This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0158
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 14 July 2022.#Criminal proceedings against Lluís Puig Gordi and Others.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Supremo.#Reference for a preliminary ruling – Area of freedom, security and justice – Judicial cooperation in criminal matters – European arrest warrant – Framework Decision 2002/584/JHA – Surrender procedures between Member States – Conditions for execution – Jurisdiction of the issuing judicial authority – Second paragraph of Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union – Right of access to a tribunal previously established by law – Possibility of issuing a new European arrest warrant relating to the same person.#Case C-158/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.
Proċeduri kriminali kontra Lluís Puig Gordi et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Possibbiltà li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid intiż għall-istess persuna.
Kawża C-158/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.
Proċeduri kriminali kontra Lluís Puig Gordi et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Possibbiltà li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid intiż għall-istess persuna.
Kawża C-158/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:573
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )
Kawża C‑158/21
Ministerio Fiscal,
Abogacía del Estado,
Partido político VOX
vs
Lluís Puig Gordi,
Carles Puigdemont Casamajó,
Antoni Comín Oliveres,
Clara Ponsatí Obiols,
Meritxell Serret Aleu,
Marta Rovira Vergés,
Anna Gabriel Sabaté
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 6(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Eżami f’żewġ stadji – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika, waqt l-ewwel stadju, l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Possibbiltà li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid li jirrigwarda l-istess persuna u li għandu jiġi eżegwit fl-istess Stat Membru”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 2 ), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 ( 3 ). |
2. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew minħabba l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ dan il-mandat kif ukoll tal-qorti mitluba li tiġġudika lill-persuna akkużata, u jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid wara li jkun ġie rrifjutat l-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew. |
3. |
Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija kontra ex mexxejja Katalani wara li, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, inżamm referendum għall-awtodeterminazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña (Spanja). Uħud mill-imputati, li telqu minn Spanja minn tmiem l‑2017 kienu s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej. L-assenza ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar seħħ kemm minħabba l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ta’ wħud minn dawn l-imputati u kif ukoll minħabba l-eżistenza ta’ kwistjonijiet fir-rigward tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Dawn il-kwistjonijiet jirrigwardaw, għal dak li jikkonċerna l-kawża ineżami, ir-regoli li jiddeterminaw il-kompetenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) sabiex tiġġudika lill-imputati, liema regoli huma bbażati b’mod partikolari fuq il-lok tat-twettiq tar-reati kif ukoll fuq il-konnessjoni tar-reati li bihom ikunu akkużati l-imputati. |
4. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari oriġinat, b’mod iktar preċiż, mir-rifjut tal-qrati Belġjani li jimplimentaw il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Lluís Puig Gordi. Il-qorti tal-appell li ddeċidiet b’mod definittiv ibbażat dan ir-rifjut fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt li wieħed jiġi ġġudikat minn qorti stabbilita bil-liġi, ibbażata fuq l-evalwazzjoni li l-kompetenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sabiex tiġġudika lil L. Puig Gordi ma kinitx ibbażata fuq bażi legali espressa. Hija ppreċiżat ukoll li r-riskju ta’ ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza kellha tittieħed ukoll bis-serjetà ħafna. Għalkemm l-imsemmi rifjut jikkonċerna direttament lil L. Puig Gordi biss, it-talba tal-qorti tar-rinviju hija mressqa minnha bħala li hija intiża li tiddetermina d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-konfront tal-imputati kollha. |
5. |
Il-kwistjonijiet li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirrikjedu, kif spiss huwa l-każ, lil din tal-aħħar issib il-bilanċ ġust bejn l-effikaċja tas-sistema ta’ konsenja bejn l-Istati Membri implimentata permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
6. |
Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-metodu li għandu jiġi segwit mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li quddiemha l-persuna li kienet is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tinvoka l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti. Dan il-metodu jikkonsisti, essenzjalment, fit-twettiq minn din l-awtorità ta’ żewġ stadji fl-istħarriġ tagħha, jiġifieri, fl-ewwel stadju, il-konstatazzjoni li jeżisti riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali inkwistjoni minħabba nuqqasijiet kemm sistemiċi jew iġġeneralizzati, li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni jew ċerti ċentri ta’ detenzjoni, fl-Istat Membri emittenti u, fit-tieni stadju, il-konstatazzjoni li jeżisti riskju konkret u individwalizzat ta’ ksur ta’ dan id-dritt għall-persuna kkonċernata. |
7. |
Fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet dan il-metodu ta’ eżami f’żewġ stadji għall-każ ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Hija kkonfermat din il-ġurisprudenza fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-Awtorità Ġudizzjarja Emittenti) ( 7 ), u mbagħad fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) ( 8 ). |
8. |
Fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi kienet allegata, fil-kuntest tal-ewwel stadju, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati għal dak li jikkonċerna l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti. |
9. |
Il-kwistjoni prinċipali ta’ din il-kawża tikkonsisti li jiġi stabbilit jekk, meta tali nuqqasijiet li jaffettwaw il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti ma jiġux invokati, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax, minkejja kollox, tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, f’dan l-Istat Membru. |
10. |
B’hekk, għal dak li jirrigwarda dan id-dritt fundamentali, iż-żewġ stadji ta’ stħarriġ li għandhom jitwettqu mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huma kumulattivi? Fi kliem ieħor, jekk l-ewwel stadju ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità hija awtorizzata tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni? |
11. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar regolarment li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jikkostitwixxi, skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, u huwa kopert mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas ( 9 ). |
12. |
Fil-fehma tiegħi, huwa importanti li jiġi żgurat li jiġi evitat li, billi jiġu aċċettati b’mod wiesa’ wisq l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku minħabba r-rispett tad-drittijiet fundamentali, din il-“bażi”, li tikkostitwixxi l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, tinqasam u li l-binja mibnija bil-paċenzja tibda titriegħed, jew tikkrolla, mingħajr pedamenti sodi. |
13. |
Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li ma jiġix ipperikolat it-twettiq tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li fuqha huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew implimentat b’din id-deċiżjoni qafas. |
14. |
Din hija r-raġuni għaliex ser niddefendi l-idea li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkompli tafferma li rifjut ta’ konsenja ġġustifikat bl-allegazzjoni dwar riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun verament eċċezzjonali. Fin-nuqqas li tkun intweriet l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tkun iġġustifikata tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-allegazzjoni biss ta’ riskju individwali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali. |
II. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
15. |
Wara l-adozzjoni tal-liġijiet li jirrigwardaw l-indipendenza tal-komunità awtonoma ta’ Cataluña (Spanja) u ż-żamma tar-referendum għal dan il-għan, inbdew proċeduri kriminali quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kontra diversi persuni li kienu akkużati li wettqu b’mod partikolari r-reati ta’ sedizzjoni u ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. |
16. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-proċeduri, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fl‑14 ta’ Ottubru 2019, ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra Carles Puigdemont Casamajó u, fl‑4 ta’ Novembru 2019, ħarġet mandati ta’ arrest Ewropej kontra Antoni Comín Oliveres, L. Puig Gordi kif ukoll Clara Ponsatí Obiols. Filwaqt li C. Ponsatí Obiols kienet ġiet arrestata fir-Renju Unit, it-tliet imputati l-oħra ġew arrestati fil-Belġju u konsegwentement inbdew proċeduri li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati ta’ arrest Ewropej f’dan l-Istat Membru. Ħadd mill-persuni rikjesti ma qabel li jiġi kkonsenjat. |
17. |
Minħabba li ġew eletti bħala membri tal-Parlament Ewropew, il-proċeduri li jirrigwardaw lil Puigdemont Casamajó u lil Comín Oliveres fil-Belġju ġew sospiżi minħabba l-immunità parlamentari li minnha huma jibbenefikaw fil-kwalità tagħhom ta’ deputati Ewropej ( 10 ). Madankollu, il-proċedura li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi ħadet il-kors tagħha. Hija għaldaqstant din il-proċedura li tinsab fiċ-ċentru ta’ din il-kawża. |
18. |
Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Awwissu 2020, is‑27e chambre correctionnelle (Awla Kriminali) tat-tribunal de première instance néerlandophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell (il-Belġju) ( 11 ) irrifjutat li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi. |
19. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-qorti tal-prim istanza qieset li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kien jippermettilha tevalwa l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni ta’ servizzi ta’ prosekuzzjoni pubblika ta’ diversi Stati Membri bħala “awtorità ġudizzjarja” ( 12 ), kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 13 ). |
20. |
Il-Qorti tal-Ewwel Istanza kienet eżaminat din il-kompetenza u kkonkludiet li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċedura li tirrigwarda lil L. Puig Gordi u, għaldaqstant, sabiex toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kontrih. Hija bbażat din l-evalwazzjoni fuq l-opinjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma fuq id-Detenzjoni Arbitrarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ( 14 ), li tikkonċerna lill-persuni implikati fl-istess fatti kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 15 ) u fuq dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Spanjol u tad-dritt Belġjan. |
21. |
L-appell ippreżentat mill-Prosekutur Pubbliku Belġjan ġie miċħud b’sentenza taċ-chambre des mises en accusation (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża) tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) tas‑7 ta’ Jannar 2021 ( 16 ), li tikkonferma, konsegwentement, id-digriet ikkontestat kif ukoll ir-rifjut li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi. Sabiex tasal għall-konklużjoni li tgħid li l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti ma hijiex ibbażata fuq dispożizzjoni legali espressa, il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) għamlet riferiment għar-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, tas‑27 ta’ Mejju 2019, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB kif ukoll fuq dokument li jispjega l-kompetenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), ipprovdut minn din tal-aħħar fil‑11 ta’ Marzu 2021. |
22. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha tiddeċiedi fuq iż-żamma jew it-tneħħija tal-mandati ta’ arrest Ewropej eżistenti u fuq il-kwistjoni tal-eventwali ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej ġodda kontra l-koimputati kollha f’din il-kawża jew kontra wħud minnhom. |
23. |
