This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0096
Judgment of the General Court (Fifth Chamber, Extended Composition) of 1 September 2021.#Gruppe Nymphenburg Consult AG v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark – Application for the EU word mark Limbic® Types – Absolute grounds for refusal – Decision taken following the annulment by the General Court of an earlier decision – Referral to the Grand Board of Appeal – Article 7(1)(b) of Regulation No 207/2009 (now Article 7(1)(b) of Regulation 2017/1001) – Error of law – Examination of the facts of the Office’s own motion – Article 95(1) of Regulation 2017/1001 – Res judicata – Article 72(6) of Regulation 2017/1001 – Composition of the Grand Board of Appeal.#Case T-96/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-1 ta’ Settembru 2021.
Gruppe Nymphenburg Consult AG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Limbic® Types – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Deċiżjoni meħuda wara li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni preċedenti – Rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001) – Żball ta’ liġi – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001 – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż.
Kawża T-96/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-1 ta’ Settembru 2021.
Gruppe Nymphenburg Consult AG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Limbic® Types – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Deċiżjoni meħuda wara li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni preċedenti – Rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001) – Żball ta’ liġi – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001 – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż.
Kawża T-96/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:527
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)
1 ta’ Settembru 2021 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Limbic® Types – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Deċiżjoni meħuda wara li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni preċedenti – Rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001) – Żball ta’ liġi – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 – Awtorità ta’ res judicata – Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001 – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż”
Fil-Kawża T‑96/20,
Gruppe Nymphenburg Consult AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kunze, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,
konvenut,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO tat‑2 ta’ Diċembru 2019 (Każ R 1276/2017‑G), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Limbic® Types bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),
komposta minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann (Relatur), U. Öberg, O. Spineanu-Matei u R. Mastroianni, Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2020,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2020,
wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet tat‑18 ta’ Novembru 2020,
wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fil‑15 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti, Gruppe Nymphenburg Consult AG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
2 |
It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Limbic® Types. |
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 35 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2014, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. |
5 |
Fid‑29 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tal-eżaminatur. |
6 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Huwa qies li s-sinjal Limbic® Types kien deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. |
7 |
Fis‑7 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 permezz ta’ rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑516/15. |
8 |
Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Gruppe Nymphenburg Consult vs EUIPO (Limbic® Types) (T‑516/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza ta’ annullament, EU:T:2017:83), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti u annullat id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, minħabba evalwazzjonijiet żbaljati tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. |
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017, il-każ intbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell Estiż, bir-referenza R 1276/2017‑G, sabiex dan jiddeċiedi mill-ġdid. Ir-rikorrenti ġiet informata b’dan ir-rinviju permezz ta’ komunikazzjoni tar-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell tat‑2 ta’ Awwissu 2017. |
10 |
Permezz ta’ komunikazzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018, il-Bord tal-Appell Estiż informa lir-rikorrenti li huwa kien iqis li r-raġunijiet assoluti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001 kienu jostakolaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u talabha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fil‑21 ta’ Settembru 2018. |
