Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0718

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv.
Kawża C-718/20 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:362

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv”

Fil-Kawża C‑718/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2020,

Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals Co. Ltd, stabbilita fi Huzhou (Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos u P. Billiet, avocats,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Gustafsson, P. Němečková u E. Schmidt, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ dan l-appell, il-kumpannija Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Zhejiang”), stabbilita fiċ-Ċina, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Ottubru 2020, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il-Kummissjoni (T‑307/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2020:487), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/330 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 63, p. 15, rettifika fil-ĠU 2020, L 342, p. 32), sa fejn jikkonċernaha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakexx fil-15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fejn fosthom jinsab il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping”).

3

L-Artikolu 18.3 tal-Ftehim Antidumping huwa fformulat kif ġej:

“Soġġetti għas-subparagrafi 3.1 u 3.2, id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw għall-investigazzjonijiet, u r-reviżjonijiet tal-miżuri eżistenti, mibdija skond l-applikazzjonijiet li saru fil jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ għal Membru soġġett għall-Ftehim tal-WTO.”

4

Fil-11 ta’ Diċembru 2001, permezz tal-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-WTO (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO”), din tal-aħħar saret parti għall-WTO.

5

Skont l-Artikolu 15(a) u (d) ta’ dan il-protokoll:

“L-Artikolu VI [tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91, iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1994”)], il-[Ftehim antidumping] u l-[Ftehim dwar Sussidji u Mezzi ta’ Kontrobilanċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 243)] għandhom japplikaw fil-proċeduri li jirrigwardaw importazzjonijiet ta’ oriġini Ċiniża fit-territorju ta’ membru tal-WTO skont kif ġej:

a)

Sabiex tiġi ddeterminata l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 u tal-Ftehim Antidumping, il-membru tal-WTO importatur għandu juża l-prezzijiet jew l-ispejjeż Ċiniżi għall-parti tal-produzzjoni li hija s-suġġett tal-investigazzjoni jew metodu li ma jkunx ibbażat fuq paragun strett mal-prezzijiet jew l-ispejjeż interni fiċ-Ċina abbażi tar-regoli li ġejjin:

i)

jekk il-produtturi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni jistgħu juru b’mod ċar li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jeżistu fis-settur tal-produzzjoni tal-prodott simili fir-rigward tal-manifattura, il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ dan il-prodott, il-membru tal-WTO importatur għandu juża l-prezzijiet jew l-ispejjeż Ċiniżi għall-qasam tal-produzzjoni li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-paragunabbiltà tal-prezzijiet;

ii)

il-membru tal-WTO importatur jista’ juża metodu li ma jkunx ibbażat fuq paragun strett mal-prezzijiet jew l-ispejjeż interni fiċ-Ċina jekk il-produtturi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni ma jistgħux juru b’mod ċar li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jeżistu fil-fergħa tal-produzzjoni tal-prodott simili fir-rigward tal-manifattura, il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ dan il-prodott.

[…]

d)

Hekk kif [ir-Repubblika Popolari taċ-]Ċina tkun stabbilixxiet, skont id-dritt nazzjonali tal-membru tal-WTO importatur, li hija ekonomija tas-suq, id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) għandhom jiġu mħassra, bil-kundizzjoni li d-dritt nazzjonali tal-membru importatur jistabbilixxi l-kriterji ta’ ekonomija tas-suq fid-data ta’ adeżjoni. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) jiskadu [ħmistax]-il sena wara d-data ta’ adeżjoni. Barra minn hekk, fil-każ fejn ir-[ir-Repubblika Popolari taċ‑]Ċina tkun stabbilixxiet, skont id-dritt nazzjonali tal-membru tal-WTO importatur, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jeżistu f’fergħa tal-produzzjoni jew settur partikolari, id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) dwar ekonomija li ma hijiex ekonomija tas-suq ma jibqgħux japplikaw għal din il-fergħa tal-produzzjoni jew għal dan is-settur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) 2016/1036

6

Il-premessa 3 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21), tipprovdi:

“Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u trasparenti tar-regoli tal-[Ftehim Antidumping], il-lingwaġġ ta’ dak il-Ftehim għandu jiġi rifless fil-leġislazzjoni tal-Unjoni sa fejn ikun possibbli.”

7

Fil-paragrafu 7(a) u (b) u fil-paragrafi 10 u 11 tiegħu, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ dumping”, jipprovdi:

“7.   

a)

Fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili, adegwatament aġġustat jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif affidabbli li jsir disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien. Fejn xieraq, għandu jiġi użat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li jkun soġġett għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha bil-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.

b)

Fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jkollux ekonomija tas-suq u li jkun membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali għandu jkun stabbilit konformement skontmal-paragrafi 1 sa 6, jekk jintwera, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu adegwatament sostanzjati minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u konformement maskontl-kriterji u proċeduri stabbiliti fil-punt (c), li jipprevalixxu kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fil-punt (a) għandhom japplikaw.

[…]

10.   Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul, kemm jista’ jkun viċin, fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament huma elenkati kif ġej:

[…]

11.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun adegwat, l-eżistenza ta’ marġini ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lill-Unjoni fuq bażi ta’ kull transazzjoni individwali. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transazzjonijiet individwali kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jekk ikun hemm differenza sinifikanti fix-xejriet ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni fost xerrejja differenti, reġjuni differenti jew perjodi differenti ta’ żmien, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma jirriflettux il-grad sħiħ ta’ dumping ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 17.”

8

Fil-paragrafi 2, 3, 5 u 6, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu”, jipprevedi:

“2.   Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta’:

(a)

il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kemm jekk f’termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b’mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

5.   L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, inkluż il-fatt li industrija tkun għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat; il-kobor tal-marġini attwali tad-dumping; it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti u l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Unjoni; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq il-fluss tal-flus, l-inventarji, l-impjiegi, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità ta’ attrazzjoni għal kapital jew investimenti. Din il-lista mhijiex eżawrjenti, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.”

9

L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “L-investigazzjoni”, fil-paragrafu 8 tiegħu jipprevedi:

“Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tkun provduta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sa fejn ikun possibbli.”

10

L-Artikolu 11 tar-Regolament 2016/1036, intitolat “Durata, reviżjonijiet u rifużjonijiet”, fil-paragrafi 2 u 9 tiegħu jipprovdi:

“2.   Miżura anti-dumping definittiva għandha tiskadi ħames snin mill-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni tal-iktar reviżjoni riċenti li tkun kopriet kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, sakemm ma jiġix determinat f’reviżjoni li [l-]iskadenza probabbilment twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu. Tali reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi tal-Unjoni, u l-miżura għandha tibqa’ fis-seħħ sa meta jibqa’ pendenti r-riżultat ta’ dik ir-reviżjoni.

Reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba tinkludi evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri probabbilment tirriżulta f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu. Tali probabbiltà tista’, per eżempju, tiġi indikata b’evidenza ta’ dumping u dannu kontinwati jew evidenza li l-eliminazzjoni tad-dannu hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta’ miżuri jew evidenza li ċ-ċirkustanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li jindikaw il-probabbilità ta’ aktar dumping b’dannu.

Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet taħt dan il-paragrafu, l-esportaturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jamplifikaw, jikkontestaw jew jikkummentaw dwar il-materji stabbiliti fit-talba tar-reviżjoni, u l-konklużjonijiet li jsiru għandhom jieħdu debitament kont tal-evidenza kollha li tkun rilevanti u debitament dokumentata, ippreżentata fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-iskadenza tal-miżuri probabbilment twassalx, jew le, għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping u tal-dannu.

[…]

9.   Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni li jsiru skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li jittieħed debitament kont tal-Artikolu 2, u b’mod partikolari tal-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u tal-Artikolu 17.”

11

L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Żjarat ta’ verifika”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ tagħmel investigazzjonijiet f’pajjiżi terzi kif meħtieġ, sakemm tikseb il-kunsens tal-kumpanniji konċernati, tavża lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż konċernat u dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għall-investigazzjoni. Malli jinkiseb il-kunsens mill-kumpanniji konċernati, il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-kumpanniji li għandhom jirċievu żjara u d-dati miftiehma.”

