Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CO0089

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2020.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa miż-Županijski sud u Puli.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kamp ta’ applikazzjoni – Identiċità tal-fatti materjali – Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ risposta għad-domanda preliminari – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-89/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:771

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

1 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kamp ta’ applikazzjoni – Identiċità tal-fatti materjali – Assenza ta’ preċiżazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ risposta għad-domanda preliminari – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża C‑89/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski sud u Puli (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

GR,

HS,

IT,

Inter Consulting d.o.o., fi stralċ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra GR, HS u IT kif ukoll Inter Consulting d.o.o., fi stralċ, li huma akkużati li wettqu jew inkoraġġixxew jew għenu sabiex jitwettqu, fil-Kroazja, fatti kklassifikati bħala abbuż ta’ fiduċja fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

L‑Att ta’ Adeżjoni

3

Skont l-Artikolu 4(1) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għall-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”):

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif imsemmija fil-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (minn hawn il-quddiem imsejjaħ ‘il-Protokoll ta’ Schengen’), anness għat-TUE u t-TFUE, u l-atti li jibnu fuqu jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kwalunkwe att ieħor bħal dan adottat qabel id-data tal-adeżjoni, għandhom jorbtu lill-Kroazja, u jkunu applikabbli fiha, mid-data tal-adeżjoni.”

4

L-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni huwa intitolat “Lista ta’ dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u l-atti li jibnu fuqu jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu, li għandhom jorbtu lir-Repubblika tal-Kroazja, fuq u jkunu applikabbli fiha, mill-adeżjoni (imsemmija fl-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni)”. F’dan ir-rigward, il-punt 2 ta’ dan l-anness isemmi “[i]d-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-[KIFS], l-Att Finali u d-Dikjarazzjonijiet Konġunti relatati miegħu […], kif emendati minn uħud mill-atti elenkati fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Anness:

[…] […] [L]-Artikoli 54 sa 58 […]”.

Il-KIFS

5

L-Artikolu 54 tal-KIFS jinsab fil-Kapitolu 3 tiegħu, li huwa intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, li jinsab fit-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

Id-dritt Kroat

6

L-Artikolu 31(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja huwa fformulat kif ġej:

“Ħadd ma jista’ jiġi ġġudikat mill-ġdid jew ikun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ att li fir-rigward tiegħu jkun diġà ġie lliberat jew ikkundannat b’deċiżjoni finali ta’ qorti mogħtija skont il-liġi.”

7

L-Artikolu 246(1) u (2) tal-Kazneni zakon (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), jistabbilixxi l-abbuż tal-fiduċja fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bħala ksur kriminali ta’ natura ekonomika.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, GR kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Skiper hoteli d.o.o. u ta’ Interco Umag d.o.o., Umag (iktar ’il quddiem “Interco”), li sussegwentement saret Inter Consulting. Huwa kellu wkoll il-kwalità ta’ soċju fi ħdan Rezidencjia Skiper d.o.o. u kellu ishma f’Alterius d.o.o. HS, min-naħa tiegħu, kien president tal-bord tad-diretturi ta’ Interco u kellu wkoll ishma f’Alterius, filwaqt li IT kien jagħmel stimi tal-valur ta’ proprjetajiet immobbli.

9

Fit-28 ta’ Settembru 2015, iż-Županijsko državno odvjetništvo u Puli (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Kontea ta’ Pula, il-Kroazja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula”) adotta att ta’ akkuża kontra GR, HS, IT u Interco. Permezz ta’ dan l-att, huwa allega, minn naħa, li GR u Interco wettqu abbuż ta’ fiduċja fi tranżazzjonijiet kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 246(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, li HS u IT inkoraġġixxew u għenu rispettivament fit-twettiq ta’ dan il-ksur.

