This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0480
Judgment of the General Court (First Chamber, Extended Composition) of 1 March 2023 (Extracts).#Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE and Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE v European Commission.#Subsidies – Imports of certain woven or stitched glass fibre fabrics originating in China and Egypt – Implementing Regulation (EU) 2020/776 – Definitive countervailing duty – Calculation of the subsidy amount – Attributability of the subsidy – Rights of the defence – Manifest error of assessment – Import duty drawback scheme – Tax treatment of foreign exchange losses – Calculation of the undercutting margin.#Case T-480/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-1 ta’ Marzu 2023 (Estratti).
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 – Dazju kumpensatorju definittiv – Kalkolu tal-ammont tas-sussidju – Imputabbiltà tas-sussidju – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Sistemi ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Trattament fiskali tat-telf tal-kambju – Kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz.
Kawża T-480/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-1 ta’ Marzu 2023 (Estratti).
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 – Dazju kumpensatorju definittiv – Kalkolu tal-ammont tas-sussidju – Imputabbiltà tas-sussidju – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Sistemi ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Trattament fiskali tat-telf tal-kambju – Kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz.
Kawża T-480/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:90
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
1 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/776 – Dazju kumpensatorju definittiv – Kalkolu tal-ammont tas-sussidju – Imputabbiltà tas-sussidju – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Sistemi ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni – Trattament fiskali tat-telf tal-kambju – Kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz”
Fil-Kawża T‑480/20,
Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE, stabbilita f’Ain Soukhna (l-Eġittu),
Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE, stabbilita f’Ain Soukhna,
irrappreżentati minn B. Servais u V. Crochet, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Kienapfel, G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Tech-Fab Europe eV, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn L. Ruessmann u J. Beck, avukati,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn H. Kanninen, President, M. Jaeger, N. Półtorak, O. Porchia u M. Stancu (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE (iktar ’il quddiem “Hengshi”) u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (iktar ’il quddiem “Jushi”), jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat‑12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU L 189, 15.6.2020, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat”), sa fejn jikkonċerna lilhom. |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Ir-rikorrenti huma żewġ kumpanniji kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, li l-azzjonisti tagħhom huma entitajiet Ċiniżi. It-tnejn li huma jappartjenu għall-grupp China National Building Material (CNBM) (iktar ’il quddiem il-“Grupp CNBM”). L-attività tar-rikorrenti tikkonsisti fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni ta’ ċertu materjal tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa jew meħjuta (iktar ’il quddiem il-“MFĦ”) u ta’ faxex tal-fibra tal-ħġieġ (iktar ’il quddiem il-“FFĦ”). Dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-materja prima prinċipali użata għall-produzzjoni ta’ MFĦ. Dawn il-prodotti jinbiegħu b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
A. Fuq iż‑żona ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali Sino‑Eġizzjana ta’ Suez
3 |
Ir-rikorrenti huma t-tnejn stabbiliti fiż-żona ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali Sino-Eġizzjana ta’ Suez (l-Eġittu) (iktar ’il quddiem iż-“żona CECS”). Iż-żona CECS inħolqot b’mod konġunt mir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-oriġini tagħha tmur lura għas-snin 1990. Fl-1997, il-Prim Ministru Ċiniż u dak Eġizzjan iffirmaw protokoll ta’ ftehim, li fih iż-żewġ pajjiżi kienu ftiehmu li “jikkooperaw bil-għan li jiżviluppaw iż-żona ekonomika ħielsa fit-Tramuntana tal-Golf ta’ Suez”. |
4 |
