This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0003
Judgment of the General Court (Third Chamber) of 16 December 2020.#Forbo Financial Services AG v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark – Opposition proceedings – Application for the EU word mark Canoleum – Earlier international word mark MARMOLEUM – Relative ground for refusal – Late filing of the statement of the grounds of appeal – Inadmissibility of the appeal before the Board of Appeal – Request for restitutio in integrum – Sudden illness of the lawyer representing the applicant – Duty of due care – Probative value of the affidavit made by the lawyer.#Case T-3/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2020.
Forbo Financial Services AG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Canoleum – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti MARMOLEUM – Raġuni relattiva għal rifjut – Preżentata tardiva tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell – Inammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Applikazzjoni għal restutio in integrum – Marda f’daqqa tal-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrenti – Dmir ta’ diliġenza – Valur probatorju tad-dikjarazzjoni bil-ġurament magħmula mill-avukat.
Kawża T-3/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2020.
Forbo Financial Services AG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Canoleum – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti MARMOLEUM – Raġuni relattiva għal rifjut – Preżentata tardiva tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell – Inammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Applikazzjoni għal restutio in integrum – Marda f’daqqa tal-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrenti – Dmir ta’ diliġenza – Valur probatorju tad-dikjarazzjoni bil-ġurament magħmula mill-avukat.
Kawża T-3/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:606
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
16 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali Canoleum – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti MARMOLEUM – Raġuni relattiva għal rifjut – Preżentata tardiva tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell – Inammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Applikazzjoni għal restutio in integrum – Marda f’daqqa tal-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrenti – Dmir ta’ diliġenza – Valur probatorju tad-dikjarazzjoni bil-ġurament magħmula mill-avukat”
Fil-Kawża T‑3/20,
Forbo Financial Services AG, stabbilita f’Baar (l-Isvizzera), irrappreżentata minn S. Fröhlich, avukat,
rikorrenti,
kontra
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet
Windmöller GmbH, stabbilita f’Augustdorf (il-Ġermanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tad-9 ta’ Ottubru 2019 (Każ R 773/2019-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Forbo Financial Services u Windmöller,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, Z. Csehi u G. De Baere, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Jannar 2020,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2020,
wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fis-17 ta’ Mejju 2017, Windmöller Flooring Products WFP GmbH, il-predeċessur legali ta’ Windmöller GmbH, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Canoleum. |
3 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 19 u 27 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957 kif rivedut u emendat. |
4 |
L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 2017/122 tat-30 ta’ Ġunju 2017. |
5 |
Fis-27 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti, Forbo Financial Services AG, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. |
6 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali rreġistrata fil-11 ta’ Settembru 1997 bin-numru 683531, b’estensjoni tal-protezzjoni fl-Unjoni Ewropea u għal serje ta’ Stati Membri tal-Unjoni, tat-trade mark verbali MARMOLEUM, għal prodotti fil-klassijiet 19 u 27. |
7 |
Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001). |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, innotifikata fl-istess jum, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, minħabba, essenzjalment, li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 f’moħħ il-pubbliku rilevanti. |
9 |
Fid-9 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
10 |
