This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0014
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 22 February 2022.#Sea Watch eV v Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti and Others.#Requests for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia.#Reference for a preliminary ruling – Activities relating to the search for and rescue of persons in danger or distress at sea carried out by a humanitarian non-governmental organisation (NGO) – Regime applicable to ships – Directive 2009/16/EC – United Nations Convention on the Law of the Sea – International Convention for the Safety of Life at Sea – Respective competences and powers of the flag State and the port State – Inspection and detention of ships.#Joined Cases C-14/21 and C-15/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2022.
Sea Watch eV vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti u Capitaneria di Porto di Palermo.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni fil-periklu jew f’diffikultà fil-baħar, immexxija minn organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) bi skop umanitarju – Sistema applikabbli għall-bastimenti – Direttiva 2009/16/KE – Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar il‑Liġi tal‑Baħar – Konvenzjoni Internazzjonali għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il-Baħar – Kompetenzi u setgħat rispettivi tal‑Istat tal‑bandiera u tal‑Istat tal‑port – Spezzjoni u detenzjoni ta’ bastimenti.
Kawża C-14/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2022.
Sea Watch eV vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti u Capitaneria di Porto di Palermo.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni fil-periklu jew f’diffikultà fil-baħar, immexxija minn organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) bi skop umanitarju – Sistema applikabbli għall-bastimenti – Direttiva 2009/16/KE – Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar il‑Liġi tal‑Baħar – Konvenzjoni Internazzjonali għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il-Baħar – Kompetenzi u setgħat rispettivi tal‑Istat tal‑bandiera u tal‑Istat tal‑port – Spezzjoni u detenzjoni ta’ bastimenti.
Kawża C-14/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:104
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2022 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑14/21 u C‑15/21
Sea Watch eV
vs
Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,
Capitaneria di Porto di Palermo (C‑14/21)
Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,
Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (C‑15/21)
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport marittimu – Attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar – Qafas applikabbli għall-bastimenti – Direttiva 2009/16/KE – Setgħat ta’ kontroll tal-Istat tal-port – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 11 – Kundizzjonijiet għal spezzjoni addizzjonali – Artikolu 13 – Spezzjoni ddettaljata – Portata tas-setgħat ta’ kontroll – Artikolu 19 – Detenzjoni ta’ bastimenti”
I. Introduzzjoni
1. |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja) fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Sea Watch eV u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) kif ukoll il-Capitaneria di Porto di Palermo (l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Palermo, l-Italja), fl-ewwel kawża, u l-Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Porto Empedocle, l-Italja), fit-tieni kawża, dwar żewġ ordnijiet ta’ twaqqif maħruġa minn kull wieħed minn dawn l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port u li jirrigwardaw, rispettivament, il-bastimenti bl-isem “Sea Watch 4” u “Sea Watch 3” (iktar ’il quddiem il-“bastimenti inkwistjoni”). |
2. |
Id-domandi preliminari jikkonċernaw, essenzjalment, il-portata tal-kontroll tal-Istat tal-port, abbażi tad-Direttiva 2009/16/KE ( 2 ) u ta’ regoli internazzjonali oħra applikabbli, għall-bastimenti privati li jeżerċitaw, b’mod sistematiku u esklużiv, l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fuq il-baħar (iktar ’il quddiem l-“attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar”). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, b’mod iktar partikolari, tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16, il-frekwenza u l-intensità tal-kontrolli, kif ukoll il-bażi tal-miżuri ta’ detenzjoni. |
3. |
Id-diffikultà prinċipali preżenti f’dawn il-kawżi tinsab fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni internazzjonali jew Ewropea li tirregola l-eżerċizzju sistematiku tal-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar minn entitajiet privati ( 3 ), attività li żdiedet ħafna matul l-aħħar snin, fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-organizzazzjonijiet statali u internazzjonali fil-konfront tas-sitwazzjoni iktar u iktar kritika marbuta mas-sigurtà tal-persuni li jaqsmu l-baħar Mediterran abbord bċejjeċ tal-baħar mhux maħsuba għal dan l-iskop. |
4. |
Sal-lum, il-leġiżlaturi internazzjonali u Ewropej astjenew milli jimlew din il-lakuna u għalhekk milli jadottaw direttament pożizzjoni fir-rigward ta’ dan il-fenomenu ( 4 ), li l-importanza tiegħu bħalissa hija mmanifestata mill-fatt li l-bastimenti privati li jwettqu b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar essenzjalment jikkooperaw mas-sistemi statali ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 5 ). Madankollu, l-assenza ta’ regoli partikolari dwar din il-prassi twassal għal sitwazzjonijiet ambigwi, li fihom il-preżenza ta’ bastimenti privati li jeżerċitaw b’mod regolari l-attività ta’ riċerka u salvataġġ fuq il-baħar tista’ twassal sabiex jiġu evitati r-regoli tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni u anki billi jħeġġu dan it-tip ta’ attività. Madankollu nirrimarka, qabelxejn, li dawn il-kawżi ma jirrigwardawx l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ stess, iżda jikkonċernaw stadju distint u sussegwenti għaliha, jiġifieri l-attività ta’ spezzjoni tal-bastimenti wara l-iżbarkar ta’ “nawfragi”. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
5. |
Id-Direttiva 2009/16 ( 6 ) tikkonċerna l-kontroll tal-bastimenti mill-Istat tal-port. Il-premessa 6 ta’ din id-direttiva hija redatta kif ġej: “Il-monitoraġġ tal-konformità tal-vapuri mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni tat-tniġġis u għall-kondizzjoniiet ta’ għajxien u tax-xogħol abbord huma l-aktar ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera. B’serħan, kif adatt, fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti, l-Istat tal-bandiera jiggarantixxi bis-sħiħ il-kompletezza u l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet u l-istħarriġ imwettqin biex jinħarġu ċ-ċertifikati rilevanti. Iż-żamma tal-kondizzjoni tal-vapur u t-tagħmir tiegħu wara stħarriġ biex ikun hemm konformità mal-ħtiġiet tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-vapur hija responsabbiltà tal-kumpanija tal-vapur. Madankollu, kien hemm nuqqas serju min-naħa ta’ numru ta’ Stati tal-bandiera biex jimplimentaw u jinforzaw standards internazzjonali. Minn issa ’l quddiem, bħala t-tieni linja ta’ difiża kontra tbaħħir substandard, il-monitoraġġ ta’ konformità mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni tat-tniġġis u għall-kondizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol abbord għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istat tal-port, waqt li jkun rikonoxxut li l-ispezzjoni ta’ kontroll mill-Istat tal-port mhijiex stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati ta’ adegwatezza għall-baħar.” |
6. |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull vapur u l-ekwipaġġ tiegħu li jieqaf f’port jew f’ankraġġ ta’ Stat Membru biex jiġi impenjat f’relazzjoni vapur/port. […] Xejn f’dan l-Artikolu ma jaffettwa d-drittijiet ta’ intervent disponibbli lil Stati Membri taħt il-konvenzjonijiet rilevanti. […] 4. Bastimenti tas-sajd, vapuri tal-gwerra, awżiljarji navali, vapuri b’binja primittiva użati għal skopijiet mhux kummerċjali u jottijiet tad-divertiment li mhumiex użati għan-negozju għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. […]” |
7. |
L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Frekwenza ta’ spezzjonijiet”, jipprovdi: “Il-vapuri li jżuru portijiet jew ankraġġi [fl-Unjoni] għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perijodiċi jew spezzjonijiet addizzjonali kif ġej:
|
8. |
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, intitolat “Spezzjonijiet inizjali u aktar dettaljati”: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vapuri magħżulin għal spezzjoni f’konformità mal-Artikolu 12 jew l-Artikolu 14a huma soġġetti għal spezzjoni inizjali jew spezzjoni aktar dettaljata kif ġej:
[…]
|
9. |
L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rettifikazzjoni u detenzjoni”, jipprovdi: “1. L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li kull nuqqas ikkonfermat jew mikxuf mill-ispezzjoni msemmija, ġie jew sa jiġi, rretifikat skond il-Konvenzjonijiet. 2. F’każ ta’ nuqqasijiet illi diġà huma perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew l-ambjent, l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port fejn qiegħed jiġi spezzjonat il-vapur għandha tiżgura li l-vapur miżmum jew li l-operazzjoni li matulha ġew irrappurtati n-nuqqasijiet twaqqfet. L-ordni ta’ detenzjoni jew twaqqif ta’ operazzjoni ma tiqafx sakemm jitneħħa l-perikolu jew sakemm din l-awtorità tista’ tistabbilixxi illi l-vapur jista’ jkun soġġett għal kondizzjonijiet meħtieġa, jipproċedi lejn il-baħar jew titkompla l-operazzjoni mingħajr riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju lil vapuri oħra, jew mingħajr ma hemm theddida mhux raġjonevoli lill-ambjent tal-baħar. […] 6. Fil-każ ta’ detenzjoni, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tavża, bil-miktub u tinkludi r-rapport tal-ispezzjoni, lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew, meta dan ma jkunx possibbli, lill-Konslu jew, fin-nuqqas tiegħu, lill-eqreb rappreżentant diplomatiku ta’ dak l-Istat, dwar iċ-ċirkostanzi kollha li fihom l-intervent kien meqjus meħtieġ. B’żieda ma’ dan, periti maħtura jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-klassifikazzjoni jew ċertifikati statutorji skond il-Konvenzjonijiet għandhom ukoll jiġu nnotifikati fejn dan huwa rilevanti. […] […]” |