B’mod iktar preċiż, għal dak li jirrigwarda lil L. Puig Gordi, din il-qorti tindika li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jippermettilha tevalwa jekk huwiex possibbli li terġa’ ttenni t-talba għall-konsenja, filwaqt li toħroġ, jekk ikun hemm bżonn, mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontrih, filwaqt li l-awtorità ġudizzjarja tal-istess Stat Membru ta’ eżekuzzjoni rrifjutat il-konsenja ta’ din il-persuna fuq il-bażi ta’ motivi li jistgħu jkunu kontra d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
24. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar is-setgħa li għandha l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minn naħa, li tevalwa l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, sabiex tiġġudika lill-imputati u, min-naħa l-oħra, li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għal allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-imputat li jirriżulta mill-ksur ta’ din il-kompetenza. Din il-qorti ssemmi, f’dan ir-rigward, diversi argumenti. |
25. |
Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax tivverifika jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti kinitx effettivament investita bil-kompetenza meħtieġa sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża, bħala kundizzjoni essenzjali tal-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, il-qorti tar-rinviju ssostni li tali setgħa kellha toħroġ kemm minn regola formali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll minn interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li hija f’dan is-sens. |
26. |
Issa, din il-qorti tosserva b’mod partikolari li tali possibbiltà ma tistax issib il-bażi tagħha fil-formulazzjoni tal-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar ir-raġunijiet obbligatorji jew fakultattivi ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni, u lanqas ma tista’ tkun dedotta minn interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-deċiżjoni qafas jew tal-Artikolu 6(1) tagħha, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-prinċipju li hija stabbilixxiet fl-Artikolu 1(2) tagħha huwa l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li r-rifjut potenzjali huwa l-eċċezzjoni, li għaldaqstant għandha tkun interpretata b’mod strett. |
27. |
Fit-tieni lok, f’każ fejn is-setgħa li tiġi mistħarrġa l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti tiġi rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-elementi li din għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali stħarriġ. |
28. |
F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun iddeterminata biss skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti. Issa, il-fatt li jiġi aċċettat li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat iwassal għal sitwazzjoni inkoerenti u insostenibbli peress li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tinterpreta u tapplika dritt li huwa barrani għaliha u li hija lanqas biss suppost taf. |
29. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ż-żewġ qrati Belġjani interpretaw id-dritt Spanjol b’mod żbaljat. Dawn il-qrati jingħad li injoraw ukoll id-diversi deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju li ddeċidew fuq il-problema li tirrigwarda l-kompetenza tagħha kif ukoll il-fatt li d-dibattitu ttieħed quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja), li kkonfermat il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju b’mod partikolari f’sentenza tas‑17 ta’ Frar 2021 ( 17 ). Għaldaqstant, il-qrati Belġjani ma ħadu inkunsiderazzjoni la l-interpretazzjoni adottata mill-qrati Spanjoli u lanqas il-fatt li l-partijiet ibbenefikaw minn rimedju ġudizzjarju tal-ewwel u tat-tieni istanza kontra l-mandati ta’ arrest Ewropej li nħarġu. |
30. |
Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-portata li għandha tingħata lill-mekkaniżmu ta’ talba għall-informazzjoni supplimentari previst fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għamlitx użu minnu b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, din l-awtorità kellha titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni supplimentari sabiex tippermettilha tipprovdi elementi bbażati fuq id-dritt intern tagħha, b’mod partikolari d-diversi deċiżjonijiet li ddeċidew il-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża. |
31. |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex tirrifjuta l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ibbażat ruħha fuq il-punt 5 tal-Artikolu 4(5) tal-Loi relative au mandat d’arrêt européen, du 19 décembre 2003 (il-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew tad‑19 ta’ Diċembru 2003) ( 18 ) li jipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun obbligatorjament irrifjutat jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li dan ikollu bħala effett li jippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Issa, din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma tifformax parti minn dawk li huma espressament imsemmija fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
32. |
Barra minn hekk, din il-qorti tikkunsidra li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni li huwa dedott mill-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jseħħ biss, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ikkaratterizzati sal-lum, fir-rigward tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, bl-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati għal dak li jikkonċerna l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti. |
33. |
Barra minn hekk, bil-fatt li ħadet bħala prova insostenn tal-evalwazzjoni tagħha r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, tas‑27 ta’ Mejju 2019, il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ma ssodisfatx ir-rekwiżit li skontu l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha jkollha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati sabiex tkun tista’ tikkonstata riskju gravi, reali, speċifiku u individwali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta. |
34. |
F’dan il-kuntest, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
35. |
L. Puig Gordi, C. Puigdemont Casamajó, A. Comín Oliveres, C. Ponsatí Obiols, Marta Rovira Vergés, Anna Gabriel Sabaté, il-Ministerio Fiscal, il-Gvern Spanjol, Belġjan, Pollakk u Rumen kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Inżammet seduta għat-trattazzjoni fil‑5 ta’ April 2022. |
III. Analiżi
36. |
B’mod ġenerali, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li timplimenta mandat ta’ arrest Ewropew minħabba r-riskju ta’ ksur, f’każ ta’ konsenja tal-persuna rikjesta lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, tad-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita bil-liġi, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 19 ), li jikkorrispondi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
37. |
Dawn id-domandi huma, fil-parti l-kbira tagħhom, imsejsa fuq il-motivazzjoni adottata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi. |
A. Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari
38. |
Nieħu mill-ewwel pożizzjoni fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari billi nfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 20 ). |
39. |
Issa, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet favur l-ammissibbiltà ta’ domandi magħmula minn awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex tistabbilixxi l-portata tal-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni wara l-ħruġ bla suċċess ta’ mandati ta’ arrest Ewropej ( 22 ). |
40. |
Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju indikat li hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta, abbażi tar-risposti għad-domandi magħmula, deċiżjoni ta’ rtirar ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, ma setax jiġi allegat li d-domandi magħmula ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jew li l-problema kienet ta’ natura ipotetika ( 23 ). |
41. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma tiġix invalidata bil-fatt li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, anki meta l-qorti tar-rinviju hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu bħala konsegwenza l-arrest possibbli tal-persuna rikjesta u, għaldaqstant, tippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ proċedura dwar mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali primarjament hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti ( 24 ). |
42. |
Filwaqt li bbażat ruħha fuq dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, fis-sentenza tagħha Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet) li, għall-finijiet li tinkiseb garanzija ta’ dawn id-drittijiet, li tista’ twassal awtorità ġudizzjarja tieħu deċiżjoni biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, huwa importanti li tali awtorità tiddisponi mill-fakultà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari ( 25 ). |
43. |
Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li din il-ġurisprudenza tapplika għal din il-kawża. Fil-fatt, inkwantu l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew jissarraf b’mod konkret f’relazzjoni bejn żewġ awtoritajiet ġudizzjarji, għandu jiġi aċċettat li awtorità waħda jew l-oħra tkun tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb preċiżazzjonijiet sabiex tipprevjeni jew issolvi eventwali tħaddim ħażin ta’ dan il-mekkaniżmu. Kif ġustament tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, għandu jiġi evitat li jinħoloq żbilanċ fil-possibbiltà tal-qrati tal-Istat Membru emittenti jew tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. Il-problema ma hijiex ipotetika peress li r-riżoluzzjoni tagħha hija neċessarja sabiex tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li tiddeċiedi li tirtira jew toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-kuntest tal-proċeduri kriminali pendenti ( 26 ). Iktar minn hekk, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza ma tirrikjedix, fil-fehma tiegħi, li f’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jaqblu kompletament mar-raġunijiet li ntużaw mill-cour d’appell (il-Qorti tal-Appell) fid-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. |
44. |
Fuq il-mertu, ser neżamina fil-punti li ġejjin id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fi tliet stadji. |
45. |
Fl-ewwel stadju, ser nittratta l-ewwel domanda preliminari li ser twassalni sabiex nippreċiża jekk, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, Stat Membru jista’ jipprevedi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li ma hijiex espressament prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
46. |
Fit-tieni stadju, ser neżamina flimkien it-tielet sas-sitt domanda preliminari li jistaqsu, essenzjalment, sabiex jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li fihom awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq raġuni bbażata fuq il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma kinitx kompetenza sabiex toħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew u sabiex tiġġudika l-persuna rikjesta. |
47. |
Fit-tielet stadju, ser nirrispondi għas-seba’ domanda preliminari, li hija intiża li tistaqsi jekk, wara li jkun ġie invokat lilha r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, awtorità ġudizzjarja emittenti hijiex limitata fil-possibbiltà li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid. |
B. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
48. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li hija prevista mid-dritt nazzjonali tagħha, iżda li ma hijiex imsemmija f’din id-deċiżjoni qafas. |
49. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għall-motivi, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Minħabba f’hekk, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta ( 27 ). |
50. |
B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi b’mod espliċitu l-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju (Artikolu 3) u fakultattiv (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) ( 28 ). |
51. |
Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-każijiet li fihom jeħtieġ li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew lil hinn mir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni espressament imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 4a ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
52. |
Hija ddeċidiet għaldaqstant, qabel xejn, li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni kellu jiġi invokat meta l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu ma ssodisfax ir-rekwiżiti ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas ( 29 ). Imbagħad, hija kkunsidrat li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kien jiġġustifika li tintemm proċedura ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi evitat, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, ksur tad-drittijiet fundamentali ( 30 ). Finalment, hija sostniet li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplika biss għall-mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jimplika li ma kellhomx jiġu eżegwiti mandati ta’ arrest Ewropej li ma nħarġux minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas ( 31 ), jew wara proċedura li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 32 ). |
