Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 62020CJ0716

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Settembru 2022.
RTL Television GmbH vs Grupo Pestana S.G.P.S., S.A. u SALVOR - Sociedade de Investimento Hoteleiro, S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable – Direttiva 93/83/KEE – Artikolu 1(3) – Kunċett ta’ ‘ritrażmissjoni bil-cable’ – Fornitur tar-ritrażmissjoni li ma għandux il-kwalità ta’ distributur bil-cable – Distribuzzjoni simultanja, mhux mibdula u sħiħa ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju trażmessi bis-satellita u intiżi li jiġu rċevuti mill-pubbliku, magħmula mill-operatur ta’ lukanda, permezz ta’ dixx tas-satellita, ta’ cable u ta’ riċevituri tat-televiżjoni jew tar-radju – Assenza.
Kawża C-716/20.

Rättsfallssamlingen – allmänna delen

ECLI-nummer: ECLI:EU:C:2022:643

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable – Direttiva 93/83/KEE – Artikolu 1(3) – Kunċett ta’ ‘ritrażmissjoni bil-cable’ – Fornitur tar-ritrażmissjoni li ma għandux il-kwalità ta’ distributur bil-cable – Distribuzzjoni simultanja, mhux mibdula u sħiħa ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju trażmessi bis-satellita u intiżi li jiġu rċevuti mill-pubbliku, magħmula mill-operatur ta’ lukanda, permezz ta’ dixx tas-satellita, ta’ cable u ta’ riċevituri tat-televiżjoni jew tar-radju – Assenza”

Fil-Kawża C‑716/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

RTL Television GmbH

vs

Grupo Pestana S.G.P.S., SA,

SALVOR – Sociedade de Investimento Hoteleiro, SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, M. Ilešič (Relatur), D. Gratsias u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RTL Television GmbH, minn J. P. de Oliveira Vaz Miranda de Sousa, advogado,

għal Grupo Pestana S.G.P.S., SA, u SALVOR – Sociedade de Investimento Hoteleiro, SA, minn H. Trocado, advogado,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, B. Rechena u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 134).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn RTL Television GmbH (iktar ’il quddiem “RTL”) u Grupo Pestana, S.G.P.S., SA, (iktar ’il quddiem “Grupo Pestana”) u SALVOR – Sociedade de Investimento Hoteleiro, SA, (iktar ’il quddiem “Salvor”) dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, fil-kmamar ta’ lukandi operati minn dawn tal-aħħar, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-ewwel, tal-programmi tal-istazzjon RTL.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Ftehim TRIPs

3

Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ġie ffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha, ta’ ftehimiet ta’ negozjati multilaterali taċ-ċiklu tal-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

4

L-Artikolu 9 tal-Ftehim TRIPs, intitolat “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne [għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”)] u l-Anness għall-imsemmija Konvenzjoni. […]”

5

L-Artikolu 14 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Il-protezzjoni ta’ performers, Produtturi ta’ Fonogrammi (Ħsejjes tar-Rikordjar) u Organizzazzjonijiet tax-Xandir”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkollhom id-dritt li jipprojbixxu l-atti li ġejjin meta jsiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom: l-iffissar, ir-riproduzzjoni ta’ l-iffissar u x-xandir mill-ġdid permezz ta’ mezzi bla fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandir bit-televiżjoni stess. Fejn il-Membri ma jagħtux dawn id-drittijiet lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, għandhom jipprovdu lis-sidien tad-dritt ta’ l-awtur fis-suġġett tax-xandira bil-possibbiltà li jipprevjenu l-atti msemmija hawn fuq, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berne […].”

Il-Konvenzjoni ta’ Berna

6

L-Artikolu 11a(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom:

[…]

2.

kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni ssir minn korp ieħor għajr dak ta’ oriġini;

[…]”

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

7

Skont l-Artikolu 3(g) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisti tal-Ispettaklu, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), “xandira mill-ġdid” tfisser, għall-finijiet tagħha, “ix-xandir simultanju minn organizzazzjoni tax-xandir ta’ xandira ta’ xandar”.

8

L-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Protezzjoni minima tal-organizzazzjonijiet tax-xandir”, huwa fformulat kif ġej:

“L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)

ix-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom;

(b)

l-iffissar tax-xandiriet tagħhom;

(ċ)

ir-riproduzzjoni

(i)

tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, mingħajr il-kunsens tagħhom

(ii)

tal-iffissar, imwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15, tax-xandiriet tagħhom, jekk ir-riproduzzjoni ssir għal finijiet differenti minn dawk msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet;

(d)

il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tat-televiżjoni tagħhom f’każ li tali komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ miżata għad-dħul; huwa l-kompitu tal-liġi nazzjonali tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni ta’ dan id-dritt li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt jista’ tiġi eżerċitat.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/83

9

Il-premessi 8 sa 10, 27 u 28 tad-Direttiva 93/83 huma fformulati kif ġej:

