Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0209

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2023.


    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:223

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fis‑16 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawża C‑209/21 P

    Ryanair DAC

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – L‑Isvezja – COVID‑19 – Garanziji għal self intiż li jsostni lill-kumpanniji tal-ajru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet”

    1.

    L-appell li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża jaqa’ fil-kuntest ta’ tilwima importanti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fiha Ryanair tikkontesta s-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi li hija ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat il-miżuri ta’ sostenn adottati minn diversi Stati Membri b’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 favur kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju tagħhom fil-forma ta’ għajnuna individwali jew skemi ta’ għajnuna u bbażati, skont il-każ, fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE jew fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 2 ). F’din il-kawża, Ryanair DAC (iktar ’il quddiem: “Ryanair” jew “l-appellanti”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni ( 3 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

    I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali, is‑sentenza appellata, il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

    2.

    Il-fatti li fuqhom kien ibbażat ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huma deskritti kif ġej fil-punti 1 sa 3 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

    3.

    Fit‑3 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ skema ta’ garanziji għal self lil ċerti kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”), intiża li tiżgura li l-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja maħruġa minn dan l-Istat Membru, importanti għall-konnettività ta’ dan tal-aħħar, ikollhom biżżejjed likwidità sabiex jevitaw li d-disturb ikkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19 jikkomprometti l-vijabbiltà tagħhom u li tiġi ppreżervata l-kontinwità tal-attività ekonomika matul u wara l-kriżi attwali. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ibbenefikat lill-kumpanniji tal-ajru kollha detenturi, fl‑1 ta’ Jannar 2020, tal-liċenzja Svediża sabiex jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità ( 4 ), bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li l-attività prinċipali tagħhom kienet tikkonsisti fl-operat ta’ servizzi mhux regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. L-ammont massimu tas-self iggarantit taħt din l-iskema kien ta’ 5 biljun krona Svediża (SEK) u l-garanzija kienet irrigwardat krediti għall-investiment u krediti ta’ kapital operatorju, mogħtija sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020 u kellha tul massimu ta’ sitt snin. Fil‑11 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2366 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – COVID‑19: skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija, wara li kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” ( 5 ), emendata fit‑3 ta’ April 2020 ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti fil-punt 3.2 tal-imsemmi qafas temporanju, intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ garanziji fuq is-self”, u kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għaldaqstant, hija ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tagħha.

    4.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Mejju 2020, Ryanair ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Ryanair invokat erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv kien ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-ibbilanċjar tal-effetti benefiċjali tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, it-tielet motiv kien ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn Ryanair u r-rikors kollu kemm hu, ikkundannat lil Ryanair tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u ddeċidiet li r-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja kellhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    5.

    Permezz ta’ att ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2021, Ryanair ippreżentat l-appell li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fid‑19 ta’ Ottubru 2022 inżammet seduta komuni mal-Kawża C‑210/21 P, Ryanair vs Il-Kummissjoni, dwar miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa fuq l-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti kull xahar fil-perijodu ta’ bejn Marzu u Diċembru 2020, mogħtija minn Franza lill-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja operattiva maħruġa f’dan l-Istat Membru, li matulha Ryanair, il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw l-argumenti orali tagħhom.

    6.

    Ryanair titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u, sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. Ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika Franċiża jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

    II. Fuq l‑appell

    7.

    Insostenn tal-appell tagħha, Ryanair tqajjem ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-tieni wieħed fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti f’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-appellanti dwar il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet l-eżistenza ta’ obbligu tal-Kummissjoni li twettaq ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna, ir-raba’ wieħed fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, il-ħames wieħed fuq in-nuqqas ta’ konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ obbligu tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskema inkwistjoni.

    8.

    Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss l-ewwel tliet aggravji.

    A.   Fuq l‑ewwel aggravju

    9.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 25 sa 57 tas-sentenza appellata, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-eżistenza, fl-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità nieqsa minn ġustifikazzjoni ammissibbli. Dan l-aggravju huwa maqsum f’ħames ilmenti.

    10.

    Fil-motivi tas-sentenza appellata li hija s-suġġett ta’ dawn l-ilmenti, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat li “wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà [tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni], jiġifieri dak taż-żamma ta’ liċenzja Svediża, għandu bħala konsegwenza trattament differenti tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fl-Isvezja, li jistgħu jibbenefikaw minn self iggarantit mill-Istat, minn dawk li għandhom tali post tan-negozju fi Stat Membru ieħor u li joperaw fl-Isvezja, lejn l-Isvezja u mill-Isvezja abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan” (punt 30 tas-sentenza appellata). Hija sostniet imbagħad li anki jekk din id-differenza fit-trattament setgħet tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, kellu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, hija pprojbita kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm” u li, għaldaqstant, kellu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament kinitx permessa fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami kien jimplika, skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jkunux imorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (punt 31 tas-sentenza appellata). Għalhekk, l-ewwel, hija ddefinixxiet l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni (punti 32 u 33 tas-sentenza appellata) u, sussegwentement, eżaminat jekk il-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna kinux imorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u jekk dawn kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE (punti 34 sa 56 tas-sentenza appellata), filwaqt li wieġbet fin-negattiv għall-ewwel mistoqsija u fl-affermattiv għat-tieni waħda (punt 57 tas-sentenza appellata).

    1. Fuq l‑ewwel ilment

    11.

    Permezz tal-ewwel ilment tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità peress li, minkejja li, minn naħa, ikkonstatat l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji tal-ajru li l-istabbiliment prinċipali tagħhom kien jinsab fl-Isvezja u dawk li l-istabbiliment prinċipali tagħhom kien jinsab fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, ammettiet li tali differenza fit-trattament setgħet tikkostitwixxi diskriminazzjoni, hija kkonkludiet li din tal-aħħar kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE biss. Skont l-appellanti, din il-konklużjoni hija vvizzjata b’erba’ żbalji ta’ liġi differenti.

    12.

    Fl-ewwel lok, Ryanair issostni li, il-limitazzjoni tal-eliġibbiltà għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa fl-Isvezja tikkostitwixxi, skont is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management ( 7 ) – li l-Qorti Ġenerali deliberatament injorat – diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità. Fit-tieni lok, Ryanair issostni li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 107 TFUE ma jikkostitwixxix “dispożizzjoni speċjali” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE peress ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni. Fit-tielet lok, Ryanair issostni li diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità bħal dik introdotta mill-miżura kontenzjuża tista’ tiġi ġġustifikata biss fuq il-bażi tar-raġunijiet ta’ deroga espressament previsti mit-Trattat u, għaldaqstant, fir-rigward ta’ miżura li taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fuq ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika indikati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 52 TFUE, li għalih jirreferi l-Artikolu 62 TFUE. Il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, relatati man-neċessità li tinżamm il-konnettività tal-Isvezja, ma jaqgħux taħt dawn id-derogi. Fir-raba’ lok, Ryanair issostni li, anki jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma kinitx tapplika fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe każ naqset milli tevalwa jekk, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, is-sentenza International Jet Management, id-differenza fit-trattament introdotta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hijiex iġġustifikata minn “kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati”.

    13.

    Infakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi, minn naħa, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 8 ).

    14.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprevedi li, “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”. Skont ġurisprudenza stabbilita, tali dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid‑dritt tal‑Unjoni li fir‑rigward tagħhom it‑Trattati ma jistabbilixxux regoli speċifiċi li jipprojbixxu diskriminazzjoni ( 9 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu tali regoli, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE u fl-Artikolu 21 TFUE ( 10 ), id-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu tal-merkanzija (Artikoli 30, 34 u 110 TFUE) ( 11 ), il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) ( 12 ), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) ( 13 ), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 56 sa 62 TFUE) ( 14 ) u l-moviment liberu tal-kapital (Artikoli 63 u 65 TFUE) ( 15 ). L-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE hija għalhekk suġġetta għall-kundizzjoni li ma tkun tapplika l-ebda regola speċifika prevista mit-Trattati u intiża li tipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità għas-sitwazzjoni li tkun wasslet għad-diskriminazzjoni ( 16 ).

    15.

    Kif diġà esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑320/21 P, Ryanair vs Il‑Kummissjoni ( 17 ), għalkemm il-projbizzjoni ta’ għajnuna stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE hija intiża li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta permezz ta’ interventi tal-Istati Membri, li jkollhom tendenza li jiffavorixxu lil impriżi nazzjonali, għandi xi diffikultajiet sabiex nagħti lil din id-dispożizzjoni n-natura ta’ regola intiża li timplimenta l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-erba’ libertajiet. Fil-fatt, kif diġà ktibt f’dak il-kuntest, għalkemm bejn il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat hemm tendenza ta’ affinità ta’ għanijiet, jiġifieri l-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-libertajiet Ewropej, dawn ir-regoli jikkostitwixxu madankollu strument ta’ kontroll tad-diskriminazzjoni, iżda ma jinkludux fihom infushom regola ta’ nondiskriminazzjoni. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn jipprevedu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kompatibbiltà ta’ ċerta għajnuna mas-suq intern, jippermettu ċerti differenzi fit-trattament meta jkunu neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, u jkunu għalhekk rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, bħala “dispożizzjonijiet speċjali” tat-Trattati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

    16.

    It-tieni argument imqajjem minn Ryanair fil-kuntest tal-ilment inkwistjoni għandu għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

    17.

    Permezz tal-ewwel u r-raba’ argument tagħha, Ryanair, filwaqt li tirreferi għas-sentenza International Jet Management, issostni li l-kriterju ta’ għażla tal-benefiċjarji adottat mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni huwa ta’ natura diskriminatorja u ma huwiex iġġustifikat minn “kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità” fis-sens ta’ din is-sentenza.

    18.

    F’dan ir-rigward, infakkar qabel kollox li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ripetutament li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE qatt ma għandhom iwasslu għal riżultat li jmur kontra regoli speċifiċi tat-Trattat u li, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat jew tikser prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni ( 18 ). Dan il-limitu jirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat, li fil-kuntest tiegħu r-regoli dwar l-għajnuna ma jikkostitwixxux għalhekk “sistema magħluqa”.

    19.

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisprudenza ma teskludix mill-obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-ugwaljanza fit-trattament u l-libertajiet ta’ moviment ir-regoli li permezz tagħhom Stat Membru jiddefinixxi ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna. Tali esklużjoni la tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mir-riferiment ġenerali, fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għall “modalitajiet” tal-għajnuna, u lanqas mis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi ( 19 ), li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni aggravju, li nirreferi għall-analiżi tagħha.

    20.