53. |
F’dawn l-ipoteżijiet kollha li jistgħu jwasslu awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ibbażat ir-raġunament tagħha fuq id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jekk ikun il-każ moqrija fid-dawl tal-Artikoli 4 u 47 tal-Karta. |
54. |
Min-naħa l-oħra, raġuni sabiex ma jkunx hemm eżekuzzjoni li tkun prevista mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru u li ma tkunx ibbażata fuq dispożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tkun aċċettata. |
55. |
Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha, fil-fehma tiegħi, tkun interpretata fis-sens li tipprekludi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq raġuni sabiex ma teżegwixxix il-mandat li hija prevista fid-dritt nazzjonali tagħha, imma li ma hijiex imsemmija f’din id-deċiżjoni qafas. |
56. |
Sabiex tingħata risposta kompluta lill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat li, f’din il-kawża, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li hija fiċ-ċentru tad-dibattiti, u li hija dik li fuqha l-qrati Belġjani bbażaw ruħhom sabiex jirrifjutaw il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi, tirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 4(5) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, li tipprevedi li, “[l]-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tiġi rrifjutata […] jekk ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikun ser ikollu bħala effett li jippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, kif stabbiliti mill-Artikolu 6 [TUE]”. |
57. |
Dispożizzjoni ta’ dan it-tip ma hijiex rari fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 33 ) u hija r-rifless tar-rabta tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex joħloq mekkaniżmu li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
58. |
Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jipprevedi li din “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE]”. Il-premessi 10, 12 u 13 ta’ din id-deċiżjoni qafas huma wkoll rilevanti f’dan ir-rigward ( 34 ). |
59. |
Kif indikajt preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ċerti limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jistgħu jitressqu “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” ( 35 ), billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 36 ). |
60. |
Dak li ser ngħid ser iwassal sabiex infakkar li l-kundizzjonijiet li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tosserva sabiex tkun iġġustifikata tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, jekk hija għandha raġunijiet serji sabiex temmen li l-eżekuzzjoni tiegħu jkollu bħala effett li jippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex ikun iggarantit li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni jibqa’ ta’ natura eċċezzjonali. |
61. |
Meħud kont tal-elementi li għadni kif esponejt, ma jidhirlix li jista’ jiġi kkritikat, bħala tali, li Stat Membru jsemmi fid-dritt nazzjonali tiegħu l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għal tali raġunijiet, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat hija stess fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex taċċetta li jistgħu jitressqu xi limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Madankollu, nagħmel immedjatament sfumatura importanti, inkwantu, ovvjament, dispożizzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-punt 5 tal-Artikolu 4(5) tal-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, għandha, l-istess bħal kull dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, tiġi interpretata konformement miegħu. Awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax għaldaqstant tibbaża ruħha fuq tali dispożizzjoni sabiex tirrifjuta b’mod obbligatorju u awtomatiku li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew f’każ ta’ ksur allegat tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ( 37 ), u tinjora l-korp tal-ġurisprudenza li jiddelimita b’mod strett il-kundizzjonijiet li taħthom tali rifjut jista’, b’mod eċċezzjonali, jiġi kkontestat lill-awtorità ġudizzjarja emittenti. |
62. |
Konsegwentement, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tkun interpretata fis-sens li tipprekludi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li hija prevista fid-dritt nazzjonali tagħha, imma li ma tissemmix f’din id-deċiżjoni qafas. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni qafas ma tipprekludix li dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 1(3) tal-istess deċiżjoni qafas, billi tipprevedi l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li timplimenta mandat ta’ arrest Ewropew jekk hija jkollha raġunijiet serji sabiex temmen li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ikollha bħala effett li tippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, bil-kundizzjoni li din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet stretti li taħthom tali rifjut jista’ jseħħ. |
63. |
Meħud kont tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta, ma huwiex meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. |
C. Fuq it‑tielet sas‑sitt domanda preliminari
64. |
Kif issemma qabel, ser neżamina flimkien it-tielet sas-sitt domanda preliminari, inkwantu huma kollha intiżi li jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li taħthom awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq raġuni msejsa fuq li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma jkollhiex il-kompetenza sabiex toħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew u sabiex tiġġudika l-persuna rikjesta. |
65. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifiki fuq diversi aspetti. L-ewwel, tali raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tista’ toħroġ mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584? Imbagħad, u din hija l-qalba tal-problema li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, taħt liema kundizzjonijiet awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew minħabba r-raġuni allegata ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, protett mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta? Fl-aħħar nett, x’effett jista’ jkollu fuq ir-risposta għal din l-aħħar domanda, minn naħa, il-fatt li l-persuna rikjesta setgħet, quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti, tinvoka l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha u tikkontesta l-kompetenza ta’ dawn il-qrati kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-eżistenza eventwali ta’ obbligazzjoni, għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun trid tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li titlob mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni supplimentari, skont l-Artikolu 15(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. |
1. Raġuni għan‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq li l‑awtorità ġudizzjarja emittenti ma għandhiex kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ toħroġ mill‑Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584?
66. |
Nosserva li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4 u 4a tagħha, ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprevedi espressament raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma jkollhiex il-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk, tali motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma jidhirlix lanqas li jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
67. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jippreżumi li huma biss il-mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha, u dan jirrikjedi li tali mandat, li huwa kklassifikat, f’din id-dispożizzjoni, bħala “deċiżjoni ġudizzjarja”, jinħareġ minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas ( 38 ). |
68. |
Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[l]-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-manadat għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat”. |
69. |
Iktar minn hekk, l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu”. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-Kunsill li, skont l-Artikolu 35 tal-Ley 23/2014 de reconocimiento mutuo de resoluciones penales en la Unión Europea (il-Liġi Nru 23/2014 fuq ir-Rikonoxximent Reċiproku tad-Deċiżjonijiet Ġudizzjarji fil-Qasam Kriminali fl-Unjoni Ewropea) ( 39 ), tal‑20 ta’ Novembru 2014, l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom il-kompetenza sabiex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew huma l-ġudikant jew il-qorti adit bil-kawża li fil-kuntest tagħha hemm lok li jinħareġ tali mandat ( 40 ). B’hekk hemm korrispondenza bejn il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża u l-kompetenza ta’ din l-awtorità sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. |
70. |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi pubbliċi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) ( 41 ), it-termini “awtorità ġudizzjarja” li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma humiex limitati biex jindikaw biss il-ġudikanti jew qrati ta’ Stat Membru, imma għandhom jinftiehmu bħala li jindikaw, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod differenti, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l-awtorità tal-poter eżekuttiv ( 42 ). |
71. |
Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jimplika li l-awtorità kkonċernata taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ( 43 ). |
72. |
Jekk il-kriterji li jippermettu b’hekk li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jiġux osservati, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew. Min-naħa l-oħra, meta dawn il-kriterji jkunu osservati, ma naħsibx li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn issemmi lill-awtorità ġudizzjarja “li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat” tista’ tiġi interpretata bħala li tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni s-setgħa li tivverifika l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni u tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat jekk hija ssostni li din l-awtorità ma għandhiex kompetenza. |
73. |
Fil-fatt, li jiġi aċċettat li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tistħarreġ il-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti jkun imur kontra l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li skontu l-Istati Membri jistgħu jindikaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-awtorità ġudizzjarja li għandha l-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ( 44 ). Għaldaqstant, ma huwiex kompitu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meħud kont tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti, li tivverifika jekk din tal-aħħar għandhiex kompetenza, skont ir-regoli ta’ organizzazzjoni u tal-proċedura ġudizzjarja tal-Istat Membri emittenti, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. B’effett mill-mument li fih mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tosserva r-regoli nazzjonali li jiddefinixxu l-kompetenza tagħha. |
74. |
Fi ftit kliem, għalkemm is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jistgħux jitħallew għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru ( 45 ), u għalkemm dan il-kunċett jirrikjedi, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 46 ), ir-regoli li jiddeterminaw il-kompetenza ta’ tali awtorità sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istat Membru emittenti, li fih l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tindaħal fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. Kull interpretazzjoni oħra tippreġudika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. |
75. |
Dak li għadu kif ġie espost huwa naturalment mingħajr preġudizzju għall-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jsir fl-Istat Membru emittenti, kemm ex officio u kif ukoll fuq l-inizjattiva tal-persuna li tagħha tkun intalbet il-konsenja, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti ġewx osservati. |
76. |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tistħarreġ jekk awtorità ġudizzjarja emittenti għandhiex kompetenza, skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. |
2. Taħt liema ċirkustanzi awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 1(3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew f’każ ta’ riskju allegat ta’ ksur tad‑dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil‑liġi, iggarantit mit‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 47 tal‑Karta?