Fl-2002, żona ġeografika iktar vasta ta’ 20 km2, li kienet tinkludi ż-żona CECS, ġiet ikklassifikata bħala żona ekonomika speċjali mill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani, u b’hekk irrendiet applikabbli għaż-żona CECS il-liġi Eġizzjana Nru 83/2002 dwar iż-żoni ekonomiċi speċjali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 83/2002”). |
5 |
Sussegwentement, entitajiet pubbliċi Ċiniżi u Eġizzjani ħolqu l-impriża Egypt TEDA Investment Co. (iktar ’il quddiem “Egypt TEDA”), li 80 % tal-ishma tagħha huma miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u l-20 % li jifdal mill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani. |
6 |
Fl-2012, waqt żjara tal-President Eġizzjan fiċ-Ċina, dan tal-aħħar ikkwalifika ż-żona CECS bħala proġett prinċipali għall-kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa esprima wkoll ix-xewqa li iktar u iktar impriżi Ċiniżi jinvestu fiż-żona CECS u jipparteċipaw għalhekk fil-programm ta’ ristrutturar tal-Eġittu. |
7 |
Fl-2013, iż-żona CECS ġiet estiża b’6 km2, skont kuntratt bejn Egypt TEDA u l-awtoritajiet Eġizzjani. Mill-istess sena, iż-żona CECS ġiet żviluppata fil-kuntest tal-inizjattiva Ċiniża “Belt and Road”. Din l-inizjattiva, skont l-avviżi ta’ gwida tal-Kunsill Ċiniż tal-Affarijiet tal-Istat dwar il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ manifattura ta’ tagħmir tat‑13 ta’ Mejju 2015, tinkludi l-possibbiltà għall-impriżi “li jitilqu barra mill-pajjiż”, li jibbenefikaw minn politika fiskali favorevoli u minn għajnuna fiskali, self b’kundizzjonijiet liberali, minn għajnuna finanzjarja mogħtija permezz ta’ self sindakat, krediti għall-esportazzjoni u għall-finanzjament ta’ proġetti, investimenti f’fondi proprji u ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni. |
8 |
Fl-2015, iż-żona ekonomika speċjali msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, li ż-żona CECS kienet tifforma parti minnha, ġiet uffiċjalment integrata fiż-żona ekonomika tal-kanal ta’ Suez (iktar ’il quddiem iż-“ŻKS”), żona iktar vasta, li tinkludi r-reġjun qrib il-kanal ta’ Suez u rregolata mil-Liġi Nru 83/2002, fil-kuntest tal-“pjan ta’ żvilupp tal-kuritur tal-kanal ta’ Suez” imniedi mill-Eġittu. |
9 |
Fl-2016, il-Presidenti taċ-Ċina u tal-Eġittu uffiċjalment inawguraw il-proġett ta’ estensjoni ta’ 6 km2 taż-żona CECS u ffirmaw, fil‑21 ta’ Jannar 2016, ftehim bejn l-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ kooperazzjoni tal-2016”), li ppreċiża l-portata u l-istatus legali taż-żona CECS. |
10 |
Skont il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2016, l-awtoritajiet pubbliċi taż-żewġ pajjiżi għandhom jiżviluppaw iż-Żona CECS b’mod konġunt. Huma għandhom jagħmlu dan skont l-istrateġiji nazzjonali rispettivi tagħhom, jiġifieri l-inizjattiva “Belt and Road” għaċ-Ċina, minn naħa, u l-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kuritur tal-Kanal ta’ Suez għall-Eġittu, min-naħa l-oħra. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani għandhom jipprovdu l-art, il-ħaddiema u ċerti eżenzjonijiet mit-taxxa, filwaqt li l-impriżi Ċiniżi li joperaw fiż-żona jħaddmu l-faċilità tal-produzzjoni bl-assi u bil-maniġers tagħhom. Biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ fondi Eġizzjani, l-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi għandhom isostnu wkoll dan il-proġett billi jpoġġu l-mezzi finanzjarji meħtieġa għad-dispożizzjoni ta’ Egypt TEDA u tal-impriżi Ċiniżi li joperaw fiż-Żona CECS. |
B. Fuq il‑proċedura li wasslet għall‑adozzjoni tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat
11 |
Wara lment ippreżentat fl‑1 ta’ April 2019, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Antisussidji bażiku”), mill-intervenjenti Tech-Fab Europe eV, f’isem produtturi li jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta’ MFĦ tal-Unjoni, il-Kummissjoni fetħet, skont dan l-artikolu, investigazzjoni antisussidji dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ MFĦ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu. Fis‑16 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ ftuħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 167, p. 11). |
12 |
B’mod iktar preċiż, hekk kif jirriżulta mill-premessa 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-prodotti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni huma l-materjal magħmula minn faxex (rovings) jew minn ħajt ta’ fibri tal-ħġieġ b’filament kontinwu, minsuġa jew meħjuta, bi jew mingħajr elementi oħra, bl-esklużjoni ta’ prodotti impregnati jew impregnati minn qabel u ta’ tessut b’malja miftuħa li ċ-ċelloli tagħhom għandhom iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu iktar minn 35 g/m2 li bħalissa jaqgħu taħt il-Kodiċi NM ex70193900, ex70194000, ex70195900 u ex70199000 (il-Kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080). |
