Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0692

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Settembru 2023.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Direttiva 95/60/KE – Immarkar fiskali tan-nafta – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq – Persistenza tal-ksur wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Gravità tal-ksur – Kapaċità ta’ ħlas.
    Kawża C-692/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:707

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    28 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Direttiva 95/60/KE – Immarkar fiskali tan-nafta – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq – Persistenza tal-ksur wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Gravità tal-ksur – Kapaċità ta’ ħlas”

    Fil-Kawża C‑692/20,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fil‑21 ta’ Diċembru 2020,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Armenia u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn S. McCrory u F. Shibli, bħala aġenti, assistiti minn O. Thomas, KC, u minn P. Reynolds, barrister, sussegwentement minn L. Baxter, S. McCrory u F. Shibli, bħala aġenti, assistiti minn O. Thomas, KC, u minn P. Reynolds, barrister, sussegwentement minn L. Baxter, bħala aġent, assistit minn O. Thomas, KC, u minn P. Reynolds, barrister, u, fl-aħħar, minn S. Fuller, bħala aġent, assistit minn O. Thomas, KC, u minn P. Reynolds, barrister,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2022,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑503/17, iktar ’il quddiem is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, EU:C:2018:831), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 127 u 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”);

    tikkundanna lir-Renju Unit, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 127 u 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, iħallas lill-Kummissjoni:

    pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 268 878.50 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’effett mill-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu;

    somma f’daqqa li l-ammont tagħha jinkiseb billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ kuljum ta’ EUR 35 873.20 bin-numru ta’ jiem li jkunu ddekorrew bejn id-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u d-data li fiha dan l-Istat jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza, jew, fin-nuqqas ta’ konformità mal-imsemmija sentenza qabel l-għoti tas-sentenza mogħtija f’din il-proċedura, id-data ta’ din id-deċiżjoni, fejn il-minimu huwa ffissat għal EUR 8901000, u

    tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Il‑Ftehim dwar il‑Ħruġ

    2

    Il-Ftehim dwar il-ħruġ, approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135, tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020.

    3

    L-Artikolu 86 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha ġuriżdizzjoni f’kull proċediment istitwit mir-Renju Unit jew kontrih qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. […]

    […]

    3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja […]”

    4

    Skont l-Artikolu 126 tal-imsemmi ftehim, il-perijodu ta’ transizzjoni beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim u ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

    5

    L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    […]

    3.   Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni.

    […]

    6.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 131 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Sorveljanza u infurzar”:

    “Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom is-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni relattivament għar-Renju Unit u għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu, jew li jkunu stabbiliti, fir-Renju Unit. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni kif previst fit-Trattati.

    L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.”

    7

    Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, anness mal-Ftehim dwar il-ħruġ (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq”), jinkludi l-Artikolu 8, intitolat “VAT u sisa”, li jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni elenkati fl-Anness 3 ta’ dan il-Protokoll li jikkonċernaw il-merkanzija għandhom japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”

    8

    L-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, intitolat “Implimentazzjoni, applikazzjoni, superviżjoni u infurzar”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dan il-Protokoll jagħmel applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”

    9

    L-Anness 3 ta’ dan il-protokoll jirreferi, fost l-oħrajn, għad-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas‑27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 289).

    Id‑Direttiva 95/60

    10

    L-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttiva 95/60 huma fformulati kif ġej:

    “Billi l-miżuri tal-Komunità kkuntemplati minn din id-Direttiva mhumiex biss neċessarji imma wkoll indispensabbli biex jinkisbu l-oġġettivi tas-suq intern; billi dawn l-oġġettivi ma jistgħux jiġu miksuba mill-Istati Membri individwalment; […] billi din id-Direttiva hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

    […]

    Billi il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern issa jirrikjedu li regoli komuni jiġu stabbiliti għall-immarkar fiskali taż-żjut bil-gas u pitrolju li ma jkunx tħallas dazju għar-rata sħiħa applikabbli għal dawn iż-żjut minerali użati biex imexxu l-magni”.