“(8)

Billi, […], ċertezza legali, li hi pre-rekwiżit għall-moviment liberu ta’ xandir fil-Komunità, hi nieqsa meta programmi trasmessi minn fruntiera għal oħra jkunu trasmessi u ri-trasmessi permezz ta’ cable networks;

(9)

Billi l-iżvilupp ta’ akkwist ta’ jeddijiet fuq bażi kuntrattwali permezz ta’ awtorizzazzjoni diġà qed tagħti kontribuzzjoni vigoruża għat-twaqqif ta’ ż-żona awdjo-viżiva Ewropeja; billi l-kontinwazzjoni ta’ dawk il-ftehim kuntrattwali għandha tkun assigurata u t-tħaddim sewwa fil-prattika għandu jkun promoss fejn dan jista’ jkun possibbli;

(10)

Billi fil-preżent operaturi bil-cable b’mod partikolari ma jistgħux ikunu ċerti li huma jkunu attwalment akkwistaw il-jeddijiet kollha tal-programm kopert b’dak il-ftehim;

[…]

(27)

Billi t-ritrasmissjoni bil-cable ta’ programmi minn Stati Membri oħra hu att soġġett għad-drittijiet ta’ l-awtur u, skond il-każ, jeddijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur; billi l-operatur bil-cable għandu, għalhekk, jikseb l-awtorizzazzjoni minn kull min ikollu l-jeddijiet f’kull parti tal-programm li jkun trasmess mill-ġdid; billi, bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw b’mod kuntrattwali kemm-il darba ma tkunx ipprovduta eċċezzjoni temporanja fil-każ ta’ skemi legali ta’ liċenzjar;

(28)

Billi, sabiex ikun assigurat li t-tħaddim bla xkiel ta’ ftehim kuntrattwali ma jitpoġġiex fid-dubbju bl-intervent ta’ barranin li jkollhom jeddijiet fil-partijiet individwali tal-progamm, għandhom isiru disposizzjonijiet, permezz ta’ l-obbligazzjoni li jkun hemm rikors għal soċjetà li tiġbor, għall-eżerċizzju ta’ kollezzjoni esklussiv tal-jedd ta’ awtorizzazzjoni safejn dan hu meħtieġ mill-karatteristiċi speċjali tat-ritrasmissjoni bil-cable; billi l-jedd ta’ awtorizzazzjoni bħala tali jibqa’ intatt u l-eżerċizzju ta’ dan il-jedd biss hu regolat sa ċertu punt, sabiex il-jedd li tkun awtorizzata t-ritrasmissjoni bil-cable tista’ tkun assenjata; billi din id-Direttiva ma taffettwax il-jeddijiet morali;”.

10

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “ritrasmissjoni bil-cable” tfisser ir-ritrasmissjoni simultanja, mhux alterata u mhux imqassra bil-cable jew sistema ta’ microwave għal reception mill-pubbliku għal trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-wire jew over the air, inkluża dik bis-satellita, jew programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku.”

11

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Xandir”:

“Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur […]”

12

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Jedd ta’ ritrasmissjoni permezz bil-cable”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li meta programmi minn Stati Membri oħra jkunu trasmessi mill-ġdid permezz bil-cable fit-territorju tagħhom ikunu osservati d-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli u l-jeddijiet relatati u li dik ir-ri-trasmissjoni ssir abbażi ta’ ftehim kuntrattwali individwali jew kollettiv bejn dawk li jkollhom il-drittijiet ta’ l-awtur, dawk li jkollhom il-jeddijiet relatati u operaturi tal-cable.”

13

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 93/83, intitolat “Eżerċizzju tal-jedd ta’ ritrasmissjoni bil-cable”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-jedd ta’ min għandu d-drittijiet ta’ l-awtur u dawk li jkollhom jeddijiet relatati li jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjoni lil operatur tal-cable għal cable retransmission jista’ jkun estiż biss permezz ta’ soċjetà kollettriċi.

2.   Meta dak li jkollu jedd ma jkunx trasferixxa l-immaniġġjar tal-jeddijiet tiegħu lil soċjetà kollettriċi, is-soċjetà kollettriċi li timmaniġġja jeddijiet ta’ l-istess kategorija għandha titqies li ngħatatilha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet. Meta aktar minn soċjetà kollettriċi waħda timmaniġġja jeddijiet ta’ dik il-kategorija, dak li jkollu l-jedd għandu jkun liberu li jagħżel liema minn dawk is-soċjetajiet kollettriċi tkun meqjusa li jkollha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet tiegħu. Dak li jkollu l-jedd kif imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkollu l-istess jeddijiet u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim bejn l-operatur tal-cable u s-soċjetà kollettriċi li tkun meqjusa li jkollha l-mandat li timmaniġġja l-jeddijiet tiegħu daqs dak li jkollu l-jeddijiet li jkun ta mandat lil dik is-soċjetà kollettriċi u dan għandu jkun jista’ jinvoka dawk il-jeddijiet f’perjodu ta’ żmien, li għandu jkun stabbilit mill-Istat Membru interessat, li m’għandux ikun iqsar minn tliet snin mid-data tat-ritrasmissjoni bil-cable li tinkludi xi-xogħol tiegħu jew suġġett ieħor protett.