13 |
L-investigazzjoni dwar is-sussidju u dwar id-dannu kopriet il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2018. L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali kopra l-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. |
14 |
Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, Jushi pproduċiet kemm MFĦ kif ukoll FFĦ. Jushi użat il-FFĦ prodotti minnha stess biex tipproduċi l-MFĦ, iżda hija biegħet ukoll il-FFĦ lil klijenti indipendenti, kemm fl-Eġittu kif ukoll barra, kif ukoll lil Hengshi. Din tal-aħħar immanifatturat xi MFĦ minn FFĦ mixtrija mingħand Jushi kif ukoll mingħand kumpannija assoċjata oħra u mingħand kumpannija indipendenti, li t-tnejn huma stabbiliti fiċ-Ċina. |
15 |
Jushi biegħet MFĦ direttament lil klijenti indipendenti fl-Eġittu u fl-Unjoni. Hija esportat ukoll MFĦ intiżi għal tliet klijenti konnessi fl-Unjoni, jiġifieri Jushi Spain SA, Jushi France SAS u Jushi ltalia Srl. Barra minn hekk, Jushi biegħet MFĦ fl-Unjoni permezz ta’ kumpannija relatata stabbilita barra mill-Unjoni, Jushi Group (HK) Sinosia Composite Materials Co. Ltd. Il-bejgħ ta’ MFĦ imwettaq minn Jushi fi ħdan l-Unjoni kien jirrappreżenta madwar [kunfidenzjali] ( 2 ) % tal-bejgħ totali ta’ dan il-prodott imwettaq mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
16 |
Hengshi, li tipproduċi biss MFĦ, ma bigħetx minnu fis-suq Eġizzjan, iżda bigħethu fl-Unjoni, direttament lil klijenti indipendenti kif ukoll permezz ta’ kumpannija relatata stabbilita barra mill-Unjoni, Huajin Capital Ltd. Il-bejgħ ta’ MFĦ imwettaq minn Hengshi fl-Unjoni kien jirrappreżenta madwar [kunfidenzjali] % tal-bejgħ totali ta’ dan il-prodott imwettaq mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
17 |
Fil‑21 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antidumping separata dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ MFĦ li joriġina miċ-Ċina u mill-Eġittu (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni antidumping parallela”). Fis‑7 ta’ Ġunju 2019, hija fetħet ukoll investigazzjoni antisussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ FFĦ li joriġinaw mill-Eġittu (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni antisussidji parallela fuq il-FFĦ”). |
18 |
Fl‑14 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti fformulaw osservazzjonijiet dwar is-sussidji, id-dannu u l-interess tal-Unjoni. Huma ppreżentaw ir-risposta tagħhom għall-kwestjonarju kontra s-sussidji fl‑1 ta’ Lulju 2019. Fis‑27 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti bagħtu r-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar wettqet żjarat ta’ verifika fil-bini tar-rikorrenti kif ukoll fil-bini tal-kumpanniji assoċjati mar-rikorrenti. |
19 |
Fis‑26 ta’ Lulju 2019, l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani ppreżentaw ir-risposta tagħhom għall-kwestjonarju antisussidji. Fil‑15 ta’ Ottubru 2019, huma bagħtu r-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni. Fit‑23 ta’ Diċembru 2019, din tal-aħħar informat lill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 28 tar-Regolament Antisussidji bażiku, fid-dawl ta’ ċerta informazzjoni dwar il-qafas legali u istituzzjonali u tal-eżistenza ta’ ftehimiet intergovernattivi bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar iż-żona CECS. Fit‑3 ta’ Jannar 2020, l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani rrispondew lill-Kummissjoni u bagħtulha l-informazzjoni mixtieqa. |
20 |
Fis‑27 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni kkomunikat l-informazzjoni finali lir-rikorrenti, li dwarha huma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl‑20 ta’ Marzu 2020. Saret seduta mal-Kummissjoni dwar din l-informazzjoni. |
21 |
Fis‑17 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat informazzjoni finali addizzjonali, li fuqha r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit‑22 ta’ April 2020. Saret seduta mal-Kummissjoni dwar din l-informazzjoni. |
22 |
Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑15 ta’ Ġunju 2020 u daħal fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
23 |
L-imsemmi regolament jistabbilixxi dazju kumpensatorju definittiv ta’ 10.9 % fuq l-importazzjonijiet tal-MFĦ tar-rikorrenti lejn l-Unjoni. |
II. It‑talbiet tal‑partijiet