    11

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq l-immarkar fiskali, l-Istati Membri għandhom japplikaw immarkar fiskali skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva biex:

    in-nafta kollha li taqa’ taħt il-Kodiċi NM 27100069 li kienet maħruġa għall-konsum […] u li kienet eżenti minn, jew suġġetta għad-dazju u sisa ta’ rata oħra għajr dik imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/82/KEE [tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 fuq l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU 1992, L 316, p. 19), imħassra u ssostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)],

    […]”

    12

    Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-użu mhux xieraq tal-prodotti mmarkati jiġi evitat u, li ż-żjut minerali n-kwisjoni ma jistgħux jintużaw għax-xgħil fil-magna ta’ karozza li tintuża fit-triq jew miżmuma fit-tank karburanti kemm-il darba dan l-użu huwa permess f’każi speċifiċi stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-użu taż-żjut minerali n-kwistjoni fil-każi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi konsidrat bħala offiża taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat. Kull Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandu, partikolarment, jiffissa l-penali li għandhom jiġu mposti fil-każ tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-miżuri; dawn il-penali għandhom jiġu proporzjonati ma’ l-iskop tagħhom u għandu jkollhom effett adegwat u deterrenti.”

    Id‑Direttiva 2003/96

    13

    Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96:

    “Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f”Direttiva 92/12/KEE [tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39),] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

    […]

    ċ)

    prodotti ta’ enerġija forniti għall-użu ta’ karburant għall-skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra ġewwa l-Komunità (tinkludi s-sajd), barra minn dgħajjes għall-użu privat jew għall-divertiment, u elettriku magħmul abbord xi dgħajsa.

    […]”

    Id‑dritt tar‑Renju Unit

    14

    Il-Hydrocarbon Oil Duties Act 1979 (il-Liġi tal‑1979 dwar id-Dazji tas-Sisa fuq iż-Żjut tal-Idrokarburi), li tirregola t-tassazzjoni tal-karburanti, ġiet emendata b’mod partikolari bil-Finance Act 2012 (il-Liġi tal-Finanzi tal‑2012). Din il-kawża hija, fid-dawl tad-data tal-fatti kontenzjużi, irregolata minn din il-liġi tal‑1979, kif emendata minn din il-liġi tal‑2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1979”).

    15

    L-Artikolu 14E tal-Liġi tal‑1979 kien jirregola t-tassazzjoni tal-karburant użat fil-kuntest tad-dgħajjes għall-użu privat. Huwa kien jipprovdi:

    “Żejt tqil u taħlit organiku b’rata mnaqqsa: dgħajjes għall-użu privat

    1.

    Dan l-artikolu japplika għal żjut tqal jew taħlit organiku b’rata mnaqqsa.

    2.

    Iż-żjut tqal jew it-taħlit organiku ma jistgħux jintużaw bħala karburant għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat.

    3.

    Jekk, meta tiġi pprovduta ċerta kwantità ta’ żejt tqil jew ta’ taħlita organika minn parti (il-“fornitur”) lil oħra, din tal-aħħar tagħmel dikjarazzjoni adegwata lill-fornitur:

    a)

    il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal dan iż-żejt tqil jew għal din it-taħlita organika,

    u

    b)

    il-fornitur huwa obbligat iħallas lill-awtorità fiskali, skont il-leġiżlazzjoni, l-ammont previst fil-paragrafu 4.

    […]

    7A)

    Dikjarazzjoni adegwata għandha tinkludi r-rikonoxximent li l-ebda dispożizzjoni f’dan l-artikolu jew kwalunkwe att skont dan l-artikolu (inkluża d-dikjarazzjoni nnifisha) ma taffettwa r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għajr ir-Renju Unit fir-rigward tal-użu ta’ żjut tqal jew ta’ taħlitiet organiċi bħala karburanti għall-iskop ta’ navigazzjoni barra mill-ibħra territorjali tar-Renju Unit […]

    […]”

    16

    L-Artikolu 14 tal-Liġi tal‑1979 ġie emendat bi Schedule 11 to Finance Act 2020 (Skeda 11 tal-Liġi tal-Finanzi tal‑2020), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2021 sabiex, essenzjalment, jipprojbixxi l-użu, fl-Irlanda ta’ Fuq, ta’ karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat.

