This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0249
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 16 March 2022.#Abdelkader Sabra v Council of the European Union.#Common foreign and security policy – Restrictive measures adopted against Syria – Freezing of funds – Errors of assessment – Criterion of a leading businessperson operating in Syria – Presumption of a link with the Syrian regime – Rebuttal of the presumption.#Case T-249/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Marzu 2022.
Abdelkader Sabra vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Kriterju ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan – Konfutazzjoni tal-preżunzjoni.
Kawża T-249/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Marzu 2022.
Abdelkader Sabra vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Kriterju ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan – Konfutazzjoni tal-preżunzjoni.
Kawża T-249/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:140
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Kriterju ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan – Konfutazzjoni tal-preżunzjoni”
Fil-Kawża T‑249/20,
Abdelkader Sabra, residenti fi Beyrouth (il-Libanu), irrappreżentat minn M. Lester, QC, u A. Bradshaw, solicitor,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Haas u V. Piessevaux, bħala aġenti,
konvenut,
Talba abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43I, p. 6), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent.
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors
1 |
Ir-rikorrent, Abdelkader Sabra, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana u Lebaniża. |
2 |
Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, adotta abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana. |
3 |
L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk tal-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma kienx jinsab fih meta ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni. |
4 |
Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Trattat FUE, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1). Il-kontenut ta’ dan ir-regolament huwa, essenzjalment, identiku għal dak tad-Deċiżjoni 2011/273. Il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi rrikonoxxuti li huma jew responsabbli għar-repressjoni inkwistjoni, jew assoċjati ma’ dawn il-persuni responsabbli, li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, hija identika għal dik li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Abbażi tal-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika l-imsemmija miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ organu, dan għandu jemenda l-Anness II b’mod konsegwenti u, barra minn hekk, għandu jeżamina l-lista li tinsab fih f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar. |
5 |
Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 319, p. 56) tiegħu, il-Kunsill ikkunsidra li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273/PESK u l-miżuri addizzjonali għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed. Fl-Artikolu 18 tagħha, id-Deċiżjoni 2011/782 tipprevedi restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-persuni li isimhom jinsab fl-Anness I u, fl-Artikolu 19 tagħha, tipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jinsab fl-Annessi I u II. |
6 |
Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20). |
7 |
Id-Deċiżjoni 2011/782 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad‑29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU 2012, L 330, p. 21), li min-naħa tagħha ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14 rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20). |
8 |
Fit‑12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2015, L 266, p. 1). |
9 |
Skont il-kliem tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “[i]l-Kunsill ivvaluta li minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja jistgħu biss iżommu l-istatus tagħhom minħabba li jgawdu minn assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim u mill-appoġġ tiegħu, u billi għandhom influwenza fi ħdanu” u “l-Kunsill iqis li għandu jipprevedi miżuri restrittivi biex jimponi restrizzjonijiet fuq id-dħul u jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn dawk in-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati fl-Anness I, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim u, permezz tal-influwenza tagħhom, tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim innifsu biex ibiddel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu.” |
10 |
Il-formulazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet emendata mid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli jipprevedu issa restrizzjonijiet għad-dħul jew għat-tranżitu fuq it-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” sakemm ma jkunx hemm “biżżejjed informazzjoni li [dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”. |
11 |
Ir-Regolament 2015/1828 emenda, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 sabiex jinkludi fih il-kriterji ta’ inklużjoni l-ġodda ddefiniti mid-Deċiżjoni 2015/1836 u introdotti fid-Deċiżjoni 2013/255. |
12 |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas‑17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 6), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas‑17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 43 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-linja 293 tal-lista li tidher fl-Anness I, tat-Taqsima A (Persuni) tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Anness II Taqsima A (Persuni) tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“listi inkwistjoni”), |
13 |
Minn naħa, l-“informazzjoni ta’ identifikazzjoni” inkluża fil-listi inkwistjoni ssemmi li r-rikorrent huwa ta’ sess maskili, għandu n-nazzjonalità Sirjana u Libaniża u twieled fl‑14 ta’ Settembru 1955. Barra minn hekk, il-funzjonijiet tiegħu huma deskritti bħala “(s)id ta’ Sabra Maritime Agency; kap tal-Kunsill Sirjan-Tork ta’ Negozjanti; sieħeb fundatur ta’ Phoenicia Tourism Company; [u bħala] President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima fis-Sirja”. Fl-aħħar, “Phoenicia Tourism Company [LLC]” u “Sabra Maritime Agency” huma msemmija bħala “[q]raba/soċji kummerċjali/entitajiet jew sħab/konnessjonijiet” tar-rikorrent. |
14 |
Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma fformulati kif ġej: “Negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja b’diversi interessi ekonomiċi, speċjalment fis-settur marittimu u dak tat-turiżmu Bħala persuna ewlenija fit-trasport marittimu u soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf (sostenitur tar-reġim u kuġin ta’ Bashar al-Assad), Abdelkader Sabra jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, inkluż permezz ta’ kumpanniji offshore. Abdelkader Sabra jibbenefika wkoll mir-rabtiet tiegħu mar-reġim, li ppermettewlu jespandi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli. Huwa involut ukoll fil-ħasil tal-flus u attivitajiet kummerċjali b’appoġġ għar-reġim Sirjan u l-assoċjati tiegħu.” |
15 |
Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jipprovdilu, b’mod partikolari, kopji tal-informazzjoni u l-provi kollha li jsostnu l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. |
16 |
B’risposta għall-ittra tar-rikorrent imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, fis‑6 ta’ April 2020, il-Kunsill ikkomunikalu d-dokument bir-referenza WK 1755/2020 INIT, tat‑12 ta’ Frar 2020, li jinkludi l-provi insostenn tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. |
17 |
Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni skont l-atti inizjali u talab lill-Kunsill jirtira ismu mill-imsemmija listi. |
18 |
Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ żamma”). Skont id-Deċiżjoni 2020/719, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet estiża sal‑1 ta’ Ġunju 2021. Isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 293 tal-listi inkwistjoni abbażi ta’ raġunijiet identiċi għal dawk użati fl-atti inizjali. |
19 |
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni abbażi tal-atti ta’ żamma. Barra minn hekk, huwa informah li kien qiegħed jeżamina l-osservazzjonijiet u d-dokumenti li r-rikorrent kien ippreżentalu fl-ittra tiegħu tal‑4 ta’ Mejju 2020 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), li kien jeħtieġ, skont il-Kunsill, diversi ġimgħat ta’ xogħol fid-dawl tad-diversi argumenti mqajma insostenn tat-talba tiegħu kif ukoll tan-numru għoli ta’ dokumenti li jakkumpanjawha. |
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
20 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors li għandu bħala suġġett talba intiża għall-annullament tal-atti inizjali, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. |
21 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adatta r-rikors, b’mod illi dan huwa intiż ukoll għall-annullament tal-atti ta’ żamma, inkwantu dawn l-atti jikkonċernawh. |
22 |
Fit‑23 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill ippreżenta r-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, li tirrispondi wkoll għan-nota ta’ adattament. |
23 |
Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru u fid‑19 ta’ Novembru 2020, rispettivament. |
24 |
Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fid‑19 ta’ Novembru 2020. |
25 |
Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fid‑9 ta’ Ġunju 2021, talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet irrispondew għat-talba li jipproduċu dokumenti fit-terminu mogħti. |
26 |
Fis‑6 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent ippreżenta talba motivata, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex jikseb il-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mar-risposta kif ukoll sabiex xi punti tar-rikors u tar-risposta ma jiġux iċċitati fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkonferma li t-talba tiegħu għal ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku kienet limitata għad-dokumenti u għall-punti msemmija fl-ittra tas‑6 ta’ Settembru 2021, u dan ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta. |
27 |
It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta li saret fis‑16 ta’ Settembru 2021. |
28 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
29 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
A. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑annessi għat‑talba għal żmien għas‑sottomissjonijiet orali addizzjonali mressqa mir‑rikorrent
30 |
Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħtih żmien supplimentari għas-sottomissjonijiet orali fid-dawl tas-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021. Fil-kuntest ta’ din it-talba, huwa annetta żewġ ittri li huwa kien bagħat lill-Kunsill, l-ewwel waħda tat‑8 ta’ Marzu 2021 u t-tieni waħda tad‑9 ta’ Ġunju 2021. |
31 |
Il-produzzjoni ta’ dawn l-annessi ma tistax issir fil-kuntest tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi li, f’każijiet eċċezzjonali, li l-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent ma jindikax, fl-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Settembru 2021, li huwa kellu l-intenzjoni li jippreżenta l-ittri tat‑8 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ Ġunju 2021 skont din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, huwa ma jressaq ebda ġustifikazzjoni għad-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom. |
32 |
Għaldaqstant, l-ittri tat‑8 ta’ Marzu u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, annessi mat-talba għal sottomissjonijiet supplimentari tar-rikorrent, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
B. Fuq il‑mertu
33 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti. |
34 |
Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li ma huwiex negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, li ma huwiex marbut mar-reġim Sirjan, li ma jagħmilx parti miċ-ċirku limitat ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif iddefinit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, u ma jipprovdix appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim Sirjan, kemm jekk permezz ta’ kumpanniji stabbiliti barra mill-pajjiż kif ukoll bi kwalunkwe mezz ieħor. |
35 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u jsostni, essenzjalment, li l-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT u fid-dokument bir-referenza WK 7118/2020 INIT, tat‑23 ta’ Lulju 2020, juru li r-rikorrent huwa negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta l-argumenti li r-rikorrent jippreżenta sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta bejnu u r-reġim Sirjan. Fl-aħħar, il-Kunsill iqis li r-rikorrent isostni r-reġim Sirjan u jibbenefika minnu. |
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
36 |
Għandu jiġi rrilevat li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 119). |
37 |
Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121). |
39 |
Għal dan il-għan, ma huwiex rikjest li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li ġie mitlub l-annullament tiegħu. Madankollu, huwa importanti li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122). |
40 |
Jekk, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata fir-rigward tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124). |
41 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ inklużjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jifformaw parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 51, u tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13‑P, EU:C:2015:248, punt 50). |
42 |
Fl-aħħar, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tagħmel parti mill-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu dawn il-miżuri, mill-fatt li kien urġenti li jiġu adottati tali miżuri li għandhom bħala għan li joħolqu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf ir-repressjoni vjolenti diretta kontra l-popolazzjoni u mid-diffikultà sabiex jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja (sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Anbouba, C‑605/13, EU:C:2015:248, punt 46). |