12

L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Nuqqas ta’ kooperazzjoni”, fil-paragrafu 4 tiegħu jipprovdi:

“Jekk xi evidenza jew informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi minnufih infurmata bir-raġunijiet għal dan u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tipprovdi iktar spjegazzjonjiet fiil-limitu ta’ żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jiġu kkunsidrati mhux sodisfaċenti, ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ tali evidenza jew informazzjoni għandhom jiġu rivelati u mogħtija f’konklużjonijiet ippubblikati.”

13

L-Artikolu 20 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Rivelazzjoni”, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu jipprovdi:

“2.   Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.

[…]

4.   Ir-rivelazzjoni finali għandha tingħata bil-miktub. Din għandha ssir, b’kont debitament meħud tal-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel il-bidu tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tirrivela ċerti fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-mument, dawn għandhom jiġu rivelati kemm jista’ jkun malajr wara.

Ir-rivelazzjoni ma għandha tippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni, iżda fejn tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatt u kunsiderazzjoni differenti, dawn għandhom jiġu rivelati kemm jista’ jkun malajr.”

14

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, fil-punt (a) tiegħu jipprevedi:

“Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta’:

a)

kwalunkwe regola speċjali stabbilita fi ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi”.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330

15

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330, li ġie adottat wara reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, iżomm id-dazji antidumping li kienu inizjalment ġew stabbiliti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2011, L 336, p. 6).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

16

Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jinsabu fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

17

Fl-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1331/2011, li kien jistabbilixxi b’mod partikolari dazju antidumping stabbilit għal 56.9 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mmanifatturati mill-kumpanniji msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, fosthom Zhejiang.

18

Fl-10 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 u, fil-5 ta’ Marzu 2018, adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330.

19

L-investigazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2015 u t-30 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni”), filwaqt li l-analiżi tat-tendenzi utli għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u tmien il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni.

20

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni, żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, fosthom Zhejiang, intgħażlu sabiex jagħmlu parti mill-kampjun tal-produtturi-esportaturi. Sabiex tanalizza l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping, il-Kummissjoni għażlet lill-Indja bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“pajjiż analogu”) għall-finijiet tal-istabbiliment tal-valur normali għaċ-Ċina. Il-valur normali ġie stabbilit abbażi tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ produttur-esportatur Indjan. Il-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkolat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament 2016/1036, abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni taż-żewġ produttur-esportaturi Ċiniżi li jagħmlu parti mill-kampjun u effettivament imħallsa jew pagabbli lill-ewwel xerrej indipendenti. Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju peżat ta’ kull tip tal-prodott li jixxiebaħ fil-pajjiż analogu mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

21

Sussegwentement għall-imsemmi eżami, il-marġni medju peżat ta’ dumping ikkalkolat mill-Kummissjoni kien ta’ madwar 25 % sa 35 % għaż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi fil-kampjun. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping kien tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li kien probabbli ħafna li t-tħassir tal-miżuri antidumping iwassal għal importazzjonijiet kbar Ċiniżi li huma s-suġġett ta’ dumping. Minbarra dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-industrija tal-Unjoni kienet ġarrbet dannu sinjifikattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni u li t-tħassir tal-miżuri antidumping iwassal, skont kull probabbiltà, għal żieda sinjifikattiva tal-importazzjonijiet Ċiniżi li huma s-suġġett ta’ dumping bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

22

Abbażi tal-imsemmija konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1331/2011 kellhom jinżammu. Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330 jistabbilixxi dazju antidumping b’rati identiċi għal dawk li kienu ffissati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1331/2011.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

23

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2018, Zhejiang ippreżentat azzjoni intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330 sa fejn jikkonċernaha.

24

Insostenn ta’ dan ir-rikors, Zhejiang invokat ħames motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, it-tieni wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu tal-pajjiż analogu u tal-għażla tal-pajjiż analogu, it-tielet wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ kodifikazzjoni tan-numri ta’ kontroll tal-prodott (NKP) żbaljat għall-prodott ikkonċernat, ir-raba’ wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li jikkonċernaha u, il-ħames, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-konstatazzjoni tal-eżistenza u tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kif ukoll fuq l-astensjoni tal-Kummissjoni li tivverifika l-eżistenza ta’ rabta kawżali.

25

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors fl-intier tiegħu.

26

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv bħala infondat.

27

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dak il-motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni utli għad-difiża tal-interessi ta’ Zhejiang, li ġiet eżaminata fil-punti 90 sa 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat il-proċedura segwita mill-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Fl-analiżi tal-istadji kollha ta’ din il-proċedura, hija qieset li l-Kummissjoni kienet qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Zhejiang il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi kien irrakkomandat u li Zhejiang kienet f’pożizzjoni li ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha f’dan ir-rigward. Minn dan hija kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet użat il-metodoloġija xierqa sabiex tiddetermina l-marġni tad-dumping.

28

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ verifika tad-data tal-produttur-esportatur Indjan, li ġiet eżaminata fil-punti 132 sa 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball meta ma vverifikatx l-informazzjoni mibgħuta mill-produttur-esportatur Indjan u l-informazzjoni rilevanti l-oħra. Hija rrilevat, minn naħa, li l-assenza ta’ żjara ta’ verifika għand il-produttur-esportatur Indjan kienet tirriżulta mir-rifjut tiegħu li jissuġġetta ruħu għal din iż-żjara u li, fid-dawl tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2016/1036, il-Kummissjoni għaldaqstant ma setgħetx tiġi kkritikata li ma vverifikatx data ta’ dan il-produttur esportatur u, min-naħa l-oħra, li Zhejiang kienet perfettament informata bil-fatt li l-imsemmi produttur-esportatur kien irrifjuta ż-żjara ta’ verifika fuq il-post. Fir-rigward tal-ilment, imqajjem fl-istadju tar-replika, ibbażat fuq li l-Kummissjoni naqset milli teskludi d-data tal-produttur‑esportatur Indjan peress li hija kienet irrikonoxxiet li dan kien waqaf milli jikkoopera, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-ilment kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li ma kienx tqajjem fl-istadju tar-rikors promotur u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat sa fejn ebda element ma kien jippermetti li jitqies li, fuq il-bażi tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament 2016/1036, il-Kummissjoni kienet obbligata tinjora d-data pprovduta mill-produttur-esportatur Indjan. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti mqajma minn Zhejiang, dwar l-eżistenza ta’ differenzi fl-ispejjeż marbuta ma’ differenzi fil-metodi ta’ produzzjoni kif ukoll mal-inklużjoni potenzjali fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ta’ prodotti għal użu militari u nukleari, iżda kienet iddeċidiet li tiċħadhom b’mod motivat.

29

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv bħala infondat.

30

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 22(a) tar-Regolament 2016/1036 u tat-Taqsima 15(a) u (d) tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO, li ġiet eżaminata fil-punti 155 sa 162 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan il-protokoll ma setax jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-legalità tar-Regolament 2016/1036 u li kien hemm lok ukoll li jiġi miċħud il-ksur allegat tal-Artikolu 22(a) tar-Regolament 2016/1036. Fir-rigward tat-tieni parti tal-imsemmi motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036, li ġiet eżaminata fil-punti 163 sa 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala infondata. Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, li ġiet eżaminata fil-punti 179 sa 182 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħditha wkoll bħala infondata.

31

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv bħala infondat.