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell Estiż ċaħad l-appell. L-ewwel, huwa kkunsidra li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-provi li fuqhom l-Ewwel Bord tal-Appell ibbaża ruħu, fid-deċiżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Ġunju 2015, ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha karattru deskrittiv. Għaldaqstant, sa fejn qies li kienu jeżistu fatti u provi supplimentari, huwa kkonkluda minn dan li huwa kellu, bis-saħħa tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni, sabiex jiġi evalwat l-imsemmi karattru deskrittiv, huwa qabel kollox irrileva li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu intiżi għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-professjonisti tal-konsulenza lill-impriżi, tal-konsulenza dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani, tar-reklamar, tal-kummerċjalizzazzjoni, tar-riżorsi umani, tal-amministrazzjoni tal-impriża, tat-taħriġ professjonali, tal-isport professjonali, tal-formazzjoni, tad-divertiment u tal-kultura. Sussegwentement, huwa kkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tfisser “tipi limbiċi” u kkunsidra li din it-trade mark tinftiehem mill-pubbliku rilevanti Anglofonu bħala li tindika, essenzjalment, klassifikazzjoni tal-individwi skont profili jew tipi ta’ personalità stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni dwar is-sistema limbika. Fl-aħħar, mill-konstatazzjonijiet tiegħu huwa ddeduċa li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. It-tielet, huwa qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv. Konsegwentement, huwa ċaħad l-appell. |
It-talbiet tal-partijiet
12 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
13 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
14 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament u, is-sitt, fuq ksur tal-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament. |
Osservazzjonijiet preliminari
15 |
Fid-dawl tad-data ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑15 ta’ Novembru 2013, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt sostantiv applikabbli, din it-tilwima hija rregolata bid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
16 |
Konsegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet għall-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, b’kontenut identiku. |
17 |
Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata, skont id-data tal-avvenimenti kkonċernati, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolamenti Nru 207/2009 u Nru 2017/1001. |
Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali
18 |
Insostenn tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni tliet ilmenti. |
Fuq l-ewwel u t-tieni lment ibbażati fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tar-rinviju quddiem il-Bord tal-Appell Estiż
19 |
Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2017 tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell, li permezz tagħha l-każ intbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell Estiż, ma ġietx ikkomunikata lilha bħala tali, iżda li hija ġiet informata biss b’din id-deċiżjoni permezz ta’ komunikazzjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2017, bi ksur tal-Artikolu 165(3)(a), tal-Artikolu 166(4)(a) tar-Regolament 2017/1001, tal-Artikolu 35(1) u (4), u tal-Artikolu 37(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1). |
20 |
Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017 hija vvizzjata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit mill-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001, peress li r-raġunijiet għal dan ir-rinviju, previsti fl-Artikolu 165 tal-imsemmi regolament, ma kinux imsemmija fih. Hija żżid li tali motivazzjoni kienet iktar u iktar neċessarja peress li, minn naħa, l-Ewwel Bord tal-Appell, li kien adotta d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, kien kompost minn membru wieħed u li, min-naħa l-oħra, ma kienx possibbli li wieħed ikun jaf fuq liema bażi l-każ kien intbagħat lura lill-Bord tal-Appell Estiż. |
21 |
L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti, minħabba li dawn ma humiex diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda kontra d-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017, li ma tikkawżax preġudizzju lir-rikorrenti. Huwa jikkontesta wkoll il-fondatezza tiegħu u fir-rigward tat-tieni lment, in-natura effettiva, minħabba li r-raġunijiet tar-rinviju tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell Estiż kienu nġiebu għall-attenzjoni tar-rikorrenti fil-komunikazzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018 u li din kienet ġiet mistiedna tifformula osservazzjonijiet b’risposta għall-imsemmija komunikazzjoni. |
22 |
Skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, ir-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea jista’ jsir biss kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Fil-kuntest ta’ rikors bħal dan, huma ammissibbli biss motivi indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, EU:T:2005:200, punt 59, u tas‑16 ta’ Mejju 2019, KID-Systeme vs EUIPO – Sky (SKYFi), T‑354/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:333, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-irregolaritajiet invokati mir-rikorrenti huma ta’ natura li jaffettwaw id-deċiżjoni tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tas‑16 ta’ Ġunju 2017, iżda mhux id-deċiżjoni kkontestata. |
24 |
Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni lmenti tal-ewwel motiv huma inammissibbli. |
Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 169(1) tar-Regolament Nru 2017/1001
25 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż li adotta d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, minħabba li membru tal-imsemmi bord kien l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li adotta d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015. |
26 |
L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
27 |
Skont l-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, il-Membri tal-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jieħdu sehem fi proċedimenti ta’ appell jekk ikunu ipparteċipaw fid-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi appellata. |
