kwistjoni.

    50.

    Il-Kummissjoni osservat li t-tieni domanda preliminari teħtieġ kunsiderazzjoni dwar kif kwalunkwe prova miksuba b’mod illegali jista’ jkollha impatt fuq il-ġustizzja globali tas-smigħ kriminali. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindirizzax din il-kwistjoni. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli, b’mod notevoli kif tali provi jkunu ttrattati fil-proċeduri li jkunu quddiemha. Il-kwistjoni li tqajjem il-Kummissjoni għalhekk tidher ipotetika kollha kemm hi, u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tindirizzaha fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju.

    1. Tista’ irregolarità fil-motivazzjoni ta’ awtorizzazzjoni tiġi rrimedjata permezz ta’ evalwazzjoni retrospettiva de novo?

    51.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma ġenerali ta’ data u aċċess għaliha tipprovdi risposta għal din id-domanda. Id-dritt nazzjonali għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet taħt liema fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu aċċess għad-data lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan għandu jkun fih regoli ċari u preċiżi sabiex jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri addottati għal dawn il-finijiet u jimponi salvagwardji minimi, sabiex persuni li d-data tagħhom tkun affettwata jkollhom garanziji suffiċjenti li tali data ser tkun protetta effettivament kontra r-riskju ta’ abbuż. L-indħil għandu jkun ristrett għal dak li huwa strettament neċessarju. Għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati, aċċess jista’ jingħata biss għad-data ta’ individwi ssuspettati li qegħdin jippjanaw, iwettqu jew li wettqu reat serju jew li huma mdaħħla b’xi mod jew ieħor f’tali reat. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-kundizzjonijiet huma osservati totalment, huwa essenzjali li dan l-aċċess ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel, minn qorti jew minn korp amministrattiv indipendenti, ta’ talba motivata ppreżentata mill-awtoritajiet xierqa fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali għall-prevenzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Din l-evalwazzjoni għandha tkun dejjem prospettiva, ħlief fil-każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikata, fejn għandha ssir fi żmien qasir wara ( 18 ). Kieku kien mod ieħor, sakemm tkun twettqet evalwazzjoni retrospettiva tal-legalità tal-miżuri ta’ sorveljanza, ikun laħaq seħħ indħil serju fid-drittijiet tal-akkużat u ta’ dawk affettwati b’mod kollaterali. In-nuqqas ta’ evalwazzjoni minn awtorità indipendenti għalhekk ma tistax tiġi rrimedjata billi ssir evalwazzjoni de novo retrospettivament.

    52.

    Isegwi li evalwazzjoni prospettiva biss tista’ tiżgura li ma humiex imposti obbligi bla bżonn fuq fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li l-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta ma jkunx arbitrarju u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ikunu ssodisfatti. Dan huwa konformi mal-approċċ adottat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha fi Dragojević ( 19 ), fejn hija ma aċċettatx prassi fejn il-qrati Kroati evalwaw retrospettivament jekk digrieti ta’ sorveljanza kinux legali fiż-żmien tal-ħruġ tagħhom.

    2. Ammissibbiltà ta’ provi miksuba b’mod illegali

    53.

    L-Artikolu 6 KEDB jiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq iżda ma jistabbilixxi ebda regoli dwar l-ammissibbiltà ta’ provi bħala tali, li primarjament hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem lanqas ma tikkunsidra li l-irwol tagħha huwa li tiddetermina l-ammissibbiltà ta’ provi miksuba b’mod illegali ( 20 ).

    54.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fuq il-kwistjoni, huwa għas-sistema ġuridika domestika ta’ kull Stat Membru sabiex tistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet intiżi li jipproteġu drittijiet li individwi jieħdu direttament mid-dritt tal-Unjoni, sakemm tali regoli ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (il-prinċipju ta’ effettività) ( 21 ). Dawn ir-regoli għandhom jirrispettaw ukoll id-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta’ legalità u l-Istat tad-dritt, li jidhru fost il-valuri ewlenin tal-Unjoni ( 22 ).

    55.

    Skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwa għall-qorti nazzjonali adita bil-proċeduri kriminali bbażati fuq informazzjoni jew provi miksuba bi ksur tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 2002/58, sabiex tiddetermina jekk id-dritt jew il-prassi nazzjonali jistabbilixxux regoli inqas favorevoli dwar l-ammissibbiltà u l-użu ta’ dan il-materjal minn dawk li jirregolaw l-ammissibbiltà u l-użu ta’ informazzjoni u provi miksuba bi ksur tad-dritt domestiku.