77. |
Jeħtieġ issa li jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li taħthom l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bħala bażi għal deroga possibbli mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, jista’ jippermetti lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew f’każ ta’ riskju allegat ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-persuna rikjesta għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbiliti minn qabel bil-liġi, protett mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
78. |
Nindika mill-ewwel li r-risposta għal din id-domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tkun iggwidata mill-premessa ta’ kull analiżi fil-materja, jiġifieri li “l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni peress li dan il-prinċipju jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Issa, dan il-prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed mill-Istati Membri jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt” ( 47 ). |
79. |
Din il-premessa ta’ fiduċja reċiproka fis-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali timplika, kif affermat bil-qawwa l-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13 tagħha (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) li “meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, li jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li la jkunu jistgħu jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni” ( 48 ). Minn dakinhar, fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddevjatx mil-linja li tikkonsisti filli jsir enfasi fuq in-natura eċċezzjonali li għandu jkollu l-istħarriġ minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti ( 49 ). Din hija l-espressjoni, f’dan il-qasam, tal-fatt li l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali għandu dejjem jaqa’ fil-kuntest tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Unjoni ( 50 ). |
80. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan mogħti lill-Unjoni sabiex issir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja bbażata fuq il-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri ( 51 ). |
81. |
Barra minn hekk, diġà indikajt li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimplika li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju filwaqt li r-rifjut tal-eżekuzzjoni għandu jinftiehem bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 52 ). |
82. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza tagħha Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), li, l-istess bħal riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal smigħ xieraq, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, seta’ jwassal, b’mod eċċezzjonali, għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
83. |
Fil-fatt, “il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-premessa li l-qrati kriminali tal-Istat Membru emittenti li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà kif ukoll il-proċedura kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” ( 53 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]an id-dritt fundamentali jkopri, […] importanza kardinali peress li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt” ( 54 ). |
84. |
L-osservanza tar-rekwiżiti inerenti għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, tikkostitwixxi għaldaqstant il-bażi għall-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew li jkun jirrispetta d-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-persuni li huma s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
85. |
F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju li, bħala awtoritajiet li għandhom jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Dan premess, sabiex is-sistema ta’ konsenja implimentata minn din id-deċiżjoni qafas tista’ tiffunzjona, ir-responsabbiltajiet fuq dan is-suġġett huma, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, maqsuma bejn dawn iż-żewġ awtoritajiet. Fil-fatt, kieku l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kienu awtorizzati jipproċedu bl-istess verifiki, l-effikaċja u l-ħeffa tal-konsenja jkunu ppreġudikati. Iktar minn hekk, il-fiduċja reċiproka hija, min-natura tagħha, kuntrarja għat-twettiq ta’ kontrolli reċiproċi minn kull awtorità intiżi li jivverifikaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru li għalih tappartjeni l-awtorità l-oħra. Ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ibbażat fuq il-konstatazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti jista’, skont din il-loġika, ikollu biss natura eċċezzjonali. |
86. |
Dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet meta ddeċidiet li, “għalkemm kull Stat Membru għandu primarjament l-obbligu, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu, li jiżgura, taħt l-istħarriġ aħħari tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħarsien tar-rekwiżiti inerenti [għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta], billi jastjeni minn kull miżura li tista’ tippreġudikaha […], l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew iġġarrab, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur ta’ dan l-istess dritt fundamentali tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tipproċedi fir-rigward ta’ [timplimenta] dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas” ( 55 ). |
87. |
B’hekk, l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew iġġarrab, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq hija tali li tbiddel, b’mod eċċezzjonali, it-tqassim tar-responsabbiltajiet li għandhom rispettivament l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Infakkar, f’dan ir-rigward, li, għal dak li jirrigwarda proċedura li tirrigwarda mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tal-persuna li tagħha tintalab il-konsenja taqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, li hemm lok li jiġi preżunt li jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan tal-aħħar ( 56 ). |
88. |
Il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonfuta din il-preżunzjoni billi tistħarreġ l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti, li tista’ twassal lil din l-awtorità sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ġiet iddelimitata b’mod strett mill-Qorti tal-Ġustizzja li rrikjediet, mis-sentenza Aranyosi u Căldăraru, u b’mod kostanti minn dakinhar, it-twettiq ta’ eżami f’żewġ stadji li jgħaqqad evalwazzjoni fuq livell sistemiku ma’ eżami fuq livell individwali tal-eżistenza tar-riskju allegat. |
89. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant li, “meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jixhdu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, hija ma tistax tassumi madankollu li jeżistu raġunijiet serji u pprovati li wieħed jemmen li din il-persuna taffaċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru, mingħajr ma twettaq verifika konkreta u preċiża li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali tal-imsemmija persuna, tan-natura tar-reat inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat, bħal dikjarazzjonijiet jew atti ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament li għandu jiġi rriżervat għal każ individwali” ( 57 ). |
90. |
Fil-kuntest tal-eżami f’żewġ stadji, “l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-ewwel stadju, tiddetermina jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, f’dan l-Istat Membru emittenti, ta’ dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit minn din id-dispożizzjoni, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura ta’ dan l-Istat Membru” ( 58 ). |
91. |
Fit-tieni stadju, “l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn dawn in-nuqqasijiet osservati fl-ewwel stadju jista’ jkollhom effett fil-livell tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom tkun ser tkun suġġetta l-persuna kkonċernata u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest, u fid-dawl tal-informazzjoni possibbilment ipprovduta mill-istess Stat Membru b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru” ( 59 ). |
92. |
Fis-sentenza tagħha Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat, fir-rigward tal-proċess tal-ħatra tal-imħallfin fl-Istat Membru emittenti, il-ħtieġa ta’ eżami f’żewġ stadji f’każ fejn hija inkwistjoni l-garanzija, inerenti wkoll għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, stabbilita mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dwar qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, u hija tippreċiża l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-eżami. |
93. |
L-eżami f’żewġ stadji f’din l-ipoteżi ġie ġġustifikat minħabba tliet kunsiderazzjonijiet. |
94. |
L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu, għall-finijiet tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, bejn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin kif ukoll ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi ( 60 ). It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-ħtieġa li jiġi bbilanċjat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li tagħhom hija mitluba l-konsenja mal-interessi l-oħra, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi u l-ġlieda kontra l-impunità, u din timplika għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ma tillimitax l-eżami tagħha għal dak tal-ewwel stadju ( 61 ). It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja wissiet kontra approċċ li jwassal għal sospensjoni tal-fatti fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, bi ksur tal-kompetenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill f’dan ir-rigward ( 62 ). |
95. |
Nikkunsidra li r-raġunament hekk adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), li huwa bbażat fil-parti l-kbira fuq in-neċessità li tiġi ppreżervata n-natura eċċezzjonali tar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba riskju allegat ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-persuna rikjesta għal smigħ xieraq minn qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi mtenni fil-kuntest ta’ din il-kawża, u dan għal żewġ raġunijiet prinċipali. |
96. |
Fl-ewwel lok, ir-riskju allegat fil-kuntest ta’ din il-kawża kien jirrigwarda l-ksur tal-istess rekwiżit inerenti għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, jiġifieri dawk li jirrigwarda qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, anki jekk hawnhekk ma huwiex inkwistjoni l-proċess tal-ħatra tal-imħallfin fl-Istat Membri emittenti, imma l-osservanza tar-regoli legali li jiddeterminaw il-kompetenzi rispettivi tal-qrati ta’ dan l-Istat. |
97. |
Fit-tieni lok, li l-evalwazzjoni ta’ riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali f’każ ta’ konsenja tkun suġġetta għal eżami f’żewġ stadji jidhirli li huwa indispensabbli sabiex ir-rifjut għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ibbażat fuq tali riskju jibqa’ verament eċċezzjonali. |
98. |
Ser neżamina issa dawn iż-żewġ punti. |
a) In‑neċessità ta’ eżami f’żewġ stadji f’każ ta’ riskju allegat ta’ ksur tad‑dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil‑liġi għal dak li jikkonċerna r‑rispett tar‑regoli legali li jiddeterminaw il‑kompetenza tal‑qrati tal‑Istat Membru emittenti
99. |
Fost il-komponenti tal-garanzija li tirrigwarda qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, hemm ir-rekwiżit li l-kompetenza ta’ din il-qorti għandha tkun ibbażata fuq bażi legali. Infakkar li, inkwantu l-Karta tistabbilixxi d-drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr din ma tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 63 ), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jkunx inqas minn dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB ( 64 ). |
100. |
Il-kunċett ta’ “qorti stabbiliti b’liġi”, flimkien ma’ dak tal-“indipendenza” u ta’ “imparzjalità” ta’ qorti, jifformaw parti mir-“rekwiżiti istituzzjonali” tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, dawn il-kunċetti għandhom rabtiet mill-qrib ħafna ( 65 ). |
101. |
Il-Qorti EDB ddeċidiet li, filwaqt li r-rekwiżiti istituzzjonali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandhom kull wieħed għan preċiż li jrenduhom bħala garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, huma għandhom din komuni bejniethom li huma mmirati għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali li huma l-preeminenza tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-bażi ta’ kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jinsab fil-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-fiduċja li l-poter ġudizzjarju għandu jispira fil-parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter fil-konfront tal-poteri l-oħra ( 66 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja integrat dawn id-definizzjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha ( 67 ). |
102. |
Barra minn hekk, il-Qorti EDB interpretat il-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” bħala li jfisser “qorti stabbilita skont il-liġi” ( 68 ). L-istess bħall-irregolaritajiet fil-proċess tal-ħatra tal-imħallfin ( 69 ), il-ksur ta’ regoli tad-dritt intern li jirregolaw il-kompetenza ta’ qorti biex tiddeċiedi dwar kawża jista’ jikser ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” ( 70 ). Fil-fatt, il-“liġi” imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tinkludi b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-istabbiliment u l-kompetenza tal-organi ġudizzjarji ( 71 ). Konsegwentement, skont il-Qorti EDB, “jekk fid-dawl tad-dritt intern qorti ma għandhiex kompetenza sabiex tiġġudika lill-akkużat, din ma hijiex ‘stabbilita bil-liġi’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni” ( 72 ). |