Madankollu, ir-rikorrenti ppreżentat in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell biss fit-26 ta’ Ġunju 2019, jiġifieri barra mit-terminu previst mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001, li kien jiskadi fit-12 ta’ Ġunju 2019 f’nofsillejl. Ma’ din in-nota hija hemżet applikazzjoni għal restitutio in integrum skont l-Artikolu 104 tal-imsemmi regolament, li fiha hija sostniet, essenzjalment, li l-avukat li kien inkarigat mill-fajl tagħha waqt il-proċedimenti quddiem l-EUIPO (iktar ’il quddiem l-“avukat inizjali”) ma setax jippreżenta l-imsemmija nota fit-terminu stabbilit minħabba marda serja li kienet qabditu b’mod imprevedibbli. Sabiex issostni din l-allegazzjoni, hija ppreżentat żewġ dikjarazzjonijiet bil-ġurament, waħda mill-imsemmi avukat u l-oħra mill-konjuġi ta’ dan tal-aħħar. |
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ddikjara r-rikors għal restitutio in integrum ammissibbli, iżda ċaħdu bħala infondat. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li l-avukat inizjali “ma [kienx] ipprova b’mod suffiċjenti li huwa kien għamel dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata). |
12 |
B’mod iktar partikolari, fl-ewwel lok, wara li ammetta li, f’każijiet eċċezzjonali, marda f’daqqa setgħet tikkostitwixxi raġuni imprevedibbli li tiġġustifika restitutio in integrum (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Bord tal-Appell qies li l-avukat inizjali ma kienx ipproduċa prova suffiċjenti ta’ dik li huwa invoka, peress li d-dikjarazzjoni bil-ġurament tiegħu kif ukoll dik tal-konjuġi tiegħu kellhom biss valur probatorju limitat (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar preċiż, huwa kkritikah li ma pprovdiex ċertifikat mediku (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, huwa sostna li marda f’daqqa setgħet tirrappreżenta raġuni imprevedibbli biss jekk din kienet gravi sal-punt li tipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex tosserva t-terminu, bħal pereżempju tavża lil kollega tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat. Issa, f’tali każ, “[hemm] lok li jiġi preżunt li trattament mediku huwa fil-prinċipju […] meħtieġ” (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata). |
13 |
Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell akkuża lill-avukat inizjali li ma pprovdiex prova suffiċjenti li “lanqas biss kellu l-possibbiltà li jitlob lill-mara tiegħu ċċempel lil [kollega tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat] sabiex jinkarigah biex jiffirma u jibgħat in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell” (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata). |
14 |
Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell irrileva li ma kinitx teżisti prova suffiċjenti li, fit-12 ta’ Ġunju 2019, ebda kollega tal-avukat inizjali, li seta’ jiffirma u jibgħat minflok dan tal-aħħar in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell, ma kien preżenti fil-bini tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). |
15 |
Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx suffiċjentement ipprovat li, fit-12 ta’ Ġunju 2019, in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet diġà ffinalizzata u vvalidata mir-rikorrenti u, għaldaqstant, li l-marda invokata kienet realment il-kawża tal-qbiż tal-iskadenza tat-terminu (punti 23 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). |
16 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1). |
Talbiet tal-partijiet
17 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
18 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fid-dritt
19 |
Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 97(1)(f) tal-istess regolament. |
20 |
Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-avukat inizjali sab ruħu fl-impossibbiltà li jippreżenta n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell fit-terminu stabbilit minħabba marda gravi, akkumpanjata mis-sintomi ta’ avvelenament mill-ikel akut, li ġiet fuqu b’mod imprevedibbli, u dan minkejja li kien aġixxa bid-diliġenza meħtieġa miċ-ċirkustanzi. Hija tallega li l-provi li hija pproduċiet f’dan il-każ kienu suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat li jingħatalha r-restitutio in integrum u tikkunsidra li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell applika kriterji wisq stretti f’dak li jirrigwarda l-prova tal-fatti rilevanti. B’mod partikolari, hija tilmenta li ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u ċaħad “f’daqqa” id-dikjarazzjonijiet bil-ġurament li hija kienet ipproduċiet. |
21 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tesponi diversi argumenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-avukat inizjali aġixxa bid-diliġenza kollha neċessarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi. |
22 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-avukat inizjali huwa speċjalizzat fid-dritt tat-trade marks u għandu esperjenza professjonali ta’ iktar minn 20 sena. Hija tindika wkoll li l-uffiċċju tal-avukati li jappartjeni għalih għandu sistema ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tat-termini suffiċjentement affidabbli. Hija tispeċifika l-proċeduri u l-miżuri differenti implimentati f’dan ir-rigward. |