32

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fil-metodi ta’ produzzjoni fit-tfassil tan-NKP, li ġiet eżaminata fil-punti 193 sa 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat il-metodu ta’ paragun NKP b’NKP kif ukoll l-argumenti mressqa minn Zhejiang bil-għan li turi li d-differenzi fil-produzzjoni għandhom ikollhom effett fuq l-identiċità jew ix-xebh tat-tipi ta’ prodotti kkonċernati u kkonkludiet li Zhejiang kienet sempliċement wettqet dikjarazzjonijiet mingħajr ma sostniethom bi provi preċiżi. Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fl-użu tal-prodotti fit-tfassil tan-NKP, li ġiet eżaminata fil-punti 204 sa 210 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat l-argument ta’ Zhejiang dwar l-inklużjoni potenzjali ta’ prodotti għal użu nukleari u militari fil-kodifikazzjoni tan-NKP u kkonkludiet li l-kodifikazzjoni adottata mill-Kummissjoni f’dan il-każ ma kinitx ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq iċ-ċaħda indebita mill-Kummissjoni tan-nuqqasijiet magħrufa fil-kodifikazzjoni tan-NKP, li ġiet eżaminata fil-punti 211 sa 215 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala infondata.

33

Fir-raba’ lok, fil-punti 229 sa 259 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors bħala infondat minħabba li Zhejiang ma kinitx irnexxielha turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat il-marġni ta’ dumping.

34

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-ħames motiv bħala infondat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 262 sa 271 tas-sentenza appellata, li Zhejiang ma kienx irnexxielha turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball, minn naħa, meta stabbilixxiet li l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, meta naqset milli tiftaħ investigazzjonijiet antidumping kontra l-importazzjonijiet Indjani.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Zhejiang titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

primarjament:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tilqa’ t-talbiet li hija ppreżentat fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330, sa fejn dan jikkonċerna lill-appellanti, konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, jew

sussidjarjament:

tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-motivi li hija qajmet quddiem dik il-qorti u

tirriżerva l-ispejjeż.

36

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala infondat u

tikkundanna lil Zhejiang għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi fil-punti 116, 117, 118, 125, 126, 127, 131 u 139 tas-sentenza appellata, sa fejn ikkonkludiet li l-Kummissjoni kienet ipproponiet li tiżvelalha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali kollha fi żmien opportun. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, minħabba dan l-iżball ta’ liġi, allegatament żnaturat ukoll il-fatti fil-punti 91, 119, 125 u 126 tas-sentenza appellata meta kkonkludiet li l-valur normali tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx ta’ Zhejiang tat-tip “tubi ssaldjati tat-tipi użati għat-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass” kien ġie stabbilit b’riferiment għan-NKP irrapportati mill-produttur-esportatur Indjan.

38

F’dan ir-rigward, Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 b’mod żbaljat u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li, matul il-proċedura ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni kienet żvelat lilha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali kollha fi żmien opportun. Zhejiang issostni li l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 jeħtieġ żvelar suffiċjenti tal-informazzjoni rilevanti lill-partijiet ikkonċernati mingħajr ma jimponi l-oneru tal-prova fuq waħda mill-partijiet u li dan l-iżvelar għandu jsir fil-ħin.

39

Barra minn hekk, skont Zhejiang, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-kwalità tal-informazzjoni, pjuttost milli n-numru ta’ divulgazzjonijiet u tal-opportunitajiet ta’ smigħ mogħtija lill-partijiet ikkonċernati matul investigazzjoni antidumping, li jippermetti li l-iżvelar jiġi kklassifikat bħala suffiċjenti. Hija żżid li mill-ġurisprudenza tal-Korp tal-Appell tal-WTO jirriżulta li l-iżvelar ta’ informazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni diġà tqies li huwa insuffiċjenti.

40

L-ewwel, għalkemm Zhejiang ma tikkontestax il-lista ta’ informazzjoni li ma ġietx ikkomunikata lilha, kif esposta fil-punt 95 tas-sentenza appellata, hija tqis li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata, hija ma tinsabx f’pożizzjoni li tifhem il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-valur normali tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu li kienu identiċi jew paragunabbli mat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni miċ-Ċina u, b’mod partikolari, tat-tipi ta’ prodotti esportati mingħajr bejgħ domestiku korrispondenti fil-pajjiż analogu. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela n-NKP tal-produtturi Indjani, tal-Istati Uniti u tal-Unjoni, minħabba li din hija informazzjoni kunfidenzjali, filwaqt li, skont il-WTO, tali informazzjoni ma hijiex kunfidenzjali.

41

It-tieni, Zhejiang tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li indipendentement mid-determinazzjoni tat-tip ta’ prodott l-iktar viċin li għandu jiġi pparagunat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tat-tipi ta’ prodotti esportati mingħajr bejgħ domestiku korrispondenti fil-pajjiż analogu, din id-determinazzjoni tal-valur normali ma tistax titqies li hija żbaljata peress li ġew applikati koeffiċjenti xierqa sabiex jiġi aġġustat dan il-valur normali.

42

It-tielet, Zhejiang tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom hija ma ssottomettietx lill-Kummissjoni proposti ta’ metodoloġija alternattiva ta’ kalkolu, iżda llimitat ruħha li tagħmel sempliċi affermazzjonijiet u ipoteżijiet. Minn naħa, Zhejiang tfakkar li l-prova tal-eżistenza ta’ NKP iktar xierqa ma tistax tiġi imputata lill-partijiet fil-proċedura ta’ reviżjoni u, min-naħa l-oħra, hija ssostni li, fl-assenza ta’ żvelar tal-lista tan-NPK, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissottometti proposti aħjar lill-Kummissjoni fir-rigward tal-aġġustamenti neċessarji għall-finijiet tal-paragun tal-prezzijiet.

43

Ir-raba’, Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti sa fejn, fil-punti 91, 118 u 126 tas-sentenza appellata, għamlet riferiment għas-sitt NKP tal-pajjiż analogu bħala li ġew ipprovduti kollha mill-produttur-esportatur Indjan. Issa, minn naħa, huwa paċifiku li dan il-produttur esportatur ma jipproduċix tali prodotti, u min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, billi affermat li l-valur normali tal-imsemmija prodotti ġie ddeterminat b’riferiment għad-data tal-produtturi tal-Unjoni għat-tip ta’ prodott l-iktar viċin.

44

Il-ħames, Zhejiang tqis li l-assenza ta’ verifika mill-Kummissjoni tal-informazzjoni li toriġina mill-produttur-esportatur Indjan wasslet sabiex dan seta’ jiddikjara, fil-kwestjonarju antidumping tiegħu, NKP li huwa ma jipproduċix u ma jbigħx. Barra minn hekk, Zhejiang tikkunsidra li r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għal “data tal-produtturi tal-Unjoni” ma jikkostitwixxix żvelar suffiċjenti tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet rilevanti. B’hekk, Zhejiang tikkonstata li, sa fejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tapplika l-kriterju tat-“tranżazzjonijiet kummerċjali normali” qabel ma tuża l-prezzijiet tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tapplika dan il-kriterju, hija żbaljata fid-dritt.

45

Is-sitt, Zhejiang tqis li l-fatt li l-Kummissjoni ma żvelatilhiex il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali kollha dwar il-marġni ta’ dumping huwa spjegat ukoll mill-fatt li l-produttur-esportatur Indjan waqaf milli jikkoopera u rrifjuta li jissottometti ruħu għal verifika tad-data li huwa kien ipprovda lill-Kummissjoni. Minn naħa, għalkemm Zhejiang issostni li hija ġiet informata bil-fatt li dan il-produttur-esportatur irrifjuta żjara ta’ verifika fuq il-post, hija ssostni li hija ma kinitx informata bin-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu sal-istadju tal-preżentata, fil-11 ta’ Settembru 2018, tar-risposta tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-Kummissjoni messha evalwat dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2016/1036, li jippermettilha teskludi l-informazzjoni pprovduta minn partijiet mhux kooperattivi u li tibbaża ruħha fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli sabiex ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża tagħha. Peress li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ dan il-produttur-esportatur ma kienx magħruf minn Zhejiang sal-istadju tal-preżentata tar-risposta tal-Kummissjoni, hija tqis li hija ma qajmitx motiv ġdid kif qieset, b’mod żbaljat, il-Qorti Ġenerali.