103. |
Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġi ppreċiżat li, skont il-Qorti EDB, l-introduzzjoni tat-termini “mwaqqaf b’liġi” [stabbilita bil-liġi] fl-Artikolu 6 tal-KEDB għandu bħala għan li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja f’soċjetà demokratika titħalla għad-diskrezzjoni tal-poter eżekuttiv u li jiżgura li din l-organizzazzjoni tkun irregolata b’liġi li toħroġ mingħand il-Parlament ( 73 ). Barra minn hekk, skont din l-istess Qorti, “[f]’pajjiżi bi dritt ikkodifikat, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja lanqas ma tista’ titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, u dan ma jeskludix madankollu li dawn ikollhom ċerta setgħa ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam” ( 74 ). |
104. |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-oriġini legali tar-regoli li jiddeterminaw il-kompetenza tal-qrati u l-osservanza ta’ dawn ir-regoli minn dawn tal-aħħar għandhom ir-rabtiet indissoċjabbli mal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin. Dan jikkontribwixxi, b’mod usa’, sabiex jiggarantixxu l-preeminenza tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li jippreżervaw b’hekk il-fiduċja li l-poter ġudizzjarju għandu jispira fil-parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter fil-konfront tal-poteri l-oħra. |
105. |
Għaldaqstant, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika dwar jekk istanza tikkostitwixxix qorti stabbilita bil-liġi, meta jkun hemm dubju serju dwar il-kompetenza ta’ qorti, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet fil-kawża ( 75 ). |
106. |
Minn dan isegwi li, l-istess bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Openbaar Ministerie (Qorti stabbiliti bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) fir-rigward tal-proċess tal-ħatra tal-imħallfin, l-eżami f’żewġ stadji għandu jsir ukoll mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’każ ta’ riskju allegat ta’ ksur tal-garanzija dwar qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba irregolaritajiet dwar il-kompetenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti. |
b) Eżami f’żewġ stadji ġġustifikat mill‑ħtieġa li tkun ippreżervata n‑natura eċċezzjonali għar‑rifjut ta’ eżekuzzjoni bbażat fuq riskju allegat ta’ ksur tad‑dritt fundamentali għal smigħ xieraq
107. |
L-eventwali nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti jista’ jirriżulta problematiku anki fl-istadju tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk jiġi implikat li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat twassal li l-persuna akkużata tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza. Ir-rwol li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha meta problema ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti tiġi allegata quddiemha ġiet iddibattuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
108. |
Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat sabiex tiġġustifika l-ħtieġa li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, wara li tkun wettqet l-ewwel stadju tal-eżami tagħha, tipproċedi għat-tieni stadju tal-eżami tagħha. Fil-fatt, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’kawżi li fihom il-persuna rikjesta lmentat min-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti. F’dan il-kuntest speċifiku, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ f’żewġ stadji jippermetti fuq kollox li jiġi żgurat li l-prova biss ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati ma twassalx sabiex tostakola l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, filwaqt li l-persuna rikjesta ma tkunx, fil-prattika, esposta għal ebda riskju reali fuq livell individwali. |
109. |
Issa, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-kwistjoni hija differenti, peress li hija dwar jekk awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax tibbaża r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tagħha ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fuq riskju individwali ta’ ksur tal-garanzija li tirrigwarda qorti stabbilita minn qabel bil-liġi li ma joriġinax mill-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti. B’hekk, il-kwistjoni ma hijiex hawnhekk dwar jekk l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati hijiex suffiċjenti, imma jekk din hijiex meħtieġa sabiex tippermetti lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta jkun allegat riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minn qorti stabbilit minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
110. |
Jidhirli li t-termini essenzjali tad-dibattitu li sar fuq dan is-suġġett quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinġabru bil-mod kif ġej, billi jsir riferiment għaż-żewġ teżijiet opposti. |
111. |
Skont l-ewwel teżi, il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti ma tikkostitwixxix stadju impost għall-fini li jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tivverifika l-eżistenza ta’ riskju individwali u konkret ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita bil-liġi li minnu għandha tgawdi l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja imponiet sal-lum it-twettiq minn din l-awtorità ta’ eżami f’żewġ stadji fil-kawżi li jikkontestaw l-osservanza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta fl-Istat Membru emittenti jsib spjegazzjoni fil-fatt li, f’dawn il-kawżi, il-kwistjoni kienet dwar jekk, fil-preżenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, it-tieni stadju dwar l-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali fuq livell individwali kienx neċessarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, ma ppronunzjatx ruħha dwar il-kwistjoni dwar jekk l-ewwel stadju huwiex dejjem rikjest. |
112. |
Dawk li jżommu ma’ din l-ewwel teżi jxaqilbu, b’hekk, b’xi mod, il-bilanċ bejn il-fiduċja reċiproka u l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita bil-liġi favur dan it-tieni element. Barra minn hekk, l-argumenti insostenn ta’ din it-teżi ma jagħtux importanza determinanti lid-differenza fin-natura li teżisti bejn id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta, skont jekk humiex assoluti jew inkella jistgħux ikollhom xi limitazzjonijiet. |
113. |
Għall-kuntrarju, skont it-tieni teżi, hemm lok, fir-rigward tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jkun rikjest li jiġu osservati b’mod strett iż-żewġ stadji li ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-parametri tal-verifika mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fl-Istat Membru emittenti. Peress li, sabiex ma tiġix ipperikolata l-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandhom ikollhom fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom, il-verifika mwettqa f’dan ir-rigward mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha natura eċċezzjonali, dan ikun ifisser li l-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti tkun imperattiva. Fil-fatt, huma biss tali nuqqasijiet li huma tali li joħolqu riskju reali ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt jew, f’kull każ, riskju reali ta’ ksur suffiċjentement gravi tal-imsemmi dritt. Ċerti persuni li jżommu ma’ din it-teżi aċċettaw li tista’ teżisti, f’dan ir-rigward, differenza skont jekk ir-riskju ta’ ksur allegat jikkonċernax dritt, kif protett mill-Artikolu 4 tal-Karta, li għandu natura assoluta jew dak iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jista’ jkun limitat. |
114. |
Dawk li jżommu mat-tieni teżi ixaqilbu għaldaqstant, biex ngħidu l-affarijiet b’mod sempliċi, il-bilanċ favur il-fiduċja reċiproka li ma għandhiex tkun ippreġudikata mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li għandhom dejjem, fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ikunu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti. |
115. |
Hija din it-tieni teżi li magħha naqbel, inkwantu hija tikkontribwixxi, bil-fatt li tikkonċepixxi r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, biex tiggarantixxi l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, li tagħha dan il-mandat jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali. |
116. |
Għal dan il-għan, jidhirli li huwa indispensabbli li jiġi ppreżervat kemm jista’ jkun possibbli t-tqassim tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istat Membru emittenti u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Kif indikajt qabel, huwa l-Istat Membru emittenti li għandu primarjament jiżgura li d-deċiżjoni sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun tirrispetta d-drittijiet li l-persuna li tkun is-suġġett tagħha tgawdi mid-dritt tal-Unjoni, li minnhom jifformaw parti d-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. L-Istat Membru emittenti għandu, għal dan il-għan, jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil din il-persuna, b’mod partikolari billi jimplimenta r-rimedji ġudizzjarji neċessarji għal dan l-istħarriġ ( 76 ). B’effett mill-mument li ebda nuqqas sistemiku jew ġeneralizzat fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti ma jkun jista’ jintwera, ma jkunx hemm bżonn li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddubita minn dak li, permezz tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli f’dan l-Istat Membru, il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkonstata u, jekk ikun il-każ, tikkoreġi jew tissanzjona ksur eventwali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, mid-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rriżulta li l-persuni li huma s-suġġett tal-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru emittenti sabiex jistħarrġu, sal-livell tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), ir-rispett ta’ dan id-dritt fundamentali ( 77 ). Inżid li, fil-maġġoranza tal-każijiet, id-diffikultajiet marbutin mal-kompetenza tal-qrati huma solvuti b’regoli proċedurali tad-dritt intern, li l-qrati tal-Istat Membru emittenti huma fl-aħjar pożizzjoni li japplikaw, li jiżguraw għaldaqstant il-protezzjoni tad-dritt fundamentali li persuna tiġi ġġudikata minn qorti stabbilita bil-liġi. |
117. |
Għaldaqstant, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet li jirrigwardaw nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, li jikkonsistu b’mod partikolari f’funzjonamenti ħżiena tas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat li jistgħu jxekklu li ksur tad-dritt fundamentali inkwistjoni jkun jista’ jiġi kkonstatat u, jekk ikun il-każ, ikkoreġut jew issanzjonat minn qorti tal-imsemmi Stat, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu japplika b’mod sħiħ, b’mod li jkun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ aċċellerazzjoni u ta’ simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri mfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, billi jiġi bbażat fuq il-livell ta’ fiduċja għolja li għandha teżisti bejn l-Istati Membri ( 78 ). |
118. |
Issa, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun permessa tivverifika f’każ konkret ir-rispett tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi fl-Istat Membru emittenti, fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru, dan iwassal sabiex itaqqal ħafna l-kompitu ta’ din l-awtorità, ħaġa li tkun tmur kontra r-rekwiżiti ta’ effikaċja u ta’ ħeffa tal-konsenja. Il-fatti li wasslu għal din il-kawża juru barra minn hekk id-diffikultajiet li bihom hija kkonfrontata l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta hija tipprova tapplika, tinterpeta jew ukoll sempliċiment tifhem ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru emittenti. |
119. |
Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ikkaratterizzati bl-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, li jista’ jsir tibdil fit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li jippermettu għaldaqstant lil din tal-aħħar li tivverifika jekk dan l-Istat Membru effettivament irrispettax, f’każ konkret, id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 79 ). Fi kliem ieħor, huwa biss f’każ ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li tista’ ssir deroga, b’mod eċċezzjonali, għar-regola li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tagħmel verifika tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti, b’mod konformi ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 192 tal-Opinjoni 2/13 tagħha (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB). Din ir-regola tirrikjedi għaldaqstant li l-aċċettazzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali tkun limitata b’mod strett ( 80 ). |
120. |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li l-ewwel stadju tal-eżami li għandu tagħmel l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jikkostitwixxi prerekwiżit sabiex jinbeda t-tieni stadju ta’ dan l-eżami. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan it-tieni stadju, “l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa jekk in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati kkonstatati fl-ewwel stadju ta’ dan l-eżami jistgħux jiġu kkonkretizzati fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lill-Istat Membru emittenti u jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, din il-persuna taffaċċjax għalhekk riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” ( 81 ). Kif tindika ġustament il-Kummissjoni, iż-żewġ stadji tal-eżami li għandu jsir mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huma ta’ natura kumulattiva u jseħħu f’sekwenza ta’ analiżi li għandha tkun osservata minn din l-awtorità. |
121. |