23 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti, filwaqt li tirreferi għad-dikjarazzjonijiet bil-ġurament tal-avukat inizjali u tal-konjuġi tiegħu, tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-qbiż tat-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell. Hija ssostni li dan it-terminu, li kien jiskadi fit-12 ta’ Ġunju 2019 f’nofsillejl, kien ġie debitament irreġistrat fil-kalendarji, elettroniċi u manuskritti, użati mill-uffiċċju tal-avukati kkonċernat għall-ġestjoni tat-termini u li, qabel din id-data, din in-nota kienet ġiet iffinalizzata, kienet intbagħtet lill-avukati li jirrappreżentawha fl-Isvizzera u kienet ġiet ivvalidata minnha stess. Hija tindika li l-uniċi membri tad-dipartiment legali tat-trade marks tal-uffiċċju inkwistjoni li kienu preżenti f’din id-data kienu l-avukat inizjali u l-impjegat inkarigat mill-każijiet tat-trade marks, peress li l-avukati l-oħra li jagħmlu parti minn dan id-dipartiment kienu fuq leave jew kellhom appuntament professjonali estern. Filgħodu, l-avukat inizjali talab lil din l-impjegata tipprepara n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell billi tehmeż l-annessi u l-lista tagħhom u mbagħad tgħaddihielu sabiex jiffirmaha. Eżatt wara, huwa pparteċipa f’diversi konferenzi telefoniċi, qabel ma kiel relattivament tard f’ristorant fil-viċinanzi tal-imsemmi uffiċċju. Meta kien qiegħed ilesti biex jitlaq minn dan l-uffiċċju wara l-jum tax-xogħol tiegħu, madwar il-5:00 pm, l-imsemmija impjegata staqsiet lill-avukat inizjali dwar din in-nota, li għalhekk kien indikalha li kien ser jiffirmaha u jibgħatha huwa stess lill-EUIPO. Madwar is-6:30 pm, l-avukat inizjali f’daqqa waħda ma ħassux f’siktu, fatt li pprekludih milli jiffirma l-imsemmija nota u milli jibgħatha lill-EUIPO u anki, minħabba l-gravità tas-sintomi li huwa ppreżenta, li jaħseb li jafda dawn il-kompiti lil terza persuna. L-għada, jiġifieri fit-13 ta’ Ġunju 2019, huwa rrealizza li ma kienx bagħat in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell lill-EUIPO. |
24 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-provi intiżi sabiex isostnu ċ-ċirkustanzi esposti fil-punt 23 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ċaħad “f’daqqa” iż-żewġ dikjarazzjonijiet bil-ġurament li hija kienet ipproduċiet, jiġifieri mingħajr ma wettaq evalwazzjoni globali suffiċjenti tal-kontenut tagħhom, mingħajr ma għamel ebda osservazzjoni dwar sa fejn l-imsemmi kontenut kien iddettaljat, sensat u globalment affidabbli, u mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, hija ssostni li ma kien hemm ebda prova oħra li tista’ ssostni l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet bil-ġurament li setgħu raġonevolment jintalbu f’dan il-każ. Hija ssostni li, b’mod iktar partikolari, ċertifikat mediku ma setax jiġi prodott peress li l-avukat inizjali, minħabba s-sintomi li kellu, ma kienx f’pożizzjoni li jikkonsulta tabib meta l-marda tiegħu mmanifestat ruħha f’daqqa. Fil-fehma tagħha, lanqas ma kien possibbli li tinkiseb tali dikjarazzjoni l-għada, peress li l-ebda tabib ma seta’ jiċċertifika l-marda li seħħet il-ġurnata ta’ qabel. Hija żżid li, f’moħħ l-imsemmi avukat, ma kien hemm ebda interess li tabib jiġi kkonsultat l-għada, peress li s-sintomi tal-marda kienu diġà iktar dgħajfa. |
25 |
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni bil-ġurament magħmula mill-konjuġi tal-avukat inizjali, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hija għandha biss valur probatorju limitat għar-raġuni li l-imsemmija konjuġi ma hijiex “terza persuna newtrali”. Hija ssostni li ma jistax jitqies li konjuġi awtomatikament għandha interess personali għall-kwistjonijiet relatati mal-ħajja professjonali tal-konjuġi tagħha u tenfasizza li d-dikjarazzjoni inkwistjoni hija dikjarazzjoni bil-ġurament fis-sens tal-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001. |
26 |
Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li marda tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tagħti lok għal restitutio in integrum biss jekk tkun ingħatat trattament mediku. Fil-fehma tagħha, fil-fatt, in-neċessità ta’ trattament mediku ma tikkostitwixxix ċirkustanza purament oġġettiva li l-prova tagħha tista’ tiġi prodotta faċilment. Għal raġunijiet differenti, bħar-reżistenza qawwija għall-uġigħ jew il-biża’ mill-korp mediku, ċerti persuni, anki jekk jippreżentaw sintomi serji, ma jikkonsultawx tabib. |
27 |
B’risposta għall-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-avukat inizjali ma pprovdiex provi suffiċjenti li lanqas biss kellu l-possibbiltà li jitlob lill-konjuġi tiegħu ċċempel lil wieħed mill-kollegi tiegħu tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat sabiex jinkarigah jiffirma u jibgħat minfloku n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell, ir-rikorrenti ssostni li tali prova setgħet tiġi prodotta biss permezz tad-dikjarazzjonijiet bil-ġurament prodotti f’dan il-każ. |