2. Fuq ir‑raġunijiet ta’ iskrizzjoni u d‑determinazzjoni tal‑kriterji ta’ iskrizzjoni
43 |
Għandu jitfakkar li l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-persuni u l-entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim Sirjan jew li jappoġġjawh għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi. Bl-istess mod, l-Artikolu 27(2)(a) u (3) u l-Artikolu 28(2)(a) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, riprodotti, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-Artikolu 15(1a)(a) u (1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jipprevedu li l-kategorija tan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” hija suġġetta għal miżuri restrittivi, sakemm ma tkunx teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim jew li huma ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni. |
44 |
Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 14 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma fformulati kif ġej: “Negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja b’diversi interessi ekonomiċi, speċjalment fis-settur marittimu u dak tat-turiżmu. Bħala persuna ewlenija fit-trasport marittimu u soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf (sostenitur tar-reġim u kuġin ta’ Bashar al-Assad), Abdelkader Sabra jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, inkluż permezz ta’ kumpanniji offshore. Abdelkader Sabra jibbenefika wkoll mir-rabtiet tiegħu mar-reġim, li ppermettewlu jespandi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli. Huwa involut ukoll fil-ħasil tal-flus u attivitajiet kummerċjali b’appoġġ għar-reġim Sirjan u l-assoċjati tiegħu.” |
45 |
Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, imsemmija fil-punti 12 u 21 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi dedott li isem dan tal-aħħar ġie inkluż u miżmum fil-listi inkwistjoni minħabba, l-ewwel, l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja u, it-tieni, ir-rabta tiegħu mar-reġim Sirjan. Fi kliem ieħor, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent hija bbażata, minn naħa, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (kriterju ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja) u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim). |
3. Fuq il‑provi
46 |
Sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ipprovda d-dokument WK 1755/2020 INIT, li kien jinkludi informazzjoni pubblikament aċċessibbli, jiġifieri links, artikli tal-istampa u screenshots li ġejjin:
|
47 |
Barra minn hekk, il-Kunsill ipprovda d-dokument bir-referenza WK 7118/2020 INIT, tat‑23 ta’ Lulju 2020, li kien jinkludi informazzjoni pubblikament aċċessibbli, sabiex jissostanzja l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. |
48 |
Għandu jitfakkar li l-atti inizjali u l-atti ta’ żamma ġew adottati, rispettivament, fis‑17 ta’ Frar u fit‑28 ta’ Mejju 2020. |
49 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T-577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax jinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex jiġġustifika l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni u dak taż-żamma tiegħu, elementi li fuqhom huwa ma bbażax ruħu waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al Tarazi vs Il‑Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Peress li d-dokument bir-referenza WK 7118/2020 INIT ġie wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, dan għalhekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors. Konsegwentement, l-argumenti tal-partijiet li jibbażaw ruħhom fuq dan id-dokument ma jistgħux jintlaqgħu. |
51 |
Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrent, għall-ewwel darba, ipproduċa li 18 mill-provi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi ta’ elenkar li jikkonċernawh kienu antiki, peress li kienu datati qabel l-2015, jew ma kien fihom ebda indikazzjoni ta’ dati. |
52 |
Dan l-argument ġdid, li jidher li għandu jinftiehem bħala li jikkontesta l-affidabbiltà jew ir-rilevanza ta’ ċerti provi prodotti mill-Kunsill, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrent ma speċifikax il-provi li b’hekk kellu l-intenzjoni li jikkontesta l-affidabbiltà jew ir-rilevanza tagħhom, fatt li ma ppermettiex lill-Kunsill jiżgura d-difiża tiegħu fuq dan il-punt u ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2019, TN vs ENISA, T‑461/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:63, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-provi li hija tista’ tqis bħala dawk li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jikkritika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Broughton vs Eurojust, T‑87/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:464, punt 58). |
4. Fuq l‑istatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja
53 |
Għandu jiġi vverifikat jekk il-provi kollha prodotti mill-Kunsill jissodisfawx l-oneru tal-prova impost fuqu bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq u jikkostitwixxu għalhekk sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex tiġi ssostanzjata l-ewwel raġuni għal inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. |
54 |
Mir-raġunijiet ta’ inklużjoni, kif imfakkra fil-punti 14 u 44 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja huwa bbażat fuq l-interessi ekonomiċi tiegħu, l-ewwel, fis-settur marittimu, it-tieni, fis-settur tat-turiżmu u, it-tielet, f’setturi oħra. Għandhom jiġu eżaminati wkoll, f’dan il-kuntest, il-pożizzjonijiet differenti li jokkupa r-rikorrent. |
a) Fuq l‑interessi ekonomiċi tar‑rikorrent fis‑settur marittimu
55 |
L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li mis-siti tal-internet “Aliqatidi” u “Enab Baladi” jirriżulta li r-rikorrent għandu Sabra Maritime Agency. It-tieni, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Eqstad” u “al Arabiya News”, ir-rikorrent huwa l-proprjetarju ta’ AKSSA, impriża attiva fis-settur tat-trasport marittimu, speċjalizzata fl-amministrazzjoni u proprjetà ta’ bastimenti. Skont l-artiklu ppubblikat fuq “al Arabiya News”, din il-kumpannija għandha żewġ fergħat, ibbażati fl-Italja u fil-Greċja. It-tielet, skont l-artiklu ppubblikat fis-sit tal-internet “The Syria Report”, ir-rikorrent huwa d-Direttur Ġenerali ta’ Sabra Group, li jinkludi Riamar Shipping, li għandu tmien bastimenti rmiġġati fil-port ta’ Tartous. Fl-aħħar, ir-raba’, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet tal-aġenzija tal-istampa Reuters u fuq is-sit tal-internet tal-MEIRSS, ir-rikorrent huwa proprjetarju ta’ Yass Marine, stabbilita kemm fil-Libanu kif ukoll fis-Sirja. |
56 |
B’hekk, il-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT juru li r-rikorrent għandu diversi interessi ekonomiċi fis-settur marittimu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-provi ma jsemmu la Navi Wood u lanqas Abdulkader Sabra & Ahmad Mushir Sharif Shipping Agency, entitajiet li għalihom jirreferi r-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Issa, fid-dawl tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kunsill, kif imfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq, u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-affermazzjonijiet magħmula mir-rikorrent fil-kuntest tar-rikors sabiex jiġġustifika l-fondatezza tal-atti kkontestati. Konsegwentement, Navi Wood u Abdulkader Sabra & Ahmad Mushir Sharif Shipping Agency ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jintwera li r-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-settur marittimu. |
57 |
Fir-rigward tad-diversi interessi ekonomiċi tiegħu fis-settur marittimu, ir-rikorrent isostni li dawn issa huma issa negliġibbli, peress li l-impriżi kollha tiegħu ġew xolti, bl-eċċezzjoni ta’ AKSSA, li madankollu qiegħda tagħmel telf serju. |
58 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ AKSSA, ir-rikorrent ipproduċa, minn naħa, ir-rapporti finanzjarji ta’ din il-kumpannija għas-snin 2004, 2010, 2017, 2018 u 2019, awditjati minn A, u, min-naħa l-oħra, grafika li turi n-numru annwali ta’ nomini ta’ bastimenti għal din il-kumpannija matul dawn l-istess snin. |
59 |
Fl-aħħar, ir-rikorrent ippreżenta, fl-anness għar-replika, tabella li fiha kien hemm in-numru ta’ nomini ta’ bastimenti għal kull waħda mill-aġenziji marittimi Sirjani matul is-sena 2017. Din id-data toriġina, skont ir-rikorrent, mill-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana. Din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva li ġiet ipprovduta b’mod informali fuq talba. |
60 |
Il-Kunsill jikkontesta, essenzjalment, l-affidabbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrent. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li r-risposta għall-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji prodotti ġewx ivverifikati minn intervenjent indipendenti jew jekk ġewx sempliċement stabbiliti mir-rikorrent jew minn rappreżentant ta’ AKSSA ma tirriżultax b’mod ċar minnhom. L-istess jgħodd għall-grafika li turi n-numru annwali ta’ nomini ta’ bastimenti ta’ din il-kumpannija. |
61 |
Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, il-Kunsill iżid, fil-kontroreplika, li d-dokument prodott mir-rikorrent fl-anness tar-replika, li jikkonsisti f’kopja tar-repertorju tal-assoċjazzjoni Sirjana tal-professjonijiet tal-finanzi u tal-kontabbiltà, li fih jissemma A bħala awditur indipendenti, ma huwiex ta’ natura li juri li dawn ir-rapporti finanzjarji ġew ivverifikati minn awditur indipendenti jew li t-timbru li jinsab fl-imsemmija dikjarazzjonijiet finanzjarji huwa effettivament ta’ A. |
62 |
Fl-aħħar, fir-rigward tat-tabella maħruġa mill-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, il-Kunsill jirrimarka li dan id-dokument ma fih l-ebda marka uffiċjali li tippermetti lill-qarrej ikun jaf minn liema sors joriġina. Huma biss l-osservazzjonijiet tar-rikorrent li jistabbilixxu rabta bejn dan id-dokument u l-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana. |
63 |
Għandu jitfakkar li, konformement għall-ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-plawżibbiltà tal-informazzjoni inkluża fih u jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi ta’ kif ġie redatt u d-destinatarju tiegħu, u jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u huwa affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel, tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji prodotti mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li dan jipproduċi kopja tar-repertorju tal-assoċjazzjoni Sirjana tal-professjonijiet tal-finanzi u tal-kontabbiltà, li fiha jissemma A. Dan huwa għalhekk awditur indipendenti. |
65 |
Ċertament, isem A ma jidhirx fir-rapporti finanzjarji pprovduti mir-rikorrent. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tirrileva ebda irregolaritajiet manifesti jew indizji preċiżi li jippermettu li jiġi ddubitat il-fatt li dawn ir-rapporti finanzjarji ġew ivverifikati mill-awditur indipendenti A. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jsostnix l-eżistenza ta’ inkoerenzi fi ħdan dawn id-dokumenti ta’ natura li jċaħħadhom minn kull natura raġonevoli u affidabbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq. |
66 |
Fir-rigward, it-tieni, tal-grafika prodotta, ir-rikorrent ammetta, fir-replika, li wettaqha huwa stess. F’dan ir-rigward, din l-grafika hija bbażata fuq id-data dwar in-numru ta’ bastimenti nnominati għall-AKSSA inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, b’mod li l-fatt li r-rikorrent stess elaboraha ma għandu ebda impatt fuq in-natura raġonevoli u affidabbli tagħha. |
67 |
Fl-aħħar, fir-rigward, it-tielet, tat-tabella prodotta mir-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li, fl-assenza ta’ elementi fit-tabella li torbot id-data li tinsab fiha mal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, l-oriġini ta’ din id-data ma hijiex magħrufa. Barra minn hekk, in-numru ta’ bastimenti nnominati għal AKSSA skont din it-tabella huwa differenti minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ AKSSA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tabella ma jistax ikollha natura suffiċjentement sensibbli u affidabbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq, u għandha tiġi miċħuda. |
68 |
Min-naħa l-oħra, ir-rapporti finanzjarji u l-grafika jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. |
69 |
F’dan ir-rigward, il-qari tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ AKSSA kkomunikati mir-rikorrent juri li din il-kumpannija sofriet tnaqqis sinjifikattiv fin-numru ta’ bastimenti nnominati u tad-dħul nett tagħha. Fil-fatt, in-numru ta’ bastimenti maħtura għal din il-kumpannija naqas mill-145 fl-2004 għal 3 fl-2019. Bl-istess mod, id-dħul nett naqas, peress li għadda minn USD 652 831.44 (madwar EUR 591 654.38) fl-2004 għal USD 5 989.00 (madwar EUR 5 427.77) fl-2019. Madankollu, id-dħul nett jibqa’ pożittiv. Fi kliem ieħor, minn perspettiva ta’ kontabbiltà, il-kumpannija ma għandhiex telf. Barra minn hekk, in-numru ta’ bastimenti maħtura għal AKSSA fl-2018 kien ogħla minn dak tal-2017, anki jekk id-dħul nett naqas bejn dawn is-sentejn. Barra minn hekk, kif osserva l-Kunsill waqt is-seduta, l-ispejjeż marbuta mas-salarji ftit naqsu bejn l-2004 u l-2019, billi ssuġġerixxew, tal-inqas, ċerta stabbiltà fil-persunal impjegat. Bl-istess mod, l-ispejjeż marbuta mal-ilma u mal-elettriku żdiedu, li jixhed, tal-inqas, it-tkomplija tal-attività ta’ AKSSA. Fl-aħħar, għandhom jiġu kkunsidrati r-riżultati ta’ AKSSA fil-kuntest ġenerali tas-sitwazzjoni tas-settur marittimu Sirjan. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-artiklu ppubblikat fid‑9 ta’ Ottubru 2013 mill-aġenzija tal-istampa Reuters u intitolat “Syria’s shipping trade struggles as war risks bite” (Il-kummerċ marittimu fis-Sirja, milqut mir-riskji tal-gwerra, jaffaċċja diffikultajiet), prodott mir-rikorrent, in-numru ta’ bastimenti li jidħlu fil-portijiet Sirjani naqas ħafna minħabba l-kunflitt fis-Sirja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnaqqis fin-numru ta’ bastimenti nnominati għal AKSSA u fid-dħul nett tagħha ma jistax neċessarjament juri t-telf ta’ importanza tagħha fis-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi. |