Barra minn hekk, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 62 tas-sentenza tagħha Openbaar Ministerie (Qorti stabbiliti bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), nikkunsidra li jekk il-verifika ta’ riskju ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali f’każ konkret kienet, waħidha, suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta, jekk ikun il-każ, li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, il-multiplikazzjoni tal-kontrolli li din l-awtorità tkun tista’ tasal tagħmel f’dan ir-rigward tista’ tippreġudika l-għan tal-ġlieda kontra l-impunità msemmija fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll, jekk ikun il-każ, interessi oħra, bħalma hija l-ħtieġa li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-vittmi tar-reati kkonċernat ( 82 ). |
122. |
Fi ftit kliem, huwa biss fil-preżenza ta’ diffikultajiet maġġuri fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, stabbiliti b’mod rigoruż u bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, f’dan l-Istat Membru, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tiegħi, dan huwa t-twettiq tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u, b’mod iktar speċifiku, tal-implimentazzjoni fluwida u effikaċi tal-mekkaniżmu ta’ konsenja implimentat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka u fuq preżunzjoni ta’ osservanza, mill-Istati Membri, tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. |
123. |
Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm dan l-approċċ fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, anki jekk hija adottat approċċ iktar flessibbli fil-qasam tal-ażil, f’każ ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membri responsabbli tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Iż-żewġ oqsma għandhom, fil-fatt, skopijiet differenti ( 83 ). Barra minn hekk, peress li dan l-approċċ huwa bbażat fuq riskju individwali u mhux sistemiku ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, dan jikkonċerna l-Artikolu 4 tal-Karta, jiġifieri dritt assolut ( 84 ). Min-naħa l-oħra, id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jkun is-suġġett ta’ limitazzjonijiet. |
124. |
Issa, l-għan li tiġi implimentata sistema rapida u effikaċi ta’ konsenja, flimkien ma’ dak intiż li jiġġieled kontra l-impunità, ma huwiex kompatibbli ma’ possibbiltà wiesgħa wisq għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tistħarreġ l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, li ma jikkostitwixxix dritt assolut ( 85 ). |
125. |
Nenfasizza, barra minn hekk, li huwa importanti għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx awtorizzata tagħmel stħarriġ li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tagħmel. L-eżerċizzju li jikkonsisti li tali awtorità tivverifika l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex tiġġudika lill-persuni li jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u biex joħorġu tali mandat jaqa’ min-natura tiegħu f’idejn il-qrati tal-Istat Membru emittenti li huma fl-aħjar pożizzjoni li jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali li jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru. Fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-imsemmi Stat Membru, ma hemmx lok li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tagħmel verifika li tkun l-espressjoni ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront tal-qrati tal-Istat Membru emittenti. Billi tilħaq riżultat li jkun eżatt l-oppost tar-rieda inizjali li tinbena l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali fuq il-pedament magħmul b’mod konġunt mir-rikonoxximent u l-fiduċja reċiproċi, din tiftaħ it-triq għall-ħatt ta’ struttura li, b’paċenzja, ġiet implimentata. |
126. |
Huwa importanti wkoll, fil-fehma tiegħi, li wieħed joqgħod attent milli japplika b’mod mekkaniku fil-kuntest ta’ ksur allegat tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilit minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermettu lill-persuni detenuti jikkontestaw, fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja, il-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru emittenti, jiġifieri li tali rimedju ġudizzjarju “ma jistax, waħdu, ikun biżżejjed sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” ( 86 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali stħarriġ ġudizzjarju, għalkemm jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-kundizzjonijiet li fihom ikun maħsub li ser tinżamm persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, “dan ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jwarrab ir-riskju li dik il-persuna, wara l-konsenja tagħha, tkun suġġetta għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha” ( 87 ). |
127. |
Nikkunsidra, f’dan ir-rigward, li s-sitwazzjoni li fiha jkun allegat riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, f’każ ta’ konsenja tal-persuna rikjesta, għandha tkun distinta minn dik fejn ikun invokat riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta minħabba kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti ( 88 ). Fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, il-possibbiltà ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan l-Istat Membru tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbiliti minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jidhirli li hija determinanti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, fir-rigward ta’ aspetti proċedurali, l-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jkun eżerċitat fl-Istat Membru emittenti huwa tali li jirrimedja irregolarità eventwali fir-rigward tal-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti. |
128. |
Ser intemm l-eżami tat-tielet sas-sitt domanda preliminari billi nagħmel xi kunsiderazzjonijiet fuq il-kontenut tal-ewwel stadju tal-eżami li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tagħmel. |
129. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, f’dan ir-rigward, li, “[f]il-kuntest tal-ewwel stadju ta’ dan l-eżami, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, b’mod partikolari marbut […] ma’ ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dan l-Istat Membru” ( 89 ). Tali evalwazzjoni tippreżumi “evalwazzjoni globali” ( 90 ), li għandha tkun ibbażata fuq “elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament iverifikati [aġġornati]” ( 91 ). Din l-istess evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 92 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dak li jirrigwarda l-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin, li kwalunkwe irregolarità f’din il-proċedura ma tistax titqies li tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 93 ). Dan jippreżupponi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li irregolarità ta’ dan it-tip ikunu ta’ natura u ta’ gravità partikolari ( 94 ). |
130. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat b’hekk standard ta’ protezzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali paragunabbli għal dak li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Fil-fatt, għalkemm din issostni li għandha kompetenza sabiex tivverifika jekk id-dritt nazzjonali josservax ir-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi, hija tikkunsidra madankollu li, meħud kont tal-prinċipju ġenerali li skontu huma primarjament il-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, hija ma tistax tpoġġi f’dubju l-interpretazzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta’ ksur flagranti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 95 ). Minn dawn l-elementi bbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB niddeduċi li huwa biss f’każ ta’ ksur manifest tar-regoli ta’ dritt nazzjonali dwar il-kompetenza tal-organi ġudizzjarji, li jaqbżu l-marġni ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li għandu jkollhom il-qrati nazzjonali, li ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ikun jista’ jiġi kkonstatat. Konsegwentement, sabiex il-prinċipji fundamentali li fuqhom huwa bbażat ir-rekwiżit ta’ “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” [“qorti stabbilita bil-liġi”] fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jitqiesu bħala miksura, huwa rikjest kejl għoli għall-gravità ta’ dan il-ksur ( 96 ). |
131. |
Il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun rikjesta tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti sabiex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, f’dan l-Istat Membru, jidhirli li huwa koerenti mar-rekwiżit ta’ kejl għoli ta’ gravità li l-Qorti EBD adottat fil-qasam tal-ksur tad-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” [“qorti stabbilita bil-liġi”] fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Barra minn hekk, il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni, f’diversi okkażjonijiet, l-ispeċifiċità ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, il-konċiljazzjoni ta’ diversi interessi involuti, kif ukoll in-neċessità għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tibbaża ruħha fuq bażi fattwali suffiċjenti ( 97 ). |
132. |
Fi ftit kliem, ir-rekwiżit ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti huwa l-espressjoni tal-fatt li huwa biss ir-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq li jilħaq il-limitu ta’ gravità għoli li huwa suxxettibbli li jwassal għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Bil-fatt li jipparteċipa sabiex jiggarantixxi li tali rifjut jibqa’ ta’ natura eċċezzjonali, dan ir-rekwiżit jippreżerva, b’mod definittiv, il-bilanċ neċessarju bejn il-protezzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali u l-għanijiet ta’ interess ġenerali li għandu l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
133. |
Mill-elementi kollha preċedenti niddeduċi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew meta, l-istess bħall-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), teskludi hija stess l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti u mbagħad tesprimi dubji fir-rigward tar-rispett tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba billi tibbaża ruħha fuq rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u fuq is-sentenzi tal-Qorti EDB li, għalkemm dawn jistgħu fit-teorija jikkostitwixxu provi ( 98 ), ma jikkorroborawx f’dan il-każ l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet f’dan l-Istat Membru. Inżid ngħid li rifjut ta’ eżekuzzjoni ma jistax ikun ibbażat fuq interpretazzjoni inċerta tad-dritt proċedurali tal-Istat Membru emittenti u jseħħ mingħajr ma tkun mitluba mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-informazzjoni supplimentari u aġġornata dwar l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji u dwar l-istat tad-dibattitu ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru għal dak li jikkonċerna l-verifika tal-punt dwar jekk il-kompetenza ta’ din l-awtorità hijiex konformi ma’ dan id-dritt fundamentali ( 99 ). |
134. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tielet sas-sitt domanda preliminari li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jkun interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-proċeduri kriminali ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha elementi li juru, permezz ta’ evalwazzjoni globali bbażata fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità ma tistax tirrifjuta li timplimenta dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. |
D. Fuq is‑seba’ domanda preliminari
135. |
Permezz tas-seba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tkun interpretata fis-sens li tipprekludi li awtorità ġudizzjarja emittenti toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra l-istess persuna u intiż għall-istess awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta din tal-aħħar rrifjutat li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti f’ċirkustanzi li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. |
136. |
F’dan ir-rigward, nikkonstata mill-ewwel li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma fiha ebda dispożizzjoni li tillimita l-ħruġ ta’ mandati ta’ arrest Ewropej. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, meta kienet qiegħda teżamina l-ammissibbiltà, li diversi mandati ta’ arrest Ewropej setgħu jinħarġu suċċessivament kontra l-istess persuna rikjesta ( 100 ). |
137. |
L-għan tal-ġlieda kontra l-impunità li għandha d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 timmilita wkoll favur il-possibbiltà li jinħarġu diversi mandati ta’ arrest Ewropej kontra l-istess persuna u intiż għall-istess awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bil-għan li din il-persuna tkun suġġetta għall-prosekuzzjoni kriminali jew ukoll sabiex tiġi eżegwita l-piena mogħtija kontriha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi impost limitu fuq in-numru ta’ mandati ta’ arrest Ewropej li jistgħu jinħarġu, dan iwassal sabiex jippreġudika l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u jdgħajjef l-isforzi intiżi għal prosekuzzjoni effettiva ta’ reati fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
138. |
Dan japplika iktar u iktar f’sitwazzjoni fejn rifjut ta’ eżekuzzjoni preċedenti jirriżulta li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. F’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li hija talbet u li ngħatatilha mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi toħroġ, jekk ikun il-każ, mandat ta’ arrest Ewropew ġdid. Minn dan l-aspett, din l-awtorità tibqa’ fil-fatt obbligata teżamina l-punt dwar jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, il-ħruġ ta’ dan il-mandat ġdid huwiex ta’ natura proporzjonata ( 101 ). |
IV. Konklużjoni
139. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 34 rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.