46

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-ewwel aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Preliminarjament, qabel kollox għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex tkun saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Sussegwentement, fit-twettiq tad-dmir ta’ informazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza kollha meħtieġa meta jippruvaw jagħtu lill-impriżi kkonċernati, sa fejn l-osservanza tas-sigriet tan-negozju jibqa’ żgurat, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom u meta jagħżlu, jekk ikun xieraq ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi aċċettati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fl-aħħar nett, għalkemm ma jistax jiġi impost fuq l-appellanti li turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti fl-assenza tal-irregolarità proċedurali inkwistjoni, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li din il-parti setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ din l-irregolarità, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ irregolarità relatata mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tal-att inkwistjoni biss sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u b’hekk tippreġudika b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 7879 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju.

51

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 80 sa 88 tas-sentenza appellata, fakkret id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-ġurisprudenza stabbilita dwar id-drittijiet tad-difiża.

52

Fit-tieni lok, fil-punti 91 sa 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping ta’ Zhejiang. Għalhekk, hija fakkret, minn naħa, fil-punti 95 sa 109 tas-sentenza appellata, l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u Zhejiang u, min-naħa l-oħra, fil-punti 110 sa 115 tas-sentenza appellata, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni lil Zhejiang.

53

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li l-ilmenti mressqa minn Zhejiang ma kinux jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ żvelar tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali kollha fi żmien opportun. Dawn l-ilmenti eżaminathom fil-punti 118 sa 130 tas-sentenza appellata, filwaqt li tat motivazzjoni għar-raġunijiet li għalihom dawn kellhom jiġu miċħuda.

54

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-obbligu previst fl-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 kien ġie ssodisfatt, filwaqt li l-lista sħiħa tan-NPK u tad-data tal-ispejjeż tal-produtturi Indjani, tal-Istati Uniti u tal-Unjoni ma kinitx stabbilita, għandu jiġi kkonstatat li Zhejiang ma turix kif il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tad-data kunfidenzjali, imfakkra fil-punti 85 u 86, ġiet interpretata jew applikata b’mod żbaljat.

55

Fil-fatt, Zhejiang tillimita ruħha li tikkritika l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali mingħajr, madankollu, ma turi li din kisret il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza li tgħid li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza kollha meħtieġa billi jippruvaw jagħtu lill-impriżi kkonċernati, sa fejn l-osservanza tas-sigriet tan-negozju tibqa’ żgurata, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom u billi jagħżlu, jekk ikun il-każ ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni.

56

Issa, b’dan il-mod, Zhejiang fir-realtà titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha stess, b’tali mod li dan l-ilment, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Barra minn hekk, Zhejiang ma rnexxilhiex turi, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata irregolarità proċedurali, imwettqa matul il-proċedura amministrattiva, li setgħet wasslet sabiex l-imsemmija proċedura setgħet tipproduċi riżultat differenti, u b’hekk ippreġudikat b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

58

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata l-ilment ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, ikkonstatat li indipendentement mid-determinazzjoni tat-tip ta’ prodott l-iktar viċin li għandu jiġi pparagunat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tat-tipi ta’ prodotti esportati mingħajr bejgħ domestiku korrispondenti fil-pajjiż analogu, din id-determinazzjoni tal-valur normali ma tistax titqies li hija żbaljata peress li ġew applikati koeffiċjenti xierqa sabiex jiġi aġġustat dan il-valur normali.

59

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li Zhejiang ġiet informata b’firxa ta’ valur normali għal kull NKP li tikkorrispondi għal dak esportat lejn l-Unjoni, b’firxa ta’ marġni ta’ dumping għal kull NKP esportat lejn l-Unjoni, bil-koeffiċjenti bbażati fuq id-data ta’ produtturi tal-Unjoni u tal-Istati Uniti li kienet intużat sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tan-NKP mingħajr tali korrispondenza, kif ukoll b’eżempju tal-mod kif ġew applikati dawn il-koeffiċjenti. Hija kkonkludiet li din id-data kienet suffiċjenti, mingħajr ma huwa neċessarju l-iżvelar tad-data kunfidenzjali, sabiex jiġu ddeterminati l-marġni ta’ dumping għal dawn in-NKP mingħajr korrispondenza.

60

Huwa b’mod sussidjarju li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, minn naħa, li Zhejiang ma kinitx sostniet l-allegazzjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, li, anki fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni wettqet żball fid-determinazzjoni tat-tip ta’ prodott l-iktar viċin li għandu jiġi pparagunat, dan madankollu ma kienx ifisser li d-determinazzjoni tal-valur normali kienet żbaljata, peress li kienu ġew applikati koeffiċjenti xierqa sabiex jiġi aġġustat il-valur normali tal-prodott inkwistjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 118 tas-sentenza appellata.

62

It-tielet, ma jistax jirnexxi l-argument ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ NKP iktar xierqa b’tali mod li, fl-assenza ta’ żvelar tal-lista tan-NPC, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissottometti proposti aħjar lill-Kummissjoni fir-rigward tal-aġġustamenti neċessarji għall-finijiet tal-paragun tal-prezzijiet.

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ dazju antidumping definittiv ma jimplikax li l-proċedura mibdija quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex tikkontesta dan id-dazju antidumping ma hijiex kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra dak l-att u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni, C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ NKP iktar xierqa.

65

Ir-raba’, għandu jiġi miċħud l-ilment ta’ Zhejiang li jgħid li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti sa fejn, minn naħa, fil-punti 91, 118 u 126 tas-sentenza appellata, għamlet riferiment għas-sitt NKP tal-pajjiż analogu bħala li ġew ipprovduti kollha mill-produttur-esportatur Indjan, filwaqt li dan ma jimmanifatturax tali prodotti u, min-naħa l-oħra, affermat, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li l-valur normali ta’ dawn il-prodotti ġie ddeterminat b’riferiment għad-data tal-produtturi tal-Unjoni għat-tip ta’ prodott l-iktar viċin.

66

Għandu jitfakkar, minn naħa, li allegat żnaturament tal-fatti jew tal-provi għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-fatti u l-provi (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C-200/09 P, EU:C:2012:78, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Min-naħa l-oħra, meta l-appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li jkunu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tallega Zhejiang, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li n-NKP tal-pajjiż analogu ġew kollha pprovduti mill-produttur‑esportatur Indjan. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 91 sa 126 tas-sentenza appellata, li s-sitt NKP tal-pajjiż analogu ma kinux mibjugħa minn dan il-produttur esportatur u li l-Kummissjoni kienet użat it-tipi ta’ prodotti l-iktar viċin mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni u applikat għal dawn it-tipi ta’ prodotti l-koeffiċjenti adatti abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni u tal-Istati Uniti.

69

Il-ħames, għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament infondat l-ilment ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 127 tas-sentenza appellata, sa fejn naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni kienet obbligata tapplika l-kriterju tat-“tranżazzjonijiet kummerċjali normali” qabel ma użat il-prezzijiet ta’ bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-verifika tal-profittabbiltà u tar-rappreżentattività tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni, meħtieġa mill-Artikolu 2(4) u mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2016/1036, tapplika għall-bejgħ tal-prodott simili intiż għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, meta dan jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni li fiha l-valur normali għal dawn it-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa mill-produttur-esportatur Indjan inħadem skont l-Artikolu 2(3) u (7) ta’ dan ir-regolament.

71

Is-sitt, ma jistax jintlaqa’ l-ilment ta’ Zhejiang dwar l-assenza ta’ kooperazzjoni tal-produttur-esportatur Indjan kif ukoll dwar l-ommissjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, li twettaq żjara ta’ verifika fuq il-post u li tislet il-konsegwenzi tar-rifjut ta’ dan il-produttur esportatur li jikkoopera.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 135 sa 138 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-investigazzjonijiet fil-pajjiżi terzi huma suġġetti għall-ftehim tal-impriżi kkonċernati li, f’dan il-każ, ġie rrifjutat mill-produttur-esportatur Indjan, u li Zhejiang ġiet informata b’dan ir-rifjut. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 139 tal-imsemmija sentenza, li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament 2016/1036 kien ġie invokat tardivament u li, fi kwalunkwe każ, minn din id-dispożizzjoni ma setax jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet obbligata twarrab id-data pprovduta mill-produttur-esportatur Indjan.