    Is‑sentenza li tikkonstata n‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    17

    Permezz tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “billi awtorizza l-użu ta’ karburant immarkat għall-finijiet tan-navigazzjoni għall-użu privat, anki meta dan il-karburant ma jkun suġġett għal ebda eżenzjoni jew għal tnaqqis tad-dazju tas-sisa, ir-Renju Unit […] naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-[Direttiva 95/60].”

    Il‑proċedura prekontenzjuża

    18

    Wara l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit, permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2018, sabiex jikkomunikalha, f’terminu ta’ xahrejn, il-miżuri li kien beħsiebu jieħu sabiex jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza.

    19

    Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2018, ir-Renju Unit indika li huwa kellu l-intenzjoni, matul is-snin 2019 u 2020, li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-Liġi tal‑1979 u l-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti, sabiex jipprojbixxi l-użu ta’ karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat. F’din l-ittra, dan l-Istat ippreċiża wkoll li, fid-dawl tal-konsegwenzi prattiċi kunsiderevoli ta’ dawn l-emendi, kienet ser titwettaq konsultazzjoni pubblika.

    20

    Peress li qieset li r-Renju Unit ma kienx ħa l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni, fil‑15 ta’ Mejju 2020, bagħtitlu, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ittra ta’ intimazzjoni, fejn stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ erba’ xhur minn meta jirċievi din l-ittra, jiġifieri mhux iktar tard mill‑15 ta’ Settembru 2020.

    21

    Ir-Renju Unit wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fil‑11 ta’ Settembru 2020, billi espona d-diffikultajiet marbuta mal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari minħabba l-elezzjonijiet ġenerali li kienu nżammu f’dan l-Istat fix-xahar ta’ Diċembru 2019. L-imsemmi Stat irrileva wkoll li kienet ġiet inkluża awtorizzazzjoni leġiżlattiva fil-Liġi tal-Finanzi tal‑2020 u li dan kien stadju preliminari indispensabbli għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja neċessarja sabiex ikun hemm konformità ma’ din is-sentenza. Barra minn hekk, huwa indika li kienu ġew proposti riformi iktar vasti fir-rigward tat-tneħħija tad-dritt tal-użu tal-karburant immarkat fil-biċċa l-kbira tas-setturi minn April 2022. F’dan ir-rigward, dan l-istess Stat ippreċiża li konsultazzjoni dwar dawn ir-riformi kienet ser tintemm fl‑1 ta’ Ottubru 2020 u li d-deċiżjoni dwar it-terminu għat-tneħħija tad-dritt ta’ użu tal-karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat kienet ser tittieħed wara din il-konsultazzjoni, flimkien mad-deċiżjonijiet finali dwar ir-riformi l-iktar vasti relatati ma’ dan il-karburant.

    22

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    L‑iżviluppi li seħħew matul din il‑proċedura

    23

    Peress li l-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ intemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/60 ma baqgħux japplikaw, mill‑1 ta’ Jannar 2021, għar-Renju Unit, bl-eċċezzjoni madankollu tal-Irlanda ta’ Fuq fejn dawn id-dispożizzjonijiet baqgħu fis-seħħ, wara din id-data, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, moqri flimkien mal-Anness 3 tiegħu.

    24

    Fil‑21 ta’ Mejju 2021, ir-Renju Unit bagħat ittra lill-Kummissjoni, li permezz tagħha informaha li l-leġiżlazzjoni definittiva li tipprojbixxi l-użu ta’ karburant immarkat b’rata mnaqqsa ta’ dazji tas-sisa għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat fl-Irlanda ta’ Fuq kienet ser tiġi adottata mill-Parlament tar-Renju Unit fl‑1 ta’ Lulju 2021. Barra minn hekk, ir-Renju Unit indika li, matul l-istaġun tan-navigazzjoni, il-fornituri privati tal-karburant ma setgħux jibnu l-infrastrutturi addizzjonali neċessarji sabiex jippermettu l-provvista ta’ karburant diżil b’rata sħiħa tad-dazji tas-sisa għad-dgħajjes privati intiżi għall-użu privat u l-provvista ta’ karburant diżil b’rata sħiħa tad-dazji tas-sisa għad-dgħajjes kummerċjali, b’tali mod li din il-projbizzjoni kienet ser tidħol fis-seħħ fid-data tal‑1 ta’ Ottubru 2021.