70 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma rnexxielux jipprova li l-interess ekonomiku li tirrappreżenta għalih il-proprjetà ta’ AKSSA kien negliġibbli. |
71 |
Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Sabra Maritime Agency, u b’mod iktar preċiż mill-affermazzjoni tar-rikorrent li din il-kumpannija ġiet nazzjonalizzata, mill-qbid tal-iskrin li ħareġ mis-sit internet tal-Ministeru għat-Trasport Sirjan, li jinkludi deskrizzjoni tas-settur marittimu, prodott mir-rikorrent, jirriżulta li, mill‑1 ta’ Jannar 1981, l-aġenzija marittima tal-Gvern Sirjan saret l-uniku aġent għall-kumpanniji marittimi kollha, il-proprjetarji tal-bastimenti u t-trasportaturi lejn il-portijiet Sirjani. Mill-qari ta’ din id-deskrizzjoni, jista’ jiġi dedott li s-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi ġie nnazzjonalizzat fis-Sirja minn din id-data. Madankollu, jirriżulta wkoll li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 55 tal-2002 awtorizza l-iżvilupp ta’ attivitajiet fis-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi minn persuni fiżiċi u ġuridiċi għan-nomina ta’ bastimenti kummerċjali lejn il-portijiet Sirjani kemm fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll f’dak tat-trasport tal-merkanzija. Minn dan għandu jiġi dedott li, skont dan id-digriet leġiżlattiv, is-settur ta’ attività tal-aġenziji marittimi ġie pprivatizzat mill-2002. |
72 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-liċenzja ta’ Sabra Maritime Agency ġiet annullata wara n-nazzjonalizzazzjoni tagħha, peress li din il-kumpannija saret sussegwentement inattiva u fl-aħħar tħassret mir-reġistru tal-kummerċ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ipproduċa ittra tad-Direttorat tal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous tat‑28 ta’ Settembru 2020 li tipprovdi li ċerti ismijiet soċjali ma jidhrux fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. Dawn huma, b’mod partikolari, l-ismijiet tal-kumpanniji li ġejjin: Sabra Group, Sabra Maritime Agency u Yass Marine. |
73 |
Għandu jiġi kkonstatat li Sabra Maritime Agency hija waħda mill-ismijiet tal-kumpanniji msemmija fl-ittra ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrent ma rnexxielux juri li din l-aġenzija kienet ġiet innazzjonalizzata, huwa, madankollu, ipproduċa l-prova li ebda kumpannija li għandha dan l-isem ma kienet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. |
74 |
Issa, fin-nuqqas ta’ provi prodotti mill-Kunsill intiżi sabiex juru li Sabra Maritime Agency kienet ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous taħt isem differenti, il-konklużjoni fformulata fil-punt 73 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kunsill li, essenzjalment, l-ismijiet tal-kumpanniji inkwistjoni, “kif huma litteralment imsemmija” fl-ittra tad-Direttorat tal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous tat‑28 ta’ Settembru 2020, ma humiex irreġistrati fir-reġistru kummerċjali tad-Dipartiment ta’ Tartous. Bl-istess mod, fin-nuqqas ta’ elementi konkreti, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq il-fatt li l-isem tal-entitajiet jista’ jkollu ċerti varjazzjonijiet minħabba b’mod partikolari problemi ta’ traduzzjoni. |
75 |
Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ Riamar Shipping, li, skont ir-rikorrent, hija xolta, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-Riżoluzzjoni Nru 77 tad-Direttorattal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous tal‑20 ta’ Novembru 2018, prodotta mir-rikorrent, ir-referenza “Abdulkader Sabra bonarja Co (RIAMAR SHIPPING)”, li l-għan soċjali tagħha huwa l-ġestjoni tat-trasport marittimu, tneħħiet mir-reġistru tal-kummerċ b’mod partikolari minħabba x-xoljiment tiegħu bi ftehim bejn il-membri tiegħu tas‑27 ta’ Ġunju 2018. Barra minn hekk, mill-imsemmija riżoluzzjoni jirriżulta li Riamar Shipping huwa l-isem kummerċjali ta’ Abdulkader Sabra & Co. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li Abdulkader Sabra & Co., isem kummerċjali li għalih jikkorrispondi l-isem kummerċjali Riamar Shipping, ġie effettivament xolt. |
76 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent li Sabra Group ma teżistix, għandu jiġi kkonstatat li Sabra Group hija waħda mill-ismijiet tal-kumpanniji msemmija fl-ittra ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li ebda kumpannija li għandha dan l-isem ma hija rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. |
77 |
Barra minn hekk, il-Kunsill ressaq l-ipoteżi li Sabra Group hija, fir-realtà, Abdulkader Sabra bonarja Co. Madankollu, din l-allegazzjoni bl-ebda mod ma hija sostnuta. Fi kwalunkwe każ, mill-punt 75 iktar ’il fuq jirriżulta li Abdulkader Sabra & Co. ma għadhiex teżisti. |
78 |
Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ Yass Marine, li r-rikorrent jallega li qatt ma sema’, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li Yass Marine hija waħda mill-ismijiet soċjali msemmija fl-ittra ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li ebda kumpannija li għandha dan l-isem ma hija rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. Issa, kif ġie indikat fil-punt 74 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument, mhux sostnut, tal-Kunsill li, essenzjalment, l-isem tal-entitajiet jista’ jkollu ċerti varjazzjonijiet minħabba b’mod partikolari problemi ta’ traduzzjoni. |
79 |
Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni tar-reġistru kummerċjali Libaniż tad‑29 ta’ April 2020, prodotta bħala anness mar-replika, jirriżulta li ebda kumpannija li għandha l-isem Yass Marine ma hija rreġistrata fl-imsemmi reġistru. Il-Kunsill jikkontesta din id-dikjarazzjoni, sa fejn din tindika hija stess li r-reġistru jista’ jkun inkomplet. |
80 |
F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq tindika li l-attenzjoni tinġibed għall-fatt li “l-awtomatizzazzjoni [tad-data] hija inkompleta u [li] jista’ jkun hemm żbalji”. Għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa kumment ġenerali u standardizzat, b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ provi oħra, iċ-ċertifikazzjoni għandha tinftiehem bħala li tippreżenta, b’mod komplet, l-informazzjoni dwar Yass Marine li tinsab fl-imsemmi reġistru. |
81 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrent stabbilixxa li Abdulkader Sabra & Co., kumpannija li għaliha jikkorrispondi l-isem kummerċjali Riamar Shipping, ġiet xolta u li Sabra Maritime Agency, Sabra Group kif ukoll Yass Marine ma humiex irreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ tad-Dipartiment ta’ Tartous. Madankollu, minn dan jirriżulta wkoll li AKSSA kienet għadha attiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u li, għas-sena 2019, hija rreġistrat dħul nett pożittiv, b’tali mod li ma tistax titqies li hija kumpannija li qiegħda tagħmel telf. |
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, għalkemm ir-rikorrent wera li ma kellux iktar, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, diversi interessi ekonomiċi fis-settur marittimu, xorta jibqa’ l-fatt li huwa dejjem il-proprjetarju ta’ AKSSA, aġenzija marittima li għadha attiva u li ma jistax jirrappreżenta, għalih, interess ekonomiku negliġibbli. |
b) Fuq l‑interessi ekonomiċi tar‑rikorrent fis‑settur tat‑turiżmu
83 |
Mill-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet “Aliqtisadi” jirriżulta li r-rikorrent huwa soċju fundatur ta’ Phoenicia Tourism Company. Barra minn hekk, skont is-sit internet “The Syria Report”, Phoenicia Tourism Company, li r-rikorrent għandu 85 % tal-azzjonijiet tagħha, ġiet stabbilita fil‑5 ta’ Lulju 2012 f’Tartous fis-settur tal-iżvilupp tal-lukandi. Minn dan jirriżulta wkoll li l-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan ta lil Phoenicia Tourism Company kuntratt għall-iżvilupp u għall-ġestjoni ta’ lukanda erba’ stilel fuq il-gżira ta’ Rouad b’150 sodda u li l-ispiża tiegħu hija stmata għal SYP 700 miljun. |
84 |
Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent la jikkontesta l-involviment tiegħu f’Phoenicia Tourism Company u lanqas il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan. Għall-kuntrarju, il-provi mressqa mir-rikorrent jikkonfermaw l-importanza tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4 tal-kundizzjonijiet tekniċi u l-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ investiment, prodotti mir-rikorrent, dan il-proġett għandu jinkludi b’mod partikolari lukanda erba’ stilel b’150 sa 200 sodda, ristoranti u kafetteriji li jistgħu jservu bejn 700 u 900 alloġġatur, ċentru kummerċjali, sala tal-isport kif ukoll marina b’terminals tal-irmiġġ għal mill-inqas 20 dgħajsa, yachts u dgħajjes tal-kruċieri. Barra minn hekk, mill-avviż Nru 3 tal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan, mhux datat, li jinkludi s-sejħa għal offerti għall-investiment f’diversi siti fil-kuntest tas-seba’ forum ta’ investiment fis-settur tat-turiżmu, prodott mir-rikorrent, jirriżulta li l-ammont totali tal-ispejjeż ta’ investiment għal dan il-proġett huwa ta’ SYP 700 miljun. |
85 |
Konsegwentement, ir-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-settur tat-turiżmu. |
86 |
Madankollu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li Phoenicia Tourism Company ilha inattiva mill-2012. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ipprovda d-dikjarazzjonijiet fiskali ta’ din il-kumpannija għas-snin 2014 sa 2019. F’dawn id-dikjarazzjonijiet fiskali, huwa indikat li din il-kumpannija ma kinitx attiva matul dawn is-snin. |
87 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet fiskali. B’mod partikolari, minn naħa, huwa jirrileva li d-dikjarazzjonijiet dwar is-snin 2014 sa 2018 kienu kollha ttimbrati u ffirmati fl-istess jum mid-Direttorat tal-Finanzi ta’ Tartous. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tas-sena 2019 kienet iffirmata biss u ttimbrata minn uffiċjal pubbliku, u dan iqajjem dubji dwar jekk hija tesponix verament l-attivitajiet kummerċjali kif ġew ippreżentati lill-awtoritajiet fiskali f’dik is-sena. |
88 |
Skont ir-rikorrent, id-dikjarazzjonijiet dwar is-snin 2014 sa 2018 kienu ttimbrati u ffirmati fl-istess jum, peress li, peress li l-kumpannija baqgħet inattiva f’dawn is-snin, hija ma kellhiex l-obbligu li tagħmel dikjarazzjonijiet fiskali. Fl-2018, meta Phoenicia Tourism Company fittxet li ġġedded ir-reġistrazzjoni kummerċjali tagħha, id-Direttorat tal-Kummerċ Intern Sirjan kien talab ir-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali tagħha għall-ħames snin preċedenti. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni fiskali tal-2019, ir-rikorrent jipproduċi ċertifikat fiskali ffirmat u ttimbrat minn uffiċjal tal-kontabbiltà awtorizzat fis-Sirja u ffirmat minn Phoenicia Tourism Company. Siġill li jidher fl-aħħar tad-dokument jikkonferma li hija ġiet sottomessa lid-Direttorat tal-Finanzi ta’ Tartous fis‑17 ta’ Marzu 2020. Id-dikjarazzjoni fiskali, li minnha r-rikorrent jipproduċi garanzija ta’ validità, u ċ-ċertifikat fiskali ta’ din il-kumpannija għas-sena 2019 jikkonfermaw li hija ma wettqet ebda attività. |
89 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet fiskali ta’ Phoenicia Tourism Company relatati mas-snin 2014 sa 2018 ġew kollha ffirmati mid-Direttorat tal-Finanzi ta’ Tartous fid‑9 ta’ Lulju 2019. Għalkemm il-Kunsill jissuġġerixxi li din iċ-ċirkustanza tista’ tqajjem mistoqsijiet, huwa madankollu ma jiddeduċi l-ebda konsegwenza dwar in-natura raġonevoli u affidabbli tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent fir-rigward ta’ dan il-fatt, kif imsemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, jistgħu jitqiesu bħala plawżibbli. |
90 |
Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet fiskali juru li Phoenicia Tourism Company kienet inattiva qabel is-sena 2019. Dan huwa kkonfermat mill-ittra tal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan tal‑25 ta’ Frar 2020, dwar il-kuntratt ta’ investiment (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑25 ta’ Frar 2020”), prodotta mir-rikorrent. Fil-fatt, f’din l-ittra, l-imsemmi ministeru jirreferi għal ittri preċedenti, tat‑22 ta’ Lulju 2019, tal‑1 ta’ Ottubru 2019 u tal‑14 ta’ Jannar 2020, li fihom huwa kien talab lir-rikorrent sabiex jipprovdilu xogħol għaż-żmien iddettaljat sabiex jeżegwixxi l-proġett. Peress li l-eżekuzzjoni tal-proġett kienet għadha ma bdietx fl-2019, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat, mingħajr ebda prova kuntrarja prodotta mill-Kunsill, li l-kumpannija responsabbli għall-eżekuzzjoni tiegħu lanqas ma kienet attiva qabel is-sena 2019. |
91 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċa ebda prova intiża sabiex turi li din il-kumpannija kienet inattiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati jew, b’mod ġenerali, wara s-sena 2019. |
92 |
Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-dikjarazzjoni fiskali tal-2019 turi l-inattività ta’ Phoenicia Tourism Company matul is-sena 2019, dan l-istat ta’ fatt jikkontradixxi dak li jista’ jiġi dedott mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020. Skont din l-ittra, ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ investiment ġie ffirmat fl‑14 ta’ Lulju 2019. Wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim addizzjonali, il-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan talab lir-rikorrent jibgħat skeda ddettaljata sabiex jeżegwixxi l-proġett, u dan f’erba’ okkażjonijiet, permezz ta’ ittri tat‑22 ta’ Lulju u tal‑1 ta’ Ottubru 2019 kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar u tal‑25 ta’ Frar 2020. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, f’din l-ittra tal-aħħar, il-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan talab lir-rikorrent jipprovdi l-imsemmi impjieg tal-ħin kif ukoll informazzjoni oħra f’terminu ta’ għaxart ijiem mill-imsemmija ittra, li jirriżerva l-possibbiltà li jieħu azzjonijiet legali fil-każ ta’ assenza ta’ tweġiba, “skont id-dispożizzjonijiet tal-addendum għall-kuntratt iffirmat u debitament iċċertifikat”. |