3.   Stat Membru jista’ jipprovdi li, meta dak li jkollu jedd jawtorizza t-trasmissjoni inizjali fit-territorju tiegħu ta’ xogħol jew suġġett ieħor protett, dan għandu jitqies li jkun qabel li ma jeżerċitax il-jeddijiet tiegħu ta’ ri-trasmissjoni fuq bażi individwali iżda li jeżerċitahom skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

14

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżerċizzju tal-jedd ta’ cable retransmission minn organizzazzjonijiet tax-xandir”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-Artikolu 9 ma japplikax għall-jeddijiet eżerċitati minn organizzazzjoni tax-xandir għar-rigward it-trasmissjoni tagħha stess, irrispettivament dwar jekk il-jeddijiet in kwistjoni jkunux tagħha jew ikunu ġew trasferiti lilha minn oħrajn li għandhom id-drittijiet ta’ l-awtur u/jew dawk li jkollhom jeddijiet relatati.”

Id-Direttiva 2001/29/KE

15

Skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

“Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola ebda att ieħor.”

16

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[D]in id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

[…]

(ċ)

id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir ta’ programmi bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable;

[…]”

17

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprevedi”:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

[…]

(e)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

18

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku [oġġetti protetti oħra]”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[…]

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

[…]”

Id-Direttiva 2006/115/KE

19

Skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

“L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku.”

20

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ l-Iffissar”, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu jipprevedi:

“2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita.

3.   l-operatur tal-cable m’għandux ikollu d-dritt previst fil-paragrafu 2 fejn huwa sempliċiment jerġa’ jittrasmetti bil-cable x-xandiriet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir.”

21

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, jiddikjara fil-paragrafu 3:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

22

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku […]:

[…]

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, rigward l-iffissar tax-xandiriet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 7(2).”

23

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, intitolat “Relazzjoni bejn id-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati” jiddikjara:

“Il-protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva għandha tħalli integra u m’għandha bl-ebda mod taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.”

Id-dritt Portugiż

24

L-Artikolu 176 tal-Código do Direito de Autor e dos Direitos Conexos (il-Kodiċi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati, iktar’ il quddiem iċ-“CDADC”) jipprevedi, fil-paragrafi 9 u 10 tiegħu:

“9.   “Organu ta’ xandir huwa organu li jwettaq xandir bir-radju jew b’mod viżiv, jiġifieri x-xandir ta’ ħsejjes jew ta’ stampi, jew ir-rappreżentazzjoni tagħhom, separatament jew b’mod kumulattiv, bil-fili jew mingħajr fili, b’mod partikolari permezz ta’ frekwenzi tar-radju, bil-fibri ottiċi, bil-cable jew bis-satellita, intiżi għar-riċezzjoni mill-pubbliku.

10.   Ir-ritrażmissjoni hija t-trażmissjoni simultanja minn organu ta’ xandir ta’ xandir imwettaq minn organu ieħor ta’ xandir.”

25

L-Artikolu 187 tal-KDB C, intitolat “Drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxu:

(a)

ir-ritrażmissjoni tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili;

[…]

(e)

il-komunikazzjoni lill-pubbliku tat-trażmissjonijiet tagħhom, meta din il-komunikazzjoni sseħħ f’post pubbliku u permezz ta’ ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

26

L-Artikolu 3 tad-Decreto-Lei Nru 333/97 (id-Digriet-Liġi Nru 333/97), tas-27 ta’ Novembru 1997 (Diário da República I, Serje I-A, Nru 275, tas-27 ta’ Novembru 1997), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet:

[…]

(ċ)

‘ritrażmissjoni bil-cable’ tfisser id-distribuzzjoni lill-pubbliku, magħmula b’mod simultanju u sħiħ bil-cable, ta’ trażmissjoni inizjali ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju intiżi sabiex jiġu rċevuti mill-pubbliku.”