10. |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Elementi tas-Sistema tal-Ispezzjoni Komunitarja għall-Istat tal-Port”, jinkludi l-Parti II li t-Taqsima 2 tiegħu intitolata “Spezzjonijiet addizzjonali” tinkludi l-punt 2B, intitolat “Fatturi mhux mistennijin”, li huwa fformulat kif ġej: “Vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi mhux mistennijin li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni irrispettivament mill-perijodu mill-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom. Id-deċiżjoni li titwettaq tali spezzjoni addizzjonali titħalla f’idejn il-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti. […]
|
11. |
L-Anness V tal-istess direttiva, intitolat “Eżempji ta’ ‘Bażijiet Ċari’”, jindika fil-lista ta’ “Eżempji ta’ bażijiet ċari għal spezzjoni aktar dettaljata”, (Parti A), is-segwenti eżempji:
[…]
[…]” |
B. Id‑dritt Taljan
12. |
Id-Direttiva 2009/16 ġiet trasposta fid-dritt Taljan bid-decreto legislativo Nru 53 – Attuazione della direttiva [2009/16] recante le norme internazionali per la sicurezza delle navi, la prevenzione dell’inquinamento e le condizioni di vita e di lavoro a bordo per le navi che approdano nei porti comunitari e che navigano nelle acque sotto la giurisdizione degli Stati membri (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 53 – Implimentazzjoni tad-Direttiva [2009/16] dwar regoli internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord bastimenti li jieqfu fil-portijiet tal-Unjoni u li jinnavigaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri), tal‑24 ta’ Marzu 2011 ( 7 ). |
III. Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
13. |
Sea Watch hija organizzazzjoni umanitarja mingħajr skop ta’ lukru li għandha s-sede tagħha f’Berlin (il-Ġermanja) li, skont l-istatut tagħha, għandha bħala għan, b’mod partikolari, l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar u li teżerċita din l-attività fl-ibħra internazzjonali tal-baħar Mediterran permezz ta’ bastimenti li tagħhom hija kemm is-sid kif ukoll l-operatur. Fost dawn il-bastimenti hemm b’mod partikolari il-bastimenti inkwistjoni, li jtajru l-bandiera Ġermaniża u li ġew iċċertifikati minn korp approvat ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni stabbilit fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“korp ta’ ċertifikazzjoni”) bħala “bastiment[i] tal-merkanzija ġenerali – polivalenti” ( 8 ). |
14. |
Matul is-sajf tal-2020, wara li wettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ fl-ibħra internazzjonali tal-baħar Mediterran u wara li żbarkaw il-persuni salvati mill-baħar fil-portijiet ta’ Palermo (l-Italja) u ta’ Porto-Empedocle (l-Italja), b’konformità mal-awtorizzazzjoni u mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, il-bastimenti inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ tindif u ta’ diżinfettar u mbagħad ta’ spezzjonijiet abbord min-naħa, rispettivament, tal-Uffiċċji tal-Kap tal-Port ta’ dawn iż-żewġt ibliet, u, b’mod partikolari, spezzjonijiet iddettaljati fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 ( 9 ). |
15. |
Dawn l-ispezzjonijiet iddettaljati kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ “fattur prominenti”, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16 ( 10 ), marbut maċ-ċirkustanza li l-bastimenti inkwistjoni kienu involuti fl-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar filwaqt li ma kinux iċċertifikati għal dan is-servizz u kienu ġabru abbord numru ta’ persuni ħafna ogħla minn dak li kien jikkorrispondi maċ-ċertifikati ta’ sigurtà ta’ dawn il-bastimenti. |
16. |
Skont l-awtoritajiet Taljani, l-imsemmija spezzjonijiet iddettaljati rrilevaw ċertu numru ta’ nuqqasijiet tekniċi u operattivi meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli ( 11 ), li wħud minnhom kellhom jitqiesu, separatament jew flimkien, bħala li joħolqu riskju manifestament għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent u li huma ta’ gravità tali li jiġġustifikaw id-detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16 ( 12 ). B’konsegwenza ta’ dan, iż-żewġ Uffiċċji tal-Kap tal-Port ikkonċernati ordnaw id-detenzjoni tal-imsemmija bastimenti. Minn dak iż-żmien ’il hawn, Sea Watch temmet ċertu numru ta’ irregolaritajiet, filwaqt li kkunsidrat li l-bqija tal-irregolaritajiet (iktar ’il quddiem l-“irregolaritajiet inkwistjoni” ( 13 )) ma kinux ġew stabbiliti. |
17. |
Wara d-detenzjoni tal-bastimenti inkwistjoni, Sea Watch ippreżentat, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia), il-qorti tar-rinviju, żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tal-avviżi ta’ detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti, tar-rapporti ta’ spezzjoni li ppreċedew dawn l-avviżi u ta’ “kull att preċedenti ieħor, konness jew konsekuttiv”. Insostenn tar-rikorsi tagħha, hija sostniet, essenzjalment, li l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port li minnhom joriġinaw dawn il-miżuri kienu eċċedew is-setgħat attribwiti lill-Istat tal-port, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2009/16, interpretata fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u konvenzjonali applikabbli. |
18. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod ġenerali, li hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-eżistenza tal-irregolaritajiet inkwistjoni mhux biss bejn il-partijiet fil-kawżi prinċipali, iżda wkoll bejn l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istat tal-port (l-Italja) u l-Istat tal-bandiera (il-Ġermanja) ( 14 ), u li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jqajmu kwistjonijiet ta’ dritt kumplessi, ġodda u partikolarment importanti, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-qafas u s-sistema legali applikabbli għall-bastimenti użati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi bi skop umanitarju sabiex iwettqu, b’mod intenzjonali u mhux sempliċement aċċidentali, l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Ġaladarba ġie speċifikat dan kollu, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, dwar il-punt dwar jekk id-Direttiva 2009/16 tapplikax għall-bastimenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dwar il-kundizzjonijiet u l-bażijiet tas-setgħat ta’ kontroll u ta’ detenzjoni tal-Istat tal-port. |
19. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia) iddeċidiet, f’kull waħda miż-żewġ kawżi prinċipali, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fiż-żewġ kawżi:
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
20. |
Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva għal Sicilia) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawżi odjerni għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
21. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2021, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, dan ċaħad it-talba għal proċedura mħaffa, filwaqt li kkonstata li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi kienu jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tittrattahom bi prijorità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
22. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Sea Watch, mill-Gvern Taljan, Spanjol u dak Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑30 ta’ Novembru 2021. |
V. Analiżi
23. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 (A) u l-portata tas-setgħat ta’ kontroll tal-Istat tal-port, f’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-kundizzjonijiet meħtieġa għal spezzjoni ddettaljata addizzjonali abbażi tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva (B), sussegwentement, il-portata tas-setgħat ta’ spezzjoni, abbażi tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva kif ukoll abbażi tal-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (C), u, finalment, il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ bastiment abbażi tal-Artikolu 19 tal-istess direttiva (D). |
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari (kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2009/16)
24. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/16 tapplikax għal bastimenti li, filwaqt li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija, huma operati, b’mod esklużiv u sistematiku, għall-finijiet tal-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar (subdomanda a), u jekk ikun il-każ, jekk l-attività ta’ dawn il-bastimenti tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva bħala attività assimilata ma’ dik ta’ trasport ta’ passiġġieri (subdomanda ċ). F’każ ta’ risposta affermattiva, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011, li jittrasponi l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva billi jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biss għall-bastimenti użati għal finijiet kummerċjali, huwiex kompatibbli mal-istess direttiva (subdomanda b). |