( 3 ) ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.
( 4 ) C‑404/15 u C‑659/15 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Aranyosi u Căldăraru, EU:C:2016:198.
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 6 ) C‑216/18 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), EU:C:2018:586.
( 7 ) C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), EU:C:2020:1033.
( 8 ) C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), EU:C:2022:100.
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413), li permezz tagħha ġie deċiż, minn naħa, li jiġi annullat id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Lulju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (T‑272/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:497) u, min-naħa l-oħra, li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 u P9_TA(2021)0061 tad‑9 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Carles Puigdemont i Casamajó u Antoni Comín i Oliveres kif ukoll ta’ Clara Ponsatí i Obiols.
( 11 ) Iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ewwel Istanza”.
( 12 ) Iċċitati f’dan ir-rigward huma s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi Pubbliċi ta’ Lyon u ta’ Tours) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077); tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur Pubbliku Svediż) (C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078), u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur Pubbliku ta’ Brussell) (C‑627/19 PPU, EU:C:2019:1079).
( 13 ) Il-Qorti tal-Ewwel Istanza ċċitat, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Claes et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2005:0602JUD004682599).
( 14 ) Iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja”.
( 15 ) Il-Qorti tal-Ewwel Istanza invokat għaldaqstant is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il-Belġju (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296), u tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Claes et vs Il-Belġju (CE:ECHR:2005:0602JUD004682599).
( 16 ) Iktar ’il quddiem il-“cour d’appel (il-Qorti tal-Appell)”.
( 17 ) Ara s-sentenza tat-Tribunal Constitutional (il-Qorti Kostituzzjonali), tas‑17 ta’ Frar 2021 (Nru 34/2021, BOE Nru 69, tat‑22 ta’ Marzu 2021, p. 32889). Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din is-sentenza ngħatat wara appell ippreżentat minn waħda mill-persuni kkundannati, li qal li kien jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal L. Puig Gordi.
( 18 ) Moniteur belge tad‑19 ta’ Diċembru 2003, p. 60075.
( 19 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet) (C‑649/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet), EU:C:2021:75, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) C‑268/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza AY (Mandat ta’ arrest – Xhud)”, EU:C:2018:602.
( 22 ) Ara s-sentenza AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (punt 31).
( 23 ) Ara s-sentenza AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (punt 27).
( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Punt 39 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 26 ) Ara s-sentenza Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet) (punt 38).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 63 u 64).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Kif tindika l-Kummissjoni fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, tat‑2 ta’ Lulju 2020 (COM(2020) 270 finali, p. 9), “[i]l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew b’mod espliċitu l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali, uħud f’termini ġenerali, iżda oħrajn b’referenza speċifika għad-drittijiet imsemmija fil-premessi 12 u 13. Pereżempju, xi traspożizzjonijiet nazzjonali jirreferu b’mod ġenerali għal trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali […] u/jew għall-Artikolu 6[TUE]. Ftit Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 1(3) ta[’ din i]d-Deċiżjoni Qafas billi rreferew biss għall-[KEDB], filwaqt li ma inkludewx referenza għall-[Karta]”.
( 34 ) Skont il-premessa 10 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, “[i]l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [TUE], determinati mill-Kunsill skond l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu”. Barra minn hekk, il-premessa 12 tal-istess deċiżjoni qafas tipprevedi li din “hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-Karta […], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. Xejn [fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584] ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid ta’ ċediment [konsenja] ta’ persuna għal liema mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet”. Iktar minn hekk, il-premessa 13 ta’ din id-deċiżjoni qafas tirrifletti l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta billi tindika li “[e]bda persuna m’għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lil Stat fejn hemm riskju serju li tiġi assoġġettata għall-piena tal-mewt, għal tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti”.
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Aranyosi u Căldăraru (punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punt 43).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Aranyosi u Căldăraru (punt 83) u Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punt 45). Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda L u P (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:925), li fihom din tal-aħħar tirrileva li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, lil hinn mill-każijiet ikkunsidrati b’mod speċifiku fid-Deċiżjoni Qafas (l-Artikoli 3 sa 5), l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ wkoll jiġi miċħud ‘f’ċirkostanzi eċċezzjonali’ li, minħabba s-serjetà tagħhom stess, jimponu l-limitazzjoni tal-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqhom hija mibnija l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali” (punt 39).
( 37 ) Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li ninsisti fuq il-fatt li huwa biss fil-preżenza ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, segwita bis-sospensjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għal dak li jikkonċerna l-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 7(2) u 3(3) TUE, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tirrifjuta awtomatikament li teżegwixxi kull mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan l-Istat Membru: ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) BOE Nru 282, tal‑21 ta’ Novembru 2014, p. 95437.
( 40 ) Ara Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Dikjarazzjonijiet li ser isiru mill-Istat Spanjol bħala riżultat tal-adozzjoni tal-Liġi 23/2014 tal‑20 ta’ Novembru 2014 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali fl-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ April 2015 (Dokument Nru 8138/15, p. 2, disponibbli fis-sit internet segwenti: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8138-2015-INIT/mt/pdf).
( 41 ) C‑508/18 u C‑82/19 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), EU:C:2019:456.
( 42 ) Punt 50 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi, l-istess bħall-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, kemm għal imħallef jew qorti, kif ukoll għal awtorità ġudizzjarja, bħalma huwa l-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru, li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru u li jgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, C u CD (Ostakli legali għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja) (C‑804/21 PPU, EU:C:2022:307, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 44 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 47 ) Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/13 (Adezjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB)” punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) Ara Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB) (punt 192, enfasi miżjud minni).
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 41).
( 50 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 4). Ara, iktar reċenti, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB) (punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, C u CD (Ostakli legali għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja) (C‑804/21 PPU, EU:C:2022:307, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, “fir-rigward ta’ proċeduri ta’ tali [mandat ta’ arrest Ewropew], il-garanzija tad-drittijiet fundamentali primarjament hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti” (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-ewwel affermazzjoni tal-ħtieġa ta’ eżami f’żewġ stadji fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punti 47 sa 75).
( 58 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 59 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 60 ) Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punti 55 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punti 59 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 62 ) Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 63 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.
( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Getin Noble Bank, EU:C:2022:235, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 65 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 231).
( 66 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 233).
( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Getin Noble Bank (punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, is-sentenza Openbaar Minisstabbilita bilterie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 68 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 229).
( 69 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Getin Noble Bank (punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 70 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 224).
( 71 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Lulju 2007, Jorgic vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2007:0712JUD007461301, punt 64).
( 72 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Lulju 2007, Jorgic vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2007:0712JUD007461301, punt 64). Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punti 107 u 108), il-Qorti EDB ddeċidiet li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ “tribunal mwaqqaf b’liġi” [qorti stabbilita bil-liġi] il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) Belġjana li tiġġudika akkużati li ma humiex ministri għal reati marbuta ma’ dawk li għalihom il-ministri kienu akkużati, peress li r-regola ta’ konnessjoni ma kinitx stabbilita bil-liġi.