27

L-Artikolu 8 tad-Digriet-Liġi Nru 333/97, intitolat “Estensjoni għad-Detenturi ta’ Drittijiet Relatati”, jipprevedi:

“L-Artikoli 178, 184 u 187 tas-[CDADC] kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan id-digriet liġi huma applikabbli għall-artisti, produtturi ta’ fonogrammi u videogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir, waqt il-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita tas-servizzi tagħhom, fonogrammi, videogrammi u programmi u waqt ir-ritrażmissjoni bil-cable.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28

RTL, stabbilita fil-Ġermanja, tifforma parti minn konglomerat ta’ impriżi ta’ xandir ta’ kontenut televiżiv, magħruf bl-isem kummerċjali “Mediengruppe RTL Deutschland”. In-network RTL huwa wieħed min-networks tat-televiżjoni bil-lingwa Ġermaniża li huma l-iktar magħrufa mill-pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jitkellem bil-Ġermaniż, u l-programmi tiegħu joffru firxa wiesgħa ħafna ta’ formati televiżivi (films, sensiliet, spettakli, dokumentarji, avvenimenti sportivi, attwalità u rivisti).

29

Teknikament, dan l-istazzjon jista’ jinqabad fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fl-Isvizzera, permezz tal-għażliet kollha eżistenti ta’ riċezzjoni ta’ programmi televiżivi, jiġifieri permezz tas-satellita, bil-cable, IP, minn OTT/Internet kif ukoll min-netwerk tat-televiżjoni terrestri. Barra minn hekk, hija bla ħlas, peress li ebda tariffa ma tiġi ffatturata sabiex tiġi rċevuta fid-djar privati u, fil-parti l-kbira tal-għażliet ta’ riċezzjoni, is-sinjal ma jiġix ikkriptat. Barra minn hekk, is-sorsi kollha ta’ finanzjament tar-reklamar joriġinaw minn dawn it-tliet pajjiżi.

30

Fid-dawl tax-xandir tas-sinjal tas-satellita (satellita ASTRA 19, 2 Lvant), dan l-istazzjon jista’ teknikament jinġabar f’diversi pajjiżi Ewropej oħra, b’mod partikolari fil-Portugall, permezz ta’ dixx tas-satellita.

31

Għal dak li jirrigwarda r-riċezzjoni u l-użu ta’ dan is-sinjal, RTL diġà kkonkludiet diversi kuntratti ta’ liċenzja kemm ma’ operaturi tat-televiżjoni bil-cable kif ukoll ma’ ċerti lukandi li jinsabu fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-Portugall.

32

Grupo Pestana, stabbilita fil-Portugall, hija kumpannija li topera fil-ġestjoni ta’ ishma ta’ impriżi oħra. Hija għandha ishma maġġoritarji f’kumpanniji li, min-naħa tagħhom, jippossjedu jew joperaw l-istabbilimenti tal-lukandi.

33

Grupo Pestana għandha sehem dirett ta’ mill-inqas 98.98 % fil-kapital ta’ Salvor, kumpannija li l-għan tagħha huwa l-eżerċizzju u l-promozzjoni tal-industrija tal-lukandi, billi tibni jew tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ lukandi u billi tieħu ħsieb direttament jew indirettament l-operat tal-lukandi u tal-istabbilimenti simili.

34

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2012, id-direttur tad-dipartiment internazzjonali tad-distribuzzjoni u tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ta’ Mediengruppe RTL Deutschland talab lil Grupo Pestana tħallas it-tariffa għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ diversi stazzjonijiet li jappartjenu lil dan il-grupp, b’mod partikolari n-network RTL, fil-kmamar tal-lukandi operati minn kumpanniji li jappartjenu lil Grupo Pestana.

35

Fit-12 ta’ Novembru 2012, Grupo Pestana rrispondiet għal din l-ittra billi indikat, b’mod partikolari, li, skont id-dritt Portugiż, il-lukandi ma kinux obbligati jħallsu d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet l-oħra fil-każ tas-sempliċi riċezzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni.

36

Peress li qieset li kellha d-dritt tawtorizza jew tirrifjuta r-riċezzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xandiriet tan-network eponima, RTL ippreżentat rikors kontra Salvor u Grupo Pestana quddiem it-Tribunal da Propriedade Intelectual (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali, il-Portugall), billi talbet lil din il-qorti, b’mod partikolari, li tiddikjara li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni kien jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu.

37

Barra minn hekk, bħala kumpens għat-ritrażmissjoni u/jew għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tan-network RTL, hija talbet, minn naħa, il-kundanna in solidum ta’ Salvor u ta’ Grupo Pestana għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 0.20 għal kull kamra u fix-xahar għall-perijodu li fih Salvor kienet qiegħdet l-imsemmi network għad-dispożizzjoni fil-kmamar tal-lukandi tagħha, flimkien mal-interessi bir-rata legali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kundanna ta’ Grupo Pestana għall-ħlas ta’ tali kumpens għall-perijodu meta l-lukandi operati mill-kumpaniji l-oħra li hija proprjetarja tagħhom kienu qegħdin iqiegħdu jew qegħdin iqiegħdu l-imsemmi kanal għad-dispożizzjoni fil-kmamar tagħhom.