    25

    Ir-Renju Unit għalhekk aġġorna, fil‑21 ta’ Mejju 2021, l-avviż dwar id-dazji tas-sisa applikabbli għall-karburant użat għad-dgħajjes intiżi għall-użu privat, li issa jindika, fil-punt 2.3 tiegħu, dan li ġej:

    “Mill‑1 ta’ Ottubru 2021, id-dgħajjes għall-użu privat fl-Irlanda ta’ Fuq li għandhom tank tal-karburant wieħed (għall-propulsjoni u għal użu divers għajr dak tal-propulsjoni) ma jistgħux jużaw [karburant immarkat], sakemm ma jkunx tqiegħed f’tank tal-karburant fl-Irlanda ta’ Fuq qabel l‑1 ta’ Ottubru 2021, jew f’territorju li fih il-[karburant immarkat] jista’ jibqa’ jintuża legalment għall-propulsjoni […]”.

    26

    Il-leġiżlazzjoni sekondarja inkwistjoni ġiet adottata fit‑28 ta’ Ġunju 2021 u ppermettiet id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Finanzi tal‑2020, b’tali mod li, mill‑1 ta’ Ottubru 2021, l-użu ta’ karburant immarkat mill-utenti ta’ dgħajjes għall-użu privat għall-propulsjoni huwa pprojbit fl-Irlanda ta’ Fuq.

    27

    Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qiegħda tirrinunzja parti mir-rikors tagħha fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, minħabba li dan il-kap tat-talbiet ma kienx għad kellu skop bid-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Ottubru 2021, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Finanzi tal‑2020. Madankollu, hija żammet it-talba tagħha fir-rigward tal-kundanna tar-Renju Unit għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ ammont ta’ EUR 35 873.20 għal kull jum għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Ottubru 2018 u t‑30 ta’ Settembru 2021, bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u d-data li fiha dan l-Istat ikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza.

    Fuq in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    L‑argumenti tal‑partijiet

    28

    Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit ma ħax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan l-Istat kellu terminu ta’ erba’ xhur sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu sa minn meta rċieva l-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri mhux iktar tard mill‑15 ta’ Settembru 2020. Madankollu, mir-risposta għal din l-intimazzjoni jirriżulta b’mod ċar li, minkejja l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri leġiżlattivi minn qabel, id-dritt ta’ użu tal-karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat tneħħa biss fix-xahar ta’ April 2022. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li Stat Membru ma jistax jinvoka d-dewmien tal-proċess leġiżlattiv jew diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fi żmien xieraq ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    29

    Ir-Renju Unit jirribatti li huwa ma naqasx mill-obbligu tiegħu li jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-ittra ta’ intimazzjoni u dan ir-rikors tal-Kummissjoni kienu prematuri. Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 82), u tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 44), li tgħid li l-implimentazzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha titwettaq fl-iqsar żmien possibbli, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina d-diffikultajiet prattiċi li jaffaċċja l-Istat Membru kkonċernat. Mis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punt 30) jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ eżekuzzjoni li jmur kontra l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis li l-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kienet possibbli f’data li tippreċedi dik li fiha effettivament seħħet.

    30

    F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha tanalizza d-diffikultajiet prattiċi li għandhom jingħelbu mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Din l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi li, minkejja dawn id-diffikultajiet, kien raġonevolment possibbli għal dan l-Istat Membru li jikkonforma ruħu fit-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità u tal-portata tal-kompitu li wieħed jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-perijodu ta’ 23 xahar, bejn id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u l-iskadenza tat-terminu mogħti f’din l-ittra, kien manifestament insuffiċjenti sabiex ir-Renju Unit jikkonforma ruħu mal-imsemmija sentenza.