93 |
Għalhekk, u fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni Sirjana bdiet teżiġi minn din il-kumpannija l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ investiment, l-iffirmar tal-ftehim addizzjonali għall-imsemmi kuntratt tal‑14 ta’ Lulju 2019 jikkostitwixxi indizju li Phoenicia Tourism Company kienet attiva f’din id-data. |
94 |
F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-affermazzjoni tar-rikorrent li tgħid li r-riferiment għall-emenda tal‑14 ta’ Lulju 2019 li tinsab fl-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal dokument intern tal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan, peress li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tirriżulta minn traduzzjoni eventwalment qarrieqa mill-Għarbi għall-Ingliż. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent ma sostniex din l-affermazzjoni. B’mod partikolari, huwa ma pprovdiex dettalji dwar dan id-dokument intern, bħalma huma l-kontenut jew l-għan tiegħu, ma spjegax fiex jikkonsisti dan l-iżball fit-traduzzjoni u ma tax preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020 jirriżulta b’mod ċar li l-ftehim addizzjonali tal‑14 ta’ Lulju 2019 huwa marbut mal-kuntratt. |
95 |
F’dan il-kuntest, u fl-assenza ta’ provi mressqa mir-rikorrent dwar is-sitwazzjoni ta’ Phoenicia Tourism Company fl-2020, dan tal-aħħar ma setax jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kunsill li din il-kumpannija kienet attiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
96 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma rnexxielux jikkontesta l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 85 iktar ’il fuq, li mill-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT jirriżulta li huwa għandu interessi ekonomiċi fis-settur tat-turiżmu. |
c) Fuq l‑interessi kummerċjali l‑oħra tar‑rikorrent
97 |
Mill-artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet “al Arabiya News” jirriżulta li AKSSA hija proprjetarja ta’ OVO, li tesporta ż-żejt taż-żebbuġa. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet “Al Janoubia”, ir-rikorrent huwa azzjonist ta’ Cham Holding u, skont dik ippubblikata fis-sit tal-internet tal-MEIRSS, huwa membru tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija. Fl-aħħar, is-siti tal-internet “Eqstad” u “al Arabiya News” jindikaw li r-rikorrent għandu fabbrika għall-produzzjoni ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall. |
98 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ OVO, ir-rikorrent jirrikonoxxi li din il-kumpannija kienet operattiva bejn l-2003 u l-2006, snin li matulhom hija esportat iż-żejt taż-żebbuġa lejn l-Italja u Spanja għal grupp importanti ta’ distribuzzjoni kbira. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li, meta dawn l-esportazzjonijiet waqfu, OVO saret inattiva u, sussegwentement, ġiet xolta. Huwa jippreċiża li hija ġiet stabbilita fit‑30 ta’ Mejju 2002 u llikwidata fis‑27 ta’ Ġunju 2018. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrent ipproduċa d-Deċiżjoni Nru 78 tad-Direttorat tal-Kummerċ Intern u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ta’ Tartous. Ċertament, din id-deċiżjoni hija mingħajr data, iżda jirriżulta b’mod ċar li r-reġistrazzjoni kummerċjali ta’ “Olive Virgin Oil Company (OVO Co.)” ġiet annullata wara l-istralċ ta’ din il-kumpannija fis‑27 ta’ Ġunju 2018. Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ argumenti kuntrarji ppreżentati mill-Kunsill, għandu jitqies li OVO kien xolt fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
99 |
Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Cham Holding, ir-rikorrent isostni li fl-2007 huwa kellu valur nominali żgħir ta’ azzjonijiet, li jirrappreżenta 0.00287 % tal-valur kontabbli ta’ din il-kumpannija, liema sehem huwa kien ċeda fl-2011. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ipproduċa ittra tal‑25 ta’ Awwissu 2011, indirizzata lill-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding, li fiha huwa ppreżenta r-riżenja tiegħu bħala membru ta’ din il-kumpannija. |
100 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li ittra ta’ riżenja ma hijiex il-mezz abitwali ta’ riżenja. |
101 |
Fir-replika, ir-rikorrent isostni li l-uniku mod kif iċedi l-azzjonijiet tiegħu f’din il-kumpannija fl-2011 kien il-preżentazzjoni ta’ ittra ta’ riżenja, peress li l-azzjonijiet f’din il-kumpannija tilfu l-valur tagħhom wara l-2012. Barra minn hekk, ir-rikorrent ipproduċa f’anness mar-replika ċertifikat ta’ azzjonijiet u lista tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, li fosthom ismu ma deherx. |
102 |
Għandu jiġi osservat li isem ir-rikorrent effettivament ma jidhirx fil-lista tal-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding. Madankollu, ir-rikorrent ma jurix li din ir-riżenja kienet twassal, ipso facto, għat-trasferiment tas-sehem tiegħu f’Cham Holding. L-argument tar-rikorrent li r-riżenja kienet l-uniku mezz sabiex iċedi l-azzjonijiet tiegħu, peress li dawn tilfu l-valur tagħhom wara l-2012, ma huwiex konvinċenti, peress li, fi kwalunkwe każ, huwa jallega li ċeda dan is-sehem qabel l-2012. |
103 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, ċertament, skont l-informazzjoni ppubblikata mill-aġenzija tal-istampa Reuters, l-istatus ta’ azzjonista ta’ Cham Holding tar-rikorrent huwa fil-passat, l-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Eqtsad” u “Al Janoubia” sempliċement jindikaw li r-rikorrent irtira minn din il-kumpannija wara l-adozzjoni ta’ “sanzjonijiet” fir-rigward ta’ din tal-aħħar mingħajr madankollu ma jippreċiża li huwa ttrasferixxa l-azzjonijiet li kellu hemmhekk. Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent, ma għandux jiġi eskluż li l-irtirar li jsir riferiment għalih f’dawn l-artikli jirreferi għar-riżenja tiegħu mill-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet “al Arabiya News”, ir-rikorrent sempliċement ippreżenta ruħu bħala li ma għadx għandu azzjonijiet f’din il-kumpannija. Fi kliem ieħor, dan l-aħħar sors ma jsostnix li r-rikorrent ma għadux azzjonist ta’ Cham Holding, iżda biss li huwa jallega dan. |
104 |
Fl-assenza ta’ provi prodotti mir-rikorrent intiżi sabiex juru li huwa ma kienx għadu azzjonist ta’ Cham Holding fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, għandu jitqies li dan tal-aħħar kien għadu azzjonista. |
105 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fabbrika għall-produzzjoni ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni tas-siti tal-internet “Eqstad” u “al Arabiya News” dwar din il-fabbrika huma partikolarment vagi, peress li la jispeċifikaw l-isem ta’ din il-fabbrika u lanqas id-data tal-ħolqien tagħha. Mistoqsi waqt is-seduta, il-Kunsill ma pprovdiex provi addizzjonali fir-rigward ta’ din il-fabbrika. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li ma ntweriex b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent huwa tassew il-proprjetarju ta’ tali fabbrika. |
106 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrent stabbilixxa li OVO kienet xolta fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Madankollu, huwa ma weriex li ma kienx għadu azzjonist ta’ Cham Holding. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ fabbrika għall-produzzjoni ta’ kontenituri tal-ħġieġ, tal-plastik u tal-metall li tagħhom ir-rikorrent huwa l-proprjetarju ma ġietx sostnuta biżżejjed mill-Kunsill. |
107 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent għandu interess kummerċjali, minbarra l-interessi ekonomiċi tiegħu fis-setturi marittimu u tat-turiżmu, li jirriżulta miż-żamma ta’ azzjonijiet f’Cham Holding. |
d) Fuq il‑pożizzjonijiet tar‑rikorrent f’diversi korpi u istituzzjonijiet
108 |
Mill-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Aliqtisadi”, “Eqtsad”, “Enab Baladi” u “al Arabiya News” jirriżulta li r-rikorrent huwa President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana u Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka. Il-kwalità ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana tar-rikorrent tirriżulta wkoll mill-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet “Syriandays”. Skont l-informazzjoni ppubblikata fuq is-siti tal-internet “Eqtsad” u “al Arabiya News”, ir-rikorrent huwa wkoll Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa. Fl-aħħar, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet “al Arabiya News” jindika li r-rikorrent kien l-ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja. |
109 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa rriżenja minn din il-pożizzjoni fi Frar 2019. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huwa jipproduċi r-Riżoluzzjoni Nru 198 tal-Ministeru għat-Trasport Sirjan, tat‑13 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni Nru 198”). F’din ir-riżoluzzjoni jissemma li saru elezzjonijiet fil-laqgħa ġenerali tal‑4 ta’ Frar 2019. Din ir-riżoluzzjoni tinkludi, barra minn hekk, lista tal-ismijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kamra, li fosthom ma tidhirx dik tar-rikorrent. Barra minn hekk, ir-rikorrent jipprovdi l-minuti tal-laqgħa annwali ta’ din l-awla li nżammet fil‑5 ta’ April 2019 (iktar ’il quddiem ir-“rendikont”), li fiha l-ismijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi eletti mill-ġdid ġew iċċitati, fosthom dak tal-President tagħha. Isem ir-rikorrent ma huwiex inkluż. |
110 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-provi prodotti mir-rikorrent ma jurux, kuntrarjament għal dak li huwa jsostni, li huwa rriżenja mill-kariga ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, dawn jikkonfermaw li huwa ma ġiex elett mill-ġdid għal din il-pożizzjoni. |
111 |
Sussegwentement, ċertament, kif irrileva l-Kunsill, l-informazzjoni li tinsab fir-Riżoluzzjoni Nru 198 u dik li tinsab fir-rendikont ma humiex identiċi. |
112 |
Madankollu, mistoqsi waqt is-seduta, ir-rikorrent indika, mingħajr ma ġie kontradett b’mod utli mill-Kunsill, li r-Riżoluzzjoni Nru 198 u l-minuti jikkorrispondu għal fażijiet differenti tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana. F’dan il-kuntest, il-minuti jirreferu għall-aħħar fażi tal-imsemmija proċedura, fatt li jispjega li n-numru ta’ persuni li jinsabu fih huwa ogħla minn dak tar-Riżoluzzjoni Nru 198. |
113 |
Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li waħda mis-sorsi ta’ informazzjoni li tinsab fid-dokument WK 1755/2020 INIT, jiġifieri s-sit tal-internet “Enab Baladi”, tirreferi għar-rikorrent bħala l-“ewwel” President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana, li jissuġġerixxi li ma kienx iktar preżenti waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
114 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma kienx għadu jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
115 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, ir-rikorrent isostni li huwa ma huwiex id-direttur u li dan il-korp, barra minn hekk, ġie xolt fl-2013. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent jipproduċi d-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ barrani Sirjan, tat‑23 ta’ Mejju 2013, li kienet tipprevedi x-xoljiment tal-“kmamar ta’ negozjanti Sirjani”. Din id-deċiżjoni kienet tipprevedi, barra minn hekk, li dawn il-kmamar kellhom jiġu rriformati fil-futur. |
116 |
Ċertament, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Kunsill, li d-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ Barrani Sirjan imsemmija iktar ’il fuq ma ssemmix, b’mod speċifiku, il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka. Madankollu, din id-deċiżjoni, li hija att ta’ portata ġenerali, tirrigwarda, fl-Artikolu 1 tagħha, il-kmamar ta’ negozjanti Sirjani, b’tali mod li l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
117 |
Barra minn hekk, l-artiklu tas-sit tal-internet “al Arabiya News” jindika li r-rikorrent kien direttur ta’ din il-kamra fl-2012, u b’hekk jissuġġerixxi li sussegwentement ma baqax iktar. |
118 |
Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi u tal-fatt li l-provi l-oħra prodotti mill-Kunsill sabiex juri li r-rikorrent kellu l-istatus ta’ Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka ma fihomx informazzjoni li tippermetti li jiġi kkunsidrat b’ċertezza suffiċjenti li l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka ġiet ikkostitwita mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 247, u li r-rikorrent ġie, mill-ġdid, innominat bħala direttur, jeżistu dubji dwar jekk ir-rikorrent kienx, b’mod suffiċjenti, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, id-Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Torka, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma weriex b’mod legali li r-rikorrent kien jokkupa tali pożizzjoni. |
119 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa, ir-rikorrent jafferma li ma għadux membru, u lanqas Viċi President, ta’ dan il-korp. Skont ir-rikorrent, din il-kamra ġiet xolta fl-2013. Barra minn hekk, ġie stabbilit kumitat ġdid wara l-2013, li jinkludi biss membri li joriġinaw minn Stati favorevoli għar-reġim Sirjan. |
120 |
Fir-rigward tal-allegat xoljiment tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, ir-rikorrent jirreferi, essenzjalment, għad-Deċiżjoni Nru 247 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Kummerċ barrani Sirjan, tat‑23 ta’ Mejju 2013, imsemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq. |
121 |
Madankollu, fir-replika, ir-rikorrent isemmi l-istabbiliment ta’bord ġdid fl-2013, li jissuġġerixxi li l-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa ġiet ikkostitwita mill-ġdid, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 247, ftit żmien wara x-xoljiment tagħha. |
122 |