38

Fl-aħħar nett, RTL talbet il-kundanna ta’ Grupo Pestana, bħala kumpannija omm, sabiex tadotta l-miżuri intragruppi adegwati sabiex il-kumpanniji li hija żżomm ma jqiegħdux għad-dispożizzjoni tan-network RTL fil-lukandi li dawn joperaw, mingħajr ma jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ RTL.

39

It-Tribunal da Propriedade Intelectual (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali) ikkonstatat li r-riċezzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xandiriet tal-istazzjon RTL fil-kmamar ta’ lukandi inkwistjoni jikkostitwixxu att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 187(1)(e) tas-CDADC, minkejja l-assenza ta’ ħlas ta’ korrispettiv speċifiku intiż li tiġi rremunerata l-viżwalizzazzjoni ta’ dan l-istazzjon, bħal miżata għad-dħul. Madankollu, l-imsemmija qorti ddeċidiet li d-distribuzzjoni tal-imsemmi stazzjon ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “ritrażmissjoni tax-xandiriet”, peress li la l-konvenuti fil-kawża prinċipali u lanqas il-lukandi identifikati fir-rikors ma kienu organizzazzjonijiet tax-xandir. Konsegwentement, hija ċaħdet il-pretensjonijiet ta’ RTL, b’mod partikolari dawk ta’ natura kumpensatorja jew ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu.

40

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall), li kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. Il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat, essenzjalment, li d-distribuzzjoni permezz tal-cable koassjali tax-xandiriet tal-istazzjon RTL lejn diversi settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar tal-istabbilimenti ospitanti operati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kinitx tikkostitwixxi ritrażmissjoni ta’ xandiriet, fid-dawl tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 176(10) tas-CDADC.

41

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk adixxiet lill-qorti tar-rinviju, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), b’rikors għal reviżjoni eċċezzjonali, li ġie ammess minnha.

42

Skont din il-qorti, il-kwistjoni essenzjali li għandha tiġi deċiża fil-kuntest ta’ dan ir-rikors hija dik dwar jekk id-distribuzzjoni bil-cable koassjali ta’ trażmissjonijiet tal-istazzjon RTL fil-kmamar tal-lukandi kkonċernati tikkostitwixxix ritrażmissjoni ta’ dawn ix-xandiriet, suġġetta, skont l-Artikolu 187(1)(a) tas-CDADC, għall-awtorizzazzjoni tal-organizzazzjoni tax-xandir, f’dan il-każ RTL.

43

Minn naħa, iż-żewġ istanzi inferjuri qiesu li ma kienx hemm ritrażmissjoni, fis-sens tal-Artikolu 176(9) u (10) tal-KDADC u tal-Artikolu 3(g) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, peress li l-konvenuti ma għandhomx il-kwalità ta’ organi tax-xandir.

44

Min-naħa l-oħra, RTL oġġezzjonat li d-dritt mogħti lill-organi tax-xandir li jawtorizzaw u jipprojbixxu t-ritrażmissjoni tax-xandiriet tagħhom — stabbilit fl-Artikolu 187(1) (a) tas-CDADC, moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 8 tad-Digriet Liġi Nru 333/97 — ikopri mhux biss it-trażmissjoni simultanja ta’ xandiriet, permezz ta’ frekwenzi tar-radju, minn organu tax-xandir li ma huwiex dak li minnu joriġinaw, iżda wkoll id-distribuzzjoni lill-pubbliku, ittrattata b’mod simultanju u kompletament bil-cable, ta’ xandir primarju ta’ programmi televiżivi jew tar-radju maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku, kemm jekk il-persuna li tagħmel tali distribuzzjoni lill-pubbliku hijiex, jew le, organu ta’ xandir.

45

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni magħmula miż-żewġ istanzi inferjuri tar-regoli applikabbli taċ-CDADC u tad-Digriet-Liġi Nru 333/97 mad-Direttiva 93/83, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-kliem tal-Artikolu 187(1)(a) tal-KDADC, il-lista tad-drittijiet mogħtija lix-xandara għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li ġiet estiża, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 333/97 u tas-sors oriġinali tagħha, id-Direttiva 93/83.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘trażmissjoni mill-ġdid bil-cable’ previst fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva [93/83], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix biss it-trażmissjoni simultanja minn organu ta’ xandir ta’ trażmissjoni ta’ organu ta’ xandir ieħor, bħal ma hi d-distribuzzjoni lill-pubbliku, ipproċessata b’mod simultanju u integrali bil-cable, ta’ trażmissjoni primarja ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju intiżi għar-riċezzjoni mill-pubbliku (indipendentement minn jekk min huwa responsabbli għal din id-distribuzzjoni lill-pubbliku huwiex, jew le, organu ta’ xandir)?