28 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-kwistjoni dwar jekk, fil-mument meta dehret il-marda tal-avukat inizjali, xi kollegi tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat kinux disponibbli sabiex jiffirmaw u jibagħtu minfloku n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell hija “ta’ natura purament ipotetika” u irrilevanti. Hija tallega li, fil-fatt, minħabba l-istat fiżiku tiegħu, l-imsemmi avukat assolutament ma kien f’pożizzjoni li jinforma lil ħadd. |
29 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li ma ġiex ipprovat b’mod suffiċjenti li l-marda tal-avukat inizjali kienet realment il-kawża tal-iskadenza tat-terminu. Hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem il-Bord tal-Appell, in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet diġà ffinalizzata u kellha biss tiġi ffirmata. Hija tqis li ma hemm ebda raġuni għalfejn għandu jiġi ddubitat il-kontenut tad-dikjarazzjoni bil-ġurament tal-imsemmi avukat f’dan ir-rigward u ssostni li ma setax jiġi rikjest, kif jagħmel il-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tippreżenta skambju ta’ posta elettronika bejn dan tal-aħħar u l-avukati li huma r-rappreżentanti tagħha fl-Isvizzera, peress li din hija korrispondenza kunfidenzjali bejn avukati. Fi kwalunkwe każ, meta seħħet il-marda tal-avukat inizjali, fis-6:30 pm, kien għad fadal kważi sitt sigħat qabel l-iskadenza tat-terminu, li matulhom l-imsemmija nota setgħet titlesta u tintbagħat. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tehmeż bħala anness mar-rikors skambju ta’ posta elettronika bejn l-uffiċċju legali kkonċernat u l-avukati li jirrappreżentawha fl-Isvizzera, minn fejn jirriżulta li dawn tal-aħħar kienu approvaw in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell sa mit-3 ta’ Ġunju 2019. |
30 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet l-oħra għar-restitutio in integrum kienu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li t-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell huwa terminu li jista’ jagħti lok għal restitutio in integrum. Hija tippreċiża li, peress li din ma ngħatatx, l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ din in-nota kellha bħala konsegwenza diretta t-telf tad-dritt tagħha ta’ appell, li ġie miċħud bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Delegat 2018/625. It-tieni nett, hija ssostni li, skont l-Artikolu 104(2) tar-Regolament 2017/1001, l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ġiet ippreżentata bil-miktub f’terminu ta’ xahrejn mit-tneħħija tal-impediment, ikkostitwit mill-fatt li saret taf, fit-13 ta’ Ġunju 2019, li l-imsemmija nota ma kinitx intbagħtet. L-att li ma twettaqx, f’dan il-każ il-preżentata tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell, sar fi żmien l-istess terminu. It-tielet nett, hija tindika li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum kienet motivata u li t-taxxa ta’ restitutio in integrum tħallset permezz tal-awtorizzazzjoni ta’ ħlas tal-25 ta’ Ġunju 2019, li waslet għand l-EUIPO permezz ta’ messaġġier fis-26 ta’ Ġunju 2019. Ir-raba’ nett, hija tallega li l-kawżi ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 104(5) tar-Regolament 2017/1001 ma kinux applikabbli f’dan il-każ. |
31 |
L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jsostni li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta ċaħad l-applikazzjoni għal restitutio in integrum u, għaldaqstant, iddikjara r-rikors inammissibbli. |
32 |
L-EUIPO jsostni li marda f’daqqa tista’ tirrappreżenta biss b’mod eċċezzjonali kawża imprevedibbli li tista’ tiġġustifika restitutio in integrum, peress li impriża normalment għandha torganizza ruħha b’mod li tipprevedi soluzzjoni alternattiva fil-każ ta’ mard. Huwa jsostni li, f’tali ipoteżi, iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-qbiż tat-terminu għandhom jiġu esposti b’attenzjoni partikolari u pprovati b’mod inkontestabbli. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement ippreżentat żewġ dikjarazzjonijiet bil-ġurament, li barra minn hekk huma waħda tal-persuna kkonċernata u l-oħra tal-konjuġi tagħha. |
33 |
L-EUIPO jikkontesta li l-Bord tal-Appell ċaħad globalment id-dikjarazzjoni bil-ġurament tal-avukat inizjali jew fundamentalment ikkontesta l-kredibbiltà tagħha. Huwa sempliċement osserva li, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tal-interess evidenti tal-awtur tagħha għas-suċċess tal-applikazzjoni għal restitutio in integrum, il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni tiegħu seta’ jkun biss limitat u għalhekk kellu jiġi kkorroborat minn provi addizzjonali. L-istess japplika f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni bil-ġurament tal-konjuġi ta’ dan l-avukat, li ma hijiex manifestament terza persuna newtrali. |