Issa, sabiex isostni l-affermazzjoni tiegħu li huwa ma għadux jagħmel parti minn dan il-korp, ir-rikorrent jipproduċi screenshots tas-sit tal-internet tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa li tispjega l-kompożizzjoni ta’ din il-kamra. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument ma fih ebda data u li, mistoqsi dwar dan is-suġġett matul is-seduta, ir-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jagħti tali data, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi affermat li dan id-dokument jirrifletti sew il-kompożizzjoni tal-kamra kif kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għalhekk, ir-rikorrent ma sostniex b’mod suffiċjenti d-dikjarazzjoni tiegħu li huwa ma kienx għadu jifforma parti mill-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
123 |
Konsegwentement, ir-rikorrent ma kkontestax b’mod validu l-konstatazzjoni li tgħid li kien Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
124 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jiċħad il-kwalità tiegħu ta’ ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja u jsostni li huwa kien il-Konslu onorarju tat-Turkija f’Tartous mill‑1 ta’ Marzu 2009 sal-2020. Skont ir-rikorrent, din il-pożizzjoni kienet purament onorarja u ma kinitx issegwi għanijiet ekonomiċi u kummerċjali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jiddeskrivi, essenzjalment, ir-rwol ta’ konslu onorarju, li l-funzjonijiet tiegħu huma, b’mod partikolari, li jipprovdi servizzi konsulari u assistenza liċ-ċittadini tal-pajjiż li ħatru kif ukoll li jipparteċipa fil-promozzjoni kummerċjali tal-imsemmi pajjiż. |
125 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-unika prova prodotta mill-Kunsill sabiex juri li r-rikorrent huwa l-ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja huwa l-artiklu ppubblikat fit‑8 ta’ Ġunju 2018 mis-sit tal-internet “al Arabiya News”. Issa, dan l-artiklu ma jippermettix li jiġi affermat b’ċertezza suffiċjenti li r-rikorrent kien għadu hekk fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Fil-fatt, huwa jindika biss li r-rikorrent “kien” (was) tali ambaxxatur. B’paragun, dan l-artiklu jsemmi li r-rikorrent kien jifforma parti mill-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa sa mill-ħolqien tagħha. |
126 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma weriex suffiċjentement skont il-liġi li r-rikorrent kien dejjem ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
127 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent kien, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa. Min-naħa l-oħra, huwa rnexxielu juri li ma kienx għadu President tal-Kamra tan-Navigazzjoni Marittima Sirjana waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati Barra minn hekk, l-istatus ta’ Direttur tal-Kamra tal-Kummerċ Sirjana u r-rwol ta’ ambaxxatur onorarju tat-Turkija fis-Sirja ma ġewx issostanzjati biżżejjed mill-Kunsill. |
e) Konklużjoni dwar l‑istatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja tar‑rikorrent
128 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent huwa negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja minħabba l-interessi ekonomiċi tiegħu, b’mod partikolari fis-settur marittimu u fis-settur tat-turiżmu, kif ukoll minħabba l-pożizzjoni primarja tiegħu fil-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa. |
f) Fuq l‑assoċjazzjoni mar‑reġim Sirjan
129 |
Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill jista’ jinkludi l-ismijiet tan-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja biss jekk dawn tal-aħħar ikunu effettivament marbuta mar-reġim Sirjan, jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq dan tal-aħħar jew jippreżentaw riskju ta’ evitar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, anki fil-każ li jitqies li huwa persuna ta’ suċċess jew ewlieni li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja, huwa ma huwiex marbut mar-reġim Sirjan, u lanqas ma jagħmel parti miċ-ċirku ristrett ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, iddefinit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836. |
130 |
Madankollu, f’dan il-każ, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni seħħet fil-kuntest leġiżlattiv tad-Deċiżjoni 2013/255 kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni 2015/1836 b’mod partikolari introduċiet bħala kriterju ta’ inklużjoni oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti dak ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, b’tali mod li l-Kunsill ma għadux obbligat li juri l-eżistenza ta’ rabta bejn din il-kategorija ta’ persuni u r-reġim Sirjan, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/255 qabel l-emenda tagħha, u lanqas bejn din il-kategorija ta’ persuni u l-appoġġ mogħti lil dan ir-reġim jew il-benefiċċju miksub minn dan tal-aħħar, billi l-fatt li wieħed ikun negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja huwa suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ persuna. B’hekk, mid-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, bl-ebda mod ma jirriżulta li huwa l-Kunsill li għandu jipproduċi l-prova li kemm il-kundizzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ negozjant ewlieni kif ukoll dik ta’ rabtiet suffiċjenti mar-reġim huma kumulattivament issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C-241/19 P, EU:C:2020:545, punti 71 sa 74; tal‑4 ta’ April 2019, Sharif vs Il‑Kunsill, T-5/17, EU:T:2019:216, punti 55 u 56 (mhux ippubblikati), u d-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589, punt 56). |
131 |
F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-kriterju dwar il-kwalità ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” setgħet tiġi dedotta preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Sharif vs Il‑Kunsill, T‑5/17, EU:T:2019:216, punt 106, u d-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589, punt 60). Din il-preżunzjoni tapplika meta l-Kunsill ikun f’pożizzjoni li juri li l-persuna hija mhux biss negozjant li jopera fis-Sirja, iżda wkoll li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala ewlenija. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, hija l-influwenza li din il-kategorija ta’ persuni tista’ teżerċita fuq ir-reġim Sirjan li l-Kunsill għandu l-intenzjoni li jisfrutta billi jġegħelhom, permezz tal-miżuri restrittivi li jadotta fir-rigward tagħhom, jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu. B’hekk peress li l-Kunsill irnexxielu juri l-influwenza li negozjant jista’ jeżerċita fuq l-imsemmi reġim, ir-rabta bejn l-imsemmija persuna u r-reġim Sirjan hija preżunta. |
132 |
Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-osservanza tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova fil-qasam ta’ miżuri restrittivi mill-Qorti Ġenerali timplika li din tal-aħħar tosserva l-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq u mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il‑Kunsill (C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punti 48 sa 50), li jipprovdi li, essenzjalment, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-istituzzjoni fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-fondatezza tar-raġunijiet għal inklużjoni. |
133 |
Konsegwentement, ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent livell ta’ prova eċċessiv sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan. B’hekk, ir-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat li rnexxielu jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan jekk huwa jsostni argumenti jew provi li jistgħu jikkontestaw serjament l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill jew l-evalwazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, jew jekk huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji tal-ineżistenza jew tal-għajbien tar-rabta mar-reġim Sirjan, jew tal-assenza ta’ influwenza fuq l-imsemmi reġim jew tal-assenza ta’ assoċjazzjoni ma’ riskju reali ta’ evitar ta’ miżuri restrittivi, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Zubedi vs Il‑Kunsill, T‑186/19, EU:T:2020:317, punt 71). |
134 |
Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan, minħabba l-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrent, il-Kunsill jinvokax biss il-preżunzjoni ta’ rabta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 130 u 131 iktar ’il fuq. F’dan is-sens, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi prodotti mill-Kunsill u inklużi fid-dokument WK 1755/2020 INIT jippermettux li jiġu stabbiliti, b’mod espliċitu, ir-rabtiet bejn l-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrent u r-reġim Sirjan jew jekk il-Kunsill ibbaża ruħu biss fuq il-preżunzjoni ta’ rabta li għadha kif tfakkret. |
135 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward ta’ AKSSA, ebda waħda mill-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT ma tippermetti li tiġi stabbilita rabta partikolari bejn din l-aġenzija marittima, li, barra minn hekk, ma hijiex l-unika aġenzija tas-Sirja, u r-reġim Sirjan. |
136 |
It-tieni, fir-rigward ta’ Phoenicia Tourism Company, mis-sit tal-internet “The Syria Report”, u ġie kkonfermat mir-rikorrent, jirriżulta li hija ffirmat kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan. |
137 |
It-tielet, mid-dokument WK 1755/2020 INIT jirriżulta, b’mod partikolari mill-artikli li joriġinaw mill-aġenzija tal-istampa Reuters u mis-sit tal-internet “Al Janoubia”, li Cham Holding, li tappartjeni lil Rami Makhlouf, appoġġ tar-reġim Sirjan u kuġin ta’ Bashar Al-Assad, għandha rabtiet mar-reġim Sirjan. |
138 |
Fl-aħħar, ir-raba’, fir-rigward tal-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana, għandu jiġi rrimarkat li l-provi prodotti mill-Kunsill ma jippermettux li jiġi ddeterminat l-istatus tal-imsemmi Kamra tal-Kummerċ fir-rigward tar-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-provi ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni fir-rigward tar-rabtiet bejn il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa u r-reġim Sirjan. Għalhekk, id-dokument WK 1755/2020 INIT ma jippermettix li tiġi ddefinita r-rabta li teżisti bejn il-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent u r-reġim Sirjan. |
139 |
Konsegwentement, l-uniċi elementi, minbarra l-użu tal-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, imressqa mill-Kunsill sabiex tintwera r-rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan huma relatati, minn naħa, ma’ Phoenicia Tourism Company u, min-naħa l-oħra, ma’ Cham Holding. |
140 |
Issa, fir-rigward ta’ Phoenicia Tourism Company, minkejja li din l-impriża ffirmat kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie stabbilit fil-punt 179 iktar ’il quddiem, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, kif ukoll it-twettiq konkret tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, ma humiex ċari, b’tali mod li l-Kunsill, li fuqu jaqa’ l-oneru tal-prova, ma jistax jibbaża ruħu fuq dan il-kuntratt biss biex juri r-rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan, fis-sens iddefinit mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). |
141 |
Fir-rigward ta’ Cham Holding, ir-rikorrent wera li telaq mill-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija u li kien biss azzjonist fi ħdanu. Issa, ebda element ta’ prova pprovdut mill-Kunsill ma jispjega kif, minkejja t-tkeċċija murija mir-rikorrent, huwa żamm rabtiet partikolari ma’ Cham Holding jew ma’ Rami Makhlouf u, b’mod iktar ġenerali, mar-reġim Sirjan. |
142 |
Għalhekk, il-Kunsill jista’ jinvoka biss il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan sabiex jistabbilixxi r-rabta bejn ir-rikorrent u l-imsemmi reġim. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk l-elementi prodotti mir-rikorrent jippermettux li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan. |
143 |
F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrent intiżi li juru li ma huwiex marbut mar-reġim Sirjan, li huwa ma għandux influwenza fuqu u li ma jippreżenta ebda riskju ta’ evitar. |
144 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa telaq mis-Sirja sabiex jistabbilixxi ruħu fil-Libanu fl-2012 minħabba l-aġir tar-reġim Sirjan, li huwa oppost għalih. Wara l-2012, huwa mar biss darbtejn fis-Sirja. |
145 |
Għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrent ilu jgħix fil-Libanu sa mill-2012. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax neċessarjament li r-rikorrent ma għadux ikollu interessi ekonomiċi fis-Sirja jew li jkollu karigi f’korpi u istituzzjonijiet marbuta mal-ħajja ekonomika ta’ dan il-pajjiż. Issa, kif jirriżulta mill-punt 128 iktar ’il fuq, il-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji li juru, essenzjalment, li r-rikorrent għadu jkollu interessi ekonomiċi fis-Sirja. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-rikorrent mar fis-Sirja fl-okkażjoni tal-mewt ta’ ommu, dan ma jimplikax li huwa ma għamilx dan f’okkażjonijiet oħra. Barra minn hekk, in-numru ta’ drabi li mar fis-Sirja wara l-istabbiliment tiegħu fil-Libanu ma jistax ikun rilevanti, sa fejn ir-rikorrent jibqa’ jkollu interessi fis-Sirja. |
146 |
Fit-tieni lok, skont ir-rikorrent, l-oppożizzjoni tiegħu għar-reġim Sirjan kellha konsegwenzi negattivi għalih. B’mod partikolari, is-servizzi sigrieti Sirjani ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu wara t-tluq tiegħu mis-Sirja. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ipproduċa ċirkolari tad-dipartiment tal-Intelligence Pubblika Sirjan tal‑21 ta’ Ottubru 2014, li fiha huwa indikat, fir-rigward ta’ ċirkulari tat‑18 ta’ Ottubru 2014 li għandha bħala suġġett il-ftuħ ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ ċerti persuni, li r-rikorrent għandu jiġi eskluż minn din l-aħħar ċirkulari minħabba l-“waqfien tal-ġustifikazzjonijiet”. |
147 |
