Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0529

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas-7 ta’ Settembru 2022.
LR vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Servizz pubbliku – Uffiċjali tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowance tar-reinstallazzjoni – Stabbiliment tar-residenza tal-membru tal-persunal fid-dar tiegħu stess wara l-waqfien mis-servizz – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Kunċett ta’ dar – Interpretazzjoni letterali abbażi ta’ verżjoni lingwistika predominanti – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Ammissibbiltà.
Kawża T-529/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:523

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

7 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowance tar-reinstallazzjoni – Stabbiliment tar-residenza tal-membru tal-persunal fid-dar tiegħu stess wara t-tmiem tas-servizz – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Kunċett ta’ dar – Interpretazzjoni letterali abbażi ta’ verżjoni lingwistika predominanti – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawża ta’ natura pekunjarja – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑529/20,

LR, irrappreżentat minn J. L. Gómez de la Cruz Coll u M. Casado García-Hirschfeld, avukati,

rikorrent

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn A. V. García Sánchez u I. Zanin, bħala aġenti, assistiti minn A. Manzaneque Valverde u J. Rivas de Andrés, avukati,

konvenut

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. Van der Woude, President, S. Papasavvas, R. da Silva Passos, V. Valančius (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent, LR, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tad‑9 ta’ Jannar 2020 li rrifjutatlu l-benefiċċju tal-allowance tar-reinstallazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BEI għall-ħlas tal-allowance tar-reinstallazzjoni, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’żewġ punti.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrent ġie rreklutat mill-BEI fil‑[kunfidenzjali] u rtira fil‑[kunfidenzjali].

3

Matul dan il-perijodu, ir-rikorrent kien jirrisjedi mal-familja tiegħu fi [kunfidenzjali].

4

Fl‑4 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent talab lill-BEI għall-ħlas ta’ allowance tar-reinstallazzjoni minħabba li, wara li rtira, huwa kien ittrasferixxa ruħu għal [kunfidenzjali].

5

Fid‑9 ta’ Jannar 2020, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BEI ċaħad it-talba tar-rikorrent minħabba li huwa kien proprjetarju tad-dar li fiha huwa kien installa ruħu mill-ġdid u li, minħabba f’hekk, huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tar-reinstallazzjoni previsti fl-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet amministrattivi”).

6

Fid‑19 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent talab lill-President tal-BEI, b’mod prinċipali, l-għoti tal-allowance tar-reinstallazzjoni fil-każ li, fil-kawża li tat lok, sadanittant, għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, DF u DG vs BEI (T‑387/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:258), il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi favur ir-rikorrenti u, b’mod sussidjarju, l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI.

7

Permezz tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2020, ikkomunikata fl‑20 ta’ Mejju 2020, il-BEI ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid”) minħabba li, skont l-interpretazzjoni tagħha, l-espressjoni “dar tagħha stess”, li tidher fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, kienet tindika l-proprjetà tal-membru tal-persunal jew ta’ membru tal-familja tiegħu.

It‑talbiet tal‑partijiet

8

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid;

tikkundanna lill-BEI għall-ħlas tal-allowance tar-reinstallazzjoni, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata tal-BĊE miżjuda b’żewġ punti;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

9

Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Fid‑dritt

Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tad‑deċiżjoni ta’ ċaħda tat‑talba għal eżami mill‑ġdid

10

Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid.

11

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li għandhom jiġu applikati b’analoġija f’dan il-każ, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, EJ vs BEI, T‑585/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:142, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid la tbiddel is-sens u lanqas il-portata tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-BEI rrifjuta li jagħti lir-rikorrent l-allowance tar-reinstallazzjoni fl-okkażjoni taċ-ċaqliq tiegħu għal [kunfidenzjali].

13

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-BEI ma wettaqx, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid, eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda li dan tal-aħħar seta’ jinvoka kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda sempliċement, bi tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent tad‑19 ta’ Frar 2020, għamel preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni. Issa, tali preċiżazzjonijiet ma jistgħux jiġġustifikaw li ċ-ċaħda ta’ talba għal eżami mill-ġdid titqies li hija att awtonomu li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

14

It-talbiet għal annullament għandhom għalhekk jitqiesu li huma diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata biss, li l-legalità tagħha għandha madankollu tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid, li hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, KO vs Il-Kummissjoni, T‑389/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:436, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata

15

Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi; it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal tal-BEI; it-tielet, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu li tiġi prevista sistema tranżitorja u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

16

Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-BEI wettaq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar ir-rimbors tal-ispejjeż u l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fit-tmiem tas-servizz.