10

Mill-imsemmi att ta’ akkuża, kif riprodott fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li, bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2004 u ta’ Ġunju 2006, GR u HS ħadmu sabiex Interco tixtri proprjetà immobbli li tinsab fuq diversi porzjonijiet ta’ art ġirien fil-komun ta’ Savudrija (il-Kroazja), post previst minn Skiper Hoteli sabiex twettaq proġett ta’ proprjetà immobbli ta’ akkomodazzjoni turistika. Sussegwentement, dawn l-istess persuni għamlu mod li Skiper Hoteli tixtri dawn il-proprjetajiet immobbli bi prezz nettament ogħla minn dak tas-suq, b’mod li Interco tibbenefika minn vantaġġ illegali għad-detriment ta’ Skiper Hoteli.

11

Barra minn hekk, l-istess att ta’ akkuża jindika li, bejn ix-xhur ta’ Novembru 2004 u ta’ Novembru 2005, GR u HS aġixxew ukoll bil-għan li GR u kumpanniji oħra rrappreżentati minn din tal-aħħar ibigħu lil Skiper Hoteli, bi prezz nettament ogħla minn dak li jikkorrispondi għall-valur reali tagħhom, l-ishma miżmuma minn GR u dawn il-kumpanniji l-oħra f’Alterius, peress li l-provvista ta’ assi inizjali ta’ din l-aħħar kumpannija kien magħmul minn proprjetajiet immobbli mibnija fuq porzjonijiet ta’ art ġirien li jinsabu fit-territorju tal-komun ta’ Savudrija. Għal dan il-għan, GR u HS għamlu, permezz ta’ Rezidencjia Skiper u bil-kompliċità ta’ IT, stima li kienet tissopravvaluta l-valur tal-proprjetajiet immobbli kkonċernati.

12

L-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula ġie kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016 tal-Awla Kriminali tal-qorti tar-rinviju, iż-Županijski sud u Puli (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula, il-Kroazja).

13

Matul is-seduta preliminari quddiem il-qorti tar-rinviju, GR u HS talbu s-sospensjoni tal-proċeduri kriminali, minħabba li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi l-proċeduri li huma s-suġġett tagħhom quddiem din il-qorti. F’dan ir-rigward, huma sostnew li huma kienu diġà ġew akkużati kriminalment għall-istess fatti fl-Awstrija u li din il-proċedura kriminali kienet ingħalqet permezz ta’ sentenza definittiva.

14

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li l-awtoritajiet kriminali Awstrijaċi kienu fil-fatt bdew proċeduri kontra żewġ ex membri tal-bord tad-diretturi ta’ Hypo Alpe Adria Bank International AG (iktar ’il quddiem “Hypo Alpe Adria Bank”), stabbiliment bankarju fl-Awstrija, kif ukoll kontra GR u HS bħala kompliċi ta’ dawn iż-żewġ ex membri. Skont l-att ta’ akkuża stabbilit mill-iStaatsanwaltschaft Klagenfurt (il-Prosekutur ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), ippreżentat quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) fid-9 ta’ Jannar 2015, l-imsemmija ex membri tal-bord tad-diretturi wettqu abbuż ta’ fiduċja, fis-sens tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali), billi approvaw, bejn ix-xhur ta’ Settembru 2002 u ta’ Lulju 2005, l-għoti ta’ krediti lil Rezidencjia Skiper u lil Skiper Hoteli, għall-ammont totali ta’ EUR 105 miljun, mingħajr ma osservaw ir-rekwiżiti relatati mal-provvista ta’ fondi proprji adegwati u mal-kontroll tal-użu ta’ dawn il-fondi u lanqas ma ħadu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-assenza ta’ dokumentazzjoni relatata mal-konkretizzazzjoni tal-proġetti li tiġġustifika l-għoti ta’ dawn il-krediti u, min-naħa l-oħra, tal-insuffiċjenza ta’ garanzija ta’ ħlas kif ukoll tal-kapaċità ta’ rimbors tal-kumpanniji kkonċernati. Barra minn hekk, GR u HS ġew akkużati li, billi talbu l-għoti tal-imsemmija krediti, inkoraġġixxew lill-istess ex membri sabiex iwettqu l-ksur allegat jew li kkontribwixxew għalih.