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi rrikonċiljata mal-fatt li, fis-sistema tat-Trattat FUE, il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern għandha titwettaq permezz tal-priżma tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, li, kif intqal iktar ’il fuq, jaċċettaw differenzi fit-trattament sa fejn dawn ikunu neċessarji u proporzjonati għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija mit-Trattat u jkunu jikkostitwixxu, kif ġie ppreċiżat fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, “dispożizzjonijiet speċjali” skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

    21.

    Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li l-appellanti tibbaża fuq is-sentenza International Jet Management. Infakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 18 TFUE kien jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li kienet teżiġi mingħand trasportatur tal-ajru detentur ta’ liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tiegħu għal titjiriet li ġejjin minn pajjiżi terzi, filwaqt li tali awtorizzazzjoni ma kinitx meħtieġa għat-trasportaturi tal-ajru detenturi ta’ liċenzja operattiva maħruġa mill-ewwel Stat Membru. Wara li ppreċiżat li r-regoli dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini u dawk li ma humiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari minħabba n-nazzjonalità, jew is-sede f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma ta’ diskriminazzjoni moħbija li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal għall-istess riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’din is-sentenza, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ibbażata fuq l-Istat li joħroġ il-liċenzja operattiva, kienet tintroduċi kriterju ta’ distinzjoni li kien iwassal, fil-fatt, għall-istess riżultat bħal kriterju bbażata fuq in-nazzjonalità, peress li, konformement mal-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-liċenzja operattiva hija maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih it-trasportatur tal-ajru li jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(26) tal-istess regolament ( 20 ). Fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li fuqha huma bbażati l-argumenti ta’ Ryanair, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “[t]ali differenza ta’ trattament bħal din ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u hija proporzjonata għall-għan leġittimament segwit mil-liġi nazzjonali”.

    22.

    Nindika qabel kollox li, peress li ż-żamma ta’ liċenzja operattiva maħruġa fl-Isvezja hija waħda mir-rekwiżiti sabiex wieħed ikollu aċċess għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, Ryanair ma għandhiex tort li tikkunsidra, b’riferiment għas-sentenza International Jet Management, li ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ tali skema huwa ddefinit, fost affarijiet oħra, abbażi ta’ “kriterju ta’ distinzjoni li jwassal, fil-fatt, għall-istess riżultat bħal kriterju bbażata fuq in-nazzjonalità” ( 21 ). Madankollu, l-analoġiji tal-kawża ineżami ma’ dik li tat lok għal din is-sentenza u għalhekk il-possibbiltà ta’ traspożizzjoni għall-kawża ineżami tal-prinċipji stabbiliti minnha, hija limitata, fil-fehma tiegħi, għal din il-konstatazzjoni biss.

    23.

    Fil-fatt, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom karatteristiċi speċifiċi għalihom, li ma humiex biss proċedurali, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. B’mod partikolari, skont in-natura tal-miżura inkwistjoni u l-għan imfittex minnha, ir-rekwiżit ta’ rabta mat-territorju nazzjonali għall-finijiet tal-eliġibbiltà għall-għajnuna jista’ jkun kemm neċessarju kif ukoll proporzjonat, b’tali mod li anki kriterju ta’ distinzjoni, bħal dak użat sabiex jiġi ddefinit iċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ibbażat, essenzjalment, fuq is-sede tal-impriża ( 22 ), jista’, skont il-każ, ikun iġġustifikat u nondiskriminatorju ( 23 ).

    24.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li seta’ jkun hemm diskriminazzjoni biss jekk u sa fejn ir-rekwiżit ta’ liċenzja maħruġa fl-Isvezja ma kienx jirriżulta xieraq u proporzjonat mal-għan imfittex mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 24 ).

    25.

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li s-sentenza International Jet Management titqies li hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, inqis li kunsiderazzjonijiet relatati man-neċessità li tinżamm il-konnettività tal-Isvezja b’mod ġenerali u dik interna għat-territorju Svediż b’mod partikolari, inkluża l-kontinwazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru essenzjali, anki marbuta mal-istat ta’ emerġenza sanitarja maħluq mill-pandemija tal-COVID‑19 – neċessità li, kif ser jintwera aħjar sussegwentement, tikkostitwixxi l-għan fundamentali mfittex mil-leġiżlatur Svediż fl-istabbiliment tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni – jistgħu jikkostitwixxu “kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati” ( 25 ), ta’ natura mhux purament ekonomika ( 26 ), fis-sens ta’ din is-sentenza. Fi kwalunkwe każ, anki f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tibqa’ l-bażi tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. Il-punt 68 tas-sentenza International Jet Management jippreċiża fil-fatt li l-kunsiderazzjonijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġġustifika differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità – li, fil-każ ineżami, għandu jiġi enfasizzat, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fis-sentenza International Jet Management, ma tiffavorixxix lill-kumpanniji tal-ajru kollha li għandhom liċenzja maħruġa mill-Iżvezja, iżda biss lil dawk li jissodisfaw kriterji speċifiċi supplimentari – għandhom ikunu “proporzjonat[i] għall-għan leġittimament segwit mil-liġi nazzjonali”.

    26.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel u r-raba’ argument imqajma minn Ryanair fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel aggravju tagħha huma infondati. Fir-rigward tat-tielet argument, sa fejn dan jissovrapponi essenzjalment ma’ dawk imressqa fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, nirreferi għall-eżami ta’ dan l-aggravju.

    27.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel ilment tal-ewwel aggravju, għall-parti eżaminata sa issa, għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.

    2. Fuq it‑tieni lment

    28.

    Permezz tat-tieni lment tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-punt 32 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali affermat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li “tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19 […] billi tiżgura l-konnettività tal-Isvezja”, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi u bi żnaturament tal-fatti. Fil-fatt, skont l-appellanti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-għan veru ta’ din l-iskema kien li tiġi żgurata likwidità suffiċjenti għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja operattiva maħruġa fl-Isvezja, magħżula fuq il-bażi ta’ kriterju diskriminatorju bbażat fuq in-nazzjonalità.

    29.

    Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, inqis li l-Qorti Ġenerali identifikat b’mod korrett l-għan prinċipali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fin-neċessità li tiġi żgurata l-konnettività interna u esterna tal-Isvezja u, mingħajr ma wettqet l-iżbalji allegati fil-konfront tagħha mill-appellanti, ikkonkludiet, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li tali għan kien konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE li jippermetti lill-Istati Membri jirrimedjaw għal disturb serju tal-ekonomija tagħhom. L-għan li jiġi żgurat il-kollegament bl-ajru tat-territorju Svediż huwa espress b’mod ċar kemm fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija deskritta l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif ukoll fil-premessa 43 ta’ din id-deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni tevalwa r-rilevanza ta’ dan l-għan u tal-modalitajiet sabiex dan jintlaħaq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Minn dawn il-premessi, imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza appellata, jirriżulta b’mod evidenti li l-għażla tal-benefiċjarji tal-iskema fuq il-bażi tal-kriterju taż-żamma ta’ liċenzja operattiva maħruġa fl-Isvezja sservi sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan u tikkostitwixxi mezz sabiex dan jintlaħaq, bħar-rekwiżit ta’ operazzjoni ta’ titjiriet minn u lejn jew fi ħdan it-territorju Svediż u l-esklużjoni tat-titjiriet bin-noleġġ, u mhux, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, għan fih innifsu.

    30.

    Din il-konklużjoni la hija kkontestata mit-trattament speċjali rriżervat mill-awtoritajiet Svediżi għal SAS AB (iktar ’il quddiem “SAS”) ( 27 ), li tikkostitwixxi waħda mill-kumpanniji tal-ajru li l-iktar tikkontribwixxi għall-konnettività tal-Isvezja, u lanqas mill-fatt li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellu jkollhom liċenzja operattiva maħruġa mill-Isvezja qabel l‑1 ta’ Jannar 2020, peress li din id-data, filwaqt li kienet preċedenti għal dik li fiha l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikklassifikat uffiċjalment l-epidemija tal-COVID‑19 bħala pandemija (il‑11 ta’ Marzu 2020), tinsab f’perijodu, ftit qabel, li fih l-emerġenza sanitarja diġà kienet bdiet isseħħ ( 28 ) u għalhekk din ma tistax, kuntrarjament għal dak li tidher li ssostni Ryanair, titqies bħala totalment separata mill-avveniment li l-iskema tal-għajnuna inkwistjoni kellha l-intenzjoni li tirrimedja għall-konsegwenzi tiegħu.

    3. Fuq it‑tielet ilment

    31.

    L-appellanti ssostni li, billi kkonkludiet, fil-punti 38 sa 44 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, in-neċessità li l-aċċess għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tiġi limitata biss għall-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja operattiva maħruġa mill-awtoritajiet Svediżi, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturat il-fatti b’mod manifest.

    32.

    Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata “fir-rigward tan-natura xierqa tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”, li, fid-dawl tal-fatt li din l-iskema kellha l-forma ta’ garanziji mill-Istat għal self għal perijodu massimu ta’ sitt snin, “il-kriterju taż-żamma ta’ liċenzja Svediża [kien] jippermetti li tiġi żgurata ċerta stabbiltà tal-preżenza, tal-inqas amministrattiva u finanzjarja, ta’ dawn tal-aħħar”, u b’hekk ippermetta, minn naħa, lill-awtoritajiet Svediżi jikkontrollaw il-modalitajiet tal-użu tal-għajnuna b’mod li l-garanzija mill-Istat tintuża mill-inqas possibbli (punt 40) u ppermettilhom, min-naħa l-oħra, iwettqu, skont l-obbligi riżultanti b’mod partikolari mill-Artikolu 5 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1008/2008, kontroll finanzjarju tal-benefiċjarji (punt 41). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkonkludiet, dejjem fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, li l-istess kontroll ma kienx ikun possibbli fuq il-“kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju Svediż, sempliċement bħala fornituri ta’ servizzi”, peress li, minn naħa, “provvista ta’ servizzi tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, tieqaf fi żmien qasir ħafna, jekk mhux saħansitra immedjatament” (punt 40) u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Svediżi ma għandhom l-ebda kompetenza, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1008/2008, “sabiex jissorveljaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Svediża” (punt 41). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008 “jistabbilixxu obbligi regolatorji reċiproċi bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża u l-awtoritajiet Svediżi u, għalhekk, rabta speċifika u stabbli bejniethom li tissodisfa b’mod xieraq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jeżiġu li l-għajnuna tirrimedja disturb serju fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat”.

    33.

    L-appellanti tqajjem tliet argumenti distinti.

    34.

    Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda riferiment għall-possibbiltà għall-awtoritajiet Svediżi li jikkontrollaw il-modalitajiet ta’ użu tal-għajnuna mill-kumpanniji benefiċjarji. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkompletat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li ab origine kellha nuqqasijiet.