Il-fatt li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ investigazzjoni fl-2014 ma jistax jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, indizju li ma għandux rabtiet mar-reġim Sirjan. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li minn din l-investigazzjoni ġie eskluż biss tlett ijiem wara li ġie inkluż fiha u li mill-proċess ma jirriżultax li kienet ittieħdet kwalunkwe azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani fir-rigward tagħha matul dan il-perijodu qasir ta’ żmien. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent f’din l-investigazzjoni kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom ġie kkunsidrat li dawn ir-raġunijiet ma kinux għadhom jeżistu ma humiex speċifikati fid-dokument prodott mir-rikorrent. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jindika li s-servizzi sigrieti Sirjani ma jipprovdux motivazzjoni għall-“mandati ta’ arrest” tagħhom u li dawn id-dokumenti huma suġġetti għal-liġi marzjali. Minkejja li dawn il-preċiżazzjonijiet jidhru raġonevolment kredibbli, ir-rikorrent ma sostnihomx u ma pprovdiex spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li, fil-fehma tiegħu, jispjegaw il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, apparti r-rieda preżunta tar-reġim Sirjan li jippreġudikah. Fl-aħħar, barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jiġifieri sitt snin wara l-ħruġ ta’ dan il-mandat, ir-rikorrent ma kienx suġġett għal investigazzjoni min-naħa tad-dipartiment tal-Intelligence pubblika Sirjan. |
148 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni organizzazzjonijiet umanitarji u ċivili opposti għar-reġim Sirjan li jagħtu għajnuna u assistenza lir-refuġjati Sirjani. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-pajjiżi Ewropej sabiex jiddiskuti l-oppressjoni eżerċitata mir-reġim Sirjan. |
149 |
Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, l-ewwel, ir-rikorrent ipproduċa dikjarazzjoni tal‑20 ta’ April 2020 ta’ ex ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża fis-Sirja u tal-Ordni Sovran ta’ Malta fil-Libanu. F’din id-dikjarazzjoni, l-ex ambaxxatur indika li kien jaf lir-rikorrent waqt ir-residenza tiegħu fis-Sirja u li daħal f’relazzjonijiet amikevoli miegħu. Huwa jispjega, essenzjalment, li huwa sab ir-rikorrent fil-Libanu, wara l-2011, u li dan tal-aħħar wera interess qawwi għall-attivitajiet umanitarji mwettqa mill-Ordni Sovran ta’ Malta fil-Libanu favur refuġjati Sirjani, li għalihom huwa pprovda għajnuna finanzjarja. Fl-aħħar, huwa jirrimarka li, fl-okkażjoni tal-laqgħat tiegħu mar-rikorrent, dan tal-aħħar invoka “is-sitwazzjoni drammatika” tas-Sirja. Huwa jsostni li dejjem innota, fir-rigward tar-rikorrent, riżerva qawwija li tikkonċerna s-sistema eżistenti, li fir-rigward tagħha huwa spiss ifformula kritika kbira, bil-ħerqa jġiegħlu jerfa’ r-responsabbiltà tad-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-pajjiż. |
150 |
It-tieni, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑27 ta’ April 2020 minn persuna li taħdem għal organizzazzjoni umanitarja. [kunfidenzjali] ( 1 ) Għal dawn l-attivitajiet, minbarra d-deskrizzjoni li tinsab f’din l-ittra, ir-rikorrent jipprovdi iktar informazzjoni fir-replika. [kunfidenzjali] |
151 |
It-tielet, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑27 ta’ April 2020 minn persuna oħra, implikata f’organizzazzjoni umanitarja oħra. [kunfidenzjali] |
152 |
Ir-raba’, ir-rikorrent ipproduċa ittra tas‑27 ta’ April 2020 mibgħuta minn persuna terza. [kunfidenzjali] |
153 |
Il-ħames, ir-rikorrent isostni l-involviment tal-familja tiegħu fil-Phoenicia Maritime Training Centre. Essenzjalment, dan huwa stabbiliment ta’ taħriġ fil-qasam marittimu fis-Sirja bbażat fuq ibnu sabiex jopera bħala fornitur ta’ taħriġ għar-residenti żgħażagħ tal-gżira ta’ Rouad b’tariffa simbolika. F’dan ir-rigward, l-attivitajiet ta’ dan iċ-ċentru ma għandhomx skop ta’ lukru. Skont ir-rikorrent, dan iċ-ċentru joffri alternattiva għall-abitanti żgħażagħ tal-gżira ta’ Rouad, li jibżgħu li jiġu rreklutati għas-servizz militari jew li jiġu arrestati. B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrent isostni li l-abitanti tal-gżira ta’ Rouad huma kkunsidrati bħala opponenti tar-reġim, peress li jappartjenu għall-fergħa Sunnita tal-Iżlam. |
154 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent li, essenzjalment, jgħid li l-involviment tiegħu f’Phoenicia Maritime Training Centre għandu jinftiehem bħala li jixhed l-oppożizzjoni tiegħu għar-reġim Sirjan la huwa sostnut mill-kontenut taċ-ċertifikat tat‑23 ta’ Diċembru 2019 li jikkonferma l-akkreditazzjoni ta’ taħriġ tal-istabbiliment, u lanqas minn dak tal-lista ta’ tariffi tal-imsemmi stabbiliment tal‑1 ta’ Lulju 2020. Barra minn dan, ir-rikorrent ma pprovda l-ebda prova li ssostni l-allegazzjoni tiegħu. |
155 |
Sussegwentement, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju ta’ amministrazzjoni libera jew ta’ libertà tal-provi, li għandu jinftiehem bħala li huwa l-fakultà li juża, sabiex jipprova fatt partikolari, provi ta’ kull natura, bħal, b’mod partikolari, xhieda, provi dokumentarji u ammissjonijiet. Fl-istess ħin, il-qorti tal-Unjoni ddedikat prinċipju ta’ libertà ta’ evalwazzjoni tal-prova, li jgħid li d-determinazzjoni tal-kredibbiltà jew, fi kliem ieħor, tal-valur probatorju ta’ prova jitħalla għall-ġudizzju uniku tal-qorti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑558/15, EU:T:2018:945, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
156 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħall-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, id-destinatarju tiegħu, il-kontenut tiegħu, u għandu jiġi mistoqsi jekk, skont dawn l-elementi, l-informazzjoni li dan jinkludi tidhirx sensibbli u affidabbli (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑558/15, EU:T:2018:945, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
157 |
Fir-rigward b’mod iktar preċiż tat-testimonjanzi, l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tagħhom għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu kkonfermati mill-koerenza globali tagħhom u għandhom iktar piż peress li huma kkorroborati, fuq il-punti essenzjali tagħhom, mill-elementi oġġettivi l-oħra tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑562/12, EU:T:2015:270, punt 78). |
158 |
F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet forniti mir-rikorrent joriġinaw minn ex ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża u tal-Ordni Sovran ta’ Malta kif ukoll minn persuni f’pożizzjoni għolja fil-ġerarkija ta’ organizzazzjonijiet umanitarji. Din il-prova ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill. |
159 |
It-tieni, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi preżunt li l-awturi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom interess personali f’din il-kawża, u lanqas li għandhom rabtiet bejniethom, b’tali mod li ma jistax jiġi preżunt li huma ftehmu sabiex jipprovdu lir-rikorrent dikjarazzjonijiet konkordanti. Madankollu, dan ma ġiex allegat mill-Kunsill. |
160 |
It-tielet, id-destinatarju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet hija l-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-awturi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, u, b’mod iktar partikolari, l-ex ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża u tal-Ordni Sovran ta’ Malta, stabbilixxew dawn id-dokumenti b’għarfien sħiħ mhux biss tas-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbiliti mill-Unjoni fir-rigward tas-Sirja u tal-għan imfittex minnha, kif imfakkar fil-punti 2,5 u 9 iktar ’il fuq, iżda wkoll dwar il-kwistjoni li tirrappreżenta l-preżentata ta’ dan ir-rikors għar-rikorrent. |
161 |
Ir-raba’, l-erba’ dikjarazzjonijiet jaqblu fir-rigward tal-kontenut tagħhom. Huma kollha jiddeskrivu lir-rikorrent bħala apertament kritiku fir-rigward tal-politika mmexxija mir-reġim Sirjan u bħala li pprovda għajnuna finanzjarja lill-programmi implimentati sabiex jgħinu lir-refuġjati Sirjani. |
162 |
Il-ħames, fir-rigward tal-elementi oġġettivi li jinsabu fil-fajl li jikkorroboraw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 157 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ipproduċa skambji ta’ posta elettronika li juru li huwa kien f’kuntatt mas-segretarjat tal-ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża ta’ dak iż-żmien, li dak iż-żmien ma kienx dak li pprovda d-dikjarazzjoni, sabiex jorganizza laqgħa fl-2016 u li kien organizza ikla fl-2013 li għaliha ġew mistiedna l-Ambaxxatur tar-Renju ta’ Spanja ta’ dak iż-żmien, diplomatiku Spanjol ieħor u l-ambaxxatriċi tal-Unjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien għal-Libanu, din tal-aħħar wara li kkonfermat l-attendenza tagħha għall-imsemmija ikla. |
163 |
Fl-aħħar, is-sitt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma ressaq ebda argument intiż li jikkontesta l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent. |
164 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrikonoxxut li d-dikjarazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent huma raġonevoli u affidabbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 156 iktar ’il fuq. |
165 |
Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, dawn kollha jsemmu kritika kbira espressa mir-rikorrent fir-rigward tal-politika mmexxija mir-reġim Sirjan, iżda wkoll tal-għajnuna finanzjarja li huwa ta lil organizzazzjonijiet umanitarji li jsostnu r-refuġjati Sirjani. Barra minn hekk, dawn juru relazzjonijiet li r-rikorrent għandu ma’ rappreżentanti diplomatiċi ta’ Stati Membri tal-Unjoni u tal-Unjoni nnifisha. |
166 |
Ċertament, kif jindika l-Kunsill, ir-rikorrent ma pprovdiex informazzjoni addizzjonali dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet umanitarji li huwa jallega li jsostni, u lanqas dwar l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim Sirjan, minbarra dawk li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u mis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jallegax li l-organizzazzjonijiet umanitarji ma jeżistux. Għalhekk, peress li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-isem ta’ tali organizzazzjonijiet, huwa seta’ jipprovdi indizji intiżi sabiex juru li l-attivitajiet imwettqa minnhom ma kinux dawk deskritti mill-awturi tagħhom fid-dikjarazzjonijiet tagħhom jew mir-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu. |
167 |
Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li huwa probabbli li r-rikorrent ipprova jaħbi r-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan sabiex ma jipperikolax l-attivitajiet internazzjonali tiegħu u l-kuntatti tiegħu mas-sieħba Ewropej u dinjija tiegħu. B’hekk, ir-rikorrent ħa ħsieb li jwettaq attivitajiet karitattivi u li jippreżenta riżervi fir-rigward tal-iskema fir-relazzjonijiet li huwa għandu mal-kuntatti internazzjonali tiegħu. |
168 |
Waqt is-seduta, il-Kunsill indika lill-Qorti Ġenerali li l-artiklu tas-sit tal-internet “Eqstad” kien jikkostitwixxi prova li l-aġir tar-rikorrent kien intiż sabiex jaħbi r-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan. |
169 |
Madankollu, tali indizju ma jistax jitqies suffiċjenti sabiex tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni tal-Kunsill. Fil-fatt, dan l-artiklu, minn naħa, ma jittrattax ir-rabtiet tar-rikorrent ma’ organizzazzjonijiet umanitarji jew ma’ rappreżentanti ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni, iżda t-tluq tiegħu għal-Libanu, u, min-naħa l-oħra, ma huwa kkorroborat minn ebda prova oħra. |
170 |
Fl-aħħar, il-Kunsill ma ressaq ebda element intiż sabiex jiskredita l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent. Mistoqsi waqt is-seduta, il-Kunsill sempliċement sostna li dawn kellhom jiġu bbilanċjati mal-provi li huwa pproduċa, mingħajr ma pproduċa provi speċifiċi sabiex jikkontestahom. |
171 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet prodotti mir-rikorrent juru li dan tal-aħħar iddistanzja ruħu mir-reġim Sirjan u li huwa jiffinanzja missjonijiet umanitarji li kienu jgħinu lir-refuġjati Sirjani. |
172 |
Fir-raba’ lok, skont ir-rikorrent, ir-reġim Sirjan huwa partikolarment irritat li huwa kien rebaħ, permezz ta’ Phoenicia Tourism Company, is-sejħa għal offerti dwar l-iżvilupp turistiku tal-gżira ta’ Rouad, imbagħad irrifjuta li jinvesti sussegwentement u li jwettaq ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ lukanda. Skont ir-rikorrent, il-fatt li rebaħ din is-sejħa għal offerti ppermettielu, essenzjalment, li jirkupra l-kontroll fuq artijiet li kienu ġew esproprjati għad-detriment tal-familja tiegħu fl-1983. Madankollu, huwa ma għamel ebda investiment f’dan il-proġett, u dan wassal lir-reġim jheddu li jieħu azzjonijiet legali. |
173 |
Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jipproduċi, minn naħa, id-Digriet Nru 3053 tal-President Sirjan, rċevut mill-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan fl‑1 ta’ Jannar 1983, li l-Artikolu 1 tiegħu jipprevedi l-esproprjazzjoni ta’ artijiet fuq il-gżira ta’ Rouad sabiex jeżegwixxi proġett turistiku, u, min-naħa l-oħra, tliet dokumenti li jikkonċernaw artijiet fil-pussess ta’ ċerti persuni li l-kunjom tagħhom huwa Sabra. L-ewwel żewġ dokumenti, datati, rispettivament, il‑21 ta’ Jannar 1962 u l‑1 ta’ Marzu 1977, ma jsemmux isem ir-rikorrent. It-tielet dokument, redatt mid-direttorat tal-proprjetajiet immobbli ta’ Tartous fil‑25 ta’ Mejju 2006, isemmi isem ir-rikorrent. Fl-aħħar, ir-rikorrent jippreżenta dokument, mingħajr data, li l-art miżmuma min-nannu tiegħu kienet is-suġġett ta’ esproprjazzjoni fil-kuntest tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad. |
174 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ippreċiża, fir-replika, li mhux l-artijiet kollha miżmuma mill-familja tiegħu fuq il-gżira ta’ Rouad kienu suġġetti għal esproprjazzjoni, peress li wħud minnhom ma kinux jinsabu fuq il-parti tal-gżira li fuqha l-iskema kienet intiża li tiżviluppa l-proġett turistiku tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ipproduċa biss il-prova tal-esproprjazzjoni ta’ art li kienet tappartjeni lil wieħed mill-membri tal-familja tiegħu. |
175 |