34 |
L-EUIPO jqis li tali provi addizzjonali setgħu faċilment jiġu prodotti. |
35 |
Għalhekk, ir-rikorrenti setgħet tipproduċi ċertifikat mediku. Fid-dawl tad-deskrizzjoni tas-sintomi li nħassu mill-avukat inizjali, kien jidher evidenti li kien hemm bżonn li wieħed imur immedjatament sabiex jirċievi kura medika ta’ emerġenza iktar milli, kif indikat fid-dikjarazzjoni bil-ġurament tiegħu, li “jmur lura d-dar bit-taxi, bi sforz kbir”. L-EUIPO jammetti li l-imsemmi avukat kien liberu li ma jirrikorrix għal għajnuna medika, iżda jqis li huwa kellu l-obbligu li jipproduċi provi li għandhom valur probatorju paragunabbli għal dak ta’ ċertifikat mediku, li jistabbilixxi oġġettivament il-gravità tal-allegata marda. |
36 |
L-EUIPO, filwaqt li jfakkar il-vjolenza tas-sintomi allegati, jiċħad bħala mhux realistiku l-affermazzjoni tar-rikorrenti li, l-għada, tabib ma kienx ikun f’pożizzjoni li jikkonstata l-marda invokata mill-avukat inizjali. |
37 |
L-EUIPO jsostni wkoll li kien faċli għall-avukat inizjali li jsostni l-allegazzjoni tiegħu li, il-lejla tal-iskadenza tat-terminu, ebda avukat, b’mod partikolari ebda wieħed mill-avukati tad-dipartiment tad-dritt dwar it-trade marks tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat, ma kien preżenti fl-imsemmi uffiċċju, u dan billi jipproduċi attestazzjoni li fiha dawn tal-aħħar jikkonfermaw li kienu effettivament assenti f’dak il-mument. Huwa jikkontesta li din id-domanda hija ta’ natura purament ipotetika. |
38 |
Bl-istess mod, skont l-EUIPO, kien faċli li tiġi ssostanzjata, matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, l-affermazzjoni li n-nota li tesponi l-motivi tal-appell kienet diġà ffinalizzata u vvalidata mir-rikorrenti jew mill-avukati li jirrappreżentawha fl-Isvizzera, b’mod partikolari billi tipproduċi skambju ta’ korrispondenza bejn l-avukat inizjali u dawn tal-aħħar, jekk ikun il-każ billi jinħbew is-siltiet kunfidenzjali. Il-fatt li l-korrispondenza prodotta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali tidher li tikkonferma li din in-nota kienet ġiet ivvalidata mir-rikorrenti sa mit-3 ta’ Ġunju 2019 ma jbiddel xejn mill-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx f’pożizzjoni li jkollu aċċess għal din il-prova. |
39 |
L-EUIPO jżid li, anki jekk jitqies li huma pprovati biżżejjed iċ-ċirkustanzi relatati mal-preżentata tardiva tan-nota li tesponi l-aggravji, fatti li tinvoka r-rikorrenti, in-nuqqas ta’ diliġenza kkritikat mill-Bord tal-Appell jibqa’ validu. Huwa jikkunsidra li s-sistema ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tat-termini fi ħdan uffiċċju tal-avukati għandha tieħu inkunsiderazzjoni tali inċidenti, u tiggarantixxi istituzzjonalment l-osservanza tat-termini permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni. F’dan il-każ, garanzija istituzzjonali ma kinitx ġiet assigurata, l-iktar tard, mill-mument li l-avukat inizjali sab ruħu waħdu fl-uffiċċju fil-jum tal-iskadenza tat-terminu. |
40 |
Fl-aħħar nett, l-EUIPO jqis li huwa kuntrarju għall-obbligu ta’ diliġenza l-fatt li ddewmet mingħajr raġuni apparenti t-trażmissjoni tan-nota li tesponi l-motivi tal-appell sa wara s-6:30 pm tal-istess jum tal-iskadenza tat-terminu meta n-nota kienet ilha lesta minn filgħodu. Huwa jikkunsidra wkoll bħala kompletament inspjegabbli li din in-nota ma ġietx ippreżentata l-għada, iżda biss ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-terminu. |
41 |
Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001, nota li tesponi l-aggravji tal-appell għandha tiġi ppreżentata bil-miktub fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. Konformement mal-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-Bord tal-Appell għandu jiċħad l-appell bħala inammissibbli meta din in-nota ma tkunx ġiet ippreżentata f’dan it-terminu. |
42 |
F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta, u huwa paċifiku bejn il-partijiet, li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet tat id-deċiżjoni tagħha fit-12 ta’ Frar 2019 u li, wara l-appell ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 mir-rikorrenti, din tal-aħħar kienet ippreżentat in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell biss fis-26 ta’ Ġunju 2019, jiġifieri ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur imsemmi fil-punt 41 iktar ’il fuq, li kienet seħħet fit-12 ta’ Ġunju 2019 f’nofsillejl. |
43 |