    35.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-punt 43 tad-deċiżjoni appellata, il-Kummissjoni tirreferi espressament għall-fatt li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa fl-Isvezja għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom f’dan l-Istat Membru u huma hemmhekk suġġetti għal monitoraġġ regolari tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment Ryanair, il-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’dik tagħha stess, iżda l-iktar l-iktar spjegatha. F’dan ir-rigward, infakkar li, għalkemm, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-leġittimità skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax fi kwalunkwe każ, tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħha ( 29 ), hija tista’ madankollu, ħlief fil-każ fejn ebda element materjali ma jkun jiġġustifikah, titwassal tinterpreta l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, u, f’ċerti ċirkustanzi, saħansitra tiċħad il-motivazzjoni formali adottata minn dan tal-aħħar ( 30 ). Issa, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, sabiex twieġeb għall-ilment imqajjem mill-appellanti, tipproċedi għal interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata konformi mal-indikazzjonijiet inklużi fiha u, għalhekk, ma pproċediet bl-ebda sostituzzjoni tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    36.

    Fit-tieni lok, Ryanair issostni li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-Qorti Ġenerali, ma teżisti l-ebda rabta bejn il-fatt li l-kumpannija tal-ajru benefiċjarja ta’ għajnuna tkun detentriċi ta’ liċenzja operattiva maħruġa fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-kapaċità ta’ dan l-Istat Membru li jikkontrolla l-użu tal-għajnuna. Il-kontroll imwettaq skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1008/2008 mill-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji għandu, fil-fatt, biss l-għan li jiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jkollhom f’kull mument fondi suffiċjenti sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-attivitajiet tagħhom. Din l-awtorità ma għandha l-ebda setgħa vinkolanti fir-rigward ta’ dawn it-trasportaturi fir-rigward tal-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħhom. Ryanair targumenta wkoll li r-Renju tal-Isvezja seta’ jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna għal impenji oġġettivi ta’ kontroll tal-użu tagħha mill-benefiċjarji iktar milli jimponi rekwiżit diskriminatorju bbażat fuq in-nazzjonalità. Bħala eżempju hija tiċċita d-Deċiżjoni 2010/13/KE ( 31 ), li fiha l-Kummissjoni ddikjarat inkompatibbli mas-suq intern miżura Ġermaniża li kienet tillimita l-għajnuna inkwistjoni għall-impriżi biss li kellhom is-sede legali tagħhom u l-uffiċċji ta’ tmexxija tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat billi sostniet li n-neċessità li tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji setgħet tiġi ssodisfatta b’mezzi inqas diskriminatorji.

    37.

    F’dan ir-rigward, nosserva li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 1008/2008, l-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ kull Stat Membru għandha l-fakultà li tivverifika, f’kull mument, ir-riżultati finanzjarji ta’ trasportatur tal-ajru Komunitarju li lilu tkun ħarġet liċenzja operattiva, billi titlob l-informazzjoni rilevanti (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1008/2008). Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità finanzjarja persistenti tat-trasportaturi tal-ajru awtorizzati, din l-awtorità għandha s-setgħa li teżiġi, minbarra l-kontijiet iċċertifikati għal kull sena finanzjarja, bilanċ programmattiku, data relatata mad-dħul u mal-ispejjeż passati u futuri, rapporti dwar il-movimenti ta’ fondi u pjanijiet ta’ likwidità (ara l-Anness I tar-Regolament Nru 1008/2008, punt 3), kif ukoll, f’ċirkustanzi speċifiċi – b’mod partikolari fil-każ ta’ attivazzjoni ta’ servizzi tal-ajru ġodda jew ta’ modifiki sostanzjali tal-portata tal-attività – “pjan azjendali”, li jinkludi, għal żmien partikolari, “kull deskrizzjoni dettaljata ta’ l-attivitajiet kummerċjali maħsuba mit-trasportatur ta’ l-ajru għall-perijodu in kwistjoni, b’mod partikolari għar-rigward ta’ l-iżvilupp tas-suq mistenni u l-investimenti li għandhom isiru, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi ta’ dawn l-attivitajiet” (ara l-Artikolu 8(5) u (6) u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ pjan azjendali fl-Artikolu 2(12) ta’ dan ir-regolament).

    38.

    Indipendentement mill-għan speċifiku tal-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji jew min-nuqqas ta’ setgħat effettivi ta’ infurzar fuq l-użu tar-riżorsi finanzjarji tat-trasportaturi tal-ajru awtorizzati, tirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq il-possibbiltà effettiva, u anzi n-natura obbligatorja, ta’ monitoraġġ kontinwu u wiesgħa li jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jagħti għajnuna, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li jivverifikaw l-użu tagħha u, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ għajnuna fil-forma ta’ garanzija pubblika, li jevalwaw b’mod konkret ir-riskju li din tal-aħħar tiġi attivata. Barra minn hekk, ma narax għalfejn il-fatt li s-setgħat ta’ kontroll mogħtija mir-Regolament Nru 1008/2008 lill-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji jintużaw ukoll sabiex jiġi vverifikat l-użu, mit-trasportaturi tal-ajru awtorizzati, ta’ riżorsi tal-Istat mogħtija fil-kuntest tal-attività ta’ trasport suġġetta għal kontroll jikkostitwixxi, kif issostni Ryanair, ksur ta’ dan ir-regolament, u dan anki jekk jiġi preżunt li l-għan tas-setgħat mogħtija lil dawn l-awtoritajiet huwa biss li tiġi żgurata s-sigurtà tat-trasport bl-ajru.

    39.

    Issa, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor ma humiex suġġetti għal monitoraġġ bħal dak deskritt iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif irrilevaw ġustament kemm il-Gvern Svediż kif ukoll il-Gvern Franċiż, kontroll analogu f’termini ta’ portata u ta’ intensità – li jirrifletti l-intensità tar-rabta li torbot lil kull trasportatur tal-ajru mal-Istat tal-għoti tal-liċenzja operattiva – diffiċilment jista’ jiġi impost kuntrattwalment fuq dawn il-kumpanniji bħala kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna. L-eżempju mogħti minn Ryanair tal-kumpannija Estonjana Nordica, li magħha l-Isvezja kkonkludiet kuntratt ta’ servizz pubbliku, ma huwiex rilevanti fil-każ ineżami fejn il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna fil-forma ta’ garanzija mill-Istat u għalhekk hija kwistjoni li jiġi vverifikat kif il-kumpannija tal-ajru interessata tonora s-self mogħti u mhux sa fejn tissodisfa l-obbligi ta’ servizzi pubbliku assunti ( 32 ). Bl-istess mod, dan l-eżempju ma huwiex rilevanti anki jekk jiġi preżunt li japplika ( 33 ) r-riferiment magħmula minn Ryanair għad-Deċiżjoni 2010/13, peress li, f’din id-deċiżjoni, l-għajnuna kienet, kif intqal, limitata biss għall-kumpanniji li kellhom simultanjament is-sede legali u amministrattiva fl-Istat Membru inkwistjoni, rekwiżit doppju li kien jeskludi ċentri ta’ attività, fergħat u sussidjarji ta’ impriżi tal-Unjoni, li l-Kummissjoni ġġudikat bħala mhux iġġustifikat min-neċessità, invokata minn dan l-Istat Membru, li jitwettqu l-kontrolli neċessarji fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-investituri. Issa, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1008/2008, li jirreferi għall-kunċett ta’ “post prinċipali tan-negozju” ( 34 ), moqri flimkien mal-Artikolu 2(26) ta’ dan ir-regolament, ma jeħtieġx tali kumulu. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tingħata u hija mmaniġġjata minn awtorità amministrattiva differenti minn dik li teżerċita l-kontroll la jikkontesta l-effettività tal-kontrolli li għalihom huma suġġetti fl-Isvezja l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-għajnuna u lanqas l-istabbiltà tal-preżenza ta’ dawn il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru, elementi li t-tnejn li huma jippermettu, kif sostniet il-Qorti Ġenerali, monitoraġġ iktar faċli tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-għajnuna.

    40.

    Fit-tielet lok Ryanair issostni li r-Regolament Nru 1008/2008 ma jimponi fuq il-kumpanniji tal-ajru l-ebda obbligu li jipprovdu servizzi li jkunu ġejjin minn jew sejrin lejn l-Istat Membru li jkun ħarġilhom liċenzja operattiva jew fit-territorju tiegħu u lanqas ma jirrendi iktar diffiċli, għal dawn il-kumpanniji, li jinterrompu tali servizzi meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru li joperaw taħt skema ta’ provvista ta’ servizzi.

    41.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tidher li timplika Ryanair, fil-punti 40 sa 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma affermat jew imqar sempliċement implikat l-eżistenza ta’ obbligu għat-trasportaturi tal-ajru detenturi ta’ liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru partikolari li joperaw fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, hija sempliċement osservat li ż-żamma ta’ tali liċenzja tiżgura “ċerta stabbiltà tal-preżenza, tal-inqas amministrattiva u finanzjarja” ta’ dawn it-trasportaturi, affermazzjoni li ma tistax tiġi kkontestata.

    42.

    Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 40 tas-sentenza appellata, ikkontestata mill-appellanti, li skontha provvista ta’ servizzi tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, tieqaf fi żmien qasir ħafna, jew saħansitra immedjatament, nirrileva li Ryanair tillimita ruħha li tosserva li l-ebda dispożizzjoni espressa tar-Regolament Nru 1008/2008 jew tad-dritt tal-Unjoni ma “tirrendi inqas diffiċli” il-waqfien ta’ attività fi Stat Membru għal kumpannija tal-ajru li ma tkunx detentriċi ta’ liċenzja maħruġa f’dan l-Istat Membru meta mqabbla ma’ kumpannija li jkollha tali liċenzja. Issa, tali argument, minbarra li ma jippermettix li tiġi invalidata l-imsemmija dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, jinjora l-fatt li, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, ir-rabtiet stabbli u reċiproċi bejn trasportatur tal-ajru u Stat Membru ta’ ħruġ tal-liċenzja huma tali li ma huwiex probabbli li tal-ewwel jiddeċiedi li jwaqqaf kull attività fit-territorju tat-tieni, bl-istess mod li huwa improbabbli li trasportatur tal-ajru jistabbilixxi l-post prinċipali tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1008/2008, li jinkludi b’mod partikolari l-kontroll operattiv u l-immaniġġjar taż-żamma tal-adegwatezza għall-avjazzjoni, fi Stat Membru li fih ma jkollu l-ebda intenzjoni li jwettaq xi attività. L-istess Ryanair, minkejja l-istatus tagħha ta’ kumpannija panewropea u anki jekk, kif sostnut minnha, tittrasporta iktar passiġġieri minn u lejn il-Ġermanja, Spanja jew l-Italja milli minn u lejn l-Irlanda, pajjiż li għandha l-liċenzja operattiva tiegħu, tibqa’ madankollu l-iktar kumpannija tal-ajru Irlandiża importanti, li għal iktar minn 35 sena tagħti “kontribut inkomparabbli” għall-konnettività u għall-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru ( 35 ). Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Svediż, mingħajr ma ġie kkontestat minn Ryanair, isostni fir-risposta tiegħu li ma jeżistux kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja operattiva maħruġa fl-Isvezja li ma jipprovdux servizzi tal-ajru lejn, minn jew fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    43.

    Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-iżbalji li bihom hija akkużata minn Ryanair meta kkonkludiet, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, li, billi llimita l-benefiċċju tal-għajnuna biss għall-kumpanniji tal-ajru li kellhom liċenzja Svediża, ir-Renju tal-Isvezja kien leġittimament fittex li jiżgura l-eżistenza ta’ rabta permanenti bejnu u bejn il-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-garanzija tiegħu – anki jekk kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzji maħruġa fi Stati Membri oħra setgħu jikkontribwixxu sa ċertu punt għall-konnettività u għall-ekonomija Svediża – u li tali limitazzjoni kienet idonea sabiex jinkiseb l-għan ta’ rimedju għad-disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru. Inżid li l-eżistenza ta’ tali rabta permanenti kellha importanza partikolari f’kuntest ta’ kriżi u ta’ inċertezza bħal dak maħluq mill-pandemija tal-COVID‑19, li jista’ jaffettwa b’mod qawwi l-għażliet kummerċjali tal-kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju Svediż.

    44.

    Għalhekk inqis li t-tielet ilment tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

    4. Fuq ir‑raba’ lment

    45.

    Permezz tar-raba’ lment tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni li, billi ċaħdet, fil-punti 45 sa 54 tas-sentenza appellata, l-argumenti mqajma mressqa mill-appellanti dwar in-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturat il-fatti b’mod manifest.

    46.

    Hija tressaq ħames argumenti f’dan is-sens.

    47.

    Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li “r-rekwiżit doppju ta’ liċenzja Svediża u tas-servizz ipprovdut lit-territorju Svediż permezz ta’ titjiriet regolari huwa l-aħjar mod li tiġi żgurata n-natura perenni tal-preżenza ta’ kumpannija tal-ajru fl-imsemmi territorju”. Skont l-appellanti, il-ġustifikazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali dejjem fil-punt 45 tas-sentenza appellata, jiġifieri li “l-preżenza tal-post prinċipali tan-negozju ta’ kumpannija tal-ajru fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari ”, sa fejn “tikkorrispondi għall-post ta’ teħid tad-deċiżjonijiet amministrattivi u finanzjarji”, “[hija] partikolarment importanti f’dan il-każ sabiex jiġi żgurat li l-konnettività tal-Isvezja ma tiġix interrotta minn ġurnata għal oħra”, hija bbażata fuq allegazzjonijiet ipotetiċi u żbaljati, peress li l-kriterju essenzjali li jwassal lil kumpannija tal-ajru sabiex tinterrompi jew iżomm is-servizzi tagħha huwa l-istrateġija kummerċjali tagħha li ma tiddependix mill-post fejn jinsab l-istabbiliment prinċipali tagħha.

    48.

    Peress li dan l-argument jikkoinċidi essenzjalment ma’ argumenti mqajma fil-kuntest tat-tieni lment, ser nillimita ruħi li nirreferi għall-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Is-sempliċi fatt li, ġuridikament u b’mod astratt, kumpannija tal-ajru tista’ twaqqaf kull attività fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu hija jkollha l-liċenzja operattiva bl-istess faċilità bħal kumpannija tal-ajru li tkun topera f’dan l-Istat Membru taħt l-iskema ta’ provvista ta’ servizzi, ma jippermettix li jiġi kkontestat il-fatt, li fuqu bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali, li skontu, fil-prattika, tali waqfien huwa improbabbli ħafna minħabba r-rabtiet reċiproċi eżistenti bejn it-trasportatur tal-ajru u l-Istat Membru tal-ħruġ tal-liċenzja. Fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li l-kumpanniji tal-ajru mhux detenturi ta’ liċenzja fl-Istat Membru fejn joperaw “għandhom it-tendenza li joffru konnettività iktar rapida”, l-appellanti ma tispjegax ir-rilevanza tagħha fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li hija tikkontesta. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni hija bbażata fuq data li fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħha, ikkontestata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tiħux pożizzjoni, kif jirriżulta mill-punt 55 tas-sentenza appellata li l-appellanti ma tikkontestax fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    49.

    Fit-tieni lok, Ryanair tikkontesta d-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li tgħid li “l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli jikkontribwixxu, kumplessivament, b’mod ewlieni għas-servizz regolari pprovdut lill-Isvezja kemm fir-rigward tal-merkanzija kif ukoll tat-trasport tal-passiġġieri”. Skont l-appellanti, minn naħa, din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq żnaturament manifest tal-fatti, peress li d-data pprovduta mill-Qorti Ġenerali stess, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, turi li l-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja Svediża jikkostitwixxu minoranza f’tnejn mit-tliet segmenti li fihom huma maqsuma s-servizzi tal-ajru li huma koperti mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-titjiriet fi ħdan l-Unjoni (49 %) u t-titjiriet barra mill-Unjoni (35 %). Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dikjarazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li timplika li impriża jew kategorija ta’ impriżi li tkun tissodisfa “b’mod ewlieni” l-għan tal-miżura għandha dritt għall-għajnuna kollha li hija tipprevedi. Ryanair issostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, meta kklassifikat bħala “ammont kruċjali” il-fatt li, fl‑2019, il-kumpanniji tal-ajru li kellhom liċenzja Svediża kienu jiżguraw 98 % tat-traffiku intern tal-passiġġieri u 84 % tat-trasport intern tal-merkanzija. Evalwazzjoni korretta ta’ din id-data fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kellha twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li, peress li t-traffiku intern kien jikkostitwixxi parti minima mit-traffiku totali tal-Isvezja, huwa ma setax waħdu jiġġustifika l-kriterju ta’ żamma ta’ liċenzja nazzjonali. Barra minn hekk, l-appellanti tosserva li, jekk l-għan effettivament segwit mill-awtoritajiet Svediżi kien li tiġi żgurata l-konnettività interna tal-Isvezja, miżura li ssostni wkoll l-attivitajiet mhux nazzjonali tal-kumpanniji tal-ajru li jkollhom liċenzja maħruġa minn dan l-Istat Membru kellha titqies fiha nnifisha bħala sproporzjonata.

    50.

    L-argumenti ta’ Ryanair ma jikkonvinċunix.

    51.

    Fil-fatt, minn qari flimkien tal-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata jirriżulta li, meta qieset li l-kumpanniji tal-ajru li kellhom liċenzja Svediża jikkontribwixxu iktar, globalment, għall-konnessjoni fl-Isvezja, il-Qorti Ġenerali fir-realtà riedet turi l-kontribuzzjoni globalment ikbar ta’ dawn il-kumpanniji għall-kisba tal-għan ġenerali li tiġi żgurata l-konnettività ta’ dan l-Istat Membru fil-komponenti differenti tiegħu, ikkostitwiti mit-trasport intern u estern ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-aħħar parti tal-punt 49 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali ssostni li, billi tiffoka fuq is-sehem tagħha fis-suq Svediż tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri minn u lejn l-Isvezja, l-appellanti “ma tgħid xejn dwar il-fatt li l-konnettività tal-Isvezja ma hijiex biss żgurata mit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, minn naħa, u mit-trasport li ma huwiex intern fl-Isvezja, min-naħa l-oħra, iżda hija wkoll żgurata bit-trasport bl-ajru ta’ merkanzija u permezz tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri interni”. Minn din il-perspettiva, il-fatt biss li, kif tenfasizza Ryanair, il-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja Svediża ma għandhomx sehem maġġoritarju fit-trasport intern u estern tal-passiġġieri fl-Unjoni, ma għandux l-importanza deċiżiva li tattribwixxilu l-appellanti.

    52.

    Barra minn hekk, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji ta’ liġi li bihom hija akkużata mill-appellanti, u lanqas ma wettqet ebda żnaturament tal-fatti – li Ryanair barra minn hekk ma tinvokax speċifikament – billi enfasizzat l-importanza partikolari għar-Renju tal-Isvezja li jiżgura l-konnettività interna tal-ajru, fid-dawl tal-karatteristiċi ġeografiċi ta’ dan l-Istat Membru.

    53.

    Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Svediż enfasizza b’mod partikolari r-rilevanza li għandu t-trasport bl-ajru sabiex tiġi żgurata l-mobbiltà fl-Isvezja, b’mod partikolari fejn ma jeżistux rotot tat-toroq fissi, kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, l-importanza tat-trasport intern tal-merkanzija għall-ekonomija tal-pajjiż. Huwa għalhekk komprensibbli li, fit-tfittix tal-għan ta’ rimedju għad-disturb tal-ekonomija kkawżat mill-pandemija billi jiżguraw il-konnettività tal-Isvezja, l-awtoritajiet Svediżi rrikonoxxew rilevanza partikolari għall-konnettività interna. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkunsidrat bħala fundamentali d-data dwar il-kopertura tat-traffiku intern ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri mill-kumpanniji tal-ajru detenturi ta’ liċenzja Svediża. Issa, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Isvezja jsostni, mingħajr ma huwa kkontestat minn Ryanair fuq dan il-punt, li l-impriżi kollha li għandhom awtorizzazzjoni Svediża u li huma eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jikkontribwixxu, ftit jew wisq, għall-konnettività interna tal-Isvezja. Il-kriterju dwar iż-żamma ta’ din il-liċenzja jirrifletti għalhekk ir-realtà tas-suq Svediż tat-trasport bl-ajru.

    54.

    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, is-sempliċi fatt li, fil-kuntest tal-istrateġija implimentata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fl-istabbiliment ta’ skema ta’ għajnuna bl-għan li jintlaħaq għan partikolari, ċerti għanijiet speċifiċi fi ħdan dan l-għan iktar ġenerali jieħdu, għal dawn l-awtoritajiet, importanza ikbar ma jimplikax awtomatikament li l-iskema hija sproporzjonata minħabba s-sempliċi fatt li ċ-ċirku tal-benefiċjarji ma huwiex iddefinit b’mod li jirrendi ammissibbli biss lill-impriżi jew attivitajiet li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet speċifiċi.

    55.

    Fit-tielet lok, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma evalwatx, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, l-effetti ta’ din l-iskema fuq il-kompetizzjoni. Din l-evalwazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-modalitajiet ta’ għoti tal-għajnuna jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Peress li l-argument żviluppat minn Ryanair fuq dan il-punt jikkoinċidi ma’ dak żviluppat insostenn tat-tielet aggravju tagħha, nirreferi għall-analiżi ta’ dak l-aggravju.