    31

    Barra minn hekk, l-approċċ ibbażat fuq ir-responsabbiltà oġġettiva ma huwiex applikabbli għall-kawżi mressqa skont l-Artikolu 260 TFUE. Il-Kummissjoni kellha, jekk ikun il-każ, titlob, flimkien mar-rikors li hija ppreżentat abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji fir-Renju Unit skont l-Artikolu 260(3) TFUE, li hija naqset milli tagħmel. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkonfondi d-diffikultajiet prattiċi li jiffaċċjaw l-Istati Membri, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja, mal-problemi legali jew politiċi interni ta’ dawn l-Istati, li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    32

    F’dan il-każ, ir-Renju Unit isostni li huwa kien ikkonfrontat b’diffikultajiet prattiċi uniċi sabiex jimplimenta d-Direttiva 95/60 u jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u huwa informa b’dan lill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa kellu jaffaċċja diffikultajiet marbuta, l-ewwel, mal-karatteristiċi ġeografiċi partikolari tar-Renju Unit fir-rigward tat-tul tal-kosti kif ukoll tan-numru ta’ portijiet u ta’ toroq, it-tieni, mal-varjetà kbira fid-daqs tal-portijiet fejn il-bastimenti jistgħu jimtlew bil-karburant, it-tielet, mar-restrizzjonijiet materjali li jaffaċċjaw il-portijiet iż-żgħar sabiex jipprovdu kemm karburant mhux immarkat kif ukoll karburant immarkat, ir-raba’, mat-tħassib ta’ natura ekonomika u sigura, b’mod partikolari, fir-rigward tal-frodi fiskali, tar-riskju ta’ deterjorament tad-diżil, tal-installazzjoni ta’ tankijiet sekondarji temporanji, tal-allokazzjoni tad-dħul turistiku u tal-użu tal-karburant immarkat għal finijiet oħra għajr il-propulsjoni, u, il-ħames, mal-pandemija tal-COVID-19.

    33

    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel lok, li r-Renju Unit ma jikkontestax il-fatt li huwa ma eżegwixxiex is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil‑15 ta’ Settembru 2020.

    34

    Fit-tieni lok, l-affermazzjoni ta’ dan l-Istat li l-Kummissjoni għandha turi li kien raġonevolment possibbli għaliha li teżegwixxi din is-sentenza qabel din id-data ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza.

    35

    Fit-tielet lok, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 260(1) TFUE ma hijiex limitata għad-diffikultajiet politiċi u legali. Barra minn hekk, billi sostna li l-approċċ ibbażat fuq ir-responsabbiltà oġġettiva ma jistax jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 260 TFUE, ir-Renju Unit ikkonfonda l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE u l-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE.

    36

    Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi invokati mir-Renju Unit ma jikkostitwixxux diffikultajiet prattiċi li jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tal-allegat dewmien leġiżlattiv, l-obbligu għal dan l-Istat li jwettaq evalwazzjoni tal-marini u tal-portijiet kummerċjali sabiex jiddetermina l-eventwali miżuri korrettivi neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma jistax jiġġustifika r-raġunijiet li għalihom, iktar minn sentejn u nofs wara li ngħatat, l-imsemmi Stat ma kienx adotta l-leġiżlazzjoni sekondarja neċessarja sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija sentenza. It-tieni, fir-rigward tad-diffikultajiet li allegatament jirriżultaw mill-infrastruttura, bħall-eżistenza ta’ portijiet remoti jew portijiet ta’ daqs żgħir ħafna li fihom ma hemmx spazju suffiċjenti sabiex jiġi pprovdut karburant immarkat u karburant mhux immarkat, il-Kummissjoni tqis li dawn id-diffikultajiet eventwali jidhru li huma l-eċċezzjoni iktar milli r-regola. Barra minn hekk, Stati Membri oħra diġà għelbu diffikultajiet tal-istess natura. It-tielet, fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni tat lir-Renju Unit terminu eċċezzjonali ta’ erba’ xhur sabiex iwieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni, filwaqt li t-terminu normalment huwa biss ta’ xahrejn. Barra minn hekk, in-numru ta’ każijiet ta’ COVID-19 f’dan l-Istat kien jinsab f’wieħed mill-iktar livelli baxxi tiegħu matul is-sajf tal‑2020.