L-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 2017/1001, intitolat “Restitutio in integrum”, jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej: “1. L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark tal-UE jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f’pożizzjoni li ikunu konformi mat-terminu ta’ żmien fil-konfront tal-Uffiċċju minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk l-ostaklu għall-konformità jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju. 2. L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata bil-miktub fi żmien xahrejn mit-tneħħija tal-kawża ta’ non-konformità mat-terminu. L-att li ma jkunx sar għandu jsir fi żmien dan il-perjodu. L-applikazzjoni hija biss ammissibbli fi żmien sena immedjatament wara l-iskadenza tat-terminu mhux osservat. F’każ fejn it-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni ma tiġix sottomessa jew il-ħlas dovut għat-tiġdid ma jsirx, il-perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur msemmi fl-Artikolu 53(3), fit-tielet sentenza, għandu jitnaqqas mill-perjodu ta’ sena. 3. L-applikazzjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata u għandha tippreżenta l-fatti li fuqhom hija msejjsa. M’għandhiex titqies li ġiet preżentata qabel ma jsir il-ħlas dovut għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet. 4. Id-dipartiment li għandu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar l-att li ma jkunx sar għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. 5. Dan l-Artikolu m’għandux ikun applikabli għal-limiti ta’ żmien referuti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 46(1) u (3) u l-Artikolu 105.” |
44 |
Mill-proċess jirriżulta, u huwa paċifiku bejn il-partijiet, li, fost il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-benefiċċju tar-restitutio in integrum imsemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq, l-unika waħda li ġiet ikkunsidrata bħala mhux issodisfatta f’dan il-każ mill-Bord tal-Appell hija dik dwar il-fatt li l-parti għandha tkun għamlet dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi. |
45 |
Konformement mal-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001, id-dmir ta’ diliġenza jaqa’, l-ewwel nett, fuq l-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew fuq kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-EUIPO. Madankollu, jekk dawn il-persuni jiġu rrappreżentati, ir-rappreżentant huwa suġġett daqs dawn il-persuni għad-dmir ta’ diliġenza. Fil-fatt, peress li dan jaġixxi f’isem u fl-interess tal-applikant jew tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ta’ kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-EUIPO, l-atti tiegħu għandhom jitqiesu li huma dawk ta’ dawn il-persuni (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Renfe-Operadora vs EUIPO (AVE), T‑367/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:255, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-espressjoni “għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza interna tat-termini li teskludi b’mod ġenerali n-nuqqas ta’ osservanza mhux volontarja ta’ dawn. Minn dan isegwi li huma biss avvenimenti ta’ natura eċċezzjonali u, għaldaqstant, imprevedibbli skont l-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Constellation Brands vs UASI (COOK’S), T‑314/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:329, punt 19, u tal-5 ta’ April 2017, AVE, T‑367/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:255, punt 26). |
47 |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 104(1) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Fil-fatt, l‑osservanza tat-termini hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u r-restitutio in integrum ta’ terminu wara l-iskadenza tiegħu jista’ jimmina ċ‑ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, H. P. Gauff Ingenieure vs UASI – Gauff (Gauff JBG Ingenieure), T‑585/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:386, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma kkontesta r-rilevanza u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tat-termini użata mill-uffiċċju tal-avukati kkonċernat. Għalhekk huwa għalxejn li l-EUIPO, fir-risposta tiegħu, jikkritika lil dan l-uffiċċju li ma pprevediex, fl-imsemmija sistema, “garanzija istituzzjonali” li tiżgura l-osservanza tat-termini f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-vittma ta’ inċident f’daqqa ssib ruħha waħidha fl-uffiċċju fil-jum tal-iskadenza tat-terminu (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq tali allegat nuqqas ta’ diliġenza. |
49 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell lanqas ma qies bħala li jikkostitwixxi nuqqas ta’ diliġenza l-fatt li l-avukat inizjali ma bagħatx lill-EUIPO n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell qabel is-6:30 pm fl-istess jum tal-iskadenza tat-terminu minkejja li kienet diġà lesta filgħodu u lanqas il-fatt li huwa ppreżenta l-imsemmija nota biss ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-terminu, u mhux l-għada tal-inċident. Għalhekk huwa inutli wkoll li l-EUIPO jinvoka dawn iċ-ċirkustanzi fir-risposta. |