    56.

    Fir-raba’ lok, Ryanair tikkontesta r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata sabiex tiġġustifika l-eliġibbiltà għall-għajnuna ta’ kumpanniji tal-ajru li jikkontribwixxu b’mod inqas minnha għall-konnessjoni tal-Isvezja, filwaqt li tinjora l-importanza tas-sehem tagħha mis-suq ta’ 5 %.

    57.

    F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li rrilevat li l-għoti ta’ fondi pubbliċi fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE jimplika li “l-għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat, minkejja f’diffikultà serja, tista’ tirrimedja għad-disturb tal-ekonomija tiegħu, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li jistgħu jippermettu l-istabbiliment mill-ġdid tal-imsemmija ekonomija”, ippreċiżat li, “[f]ilwaqt li jitfakkar li r-riżorsi li jistgħu jiġu allokati mill-Istat Membru kkonċernat ma humiex infiniti u għalhekk għandhom jissodisfaw ċerti prijoritajiet, ma [setax] jiġi injorat li l-imsemmi Stat Membru kellu jieħu inkunsiderazzjoni kumpanniji tal-ajru li, għalkemm huma iżgħar mir-rikorrenti, […] jittrasportaw inqas passiġġieri u li jkollhom dħul mill-bejgħ inqas, kienu jiffokaw fuq il-provvista tas-servizz intern tat-territorju Svediż, li kien jikkostitwixxi sfida iktar vitali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tat-territorju Svediż u l-perijodu eċċezzjonali kkaratterizzat mill-pandemija.” Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li “xejn ma kien jiggarantixxi lir-Renju tal-Isvezja li l-kontribuzzjoni għall-konnettività ta’ dan il-pajjiż ta’ kumpannija tal-ajru ffokata fuq it-trasport bl-ajru mhux intern ta’ passiġġieri, li l-post prinċipali tan-negozju tagħha ma kienx jinsab fit-territorju tiegħu, tinżamm wara l-kriżi, jekk jiġi preżunt li ngħatilha l-benefiċċju tal-garanzija mill-Istat”. Sussegwentement, hija rreferiet għas-sitwazzjoni tal-appellanti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi osservat li s-sehem tagħha mis-suq ma kienx waqaf jonqos, billi niżel minn 11.8 % għal 5 %, u li hija kellha l-intenzjoni li tnaqqas il-preżenza fiżika tagħha fit-territorju Svediż għal bażi waħda biss, f’Göteborg, fejn hija kellha biss ajruplan wieħed. Skont l-appellanti, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi kkritikat għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri għandhom riżorsi limitati, huma jkunu perfettament f’pożizzjoni li jistabbilixxu skema li fiha l-għajnuna, filwaqt li tkun suġġetta għal massimu, titqassam fl-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità u b’koerenza mal-għan imfittex. Min-naħa l-oħra, la tnaqqis eventwali tas-sehem mis-suq, u lanqas in-numru ta’ bażijiet jew ta’ ajruplani ma jissemmew bħala kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata.

    58.

    Fil-fehma tiegħi, l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda. Qabel kollox, nirrileva li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-fatt li l-kumpanniji tal-ajru li kellhom sehem mis-suq iżgħar minn tagħha kienu eliġibbli għall-għajnuna kien jikkostitwixxi element ta’ inkoerenza tal-iskema, filwaqt li enfasizzat in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni tal-kumpanniji benefiċjarji għall-konnettività tal-Isvezja minn perspettiva mhux biss “kwantitattiva”, iżda wkoll “kwalitattiva”. Tali approċċ, li jimplika l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiddefinixxu prijoritajiet sabiex jintlaħaq l-għan ta’ għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ma huwiex, kif diġà ntqal fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fih innifsu kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl ukoll tar-riżorsi limitati mqiegħda għad-dispożizzjoni tat-tfittxija ta’ dan l-għan, b’mod partikolari f’kuntest ta’ kriżi ġeneralizzata bħal dik maħluqa mill-pandemija tal-COVID‑19.

    59.

    Minn din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali, ġustament, għamlet riferiment għall-importanza li, fir-rigward tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kellhom il-kumpanniji iżgħar jew attivi f’setturi speċifiċi, bħal, mhux biss it-trasport għal finijiet mediċi jew ta’ salvataġġ imsemmi speċifikament mill-Qorti Ġenerali, iżda wkoll, kif sostna l-Gvern Svediż, il-kollegament ta’ żoni periferiċi tal-Isvezja jew ukoll it-trasport intern ta’ merkanzija, b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi tal-avveniment straordinarju li kkostitwixxiet il-pandemija tal-COVID‑19, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mmirat li tirrimedja l-konsegwenzi tiegħu fuq l-ekonomija Svediża. Fejn l-appellanti ssostni li dan ir-raġunament kien jimplika li kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika li l-kumpanniji kollha b’liċenzja Svediża kellhom “għan speċifiku”, hija tinjora l-fatt li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma rreferietx biss għall-kumpanniji tal-ajru li jsegwu “għanijiet speċifiċi”, iżda b’mod iktar ġenerali għas-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li, indipendentement mid-daqs tagħhom u mis-sehem tagħhom mis-suq, “kienu jiffokaw fuq il-provvista tas-servizz intern tat-territorju Svediż”. Issa, peress li, kif intqal iktar ’il fuq, jidher li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpanniji tal-ajru kollha benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienu jikkontribwixxu ftit jew wisq għal dan il-kollegament, l-argument ta’ Ryanair huwa ineffettiv.

    60.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Ryanair li, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet kriterji ta’ eliġibbiltà addizzjonali għal dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fejn, f’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sitwazzjoni tal-appellanti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija riedet biss turi l-garanzija inqas li kumpannija tal-ajru li l-post prinċipali tan-negozju tagħha ma kienx tinsab fit-territorju Svediż u li l-attività tagħha kienet iffokata fuq it-trasport estern tal-passiġġieri kienet f’pożizzjoni li tipprovdi lill-awtoritajiet Svediżi fir-rigward taż-żamma tal-attivitajiet tagħha f’dan it-territorju wara l-kriżi.

    61.

    Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata “tiddeċiedi b’mod astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati”. Ir-riferiment għas-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni ( 36 ) huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din is-sentenza li tirreferi biss għall-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ miżuri alternattivi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni. L-esklużjoni tal-Kummissjoni mill-obbligu li teżamina jekk jeżistux miżuri inqas restrittivi tkun tiċħad l-essenza stess tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kawża ineżami, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa, skont l-appellanti, iktar u iktar kritikabbli peress li d-distribuzzjoni tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-bażi tal-ishma mis-suq kienet għażla perfettament possibbli.

    62.

    Qabel kollox ngħid li d-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 53 tas-sentenza appellata, ikkontestata mill-appellanti, ma hijiex, fil-fehma tiegħi, aċċettabbli u għandha, tal-inqas, tiġi kkwalifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    63.

    Huwa minnu li, kif ifakkar il-Gvern Franċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Denkavit italiana ( 37 ) li l-kunċett ta’ għajnuna msemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE jirreferi għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li permezz tagħhom, sabiex ifittxu għanijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, dawn iqegħdu r-riżorsi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-impriżi jew ta’ suġġetti oħra tad-dritt, billi jagħtuhom vantaġġi intiżi sabiex jiffavorixxu t-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi jew soċjali mfittxija u li għalhekk “id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna u l-modalitajiet ta’ din il-miżura jikkostitwixxu għażla politika li għandhom jagħmlu l-organi leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 38 ).

    64.

    Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri ma humiex obbligati, meta jiddefinixxu l-modalitajiet tal-għoti ta’ għajnuna, u b’mod partikolari ċ-ċirku ta’ persuni li jibbenefikaw minnha, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-komponenti kollha tiegħu. Issa, dan il-prinċipju jeħtieġ li jintwera li l-miżura inkwistjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li dan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi ( 39 ). L-appellanti għalhekk għandha raġun tikkontesta l-korrettezza tad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali inkluża fil-punt 53 tas-sentenza appellata ( 40 ).

    65.

    Dan premess, għall-finijiet tal-verifika, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, tan-natura proporzjonata tal-modalitajiet tagħha – b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji tagħha – il-“miżuri inqas restrittivi” possibbli, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għandhom ikunu jistgħu jagħtu kontribut daqstant effikaċi għall-għan imfittex permezz tal-istabbiliment tal-għajnuna, partikolarment l-għan ta’ rimedju għad-disturb tal-ekonomija konsegwenza tal-pandemija tal-COVID‑19. Dan jimplika li ma huwiex biżżejjed li tiġi mmaġinata, fl-astratt, l-eżistenza ta’ tali miżuri alternattivi, iżda jeħtieġ ukoll li dawn ikollhom effikaċja simili għal dik tal-miżuri pproġettati mill-Istat Membru inkwistjoni sabiex jinkiseb dan l-għan.

    66.

    Issa, lil hinn mid-dikjarazzjoni kkontestata mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali segwiet l-approċċ espost iktar ’il fuq, meta kkonkludiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, billi għamlet riferiment għall-analiżi li tinsab fil-punti 40 sa 44 u 49 tagħha, li “l-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għal kumpanniji mhux stabbiliti fl-Isvezja ma ppermettietx li jintlaħaq l-għan tal-imsemmija skema sa fejn […] ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-Isvezja fit-totalità tagħha, fid-diversità tagħha u fit-tul tagħha ma kienx żgurat bl-adozzjoni tal-kriterji proposti mir-rikorrenti, b’tali mod li huwa ġustament li l-Kummissjoni ma tatx l-approvazzjoni tagħha għalihom”. Barra minn hekk, mill-motivi kollha tas-sentenza appellata dwar l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta ma kkunsidratx kriterju tat-tqassim tal-għajnuna strettament proporzjonali għall-ishma mis-suq, peress li, minn naħa, dan il-kriterju ma kienx jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prijoritajiet leġittimament segwiti mill-Gvern Svediż u, min-naħa l-oħra, dawn il-prijoritajiet ma setgħux jiġu ssodisfatti b’mod daqstant effikaċi u b’garanziji suffiċjenti ta’ tul minn kumpanniji tal-ajru mhux detenturi ta’ liċenzja maħruġa mill-Isvezja.

    67.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-argumenti żviluppati minn Ryanair fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel aggravju tagħha ma jippermettux li jiġi konkluż, fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-karatteristiċi tal-avveniment ikkostitwit mill-pandemija tal-COVID‑19, li wassal għad-disturb tal-ekonomija li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tirrimedja, kif ukoll tan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prijoritajiet segwiti mir-Renju tal-Isvezja matul l-istabbiliment ta’ din l-iskema, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt jew żnaturat b’mod manifest il-fatti meta kkonkludiet li l-kriterju doppju li permezz tiegħu jiġu identifikati l-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-għajnuna – relatat maż-żamma ta’ liċenzja Svediża u l-operazzjoni ta’ servizzi skedati bi tluq jew lejn l-Isvezja jew fi ħdan it-territorju ta’ dan l-Istat Membru –ma kienx imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tal-għan tal-imsemmija skema.