25. |
L-imsemmija qorti tqis li d-Direttiva 2009/16 għandha tinftiehem fis-sens li ma tapplikax għal bastimenti bħall-bastimenti inkwistjoni, b’tali mod li dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ spezzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ din id-direttiva. |
26. |
Fl-ewwel lok, kuntrarjament għall-qorti tar-rinviju, inqis li d-Direttiva 2009/16 tapplika għal bastimenti, bħal dawk inkwistjoni, li, filwaqt li kienu rreġistrati bħala “bastimenti tal-merkanzija polivalenti”, jeżerċitaw l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar. |
27. |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/16 jipprovdi li din tapplika għal kull bastiment kif ukoll għall-ekwipaġġ tiegħu li jieqaf f’port jew f’ankraġġ ta’ Stat Membru biex jiġi impenjat f’attività ta’ relazzjoni bastiment/port. Issa, il-bastimenti inkwistjoni huma rreġistrati bħala “bastimenti” ( 15 ). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi huwa evidenti li dawn il-bastimenti jwettqu attività li tinvolvi b’mod partikolari l-moviment ta’ persuni mill-bastiment u lejn il-port u li, għaldaqstant, huma jeżerċitaw “[attività ta’] relazzjoni vapur/port” ( 16 ), filwaqt li l-fatt li din l-attività ma hijiex eżerċitata b’ritmi regolari jew prevedibbli ma jaffettwax id-definizzjoni inkwistjoni. |
28. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16 jipprovdi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari, il-bastimenti tal-awtoritajiet pubbliċi użati għal finijiet mhux kummerċjali u d-dgħajjes ta’ rikreazzjoni użati għal finijiet mhux kummerċjali. Issa, għalkemm huwa minnu li l-bastimenti inkwistjoni huma użati għal finijiet mhux kummerċjali, bħaż-żewġ kategoriji ta’ bastimenti msemmija iktar ’il fuq, huma ma jistgħux jiġu assimilati, għal din ir-raġuni biss, ma’ “bastimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi” jew ma’ “jottijiet [dgħajjes] tad-divertiment”. |
29. |
F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, anki jekk dawn il-bastimenti jikkontribwixxu, de facto, sabiex jiżguraw il-missjonijiet ta’ riċerka u salvataġġ fuq il-baħar li huma kompitu, bħala prinċipju, tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat kostali u huma, sa ċertu punt, obbligati li jikkooperaw mas-sistema ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 17 ), dawn ma jikkostitwixxux bastimenti “ta’ awtoritajiet pubbliċi”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16. Barra minn hekk, jidhirli li din id-deroga hija marbuta mhux man-natura ta’ interess pubbliku tal-attività eżerċitata, iżda pjuttost mal-immunità sħiħa mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull Stat minbarra l-Istat tal-bandiera, iggarantita b’mod partikolari mill-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni fuq id-dritt tal-baħar ( 18 ) favur “bastimenti li huma proprjetà ta’ Stat jew operati u użati minnu esklużivament għal servizz pubbliku mhux kummerċjali”. |
30. |
Sussegwentement, il-bastimenti inkwistjoni ma jistgħux jikkostitwixxu “dgħajjes tad-divertiment”, peress li huma rreġistrati bħala bastimenti tal-merkanzija polivalenti u li jeżerċitaw attività, ċertament meritevoli, iżda mhux ta’ tip rikreattiv, sportiv jew ta’ tip simili. |
31. |
Fl-aħħar, inqis li l-esklużjoni espliċita ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ bastimenti li jeżerċitaw attività mhux kummerċjali ma tistax tikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali tal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 il-kategorija kollha tal-bastimenti li ma jwettqux attivitajiet ta’ natura kummerċjali. Għall-kuntrarju, jidhirli li r-riferiment għal żewġ derogi speċifiċi li jikkonċernaw bastimenti użati għal finijiet mhux kummerċjali (jiġifieri l-bastimenti tal-awtoritajiet pubbliċi u d-dgħajjes tad-divertiment) jikkonferma pjuttost li dan il-leġiżlatur ried jillimita l-eċċezzjoni inkwistjoni għal dawn iż-żewġ kategoriji. |
32. |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 3(1) u (4) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li l-bastimenti użati għal finijiet mhux kummerċjali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva, bl-eċċezzjoni taż-żewġ kategoriji msemmija iktar ’il fuq. |
33. |
Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2009/16, li, skont l-Artikolu 1 l-premessa 4 tagħha, hija intiża sabiex tikkontribwixxi għal tnaqqis radikali fit-trasport marittimu mwettaq bl-għajnuna ta’ bastimenti li ma jissodisfawx in-normi li jbaħħru fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, sabiex b’mod partikolari tittejjeb is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord. Issa, il-fatt li l-bastimenti inkwistjoni jeżerċitaw b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar, għal finijiet mhux kummerċjali, ma jistax, waħdu, ineħħi dawn il-bastimenti mis-setgħat tal-Istat tal-port, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-konformità mar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord. Pereżempju, ma jistax jiġi eskluż bħala prinċipju li l-imsemmija bastimenti jistgħu jagħtu lok għal problemi marbuta mas-sigurtà, mat-tniġġis u mal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, fid-dawl tal-mod kif dawn jintużaw ( 19 ). Barra minn hekk, tali eżenzjoni hija kuntrarja għall-għan iddikjarat ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li bastimenti li jeżerċitaw attività identika jew simili, bi skop ta’ lukru, li min-natura tagħhom huma tal-istess periklu għas-sigurtà, għat-tniġġis u għall-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, huma suġġetti għall-obbligi previsti minnha. |
34. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Sea Watch, ma jidhirlix li l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar ma jistgħux, bħala attivitajiet ta’ natura mhux kummerċjali, ikunu s-suġġett ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2009/16, adottat abbażi tal-Artikolu 80(2) KE (li sar l-Artikolu 100(2) TFUE). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi, essenzjalment, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u bl-ajru, u ma jagħmilx distinzjoni bejn attività kummerċjali u attività mhux kummerċjali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/16, adottata abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, ma tikkonċernax direttament l-attività tal-bastimenti li tapplika għalihom, iżda l-kundizzjonijiet ta’ navigazzjoni u, b’mod iktar preċiż, is-setgħat ta’ kontroll tal-Istat tal-port f’dan ir-rigward. |
35. |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-possibbiltà, invokata mill-qorti tar-rinviju, li tiġi applikata d-Direttiva 2009/16 għall-bastimenti inkwistjoni għar-raġuni li l-attività tagħhom tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ trasport ta’ passiġġieri, inqis li, fid-dawl tal-fatt li din id-direttiva tikkonċerna dawn il-bastimenti indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom skont id-dritt tal-Istat tal-bandiera, l-assimilazzjoni ta’ din l-attività ma’ dik ta’ trasport ta’ passiġġieri la hija neċessarja u lanqas rilevanti sabiex l-imsemmija direttiva tkun tista’ tiġi applikata għall-bastimenti inkwistjoni ( 20 ). |
36. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011 mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tidher li tillimita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 għall-bastimenti li jeżerċitaw attività kummerċjali biss, nirrileva li din id-direttiva tadotta approċċ uniformi intiż sabiex jiżgura l-osservanza effettiva tar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord il-bastimenti li joperaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u li jieqfu fil-portijiet tagħhom ( 21 ), bil-għan li jikkontribwixxu għal tnaqqis radikali tat-trasport marittimu mwettaq bl-għajnuna ta’ bastimenti li ma josservawx ir-regoli waqt li jinnavigaw f’dawn l-ilmijiet ( 22 ). Għaldaqstant, jidhirli li l-imsemmija direttiva ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss għall-bastimenti li jeżerċitaw attività kummerċjali. |
37. |
Ġaladarba ġie speċifikat dan kollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011 jirrestrinġix, bħala prinċipju, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 u, f’każ ta’ risposta affermattiva, li tevalwa jekk huwiex possibbli li din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jew, għall-kuntrarju, li tislet il-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà parzjali tal-imsemmija dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, billi jekk ikun il-każ ma tapplikax din id-dispożizzjoni ( 23 ). |
38. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2009/16 tapplika għal bastimenti li, filwaqt li jkunu kklassifikati u ċċertifikati bħala “bastimenti tal-merkanzija polivalenti” mill-Istat tal-bandiera, jeżerċitaw b’mod esklużiv u sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi kollha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. |
B. Fuq it‑tieni domanda preliminari (kundizzjonijiet għal spezzjoni addizzjonali abbażi tal‑Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16)
39. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li ġew ittrasportati, matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li wasslu għall-miżuri inkwistjoni, numru ta’ persuni ikbar min-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati mill-bastimenti inkwistjoni bis-saħħa taċ-ċertifikati ta’ sigurtà tagħhom jistax jikkostitwixxi “fattur dominanti” jew “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, u b’mod iktar speċifiku l-fattur mhux mistenni marbut mal-fatt li “[l-bastimenti] kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent” ( 24 ), li jiġġustifika li dawn il-bastimenti jiġu ssuġġettati għal spezzjoni addizzjonali bbażata fuq l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. |