73

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2016/1036 jirriżulta b’mod manifest li l-investigazzjonijiet li tista’ twettaq il-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi huma suġġetti għall-qbil tal-impriżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkonkludiet li l-Artikolu 18(6) tar-Regolament 2016/1036 ma kienx rilevanti peress li minn din id-dispożizzjoni ma setax jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet obbligata twarrab id-data pprovduta mill-produttur-esportatur Indjan minħabba r-rifjut tiegħu ta’ kooperazzjoni.

74

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

75

Permezz tat-tieni aggravju, Zhejiang issostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-legalità tal-atti tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 ma setgħetx tiġi kkontestata fid-dawl tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO. Sussidjarjament, Zhejiang tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi, fil-punti 154 et seq tas-sentenza appellata, fuq l-argument tagħha dwar l-informazzjoni ineżatta pprovduta lill-Kummissjoni mill-produttur-esportatur Indjan, minkejja li hija kienet esponiet dan l-argument b’mod xieraq fil-punt 150 ta’ din is-sentenza.

76

F’dan ir-rigward, Zhejiang issostni li t-Taqsima 15(a) u (d) tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO waqfet tapplika fil-11 ta’ Diċembru 2016, b’tali mod li, sa minn dik id-data, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma hijiex suġġetta għall-applikazzjoni tar-regoli tal-“pajjiż analogu”. Issa, f’din il-kawża, l-avviż ta’ ftuħ tal-proċedura tal-Kummissjoni daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2016, mingħajr ma din l-istituzzjoni ddeċidiet dwar l-effetti tal-iskadenza tat-terminu previst fl-imsemmi protokoll. Zhejiang tqis li, mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst mill-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO, l-Unjoni għandha, bħala regola ġenerali, tuża l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezzijiet tas-suq intern Ċiniż sabiex tiddetermina l-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. B’hekk, skont Zhejiang, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 159 tas-sentenza appellata, inkwantu kkonstatat li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u dan anki wara l-adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mal-WTO.

77

Fir-rigward tal-istħarriġ tal-atti tal-Unjoni fid-dawl tad-dritt tal-WTO, Zhejiang tqis li l-ewwel eċċezzjoni, prevista fis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186), u esposta fil-punt 157 tas-sentenza appellata, hija ssodisfatta f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, Zhejiang issostni li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regoli bażiċi għad-determinazzjoni tad-dumping u li, minkejja li din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO, hija għandha tiġi interpretata konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija eċċezzjoni ma tistax tiġi applikata għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina wara l-iskadenza ta’ dan il-protokoll, b’tali mod li, mid-data tal-iskadenza tal-imsemmi protokoll, ir-regoli bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament 2016/1036 għandhom japplikaw għal dawn l-importazzjonijiet. Hija tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 159 sa 162 tas-sentenza appellata, inkwantu din qieset li l-imsemmija l-ewwel eċċezzjoni ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

78

Sussidjarjament, Zhejiang issostni li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 jikkostitwixxi eċċezzjoni awtorizzata għall-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 2 tal-Ftehim Antidumping, li hija speċifikament awtorizzata minħabba l-applikazzjoni tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO u biss sa fejn dan jibqa’ fis-seħħ. B’hekk, hija tqis li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 jikkostitwixxi t-tielet eċċezzjoni għall-ġurisprudenza stabbilita li skontha l-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim bħala prinċipju ma humiex fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’ tiġi mistħarrġa. Hija tqis wkoll li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 22(a) ta’ dan ir-regolament kif ukoll dan il-protokoll, l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-Ftehim Antidumping u l-Artikolu VI tal-GATT tal-1994.

79

Zhejiang topponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq sostituzzjoni l-motivi u hija tqis li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa żbaljat fil-liġi. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Unjoni kienet marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Antidumping għal diversi snin mal-preżentata, fix-xahar ta’ Settembru 2018, tat-talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni. Hija tiċċita diversi eżempji ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza ta’ miżuri antidumping wara talbiet li kienu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni wara l-11 ta’ Diċembru 2016, li fil-kuntest tagħhom hija kompliet tapplika l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036.

80

Barra minn hekk, Zhejiang iżżid li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument tagħha dwar l-għażla tal-Indja bħala pajjiż analogu u dwar l-ineżattezzi tal-informazzjoni pprovduta mill-produttur-esportatur Indjan, miġbura fil-qosor fil-punt 151 tas-sentenza appellata.

81

Il-Kummissjoni tqis prinċipalment li t-tieni aggravju huwa manifestament infondat u tqis, sussidjarjament, illi li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ t-tieni aggravju, hija jkollha tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi sa fejn l-argument ta’ Zhejiang ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’.

82

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-argument ta’ Zhejiang huwa bbażat fuq premessa żbaljata dwar l-applikazzjoni ratione temporis tar-regoli rilevanti tal-WTO. Il-Kummissjoni tafferma li kull regola tal-WTO wara l-waqfien tal-applikazzjoni tat-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO tapplika biss għall-investigazzjonijiet ibbażati fuq ilmenti li tressqu wara l-11 ta’ Diċembru 2016, li hija d-data ta’ dan il-waqfien. Issa, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni fl-10 ta’ Diċembru 2016 abbażi ta’ talba mressqa fit-8 ta’ Settembru 2011. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 18.3 tal-Ftehim Antidumping jirriżulta b’mod ċar li l-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli huwa dak meta tiġi rċevuta talba.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

F’dak li jikkonċerna l-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u l-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, dawn, bħala prinċipju, ma humiex fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’ tiġi mistħarrġa (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li jekk jiġi ammess li l-kompitu li tiġi żgurata l-konformità tad-dritt tal-Unjoni mar-regoli tal-WTO huwa direttament tal-qrati tal-Unjoni, dan iċaħħad lill-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Unjoni mill-marġni diskrezzjonali li jgawdu minnu l-korpi simili tal-imsieħba kummerċjali tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li wħud mill-partijiet kontraenti, inklużi l-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni mil-lat kummerċjali, ikkonkludew preċiżament, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-ftehimiet imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, il-konsegwenza li dawn ma humiex fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-korpi ġudizzjarji tagħhom jistħarrġu l-legalità tar-regoli tad-dritt nazzjonali tagħhom. Tali nuqqas ta’ reċiproċità, jekk jiġi rikonoxxut, jista’ jwassal għal żbilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Huwa biss f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirriflettu l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita hu stess il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li hija l-qorti tal-Unjoni, skont il-każ, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni u tal-atti adottati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-imsemmija ftehimiet jew ta’ deċiżjoni tal-organu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet tal-WTO li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-istess ftehimiet (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 47 l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Din hija, fl-ewwel lok, l-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet imsemmija fil-punt 83 ta’ din is-sentenza u, fit-tieni lok, fil-każ fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Huwa għalhekk abbażi ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk il-validità tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO.

88

Fir-rigward tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2016/1036, dwar id-determinazzjoni tal-valur normali tal-importazzjonijiet minn pajjiż membru tal-WTO li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 4748).

89

Din il-konstatazzjoni ma kinitx ikkontestata mill-fatt li l-premessa 3 tar-Regolament 2016/1036 tiddikjara li għandhom jiġu trasposti “sa fejn ikun possibbli” ir-regoli tal-Ftehim Antidumping fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din l-espressjoni għandha tinftiehem fis-sens li anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-Ftehim antidumping meta jadotta dan ir-regolament, huwa madankollu ma mmanifestax ir-rieda li jwettaq traspożizzjoni ta’ kull waħda minn dawn ir-regoli fl-imsemmi regolament. Għalhekk, il-konklużjoni li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 huwa intiż li jimplimenta l-obbligi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Antidumping, fi kwalunkwe każ, ma tistax tkun ibbażata b’mod iżolat fuq il-kliem ta’ din il-premessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 52).