    68.

    Minn dan isegwi li r-raba’ lment tal-ewwel aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud ukoll.

    5. Konklużjonijiet dwar l‑ewwel aggravju

    69.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju.

    B.   Fuq it‑tieni aggravju

    70.

    It-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors ta’ Ryanair.

    71.

    Fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rreferiet, preliminarjament, sa fejn l-appellanti kienet ibbażat l-argument tagħha fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ta’ nuqqas ta’ proporzjonalità tagħha, għall-eżami li hija kienet wettqet tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv. Sussegwentement hija kkonstatat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 56 TFUE ma japplikax bħala tali għall-qasam tan-navigazzjoni tal-ajru peress li, “skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE” u li għalhekk, “[i]l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija […] suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema legali partikolari”. Sussegwentement, hija rrilevat li, fuq il-bażi tal-Artikolu 100(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 1008/2008 li huwa intiż preċiżament li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni, fil-qasam tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u kkonstatat li l-appellanti ma kienet invokat l-ebda ksur ta’ dan ir-regolament. Fl-aħħar nett, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma kinitx uriet kif l-esklużjoni mill-aċċess għall-għajnuna inkwistjoni hija ta’ natura li tiddiswadiha milli tipprovdi servizzi mill-Isvezja u lejn l-Isvezja.

    72.

    Ryanair essenzjalment tqajjem żewġ ilmenti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju.

    73.

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, hija ssostni li l-konstatazzjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-ebda ksur tar-Regolament Nru 1008/2008 ma ġie invokat minnha fl-ewwel istanza hija nieqsa minn motivazzjoni u hija bbażata fuq żnaturament manifest tal-fatti. Ryanair tosserva li diversi punti tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali kienu jirreferu għal dan ir-regolament ( 41 ) u li hija kienet ukoll annettiet rapport ipprovdut minn espert fid-dritt ajrunawtiku li kien juri l-aspetti ta’ inkompatibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata mal-qafas regolatorju tal-imsemmi regolament. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis ( 42 ), l-appellanti ssostni fi kwalunkwe każ li l-fatt li jiġi sostnut li kien hemm ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru jammonta sabiex jiġi sostnut li kien hemm ksur tar-Regolament Nru 1008/2008. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, huwa indispensabbli li jsir riferiment għad-dritt primarju meta jkun hemm inkwistjoni l-ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    74.

    F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed pożizzjoni fuq il-mertu ta’ dan l-ilment, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wieġbet fuq il-mertu l-argumenti mqajma mill-appellanti dwar allegat ksur tal-Artikolu 56 TFUE. Għaldaqstant, anki jekk kien fondat, dan l-ilment ikun ineffettiv peress li ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-tielet parti tal-ewwel motiv hija bbażata fi kwalunkwe każ fuq il-motivi esposti fl-imsemmi punt 64.

    75.

    Permezz tat-tieni lment tagħha, li insostenn tiegħu ġew żviluppati żewġ argumenti distinti, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 64 tas-sentenza appellata.

    76.

    Ryanair tikkontesta fl-ewwel lok id-dikjarazzjoni, li tinsab fl-imsemmi punt 64, li tgħid li hija ma wrietx kif il-fatt li, b’effett tad-definizzjoni tal-perimetru tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, hija mċaħħda mill-aċċess għal self li jibbenefika mill-garanzija mill-Istat mogħtija mir-Renju tal-Isvezja “[huwa] ta’ natura li [j]iddiswadiha milli tipprovdi servizzi mill-Isvezja u lejn l-Isvezja, filwaqt li fuq kollox jirriżulta mill-atti tal-proċess li, indipendentement mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u sempliċement għal raġunijiet kummerċjali, ir-rikorrenti naqset gradwalment l-attività tagħha fis-suq Svediż kemm fir-rigward tad-destinazzjonijiet moqdija kif ukoll tan-numru ta’ ajruplani preżenti”. Skont Ryanair, din id-dikjarazzjoni hija żbaljata peress li s-sempliċi esklużjoni minn vantaġġ irriżervat għall-“kumpanniji tal-ajru Svediżi” tiskoraġġixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi min-naħa tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra, kif jirriżulta barra minn hekk mis-sentenza International Jet Management ( 43 ). Din id-dikjarazzjoni hija wkoll ibbażata fuq żnaturament manifest tal-fatti. Fit-tieni lok, Ryanair tikkontesta d-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 64 tas-sentenza appellata li tgħid li hija “ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jagħmlu li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE”. L-appellanti ssostni qabel kollox li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rreferiet biss għall-Artikolu 107 TFUE hija u teżamina restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Filwaqt li tirreferi għal dak li ġie espost fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel aggravju tagħha (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet), hija ssostni li diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità bħal dik introdotta mill-miżura kontenzjuża li taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun ġustifikabbli biss fuq il-bażi tal-motivi ta’ deroga stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 52 TFUE, li għalih jirreferi l-Artikolu 62 TFUE. Fl-aħħar nett, permezz ta’ argumenti simili għal dawk analizzati fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ lment tal-ewwel aggravju, hija ssostni, essenzjalment, li hija wriet li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata.

    77.

    Bi tweġiba għal dawn l-argumenti u b’riferiment għas-sentenza Iannelli & Volpi, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-kwistjoni dwar jekk l-effetti ta’ għajnuna fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi humiex ipprojbiti mid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi deċiża bl-applikazzjoni biss tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-inqas f’dak li jirrigwarda elementi essenzjali tal-għajnuna bħad-definizzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji tagħha.

    78.

    Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Ċertament, fil-punt 10 tas-sentenza Iannelli & Volpi, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest fejn kienet inkwistjoni r-rabta bejn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna u dawk fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, ippreċiżat li “l-fatt li sistema ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ fondi tal-Istat tkun tista’, unikament minħabba l-fatt li hija tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew produzzjonijiet nazzjonali, tfixkel, anki jekk indirettament, l-importazzjoni ta’ prodotti simili jew kompetituri oħra provenjenti minn Stati Membri oħra, ma huwiex suffiċjenti waħdu sabiex ixebbaħ għajnuna bħala tali ma’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 [TFUE]” u li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni “daqstant estensiva […] li xxebbaħ għajnuna fis-sens tal-Artikolu [107 TFUE], bħala tali, ma’ restrizzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu [34 TFUE] jkollha l-effett li tibdel il-portata tal-Artikoli [107 u 108 TFUE]”. Madankollu, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, minn qari ta’ din is-sentenza li d-distinzjoni indikata mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-moviment liberu tal-merkanzija u dawk rigward l-għajnuna mill-Istat hija essenzjalment ibbażata fuq it-tqassim ta’ kompetenzi mixtieqa mit-Trattat iktar milli fuq applikazzjoni reċiprokament esklużiva tagħhom ( 44 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, sostniet li l-istess każ jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tad-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu kif ukoll ta’ dawk rigward l-għajnuna mill-Istat u li l-fatt li dispożizzjoni nazzjonali tista’ eventwalment tkun ikklassifikata bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma jikkostitwixxix motiv suffiċjenti sabiex din titneħħa mir-regoli tat-Trattat rigward il-moviment liberu ( 45 ) u viċe versa ( 46 ). Barra minn hekk, kif diġà ġie mfakkar fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni. Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet kemm għas-sentenza Iannelli & Volpi kif ukoll għas-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast ( 47 ) u tat-22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni ( 48 ), ippreċiżat li l-modalitajiet, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal skema ta’ għajnuna, huma, huma wkoll, inseparabbli mill-għajnuna bħala tali u jaqgħu taħt l-elementi li l-Kummissjoni hija mitluba teżamina fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 108 TFUE, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tapprova, b’tali mod li, jekk tali modalitajiet iwasslu għal ksur ta’ regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tawtorizza tali skema tkun neċessarjament ivvizzjata b’illegalità min-naħa tagħha ( 49 ). Minn dan isegwi obbligu għall-Kummissjoni li tosserva l-koerenza bejn l-Artikolu 107 TFUE u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ moviment.

    79.

    Madankollu, l-argumenti tal-appellanti ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jintlaqgħu essenzjalment fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet simili, mutatis mutandis, għal dawk esposti fil-punti 23 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għalihom nirreferi, u tal-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 67 tagħhom, li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-iżbalji li ġew attribwiti lilha mill-appellanti, inkluż dak li ġie diskuss fil-punti 65 u 66 tal-imsemmija konklużjonijiet, meta kkonkludiet li l-kriterju doppju li bih huma identifikati l-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-għajnuna ma kienx imur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ din l-iskema.

    80.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju.

    C.   Fuq it‑tielet aggravju

    81.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Ryanair tikkritika l-punti 67 sa 69 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 107(3)(b TFUE ma jeżiġix li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċjali tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. L-appellanti tqajjem żewġ ilmenti f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

    82.

    L-ewwel ilment huwa dirett kontra l-punt 67 tas-sentenza appellata. F’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, iddikjarat li “[m]ill-formulazzjoni [tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE] jirriżulta li l-awturi tagħha kkunsidraw li kien fl-interess tal-Unjoni sħiħ li wieħed jew l-ieħor mill-Istati Membri tagħha jkun f’pożizzjoni li jegħleb kriżi kbira, jew saħansitra eżistenzjali, li seta’ biss ikollu konsegwenzi serji fuq l-ekonomija tal-Istati Membri l-oħra kollha jew parti minnhom, u għalhekk fuq l-Unjoni bħala tali” u, min-naħa l-oħra, b’riferiment b’analoġija għas-sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni ( 50 ), ippreċiżat li “[d]in l-interpretazzjoni testwali tal-kliem tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE hija kkonfermata mill-paragun tiegħu mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jikkonċerna ‘għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni’, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tinkludi kundizzjoni, relatata mal-wiri ta’ assenza ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni, li ma jidhirx fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE”. Ryanair issostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jsemmi biss l-effett tal-għajnuna fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u mhux fuq kompetizzjoni mhux distorta, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ttrasponiet għall-Artikolu 107(3)(b) TFUE r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni u, fl-aħħar nett, li l-obbligu ta’ bbilanċjar tal-effetti negattivi tal-għajnuna ma’ dawk pożittivi japplika b’mod trażversali għall-għajnuna kollha li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE.

    83.