28 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk għandha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, EU:T:2009:85, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irrifjutata permezz tad-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-EUIPO tat‑30 ta’ Mejju 2014 u li, fuq appell ippreżentat mir-rikorrenti, l-Ewwel Bord tal-Appell ikkonferma ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015. Issa, din l-aħħar deċiżjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza ta’ annullament, li saret definittiva, b’tali mod li ġiet irrevokata b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku. Konsegwentement, id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell, fis-sens tal-Artikolu 169(1) tar-Regolament 2017/1001, quddiem il-Bord tal-Appell Estiż ma hijiex id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, iżda d-deċiżjoni tal-eżaminatur tat‑30 ta’ Mejju 2014. |
30 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2018/625 jiddisponi: “Meta deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell fuq kawża tiġi annullata jew tinbidel permezz ta’ sentenza finali mill-Qorti Ġenerali […], il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu, bil-għan li jikkonforma ma’ dik is-sentenza skont l-Artikolu 72(6) tar-Regolament (UE) 2017/1001, jerġa’ jalloka l-kawża skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil Bord tal-Appell, li ma għandux jinkludi fih dawk il-membri li kienu adottaw id-deċiżjoni annullata, ħlief meta l-kawża tiġi riferita lill-Bord tal-Appell estiż […]” |
31 |
Għaldaqstant, sa fejn, f’dan il-każ, il-kawża ntbagħtet lura lill-Bord tal-Appell Estiż, dan seta’ jinkludi l-uniku membru tal-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015. |
32 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż li adotta d-deċiżjoni kkontestata ma kienet affettwata minn ebda difett ta’ natura li jivvizzja b’illegalità l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, it-tielet ilment u, għalhekk, l-ewwel motiv, għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata
33 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-awtorità ta’ res judicata, fid-dawl tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell Estiż ma kkonformax ruħu mal-obbligu tiegħu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, u li, konsegwentement, kiser l-awtorità assoluta ta’ res judicata marbuta mal-motivi u mad-dispożittiv ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, u mhux li l-Bord tal-Appell ma kienx stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi l-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark. Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-mertu, minn dan ir-rikorrenti ddeduċiet li l-Bord tal-Appell Estiż ma setax validament jipproċedi b’eżami ġdid tal-imsemmi karattru deskrittiv. |
34 |
L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 ġiet annullata, u mhux mibdula, mis-sentenza ta’ annullament, b’tali mod li l-imsemmija sentenza ma kinitx tobbliga lill-EUIPO jawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-osservanza tat-tqassim tal-kompetenzi li għandhom rispettivament il-Qorti Ġenerali u l-EUIPO, is-sentenza ta’ annullament ma tinkludix konstatazzjoni definittiva dwar il-kapaċità għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dwar l-eżistenza jew l-ineżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Mis-sentenza ta’ annullament jirriżulta biss li l-provi li fuqhom kienu bbażati l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Ewwel Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 kienu insuffiċjenti sabiex jiġi konkluż li t-trade mark kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. |
35 |
Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li l-obbligu ta’ eżami ex officio tal-fatti li huwa għandu skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 japplika, fir-rigward tar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, sad-data tar-reġistrazzjoni u li, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament 2017/1001, huwa jista’ jkompli, fi kwalunkwe mument qabel ir-reġistrazzjoni u fuq inizjattiva tiegħu stess, l-eżami ta’ raġuni assoluta għal rifjut jekk fatti ġodda li jirriżultaw minn osservazzjonijiet ta’ terzi, ta’ konstatazzjonijiet magħmula matul proċedura ta’ oppożizzjoni ulterjuri jew, bħal f’dan il-każ, wara sentenza ta’ annullament li saret finali, jiġġustifikaw dan. |
36 |
Fit-tielet lok, l-EUIPO jsostni li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż talli eżamina mill-ġdid il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li l-eżami mwettaq mill-imsemmi bord kien jirrigwarda punti ta’ fatt u provi differenti minn dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015. |
37 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li s-sentenza ta’ annullament ma kinitx is-suġġett ta’ appell, din saret definittiva. |
38 |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza diġà enfasizzat l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, bil-ħsieb li tiġi żgurata wkoll l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-EUIPO huwa marbut jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. |
40 |
Huwa stabbilit li, permezz tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, il-Bord tal-Appell kien irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat‑23 ta’ Ġunju 2015. |
41 |
Il-motivi li għalihom il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors, li jinsabu fil-punti 34 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament, huma dawn li ġejjin:
|
42 |
Kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk għandha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku. |
43 |
Barra minn hekk, l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew deċiżi effettivament jew neċessarjament mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Għalhekk, sabiex tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex tagħtiha eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat hija obbligata tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jkunu wasslu għalih u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa li hija illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Shoe Branding Europe vs EUIPO – adidas (Pożizzjoni ta’ żewġ strixxi paralleli fuq żarbun), T‑629/16, EU:T:2018:108, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