40. |
Din il-qorti tqis li, għalkemm is-salvataġġ ta’ persuni fil-baħar u n-natura eventwalment inadegwata taċ-ċertifikazzjonijiet ta’ sigurtà maħruġa mill-Istat tal-bandiera meta mqabbla man-numru ta’ persuni effettivament abbord la jikkostitwixxu “fatturi predominanti” u lanqas “fatturi imprevisti” fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, id-differenza u l-inadegwatezza manifesta bejn il-persuni li jistgħu jiġu ttrasportati skont iċ-ċertifikati u l-persuni effettivament ittrasportati matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ jistgħu, min-naħa l-oħra, jiġu kklassifikati bħala “fattur mhux previst”. |
41. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li mill-premessa 6 tad-Direttiva 2009/16 jirriżulta li, għalkemm ir-responsabbiltà tal-kontroll tal-konformità tal-bastimenti mar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord taqa’ prinċipalment fuq l-Istat tal-bandiera, il-kontroll tal-konformità ma’ dawn ir-regoli għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istat tal-port sabiex tiġi ggarantita t-tieni linja ta’ difiża kontra t-trasporti marittimi li ma josservawx l-imsemmija regoli, billi l-ispezzjoni fil-kuntest tal-kontroll minn dan tal-aħħar ma hijiex żjara (bil-ħsieb tal-għoti taċ-ċertifikati) u li l-formoli ta’ spezzjoni korrispondenti ma humiex ċertifikat ta’ adegwatezza għan-navigazzjoni ( 25 ). |
42. |
Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, il-bastimenti jkunu suġġetti għal spezzjonijiet addizzjonali mill-Istat tal-port biss meta jkunu preżenti “fatturi dominanti” jew “fatturi mhux mistennija” elenkati, rispettivament u b’mod eżawrjenti, fil-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I ta’ din tal-aħħar ( 26 ). Fost il-fatturi mhux mistennija hemm dak, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, ta’ “[bastimenti li] kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent”, li fir-rigward tiegħu dik il-qorti sabet diffikultajiet ta’ interpretazzjoni. |
43. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa evidenti li bastiment li jittrasporta sistematikament numru ta’ persuni ikbar min-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati skont iċ-ċertifikati tiegħu jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jippreżenta periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent. Tali ċirkustanza tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi “fattur mhux previst”, fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, u tiġġustifika “spezzjoni addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. |
44. |
Madankollu, dan jirrikjedi verifika fattwali, fuq bażi ta’ każ b’każ, li għandha ssir mill-qorti nazzjonali, li ma tistax tillimita ruħha għal konstatazzjoni formali tad-differenza bejn in-numru ta’ persuni ttrasportati u dak tal-persuni li t-trasport tagħhom huwa awtorizzat skont iċ-ċertifikati ( 27 ), iżda għandha tevalwa konkretament ir-riskji ta’ tali aġir ( 28 ). |
45. |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din is-sitwazzjoni tista’ xi kultant, bħal f’dan il-każ, tikkostitwixxi l-konsegwenza diretta u neċessarja ta’ trasport imwettaq bil-għan li jiġi osservat l-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar impost fuq il-kaptan tal-bastiment skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju u sanċit b’mod partikolari fl-Artikolu 98 tal-fuq id-dritt tal-baħar ( 29 ) (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar”). Fil-fatt, id-dritt konswetudinarju tal-baħar jeżenta lill-bastimenti, sa fejn dawn jissodisfaw tali obbligu, mir-rekwiżiti imposti abbażi tal-klassifikazzjoni tal-bastiment ( 30 ). F’tali ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-bastiment ittrasporta numru ta’ persuni sempliċement superjuri għall-kapaċità massima tiegħu ma jistax jitqies, waħdu, bħala “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16 ( 31 ). |
46. |
Minkejja dan, ma jistax ikun eskluż, bħala prinċipju, li, filwaqt li jissodisfaw l-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar, il-bastimenti jistgħu jiġu operati, f’każ konkret, b’mod li jkunu ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, fatt li jista’ jikkostitwixxi “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta jintwera li bastiment jikser b’mod sistematiku, bl-attività predominanti tiegħu, regoli li jikkonċernaw is-sigurtà tal-bastimenti, indipendentement mir-regoli marbuta mal-klassifikazzjoni tiegħu ( 32 ). Huwa deċiżament il-kompitu tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li juru li, fil-każ ineżami, il-bastimenti inkwistjoni ġew operati b’mod li huwa ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, lil hinn mill-attivitajiet li huma strettament neċessarji għall-osservanza tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar. |
47. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 11 u l-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, moqrija fid-dawl tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar riprodott b’mod partikolari fl-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni fuq id-Dritt tal-Baħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li bastiment ikun ittrasporta, wara operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, numru ta’ persuni superjuri għall-kapaċità massima, kif indikat fiċ-ċertifikat ta’ tagħmir ta’ sigurtà, ma jistax fih innifsu jitqies bħala “fattur dominanti” jew bħala “fattur mhux mistenni” li jimponi jew jiġġustifika spezzjonijiet addizzjonali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, fil-prinċipju, li t-trasport sistematiku ta’ numru ta’ persuni superjuri sew għall-kapaċitajiet tal-bastiment jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar, b’mod li jista’ jkun ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, li jikkostitwixxi “fattur mhux mistenni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
C. Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda preliminari (portata tal‑poteri ta’ spezzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 13 tad‑Direttiva 2009/16, tal‑Artikolu I(b) tal‑Konvenzjoni għall‑Protezzjoni tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar u tal‑punt 1.3.1 tal‑Anness tar‑Riżoluzzjoni tal‑OMI dwar il‑kontroll mill‑Istat tal‑port)
48. |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, minn naħa, jew l-Artikolu I(b) tal-tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u l-punt 1.3.1 tal-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-Kontroll mill-Istat tal-port, min-naħa l-oħra, jippermettux lill-Istat tal-port jivverifika jekk bastiment għandux ċertifikati neċessarji u jekk josservax ir-regoli internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord relatati mal-attività effettivament imwettqa minn dan il-bastiment, f’dan il-każ dik ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar, indipendentement mill-attività li għaliha kien ġie kklassifikat ( 33 ). |
49. |
Din il-qorti tqis li l-kontroll eżerċitat mill-Istat tal-port ma jistax jikkontesta l-kontroll imwettaq u d-deċiżjonijiet meħuda fl-Istat tal-bandiera u tikkonstata, minn naħa, li la l-konvenzjonijiet internazzjonali, u lanqas id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt Taljan jew Ġermaniż ma jipprevedu kundizzjonijiet preċiżi għall-bastimenti privati li jwettqu b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 34 ) u, min-naħa l-oħra, li l-konvenzjonijiet internazzjonali jidderogaw espliċitament mir-rekwiżiti imposti, jekk ikun il-każ, skont il-klassifikazzjoni tal-bastiment, fid-dawl tal-għan ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 35 ). |
50. |
Skont il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, spezzjoni ddettaljata, bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali, tinkludi “spezzjoni aktar dettaljata, inkluż aktar kontroll ta’ konformità mal-ħtiġiet operattivi ta’ abbord” għandha titwettaq meta, wara spezzjoni inizjali, ikunu jeżistu “raġunijiet ċari” sabiex wieħed jemmen li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu, jew l-ekwipaġġ tiegħu, ma jissodisfax essenzjalment ir-rekwiżiti ta’ ftehim f’dan il-qasam ( 36 ). L‑Anness V ta’ din id-direttiva jipprovdi eżempji ta’ “raġunijiet evidenti” ( 37 ). |
51. |
Għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, l-ispezzjonijiet iddettaljati skont il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 kienu bbażati, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fuq ir-“raġuni ċara” msemmija fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness V ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-fatt li “[ġ]ew ikkonstatati ineżattezzi waqt l-eżami taċ-ċertifikati u dokumenti oħra ta’ abbord”, f’dan il-każ waqt l-eżami taċ-ċertifikat ta’ sigurtà previst fir-Regola 9 tal-Kapitolu XI-2 tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar ( 38 ). Barra minn hekk, il-Gvern Taljan jirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, fil-kawża prinċipali, is-setgħa li jitwettqu l-ispezzjonijiet iddettaljati kienet ibbażata b’mod partikolari fuq ir-Regola 19 tal-Kapitolu I tal-anness ta’ din il-konvenzjoni ( 39 ). |
52. |
Issa, għalkemm il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, jistabbilixxi l-kuntest li fih hija permessa spezzjoni ddettaljata, ma jippreċiżax b’mod ċar il-limiti ta’ din l-ispezzjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija jekk il-“kontroll approfondit tal-konformità mar-rekwiżiti dwar il-proċeduri operattivi abbord il-bastiment” huwiex limitat biss għad-dispożizzjonijiet applikabbli abbażi tal-klassifikazzjoni tal-bastiment jew jikkonċernax ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-attività konkretament eżerċitata mill-bastiment. |