90

Fit-tieni lok, mill-kliem stess tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 jirriżulta li dan ma jagħmel ebda riferiment espress għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina għall-WTO.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkonstatat, fil-punti 156 sa 162 tas-sentenza appellata, li dan il-protokoll ma setax jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/330.

92

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, għall-argument ta’ Zhejiang dwar l-għażla tal-Indja bħala pajjiż u għall-ineżattezzi tal-informazzjoni pprovduta mill-produttur-esportatur Indjan, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fit-tilwima, u għalhekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il-Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżamina dan l-argument kif ukoll it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni motiv fil-punti 163 sa 182 tas-sentenza appellata. Wara li kkonstatat, fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, li l-motivazzjoni li tinsab fil-punt 170 tagħha kienet turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, u b’hekk ippermettiet lil Zhejiang tiddefendi d-drittijiet tagħha u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-qorti tal-Unjoni.

94

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

95

Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 195, 196, 202, 203, 205, 206, 208, 209 u 211 tas-sentenza appellata, billi applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(10) u (11) u kif ukoll l-Artikolu 11(9) tar-Regolament 2016/1036.

96

F’dan ir-rigward, Zhejiang issostni li l-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036 hija bbażata fuq il-prinċipju tal-paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni. Għal dan il-għan, hija tqis li, minn naħa, skont l-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi kkonstatati fil-fatturi li huwa pretiż u pprovat li dawn għandhom effett fuq il-prezzijiet u, għaldaqstant, fuq il-paragunabbiltà tagħhom. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija obbligata tapplika fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, l-istess metodu bħal dak tal-investigazzjoni li tkun wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Issa, skont Zhejiang, abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036 dan l-obbligu huwa suġġett għall-obbligu li jiġi żgurat paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

97

Zhejiang issostni li l-Kummissjoni invokat l-Artikolu 11(9) tar-Regolament 2016/1036 sabiex tiċħad it-talba tagħha għal modifika tal-istruttura tan-NKP sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-bdil fiċ-ċirkustanzi wara l-investigazzjoni inizjali, u li hija informat lill-Kummissjoni bid-determinazzjoni żbaljata tal-elementi alfanumeriċi tal-NKP fi stadju bikri tal-proċedura. Issa, in-NKP magħżula mill-Kummissjoni wasslu għal żnaturament tal-paraguni tal-prezzijiet u għal konklużjoni pożittiva żbaljata dwar l-eżistenza ta’ dumping, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni wettqet paragun mhux xieraq bejn il-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użi militari jew nukleari u l-esportazzjonijiet minn Zhejiang ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użu kummerċjali ordinarju.

98

Għalhekk, Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ paragunabbli fis-suq intern Indjan ma kienx jinkludi kwalitajiet tal-azzar speċjali normalment użati għal prodotti militari jew nukleari speċjali, filwaqt li l-produtturi Indjani, tal-Istati Uniti u tal-Unjoni li mlew il-kwestjonarji matul il-proċedura ta’ reviżjoni, ammettew li huma jipproduċu pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użi militari jew nukleari minn kwalitajiet ta’ azzar ordinarji. Barra minn hekk, Zhejiang issostni li hija pproduċiet affidavit ta’ espert li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 208 tas-sentenza appellata, afferma bi preċiżjoni suffiċjenti li l-azzar ta’ kwalità ordinarja jista’ jintuża għall-manifattura ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użi nukleari filwaqt li l-prezz tal-bejgħ u l-ispiża tal-prodotti nukleari huma ferm ogħla minn dawk tal-prodotti ordinarji.

99

Zhejiang tikkunsidra, minn naħa, li abbażi tal-informazzjoni mhux ivverifikata li toriġina mill-produttur-esportatur Indjan, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li dan ma kienx jipproduċi pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użi nukleari jew militari minn kwalitajiet tal-azzar ordinarji, filwaqt li fuljett ta’ dan il-produttur-esportatur ma jeskludix li huwa jista’ jimmanifattura tali prodotti. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, timponi fuqha l-oneru tal-prova ta’ tali possibbiltà. Barra minn hekk, Zhejiang tqis li, fil-punt 207 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tagħha li ma kinux jirrigwardaw il-prezz tal-prodotti, iżda l-ispejjeż ta’ produzzjoni ogħla li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-koeffiċjenti li servew għall-aġġustament tal-valur normali f’dan il-każ.

100

Barra minn hekk, Zhejiang tqis li l-għażla żbaljata tal-istruttura tan-NPK wasslet sabiex l-aġġustament previst fl-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament 2016/1036 ma kienx għadu possibbli. Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 195 tas-sentenza appellata, Zhejiang tqis li hija wriet li differenzi sinjifikattivi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni kienu riflessi fil-prezz tal-bejgħ tal-prodotti, b’tali mod li aġġustament kien neċessarju. Għalhekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-bdil fiċ-ċirkustanzi li seħħ fil-proċedura ta’ reviżjoni b’tali mod li, billi ma kkonstatatx tali ommissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret kemm il-ġurisprudenza tal-gruppi speċjali u tal-korp tal-appell tal-WTO kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill (C‑15/12 P, EU:C:2013:572), li skontha, jekk fl-istadju ta’ reviżjoni l-metodu użat waqt l-investigazzjoni inizjali ma jkunx konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036, il-Kummissjoni hija obbligata li ma tibqax tapplika dak il-metodu.

101

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tat-tielet aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102

L-ewwel nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat, b’mod żbaljat, l-Artikolu 2(10) u (11) kif ukoll l-Artikolu 11(9) tar-Regolament 2016/1036.

103

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament 2016/1036, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, l-istess metodu bħal dak użat fl-investigazzjoni inizjali li tkun wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping inkwistjoni, waqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-istess regolament.

104

B’hekk, l-eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw, matul il-proċedura ta’ reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni inizjali meta ċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu għandha neċessarjament tiġi interpretata b’mod strett, peress li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill, C‑15/12 P, EU:C:2013:572, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Issa, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, inkwantu ċ-ċirkustanzi ma kinux inbidlu, il-Kummissjoni kienet użat l-istess metodu bħal fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping, kif jeħtieġ l-Artikolu 11(9) tar-Regolament 2016/1036.

106

Għalkemm huwa minnu li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom juru li ċ-ċirkustanzi nbidlu sabiex jiġi applikat metodu differenti meta mqabbel ma’ dak użat waqt l-eżami inizjali (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill, C‑15/12 P, EU:C:2013:572, punt 18), xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la allegat bdil fiċ-ċirkustanzi u lanqas ma applikat metodu differenti.

107

Sussegwentement, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti sa fejn ikkonstatat, minn naħa, li Zhejiang ma kinitx uriet li l-prezzijiet tal-pajpijiet u tubi mmanifatturati permezz ta’ perforazzjoni bis-sħana u permezz ta’ estrużjoni bis-sħana kienu jieħdu inkunsiderazzjoni differenzi sinjifikattivi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-bejgħ paragunabbli fis-suq intern Indjan ma kienx jinkludi kwalitajiet tal-azzar speċjali normalment użati għal prodotti militari jew nukleari speċjali.

108

Fil-fatt, ebda żnaturament tal-fatti ma jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, kif teżiġi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, minn naħa, immotivat iċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet ta’ Zhejiang dwar il-produzzjoni allegata tal-prodotti ta’ kwalitajiet ta’ azzar speċjali għal użu nukleari u militari mill-produttur-esportatur Indjan, billi qieset li r-riferiment għal fuljett tiegħu li jsemmi, b’mod ġenerali, is-settur nukleari u militari ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huwa effettivament jipproduċi tali prodotti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-riferimenti għall-produtturi tal-Unjoni u tal-Istati Uniti ma kinux jippermettu li jiġu ssostanzjati l-allegazzjonijiet ta’ Zhejiang dwar il-produzzjoni ta’ tali prodotti fl-Indja.