    Permezz tat-tieni lment tagħha, Ryanair tikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li, “sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE jkunu ssodisfatti, jiġifieri, f’dan il-każ, li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament ikkonfrontat b’disturb serju tal-ekonomija tiegħu u l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jiġi rrimedjat dan id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati, l-imsemmija miżuri huma preżunti li jiġu adottati fl-interess tal-Unjoni, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ minn din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE”. Skont il-Qorti Ġenerali, “tali bbilanċjar ma jkunx iġġustifikat fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li r-riżultat tiegħu huwa preżunt pożittiv”, ġa ladarba “l-fatt li Stat Membru jirnexxielu jirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija tiegħu jista’ biss jibbenefika lill-Unjoni b’mod ġenerali u b’mod partikolari lis-suq intern”. Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali approvat forma ta’ “traskuraġni mhux malizzjuża” min-naħa tal-Kummissjoni li ppermettiet lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-preokkupazzjonijiet nazzjonali tagħhom għad-detriment tal-interess tal-Unjoni. Għall-appellanti, fil-kuntest ta’ kriżi bħal dak maħluq mill-pandemija tal-COVID‑19, li laqtet lill-Unjoni kollha kemm hi, u li l-impriżi tal-Istati Membri kollha ddgħajfu minnha, dawn il-politiki protezzjonisti huma partikolarment dannużi u l-effetti tagħhom fuq il-kundizzjonijiet għall-kummerċ u fuq kompetizzjoni mhux distorta jistgħu jkunu irriversibbli. Dan pjuttost jiffavorixxi sorveljanza ikbar min-naħa tal-Kummissjoni u jmur kontra l-eżenzjoni mill-obbligu li jiġu bbilanċjati l-effetti tal-interventi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    84.

    Infakkar li, fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni ( 51 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, mingħajr ma ddistingwiet bejn id-diversi derogi previsti mill-Artikolu 107(3) TFUE li “[f]l-applikazzjoni [ta’ din id-dispożizzjoni], l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika għandhom jitwettqu f’kuntest komunitarju ( 52 ), li jfisser li l-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina l-effett ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intrakomunitarju” ( 53 ) u li hija għandha “f’din l-evalwazzjoni, tibbilanċja l-effetti benefiċjali tal-għajnuna mal-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet għall-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta” ( 54 ). Hekk kif fil-fehma tiegħi, korrettament, sostniet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni ( 55 ), li fuqha Ryanair tibbaża parti kbira mill-argumenti tagħha, l-eżiġenza ta’ tali bbilanċjar hija espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ interpretazzjoni restrittiva tad-derogi mill-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk hija tapplika b’mod trażversali għad-derogi kollha previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

    85.

    Il-motivazzjoni kuntrarja adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma tikkonvinċinix. Din il-motivazzjoni hija essenzjalment ibbażata, jekk mhux esklużivament, fuq applikazzjoni tal-istess kriterju ta’ interpretazzjoni adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, ibbażat fuq paragun bejn il-formulazzjoni tal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 107(3) TFUE. Fil-fatt, huwa fuq din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, sabiex issostni l-interpretazzjoni letterali tagħha tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. U huwa billi tinvoka n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenza testwali bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE murija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali essenzjalment wettqet revirement tas-sentenza HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni.

    86.

    Fil-punt 20 tas-sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c), essenzjalment illimitat ruħha li tiddikjara li din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax il-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-kundizzjoni li hija ssegwi għan ta’ interess komuni u li, kieku l-awturi tat-Trattat riedu jżidu tali rekwiżit addizzjonali, huma kienu jagħmlu dan espressament kif kien il-każ għall-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Issa, tali raġunament ma jistax, fil-fehma tiegħi, jintuża sabiex jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) wieħed mill-parametri ta’ evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna. Fil-fatt, minn naħa, anki jekk wieħed jippreżupponi li, kif issostni l-Kummissjoni, il-kundizzjoni negattiva li tinsab fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li skontha l-għajnuna ma għandhiex tibdel il-kundizzjonijiet għall-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni, tikkostitwixxi riferiment espress għall-eżiġenza ta’ bbilanċjar bejn effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna fis-sens ippreċiżat fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel l-appellanti, li din il-kundizzjoni ma ssemmix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-għajnuna fuq kompetizzjoni mhux distorta u li għalhekk, skont il-loġika tal-Qorti Ġenerali, din l-evalwazzjoni hija pprojbita anki fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-istess sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni ( 56 ). Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kundizzjoni simili negattiva fil-formulazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma tistax twassal għall-esklużjoni totali, ikun xi jkun il-kuntest li fih tiġi adottata l-għajnuna, tal-eżami tal-effetti tagħha u l-ibbilanċjar tagħhom, bl-introduzzjoni, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali, ta’ preżunzjoni ta’ korrispondenza mal-interess komuni.

    87.

    Barra minn hekk nosserva li, skont il-loġika li fuqha tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali, din il-preżunzjoni tidher li hija inkonfutabbli b’mod ċar. Fil-fatt, il-konklużjoni li waslet għaliha din tal-aħħar fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq awtomatiżmu li skontu, ladarba l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE jkunu ssodisfatti, għajnuna intiża li tirrimedja għal disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru tiġi neċessarjament adottata fl-interess tal-Unjoni. Issa, tali pożizzjoni tidher inkompatibbli mal-kjarifika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel f’din il-kawża fuq talba tal-Kummissjoni, jiġifieri li, minkejja li din tal-aħħar ma hijiex obbligata, fl-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li tibbilanċja l-effetti tal-għajnuna, hija madankollu libera li tipproċedi b’dan.

    88.

    Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeżiġix li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċjali tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta.

    89.

    Madankollu, infakkar li jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġenerali jkun jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat għal motivi oħra ta’ liġi, l-appell għandu jiġi miċħud ( 57 ). Għar-raġunijiet li sejjer nindika, nikkunsidra li t-tielet aggravju għandu madankollu jiġi miċħud bħala infondat u nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi, fuq dan il-punt, b’sostituzzjoni tal-motivi.

    90.

    L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni ( 58 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali ( 59 ). Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tistabbilixxi l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri. Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, fl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 60 ). Għalkemm, ċertament, il-Kummissjoni ma tistax tirrinunzja, permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta, għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jagħtiha ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’riferiment għall-komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fl‑2013 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja ( 62 ) li l-adozzjoni tar-regoli ta’ kondotta inklużi f’din il-komunikazzjoni kellha “effett […] ta’ awtolimitazzjoni tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, fis-sens li, jekk Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni proġett ta’ għajnuna mill-Istat li huwa konformi ma’ dawn ir-regoli, din tal-aħħar għandha, bħala prinċipju, tawtorizza[h]” ( 63 ). Issa, effett simili ta’ awtolimitazzjoni għandu jiġi rrikonoxxut fil-Qafas Temporanju.

    91.

    Dan il-qafas, adottat sabiex tiġi affrontata emerġenza sanitarja mingħajr preċedent, li affettwat l-ekonomiji kollha tal-Istati Membri, li rrendiet neċessarju intervent importanti ta’ dawn tal-aħħar fis-setturi l-iktar affettwati mir-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija, ippermetta lill-Kummissjoni teżamina u tapprova diversi proġetti nnotifikati mill-Istati Membri fi żmien qasir ħafna, peress li l-effikaċja ta’ dawn l-interventi kienet tiddependi wkoll mit-tempestività tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata tidħol f’tali kuntest ta’ emerġenza.

    92.

    Ma hemm l-ebda dubju li, kif sostniet il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, huwa preċiżament fi żminijiet ta’ kriżi li jkun neċessarju li tingħata attenzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipji li jirregolaw il-politika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Huwa għal din ir-raġuni li nqis, kif spjegajt iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tafferma mill-ġdid, inkluż f’kuntesti ta’ emerġenzi bħal dawk li għalihom tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 64 ), l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċedi, każ b’każ, fil-kuntest tad-deċiżjoni li permezz tagħha hija tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura li ġiet innotifikata lilha, għal ibbilanċjar bejn l-effetti pożittivi u negattivi tal-miżuri ta’ għajnuna adottati f’dan ir-rigward mill-Istati Membri sabiex tiżgura l-konformità ta’ tali miżuri mal-interess komuni.

    93.

    Madankollu, ma hemmx lanqas dubju li n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni maħluqa mir-restrizzjonijiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19, l-effett fuq l-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi ta’ dawn ir-restrizzjonijiet – li jmur ferm lil hinn mid-dimensjoni territorjalment limitata tad-disturb għall-ekonomija ta’ Stat Membru, imsemmija fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE – kif ukoll il-ħtieġa ta’ intervent tempestiv insostenn tal-iktar setturi affettwati huma kollha elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni tal-għan ta’ interess komuni li abbażi tiegħu għandu jitwettaq l-imsemmi bbilanċjar u jiġi żgurat il-koordinament neċessarju tal-interventi nazzjonali.

    94.

    F’tali kuntest inqis li l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata, f’ċerti limiti, li twettaq tali bbilanċjar b’mod ġenerali, fi strumenti li jeżaminaw l-effett tal-kriżi fuq l-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi u jistabbilixxu regoli u limiti li għandhom jiġu applikati għall-interventi mill-Istat kollha skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE adottati sabiex din tiġi affrontata, fuq l-assunzjoni li, jekk josservaw dawn ir-regoli u limiti u jkunu barra minn hekk proporzjonati mal-għan imfittex, dawn l-interventi jfittxu l-interess komuni, peress li d-distorsjonijiet li jintroduċu huma kkunsidrati neċessarji, bħala prinċipju.

    95.

    Il-Qafas Temporanju, li skontu l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern ġiet evalwata, fil-fehma tiegħi jissodisfa r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tidentifika fih kemm il-mezzi li permezz tagħhom il-kriżi sanitarja taffettwa l-ekonomija tal-Unjoni kif ukoll in-neċessità ta’ risposta ekonomika kkoordinata tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex itaffu dawn ir-riperkussjonijiet negattivi u tippreċiża li fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali stabbiliti mill-epidemija tal-COVID‑19, l-impriżi ta’ kwalunkwe tip jistgħu jinsabu quddiem nuqqas gravi ta’ likwidità, fatt li jirrendi opportun li l-Istati Membri “jinċentivizzaw l-issoktar tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ intermedjarji finanzjarji oħra fir-rwol tagħhom li jkomplu jsostnu l-attività ekonomika fl-UE”, b’mod partikolari permezz ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li, mogħtija permezz tal-banek li jaġixxu bħala intermedjarji finanzjarji, tibbenefika direttament lill-impriżi. (punti 4 u 5) ( 65 ). Il-Kummissjoni tenfasizza sussegwentement l-importanza tal-kontroll tal-Unjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiżgura “li s-Suq Intern tal-UE ma jkunx frammentat u li l-kundizzjonijiet jibqgħu ekwi” u li jiġu evitati “tlielaq ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara, fejn l-Istati Membri aktar għonja jonfqu aktar mill-ġirien tagħhom għad-detriment tal-koeżjoni fl-Unjoni” (punt 10). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-għan tal-Qafas Temporanju bħala li “[j]istabbilixxi qafas li jippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw id-diffikultajiet li l-impriżi qegħdin jiffaċċjaw bħalissa filwaqt li titħares l-integrità tas-Suq Intern tal-UE u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.” (punt 16). Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fit-Taqsima 3.2 tal-Qafas Temporanju, dwar l-għajnuna fil-forma ta’ self, li dawn it-tipi ta’ għajnuna “għal perjodu u għal ammont tas-self limitati jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi attwali”, sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal-likwidità lill-impriżi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni f’daqqa ta’ nuqqas ta’ flus.