    37

    Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, mill-ittra tiegħu tal‑11 ta’ Settembru 2020 jirriżulta b’mod ċar li d-dritt għall-użu tal-karburant immarkat tneħħa biss, fil-parti l-kbira tas-setturi, b’effett mix-xahar ta’ April 2022. Id-diverġenza bejn l-impenji meħuda minn dan l-Istat li jeżegwixxi fi żmien xieraq is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-assenza ta’ riżultati tanġibbli fil-futur prevedibbli kienet wasslet lill-Kummissjoni sabiex tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE. Kien biss wara li din ippreżentat rikors abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-imsemmi Stat intrabat jadotta l-leġiżlazzjoni sekondarja neċessarja.

    38

    Fil-ħames lok, huwa b’mod żbaljat li r-Renju Unit jinvoka l-Artikolu 260(3) TFUE, peress li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wasslet għall-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet tikkonċerna t-traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva, u mhux nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

    39

    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju Unit jirribatti, fl-ewwel lok, li l-Liġi tal-Finanzi tal‑2020 ippermettietlu, sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, fl‑1 ta’ Ottubru 2021, jikkonforma ruħu mad-Direttiva 95/60.

    40

    Fit-tieni lok, huwa jsostni li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li huwa ma adottax il-miżuri neċessarji qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, ħlief sabiex jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa, li ma tagħtihx din id-dispożizzjoni, li tiffissa t-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, din l-istituzzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, meta tkun tixtieq u mingħajr ma teżamina jekk l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kinitx “possibbli”. Barra minn hekk, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi ammess sa fejn it-termini mogħtija mill-Kummissjoni lil Stati Membri oħra sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kienu, f’ċerti każijiet, kunsiderevolment itwal minn dak mogħti f’dan il-każ.

    41

    Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni żnaturat l-allegazzjonijiet tar-Renju Unit ibbażati fuq id-diffikultajiet prattiċi inkwistjoni u ma ttrattatx dawn id-diffikultajiet b’mod adegwat. Barra minn hekk, hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2020. Din ma tindikax, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-projbizzjoni tal-użu tal-karburant immarkat għad-dgħajjes għall-użu privat tapplika biss mix-xahar ta’ April 2022, iżda tippreċiża li emendi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jidħlu fis-seħħ f’din id-data.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    42

    Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx adotta l-miżuri neċessarji li timplika l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tadixxi lil din tal-aħħar, wara li tagħti lil dan l-Istat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, billi jindika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas l-imsemmi Stat Membru li hija tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkustanzi.

    43

    Għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala data ta’ riferiment għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-istat – Ferronikil), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu mit-Trattat jew minn att tad-dritt sekondarju (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 92).

    45

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, fil‑15 ta’ Mejju 2020, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE. Għaldaqstant, id-data ta’ referenza msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri l‑15 ta’ Settembru 2020.

    46

    Huwa manifest li, f’din id-data, ir-Renju Unit ma kienx ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, għalkemm, fl-imsemmija data, il-Liġi tal-Finanzi tal‑2020, li kienet tinkludi l-awtorizzazzjoni leġiżlattiva neċessarja sabiex dan l-Istat jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza, kienet ġiet adottata, din daħlet fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Ottubru 2021, b’tali mod li, qabel din id-data tal-aħħar, l-użu ta’ karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat kien awtorizzat fl-imsemmi Stat kollu.

    47

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-Renju Unit. F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument ta’ dan l-Istat li l-Kummissjoni għandha turi li kien raġonevolment possibbli għalih li jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, minkejja li hija l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 260(2) TFUE, li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ eżekuzzjoni minn Stat Membru ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tipprova li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun possibbli sad-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta minn din l-istituzzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

    48

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-Renju Unit li l-ittra ta’ intimazzjoni u dan ir-rikors kienu prematuri, b’mod partikolari għaliex kien impossibbli għalih, minħabba diffikultajiet prattiċi, li jikkonforma ruħu b’mod sħiħ mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, minkejja li l-Artikolu 260(1) TFUE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    It-tieni, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju Unit, mill-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinvoka diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet ta’ natura ġuridika interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 18 u 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jitqies li din il-ġurisprudenza tirrigwarda biss id-diffikultajiet legali u politiċi, b’tali mod li d-diffikultajiet prattiċi jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