24 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
25 |
Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
[omissis]
A. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 2(a) u (b), tal-Artikolu 3(1)(a), kif ukoll tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Antisussidji bażiku
[omissis]
1. Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni motiv, ibbażata fuq il‑ksur tal‑Artikolu 2(a) u (b) kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku
71 |
Ir-rikorrenti jinvokaw tliet ilmenti prinċipali insostenn ta’ din il-parti. L-ewwel, skonthom, l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. It-tieni, l-invokazzjoni mill-Kummissjoni tad-dritt tal-WTO sabiex tinterpreta l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament hija infondata. It-tielet, l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 1(1)(a)(1) tal-Ftehim dwar is-sussidji u l-miżuri kumpensatorji (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SMK”) ma tosservax il-ġurisprudenza tal-WTO u d-dritt internazzjonali pubbliku. |
72 |
Insostenn tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li mill-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku, li l-kliem tiegħu huwa ċar u preċiż u mingħajr ma hemm bżonn li dan jiġi interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) u tal-abbozz ta’ artikoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal fatt internazzjonalment illegali, kif ġie adottat fl-2001 mill-Kummissjoni tad-dritt internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem l-“artikoli tal-KDI”), jirriżulta li, mhux biss l-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-kontribuzzjoni finanzjarja, iżda anki l-kontribuzzjoni finanzjarja nnifisha, għandhom ikunu fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-esportazzjoni. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest globali tar-Regolament Antisussidji bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 10(7) u l-Artikolu 13(1) ta’ dan tal-aħħar. |
73 |
Insostenn tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta interpretat l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku fid-dawl tad-dritt tal-WTO. Huma jindikaw li għalkemm, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO meta l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO, madankollu, f’dan il-każ, interpretazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-WTO ma tistax tiġi invokata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Antisussidji bażiku li huma differenti minn dawk tal-Ftehim SMK. Issa, skont ir-rikorrenti, it-termini tal-Ftehim SMK huma manifestament differenti minn dawk użati minn dan ir-regolament fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sussidju”. |
74 |
Insostenn tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jargumentaw li, jekk wieħed jassumi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tal-WTO sabiex tiġi interpretata l-espressjoni “awtoritajiet pubbliċi” fir-Regolament Antisussidji bażiku, l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 1(1)(a)(1) tal-Ftehim SMK tibqa’ żbaljata, sa fejn tikser l-Artikolu 31(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fil-fatt, minn dan l-artikolu tal-Ftehim SMK jirriżulta b’mod ċar li l-atti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi ma jistgħux jiġu attribwiti lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan il-ftehim, bħall-Artikolu 13(1), (2) u (4) u l-Artikolu 18(1)(a). |
75 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-artikoli tal-KDI ma huwiex regola “rilevanti” tad-dritt internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 31(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-interpretazzjoni tal-espressjoni “awtoritajiet pubbliċi” li tinsab fl-Artikolu 1(1)(a)(1) tal-Ftehim SMK. Il-Korp tal-Appell tal-WTO ma kienx iddeċieda mod ieħor fil-każ “L-Istati Uniti – Dazji antidumping u dazji kumpensatorji definittivi fuq ċerti prodotti miċ-Ċina” (WT/DS 379/AB/R). Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li, kieku d-dritt applikabbli f’din l-investigazzjoni kien il-Ftehim SMK minflok ir-Regolament Antisussidju bażiku, il-Kummissjoni kienet tkun tista’ tikklassifika bħala sussidji, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim SMK, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija minn entitajiet Ċiniżi lir-rikorrenti, u dan mingħajr ma jkollha għalfejn “tattribwixxi” dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani abbażi tal-Artikolu 11 tal-artikoli tal-KDI. F’kull każ, l-Artikolu 11 tal-artikoli tal-KDI ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li huwa intiż biex jirregola l-aġir ta’ Stat inkorporat fi Stat ieħor wara l-akkwist ta’ territorju, li huwa attribwibbli lill-Istat li jissuċċedi, jew inkella l-adozzjoni sussegwenti minn Stat ta’ aġir kundannabbli privat li twettaq jew li qiegħed jitwettaq. Fil-fatt, huma l-Artikoli 16 sa 18 tal-artikoli tal-KDI li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-fatt ta’ Stat ieħor, u mhux l-Artikolu 11 ta’ dawn l-artikoli. |