15

Wara talba ta’ HS, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt ikkonferma wkoll, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2015 indirizzata lill-avukati tiegħu, li, fir-rigward tal-proċeduri mibdija kontra GR u HS, l-att ta’ akkuża li huwa kien stabbilixxa kien ikopri wkoll il-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli lil Skiper Hoteli b’Alterius bħala intermedjarja għal prezz eċċessivament għoli kif ukoll il-ħlas dubjuż tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-proġett.

16

Permezz ta’ sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), mogħtija fit-3 ta’ Novembru 2016, iż-żewġ ex membri tal-bord tad-diretturi ta’ Hypo Alpe Adria Bank ġew parzjalment irrikonoxxuti ħatja tal-fatti li kienu akkużati bihom u ġew ikkundannati talli approvaw wieħed mill-krediti mogħtija lil Skiper Hoteli, għal ammont ta’ iktar minn EUR 70 miljun. Min-naħa l-oħra, GR u HS ġew illiberati għal dak li jikkonċerna l-akkuża li kienu inkoraġġixxew jew ikkontribwixxew rispettivament għat-twettiq tar-reati kriminali allegati li huma akkużati bihom l-ex membri tal-bord tad-diretturi ta’ Hypo Alpe Adria Bank. Din is-sentenza saret definittiva wara ċ-ċaħda, fl-4 ta’ Marzu 2019, tal-appell ippreżentat kontra tagħha quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

17

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula, ukoll adit b’reati kriminali oħra marbuta ma’ Hypo Alpe Adria Bank, diversi drabi matul is-sena 2014 talab lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt jivverifika jekk dan tal-aħħar kienx qiegħed imexxi fl-Awstrija proċedura parallela għal dik mibdija fil-Kroazja. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-prosekutur ta’ Klagenfurt, identika, essenzjalment, għal dik sussegwentement esposta fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt imsemmi fil-punt 14 ta’ dan id-digriet, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula qies li l-fatti eżaminati mill-prosekutur ta’ Klagenfurt u mil-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) ma kinux legalment rilevanti għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni tar-reat kriminali li huwa s-suġġett tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali, ma kellhomx rabta mal-fatti deskritti fl-att ta’ akkuża tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2015 u għalhekk ma kellhomx jiġu kkunsidrati li diġà ġew deċiżi.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi ż-Županijski sud u Puli (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkonċerna biss il-fatti deċiżivi indikati fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula tat-28 ta’ Settembru 2015 meta mqabbla mal-fatti deċiżivi msemmija fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt tad-9 ta’ Jannar 2015 u fid-dispożittiv tas-sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) tat-3 ta’ Novembru 2016, ikkonfermata bis-sentenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tal-4 ta’ Marzu 2019, jew tali ksur jikkonċerna wkoll konstatazzjoni oħra relatata:

mal-fatti esposti fil-motivi tas-sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) tat-3 ta’ Novembru 2016, ikkonfermata bis-sentenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema);

mal-fatti li kienu jirrigwardaw il-proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt kontra diversi persuni, b’mod partikolari kontra GR u HS, u li sussegwentement tħallew barra fl-att ta’ akkuża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt tat-9 ta’ Jannar 2015?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19

Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta talba għal deċiżjoni preliminari tkun manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

20

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwima li jkunu mitluba jiddeċiedu (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Contrôle fiscal)C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa li taf dwarhom u li hija obbligata tosserva bir-reqqa (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti jidhru wkoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali dwar il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

26

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-informazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma tippermettix biss lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli, iżda tagħti wkoll il-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lil partijiet interessati oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 25, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Mejju 2019, MC, C‑827/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:416, punt 35).

