Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0293

    Kawża T-293/20: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2020 – Ruiz-Ruiz vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 222, 6.7.2020, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 222/43


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2020 – Ruiz-Ruiz vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-293/20)

    (2020/C 222/47)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrent: Vanesa Ruiz-Ruiz (Alkmaar, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla:

    Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2019 li teskludiha mill-kompetizzjoni EPSO/AD/371/19 minħabba nuqqas ta’ esperjenza professjonali;

    Id-deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2019 li tiċħad it-talba ta’ eżami mill-ġdid tal-esklużjoni mill-kompetizzjoni EPSO/AD/371/19;

    Id-deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2020 li tiċħad l-ilment magħmul abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

    Huwa sostnut f’dan ir-rigward li, minkejja ż-żewġ rimedji interni mfittxija (talba ta’ reviżjoni mill-bord tal-għażla u lment amministrattiv abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kriterju speċifiku li ma huwiex soddisfatt fil-livell tal-esperjenza professjonali għadu ma huwiex ċar.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

    Huwa sostnut f’dan ir-rigward li l-bord ta’ kompetizzjoni għandu l-obbligu li jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu fuq il-kandidati kollha jsiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività u li l-kriterji ta’ evalwazzjoni jkunu uniformi. Issa, billi mar lil hinn mill-avviż, il-bord ma żgurax l-oġġettività u l-imparzjalità tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi, li saret barra mil-lex specialis tal-kompetizzjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju konness ta’ ugwaljanza tal-partijiet fil-proċess (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)

    Huwa sostnut f’dan ir-rigward li l-bord tal-kompetizzjoni mmotiva b’mod estremament konċiż id-deċiżjoni kkontestata li tiċħad it-talba ta’ eżami mill-ġdid tar-rikorrenti. Fil-fatt, minbarra l-affermazzjonijiet ta’ natura ġenerali u l-indikazzjonijiet li kienu stabbilew kriterji ta’ għażla mingħajr ma kien speċifikat il-kontenut tagħhom, ebda spjegazzjoni preċiża ma ġiet ipprovduta lir-rikorrenti li tippermettilha li tifhem ir-raġunijiet li wassluha għad-deċiżjoni meħuda fil-konfronti tagħha. Konsegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott, skont ir-rikorrenti, li l-eżami mill-ġdid fil-verità ma seħħx, li jippreġudika d-drittijiet ta’ difiża tagħha kif ukoll l-avviż stess li jipprevedi l-eżami mill-ġdid bħala mekkaniżmu ta’ protezzjoni għall-kandidat.

    Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-20 ta’ Settembru 2019 hija wkoll nieqsa mill-motivazzjoni sa fejn għal darb’oħra, il-kriterji supplementari stabbiliti mill-bord b’żieda mal-avviż ma humiex spjegati, lanqas ma jinkludu ebda riferiment għall-esperjenza professjonali konkreta tar-rikorrenti, u dan minkejja d-deskrizzjoni preċiża fl-att ta’ kandidatura. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra lanqas ma bbażat ruħha fuq kuntest ġuridiku komplet għaliex ħadet inkunsiderazzjoni biss id-deċiżjoni inizjali tat-23 ta’ Mejju 2019, filwaqt li omettiet kwalunkwe anlaiżi u evalwazzjoni rigward l-eżami mill-ġdid.


    Top