2)

Id-distribuzzjoni, b’mod simultanju, tal-programmi ta’ stazzjon televiżiv, imxandra permezz tas-satellita, għad-diversi apparati tat-televiżjoni installati fil-kmamar tal-lukandi permezz tal-cable koassjali, tikkostitwixxi trażmissjoni mill-ġdid ta’ dawn il-programmi li tagħmel parti mill-kunċett iddikjarat fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

47

Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, RTL, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2022, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48

Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet, essenzjalment, li l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq eżami difettuż ta’ diversi aspetti tal-kuntest fattwali, teknoloġiku u ġuridiku tal-kawża prinċipali.

49

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Schneider Electric et, C-556/20, EU:C:2022:378, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

51

Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenzi tat-2 ta’ April 2020, Stim u Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa minn RTL hija intiża, essenzjalment, li tkun tista’ tirrispondi għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu.

53

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha rilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża ġew diskussi bejn il-partijiet, kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll fil-proċedura orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54

Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

55

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita bihom. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas-26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Perijodu massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni), C‑368/20 u C-369/20, EU:C:2022:298, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto, C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Istati Membri humiex obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni — fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ritrażmissjoni bil-cable li jissemma fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83 — li jirrikonoxxu, lill-organi tax-xandir, dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-ritrażmissjoni tax-xandiriet tagħhom meta din ir-ritrażmissjoni issir permezz ta’ cable minn entità li ma hijiex organi tax-xandir, bħal lukanda. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod li jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv ta’ tali dritt.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, ċertu numru ta’ drittijiet relatati li organizzazzjoni tax-xandir bħal RTL għandha tkun tista’ teżerċita.

58

Fl-Istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u skont l-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali applikabbli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari mill-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u mill-Artikolu 14(3) tal-Ftehim TRIPs, jikkostitwixxu tali drittijiet, b’mod partikolari:

id-dritt esklużiv li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r-riproduzzjoni tal-iffissar tax-xandiriet tal-organi tax-xandir, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trażmessi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż bil-cable, stabbilit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29;

id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, kemm jekk jixxandru bil-fili jew mingħajr fili, inkluż bil-cable, b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li jagħżel individwalment, stabbilit fl-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 2001/29;

id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trażmessi bil-fili sew jekk bl-arja, inkluż bil-cable jew bis-satellita, stabbilit fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/115;

id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom permezz ta’ frekwenzi tar-radju, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xandiriet meta din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul, stabbilit fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, kif ukoll

id-dritt esklużiv ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fir-rigward tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/115, stabbilit fl-Artikolu 9(1)(d) tagħha.

59

Jekk iċ-ċirkustanzi fattwali msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza manifestament ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tqum dejjem il-kwistjoni dwar jekk dritt esklużiv, bħal dak deskritt f’dan l-istess punt, jistax jirriżulta, jekk ikun il-każ, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tagħha.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu, fir-rigward tal-organi tax-xandir, dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-ritrażmissjoni bil-cable, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li tikkostitwixxi tali ritrażmissjoni d-distribuzzjoni simultanja, mhux mibdula u sħiħa ta’ programmi televiżivi jew tar-radju mxandra bis-satellita u intiżi għar-riċezzjoni mill-pubbliku, meta din it-trażmissjoni ssir minn stabbiliment, bħal lukanda.

61

Għall-finijiet tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83, “ritrażmissjoni bil-cable” tfisser ir-ritrażmissjoni simultanja, mhux alterata u mhux imqassra bil-cable jew sistema ta’ microwave għal riċezzjoni mill-pubbliku ta’ trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-fili jew mingħajr fili, b’mod partikolari bis-satellita, ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal riċezzjoni mill-pubbliku.

62

B’hekk, ma jaqgħux taħt dan il-kunċett it-trażmissjonijiet differiti, mibdula jew inkompleti kif ukoll ir-ritrażmissjonijiet imwettqa fl-istess Stat Membru, jiġifieri f’dak ta’ oriġini tat-trażmissjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2017, ITV Broadcasting et, C‑275/15, EU:C:2017:144, punt 21).

63

Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kunċett ta’ “ritrażmissjoni”, mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li dan jikkonċerna biss ritrażmissjoni magħmula bil-cable jew permezz ta’ sistema ta’ xandir permezz ta’ microwave, peress li din tal-aħħar tissostitwixxi ruħha f’xi Stati Membri, hekk kif jirriżulta mill-punt 11 tat-tieni parti tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir bis-satellita u għar-ritrażmissjoni bil-cable, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 1991 [COM(1991) 276 finali], li wasslet għad-Direttiva 93/83, għar-ritrażmissjoni bil-cable meta din ma tkunx ekonomikament vijabbli. Barra minn hekk, it-trażmissjoni inizjali tista’ ssir bil-fili jew mingħajr fili, b’mod partikolari permezz tas-satellita.

64

Barra minn hekk, hekk kif il-qorti tar-rinviju ġustament enfasizzat ir-ritrażmissjoni bil-cable, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma timplikax li l-entità li twettaq din ir-ritrażmissjoni hija organu tax-xandir.