    56.

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-għan ta’ regoli nazzjonali dwar l-ammissibbiltà u użu ta’ informazzjoni u provi huwa, skont l-għażliet magħmula minn dawn ir-regoli, sabiex jiġi evitat li informazzjoni u provi li nkisbu b’mod illegali jippreġudikaw indebitament is-smigħ ta’ persuna ssuspettata li wettqet reati kriminali. Dan l-għan jista’ jinkiseb taħt id-dritt nazzjonali mhux biss billi jiġi pprojbit l-użu ta’ tali informazzjoni u provi waqt is-smigħ, iżda wkoll minn regoli u prassi nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni ta’, u l-piż li għandu jingħata lil, tali materjal jew billi jiġi kkunsidrat jekk dan il-materjal kienx inkiseb b’mod illegali meta tiġi imposta s-sentenza ( 23 ). Il-prinċipju ta’ effettività madankollu wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tifforma regola li teħtieġ l-esklużjoni obbligatorja tal-provi f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi. Fejn parti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq prova li tagħmel parti minn qasam tekniku li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti, din il-prova għandha tkun eskluża ( 24 ).

    57.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher dubjuża dwar dan l-approċċ. Huwa għalhekk utli li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza rilevanti.

    58.

    F’Mantovanelli l-prova kkontestata kienet tikkonsisti f’perizja medika, ibbażata fuq analiżi li saru fil-laboratorji, l-intervisti tal-esperti max-xhieda u ċerti dokumenti. Is-Sinjuri Mantovanelli la kienu tħallew jattendu għall-intervisti, u lanqas li jaraw id-dokumenti, iżda kienu tħallew jikkontestaw il-perizja meta ġiet ippreżentata l-qorti. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma kinitx konvinta li dik il-proċedura mogħtija lis-Sinjuri Mantovanelli kienet opportunità reali sabiex jikkummentaw b’mod effettiv dwar il-perizja. Il-kwistjoni li l-perit mediku ngħata struzzjonijiet biex jindirizza kienet preċiżament dik li l-qorti kellha tiddetermina, jiġifieri jekk il-fatti żvelawx negliġenza mill-persunal mediku tal-isptar fl-amministrazzjoni ta’ prodott mediċinali partikolari lil pazjent. Il-provi għalhekk kienu jagħmlu parti minn qasam tekniku li kien lil hinn mit-tagħrif tal-imħallef. Għalkemm il-qorti ma kinitx marbuta bil-liġi mal-konstatazzjonijiet tal-espert, huwa probabbli li dawn il-konstatazzjonijiet kien ser ikollhom influwenza sinjifikattiva fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti. Fid-dawl tar-rifjut tal-qorti tar-rikors tas-Sinjuri Mantovanelli sabiex jippreżentaw perizja ġdida kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, huma setgħu jesprimu l-ħsibijiet tagħhom b’mod effettiv qabel ma kienet ippreżentata l-perizja biss billi jipparteċipaw fl-intervisti mal-persunal mediku u billi jikkummentaw dwar id-dokumenti rilevanti. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk ikkonstatat li, globalment, il-proċeduri tal-qorti ma kinux xierqa ( 25 ).

    59.

    Fi Steffensen, kienu ttieħdu kampjuni ta’ prodott tal-ikel għal analiżi f’laboratorju. Ir-riżultat ta’ din l-analiżi fforma l-bażi għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi li l-prodott ma ssodisfax l-istandard ġuridiku meħtieġ. Skont id-direttiva rilevanti, il-manifattur kellu jkollu l-opportunità li jikseb it-tieni opinjoni sabiex jikkontesta din l-ewwel analiżi. Il-manifattur ma kienx innotifikat li kienu ttieħdu l-kampjuni u għalhekk ma setax jieħu kampjuni mill-istess prodott. Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi ċċitat Mantovanelli, osservat li l-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar jekk smigħ kienx xieraq skont l-Artikolu 6(1) KEDB jirrigwarda l-proċeduri meqjusa globalment, inkluż il-mod li bih ittieħdu l-provi. Hija ddeċidiet li kien għall-qorti nazzjonali sabiex teżamina jekk il-provi inkwistjoni f’dik il-kawża prinċipali kinux jirriżultaw minn qasam tekniku li dwaru l-imħallfin ma kellhomx informazzjoni u li setgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tagħhom tal-fatti. Jekk dawn iż-żewġ elementi kienu stabbiliti, il-qorti nazzjonali kellha tistaqsi jekk is-Sur Steffensen kellux opportunità reali sabiex jikkummenta b’mod effettiv fuq dawn il-provi. Fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti nazzjonali kienet meħtieġa li teskludi l-provi sabiex ma tiksirx il-prinċipju tal-kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq ( 26 ).