( 73 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punt 98), u tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Richert vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2011:1025JUD005480907, punt 42).
( 74 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punt 98), u tal‑20 ta’ Ottubru 2009, Gorguiladzé vs Il‑Ġeorġja (CE:ECHR:2009:1020JUD000431304, punt 69).
( 75 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 76 ) Infakkar, f’dan ir-rigward, li, “[l]-Unjoni hija Unjoni tad-dritt fejn il-partijiet għandhom id-dritt li jikkontestaw quddiem il-qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni”: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (punt 49).
( 77 ) Għal approċċ paragunabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punti 69 sa 74). Nirrileva li ġie kkonfermat waqt is-seduta li L. Puig Gordi ippreżenta “recurso de amparo” (rikors għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali) quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali).
( 78 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, C u CD (Ostakli legali għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konsenja) (C‑804/21 PPU, EU:C:2022:307, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 79 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-Kawża Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517), li fihom dan tal-aħħar jiċċita s-sentenza tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l‑Irlanda) tal‑4 ta’ Mejju 2007, The Minister for Justice Equality and Law Reform vs Brennan ((2007) IECH 94), li permezz tagħha din il-qorti ddeċidiet li huwa biss fil-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, “bħal falliment [nuqqas] kjarament ippruvat u fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat rikjedenti”, li ksur tad-drittijiet stabbiliti mill-Artikolu 6 tal-KEDB ikun jiġġustifika rifjut ta’ konsenja taħt il-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew (nota ta’ qiegħ il-paġna 47). Ara wkoll is-sentenza tal-Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tal‑10 ta’ Mejju 2022 (Nru 22-82.379, FR:CCASS:2022:CR00676), li fiha ddeċidiet li “mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa stess ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva ta’ drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, u li konsegwentement ma huwiex l-Istat ta’ eżekuzzjoni, ħlief fil-każ ta’ nuqqas sistemiku jew ġeneralizzat fl-Istat emittenti, li għandu jiżgura stħarriġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali minn dan tal-aħħar” (punt 14, korsiv miżjud minni).
( 80 ) Ara, f’dan ir-rigward, Spielmann, D., u Voyatzis, P., “Le mandat d’arrêt européen entre Luxembourg et Strasbourg: du subtil exercice d’équilibriste entre la CJUE et la Cour EDH”, Sa Justice – L’Espace de Liberté, de Sécurité et de Justice – Liber amicorum en hommage à Yves Bot, Bruylant, Brussell, 2022, p. 256. Kif jirrilevaw dawn l-awturi, waħda mill-isfidi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffaċċja hija ċertament dik li tevita ċerta ġeneralizzazzjoni taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, li jkunu jippreġudikaw il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-effikaċjà tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew (p. 300).
( 81 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 82, enfasi miżjuda minni).
( 82 ) Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 60).
( 83 ) Ara, f’dan ir-rigward, Billing, F., “Limiting mutual trust on fundamental rights grounds under the European arrest warrant and lessons learned from transfers under Dublin III”, New Journal of European Criminal Law, SAGE Journals, 2020, Vol. 11(2), p. 184.
( 84 ) Kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), il-projbizzjoni tal-pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija ta’ importanza fundamentali, sa fejn għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll punt 69). Din il-konstatazzjoni wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-possibbiltà li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil li l-istat ta’ saħħa tiegħu hija partikolarment gravi tista’, minnha nfisha, twassal, għall-persuna kkonċernata, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, u dan anki fl-assenza ta’ raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li jeżistu nuqqasijiet sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ lqugħ tal-applikanti għall-ażil fil-Kroazja (punti 71 u 73). Ara, wkoll, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 78 u 87). Fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li s-soluzzjoni li hija tadotta tirrikjedi li tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. B’hekk, “ma jistax jiġi eskluż għalkollox li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li huma speċifiċi għalih u li jimplikaw li, fil-każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, dan l-applikant jista’ jsib ruħu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, indipendentement mill-volontà tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema […], wara li jkun ingħata l-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali”.
( 85 ) Id-dibattitu li sar quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wera li, fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, pożizzjoni iktar sfumata u miftuħa għall-aċċettazzjoni ta’ riskji mhux sistemiċi tista’ tiġi kkontemplata meta inkwistjoni jkun hemm il-protezzjoni ta’ dritt fundamentali ta’ natura assoluta, bħalma huwa dak protett mill-Artikolu 4 tal-Karta. B’hekk, il-Kummissjoni aċċettat waqt is-seduta li, għal dak li jirrigwarda riskju ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali, pereżempju minħabba karatteristiċi partikolari tal-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew anki fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru emittenti. Din it-teżi jidhirli li għandha titqies fid-dawl tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprevedi kif ġej: “[i]l-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu.”. Ara, f’dan ir-rigward, Billing, F., “Limiting mutual trust on fundamental rights grounds under the European arrest warrant and lessons learned from transfers under Dublin III”, New Journal of European Criminal Law, SAGE Journals, 2020, Vol. 11(2), p. 197. Ara wkoll, dwar il-punt dwar jekk u sa fejn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna rikjesta meta din tal-aħħar tbati minn marda li tista’ taggrava fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-kawża pendenti E. D. L. vs Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑699/21).
( 86 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 73).
( 87 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 74).
( 88 ) Hemm ukoll, id-differenza ta’ natura bejn id-drittijiet fundamentali għandha effett fuq ir-raġunament adottat. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:547), li jirrileva li “peress li finalment din hija l-garanzija ta’ dritt assolut, li min-natura tiegħu stess għandu jingħata protezzjoni preventiva qabel dik riparatriċi, nemmen li, minkejja li hija importanti, l-eżistenza ta’ sistema ta’ rimedji effettivi tista’ ma tkunx biżżejjed jekk il-qorti ta’ eżekuzzjoni jkollha dubji probatorji dwar il-possibbiltà li l-persuna detenuta tista’ ġġarrab trattament inuman u degradanti b’mod immedjat, irrispettivament minn jekk dan il-ksur jiġix sussegwentement ikkumpensat minn rimedji ġudizzjarji effettivi tal-Istat emittenti” (punt 57). Kif indika l-Gvern Belġjan waqt is-seduta, għal dak li jirrigwarda d-dritt fundamentali protett mill-Artikolu 4 tal-Karta, l-użu ta’ rimedju ġudizzjarju ma jippermettix dejjem li jiġi rrimedjat il-ksur invokat, peress li dan jista’ jseħħ fil-frattemp.
( 89 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 90 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punti 74 u 77).
( 91 ) Sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 92 ) Ara, b’mod partikoalri s-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 93 ) Ara s-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 72).
( 94 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 95 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Lulju 2007, Jorgic vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2007:0712JUD007461301, punt 65). Din il-qorti ppreċiżat ukoll li “meta hija tanalizza jekk kienx hemm ksur tar-regoli interni rilevanti f’kawża partikolari, il-Qorti EDB tirreferi fil-prinċipju għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tad-dritt intern mill-qrati nazzjonali, ħlief jekk il-konklużjonijiet tagħhom ikunu arbitrarju jew manifestament mhux raġonevoli”: ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 251).
( 96 ) Ara, għal dak li jirrigwarda ksur allegat tar-rekwiżit ta’ “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” [qorti stabbilita bil-liġi], fil-proċess tal-ħatra tal-imħallfin, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 234). Il-Qorti EDB adottat, f’din is-sentenza, approċċ fi tliet stadji kumulattivi (punt 243). L-ewwel, il-Qorti EDB ikkunsidrat li, fil-prinċipju, għandu jkun hemm ksur manifest tad-dritt intern (punt 244). It-tieni, il-ksur inkwistjoni għandu jiġi analizzat fid-dawl tal-għan u l-iskop tar-rekwiżit ta’ “tribunal […] mwaqqaf b’liġi”, li huma li jiġi żgurat li l-poter ġudizzjarju jkun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu ħieles minn kull indħil inġustifikat, b’mod li jippreżerva għaldaqstant il-preeminenza tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri, ħaġa li timplika li huma biss il-ksur li jmissu r-regoli fundamentali tal-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin – jiġifieri dawk li jċaħħdu mill-essenza tiegħu d-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” – li huma tali li jammontaw għal ksur ta’ dan id-dritt (punti 246 u 247). It-tielet, il-Qorti EDB ssostni li l-istħarriġ li l-qrati nazzjonali għamlu, jekk ikun il-każ, fuq il-kwistjoni tal-konsegwenzi legali – fid-dawl tad-drittijiet li l-KEDB tiggarantixxi lil kulħadd – ta’ ksur tar-regoli tad-dritt intern li jirregolaw il-ħatriet ġudizzjarji għandu rwol importanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk dan il-ksur jammontax għall-ksur tad-dritt għal “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” (punt 248). Jidhirli li huwa rilevanti li dan it-tielet stadju jitqabbel ma’ dak li indikajt fir-rigward tal-importanza ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti tar-rispett tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.
( 97 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB, 9 ta’ Lulju 2019, Castaño vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117).
( 98 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Aranyosi u Căldăraru (punt 89).
( 99 ) Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi fil-materji kriminali, jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti previsti b’mod partikolari fl-Artikoli […] 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 b’mod li jiffavorixxu l-fiduċja reċiproka fuq il-bażi ta’ din il-kooperazzjoni”: ara, b’mod partikolari, is-sentenza Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 100 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), u Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet).
( 101 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 49).