17

Ir-rikorrent isostni li l-BEI jinterpreta b’mod żbaljat l-espressjoni “dar tagħha stess” bħala li tirreferi għall-“proprjetà immobbli li fiha l-membru tal-persunal jew il-konjuġi tiegħu għandhom sehem, anki jekk minimu”, u dan anki jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat jew il-familja tiegħu ma jirrisjedux hemmhekk u qatt ma rrisjedu hemmhekk.

18

Skont il-BEI, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq interpretazzjoni ġdida tal-espressjoni “dar tagħha stess”, iżda fuq l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, interpretat fid-dawl tal-kuntest tiegħu, tal-istruttura ġenerali u tal-għan tiegħu. Il-BEI jqis li l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, kif sostnuta mir-rikorrent, iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

19

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tkun parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, AM vs BEI, T‑134/19, EU:T:2021:119, punt 60).

20

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuna kkonċernata li bidlet il-post ta’ residenza tagħha, wara t-tmiem tas-servizz, sabiex dan jiġi stabbilit f’distanza ta’ mill-inqas 50 kilomentru (km) mill-aħħar post ta’ impjieg tagħha, għandha d-dritt:

għar-rimbors tal-ispejjeż indikati iktar ’il quddiem, sakemm dawn ma jitħallsux minn sorsi oħra, u

għall-allowance fil-forma ta’ somma f’daqqa indikata iktar ’il quddiem — jekk ikun il-każ imnaqqsa mill-allowances li jingħatawlha minn sorsi oħra — sakemm hija ma tkunx stabbilixxiet r-residenza tagħha fid-dar tagħha stess.

[…]

13.3. Allowance tar-reinstallazzjoni

Il-persuna kkonċernata li tkun ilha tliet snin fis-servizz – jew mingħajr kundizzjoni ta’ tul fis-servizz jekk il-[BEI] ikun xolja jew ma jkunx ġedded il-kuntratt tagħha – tirċievi wara l-installazzjoni effettiva tagħha fil-post ta’ residenza l-ġdid tagħha, ammont ekwivalenti għall-aħħar salarju bażiku finali fix-xahar, sakemm ma tkunx tkeċċiet għal raġuni serja.

Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata, li l-familja tagħha — sa fejn kienet tgħix taħt l-istess saqaf bħalha — stabbilixxiet ruħha effettivament fil-post ta’ residenza l-ġdid tagħha, stabbilita f’distanza ta’ mill-inqas 50 km f’linja dritta mill-post ta’ impjieg, tirċievi għat-tieni darba l-istess ammont.

Meta żewġ konjuġi li jkunu t-tnejn impjegati mal-[BEI] ikollhom, kull wieħed minnhom, dritt għall-allowance tar-reinstallazzjoni, din għandha titħallas biss lill-konjuġi bl-ogħla salarju bażiku fix-xahar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21

Għalhekk, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu jipprevedi l-ħlas ta’ allowance tar-reinstallazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-benefiċċju ta’ membru tal-persunal tal-BEI li biddel il-post ta’ residenza tiegħu, wara t-tmiem tas-servizz, sabiex jiġi stabbilit f’distanza ta’ mill-inqas 50 kilometru (km) mill-aħħar post ta’ impjieg tiegħu.

22

Madankollu, it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jissuġġetta l-benefiċċju ta’ din l-allowance għall-kundizzjoni li l-membru tal-persunal ikkonċernat ma jkunx stabbilixxa r-residenza tiegħu fid-dar tiegħu stess.

23

Fl-assenza ta’ definizzjoni, fid-dispożizzjonijiet amministrattivi, tal-kunċetti ta’ “residenza” u ta’ “dar”, dawn l-istess kunċetti għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C‑406/20, EU:C:2021:720, punti 2829).

24

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-kelma Franċiża “foyer”, li tinsab fil-verżjoni Franċiża tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, ġiet tradotta bil-kelma “home” fil-verżjoni Ingliża tal-imsemmija dispożizzjonijiet u li l-BEI bbaża ruħu fuq din l-aħħar verżjoni kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid.

25

Issa, il-kelma Ingliża “home” tirreferi wkoll għal dar jew appartament, b’tali mod li l-espressjoni “own home” tista’ tiġi interpretata bħala li tirreferi, kif isostni l-BEI, għall-kunċett ta’ proprjetà immobbli.