27

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax, b’mod manifest, ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 24 u 25 ta’ dan id-digriet.

28

Fil-fatt, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 tal-KIFS għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jinkisirx minħabba identiċità tal-fatti materjali fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija f’żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-proċeduri kriminali għadhom pendenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatti msemmija fl-att ta’ akkuża stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor kif ukoll fid-dispożittiv tas-sentenza definittiva li ngħatat fih, iżda wkoll dawk imsemmija fil-motivi ta’ dik is-sentenza u dawk li kienet tirrigwarda l-proċedura ta’ investigazzjoni iżda li ma ssemmewx fl-att ta’ akkuża.

29

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 54 tal-KIFS japplikax huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, inkluż fis-sens li l-fatti materjali li fuqhom huma bbażati l-proċeduri kriminali mibdija fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandhom jikkostitwixxu ġabra ta’ azzjonijiet inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll mill-iskop tagħhom (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punti 26 sa 28).

30

Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domanda magħmula, huwa neċessarju li ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati l-proċeduri kriminali mibdija fil-Kroazja u fl-Awstrija rispettivament kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha tqis li dawn iċ-ċirkustanzi huma marbuta b’mod indissoċjabbli bejniethom ikunu esposti b’livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u dan bla ħsara għall-fatt li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt preċedenti, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju biss li għandha tiddetermina jekk hemmx jew le identiċità tal-fatti materjali.

31

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tonqos milli tindika, anki jekk b’mod sommarju iżda preċiż, ir-rabta li tgħaqqad il-fatti eżaminati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali rispettivi, il-fatti msemmija fil-motivi tas-sentenza definittiva mogħtija fit-3 ta’ Novembru 2016 mil-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt), il-fatti li kienu ġew eżaminati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Klagenfurt iżda li ma kinux ġew formalment miżmuma fl-att ta’ akkuża stabbilit minn dan tal-aħħar kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pula kien investiga dwar ksur marbut ma’ dak li kien diġà s-suġġett ta’ proċedura kriminali fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti sempliċement tirriproduċi l-kontenut tal-atti ta’ akkuża stabbiliti minn dawn iż-żewġ Uffiċċji tal-Prosekutur nazzjonali kif ukoll id-dispożittiv tas-sentenza tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt), mingħajr ma tispjega l-fatti b’mod li tagħti stampa sħiħa loġika u komprensibbli. Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma esponietx b’livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti l-fatti rilevanti kollha jew l-informazzjoni fattwali li fuqhom hija bbażata d-domanda u għalhekk ma ssodisfatx ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura.

32

Barra minn hekk, billi kkuntentat ruħha li tirriproduċi fil-qosor l-allegazzjonijiet ta’ GR u ta’ HS ibbażati fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem mingħajr ma tispjega, fir-rigward tad-dokumenti invokati minn dawn l-istess persuni, sa fejn jista’ eventwalment jiġi konkluż li l-fatti materjali huma identiċi u billi naqset, barra minn hekk, milli tispjega l-kontenut tad-domanda magħmula, kemm fid-dritt kif ukoll fir-rigward tal-fatti rilevanti, kif ukoll id-dubji li hija kellha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem b’rabta mal-kriterju tal-identiċità tal-fatti u, skont il-każ, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, il-qorti tar-rinviju naqset milli tispjega b’livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel din id-domanda u, għaldaqstant, ma ssodisfatx ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi deċiż, li skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

34

Madankollu, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju għandha d-dritt li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari ġdida meta tkun f’pożizzjoni li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha li jippermettulha tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-23 ta’ Mejju 2019, Trapeza Peiraios, C‑105/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:452, punt 17, u tal-11 ta’ Lulju 2019, Jadransko osiguranje, C‑651/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:613, punt 31).

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tordna:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula miż-Županijski sud u Puli (il-Qorti tal-Kontea ta’ Pula, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2020, hija manifestament inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.

Top