109

Ir-riferiment tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, għall-“prezzijiet” minflok l-“ispejjeż” tal-produtturi tal-Istati Uniti ma jikkonfutax il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 205 u 206 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li huwa irrilevanti.

110

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tal-affidavit ta’ espert prodott minn Zhejiang fi stadju tardiv tal-proċedura, li l-imsemmi affidavit, espress f’termini ġenerali, ma kienx ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-karatteristiċi tan-NKP.

111

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-differenzi sinjifikattivi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni li kienu riflessi fil-prezzijiet tal-bejgħ tad-diversi tipi ta’ prodotti inkwistjoni, mill-punt 195 tas-sentenza appellata jirriżulta li din ikkonstatat, l-ewwel nett, li l-metodi ta’ produzzjoni użati għal kull tip ta’ prodott ma kinux, bħala prinċipju, rilevanti peress li l-punt ta’ paragun huwa t-tip ta’ prodott finali, indipendentement mill-metodi ta’ produzzjoni użati għall-manifattura tiegħu.

112

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Zhejiang la sostniet u lanqas uriet quddiemha li d-differenzi fil-metodi ta’ produzzjoni allegati kellhom effett fuq l-identiċità jew ix-xebh tat-tipi ta’ prodotti kkonċernati.

113

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġu miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

114

Zhejiang issostni li, fil-punti 230 sa 232, 234, 236, 239, 241 u 245 sa 251 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kif ukoll żnaturat il-fatti, sa fejn naqset milli tikkonstata li l-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-koeffiċjenti applikati għall-valur normali tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx mingħajr korrispondenza diretta man-NKP esportati kienet żbaljata u ma kinitx tiggarantixxi valur normali ġust għal Zhejiang skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1036.

115

Fl-ewwel lok, Zhejiang tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kisret, fil-punti 230 sa 232 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2(10) u (11) u l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 billi ċaħdet, fil-qosor, l-argumenti tagħha dwar nuqqasijiet sostanzjali fil-mod li bih il-Kummissjoni kienet wettqet il-kalkoli tal-marġni ta’ dumping għall-maġġoranza tal-prodotti ta’ Zhejiang esportati lejn l-Unjoni li ma kinux direttament paragunabbli mal-pajpijiet u mat-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx mibjugħa mill-produttur-esportatur Indjan fis-suq intern tiegħu fl-Indja.

116

Fit-tieni lok, Zhejiang tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti meta kkonstatat, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet użat informazzjoni “residwa” li tikkonċerna l-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx tat-tip “tubi ssaldjati tat-tipi użati għat-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass”, li għalihom il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni serva ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Skont Zhejiang, minn naħa, il-Kummissjoni kienet obbligata tuża l-kriterju tat-“tranżazzjonijiet kummerċjali normali”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni affermat li sabiex tiddetermina l-valur normali ta’ dawn il-prodotti hija kienet użat id-data pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, mingħajr ma użat it-terminu “residwa”, b’tali mod li Zhejiang tikkunsidra li l-Kummissjoni użat il-prezz tal-bejgħ ta’ NKP speċifiku fl-Unjoni. Madankollu, skont Zhejiang, il-Kummissjoni ammettiet li hija kienet ħolqot il-valur normali tal-imsemmi NKP mingħajr, madankollu, ma spjegat kif hija kienet ipproċediet. Zhejiang tikkunsidra, minn naħa, li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2016/1036 jipprevedi ġerarkija tal-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur normali u ma jippermettix l-użu ta’ informazzjoni “residwa”. Min-naħa l-oħra, hija tqis li dan il-kliem, li huwa wisq ġeneriku, jippermetti lill-Kummissjoni tinjora d-diversi possibbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 li jirreferu kollha għall-valur normali, inkluż għall-valur normali maħdum, u mhux għal elementi indeterminati tal-prezzijiet ta’ bejgħ fl-Unjoni.

117

Fit-tielet lok, Zhejiang tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti relatati mal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti tal-produtturi tal-Unjoni u tal-Istati Uniti għall-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produttur-esportatur Indjan. Għalhekk, Zhejiang issostni li hija pprovdiet lill-Kummissjoni diversi provi, inkluż affidavit, li juru li l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użi nukleari jew militari huma ħafna ogħla mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użu ordinarju. Għaldaqstant, hija tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkonstatat, fil-punt 239 tas-sentenza appellata, li kulma għamlet kienu sempliċi affermazzjonijiet mhux issostanzjati billi indikat li l-pajpijiet u t-tubi intiżi għal użi nukleari jew militari jwasslu għal spejjeż ta’ produzzjoni ħafna ogħla mill-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użu kummerċjali ordinarju.

118

Fir-raba’ lok, Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkonstatat, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha żewġ possibbiltajiet sabiex tiddetermina l-koeffiċjenti li għandhom jiġu applikati u ddeċidiet, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li ma tużax il-metodu alternattiv li hija kienet ipproponiet. Barra minn hekk, hija kienet siltet konklużjonijiet żbaljati fil-punti 245 sa 251 tas-sentenza appellata. Skont Zhejiang, l-użu tal-listi tal-ispejjeż u tal-prezz standard tal-industrija tal-Unjoni u tal-Istati Uniti kien l-unika għażla disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-koeffiċjenti li ma humiex minfuħa mill-ispejjeż ta’ produzzjoni ogħla, fl-Istati Uniti u fl-Unjoni, ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użi militari jew nukleari. Wara li fakkret id-diversi elementi li jinfluwenzaw l-ispiża ta’ NKP, Zhejiang issostni li l-Kummissjoni nefħet b’mod arbitrarju u żbaljat il-koeffiċjenti relatati mal-kwalità tal-azzar u mal-finitura filwaqt li l-koeffiċjenti użati minnha jirreferu wkoll għad-differenzi bejn in-NKP f’dak li jirrigwarda d-dijametru estern, il-ħxuna tal-ħajt u diversi elementi oħra ta-NKP, li ma ġewx esklużi mill-Kummissjoni waqt id-determinazzjoni tad-differenza tal-ispiża għall-kwalità tal-azzar u l-ispiża tal-finitura. Zhejiang tipproponi l-metodu korrett li jippermetti li jiġi kkonstatat dumping negattiv u tirrileva li l-metodoloġija żbaljata applikata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-koeffiċjenti kellha effett fuq mill-inqas żewġ terzi tal-esportazzjonijiet totali tagħha.

119

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tar-raba’ aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 230 u 231 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ Zhejiang intiżi sabiex juru l-iżball ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping għall-maġġoranza tal-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni minħabba l-fatt li, skont din tal-aħħar, dawn l-esportazzjonijiet ma kinux direttament paragunabbli mal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx mibjugħa mill-produttur-esportatur Indjan fis-suq intern tiegħu fl-Indja.

121

Sa fejn dawn l-argumenti kienu bbażati, essenzjalment, fuq l-istess raġunament bħal dak imressaq insostenn tal-motiv ta’ Zhejiang ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ċaħdithom mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi.

122

Fit-tieni lok għandu jiġi kkonstatat li Zhejiang taqra b’mod żbaljat il-punt 234 tas-sentenza appellata.

123

Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali, bi tweġiba għall-argument ta’ Zhejiang li l-Unjoni setgħet tintuża bħala “pajjiż analogu”, ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet għażlet l-Indja bħala pajjiż analogu u li “l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni għaż-żewġ NKP koperti minn [Zhejiang] [kien] intuża biss fuq bażi residwa”. Permezz ta’ dawn il-kliem, kulma għamlet il-Qorti Ġenerali kien li enfasizzat il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data tal-produtturi tal-Unjoni biss għan-NKP li għalihom ma kienx hemm NKP simili mibjugħa mill-produttur-esportatur Indjan.

124

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ta’ Zhejiang dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tat-“tranżazzjonijiet kummerċjali normali”, għandu jiġi rrilevat li Zhejiang ma speċifikatx, f’dan ir-rigward, il-punti tas-sentenza appellata li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, b’tali mod li dan l-argument huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell.