50 |
Fir-realtà, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell telaq mill-premessa, kompletament korretta, li tgħid li, f’każijiet eċċezzjonali, marda f’daqqa tista’ tikkostitwixxi avveniment imprevedibbli li jiġġustifika l-għoti ta’ restitutio in integrum (ara l-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, huwa kkunsidra, essenzjalment, li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat suffiċjentement l-eżistenza u l-gravità tal-marda invokata mill-avukat inizjali u lanqas, fi kwalunkwe każ, li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet diġà ffinalizzata u vvalidata meta seħħet din il-marda. B’mod iktar preċiż, huwa qies li l-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal restitutio in integrum, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet bil-ġurament tal-imsemmi avukat u tal-konjuġi tiegħu, ma kinux suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti l-imsemmija fatti. |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dikjarazzjoni bil-ġurament tikkostitwixxi prova ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal-informazzjoni inkluża fih. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja u tad-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa sensat u affidabbli (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2017, Les Éclaires vs EUIPO – L’éclaireur International (L’ECLAIREUR), T‑680/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:320, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Barra minn hekk, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod partikolari mis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauff JBG Ingenieure (T‑585/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:386, punti 28 sa 31), li fuqha jibbaża ruħu l-Bord tal-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li dikjarazzjoni magħmula fl-interess tal-awtur tagħha għandha biss valur probatorju limitat u teħtieġ li tiġi ssostanzjata bi provi addizzjonali, dan madankollu ma jawtorizzax l-istanzi tal-EUIPO jikkunsidraw bħala prinċipju li tali dikjarazzjoni hija fiha nnifisha nieqsa minn kull kredibbiltà. Il-valur probatorju li għandu jingħata lil tali dikjarazzjoni, meħuda b’mod iżolat jew flimkien ma’ provi oħra, jiddependi, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi tal-każ. |
53 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell, fil-fatt, mill-ewwel ċaħad kull kredibbiltà liż-żewġ dikjarazzjonijiet bil-ġurament inkwistjoni u warrab l-ispjegazzjonijiet iddettaljati li kienu jinsabu fihom għall-motivi, fir-rigward ta’ dik li toriġina mill-avukat inizjali, li dan tal-aħħar kellu interess proprju għas-suċċess tat-talba għal restitutio in integrum u, fir-rigward ta’ dik li toriġina mill-konjuġi ta’ dan l-avukat, li ma kinitx “terza persuna newtrali” minħabba l-“viċinanza personali” tagħha. |
54 |
Billi pproċeda b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ. |
55 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni magħmula mill-avukat inizjali, il-Bord tal-Appell injora l-fatt li dan huwa professjonist tad-dritt li għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fl-osservanza tar-regoli deontoloġiċi u tar-regoli morali, ħaġa li tipprojbixxih milli jqarraq volontarjament bl-awtoritajiet u, b’mod partikolari, bil-qorti. Barra minn hekk, jekk ikun ħati ta’ dikjarazzjoni bil-ġurament falza, mhux biss ikun espost għal sanzjonijiet kriminali, iżda jikkomprometti r-reputazzjoni professjonali tiegħu u joħloq dubju serju dwar l-integrità tiegħu. |
56 |
Issa, għandu jiġi kkunsidrat li dikjarazzjoni bil-ġurament magħmula minn avukat tikkostitwixxi fiha nnifisha prova solida tal-elementi rraportati fiha meta din tkun univoka, nieqsa minn kontradizzjonijiet u koerenti, u li ma jeżisti ebda punt ta’ fatt ta’ natura li jqajjem dubju dwar is-sinċerità tagħha. |
57 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt, li huwa fil-qalba ta’ din il-kawża, li l-inċident invokat mill-avukat inizjali bħala li wassal għall-qbiż tat-terminu kien jaqa’ fl-isfera intima tiegħu u li huwa kien fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipprovdi informazzjoni dwar l-imsemmi inċident u b’mod partikolari sintomi u problemi li huwa kien sofra. Huwa kkonċentra biss fuq il-fatt, li huwa ċertament preċiż iżda mhux esklużiv ta’ dak ikkonstatat iktar ’il fuq, li l-imsemmi avukat kellu interess personali li r-rikorrenti tingħata restitutio in integrum peress li kien ħalla jiskadi t-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell. |