65

Ċertament, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, il-kwalità ta’ “organizzazzjonijiet tax-xandir” hija meħtieġa sabiex ikun hemm “ritrażmissjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, peress li dan l-aħħar kunċett jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak ta’ “xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili” imsemmi fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115.

66

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(g) u l-Artikolu 13(a) ta’ din il-konvenzjoni ma humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ritrażmissjoni bil-cable”, l-imsemmija konvenzjoni, l-istess bħall-Ftehim TRIPs, tikkonċerna esklużivament ix-xandir tradizzjonali permezz ta’ mezzi mingħajr fili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 391).

67

Huwa minnu li, fid-data tal-adozzjoni tagħha, id-Direttiva 93/83 kienet intiża, essenzjalment, li twessa’ l-kunċett ta’ “korp ieħor għajr dak oriġinali”, li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 11a(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, sabiex tinkludi fiha wkoll l-operaturi tal-cable, għalkemm b’mod limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

68

B’hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ritrażmissjoni bil-cable” li tinsab fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83 hija espliċitament prevista “(g)ħall-finijiet ta’” din id-direttiva.

69

Dan premess, mill-Artikolu 8 mill-premessa 27 tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li din ma tobbligax lill-Istati Membri jistabbilixxu dritt speċifiku ta’ ritrażmissjoni bil-cable u lanqas ma tiddefinixxi l-portata ta’ tali dritt. Hija tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li r-ritrażmissjoni bil-cable ta’ trażmissjonijiet li ġejjin minn Stati Membri oħra ssir fit-territorju tagħhom bl-osservanza tad-drittijiet tal-awtur eżistenti u tad-drittijiet relatati (sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, Egeda, C‑293/98, EU:C:2000:66, punt 24).

70

Fil-fatt, din id-direttiva ġiet adottata prinċipalment sabiex tiffaċilita, minn naħa, ix-xandir bis-satellita u, min-naħa l-oħra, ir-ritrażmissjoni bil-cable, billi tippromwovi, fl-Artikolu 9 tagħha, l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, mill-awturi u mill-proprjetarji ta’ drittijiet relatati, għat-ritrażmissjoni bil-cable ta’ xandiriet minn kumpanniji ta’ ġestjoni kollettiva, filwaqt li huwa mifhum li, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, dan l-Artikolu 9 ma japplikax għad-drittijiet eżerċitati minn organi tax-xandir fir-rigward tax-xandiriet tagħha stess.

71

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/83, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjonijiet mill-ġdid bil-cable ta’ xandiriet li joriġinaw minn Stati Membri oħra jseħħu fit-territorju tagħhom b’rispett għad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-seħħ u abbażi ta’ kuntratti individwali jew kollettivi konklużi bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u l-operaturi tal-cable.

72

F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-premessi 8, 9 u 27 tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li l-operatur tal-cable għandu jikseb, għal kull parti ta’ programm trażmess mill-ġdid, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi kollha ta’ drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati u li, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni temporanja għal ċerti sistemi ta’ liċenzji legali, din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata permezz ta’ kuntratt, li huwa l-iktar mezz xieraq għall-ħolqien tal-ispazju awdjoviżiv Ewropew mixtieq f’kuntest li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali.

73

F’dan il-kuntest, il-premessa 28 tad-Direttiva 93/83 tgħid li din tal-aħħar għandha l-għan li tirregola sa ċertu punt l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv li tingħata awtorizzazzjoni, peress li d-dritt ta’ awtorizzazzjoni bħala tali jibqa’ intatt. B’hekk, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li jagħtu jew li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni lil operatur tan-netwerk bil-cable għar-ritrażmissjoni bil-cable ta’ xandira jista’ jiġi eżerċitat biss minn soċjetà kollettriċi. Madankollu, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu 9 ma japplikax għad-drittijiet eżerċitati minn organizzazzjoni tax-xandir fir-rigward tax-xandiriet tagħha stess, peress li l-operatur tal-cable għandu, għalhekk, jinnegozja individwalment mal-organi tax-xandir ikkonċernata sabiex jikseb awtorizzazzjoni, irrispettivament minn jekk id-drittijiet inkwistjoni jkunux jappartjenu lilu jew li jkunu ġew ittrasferiti lilu minn detenturi oħra ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati.

74

Għalkemm il-ftehim previsti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/83 huma għalhekk konklużi, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 9 u 10 tagħha, mal-operaturi tal-cable, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva ma jaffettwax il-portata eżatta tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati, li hija stabbilita skont strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttivi 2001/29 u 2006/115, kif ukoll id-drittijiet nazzjonali.

75

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2006/115, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fir-rigward tax-xandir u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet imwettqa minn organi tax-xandir, dispożizzjonijiet iktar protettivi minn dawk li għandhom jiġu implementati skont l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva. Tali fakultà timplika li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-organi tax-xandir id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom imwettqa f’kundizzjonijiet li huma differenti minn dawk previsti f’dan l-Artikolu 8(3), peress li tali dritt ma għandu, kif jipprevedi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115, bl-ebda mod jaffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, C More Entertainment, C‑279/13, EU:C:2015:199, punt 35).