F’dan il-każ, wara s-sentenza ta’ annullament, l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur tat‑30 ta’ Mejju 2014 reġa’ sar pendenti quddiem l-EUIPO. Sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 72(6) tar-Regolament Nru 2017/1001, li jadotta miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-EUIPO kellu jara li l-appell iwassal għal deċiżjoni ġdida ta’ Bord tal-Appell. Il-Bord tal-Appell Estiż, li lilu ġiet irrinvijata l-kawża, informa lir-rikorrenti, permezz tal-komunikazzjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018, li huwa kien iqis li r-raġunijiet assoluti previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 kienu jostakolaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u li hija kienet awtorizzata teżamina mill-ġdid dawn ir-raġunijiet għal rifjut. |
46 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż, filwaqt li għamel riferiment għall-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, qabel kollox qies li l-EUIPO kien marbut bid-dispożittiv ta’ sentenza biss sa fejn il-fatti u l-kwistjonijiet legali li jsostnuh kienu identiċi. Huwa ddikjara wkoll li, fis-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-provi prodotti “sal-lum” ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u ċċita r-raġunijiet tas-sentenza ta’ annullament, estratti mill-punti 34, 45 sa 48 tagħha, li huwa qies li kienu ta’ natura li jsostnu din l-affermazzjoni. Peress li qies li huwa seta’ jibbaża ruħu fuq provi ġodda u jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, huwa ddeduċa minn dan li eżami ġdid tal-kapaċità għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien permess u neċessarju, sa fejn ir-raġunijiet deċiżivi tas-sentenza ta’ annullament ma kinux jipprekludu eżami mill-ġdid, abbażi ta’ provi ġodda, ta’ raġuni assoluta għal rifjut. Għaldaqstant, huwa qies li kien obbligat jeżamina mill-ġdid l-imsemmi motiv. |
47 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-eżaminaturi tal-EUIPO u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni. Minn dan isegwi li huma jistgħu jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq fatti li ma jkunux ġew invokati mill-applikant (sentenza tad‑19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C‑273/05 P, EU:C:2007:224, punt 38). |
48 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament 2017/1001, kif ukoll l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-Bord tal-Appell għandu d-dritt li jerġa’ jibda b’inizjattiva tiegħu, fi kwalunkwe mument qabel ir-reġistrazzjoni, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, jekk huwa jqis li dan ikun opportun, inkluż li jqajjem raġuni għar-rifjut tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkun għadha ma ġietx invokata fid-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Refan Bulgaria vs EUIPO (Forma ta’ fjura), T‑747/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:849, punt 21). |
49 |
Madankollu, l-EUIPO ma jistax jeżerċita l-kompetenzi li jagħtuh dawn id-dispożizzjonijiet ħlief b’osservanza tal-obbligu tiegħu, previst fl-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti tal-Unjoni. |
50 |
Għalhekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż kellu d-dritt li jwettaq eżami mill-ġdid ex officio tal-fatti sabiex jiddetermina jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni taqax jew le taħt raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġdid ex officio, huwa kien obbligat josserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha. |
51 |
F’dan ir-rigward, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell Estiż fid-deċiżjoni kkontestata u l-EUIPO fir-risposta, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza ta’ annullament, riprodotti fil-punt 41 iktar ’il fuq, li ċerti evalwazzjonijiet magħmula mill-Ewwel Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 ma kinux suffiċjentement issostanzjati jew ma kinux jippermettu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titqies li hija deskrittiva. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn ma kinux jippermettu li tiġi sostnuta l-konklużjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
52 |
Barra minn hekk, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament, imsemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-karattru deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li kkunsidrat li din tal-aħħar kienet nieqsa minnha u li, għaldaqstant, kien b’mod żbaljat li r-raġuni assoluta għal rifjut previst fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kien ġie invokat kontra r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
53 |
Konsegwentement, il-kwistjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala punt ta’ fatt u ta’ liġi li ġie effettivament deċiż mis-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-motivi li jinsabu fil-punti 45 sa 48 u 50 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament dwar l-assenza ta’ tali natura kienu determinanti sabiex isostnu l-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li annullat d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015 u jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju. Għaldaqstant, dawn huma koperti mill-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din is-sentenza. |