    60.

    L-opportunità għad-difiża li tikkummenta b’mod effettiv dwar il-provi hija parti mill-prinċipju tal-kontradittorju, li huwa aspett prinċipali tad-dritt għal smigħ xieraq protett mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 27 ) u l-Artikolu 6(1) KEDB ( 28 ). F’Mantovanelli u Steffensen, iż-żewġ qrati kienu kkonċernati li jevitaw sitwazzjonijiet fejn kawżi kienu deċiżi fuq il-bażi ta’ provi li jagħmlu parti minn qasam tekniku lil hinn mill-għarfien tal-imħallef, u li d-difiża ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta. Tali proċedura tkun tpoġġi vantaġġ indebitu fuq il-parti li tinvoka dawn il-provi, u b’dan il-mod tikser id-dritt tal-kontroparti għal smigħ xieraq.

    61.

    Il-provi inkwistjoni fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju huma differenti minn dawk ikkunsidrati f’Mantovanelli u Steffensen. Dawn jikkonsistu f’reġistrazzjonijiet ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi tal-persuni akkużati dwar l-attivitajiet li qegħdin jiġu investigati. Anki jekk dawn il-provi jista’ jkollhom influwenza sinjifikattiva fuq l-evalwazzjoni tal-imħallef tal-fatti, huwa diffiċli li wieħed jara kif dawn jistgħu jirrigwardaw qasam tekniku li dwaru ma għandhom l-ebda għarfien. Fi kwalunkwe każ, il-fatti ta’ Mantovanelli u Steffensen huma eżempji utli tal-applikazzjoni tal-prinċipji li qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni meta jiddeċiedu fi proċeduri kriminali.

    62.

    Huwa notevoli wkoll li, fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-approċċ xieraq f’Mantovanelli kien ikun li tingħata l-opportunità lis-Sinjuri Montovanelli sabiex jipparteċipaw fil-proċess li wassal għall-produzzjoni tal-perizja jew sabiex jingħatalhom permess sabiex jippreżentaw il-perizja li kienu kkummissjonaw huma stess. B’mod simili, is-soluzzjoni xierqa għal persuni fis-sitwazzjoni tas-Sur Steffensen kienet tkun li jingħataw opportunità sabiex jippreżentaw it-tieni opinjoni. L-esklużjoni tal-provi saret rilevanti biss għaliex mekkaniżmi proċedurali oħrajn, iktar xierqa, ma kinux - b’mod żbaljat - disponibbli. Hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk tali opportunitajiet jistgħux ikunu disponibbli lill-persuni akkużati fis-smigħ tagħhom.

    63.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda preliminari kif ġej:

    L-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) u l-premessa 11 tagħha, għandhom ikunu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali:

    li tikkonstata li prova nkisbet b’mod illegali fuq awtorizzazzjoni li ma kellhiex raġunijiet xierqa ma tistax sussegwentement tirrimedja din l-irregolarità billi tippermetti li jiġu ppreżentati raġunijiet għal din l-awtorizzazzjoni retrospettivament, ħlief għal kawżi ta’ urġenza debitament iġġustifikata;

    għandha tiddetermina l-ammissibbiltà tal-provi li nkisbu bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet skont id-dritt nazzjonali tagħha b’tali mod li tosserva (i) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji tal-proporzjonalità, tal-ekwivalenza u tal-effettività; u (ii) d-dritt għal smigħ xieraq, inkluż l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) KEDB;

    għandha teskludi provi miksuba bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fejn parti quddiemha ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq dawn il-provi, il-provi jagħmlu parti minn qasam tekniku li dwaru l-imħallfin ma għandhomx għarfien u dawn il-provi x’aktarx jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-konstatazzjonijiet tal-fatt fil-proċeduri kriminali inkwistjoni.

    V. Konklużjoni

    64.

    Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi), moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) u l-premessa 11 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    – ma jipprekludux prassi fejn l-interċettazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħażna ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati huma awtorizzati permezz ta’ mudell ġenerali ta’ test li fih huwa ddikjarat li d-dispożizzjonijiet statutorji ġew osservati iżda li ma fihx raġunijiet individwalizzata f’dan ir-rigward, sakemm ir-raġunijiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jsiru magħrufa b’mod affidabbli u kkontestati b’mod effettiv mill-persuna akkużata li kienet is-suġġett tas-sorveljanza billi taqra l-awtorizzazzjoni u r-rikors għal din l-awtorizzazzjoni flimkien.