    96.

    Nifhem li anki l-approċċ propost ( 66 ) huwa bbażat, essenzjalment, fuq preżunzjoni. Madankollu, b’differenza mill-preżunzjoni stabbilita fil-punt 68 tas-sentenza appellata, dan jippermetti lill-Kummissjoni flessibbiltà ikbar u lill-qorti tal-Unjoni żżomm kontroll, anki jekk limitat, fuq l-eżerċizzju min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    97.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi evitat li tali approċċ ikun jista’ konkretament idgħajjef il-kontroll tal-Kummissjoni fuq l-interventi tal-Istati insostenn tal-impriżi tagħhom f’perijodi ta’ kriżi – b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu jikkonċernaw settur wieħed jew iktar tal-ekonomija f’iktar minn Stat Membru wieħed, ikunu mtawla jew ikunu jsegwu wieħed wara l-ieħor – u għalhekk jibdlu b’mod durabbli l-kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza li fihom ikunu joperaw l-impriżi tal-Unjoni favur, b’mod partikolari, impriżi li jkunu jappartjenu lill-Istati Membri b’kapaċità fiskali ikbar, huwa neċessarju li l-ibbilanċjar inkluż fi strumenti bħall-Qafas Temporanju, partikolarment fejn dawn ikunu ddestinati li jiġu applikati għal perijodi twal, ikun jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq kompetizzjoni mhux distorta tal-interventi diġà awtorizzati permezz ta’ strumenti preċedenti.

    98.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, wara sostituzzjoni tal-motivi li jinsabu fil-punti 67 sa 70 tas-sentenza appellata, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

    III. Konklużjoni

    99.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravju mqajma minn Ryanair insostenn tal-appell tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) Għad-deskrizzjoni tal-kuntest li fih jaqa’ l-appell li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirreferi għall-punt 1 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑320/21, Ryanair DAC vs Il‑Kummissjoni.

    ( 3 ) T‑238/20, EU:T:2021:91.

    ( 4 ) ĠU 2008, L 293, p. 3.

    ( 5 ) ĠU 2020, C 91 I, p. 1.

    ( 6 ) ĠU 2020, C 112I, p. 1.

    ( 7 ) C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 68, iktar ’il quddiem is-sentenza “International Jet Management”.

    ( 8 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel (C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 41).

    ( 9 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia (C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 65).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 40).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 78).

    ( 13 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 55).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Autoridade Tributária u Aduaneira (Taxxa fuq qligħ kapitali minn proprjetà immobbli) (C‑388/19, EU:C:2021:212, punt 21).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:453, punti 3133 tal-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑320/21 P, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, punti 63 sa 66).

    ( 18 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, Commissione vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 96), kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; iktar ’il quddiem: is-“sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni”).

    ( 19 ) 74/76, EU:C:1977:51 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Iannelli & Volpi”).

    ( 20 ) Ara s-sentenza International Jet Management, punti minn 64 sa 66.

    ( 21 ) Ara s-sentenza International Jet Management, punt 65.

    ( 22 ) Ara s-sentenza International Jet Management, punt 66.

    ( 23 ) Dan huwa essenzjalment dak li jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 57).

    ( 24 ) Fir-realtà, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tas-sentenza appellata huwa parzjalment differenti minn dak propost. Hija kkunsidrat, essenzjalment, li, anki jekk kellu jitqies li d-differenza fit-trattament introdotta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, kellu madankollu jiġi vverifikat jekk tali diskriminazzjoni kinitx permessa skont l-Artikolu 107(3)(b)TFUE.

    ( 25 ) Ara s-sentenza International Jet Management, punt 68.

    ( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza International Jet Management, punt 70.

    ( 27 ) Kif tenfasizza Ryanair, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 10 tad-deċiżjoni kkontestata hemm indikat li ammont massimu ta’ SEK 1.5 biljun kien irriżervat għal SAS.

    ( 28 ) Fit‑30 ta’ Jannar 2020, il-WHO ddikjarat “emerġenza sanitarja pubblika ta’ interess internazzjonali” (P.H.E.I.C., Public Health Emergency of International Concern).

    ( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 70).

    ( 30 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 71)

    ( 31 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/13/KE tat‑30 ta’ Settembru 2009 dwar l-iskema ta’ għajnuna Nru C 2/09 (ex N 221/08 u N 413/08) li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti biex timmodernizza l-kundizzjonijiet ġenerali għall-investimenti kapitali (ĠU 2010, L 6, p. 32, b’mod partikolari l-premessa 108).

    ( 32 ) Ryanair tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57586 (2020/N) — L-Estonja COVID‑19: Rikapitalizzazzjoni u self b’rati akkreditati mogħtija lil Nordica (ĠU 2020, C 346, p. 3), li fiha, fil-premessa 18 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 10, jissemma kuntratt ta’ servizz pubbliku konkluż bejn l-Isvezja u Nordica, validu mis‑27 ta’ Ottubru 2019 sas‑27 ta’ Ottubru 2023.

    ( 33 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ prassi deċiżjonali preċedenti (u a fortiori ta’ deċiżjoni iżolata), anki meta din tiġi murija, ma hijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ara d-digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Greenpeace Energy vs Il‑Kummissjoni (C‑640/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:752, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 2(26) tar-Regolament Nru 1008/2008, “post prinċipali tan-negozju” ifisser “l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness, tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju”.

    ( 35 ) Ara https://corporate.ryanair.com/news/pwc-report-confirms-ryanairs-unmatched-investment-in-irish-economy-over-past-35-years/

    ( 36 ) T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Scor”, punt 94).

    ( 37 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1980 (61/79, EU:C:1980:100, punt 31).

    ( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża A‑Fonds (C‑598/17, EU:C:2018:1037, punt 98).

    ( 39 ) Ara b’riferiment għall-eżami li għandu jiġi applikat fl-evalwazzjoni tas-selettività ta’ għajnuna, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 40 ) Barra minn hekk nirrileva li l-punt 94 tas-sentenza Scor, li tirreferi għalih il-Qorti Ġenerali – li barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat fedelment – jiċċita l-punt 170 tas-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il‑Kummissjoni (T‑57/11, EU:T:2014:1021), li, min-naħa tiegħu, jirreferi għall-punt 101 tas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra, EU:C:1997:501. Issa, dawn iż-żewġ sentenzi jirrigwardaw interpretazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE u mhux tal-Artikolu 107(2) TFUE.

    ( 41 ) Hija tirreferi b’mod partikolari għall-punti 82, 92 u 93 ta’ dan l-att.

    ( 42 ) C‑92/01, EU:C:2003:72.

    ( 43 ) L-appellanti tirreferi għall-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza.

    ( 44 ) Ara l-punt 14 tas-sentenza Iannelli & Volpi, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li “meta ċerti karatteristiċi ta’ għajnuna, kuntrarji għal dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat, minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE, ikunu daqstant marbuta inseparabbilment mal-għan tal-għajnuna, li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati separatament, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fl-intier tagħha ikollu neċessarjament jiġi evalwat permezz tal-proċedura tal-Artikolu [108 TFUE]”, b’riferiment biss għall-aspett proċedurali. Fl-istess sens, ara s-sentenzi tat‑23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 55); tat‑2 ta’ Mejju 2019, A‑Fonds (C‑598/17, EU:C:2019:352, punti 4748); u, reċentement, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58). Nippreċiża, fi kwalunkwe każ, li, kif tiddikjara ġustament il-Kummissjoni, kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna li tiddetermina l-benefiċjarji tagħha, bħal, fil-kawża ineżami, iż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-Iżvezja, bla dubju tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-imsemmi punt 14 tas-sentenza Iannelli & Volpi. Fil-fatt, kif sostna ġustament l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża A‑Fonds (C‑598/17, EU:C:2018:1037, punt 81), “modalità hija neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament ta’ għajnuna, meta din hija element kostituttiv jew essenzjali tal-għajnuna, b’mod li l-inapplikabbiltà tagħha twassal sabiex tbiddel il-portata jew il-karatteristiċi prinċipali tal-għajnuna”.

    ( 45 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1990, Du Pont de Nemours Italiana (C‑21/88, EU:C:1990:121, punt 20); ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑114/00, EU:C:2002:508, punti 101 sa 104).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, ZPT (C‑518/16, EU:C:2018:126, punt 47).

    ( 47 ) C‑390/06, EU:C:2008:224, punti minn 49 sa 52.

    ( 48 ) C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 45.

    ( 49 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punti 96 sa 100).

    ( 50 ) Punti 20 u 39.

    ( 51 ) C‑372/97, EU:C:2004:234.

    ( 52 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan is-sens f’diversi sentenzi, ara, inter alia, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punti 2426); tal‑14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑278/92 – C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 51); u tal‑14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑169/95, EU:C:1997:10, punt 18).

    ( 53 ) Fl-istess sens, ara, fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑113/00, EU:C:2002:507, punt 67), kif ukoll Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑114/00, EU:C:2002:508, punt 81).

    ( 54 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 55 ) T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 211 (iktar ’il quddiem is-“sentenza HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni”). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni, sostnut ukoll matul din il-proċedura, li din l-eżiġenza ma hijiex applikabbli għall-analiżi mwettqa fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    ( 56 ) Ara s-sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 101, u s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑356/15, EU:T:2018:439, punt 370).

    ( 57 ) Ara inter alia, is-sentenza L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 47.

    ( 58 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 59 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 60 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 61 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 62 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU 2013, C 216, p. 1).

    ( 63 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 43).

    ( 64 ) Anki jekk wieħed kellu jaqbel mal-Kummissjoni dwar in-natura “eżistenzjali” għall-Istat Membru kkonċernat tad-disturb tal-ekonomija tiegħu li jippermetti li jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

    ( 65 ) Eku ta’ dan l-għan jinsab fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 66 ) Nenfasizza li dan l-approċċ ġie sostnut mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħditu fil-punt 71 tas-sentenza appellata.

    Top