58 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni bil-ġurament magħmula mill-konjuġi tal-avukat inizjali, għalkemm ma jistax jiġi kkontestat li, fid-dawl tar-rabta konjugali li torbothom, teżisti “viċinanza personali” bejniethom, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-persuni li huma xhieda ta’ inċident bħal dak li seħħ f’dan il-każ, u li għalhekk huma f’pożizzjoni li jiċċertifikaw fatti relatati miegħu, spiss jagħmlu parti mill-grupp tal-persuni viċin il-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, il-konjuġi ta’ dan l-avukat, bħal dan tal-aħħar, tesponi ruħha għal sanzjonijiet kriminali jekk hija tagħmel dikjarazzjoni bil-ġurament falza. |
59 |
Il-Bord tal-Appell naqas ukoll milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, provi addizzjonali ta’ natura li jsostnu l-kontenut taż-żewġ dikjarazzjonijiet bil-ġurament ma setgħux raġonevolment jintalbu jew ma kinux disponibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni ġustament ħafna r-rikorrenti fir-rikors, din il-kawża tikkonċerna avveniment singolu u aċċidentali, li jaqa’ fl-isfera intima tal-persuna kkonċernata, u li jiddistingwi ruħu għalhekk mis-sitwazzjonijiet ġeneralment ikkunsidrati mill-ġurisprudenza relatata mal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet bil-ġurament, fejn dawn jiġu ppreżentati sabiex jattestaw fatti purament oġġettivi u neqsin minn natura personali, bħall-użu ġenwin ta’ trade mark (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Maternus vs EUIPO – adp Gauselmann (Jokers WILD Casino), T‑321/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:101, punti 45 u 46) jew il-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv minħabba l-użu (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, Jumbo Africa vs EUIPO – ProSiebenSat.1 Licensing (JUMBO), T‑78/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:383, punti 55 u 56). |
60 |
Għalhekk, l-avukat inizjali ma setax jintalab jikkonsulta tabib fil-lejla stess li seħħet il-marda tiegħu u jikseb, f’din l-okkażjoni, ċertifikat mediku. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura tas-sintomi kkawżati minn din il-marda, huwa għalkollox komprensibbli li, kif jesponi fid-dikjarazzjoni bil-ġurament tiegħu, huwa pprefera li jirritorna immedjatament fid-dar tiegħu, u dan billi qabad taxi. Barra minn hekk, peress li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-persuni li jsofru minn dan it-tip ta’ marda jirkupraw malajr mingħajr bżonn ta’ ebda kura medika, ma huwiex sorprendenti li l-imsemmi avukat ma qiesx neċessarju li sussegwentement jiġi eżaminat minn tabib. |
61 |
Għandu jiġi ammess ukoll li, minħabba s-sintomi li kellu, u b’mod partikolari minħabba l-istat konfuż li kien jinsab fih, l-avukat inizjali ma kienx f’pożizzjoni li jinkariga lil wieħed mill-kollegi tiegħu fl-uffiċċju legali kkonċernat sabiex jiffirma u jibgħat minfloku n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell. Il-kwistjoni dwar jekk, fil-mument meta seħħet il-marda f’daqqa tal-imsemmi avukat, tali kollegi kinux preżenti jew le fil-bini tal-imsemmi uffiċċju sabiex jagħmlu dan hija għalhekk irrilevanti. |
62 |
Għall-istess raġunijiet, ftit li xejn huwa sorprendenti li l-avukat inizjali ma kellux il-ħsieb li jitlob lill-konjuġi tiegħu, mar-ritorn tiegħu fid-dar, tikkuntattja lil wieħed mill-kollegi tiegħu tal-uffiċċju tal-avukati kkonċernat sabiex jafdalu dan il-kompitu. Peress li dan il-fatt jista’ jiġi stabbilit biss mid-dikjarazzjonijiet bil-ġurament prodotti f’dan il-każ, huwa għalxejn li l-Bord tal-Appell jilmenta li r-rikorrenti ma sostnietx dan permezz ta’ provi addizzjonali. |
63 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell lanqas ma huwa fondat meta jikkritika lir-rikorrenti talli ma ppreżentatx, matul il-proċedura amministrattiva, provi li jikkorroboraw l-affermazzjoni tal-avukat inizjali, inkluża fid-dikjarazzjoni bil-ġurament tiegħu, li tgħid li, fil-jum tal-iskadenza tat-terminu inkwistjoni, in-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet diġà ġiet iffinalizzata u vvalidata. L-imsemmi avukat, bħala professjonist tad-dritt ta’ esperjenza u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 55 iktar ’il fuq, fil-fatt, ma setax raġonevolment jistenna li l-Bord tal-Appell iqiegħed fid-dubju f’tali miżura l-veraċità tal-ispjegazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li mill-iskambju ta’ korrispondenza bejn dan l-avukat u l-avukati tar-rikorrenti li jirrappreżentawha fl-Isvizzera, prodott minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jirriżulta li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet effettivament iffinalizzata u vvalidata sa mit-3 ta’ Ġunju 2019. |
64 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv uniku għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
Dwar l-ispejjeż
65 |
Skond l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Collins Csehi De Baere Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2020. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.