53. |
Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kontroll tal-Istat tal-port fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din tagħti setgħa ta’ kontroll li neċessarjament teċċedi dik tal-“ispezzjoni inizjali” prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li tikkonċerna, essenzjalment, iċ-ċertifikati u l-istat ġenerali tal-bastiment u, min-naħa l-oħra, li dan il-kontroll għandu bħala għan il-verifika tal-konformità mal-“ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni”. Għaldaqstant, tali kontroll ma jistax ikun limitat biss għad-dispożizzjonijiet ta’ natura formali previsti miċ-ċertifikati relatati mal-klassifikazzjoni tal-bastiment mill-korp ta’ ċertifikazzjoni iżda jikkonċerna pjuttost il-konformità ta’ dan il-bastiment mar-regoli kollha konvenzjonali internazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat reali tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu kif ukoll l-attivitajiet effettivament eżerċitati minnu, speċjalment jekk dawn ikunu differenti minn dawk marbuta mal-klassifikazzjoni tiegħu ( 40 ). |
54. |
Għalhekk, huwa possibbli li jiġi konkluż, bħala prinċipju, li, kif isostni l-Gvern Taljan, il-fatt li bastiment ma huwiex użat skont iċ-ċertifikazzjonijiet tiegħu jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri operattivi abbord dan il-vapur u jista’ jinkludi b’mod partikolari periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, fatt li għandu jintwera mill-amministrazzjoni kompetenti, abbażi tar-regoli applikabbli għall-attività effettivament imwettqa mill-imsemmi bastiment. |
55. |
Ġaladarba ġie stabbilit dan kollu, jeħtieġ madankollu jiġi speċifikat, kif issostni l-qorti tar-rinviju, li ma teżistix, fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt internazzjonali, klassifikazzjoni tal-bastimenti li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 41 ). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ tali klassifikazzjoni, ma jistax jiġi konkluż li s-sempliċi klassifikazzjoni tal-bastimenti inkwistjoni bħala “bastiment[i] tal-merkanzija ġenerali – polivalenti” tikkostitwixxi fiha nnifisha “raġuni ċara” sabiex wieħed jemmen li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu, jew l-ekwipaġġ tiegħu, essenzjalment ma jissodisfawx il-“ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni”, skont il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, sakemm l-użu sistematiku ta’ dan il-bastiment ma jkunx jikser ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tiegħu ( 42 ). |
56. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li s-setgħa tal-Istat tal-port li jwettaq spezzjoni iddettaljata, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, ta’ bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru tinkludi dik li jiġi vverifikat li dan il-bastiment josserva d-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord applikabbli għall-attivitajiet effettivament imwettqa mill-bastiment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk li għalihom huwa ġie kklassifikat. |
D. Fuq il‑ħames domanda preliminari (possibbiltà ta’ detenzjoni ta’ bastiment abbażi tal‑Artikolu 19 tad‑Direttiva 2009/16 minħabba l‑eżerċizzju ta’ attività differenti minn dik li tikkorrispondi għaċ‑ċertifikazzjoni)
57. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet tal-Istat tal-port għandhomx id-dritt jeżiġu l-pussess ta’ ċertifikazzjonijiet u l-osservanza tar-rekwiżiti jew tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu fir-rigward tal-attivitajiet realment imwettqa minn bastiment, f’dan il-każ dawk ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar, sabiex tiġi evitata d-detenzjoni tiegħu (a) u, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk dawn iċ-ċertifikazzjonijiet u dawn ir-rekwiżiti jew dispożizzjonijiet jistgħux ikunu meħtieġa biss jekk ikun jeżisti kuntest ġuridiku internazzjonali jew tal-Unjoni ċar u affidabbli fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar kif ukoll iċ-ċertifikazzjonijiet, ir-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet marbuta magħhom (b) jew, għall-kuntrarju, jekk dawn tal-aħħar għandhomx ikunu meħtieġa abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat tal-port u jekk, għal dawn il-finijiet, leġiżlazzjoni primarja jew sekondarja hijiex neċessarja, jew jekk leġiżlazzjoni amministrattiva ta’ natura ġenerali hijiex suffiċjenti (c). |
58. |
Sussegwentement, din il-qorti tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex l-Istat tal-port li għandu jindika, waqt l-ispezzjoni, fuq il-bażi ta’ liema leġiżlazzjoni nazzjonali (leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva), għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet imposti u liema korrezzjonijiet jew rettifiki huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni (d) u jekk, fil-każ ta’ assenza ta’ tali leġiżlazzjoni, l-amministrazzjoni tal-Istat tal-port tistax tindika, każ b’każ, ir-rekwiżiti li l-bastiment suġġett għall-ispezzjoni għandu jissodisfa (e). |
59. |
Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk, fl-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni u fl-assenza ta’ indikazzjonijiet speċifiċi tal-Istat tal-bandiera, l-attivitajiet ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ jistgħux jitqiesu li ġew awtorizzati (u għalhekk bħala li ma jistgħux jiġu mxekkla bl-adozzjoni ta’ miżura ta’ immobilizzazzjoni) meta l-bastiment josserva r-rekwiżiti jew ir-rekwiżiti ta’ kategorija oħra, li l-Istat tal-bandiera tagħha jkun ikkonferma l-osservanza effettiva tagħhom (f). |
60. |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/16, l-awtorità kompetenti għandha tkun issodisfatta li kull anomalija kkonfermata jew żvelata permezz tal-ispezzjonijiet tneħħiet jew ser titneħħa skont il-konvenzjonijiet, u, skont l-Artikolu 19(2) ta’ din id-direttiva, meta l-anomaliji kkonfermati jew żvelati mill-ispezzjonijiet ikunu jippreżentaw riskju manifest, b’mod partikolari għas-sigurtà, l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port tiżgura li l-bastiment jiġi detenut. |
61. |
Kif jirriżulta mir-risposti proposti għad-domandi preliminari preċedenti, l-Istat tal-port jista’, b’mod konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/16, jiżgura l-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà marittima, tas-sigurtà marittima, tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-bastiment, sakemm tali kontroll ma jinċidix fuq il-kompetenza tal-Istat tal-bandiera f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-bastiment u lanqas fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar. |
62. |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li bastiment jeżerċita l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar b’mod sistematiku ma jeżentax lil dan il-bastiment milli josserva r-rekwiżiti applikabbli għalih skont id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni u ma jipprekludix li l-imsemmi bastiment ikun suġġett għal miżuri ta’ detenzjoni abbażi tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva meta jikser dawn ir-regoli. Fi kliem ieħor, jekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-bastimenti huma esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu sa fejn dawn iwettqu missjonijiet speċifiċi ta’ salvataġġ fuq il-baħar, huma ma humiex eżentati minn kull regola oħra applikabbli għall-bastimenti abbażi tar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali, fid-dawl tal-attività effettivament imwettqa. |
63. |
Għalhekk nipproponi li tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari, qabelxejn, li d-Direttiva 2009/16 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat tal-port għandhom id-dritt jeżiġu l-pussess ta’ ċertifikazzjonijiet u l-osservanza tar-rekwiżiti jew ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu li jikkonċernaw l-attivitajiet li għalihom bastiment huwa kklassifikat, kif ukoll kull ċertifikazzjoni, rekwiżit jew dispożizzjoni oħra bbażata fuq il-qafas legali internazzjonali jew tal-Unjoni ( 43 ). |
64. |
Sussegwentement, inqis li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat tal-port li għandu jindika, waqt l-ispezzjoni, fuq il-bażi ta’ liema leġiżlazzjoni għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom huwa rrilevat u liema korrezzjonijiet jew rettifiki huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
65. |
Fl-aħħar, jidhirli li l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li bastiment li jeżerċita b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ma huwiex, bħala tali, ikkunsidrat bħala li ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżuri ta’ detenzjoni meta jikser rekwiżiti li huma applikabbli għalih skont id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 44 ). |
VI. Konklużjoni
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU 2009, L 131, p. 57, u rettifika fil-ĠU 2013, L 32, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Awwissu 2013 (ĠU 2013, L 218, p. 1), mir-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 330, p. 1) u Nru 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 (ĠU 2015, L 23, p. 55), kif ukoll bid-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Novembru 2017 (ĠU 2017, L 315, p. 61) (rettifiki ĠU 2013, L 32, p. 23, u ĠU 2014, L 360, p. 111, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/16”).