125

Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi argument ma huwiex fondat inkwantu l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036 ma jirreferix għall-kriterju tat-“tranżazzjonijiet kummerċjali normali”.

126

Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti fil-punt 236 tas-sentenza appellata, sa fejn ikkonstatat li l-Kummissjoni użat il-prezzijiet aġġustati tal-produttur-esportatur Indjan għall-esportazzjonijiet tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx ta’ Zhejiang tat-tip “tubi ssaldjati tat-tipi użati għat-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass”.

127

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega Zhejiang, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan il-punt, minn naħa, li l-koeffiċjenti ġew iddeterminati abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produtturi tal-Istati Uniti jew tal-Unjoni u ġew applikati fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produttur-esportatur Indjan.

128

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Zhejiang li l-marġni ta’ dumping tal-parti l-kbira tal-prodotti esportati minnha jirriżulta minn data li toriġina mill-Istati Uniti jew mill-Unjoni. Hija kkonstatat, f’dan ir-rigward, li d-determinazzjoni tal-valur normali għall-parti l-kbira tal-prodotti ta’ Zhejiang esportati lejn l-Unjoni kienet ibbażata fuq id-data pprovduta mill-produttur‑esportatur Indjan, u li l-fatt li l-Kummissjoni użat koeffiċjenti kkalkolati abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni jew tal-Istati Uniti sabiex taġġusta l-valur normali tat-tip ta’ prodott l-iktar viċin tal-produttur‑esportatur Indjan, ma kienx ta’ natura li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

129

Fil-ħames lok, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-argument ta’ Zhejiang indirizzat kontra l-punt 239 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.

130

Fil-fatt, sa fejn Zhejiang tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argumenti tagħha, intiżi sabiex juru li l-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użu nukleari jew militari, anki jekk immanifatturati minn azzar ordinarju, iwasslu għal spejjeż ta’ produzzjoni ħafna ogħla mill-manifattura tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx intiżi għal użu kummerċjali, ma kinux sostnuti, kif ukoll il-konstatazzjoni li r-riferiment għal diversi annessi ma ppermettiex lill-Qorti Ġenerali tidentifika, bi preċiżjoni, il-motivi u l-argumenti invokati, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi l-iżball ta’ liġi mwettaq minnha, għandu jitqies li Zhejiang għandha l-intenzjoni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostiwixxi l-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha stess.

131

Fis-sitt lok, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument ta’ Zhejiang li jgħid li l-użu tal-listi ta’ spejjeż u ta’ prezzijiet standard tal-industrija tal-Unjoni u tal-Istati Uniti kien l-unika għażla disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tiddetermina korrettement il-koeffiċjenti li għandhom jiġu applikati.

132

F’dan ir-rigward, fil-punti 241 u 242 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma wettqet żball, li n-natura raġonevoli tal-aġġustament u n-natura xierqa tal-paragun li wassal għalih l-aġġustament ibbażat fuq din l-istima ma jistgħux jiġu evalwati fid-dawl tal-eżistenza jew le ta’ metodi alternattivi iktar xierqa. B’hekk, din ikkonkludiet, billi spjegat ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx użat il-metodi alternattivi, li Zhejiang ma kinitx uriet xi illegalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni.

133

Fis-seba’ u l-aħħar lok, il-kontestazzjoni, minn Zhejiang, tal-punti 245 sa 251 tas-sentenza appellata, għandha tiġi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, miċħuda bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell, sa fejn din hija intiża, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali bl-evalwazzjoni tagħha stess, mingħajr ma jkun intwera żball ta’ liġi jew żnaturament.

134

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

135

Zhejiang issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 268 u 269 tas-sentenza appellata sa fejn inkludiet, fil-konklużjonijiet tagħha dwar l-effett, fuq l-Unjoni, tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx ta’ Zhejiang, il-prezzijiet ipprattikati mill-industrija tal-Unjoni għall-pajpijiet u tubi intiżi għal użi militari jew nukleari kif ukoll il-prezzijiet tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx ta’ Zhejiang użati fil-proċeduri doganali tal-ipproċessar attiv, bi ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5) u (6), u tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036.

136

F’dan ir-rigward, Zhejiang issostni li, matul il-proċedura ta’ reviżjoni, l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw miċ-Ċina naqsu meta mqabbla ma’ dawk li joriġinaw mill-Indja. Għalhekk, hija invokat il-fatt li l-prezzijiet tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx ipprattikati minn Zhejiang kienu inqas mill-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Indjani ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx lejn l-Unjoni matul l-istess perijodu. Filwaqt li fakkret id-data statistika li tindika li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx Ċiniż dejjem kienu ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx Indjani esportati lejn l-Unjoni, Zhejiang tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u tar-rikorrenza probabbli ta’ dan id-dannu fuq it-twaqqigħ tal-prezzijiet ipprattikati mill-esportaturi Ċiniżi ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx meta mqabbla mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Meta kkonfermat din l-evalwazzjoni fil-punt 267 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi.

137

Barra minn hekk, skont Zhejiang, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta fil-punt 269 tas-sentenza appellata approvat l-approċċ tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja jew minn pajjiżi terzi oħra ma kinux jikkostitwixxu l-uniku fattur li kkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni. Hija tqis li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li d-differenza ikbar osservata minn Zhejiang tirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet fil-kuntest tas-sistema ta’ pproċessar attiv, tinjora l-fatt li l-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx ta’ Zhejiang suġġetti għas-sistema ta’ pproċessar attiv qatt ma ġew importati fl-Unjoni u qatt ma ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fis-suq tal-Unjoni. Minn dan hija tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 268 u 269 tas-sentenza appellata, meta inkludiet, fil-konstatazzjonijiet tagħha dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-prezzijiet ipprattikati minn Zhejiang għall-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx użati fil-kuntest tas-sistema doganali ta’ pproċessar attiv.

138

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-ħames aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139

Ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ Zhejiang li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet fil-punt 269 tas-sentenza appellata li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja jew minn pajjiżi terzi oħra ma kinux l-uniku fattur li kkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni u, għaldaqstant, ċaħdet l-argumenti tagħha.

140

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 267 sa 269 tas-sentenza appellata, irrilevat li l-konstatazzjoni tal-eżistenza u tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni kienet ibbażata fuq il-livelli ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-importazzjonijiet Indjani fil-kuntest tad-diversi fatturi ta’ kawżalità tad-dannu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Zhejiang intiżi sabiex jikkontestaw l-imsemmija konstatazzjoni u ċaħdithom.

141

Peress li ma ntwera ebda żball ta’ liġi jew żnaturament, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-argument ta’ Zhejiang huwa intiż, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-provi b’dik imwettqa minnha, b’tali mod li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell.

142

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ Zhejiang li jgħid li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, li d-differenza ikbar irrilevata minnha bejn il-prezz tal-importazzjonijiet Indjani u dak tal-importazzjonijiet Ċiniżi tirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet fil-kuntest tas-sistema ta’ pproċessar attiv, filwaqt li hija qatt ma importat fl-Unjoni pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx suġġetti għas-sistema ta’ pproċessar attiv, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

143

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali ma rreferietx għall-importazzjonijiet ta’ Zhejiang, iżda għall-importazzjonijiet Ċiniżi b’mod ġenerali. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Zhejiang li jgħid li l-prezz tal-importazzjonijiet Indjani kien dejjem “nettament” inqas minn dak tal-importazzjonijiet Ċiniżi, billi kkonstatat li l-prezz medju tal-importazzjonijiet Indjani, għalkemm inqas mill-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi, kien jinsab f’livell qrib ħafna tiegħu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni u li d-differenza ikbar osservata minn Zhejiang kienet tirriżulta min-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet fil-kuntest tas-sistema ta’ pproċessar attiv.

144

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud u li, konsegwentement, l-appell għandu wkoll jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

145

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

146

F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna ta’ Zhejiang għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals Co. Ltd għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top