    51

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ ineżami, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi ġġustifikat mid-diffikultajiet interni jew prattiċi u lanqas miċ-ċirkustanzi partikolari, invokati mir-Renju Unit matul il-fażi prekontenzjuża u l-fażi ta’ din il-proċedura, marbuta b’mod partikolari mal-proċedura leġiżlattiva, mal-elezzjonijiet ġenerali, mal-konsultazzjonijiet pubbliċi, mal-karatteristiċi ġeografiċi, mal-varjetà fid-daqs tal-portijiet, mad-diffikultajiet li jiġu pprovduti kemm karburant immarkat kif ukoll karburant mhux immarkat, mal-preokkupazzjonijiet ta’ natura ekonomika u sigura kif ukoll mal-pandemija tal-COVID-19.

    52

    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-Renju Unit li jgħid li l-Kummissjoni, minn naħa, żnaturat l-allegazzjonijiet tagħha bbażati fuq diffikultajiet prattiċi li kellu jaffaċċja fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, ittrattat b’mod inadegwat dawn id-diffikultajiet.

    53

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li t-terminu ta’ erba’ xhur mogħti mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien irraġonevoli u insuffiċjenti, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni, jimponu fuq din tal-aħħar li talloka terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex iwieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni mogħtija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE jew, skont il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom, fejn in-natura raġonevoli tat-terminu stabbilit hija evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ineżami (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu ta’ erba’ xhur mogħti mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha la kien irraġonevoli u lanqas insuffiċjenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, b’kollox, għaddew kważi 23 xahar bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

    55

    Fir-raba’ lok, sa fejn ir-Renju Unit isostni li dan ir-rikors kien prematur, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha bħala gwardjan tat-Trattati, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar jekk huwiex xieraq li taġixxi kontra Stat Membru u dwar il-punt li fih hija tagħti bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, peress li l-motivi li jiddeterminaw din id-deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni u lanqas ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punti 47 u 48, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-Renju Unit li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn hija tat lil Stati Membri oħra termini kunsiderevolment itwal minn dak li hija tatha sabiex teżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 53).

    57

    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li jgħid li dan ir-rikors huwa bbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, li żnatura l-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2020, anki jekk jitqies li din tal-aħħar ma tindikax, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-projbizzjoni tal-użu tal-karburant immarkat għad-dgħajjes għall-użu privat tapplika biss mix-xahar ta’ April 2022, dan il-fatt huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors u ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, fil‑15 ta’ Settembru 2020, ir-Renju Unit ma kienx ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    58

    Fis-sitt u fl-aħħar lok, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, il-Kummissjoni ma setgħetx, fil-mument tar-rikors li hija ppreżentat fil-kawża li tat lok għas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, timponi sanzjonijiet pekunjarji fuq dan l-Istat. Fil-fatt, dan ir-rikors ma ġiex ippreżentat minħabba li l-imsemmi Stat kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 95/60, iżda minħabba traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-direttiva. Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija skont l-Artikolu 260(3) TFUE, jekk Stat Membru ttrasponiex direttiva korrettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma ħax, sad-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni, jiġifieri l‑15 ta’ Settembru 2020, il-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

    Fuq is‑somma f’daqqa

    L‑argumenti tal‑partijiet

    60

    Il-Kummissjoni tqis li kull nuqqas ta’ eżekuzzjoni estiż ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrappreżenta, fih innifsu, ksur serju tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, u, għaldaqstant, hija titlob, filwaqt li tirreferi għall-punti 10 et seq. tal-komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658, tat‑12 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” (ĠU 2007, C 126, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2005”), li tiġi imposta somma f’daqqa lir-Renju Unit.

    61

    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2005 u l-Komunikazzjoni intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2020, C 301, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2020”) sabiex titlob li din is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ kuljum ta’ EUR 35 873.20 bin-numru ta’ ġranet li ddekorrew bejn id-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u d-data li fiha r-Renju Unit ikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza. Dan l-ammont jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont bażiku uniformi b’koeffiċjent ta’ gravità u b’fattur “n”. Il-Kummissjoni tippreċiża li s-somma f’daqqa, hekk miksuba, ma tistax tkun inqas minn ammont ta’ EUR 8901000.