( 3 ) L-unika leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-bastimenti privati u, għaldaqstant, l-operatur tagħhom hija d-Direttiva 2002/90/KE tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64) (ara, f’dan ir-rigward, Dumas, P., “L’obligation de prêter assistance aux personnes en détresse en mer au prisme du droit de l’Union”, Revue des affaires européennes, 12/2019, p. 305 sa 327). Għall-kuntrarju, ir-regoli relatati mal-attività ta’ riċerka u ta’salvataġġ fuq il-baħar fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri mmexxija mill-Istati Membri fil-fruntieri marittimi esterni tagħhom huma previsti mir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 189, p. 93). Barra minn hekk, l-uniċi testi konvenzjonali eżistenti jagħmlu riferiment għas-salvataġġ fuq il-baħar f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-elementi essenzjali, jiġifieri n-natura “aċċidentali” u “eċċezzjonali” ta’ dan is-salvataġġ. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom madankollu jiġu interpretati u applikati b’mod wiesa’ kif permess mill-kliem tagħhom u l-kuntest legali tagħhom, mingħajr, madankollu, ma jmorru lil hinn.
( 4 ) L-unika “leġiżlazzjoni” tal-Unjoni Ewropea li tittratta espliċitament din il-kwistjoni hija, sa fejn naf jien, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1365 tat‑23 ta’ Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti li huma proprjetà ta’ entitajiet privati jew imħaddma minnhom għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ (ĠU 2020, L 317, p. 23), li, min-natura tagħha ma għandhiex natura vinkolanti, u għalhekk sempliċement tistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.
( 5 ) Pereżempju, l-organizzazzjonijiet li jiġġestixxu l-imsemmija bastimenti għandhom jikkooperaw maċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar tal-Istati Membri kostali, li jagħtuhom istruzzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet ta’ żbark u ta’ trażbord tal-persuni mogħtija l-għajnuna fl-Istat Membru inkwistjoni.
( 6 ) Id-Direttiva 2009/16 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 80(2) KE [li sar l-Artikolu 100(2) TFUE], bil-għan li titfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad‑19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-kontroll portwali tal-Istat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 263), li kienet is-suġġett ta’ diversi emendi sa mill-adozzjoni tagħha, u li ssaħħaħ il-mekkaniżmi implimentati minnha. Id-Direttiva 2009/16 tagħmel parti minn numru ta’ atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni adottati fl-istess jum, li jinkludi wkoll id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU 2009, L 131, p. 132); id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU 2009, L 131, p. 47) kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU 2009, L 131, p. 11).
( 7 ) GURI Nru 96, tas‑27 ta’ April 2011, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011”.
( 8 ) Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il-bastimenti inkwistjoni kienu jtajru l-bandiera Olandiża sal-aħħar tas-sena 2019 u, peress li l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti kellhom l-intenzjoni li jimmodifikaw il-klassifikazzjoni tagħhom fuq talba tal-awtoritajiet Taljani, huma ġew irreġistrati, sussegwentement, fil-Ġermanja.
( 9 ) Kif traspost mill-Artikolu 16 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011.
( 10 ) Kif traspost mill-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011.
( 11 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Artikolu I(b) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, konkluża f’Londra fl‑1 ta’ Novembru 1974 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1185, Nru 18961, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar”) u għall-punt 1.3.1 tar-riżoluzzjoni A.1138(31), intitolat “Proċeduri ta’ kontroll mill-Istat tal-port, 2019”, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port”).
( 12 ) Kif traspost mill-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011.
( 13 ) Dawn l-irregolaritajiet jirreferu, essenzjalment, għall-fatt li, qabelxejn, il-bastimenti inkwistjoni ma humiex iċċertifikati sabiex jilqgħu abbord u jittrasportaw diversi mijiet ta’ persuni, kif għamlu b’mod sistematiku fis-sajf tal‑2020; sussegwentement, dawn il-bastimenti ma għandhomx tagħmir tekniku adattat sabiex iwettqu tali attivitajiet, minkejja li fil-verità huma intiżi sabiex – u effettivament użati għall-finijiet esklużivi ta’ – dawn (b’mod partikolari, l-installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma mormi li huma mgħammra bihom huma ddimensjonati, rispettivament, għal 22 jew għal 30 persuna u mhux għal diversi mijiet ta’ persuni, u latrini kif ukoll showers addizzjonali li jarmu ilma użat direttament fil-baħar kienu ġew installati fuq il-gverta); fl-aħħar, l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ imwettqa mill-membri tal-ekwipaġġ ma humiex ikkontabilizzati fis-sigħat ta’ xogħol tagħhom.
( 14 ) Madankollu, waqt is-seduta, il-Gvern Taljan speċifika li, wara kuntatti ulterjuri bejn l-awtoritajiet Taljani u Ġermaniżi, dawn tal-aħħar imponew fuq Sea Watch, bħala sid tal-bastiment, li twettaq it-tiswijiet neċessarji sabiex jiġu rrimedjati l-imsemmija irregolaritajiet. Sea Watch indikat li hija wettqet xi modifiki sabiex tikkonforma ruħha ma’ dawn l-istruzzjonijiet, minkejja li dawn tal-aħħar ingħataw barra minn kull qafas regolatorju, sabiex tevita riskji ta’ detenzjoni ulterjuri.
( 15 ) F’dan ir-rigward, il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16 jispeċifika li, għall-finijiet ta’ din, l-kunċett ta’ “vapur [bastiment]” jinkludi “kull bastiment li jbaħħar li għalih tapplika waħda jew iktar mill-Konvenzjonijiet, li jtajjar bandiera barra minn dik tal-Istat tal-port”.
( 16 ) F’dan ir-rigward, il-punti 5 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16 jispeċifikaw li l-kunċett ta’ “[attività ta’] relazzjoni vapur/port” jikkonsisti fl-“interazzjonijiet li jseħħu meta [bastiment] ikun direttament u minnufih affettwat minn azzjonijiet li jinvolvu l-moviment ta’ persuni jew oġġetti jew id-dispożizzjoni ta’ servizzi portwali lejn jew mill-[bastiment]”.