26

Għall-kuntrarju, il-kelma Franċiża “foyer”, skont id-Dictionnaire de l’Académie française, tindika l-post fejn isir in-nar u, b’estensjoni, il-post fejn tirrisjedi l-familja ta’ persuna. Fir-rigward tal-aġġettiv Franċiż “propre”, imqiegħed quddiem il-kelma “foyer”, l-uniku għan tiegħu huwa, billi jsaħħaħ l-aġġettiv possessiv “son”, li jenfasizza l-fatt li d-dar inkwistjoni tkun tassew dik tal-membru tal-persunal.

27

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, f’dan il-każ, il-verżjoni applikabbli għall-kawża tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tirriżulta minn proposta redatta u adottata bil-Franċiż u l-BEI għażel li jindika espressament, fl-aħħar paragrafu tal-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, li l-verżjoni Ingliża u Ġermaniża tal-imsemmija dispożizzjonijiet kienu “traduzzjoni tal-verżjoni oriġinali Franċiża”.

29

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, sabiex tiġi ddeterminata b’mod oġġettiv l-intenzjoni tal-awtur tad-dispożizzjoni inkwistjoni meta ġiet adottata, hemm lok għall-Qorti Ġenerali, f’din il-kawża, li tinterpreta l-kunċetti ta’ “residenza” u ta’ “dar” konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa Franċiża.

30

Għalhekk, il-kelma “residenza”, abbażi tad-definizzjoni mogħtija mid-Dictionnaire de l’Académie française, tikkorrispondi għall-fatt li wieħed ikun stabbilit b’mod dejjiemi jew permanenti f’post u, b’estensjoni, tindika l-post fejn persuna hija stabbilita.

31

Konsegwentement, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirriżulta li l-membru tal-persunal tal-BEI li biddel il-post ta’ residenza tiegħu, wara t-tmiem tas-servizz, sabiex jistabbilixxih f’distanza ta’ mill-inqas 50 km mill-aħħar post ta’ impjieg tiegħu, għandu dritt għal allowance tar-reinstallazzjoni, sakemm dan il-post ta’ residenza ma jkunx jikkoinċidi mal-post li fih jirrisjedi l-familja tiegħu.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, il-fatt li uffiċjal jew membru tal-persunal ikollu proprjetà immobbli f’pajjiż, b’mod partikolari fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ma huwiex suffiċjenti sabiex jintwera li huwa kien jirrisjedi hemmhekk b’mod permanenti jew abitwali, jew li kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu f’dan il-pajjiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, UI vs Il-Kummissjoni, T‑362/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:562, punt 82).

33

Għalhekk, il-fatt li uffiċjal jew membru tal-persunal ikun kerrej jew proprjetarju tar-residenza tiegħu f’pajjiż — fatt li jaqa’ taħt il-libertà li jorganizza l-ħajja personali u tal-familja tiegħu — ma jistax, waħdu, jistabbilixxi jekk din il-persuna stabbilixxietx jew le ċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha fl-imsemmi pajjiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, Tzvetanova vs Il-Kummissjoni, F‑33/09, EU:F:2010:18, punt 52).

34

Fl-aħħar nett, ir-residenza li għandha persuna la tikkorrispondi neċessarjament u lanqas sistematikament mal-post ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ din il-persuna.

35

Konsegwentement, hemm lok li jinftiehem li l-parti tas-sentenza “sakemm hija ma tkunx stabbilixxiet r-residenza tagħha fid-dar tagħha stess”, li tinsab fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, teskludi l-benefiċċju tal-allowance tar-reinstallazzjoni meta l-membru tal-persunal ikkonċernat jittrasferixxi r-residenza abitwali tiegħu għall-post fejn jirrisjedu l-membri tal-familja tiegħu, u mhux meta l-post li fih il-membru tal-persunal jinstalla ruħu mill-ġdid ikun proprjetà tiegħu stess.

36

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni kuntestwali tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tikkorrobora l-interpretazzjoni letterali ta’ dan l-artikolu.

37

L-ewwel, fil-fatt, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar l-allowance tal-installazzjoni, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar l-allowance tal-installazzjoni għall-membri tal-persunal impjegati f’uffiċċji esterni, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmi anness, dwar l-akkomodazzjoni tal-membri tal-persunal impjegati f’uffiċċji esterni barra mill-Unjoni, jużaw il-kelma “dar” sabiex jindikaw ir-residenza tal-membru tal-persunal meta l-membri tal-familja tiegħu jkunu jirrisjedu miegħu.