Sussegwentement, ir-rikorrent ma jiċħadx li ħallas, f’Awwissu 2012, somma ta’ flus li tikkorrispondi għall-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ta’ ammont ekwivalenti għal 1 % tal-ispejjeż totali stmati marbuta mal-proġett, jiġifieri, skont ir-rikorrent, SYP 7 miljun, li kien jikkorrispondi għall-valur ta’ madwar EUR 88501. Dawn l-ispejjeż tħallsu bħala mhux rimborsabbli. Barra minn hekk, ir-rikorrent ipproduċa l-prova li huwa kien ħallas, f’Mejju 2013, garanzija għall-eżekuzzjoni tajba li kienet tammonta għal SYP 14316600 (madwar EUR 113732). |
176 |
Għandu jiġi rrikonoxxut li l-ħlas ta’ dawn is-somom ta’ flus jikkostitwixxi forma ta’ investiment fil-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, anki jekk ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li dan ma kienx l-investiment li r-reġim Sirjan kien qiegħed jistenna mingħandu. |
177 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma stabbilixxiex li r-rikorrent għamel ħlas ieħor jew għamel investiment ieħor fil-kuntest tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad. |
178 |
Fl-aħħar, kif ġie indikat, essenzjalment, fil-punt 90 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li Phoenicia Tourism Company kienet inattiva sal-2019. Ċertament, kif ġie rrilevat, barra minn hekk, fil-punt 95 iktar ’il fuq, il-possibbiltà li din l-impriża kienet attiva fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati ma tistax tiġi miċħuda. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 92 u 93 iktar ’il fuq, il-prova tal-attività ta’ din il-kumpannija hija marbuta mal-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020, li kienet thedded lir-rikorrent b’azzjonijiet legali f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tal-kuntratt. |
179 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrent huwa effettivament involut fil-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad u li huwa jinsab obbligat, sa mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020, li jeżegwixxih, iċ-ċirkustanzi li fihom huwa kkonkluda l-imsemmi proġett u t-twettiq konkret tiegħu ma humiex ċari. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma huwiex possibbli li jiġi affermat b’ċertezza li l-appellant ried biss jirkupra l-artijiet esproprjati li kienu jappartjenu lill-familja tiegħu, li seta’ jikkostitwixxi prova għall-finijiet tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, iżda li lanqas ma huwa possibbli li jiġi affermat li huwa għamel kollox sabiex jiżgura l-iżvilupp tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, kif mixtieq mir-reġim Sirjan. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrent ma bediex ix-xogħlijiet f’dan il-proġett għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu ma hija sostnuta bl-ebda mod. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet li wassluh jikkonkludi l-kuntratt dwar il-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad sabiex jikkonfuta l-imsemmija preżunzjoni. |
180 |
Fl-aħħar, fil-ħames lok, ir-rikorrent jiċħad, essenzjalment, l-allegata kundizzjoni tiegħu ta’ soċju mill-qrib tan-negozju ta’ Rami Makhlouf, appoġġ tar-reġim Sirjan u kuġin ta’ Bashar Al-Assad, persuna li magħha huwa ma kellu ebda kuntatt għal tnax-il sena. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrent isostni li l-informazzjoni li tinsab fid-dokument WK 1755/2020 INIT li tgħid li huwa assoċjat ma’ Rami Makhlouf fis-settur tal-ikel hija inkorretta. F’dan ir-rigward, huwa qatt ma eżerċita attivitajiet f’dan is-settur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ OVO. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li huwa ma pprovdiex servizzi lill-bastimenti responsabbli għat-trasport tal-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, l-uniku punt komuni li huwa jikkondividi ma’ Rami Makhlouf huwa l-fatt li t-tnejn li huma kellhom ishma f’Cham Holding. |
181 |
Mill-punt 106 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent wera li OVO kienet ġiet xolta fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent dejjem kellu, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti, ishma f’Cham Holding, li, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata mis-sit tal-internet tal-aġenzija tal-istampa Reuters u s-siti tal-internet “Eqstad”, “al Arabiya News”, “Enab Baladi” u “Al Janoubia”, kienu miżmuma minn Rami Makhlouf. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ Cham Holding.(ara l-punt 102 iktar ’il fuq), u b’hekk tindika r-rieda tagħha li titbiegħed mill-attivitajiet ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, ir-rieda tar-rikorrent li jitbiegħed minn Cham Holding, suġġett għal miżuri restrittivi mill-Unjoni u mill-Istati Uniti tal-Amerika, hija sostnuta mill-artikli li ġejjin mis-siti tal-internet “Eqstad”, “al Arabiya News” u “Enab Baladi”. |
182 |
Konsegwentement, billi wera li huwa ma jeżerċitax attivitajiet fis-settur tal-prodotti tal-ikel u li huwa tbiegħed minn Cham Holding, ir-rikorrent irnexxielu jikkontesta l-provi li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jikkunsidrah bħala soċju viċin tan-negozju ta’ Rami Makhlouf. |
183 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, ir-rikorrent jista’ jinvoka li wera li kien qiegħed jikkritika apertament lir-reġim Sirjan u kien finanzjarjament f’għajnuna lil organizzazzjonijiet umanitarji li jaġixxu favur ir-refuġjati Sirjani. Barra minn hekk, huwa kkontesta l-affermazzjoni li huwa soċju mill-qrib tan-negozju ta’ Rami Makhlouf, appoġġ tar-reġim Sirjan u kuġin ta’ Bashar Al-Assad. |
184 |
Kif jirriżulta mill-punt 133 iktar ’il fuq, waħda mill-possibbiltajiet għal rikorrent li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan hija li jipproduċi sensiela ta’ indizji tal-assenza ta’ influwenza fuq ir-reġim Sirjan. |
185 |
F’dan il-każ, fid-dawl tas-sensibbiltajiet politiċi tar-rikorrent, tal-għajnuna li huwa jagħti lill-organizzazzjonijiet umanitarji insostenn tar-refuġjati Sirjani u tat-tkeċċija tiegħu minn Rami Makhlouf, ma tantx jidher probabbli li huwa għandu rabtiet mar-reġim Sirjan. Konsegwentement, ma huwiex ċert li r-rikorrent jitwassal, minħabba l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu, li jeżerċita fuq ir-reġim Sirjan l-influwenza neċessarja sabiex tiżdied il-pressjoni fuq dan tal-aħħar sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu. |
186 |
Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li mill-provi prodotti mill-Kunsill jirriżulta li r-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-setturi marittimi u tat-turiżmu, b’mod partikolari, u li jokkupa pożizzjoni primarja fil-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa, xorta jibqa’ l-fatt li rnexxielu jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta eżistenti bejnu u r-reġim Sirjan. |
187 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, għalkemm l-istatus ta’ negozjant li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja huwa ppruvat, dan ma jistax japplika wkoll għan-natura ewlieni tiegħu. |
188 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel motiv għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, marbut mal-istatus ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt. |
5. Fuq l‑assoċjazzjoni mar‑reġim Sirjan
189 |
Għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent tikkostitwixxix prova suffiċjenti li huwa jagħti appoġġ lir-reġim Sirjan jew li huwa jibbenefika mill-politika mmexxija minn dan tal-aħħar. Tali evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu jekk huwa jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni medda ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim ikkonċernat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, Tri-Ocean Trading vs Il‑Kunsill, T‑709/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:459, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
190 |
Skont ir-raġunijiet ta’ iskrizzjoni mfakkra fil-punti 14 u 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, b’mod partikolari permezz ta’ kumpanniji barra mill-pajjiż u tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu, iżda wkoll minħabba l-attivitajiet tiegħu ta’ ħasil tal-flus, u jibbenefika minnha fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli. |
191 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li għalihom ir-rikorrent huwa kkunsidrat, mill-Kunsill, bħala li jappoġġja lir-reġim Sirjan u bħala li jieħu vantaġġ minnhom, jikkoinċidu ma’ dawk li wassluh sabiex jikkunsidrah bħala negozjant ewlenin li jopera fis-Sirja. |
192 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni ta’ ismha jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant ewlenin li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies bħala li tibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan jirriżulta preċiżament mill-fatt li, kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ lilu mogħti minn din il-kategorija ta’ persuni huma waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 77). |
a) Fuq l‑appoġġ ekonomiku u finanzjarju mogħti lir‑reġim Sirjan
193 |
Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirriżulta li dan tal-aħħar jipprovdi appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan permezz, minn naħa, tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-ħasil tal-flus. |
194 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrent, l-ewwel, il-motivi ta’ inklużjoni jsemmu l-istatus tiegħu ta’ “persuna ewlenija fit-trasport marittimu”. F’dan ir-rigward, fil-punt 81 iktar ’il fuq ġie stabbilit li r-rikorrent għandu biss AKSSA. Issa, anki jekk ma kienx nieqes mill-ebda importanza fis-settur tal-attività tal-aġenziji marittimi (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), is-sempliċi żamma ta’ din il-kumpannija ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrent huwa “persuna ewlenija fit-trasport marittimu”. Fil-fatt, minn qari flimkien tar-raġunijiet ta’ inklużjoni jirriżulta li huwa l-għadd kbir tal-interessi ekonomiċi tar-rikorrent fis-settur marittimu li wassal lill-Kunsill sabiex jikklassifikah b’dan il-mod. Madankollu, anki jekk jitqies li r-rikorrent huwa “persuna ewlenija fit-trasport marittimu” biss minħabba l-interess ekonomiku li tirrappreżenta AKSSA, għandu jiġi rrimarkat li l-Kunsill ma jispjegax kif huwa jsostni r-reġim Sirjan permezz ta’ AKSSA. Fi kwalunkwe każ, dan lanqas ma jirriżulta mill-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT. |
195 |
It-tieni, ir-raġunijiet jirreferu għall-appoġġ li r-rikorrent jipprovdi lir-reġim Sirjan bħala soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf. F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-artiklu ppubblikat minn Le Monde u mill-informazzjoni provenjenti mis-siti tal-internet “World Crunch”, “Eqstad”, “al Arabiya News” u mill-MEIRSS jirriżulta li r-rikorrent, implikat fil-kummerċ tal-prodotti tal-ikel ma’ Rami Makhlouf, ippermetta lir-reġim Sirjan jevita l-miżuri restrittivi, sa fejn l-embargo Ewropew ma jikkonċernax il-prodotti tal-ikel. |
196 |
Issa, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 98 iktar ’il fuq, l-entità tar-rikorrent li twettaq attivitajiet fis-settur tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri OVO, ma għadhiex teżisti. |
197 |
Sussegwentement, fir-rigward ta’ Cham Holding, li Rami Makhlouf huwa l-proprjetarju tagħha u li fiha r-rikorrent huwa azzjonist, mill-qari tal-provi prodotti mill-Kunsill, ma jidhirx li din l-impriża topera fis-settur tal-prodotti tal-ikel. |
198 |
Fl-aħħar, id-dokument WK 1755/2020 INIT ma jipprovdix preċiżazzjonijiet oħra dwar il-forma li tieħu l-assoċjazzjoni tar-rikorrent u ta’ Rami Makhlouf fis-settur tal-prodotti tal-ikel. |
199 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-appoġġ mogħti lir-reġim Sirjan permezz ta’ Cham Holding, li Rami Makhlouf hija l-proprjetarja tagħha u li fiha r-rikorrent huwa azzjonist, mill-artiklu ppubblikat mill-aġenzija tal-istampa Reuters u mis-siti tal-internet “al Arabiya News”, “Enab Baladi” u “Al Janoubia” jirriżulta li Cham Holding għandha rabta mar-reġim Sirjan. Madankollu, dawn l-artikli ma jispjegawx kif din l-impriża tagħti appoġġ finanzjarju jew ekonomiku lir-reġim Sirjan. |
200 |
Fl-aħħar, kif ġie stabbilit fil-punt 182 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ikkontesta b’mod validu l-istatus tiegħu bħala soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf. |
201 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma weriex, suffiċjentement skont il-liġi, li r-rikorrent jipprovdi appoġġ lir-reġim Sirjan minħabba l-istatus tiegħu ta’ soċju kummerċjali mill-qrib ta’ Rami Makhlouf. |
202 |
It-tielet, ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni jindikaw li r-rikorrent jipprovdi l-appoġġ ekonomiku u finanzjarju tiegħu lir-reġim Sirjan b’mod partikolari permezz tal-kumpanniji tiegħu bbażati barra mill-pajjiż. F’dan ir-rigward, mill-punti 81,96 u 106 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent għandu interessi ekonomiċi fis-Sirja minħabba AKSSA, ta’ Phoenicia Tourism Company u ta’ Cham Holding. L-unika entità li tinsab barra mill-pajjiż, b’mod iktar speċifiku fil-Libanu, li fiha r-rikorrent kellu, skont il-Kunsill, interessi hija Yass Marine. Issa, kif ġie indikat fil-punt 78 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li din l-impriża ma kinitx teżisti. Barra minn hekk, ċertament, mill-artiklu tas-sit tal-internet “al Arabiya News” jirriżulta li AKSSA għandha żewġ fergħat, waħda fil-Greċja u l-oħra fl-Italja, iżda dan ma huwiex ikkonfermat minn provi oħra u, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill jirreferi biss għall-attivitajiet imwettqa mir-rikorrent mil-Libanu sabiex isostni li huwa jipprovdi appoġġ lir-reġim Sirjan permezz tal-attivitajiet tiegħu mwettqa barra mill-pajjiż. Minn dan jirriżulta li l-parti tar-raġunijiet għall-inklużjoni li r-rikorrent jappoġġja lir-reġim Sirjan b’mod partikolari permezz ta’ kumpanniji bbażati barra mill-pajjiż ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt. |
203 |