( 17 ) Infakkar li, b’konformità ma’ prattika ferm stabbilita matul dawn l-aħħar snin, l-iżbark imwettaq wara l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fil-kawża prinċipali ġie awtorizzat mill-Ministero degli Interni (il-Ministeru għall-Intern, l-Italja) u kkoordinat mit-Taljan Maritime Rescue Coordination Centre (iċ-Ċentru Taljan għall-Koordinazzjoni tas-Salvagwardja fil-Baħar).
( 18 ) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluża f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”). Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994. Il-konklużjoni tiegħu ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat‑23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260 u rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).
( 19 ) Barra minn hekk, kif irrileva l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-kategoriji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 ma humiex tali inkwantu jinvolvu riskji iżgħar mill-bastimenti li għalihom tapplika din id-direttiva. Kull waħda mill-kategoriji esklużi ssib fis-sorsi speċifiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u internazzjonali r-raġunijiet partikolari tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni għal dawn.
( 20 ) Fi kwalunkwe każ, inżid li kull kwistjoni relatata mal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-bastimenti, kif magħmula mill-korp ta’ ċertifikazzjoni, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tal-bandiera u ma hijiex rilevanti fir-rigward tas-setgħat tal-Istat tal-port abbażi tad-Direttiva 2009/16. Barra minn dan, kif irrileva l-Gvern Spanjol, niddubita kemm l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ trasport tal-passiġġieri, fid-dawl tal-karatteristiċi differenti ta’ din tal-aħħar, bħal, b’mod partikolari, il-prevedibbiltà assoluta tas-servizz (ipprovdut minn numru identifikat sewwa ta’ persuni skont itinerarji u kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel) u n-natura kuntrattwali tagħha.
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 7 tad-Direttiva 2009/16, u l-punt 12 tar-Rakkomandazzjoni 2020/1365, li jagħmlu riferiment għal dgħajjes “mgħammra kif suppost”.
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/16.
( 23 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Din il-qorti tispeċifika li għalkemm, fil-formoli relatati mar-rapporti ta’ spezzjoni, l-amministrazzjoni Taljana kklassifikat din iċ-ċirkustanza bħala “fattur dominanti” fis-sens tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16 u mhux bħala “fattur mhux mistenni” fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tagħha, dan huwa dovut għall-fatt li dawn il-formoli ma jinkludux parti intiża speċifikament għall-indikazzjoni tal-fatturi mhux mistennija u li għalhekk għandu jitqies li, fil-parti li fiha dawn il-formoli jindikaw il-“fattur dominanti” huma jirreferu b’mod ġeneriku għall-kundizzjonijiet sabiex titwettaq spezzjoni addizzjonali kkontemplata fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16.
( 25 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-protokoll ta’ ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-bastimenti mill-Istat tal-port, iffirmat f’Pariġi fis‑26 ta’ Jannar 1982 li jipprovdi, fir-raba’ u l-ħames premessa tiegħu, li r-responsabbiltà għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali taqa’ prinċipalment fuq l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, filwaqt li jżid li l-Istati tal-portijiet għandhom jadottaw miżuri effikaċi sabiex jipprekludu l-użu ta’ bastimenti li ma jissodisfawx ir-regoli internazzjonali.
( 26 ) Fir-rigward tad-differenza bejn iż-żewġ fatturi, il-“fatturi mhux mistennija” huma ġeneralment inqas serji jew jirrappreżentaw gravità inqas evidenti, huma marbuta ma’ problemi ta’ natura simili, bħal ksur tar-regoli fis-seħħ, anomaliji, ilmenti u detenzjonijiet preċedenti (ara Pimm M., “VIII. Commentary on Directive 2009/16/EC of the European Parliament and of the Council of 23 April 2009 on Port State Control”, EU Maritime Transport Law, 03/2016, p. 872). Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2009/16 jirriżulta li, fil-preżenza ta’ fatturi dominanti, l-ispezzjoni addizzjonali tidher li hija obbligatorja, filwaqt li, fil-każ ta’ fatturi mhux mistennija, id-deċiżjoni li ssir tali spezzjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti.
( 27 ) Fil-fatt, l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti miċ-ċertifikati ta’ sigurtà ta’ bastiment, u b’mod iktar partikolari dik dwar in-numru ta’ persuni ttrasportati abbord, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat tal-bandiera. L-istess jgħodd fir-rigward tan-natura adegwata, in abstracto, taċ-ċertifikat maħruġ għall-eżerċizzju tal-attività li għaliha l-bastimenti huma ddestinati, kwistjoni li tibqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera.
( 28 ) Pereżempju, jidhirli li huwa partikolarment diffiċli li jintwera li bastiment awtorizzat jittrasporta madwar mitt persuna jista’ jikkostitwixxi periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent meta jittrasporta xi ftit persuni iktar. Is-sitwazzjoni tkun differenti meta bastiment ma jkunx, bħala prinċipju, iddestinat għat-trasport ta’ persuni u jipprevedi, skont iċ-ċertifikati ta’ sigurtà tiegħu, massimu ta’ 30 persuna abbord bħala membri tal-ekwipaġġ tiegħu, bħal f’dan il-każ jilqa’ abbord madwar 400 persuna.
( 29 ) Din id-dispożizzjoni, intitolata “Obbligu li tingħata assistenza”, hija fformulata kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat għandu jobbliga lill-kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, sa fejn dan ikun jista’ jagħmlu mingħajr ma jesponi lill-bastiment, lill-ekwipaġġ u lill-passiġġieri għal periklu serju: a) li jagħti assistenza lil kull persuna li tinsab fil-baħar u li tkun f’periklu li tintilef; b) li jipproċedi bl-ikbar veloċità possibbli għas-salvataġġ tal-persuni f’diffikultà jekk huwa jkun infurmat bil-bżonn tagħhom ta’ assistenza, sa fejn tali azzjoni tista’ tkun raġonevolment mistennija minnu; […]”.
( 30 ) F’dan ir-rigward, infakkar, qabel kollox, li l-Artikolu IV(b) tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/16, jipprevedi li l-persuni li jkunu jinsabu abbord bastiment, b’mod partikolari, l-obbligu impost fuq il-kaptan li jittrasporta l-persuni salvati ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tkun qiegħda tiġi vverifikata l-applikazzjoni għall-bastiment ta’ kull dispożizzjoni ta’ din il-konvenzjoni u sussegwentement, li l-annessi għall-konvenzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti, iffirmata f’Londra fit‑2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata mill-Protokoll tas‑17 ta’ Frar 1978, imsemmija ukoll fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva, jipprevedu eċċezzjonijiet għar-reġim li jikkonċerna l-iskarikar fil-baħar fil-każ fejn dan ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar u, finalment, li l-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu, 2006, imsemmija hija wkoll fl-Artikolu 2(1)(i) tal-imsemmija direttiva, tipprevedi d-dritt tal-kmandant li jeżiġi mingħand il-baħrin l-estensjoni tal-ħin tax-xogħol lil hinn mil-limiti konvenzjonali meta dan ikun neċessarju sabiex tingħata assistenza lil bastimenti oħra jew lil persuni f’diffikultà fuq il-baħar.
( 31 ) Il-qorti tar-rinviju eskludiet, ġustament, li l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jikkostitwixxu “fatturi dominanti”, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16. Fil-fatt, ebda wieħed mill-motivi mressqa minn dawn l-awtoritajiet ma jikkorrispondi għall-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fost il-“fatturi dominanti”.
( 32 ) F’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet inkwistjoni, dawn jistgħu jkunu, pereżempju, istanzi ta’ ksur marbuta mal-installazzjonijiet addizzjonali li jiskarikaw direttament fil-baħar.
( 33 ) B’mod iktar partikolari, jidhirli li r-raba’ domanda preliminari, dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti konvenzjonali ċċitati, hija anċillari għat-tielet domanda, dwar l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, fis-sens li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-impossibbiltà, għall-Istat tal-port, li jkun jista’ jikkontrolla l-osservanza tar-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-attività effettiva ta’ dan il-bastiment fis-sens ta’ din id-direttiva, tali setgħa tistax madankollu tkun ibbażata fuq wieħed mill-istrumenti konvenzjonali msemmija.