76 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti. |
77 |
Kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku, b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi” tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
78 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, tal-għanijiet tagħha u tal-istat tal-iżvilupp tagħha fid-data li fiha għandha ssir l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Antisussidji bażiku jipprovdi li sussidju għandu jitqies li jeżisti jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2 tiegħu jiġu ssodisfatti, jiġifieri jekk hemm “kontribut finanzjarju” mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni u jekk b’hekk jingħata “benefiċċju”. |
80 |
L-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi” bħala kull korp pubbliku tal-ġurisdizzjoni territorjali tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. |
81 |
Issa, id-definizzjoni ta’ “awtoritajiet pubbliċi” li tinsab f’dan l-artikolu sempliċement tinterpreta l-kunċett ta’ “awtoritajiet pubbliċi” bħala li jinkludi l-korpi pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat, skont il-provi speċifiċi disponibbli. |
82 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 5 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li “[h]uwa neċessarju, meta tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ sussidju, li jintwera l-għoti ta’ kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn kwalunkwe korp pubbliku, fit-territorju ta’ pajjiż, jew l-eżistenza ta’ forma ta’ protezzjoni tad-dħul jew ta’ sostenn tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu XVI tal-GATT 1994, u li vantaġġ ikun ibbenefika lil impriża”. |
83 |
Issa, il-kliem “fit-territorju ta’ pajjiż” użati f’din il-premessa ma jimplikawx li l-kontribuzzjoni finanzjarja għandha toriġina direttament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Għall-kuntrarju, l-użu ta’ dan il-kliem, kif tirrileva l-Kummissjoni, ma jeskludix il-possibbiltà li jiġi konkluż li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu imputati lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkunsidrat. |
84 |
B’hekk, ir-Regolament Antisussidji bażiku ma jeskludix li, anki jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja ma tkunx ġejja direttament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, din il-kontribuzzjoni tista’ tiġi imputata lilhom. |
85 |
Il-konklużjoni preċedenti hija iktar u iktar rilevanti fil-kuntest speċifiku taż-żona CECS, li fuqha huma stabbiliti r-rikorrenti. |
86 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessa 690 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, żewġ dikjarazzjonijiet ta’ żewġ presidenti Eġizzjani dwar iż-żona CECS. L-ewwel waħda, tal-2012, ikklassifikat lil din iż-żona bħala proġett prinċipali għall-kooperazzjoni bilaterali bejn l-Eġittu u ċ-Ċina. It-tieni waħda, tal-2014, kienet relatata mal-inizjattiva “Belt and Road” u ppreċiżat b’mod partikolari li din l-inizjattiva kienet opportunità importanti għar-ristrutturar Eġizzjan u li l-awtoritajiet Eġizzjani kienu lesti jipparteċipaw attivament u biex jagħtu l-appoġġ tagħhom. L-awtoritajiet Eġizzjani xtaqu jikkooperaw maċ-Ċina sabiex jiżviluppaw, b’mod partikolari, il-proġetti tal-kuritur tal-Kanal ta’ Suez u taż-żona CECS u jinkoraġġixxu lill-impriżi Ċiniżi jinvestu fl-Eġittu. |
87 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 691 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat tindika li l-karatteristiċi tal-inizjattiva Ċiniża “Belt and Road” huma magħrufa u li, skont l-opinjonijiet ta’ gwida tal-Kunsill tal-Affarijiet tal-Istat dwar il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ manifattura ta’ tagħmir Ċiniż tat‑13 ta’ Mejju 2015, il-miżuri li jistgħu jirċievu l-impriżi li “jistabbilixxu ruħhom barra mill-pajjiż” jinkludu b’mod partikolari l-politika fiskali u ta’ għajnuna fiskali, is-self b’kundizzjonijiet liberali, l-għajnuna finanzjarja mogħtija permezz ta’ self sindakat, il-kreditu fuq l-esportazzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti, l-investimenti f’fondi proprji u finalment, l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni. |