Fl-aħħar, ir-raba’, peress li r-raġunijiet għall-inklużjoni jirrigwardaw l-attivitajiet kummerċjali l-oħra tar-rikorrent bħala li jistgħu jagħtu appoġġ finanzjarju u ekonomiku lir-reġim Sirjan, għandu jiġi eżaminat il-każ ta’ Phoenicia Tourism Company. F’dan ir-rigward, għalkemm ġie stabbilit, mingħajr ma ġie kkontestat, li r-rikorrent iffirma kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan għall-ġestjoni ta’ lukanda fuq il-gżira ta’ Rouad, il-Kunsill madankollu ma jispjegax sa fejn il-konklużjoni ta’ tali kuntratt tagħti appoġġ lir-reġim Sirjan. B’mod partikolari, il-ħlas ta’ somom ta’ flus bħala spejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ta’ garanzija għall-eżekuzzjoni tajba li seħħet fl-2012 u fl-2013 ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jiġifieri iktar minn seba’ snin wara l-imsemmi ħlas, il-Kunsill wera l-appoġġ finanzjarju mogħti mir-rikorrent. Barra minn hekk, il-provi li jinsabu fid-dokument WK 1755/2020 INIT ma jippermettux li jiġi stabbilit b’liema mod ieħor Phoenicia Tourism Company kienet tappoġġja lir-reġim Sirjan. |
204 |
Sa fejn huwa jaċċetta li jikkunsidra l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ Sirjana-Russa bħala attività kummerċjali, għandu jiġi rrilevat li d-dokument WK 1755/2020 INIT ma fih ebda informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju u ekonomiku li huwa jista’ jagħti lir-reġim Sirjan permezz ta’ din il-pożizzjoni. |
205 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-appoġġ li r-rikorrent jagħti lir-reġim Sirjan permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ ħasil tal-flus, għandu jiġi rrilevat li mill-informazzjoni li ġejja mis-siti tal-internet “Eqstad”, “al Arabiya News” u “Enab Baladi” jirriżulta li negozjanti Sirjani, bħar-rikorrent, kisbu n-nazzjonalità Libaniża sabiex jiftħu kontijiet bankarji fil-Libanu u sabiex ikunu jistgħu jgħinu lir-reġim Sirjan jittrasferixxi fondi. |
206 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, qabel kollox, li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz, peress li, essenzjalment, il-parti l-kbira tan-negozjanti Sirjani li kisbu n-nazzjonalità Libaniża ma kellhomx bżonnha, peress li kellhom diġà n-nazzjonalità ta’ pajjiżi oħra. Fi kliem ieħor, huwa ma kienx kiseb in-nazzjonalità Libaniża sabiex jgħin lir-reġim Sirjan jevita l-miżuri restrittivi. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent jikkostitwixxi dikjarazzjoni ġenerali, mhux sostnuta, li ma tistax, għaldaqstant, tintlaqa’. |
207 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent jinvoka l-allegazzjonijiet ta’ kuntrabandu ta’ kull att mir-reġim Sirjan sabiex juri li t-tluq tiegħu mis-Sirja għal-Libanu ma ġiex apprezzat mill-imsemmi reġim. Dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż li juri li r-rikorrent ma setax aġixxa għar-reġim Sirjan billi ħa n-nazzjonalità Libaniża. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li r-rikorrent ma rnexxielux iressaq indizji tan-natura falza ta’ dawn l-akkużi. Fil-fatt, mill-provi prodotti mir-rikorrent ma jirriżultax b’mod ċar li d-deċiżjoni ta’ sekwestru provviżorju Nru 932 tal-Ministeru għall-Finanzi Sirjan, tas‑6 ta’ Jannar 2013, kienet tikkonċerna l-importazzjoni ta’ karozzi użati li seħħet diversi snin qabel. F’dan ir-rigward, ma tista’ tiġi stabbilita ebda rabta bejn din id-deċiżjoni u d-dikjarazzjoni tal-wasla ta’ bastiment li jittrasporta vetturi użati tat‑18 ta’ Frar 2004. Il-provi l-oħra prodotti mir-rikorrent, jiġifieri l-konferma tal-għoti tal-avviż tat-tagħbija Nru 259 lill-awtoritajiet portwali tal‑25 ta’ Frar 2004 u d-dikjarazzjoni tas‑6 ta’ Marzu 2004 ta’ Almahaba Transit ċertezzi Company, lanqas ma jinkludu informazzjoni dwar dan is-suġġett. |
208 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie stabbilit fil-punt 171 iktar ’il fuq, ir-rikorrent wera li huwa kien iddistanzja ruħu mir-reġim Sirjan. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rikorrent qajjem dubju serju fir-rigward tar-raġunijiet li mmotivawh jikseb in-nazzjonalità Libaniża. Issa, peress li l-allegazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, kif imfakkra fil-punt 205 iktar ’il fuq, ma humiex sostnuti minn provi konkreti oħra, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma weriex, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li r-rikorrent appoġġja lir-reġim Sirjan permezz ta’ tali attivitajiet. |
209 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma weriex, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li r-rikorrent ipprovda appoġġ lir-reġim Sirjan. |
b) Fuq ilbenefiċċju miksub mir-r‑eġim Sirjan
210 |
Mir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni jirriżulta li huwa ħa vantaġġ mir-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan, fatt li ppermettielu jestendi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli. |
211 |
Huwa paċifiku bejn il-partijiet li din il-parti tar-raġunijiet għall-inklużjoni kienet prinċipalment relatata mal-fatt li r-rikorrent kiseb, permezz ta’ Phoenicia Tourism Company, kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan għall-użu ta’ artijiet għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ lukanda fuq il-gżira ta’ Rouad. |
212 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 83 iktar ’il fuq, il-Kunsill sostna b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-fatt li r-rikorrent, permezz ta’ Phoenicia Tourism Company, ikkonkluda kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan li jippermettilu l-iżvilupp u l-operat ta’ lukanda fuq il-gżira ta’ Rouad. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jikkontestax dan. |
213 |
Madankollu, ir-rikorrent jiċħad li jieħu vantaġġ mill-kuntratt konkluż mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan u jsostni, essenzjalment, li huwa xtaq, permezz ta’ dan il-kuntratt, jieħu l-kontroll fuq artijiet esproprjati li jappartjenu lill-familja tiegħu u li finalment huwa ma kienx investa fil-proġett ta’ kostruzzjoni tal-lukanda tal-gżira ta’ Rouad. |
214 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-motivi għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, kif imfakkra fil-punti 14 u 44 iktar ’il fuq, huwa neċessarju li l-Kunsill ikun wera b’mod suffiċjenti fid-dritt li huwa effettivament minħabba rabtiet mar-reġim Sirjan li huwa kiseb il-kuntratt mal-Ministeru għat-Turiżmu Sirjan. |
215 |
Issa, għalkemm huwa ammess bejn il-partijiet li r-rikorrent kiseb il-kuntratt wara sejħa għal offerti, mill-artiklu intitolat “Ministry of Tourism Awards New Contract to manage Arwad Hotel” (il-Ministeru għat-Turiżmu jagħti kuntratt ġdid għall-ġestjoni tal-lukanda ta’ Rouad), ippubblikat fis‑26 ta’ Novembru 2012 fuq is-sit tal-internet “The Syria Report”, u lanqas minn ebda prova oħra tad-dokument WK 1755/2020 INIT, li r-rikorrent kiseb il-kuntratt minħabba rabtiet partikolari mar-reġim Sirjan. Fi kliem ieħor, jekk il-Kunsill juri li l-kuntratt ġie konkluż, huwa ma jissostanzjax il-fatt li r-rikorrent kien, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, uża r-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan sabiex jirbaħ l-imsemmija sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat li s-sempliċi fatt li tirbaħ sejħa għal offerti, anki jekk dan wassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ ministeru għar-reġim Sirjan, huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżistu rabtiet li jippermettu lill-persuna kkonċernata tikseb vantaġġ mir-reġim Sirjan, fis-sens tal-Artikolu 27(1) u tal-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. |
216 |
Għaldaqstant, il-Kunsill ma weriex b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent ħa vantaġġ mir-rabtiet tiegħu mar-reġim Sirjan sabiex jikseb il-kuntratt marbut mal-iżvilupp tal-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad u b’hekk jestendi l-attivitajiet tiegħu fis-settur tat-turiżmu. |
217 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mill-Kunsill ma jippermettux li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent sabx vantaġġ mill-kuntratt hekk konkluż, barra mill-konklużjoni stess tal-imsemmi kuntratt. |
218 |
Tali provi kienu madankollu neċessarji, sa fejn, kif jirriżulta mill-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020, il-kuntratt kien għadu ma ġiex eżegwit b’mod sħiħ u ma kellux jiġi eżegwit qabel diversi xhur, u dan jipprekludi l-konklużjoni li r-rikorrent jibbenefika mill-politika mmexxija mir-reġim Sirjan fuq il-gżira ta’ Rouad fil-qasam tat-turiżmu. |
219 |
Barra minn hekk, kif ġie stabbilit fil-punt 179 iktar ’il fuq, għalkemm ma huwiex possibbli li jiġi ddikjarat b’ċertezza li r-rikorrent kellu l-intenzjoni biss li jirkupra l-artijiet esproprjati li kienu jappartjenu lill-familja tiegħu, lanqas ma huwa possibbli li jiġi ddikjarat li huwa kellu l-intenzjoni soda li jiżviluppa l-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad, u dan minkejja l-ittra tal‑25 ta’ Frar 2020. |
220 |
Fil-fatt, il-fatt li l-ittra tobbliga lir-rikorrent jipprovdi aġenda tax-xogħlijiet li huwa għandu jwettaq għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ħlief jekk jesponi ruħu għal azzjonijiet legali, ma jistax ikun suffiċjenti, waħdu, sabiex juri li r-rikorrent kellu effettivament l-intenzjoni li jimplimenta l-proġett turistiku tal-gżira ta’ Rouad. |
221 |
Għaldaqstant, il-Kunsill, li għandu l-oneru tal-prova, ma huwiex f’pożizzjoni li juri li r-rikorrent ipprova jikseb vantaġġ, u effettivament ħa vantaġġ mir-reġim Sirjan permezz tal-kuntratt konkluż ma’ Phoenicia Tourism Company. |
222 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill jirreferi wkoll għall-vantaġġi mogħtija mir-reġim Sirjan lir-rikorrent, hekk kif jirriżulta mill-artiklu tas-sit tal-internet “Eqstad”. Madankollu, għandu jiġi osservat li dan l-artiklu jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrent qabel u wara l-2011. Għalhekk, għalkemm huwa ċertament minnu li l-artiklu jindika li r-rikorrent kiseb vantaġġi qabel l-2011, huwa ma jindikax l-istess għall-perijodu ta’ wara l-2011. Għall-kuntrarju, anki jekk l-artiklu jibqa’ prudenti fir-rigward tan-natura tar-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan, huwa jsostni li r-rikorrent irtira minn Cham Holding u telaq fil-Libanu. Konsegwentement, l-artiklu tas-sit tal-internet “Eqstad” ma jistax jitqies li jsostni l-fatt li r-rikorrent ħa vantaġġ mir-reġim Sirjan fid-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
223 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ma ssostanzjax b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fatt li r-rikorrent jieħu vantaġġ mir-reġim Sirjan. |
6. Konklużjoni
224 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kunsill ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fondatezza tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni bbażat fuq l-istatus tiegħu ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, u lanqas dak tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ ismu fl-imsemmija listi bbażat fuq l-assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan. |
225 |
Għaldaqstant, il-motiv uniku tar-rikorrent għandu jintlaqa’. |
C. Konklużjoni fuq ir‑rikors u l‑effetti ratione temporis tal‑annullament tal‑atti kkontestati
226 |
Peress li l-motiv uniku jintlaqa’, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent. |
227 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill talab, fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet tiegħu, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2020/719 f’dak li jikkonċerna lir-rikorrent sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/716. |
228 |
Qabelxejn fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2020/716, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. |
229 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ appell, il-Kunsill għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tar-rikorrent. |
230 |
Sussegwentement, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2020/719, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2021, L 188, p. 90), issostitwixxiet il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 mid‑29 ta’ Mejju 2021 u estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sal‑1 ta’ Ġunju 2022. |
231 |
Għaldaqstant, illum, ir-rikorrent huwa s-suġġett ta’ miżura restrittiva ġdida. Minn dan isegwi li l-annullament tad-Deċiżjoni 2020/719, sa fejn din tirrigwardah, ma jwassalx għat-tneħħija tal-inklużjoni ta’ ismu mil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255. |
232 |
Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni 2020/719. |
Fuq l‑ispejjeż
233 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
234 |
F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Gervasoni Frendo Martín y Pérez de Nanclares Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Marzu 2022. Firem |
Werrej
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors |
|
II. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet |
|
III. Id‑dritt |
|
A. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑annessi għat‑talba għal żmien għas‑sottomissjonijiet orali addizzjonali mressqa mir‑rikorrent |
|
B. Fuq il‑mertu |
|
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
2. Fuq ir‑raġunijiet ta’ iskrizzjoni u d‑determinazzjoni tal‑kriterji ta’ iskrizzjoni |
|
3. Fuq il‑provi |
|
4. Fuq l‑istatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja |
|
a) Fuq l‑interessi ekonomiċi tar‑rikorrent fis‑settur marittimu |
|
b) Fuq l‑interessi ekonomiċi tar‑rikorrent fis‑settur tat‑turiżmu |
|
c) Fuq l‑interessi kummerċjali l‑oħra tar‑rikorrent |
|
d) Fuq il‑pożizzjonijiet tar‑rikorrent f’diversi korpi u istituzzjonijiet |
|
e) Konklużjoni dwar l‑istatus ta’ negozjant ewlenin li jeżerċita l‑attivitajiet tiegħu fis‑Sirja tar‑rikorrent |
|
f) Fuq l‑assoċjazzjoni mar‑reġim Sirjan |
|
5. Fuq l‑assoċjazzjoni mar‑reġim Sirjan |
|
a) Fuq l‑appoġġ ekonomiku u finanzjarju mogħti lir‑reġim Sirjan |
|
b) Fuq ilbenefiċċju miksub mir-r‑eġim Sirjan |
|
6. Konklużjoni |
|
C. Konklużjoni fuq ir‑rikors u l‑effetti ratione temporis tal‑annullament tal‑atti kkontestati |
|
Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Data kunfidenzjali eskluża.