54 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tal-EUIPO li jgħidu li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza ta’ annullament, ma identifikatx b’mod eżawrjenti l-fatti rilevanti sabiex tevalwa l-kapaċità għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark, u lanqas mill-argumenti bbażati fuq il-portata tal-eżami ex officio tal-fatti previst fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, li jipprovdu li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni għandu jsir, bħala prinċipju, esklużivament abbażi tal-fatti u tal-provi stabbiliti mill-Bord tal-Appell. |
55 |
Fil-fatt, għalkemm, kif ġie kkonstatat, is-sentenza ta’ annullament tinkludi motivi li skonthom ċerti evalwazzjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell kienu insuffiċjentement sostnuti jew ma jippermettux li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titqies bħala deskrittiva, din is-sentenza tinkludi wkoll motivi li jippenalizzaw evalwazzjonijiet żbaljati fuq il-mertu min-naħa ta’ dan il-bord abbażi ta’ fatti stabbiliti. Għalhekk, permezz tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell kienet ivvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
56 |
Barra minn hekk, il-kompetenza ta’ eżami ex officio tal-fatti mogħtija lill-EUIPO ma tistax tippermetti lil dan tal-aħħar jikkontesta punt ta’ fatt u ta’ liġi li ġie effettivament deċiż mill-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-fatt li l-Bord tal-Appell Estiż ibbaża l-eżami tiegħu tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fuq punti ta’ fatt li l-Ewwel Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Ġunju 2015 ma huwiex ta’ natura li jċaħħad lill-awtorità ta’ res judicata mill-evalwazzjonijiet miġjuba mill-Qorti Ġenerali dwar in-natura deskrittiva mwettqa ta’ din it-trade mark fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza ta’ annullament. |
57 |
Barra minn hekk, l-argument tal-EUIPO bbażat fuq analoġija bejn il-portata tal-eżami tiegħu ex officio tal-fatti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni u ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba raġuni assoluta għal rifjut għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-fatt, invokat mill-EUIPO, li l-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha tikkonferma li l-leġiżlatur kien konxju tal-possibbiltà li, fil-mument tal-ewwel eżami tal-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut, il-fatti rilevanti kollha ma kinux neċessarjament magħrufa jew stabbiliti, ma jimplikax li l-EUIPO jista’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark, jikser l-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-Unjoni fuq il-karattru deskrittiv ta’ din it-trade mark, f’sentenza li annullat deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li ddeċieda fil-kuntest ta’ proċedura għal reġistrazzjoni. |
58 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba li din it-trade mark kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell Estiż kiser l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza ta’ annullament u għalhekk kiser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001. |
59 |
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jintlaqa’. |
Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
60 |
Ir-rikorrenti tikkontesta lill-Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, billi kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, hija ssostni li l-eżami tal-karattru distintiv ta’ din it-trade mark huwa bbażat fuq evalwazzjonijiet li diġà saru fil-kuntest tal-eżami tal-karattru deskrittiv tal-imsemmija trade mark kif ukoll fuq l-affermazzjoni li din it-trade mark hija deskrittiva. |
61 |
L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jirreferi f’dan ir-rigward għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. |
62 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, jekk jitqies li sinjal, suġġett ta’ applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, jitqies mill-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li kien iddeċieda l-EUIPO, bħala li ma jaqax taħt waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni tal-EUIPO li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark twassal neċessarjament lill-EUIPO, li jkollu jislet il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex jiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għat-trade mark inkwistjoni u sabiex jirrifjutaha jekk jikkunsidra li s-sinjal ikkonċernat jaqa’ taħt raġuni assoluta għal rifjut ieħor skont din l-istess dispożizzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Bang & Olufsen vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ loudspeaker), T‑508/08, EU:T:2011:575, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Fil-fatt, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Konsegwentement, il-Bord tal-Appell Estiż kien fondat, kif irrileva, li jeżamina fid-deċiżjoni kkontestata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li skontha ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv. |
65 |
Skont il-ġurisprudenza, ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu hija bbażata kull waħda minnhom. L-interess ġenerali li jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami ta’ kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista’, jew saħansitra għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skont ir-raġuni għal rifjut inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 46). |
66 |
Il-karattru distintiv ta’ trade mark jfisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il-prodott li għalih tkun qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li jkun ta’ provenjenza minn impriża partikolari u li għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkoinċidi, evidentement, mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert bit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 48). |