88 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessa 693 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-fatt li ż-żona CECS kienet is-suġġett tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni tal-2016 bejn l-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u dawk Eġizzjani. Issa, dan il-ftehim jipprevedi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jħalli l-possibbiltà lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li tapplika wħud mil-liġijiet tagħha fi ħdan iż-żona CECS. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi li “[i]l-Gvern Ċiniż jikkunsidra ż-żona [CECS] bħala ż-żona ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali taċ-Ċina barra mill-pajjiż” u li “[i]ż-żona ta’ kooperazzjoni, matul il-kostruzzjoni, l-attrazzjoni tal-operaturi u l-isfruttament, għandha dritt għas-sostenn politiku u għall-faċilitazzjoni pprovduta mill-Gvern Ċiniż għaż-żoni ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali extra-territorjali”. L-Artikolu 5(1) ta’ dan il-ftehim jipprovdi wkoll li l-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi jsostnu ż-żona ta’ kooperazzjoni billi “[j]inkoraġġixxu lill-istabbilimenti finanzjarji kkonċernati joffru faċilità finanzjarja għal […] proġetti ta’ investiment li jinsabu fiż-żona ta’ kooperazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ self u r-rekwiżiti tal-użu tas-self ikunu osservati”. |
89 |
Fit-tielet lok, il-premessa 660 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat tindika li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni tal‑2016, l-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u Eġizzjani implimentaw mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni fuq tliet livelli, b’mod partikolari ftehim ta’ kooperazzjoni għall-ħolqien ta’ kummissjoni amministrattiva responsabbli għaż-żona CECS, kumitat ta’ tmexxija taż-żona, imbagħad twissija tal-problemi u tad-diffikultajiet mill-kumpannija Egypt TEDA u l-omologi Eġizzjani. Barra minn hekk, mill-premessa 652 tal-istess regolament jirriżulta li Egypt TEDA hija miżmuma 80 % mill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u 20 % mill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani u hija intiża biex tiffavorixxi l-iżvilupp taż-żona CECS fl-Eġittu. |
90 |
Fl-aħħar, mill-premessi 726 u 745 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jirriżulta li l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-kumpanniji Ċiniżi stabbiliti fl-Eġittu kien partikolarment sinjifikattiv. |
91 |
L-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u Eġizzjani għalhekk, f’kollaborazzjoni mill-qrib, implimentaw iż-żona CECS bħala żona li għandha karatteristiċi legali u ekonomiċi li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi jagħtu direttament il-faċilitajiet kollha inerenti għall-inizjattiva Ċiniża “Belt and Road” lill-impriżi Ċiniżi stabbiliti f’din iż-żona. |
92 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi aċċettat li kostruzzjoni ekonomika u legali ta’ portata bħal dik taż-żona CECS, ikkonċepita f’kollaborazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi u dawk Eġizzjani fl-ogħla livell, tiġi eskluża mir-Regolament Antisussidji bażiku mingħajr ma dan jippreġudika l-effett utli jew l-għan u l-iskopijiet tiegħu. |
93 |
It-tielet, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku la tmur kontra l-Artikolu 10(7) u lanqas kontra l-Artikolu 13(1) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 10(7), ir-Regolament Antisussidji bażiku bl-ebda mod ma jeskludi li l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni jkunu jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li huma imputabbli lilhom. F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta barra minn hekk li l-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani biex jibdew konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħas-self preferenzjali mogħti minn entitajiet Ċiniżi. |
94 |
Fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, li jippermetti b’mod partikolari lill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni li jelimina s-sussidju, li jillimitah jew li jieħu miżuri oħra relatati mal-effetti tiegħu, tali possibbiltà tibqa’ valida fil-każijiet fejn il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani kellhom il-possibbiltà li jtemmu l-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi Ċiniżi f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew li jipproponu miżuri intiżi sabiex jillimitaw l-effetti tas-sussidji inkwistjoni. |