( 34 ) L-assenza, fid-dritt internazzjonali jew tal-Unjoni, ta’ tali kundizzjonijiet hija kkonfermata mir-Rakkomandazzjoni 2020/1365, meta hija tiddikjara, fil-premessa 12 tagħha, li huwa indispensabbli, għal kwistjonijiet ta’ “ordni pubbliku” u, b’mod partikolari, ta’ sigurtà, li dawn il-bastimenti jkunu debitament irreġistrati u mgħammra korrettament sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa marbuta ma’ dawn l-attivitajiet, b’mod li ma jkunux ta’ periklu għall-ekwipaġġ jew għall-persuni li jkunu salvaw. Fil-każ kuntrarju, skont din il-qorti, ma jkun hemm l-ebda raġuni sabiex għal dan il-għan jiġi invokat l-ordni pubbliku.
( 35 ) Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, meta l-istrumenti konvenzjonali msemmija iktar ’il fuq jipprevedu li l-gvernijiet kontraenti jobbligaw ruħhom, essenzjalment, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li, mill-perspettiva tas-salvagwardja tal-ħajja umana, bastiment ikun “adatt għas-servizz li għalih huwa ddestinat”, l-adegwatezza għas-servizz li għalih il-bastiment huwa ddestinat għandu jinftiehem f’sens astratt, fid-dawl tat-tip bastiment skont il-klassifikazzjoni tiegħu, u mhux f’sens konkret, fid-dawl tat-tip speċifiku ta’ attivitajiet effettivament imwettqa, peress li, f’każ kuntrarju, kienet tintuża kelma bħal “użat” jew kelma simili. Hija tirrikonoxxi madankollu li l-użu tat-terminu “ddestinat” jista’ wkoll jiġi interpretat fis-sens li d-destinazzjoni tista’ tirreferi mhux għall-karatteristiċi intrinsiċi tal-bastiment u lanqas għall-użu li jservu l-imsemmija karatteristiċi, iżda wkoll għall-għan li għalih il-bastiment huwa realment iddestinat mis-sid tal-bastiment tiegħu.
( 36 ) Din id-dispożizzjoni tispeċifika li jeżistu tali “raġunijiet ċari” meta l-ispettur iqis li dan huwa ġġustifikat abbażi tal-ġudizzju professjonali tiegħu.
( 37 ) Barra minn hekk, jidhirli li peress l-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 jirreferi għall-preskrizzjonijiet ta’ konvenzjoni f’dan il-qasam, fosthom il-Konvenzjoni għas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar, imsemmija fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu I(b) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, anki jekk l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti ta’ din il-konvenzjoni (l-Istati Membri kollha, min-naħa l-oħra, huma firmatarji tagħha), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tagħha fl-interpretazzjoni ta’ strument legali tad-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 47 sa 52)).
( 38 ) Ir-Regola 9 tal-Kapitolu XI‑2 tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar tipprovdi għal kontroll limitat dwar il-validità taċ-ċertifikati msemmija fil-punt 1.1 ta’ din ir-regola u, b’mod partikolari, taċ-ċertifikat internazzjonali ta’ sigurtà. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ispezzjonijiet iddettaljati kienu ġew ordnati minħabba li l-formoli ta’ trasmissjoni ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ sigurtà qabel id-dħul tal-bastimenti fil-port kienu ġew mimlija b’mod skorrett, peress li kien nieqes b’mod partikolari n-numru tal-kumpannija, il-lokalizzazzjoni tal-bastimenti fil-mument meta ġiet stabbilita d-dikjarazzjoni, l-amministrazzjoni ħarġet iċ-ċertifikati internazzjonali ta’ sigurtà kif ukoll id-data ta’ skadenza ta’ dawn iċ-ċertifikati. Barra minn hekk, ġie indikat li r-riżultati tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-bastimenti kienu ġew approvati, filwaqt li dan kien għadu ma kienx il-każ.
( 39 ) Ir-Regola 19 tal-Kapitolu I tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar, li hija relatata mal-kontroll taċ-ċertifikati tal-bastiment, tispeċifika, fil-paragrafu (b), li tali ċertifikati, jekk ikunu validi, jiġu aċċettati sakemm ma jkunux jeżistu raġunijiet tajba li jagħtu x’jaħseb li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu ma jikkorrispondix essenzjalment mal-indikazzjonijiet ta’ wieħed miċ-ċertifikati jew li l-bastiment u t-tagħmir tiegħu ma josservawx id-dispożizzjonijiet tar-Regola 11(a) u (b) tal-imsemmi kapitolu. Skont ir-Regola 11(a) tal-istess kapitolu, l-istat tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu għandu jinżamm f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni b’mod li l-bastiment jkun jista’ jieħu l-baħar mingħajr periklu għall-bastiment jew għall-persuni abbord. Għall-kuntrarju, ir-Regola 11(b) tal-Kapitolu I tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li din tikkonċerna l-projbizzjoni li jsiru modifiki wara spezzjoni mwettqa skont ir-Regoli 7 sa 10 ta’ dan il-kapitolu.
( 40 ) Barra minn hekk, jidhirli li din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 moqri fid-dawl tal-Artikolu I(b) tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar, kif ukoll tal-punt 1.3.1 tal-anness tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-port. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, meta jipprevedu l-possibbiltà li jiġi kkontrollat li l-bastiment ikun “adatt għas-servizz li għalih huwa ddestinat”, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li kull evalwazzjoni li tikkonċerna l-kapaċità tal-bastiment għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-servizz effettivament imwettaq minnu, kif ukoll ir-regolamenti rilevanti.
( 41 ) Barra minn hekk, din il-klassifikazzjoni lanqas ma tidher li teżisti fid-dritt Ġermaniż jew fid-dritt Taljan.
( 42 ) Nammetti li mhux faċli għalija naċċetta li t-trasport tal-persuni f’periklu jista’ jiġi assimilat, sa ċertu punt, mat-trasport ta’ “merkanzija”, filwaqt li nirrikonoxxi n-neċessità li jiġi evitat li titpoġġa f’dubju l-klassifikazzjoni tal-bastimenti inkwistjoni, kif imwettqa mill-korp ta’ ċertifikazzjoni tal-Istat tal-bandiera. Barra minn hekk, fil-każ fejn l-Istat tal-port ma jaqbilx mal-klassifikazzjoni ta’ bastiment, il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tipprevedi proċedura ta’ sinjalizzazzjoni, li permezz tagħha kull Stat li għandu raġunijiet serji sabiex jaħseb li l-ġurisdizzjoni u l-kontroll adatti fuq bastiment ma ġewx eżerċitati jista’ jindika l-fatti lill-Istat tal-bandiera, li huwa obbligat iwettaq investigazzjoni f’dan ir-rigward u li jadotta, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni (ara l-Artikolu 94(6) ta’ din il-konvenzjoni). Dan l-approċċ huwa konformi ma’ dak segwit fil-punt 1.3.3 tal-anness tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-port.
( 43 ) Jekk, għall-kuntrarju, il-bastiment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat tal-port jew jekk dan tal-aħħar ma jaqbilx fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ bastiment, dan jista’ (jew għandu) jinforma b’dan lill-Istat tal-bandiera u jikkoopera miegħu sabiex tinstab soluzzjoni għan-nuqqasijiet irrilevati.
( 44 ) Nixtieq, f’dan il-punt, nagħmel kumment sħiħ. Il-ħajja umana u s-salvataġġ tagħha huma, bla dubju, il-valur li jipprevali (fuq kull kunsiderazzjoni oħra). Madankollu, id-“dmir tas-Samaritan it-Tajjeb” ma huwiex eżenti mill-obbligi. Pereżempju, sa fejn dan jista’ jkollu interess, is-Samaritan it-Tajjeb tat-Testment, ċertament, salva l-persuna fil-periklu mingħajr eżitazzjoni. Madankollu, huwa ttrasportaha f’post sigur, lukanda, bi spejjeż tiegħu stess, bil-mezz ta’ trasport l-iktar sigur, bil-ħmar tiegħu stess, huwa ħa ħsieb din il-persuna mingħajr ma ttrasferixxa l-“piż” lill-oħrajn u ta l-flus tiegħu stess lil-lukandier sabiex fil-frattemp jikkuraha hu, filwaqt li wiegħdu li “dak li tonfoq iktar, inroddulek lura malli nirritorna”. Il-paraguni huma xi drabi diffiċli...