68 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, ċertament, is-sinjali deskrittivi msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 huma wkoll, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, nieqsa minn karattru distintiv u li, skont il-ġurisprudenza, jekk tal-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tas-sinjal tindika karatteristika tal-prodotti kkonċernati, is-sinjal huwa kklassifikat bħala deskrittiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll, konsegwentement, irrifjutat ir-reġistrazzjoni (ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punti 30 sa 32). |
69 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tiġi trasposta b’analoġija għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament meta l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jitqiegħed inkwistjoni għal raġunijiet oħra minbarra l-karattru deskrittiv tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, achtung! vs EUIPO, C‑214/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:632, punt 36). |
70 |
F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell Estiż irrileva li l-pubbliku rilevanti speċjalizzat jikkunsidra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li twassal messaġġ fattwali purament informattiv, u mhux bħala sinjal kummerċjali, għal pubblikazzjonijiet li jaqgħu fil-klassijiet 16 u 41, tas-servizzi fl-oqsma tad-divertiment, tal-isport u tal-kultura kif ukoll tat-taħriġ u tat-taħriġ kontinwu, li jaqgħu fil-klassi 41, u tas-servizzi fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-konsulenza lill-impriżi u tal-konsulenza dwar l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani, li jaqgħu fil-klassi 35, li tirrigwarda l-ħolqien jew l-użu ta’ profili tal-personalità bbażati fuq is-sistema limbika. |
71 |
Il-Bord tal-Appell Estiż żied li l-istess jgħodd għall-pubbliku professjonali tal-oqsma tal-kultura, tal-isport u tad-divertiment, li sempliċement jippreżumi li s-servizzi inkwistjoni jieħdu inkunsiderazzjoni l-għarfien l-iktar reċenti dwar it-tipi differenti limbiċi u jirrappreżentaw għalhekk valur miżjud meta mqabbla mas-servizzi tradizzjonali tal-istess tip. |
72 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż ċaħad argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Deutscher Ring vs UASI (Deutscher Ring Sachversicherungs‑AG) (T‑209/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:347), minħabba li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tikkonċerna sinjal u prodotti u servizzi differenti u li l-imsemmi sinjal jinftiehem bħala isem ta’ fantasija filwaqt li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kellu tifsira deskrittiva b’mod ċar. |
73 |
Fl-aħħar, il-Bord tal-Appell Estiż ikkunsidra li s-segwitu tal-kliem li jikkomponi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kien fih ebda bidla grafika jew semantika, b’tali mod li ma jippreżenta ebda karatteristika li tista’ tagħmel lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata kollha kemm hi, adatta sabiex tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra. |
74 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-motivi, imsemmija fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, li permezz tagħhom il-Bord tal-Appell Estiż ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinftiehem bħala messaġġ fattwali ta’ natura purament informattiva huma intiżi li jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, karattru deskrittiv eventwali ta’ din it-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ sservi, fil-kummerċ, sabiex tindika, b’mod partikolari, il-kwalità, l-użu intenzjonat jew ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
75 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż fakkar li huwa kien iqis li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha tifsira deskrittiva b’mod ċar. |
76 |
Fir-rigward tal-motiv imfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq, minn naħa, dan huwa bbażat fuq il-konklużjonijiet żbaljati tal-Bord tal-Appell Estiż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, huwa juri l-użu ta’ kriterju żbaljat sabiex jevalwa jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħetx tiġi rreġistrata, kriterju li jipprovdi li sinjal kompost minn elementi deskrittivi jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni jekk teżisti differenza perċettibbli bejn is-sinjal u s-sempliċi somma tal-elementi li jifformawha. Fil-fatt, filwaqt li dan il-kriterju jippermetti li jeskludi l-użu ta’ trade mark sabiex tiddeskrivi prodott jew servizz, huwa, madankollu, ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk trade mark tistax tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz li tindika. |
77 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell Estiż ma wettaqx eżami tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 indipendenti minn dik tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament, billi bbaża r-raġunament tiegħu fuq il-premessa tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u, konsegwentement, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż speċifikament li jipproteġi. B’dan il-mod, huwa wettaq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
78 |
Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’. |
79 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-ħames u s-sitt motivi, rispettivament ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2017/1001 u fuq ksur tal-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament. Lanqas ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni fis-sentenza ta’ annullament kellhom l-awtorità ta’ res judicata. |
Fuq l-ispejjeż
80 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Papasavvas Spielmann Öberg Spineanu-Matei Mastroianni Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Settembru 2021. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.