38

Bl-istess mod, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 3.10 tal-Anness X tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar il-proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku, jobbliga lill-membru tal-persunal jinforma mingħajr dewmien lis-servizzi mediċi tal-BEI dwar kull każ ta’ marda kontaġġjuża gravi li tikkonċernah huwa stess jew “membri oħra tal-familja tiegħu”.

39

Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jikkorroboraw l-interpretazzjoni li l-kelma “dar”, imsemmija fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, tikkorrispondi għall-post fejn jirrisjedu abitwalment il-membri tal-familja tal-membru tal-persunal, u mhux għall-post li l-membru tal-persunal huwa proprjetarju tiegħu.

40

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar ir-rimbors tal-ispejjeż u l-allowances fil-forma ta’ somma f’daqqa mad-dħul fis-servizz jew mal-assenjazzjoni għal post ta’ impjieg ieħor, jinkludi klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt għall-allowance tal-installazzjoni li hija redatta f’termini identiċi għal dawk tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-istess dispożizzjonijiet.

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-allowance tal-installazzjoni, jinkludi wkoll klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt għal din l-allowance meta l-uffiċjal ikun impjegat fil-post fejn tirrisjedi l-familja tiegħu.

42

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-BEI għandu, skont l-Artikolu 308 TFUE, awtonomija funzjonali u istituzzjonali, u, b’mod partikolari, li billi jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 336 TFUE, li jagħti kompetenza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jadottaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI jagħti lil dan tal-aħħar awtonomija funzjonali għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal tiegħu. Għalhekk, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-BEI għażel sistema kuntrattwali minflok sistema statutorja, b’tali mod li huwa eskluż li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jiġu applikati, bħala tali, għar-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-BEI u l-persunal tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 101, u tas‑16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, EU:T:2004:367, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Madankollu, f’din il-kawża, il-BEI ma stabbilixxiex kif l-awtonomija funzjonali tiegħu hija kkontestata minn interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, li tirriżulta minn applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza mogħtija għall-approvazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u li tirriżulta mis-sentenza msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq.

44

Għalhekk, il-klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt għall-allowance tal-installazzjoni prevista fl-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tapplika fil-każ fejn l-uffiċjal ikun impjegat fil-post fejn tirrisjedi diġà l-familja tiegħu u jistabbilixxi ruħu magħha, peress li ma jkunx ġie espost għal spejjeż ta’ installazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, FH vs Il-Parlament, F‑26/15, EU:F:2015:137, punt 35).

45

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, li tista’ tiġi applikata f’dan il-każ, fid-dawl tal-kliem identiku tal-Artikoli 1 u 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, jirriżulta li mhux biss ma teżisti ebda differenza fil-funzjonijiet bejn l-allowances tal-installazzjoni u tar-reinstallazzjoni, iżda, għall-kuntrarju, li dawn huma simili ħafna bejniethom mill-perspettiva tal-għanijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2001, Miranda vs Il-Kummissjoni, T‑37/99, EU:T:2001:122, punt 29).

46

Għalhekk, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, li tirrigwarda l-allowance tal-installazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija applikabbli b’analoġija għall-allowance tar-reinstallazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tal-imsemmi anness u fl-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, kif ukoll għall-allowance tal-installazzjoni rregolata mill-Artikolu 1 tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

47

Ċertament, teżisti differenza fir-redazzjoni bejn, minn naħa, it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u t-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

48

Madankollu, ma jidhirx li din id-differenza purament redazzjonali twassal għall-impossibbiltà li tiġi trasposta l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni tad-dritt għall-allowance tal-installazzjoni prevista fl-Artikolu 5(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-allowances tal-installazzjoni u tar-reinstallazzjoni previsti mid-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-benefiċċju tal-membri tal-persunal tal-BEI.

49

Fit-tielet u fl-aħħar lok, l-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tikkonferma l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali.

50

F’dan ir-rigward, kif jirrileva ġustament il-BEI, l-għan tal-allowance tar-reinstallazzjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-allowance tar-reinstallazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jkopri u li jnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mir-reinstallazzjoni tal-ex uffiċjal jew membru tal-persunal f’ambjent ġdid għal perijodu indeterminat, iżda pjuttost twil, minħabba l-bidla fir-residenza prinċipali tiegħu wara t-tmiem definittiv tas-servizz tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2001, Miranda vs Il-Kummissjoni, T‑37/99, EU:T:2001:122, punt 29).