95 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li la l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Antisussidji bażiku, u lanqas l-istruttura ġenerali tiegħu ma jeskludu li kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz tista’ tiġi imputata lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, fid-dawl tal-provi speċifiċi disponibbli, kif esposti fil-punti 86 sa 91 iktar ’il fuq. |
96 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, din il-konklużjoni hija sostnuta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Ftehim SMK, li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat ir-Regolament Antisussidji bażiku. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO, jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet tal-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 95). |
97 |
Issa, mill-premessa 3 tar-Regolament Antisussidji bażiku jirriżulta li dan tal-aħħar għandu b’mod partikolari l-għan li “jittrasponi” fid-dritt tal-Unjoni, “sa fejn ikun possibbli”, ir-regoli tal-Ftehim SMK. |
98 |
Barra minn hekk, diġà ġie stabbilit mill-ġurisprudenza li l-Artikolu 3 tar-Regolament Antisussidji bażiku, intitolat “Definizzjoni ta’ sussidju”, u l-Artikolu 1 tal-Ftehim SMK kienu fil-parti l-kbira identiċi fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom u kompletament identiċi fir-rigward tas-sustanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 99). |
99 |
Barra minn hekk, mill-premessi tar-Regolament Antisussidji bażiku ma tirriżulta ebda rieda tal-leġiżlatur li jitbiegħed mis-sustanza tal-Artikolu 1(1)(a)(1) tal-Ftehim SMK. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament iċċitat fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur ried jimplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehim SMK fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq. |
100 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Antisussidji bażiku għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim SMK (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 101). L-istess japplika għall-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li huwa intiż biex jimplimenta l-kontenut tal-Artikolu 1 tal-Ftehim SMK (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 102). |
101 |
Fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(a)(1) tal-Ftehim SMK, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan tal-aħħar jiddefinixxi s-sussidju bħala kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ kwalunkwe korp pubbliku tal-ġurisdizzjoni territorjali ta’ membru “wieħed” tal-WTO. Għaldaqstant, din il-formulazzjoni ma teskludix il-possibbiltà li kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija minn pajjiż terz tista’ tiġi imputata lill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, peress li huwa biżżejjed li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ kwalunkwe korp pubbliku tkun taqa’ taħt il-kompetenza territorjali ta’ membru “wieħed” tal-WTO. |
102 |
Fit-tieni lok, l-Artikoli 13 u 18 tal-Ftehim SMK, li jirrigwardaw rispettivament il-konsultazzjonijiet u l-impenji, ma jpoġġux indiskussjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, il-kliem u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux is-sitwazzjonijiet li fihom il-kontribuzzjoni finanzjarja hija imputata lil membru tal-WTO, peress li, minn naħa, il-membri li l-prodotti tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji imputabbli lilhom u, min-naħa l-oħra, il-membri li l-prodotti tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni jistgħu jimponu limitazzjonijiet għas-sussidji imputabbli lilhom. |
103 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni interpretat b’mod korrett ir-Regolament Antisussidji bażiku fid-dawl tal-Ftehim SMK, il-fatt li hija ħadet inkunsiderazzjoni jew le l-Artikolu 11 tal-artikoli tal-KDI huwa ineffettiv. Konsegwentement, it-tielet ilment ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud ukoll u, għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi. [omissis] |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Kanninen Jaeger Półtorak Porchia Stancu Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Marzu 2023. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis bħala utli għall-pubblikazzjoni.
( 2 ) Data kunfidenzjali mneħħija.