EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0363

Kawża C-363/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-5 ta’ Awwissu 2020 – MARCAS MC Szolgáltató Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

ĠU C 423, 7.12.2020, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-5 ta’ Awwissu 2020 – MARCAS MC Szolgáltató Zrt. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-363/20)

(2020/C 423/25)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: MARCAS MC Szolgáltató Zrt.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi prelmaiminari

1)

Prattika tal-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest tal-kontroll sussegwenti tad-dikjarazzjoni tal-persuna taxxabbli – mingħajr ma ġie kkonstatat ksur min-naħa tal-persuna taxxabbli ta’ dispożizzjoni speċifika tal-kontabbiltà jew ta’ dispożizzjoni legali sostantiva relatata mat-taxxa li hija s-suġġett tal-ispezzjoni u mingħajr ma nbidel l-ammont tat-taxxa dovut meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta fid-dikjarazzjoni għas-snin li għalihom tirreferi l-attività ekonomika – l-awtorità tat-taxxa tikkonstata, mingħajr ma tagħti motivazzjoni, l-eżistenza ta’ differenza fit-taxxa li għandha titħallas mill-persuna taxxabbli għas-sempliċi raġuni li din, meta ppreparat id-dikjarazzjoni tagħha, ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fost il-prinċipji kontabbli inklużi fil-Liġi tal-Kontabbiltà tal-Istat Membru, żewġ prinċipji fiskali hekk kif meħtieġ mill-awtorità tat-taxxa, iżda minflok, billi użat il-marġni diskrezzjonali tagħha, ibbażat ruħa fuq prinċipji oħra li hija qieset li kienu jirregolaw il-kontabbiltà tal-attività ekonomika tagħha, hija konformi mad-dritt għal smigħ xieraq, irrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u mal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

2)

Fid-dawl tad-dritt għal smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, stabbiliti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikoli 2(3) u 31 tad-Direttiva 78/660/KEE (1) (Ir-Raba’ Direttiva), jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ attività ekonomika li tirreferi għal diversi snin kummerċjali, jekk l-awtorità tat-taxxa tissostitwixxi l-prinċipji kontabbli magħżula mill-persuna taxxabbli bi prinċipji kontabbli oħra u, b’riżultat ta’ dan, twettaq bidla fir-rigward ta’ entrata kontabbli li taffettwa wkoll id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tas-snin kontigwi, hija għandha testendi l-ispezzjoni tagħha wkoll għal dawk is-snin kummerċjali li għalihom tirreferi l-attività ekonomika u li għaldaqstant huma affettwati mill-konklużjonijiet tal-awtorità tat-taxxa relatati mal-perijodu li huwa s-suġġett tal-ispezzjoni? Fit-twettiq ta’ kontroll sussegwenti tad-dikjarazzjoni tal-persuna taxxabli, l-awtorità tat-taxxa għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fis-sena kummerċjali li hija suġġett tal-eżami, l-entrati li ġew modifikati permezz ta’ dikjarazzjoni supplimentari relatata mas-sena preċedenti, bir-riżultat li kien hemm ħlas żejjed min-naħa tal-persuna taxxabbli bħala konsegwenza tal-fatt li hija ħallset it-taxxa qabel id-data ta’ skadenza, jew dikjarazzjoni li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tiddikjara l-eżistenza ta’ dejn fiskali fir-rigward tal-persuna taxxabbli, minkejja l-eżistenza ta’ ħlas żejjed, hija konformi mal-prinċipji indikati u mal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Karta?

3)

Huwa proporzjonat li tiġi ssanzjonata l-għażla ta’ metodu kontabbli eventwalment żbaljat permezz tad-dikjarazzjoni tal-eżistenza ta’ differenza fit-taxxa, ikklassifikata bħala dejn, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li huma imposti l-ħlas ta’ sanzjoni – anki fl-ammont ta’ 10 % biss –, u interessi moratorji, jekk it-taxxa li hija s-suġġett tat-tilwima tħallset qabel l-iskadenza u matul il-proċeduri kollha, sat-tmiem tagħhom, din kienet tidher bħala ħlas żejjed fil-kont kurrenti fiskali tar-rikorrenti, u għalhekk ma rriżulta ebda telf ta’ dħul għat-Teżor Pubbliku, u ma hemmx indikazzjonijiet ta’ abbuż?

4)

Il-prinċipju ta’ (protezzjoni tal-)aspettattivi leġittimi jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-bażi oġġettiva tiegħu, jiġifieri, l-aspettattiva tal-persuna taxxabbli fir-rigward tat-trattament kontabbli, tirriżulta fondata jekk l-awtorità tat-taxxa tkun wettqet preċedentement spezzjoni fis-sede tal-persuna taxxabbli li matulha hija tkun ikkonstatat, anki jekk ma kienx hemm dikjarazzjoni speċifika jew dan jista’ jiġi dedott biss impliċitament mill-aġir tagħha, li l-preżentazzjoni u ż-żamma tad-dokumenti ġustifikattivi, tal-kotba u tar-reġistri kienu konformi mar-rekwiżiti, jew il-persuna taxxabbli tista’ tinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi biss jekk l-awtorità tat-taxxa twettaq il-kontroll sussegwenti tagħha tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa li jagħtu lok għal perijodi magħluqa, filwaqt li testendih għal kull tip ta’ taxxa, u tiddeċiedi favorevolment b’mod espliċitu fir-rigward tal-prattika kontabbli tal-persuna taxxabbli? L-awtorità tat-taxxa taġixxi b’mod konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jekk f’deċiżjonijiet sussegwenti hija tattribwixxi konsegwenzi legali u fiskali lill-irregolaritajiet kontabbli b’mod li, billi tallega n-natura formali jew inkompleta tal-ispezzjoni preċedenti jew in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni favorevoli espliċita, ma tirrikonoxxix li r-rikorrenti kellha aspettattiva fondata li l-prattika kontabbli preċedenti tagħha kienet korretta?


(1)  Ir-raba’ Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21).


Top