    2)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) u l-premessa 11 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    qrati nazzjonali li jikkonstataw li prova nkisbet b’mod illegali fuq awtorizzazzjoni li ma kellhiex raġunijiet xierqa ma jistgħux sussegwentement jirrimedjaw din l-irregolarità billi jippermettu raġunijiet għal din l-awtorizzazzjoni retrospettivament, ħlief għal kawżi ta’ urġenza debitament iġġustifikata;

    qrati nazzjonali għandhom jiddeterminaw l-ammissibbiltà tal-provi li nkisbu bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet skont id-dritt nazzjonali tagħhom b’tali mod li josservaw (i) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji tal-proporzjonalità, tal-ekwivalenza u tal-effettività; u (ii) d-dritt għal smigħ xieraq, inkluż l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;

    qrati nazzjonali għandhom jeskludu provi miksuba bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fejn parti quddiemhom ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq dawn il-provi, il-provi jagħmlu parti minn qasam tekniku li dwaru l-imħallfin ma għandhomx għarfien u dawn il-provi x’aktarx jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-konstatazzjonijiet tal-fatt fil-proċeduri kriminali inkwistjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), imħassra u ssostitwita bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), kif emendat.

    ( 4 ) DV Nru 86 tat‑28 ta’ Ottubru 2005 (l-iktar verżjoni reċenti DV Nru 16 tat‑23 ta’ Frar 2021).

    ( 5 ) DV Nru 95 tal‑21 ta’ Ottubru 1997(L-iktar verżjoni reċenti Nru 69 tal‑4 ta’ Awwissu 2020).

    ( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

    ( 7 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 103).

    ( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C-698/15, EU:C:2016:970); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791); u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data li tirrigwarda komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152).

    ( 9 ) Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel and van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 19).

    ( 11 ) Għal diskussjoni dwar l-interazzjoni bejn il-prinċipju ta’ effettività u l-Artikolu 47 tal-Karta ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Banger (C‑89/17, EU:C:2018:225, punti 99 sa 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C-619/10, EU:C:2012:531, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C-302/13, EU:C:2014:2319, punti 51 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fi Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:247, punt 89).

    ( 15 ) Bla ħsara għar-redazzjoni pereżempju, ta’ sigrieti tan-negozju u informazzjoni personali jew sensittiva.

    ( 16 ) Il-Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2022, Ekimdzhiev et vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2022:0111JUD007007812).

    ( 17 ) Il-Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2022, Ekimdzhiev et vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR: 2022:0111JUD007007812, punti 313 sa 321).

    ( 18 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data li tirrigwarda komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of the Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punti 110112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Il-Qorti EDB, 15 ta’ Jannar 2015, Dragojević vs Il‑Kroazja, (CE:ECHR:2015:0115JUD006895511, punti 127 u 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 ) Il-Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2000, Khan vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2000:0512JUD003539497, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-Qorti EDB, 10 ta’ Marzu 2009, Bykov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0310JUD000437802, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C‑255/00, EU:C:2002:525, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 223 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Sentenzi tal‑10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “Steffensen”), u tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 34).

    ( 23 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 225), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data li tirrigwarda komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ir-regola toriġina mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) KEDB, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-prinċipju tal-kontradittorju; ara: Qorti EDB, 18 ta’ Marzu 1997, Mantovanelli vs Franza (CE:ECHR:1997:0318JUD002149793) (iktar ’il quddiem “Mantovanelli”), li għalih tirreferi s-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punt 78), kif tagħmel ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda ż-żamma ġenerali ta’ data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 226 u 227); u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data li tirrigwarda komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44)).

    ( 25 ) Il-Qorti EDB, 18 ta’ Marzu 1997, Mantovanelli vs Franza (CE:ECHR:1997:0318JUD002149793, punt 36).

    ( 26 ) C‑276/01, EU:C:2003:228, punti 767879). Sabiex jiġi evitat id-dubju, din ir-regola fiha tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fejn it-tliet kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, il-prova għandha tkun eskluża. Ma jirriżultax, madankollu, li qorti għandha tqis prova ammessa fejn it-tliet kundizzjonijiet kollha ma humiex issodisfatti. Finalment, ir-regola tapplika indipendentement minn jekk il-prova inkwistjoni inkisbitx b’mod legali jew illegali.

    ( 27 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 47); tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 55); u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data li tirrigwarda komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 28 ) Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

    Top