51

Fil-fatt, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jissuġġetta l-għoti tal-allowance tar-reinstallazzjoni biss għal trasferiment tar-residenza tal-membru tal-persunal ikkonċernat f’lokalità li tinsab tal-inqas 50 km mill-post ta’ impjieg, it-trasferiment tar-residenza previst minn din id-dispożizzjoni jimplika neċessarjament trasferiment effettiv tar-residenza abitwali ta’ dan il-membru tal-persunal fil-post il-ġdid indikat bħala dak tar-reinstallazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2001, Miranda vs Il-Kummissjoni, T‑37/99, EU:T:2001:122, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispejjeż li l-ex membru tal-persunal huwa kostrett isostni minħabba l-bidla fir-residenza prinċipali tiegħu wara t-tmiem definittiv tal-funzjonijiet tiegħu huma preżunti ogħla meta huwa jinstalla ruħu mill-ġdid mal-familja tiegħu, li jiġġustifika li, f’tali każ, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13.3 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, tali membru tal-persunal jirċievi allowance tar-reinstallazzjoni li tikkorrispondi għal darbtejn l-ammont tal-aħħar salarju bażiku fix-xahar (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, van der Spree vs Il-Kummissjoni, F‑37/15, EU:F:2015:139, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, fil-każ inkwistjoni f’din il-kawża, li fiha, fl-okkażjoni tat-tmiem tas-servizz tiegħu, membru tal-persunal jerġa’ jinstalla ruħu mal-familja tiegħu filwaqt li din kienet tirrisjedi miegħu fil-post tal-aħħar impjieg tiegħu, ma jidhirx li l-fatt li huwa proprjetarju tal-akkomodazzjoni li fiha l-membru tal-persunal jerġa’ jinstalla ruħu jeżentah minn kull spiża marbuta mat-trasferiment tar-residenza prinċipali u tal-familja tiegħu u mal-integrazzjoni tiegħu, kif ukoll dik tal-membri tad-dar tiegħu, fil-post il-ġdid ta’ residenza tiegħu għal tul ta’ żmien sostanzjali.

54

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-ispejjeż li jkopri l-allowance tar-reinstallazzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ma humiex iddefiniti min-natura tagħhom, fatt li, barra minn hekk, jissemplifika l-kompitu tal-amministrazzjoni billi jeskludi n-neċessità min-naħa tagħha li tivverifika l-ispejjeż realment sostnuti mill-membru tal-persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1978, Verhaaf vs Il-Kummissjoni, 140/77, EU:C:1978:197, punt 17).

55

Għalhekk, dan il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa intiż sabiex ikopri spejjeż li inevitabbilment ser jiġu sostnuti, iżda li l-kwantifikazzjoni tagħhom hija diffiċli u li d-determinazzjoni tagħhom tkun għalja wisq u inkonvenjenti għall-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Evens vs Il-Qorti tal-Awdituri, 79/82, EU:C:1982:389, p. 4045).

56

Ċertament, il-fatt li l-membru tal-persunal, fl-okkażjoni tat-tmiem tas-servizz, jerġa’ jinstalla ruħu f’post li huwa proprjetarju tiegħu jew koproprjetarju jista’ jnaqqas ċerti spejjeż marbuta mar-reinstallazzjoni tiegħu billi jevitalu, b’mod partikolari, l-ispiża tal-kiri tar-residenza l-ġdida tiegħu.

57

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, minn tali fatt ma tistax tiġi dedotta preżunzjoni ġenerali li l-integrazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat f’ambjent differenti minn dak tal-aħħar post ta’ impjieg tiegħu ma tesponih għal ebda spiża.

58

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-għażla ta’ persuna li tittrasferixxi r-residenza abitwali tagħha f’residenza sekondarja tista’ tkun akkumpanjata, pereżempju, minn xogħlijiet ta’ tiswija jew ta’ żvilupp li jikkostitwixxu, meta din ir-reinstallazzjoni hija konsegwenza tat-terminazzjoni tas-servizz, spejjeż li l-allowance tar-reinstallazzjoni hija intiża li tkopri.

59

F’dan ir-rigward, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jerġa’ jinstalla ruħu f’akkomodazzjoni li huwa proprjetarju tagħha ma huwiex f’sitwazzjoni identika għal dik tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li jistabbilixxi r-residenza l-ġdida tiegħu f’daru stess.