76

Issa, anki fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi dritt esklużiv, fir-rigward tax-xandara, li jawtorizzaw jew jipprojbixxu trażmissjonijiet bil-cable, id-Direttiva 93/83 tirregola biss l-eżerċizzju tad-dritt ta’ trażmissjoni bil-cable fir-relazzjoni bejn il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, minn naħa, u l-“operaturi tal-cable” jew id-“distributuri bil-cable”, min-naħa l-oħra.

77

Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari madwar l-oriġini tad-Direttiva 93/83, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċetti ta’ “operatur tal-cable” jew ta’ “distributur bil-cable”, li jinsabu fiha, jindikaw, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-operaturi tan-netwerks tradizzjonali tal-cable.

78

Fil-fatt, interpretazzjoni li tinkludi fil-kunċett tal-“operatur tal-cable” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/83 kull persuna li twettaq ritrażmissjoni bil-cable li tissodisfa l-karatteristiċi tekniċi deskritti fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, anki meta l-attività professjonali ta’ din il-persuna ma tikkonsistix fl-użu ta’ netwerk bil-cable ta’ distribuzzjoni televiżiva klassika, fir-realtà jkollha l-effett li twessa’ l-portata tad-dritt relatat previst fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, li jassimila dan mad-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

79

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li d-dritt esklużiv li tiġi awtorizzata jew ipprojbita l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir ma jistax jiġi invokat kontra terzi ħlief meta din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-ħlas ta’ miżata għad-dħul. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar il-ħlas ta’ miżata għad-dħul ma hijiex issodisfatta meta din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi servizz addizzjonali indistintament inkluż fil-prezz ta’ servizz prinċipali ta’ natura differenti, bħas-servizz ta’ akkomodazzjoni f’lukanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Verwertungsgesellschaft Rundfunk, C-641/15, EU:C:2017:131, punti 23 sa 26).

80

Issa, kif ġie espost fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/83 ma għandux l-għan li jaffettwa l-portata tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati kif dawn huma ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-drittijiet tal-Istati Membri.

81

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “ritrażmissjoni bil-cable”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83 japplika biss għar-relazzjonijiet bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati mal-“operaturi tal-cable” jew id-“distributuri bil-cable”, fis-sens tradizzjonali ta’ dawn il-kliem, hija konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 93/83.

82

Issa, kif jirriżulta mill-analiżi li tinsab fil-punti 70 sa 73 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li din ġiet adottata prinċipalment sabiex tiffaċilita, b’mod partikolari, ir-ritrażmissjoni bil-cable, billi tippromwovi l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet.

83

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 8 u 10 tad-Direttiva 93/83, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, iċ-ċertezza legali, li hija kundizzjoni preliminari għall-moviment liberu tax-xandiriet ta’ xandir ġewwa l-Unjoni, kienet nieqsa meta programmi ritrażmessi permezz ta’ diversi pajjiżi kienu introdotti u mxandra f’netwerks tal-cable u, min-naħa l-oħra, li l-operaturi tal-cable ma setgħux ikunu ċerti li attwalment akkwistaw id-drittijiet kollha marbuta mal-programmi li huma s-suġġett ta’ ftehim kuntrattwali.

84

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-istabbilimenti bħalma huma l-lukandi ma jaqgħux taħt il-kunċetti ta’ “operatur tal-cable” jew ta’ “distributur bil-cable”, fis-sens tad-Direttiva 93/83.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula, kif ifformulati mill-ġdid, għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fir-rigward tax-xandara, huwa ma jipprovdi ebda dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-ritrażmissjoni bil-cable, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u

ma tikkostitwixxix tali ritrażmissjoni bil-cable id-distribuzzjoni simultanja, mhux mibdula u integrali ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju trażmessi bis-satellita u intiżi li jiġu rċevuti mill-pubbliku, meta din ir-ritrażmissjoni issir minn persuna li ma hijiex operatur tal-cable, fis-sens ta’ din id-direttiva, bħalma hi lukanda.

Fuq l‑ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas‑27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tagħha,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

fir-rigward tax-xandara, huwa ma jipprovdi ebda dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-ritrażmissjoni bil-cable, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u

ma tikkostitwixxix tali ritrażmissjoni bil-cable id-distribuzzjoni simultanja, mhux mibdula u integrali ta’ programmi tat-televiżjoni jew tar-radju trażmessi bis-satellita u intiżi li jiġu rċevuti mill-pubbliku, meta din ir-ritrażmissjoni issir minn persuna li ma hijiex operatur tal-cable, fis-sens ta’ din id-direttiva, bħalma hi lukanda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Upp