60

Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-preżunzjoni li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat ma huwiex espost għal spejjeż ta’ reinstallazzjoni tiġi dedotta loġikament mill-intensità tar-rabtiet li persuna jkollha, bħala prinċipju, mal-membri tal-familja tagħha u li twassal lil din il-persuna tmur, kemm jista’ jkun ta’ spiss, fil-post fejn tirrisjedi l-familja tagħha.

61

Fid-dawl tal-intensità ta’ dawn ir-rabtiet, ma jistax jiġi raġonevolment ikkunsidrat, mal-waqfien tas-servizz tal-membru tal-persunal u tat-trasferiment tar-residenza abitwali tiegħu lejn id-dar tiegħu stess, li l-imsemmi membru tal-persunal isib ruħu kkonfrontat bin-neċessità li jadatta ruħu għal ambjent ġdid.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi rrifjuta lir-rikorrent il-benefiċċju tal-allowance tar-reinstallazzjoni minħabba li kien il-proprjetarju tal-post li fih huwa installa ruħu mill-ġdid, il-BEI bbaża ruħu fuq raġuni mhux prevista mit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u, b’dan il-mod, kiser din id-dispożizzjoni.

63

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

Fuq it‑talbiet intiżi għall‑kundanna tal‑BEI għall‑ħlas tal‑allowance tar‑reinstallazzjoni

64

Fit-tielet kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob il-kundanna tal-BEI għall-ħlas tal-allowance tar-reinstallazzjoni, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata tal-BĊE miżjuda b’żewġ punti, sal-ħlas sħiħ tal-imsemmi kumpens.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tinterferixxi fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tordna lil istituzzjoni jew organu tal-Unjoni jieħu l-miżuri partikolari li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Madankollu, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill-kawżi li jitressqu quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membru tal-persunal, ħlief li tirrinvija lill-istituzzjoni inkwistjoni, u taħt l-istħarriġ tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi li hija tistabbilixxi (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 67).

67

Il-“kwistjonijiet ta’ natura pekunjarja”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxu mhux biss l-azzjonijiet għad-danni magħmula mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni, iżda wkoll dawk kollha li huma intiżi għall-ħlas minn naħa ta’ istituzzjoni lil membru tal-persunal ta’ ammont li hija tqis li huwa dovut lilu bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 65).

68

Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, fil-konfront ta’ istituzzjoni kundanna għall-ħlas ta’ somma li għaliha r-rikorrent għandu dritt bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ġuridiku ieħor (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 68, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, C‑417/14 RX-II, EU:C:2015:588, punt 40).

69

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għandha tiġi applikata, għall-kawżi li seħħew bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, ir-regola li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem,C‑449/99 P, EU:C:2001:502, punt 95).

70

F’dan il-każ, it-talba tar-rikorrent intiża sabiex il-BEI jħallsu l-ammont tal-allowance tar-reinstallazzjoni u li dan l-ammont jiżdied b’interessi moratorji hija ta’ natura pekunjarja, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

71

Barra minn hekk, il-BEI la stabbilixxa u lanqas ma allega li r-rikorrent ma kienx issodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-għoti tal-allowance tar-reinstallazzjoni.

72

Għaldaqstant, fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrent u li l-BEI jiġi kkundannat iħallsu l-allowance tar-reinstallazzjoni li hija dovuta lilu minn meta rċieva t-talba tiegħu, jiġifieri fl‑4 ta’ Settembru 2019, kif ukoll l-interessi moratorji fuq il-ħlas ta’ dan il-kumpens sal-ħlas sħiħ, fejn l-interessi moratorji huma ffissati bir-rata ta’ interessi applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid u fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, miżjuda b’żewġ punti.

Fuq l‑ispejjeż

73

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BEI tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tad‑9 ta’ Jannar 2020 li tirrifjuta l-għoti lil LR tal-benefiċċju tal-allowance tar-reinstallazzjoni hija annullata.

 

2)

Il-BEI huwa kkundannat iħallas lil LR l-allowance indikata fil-punt 1 tad-dispożittiv, miżjuda b’interessi moratorji, mill‑4 ta’ Settembru 2019 sad-data tal-ħlas effettiv sħiħ, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid u applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti.

 

3)

Il-BEI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

van der Woude

Papasavvas

da Silva Passos

Valančius

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Settembru 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top