    62

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tindika li mill-Komunikazzjoni tal‑2020 jirriżulta, minn naħa, li l-ammont bażiku uniformi huwa ffissat għal EUR 1052 u, min-naħa l-oħra, li l-fattur “n”, meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni, jammonta, fir-rigward tar-Renju Unit, għal 3.41.

    63

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tirrileva li l-għan tad-Direttiva 95/60 huwa tiġi kkompletata d-Direttiva 2003/96 u li jiġi ffavorizzat it-twettiq kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi tingħata l-possibbiltà ta’ identifikazzjoni faċli u rapida tan-nafta mhux suġġetta għal-livell ta’ tassazzjoni normali. Billi ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jevita l-użu abbużiv tal-prodotti mmarkati, dan l-Istat irrenda diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari dawk li għandhom ibħra viċini mar-Renju Unit, li jiddeterminaw jekk dgħajsa għall-użu privat li tuża karburant immarkat fil-portijiet tar-Renju Unit u sussegwentement tilħaq l-ilmijiet ta’ dawn l-Istati Membri, tittrasportax karburant intaxxat legalment bir-rata sħiħa fir-Renju Unit. Barra minn hekk, mid-dokument tal-Gvern tar-Renju Unit tal‑15 ta’ Lulju 2019, intitolat “Implementation of the Court of Justice of the European Union (CJEU) judgment on diesel fuel used in private pleasure craft” (eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) dwar l-użu ta’ nafta għall-finijiet tan-navigazzjoni għall-użu privat), li permezz tiegħu tnediet konsultazzjoni pubblika f’dan l-Istat, jirriżulta li numru kunsiderevoli ta’ dgħajjes għall-użu privat ġew affettwati mill-fatt li l-imsemmi Stat ma kienx ħa dawn il-miżuri neċessarji. Għaldaqstant, għandu jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 minn 20.

    64

    Ir-Renju Unit jirribatti li, anki fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ebda sanzjoni pekunjarja ma għandha tiġi imposta fuqu u, sussidjarjament, li din is-sanzjoni għandha tkun limitata għal somma f’daqqa li ma teċċedix EUR 250000.

    65

    Fir-rigward tal-livell ta’ gravità tal-ksur u tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru, hemm lok, skont il-ġurisprudenza, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi u, min-naħa l-oħra, l-urġenza sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 104; tal‑14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 62, u tal‑10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 39).

    66

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-gravità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, dan jista’ jkun biss ksur limitat u gravità modesta ħafna, b’mod li għandu jiġi adottat approċċ analogu għal dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3), u, għaldaqstant, għandu jiġi adottat fattur ta’ gravità li ma jkunx ogħla minn 3.

    67

    L-ewwel, ir-Renju Unit jirrileva li r-rikors tal-Kummissjoni ma jinkludi ebda analiżi tal-importanza tar-regola tal-Unjoni li kienet is-suġġett tal-ksur inkwistjoni.

    68

    It-tieni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mhux biss l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda wkoll il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fis-suq intern u fuq l-interessi ġenerali u partikolari. Skont ir-Renju Unit, il-ksur tad-Direttiva 95/60 għandu biss konsegwenzi limitati ħafna fuq dawn l-interessi fid-dawl tas-sistema sħiħa li huwa stabbilixxa sabiex jivverifika li l-utenti tad-dgħajjes għall-użu privat ħallsu l-ammont xieraq tat-taxxa. Għalhekk, ma jkunx hemm telf fiskali jew dannu għas-suq intern. Barra minn hekk, fir-rigward tad-diffikultajiet invokati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-verifika mill-Istati Membri l-oħra li t-taxxa tħallset debitament fir-Renju Unit, dan l-Istat jallega, minn naħa, li dawn id-diffikultajiet ma huma sostnuti minn ebda prova, u, min-naħa l-oħra, li s-sistema ta’ verifika li huwa implimenta setgħet tintuża mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra.

    69

    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konformità huwa minimu sa fejn inqas minn 0.2 % tal-karburant immarkat intuża fir-Renju Unit għall-propulsjoni ta’ dgħajjes intiżi għall-użu privat għall-perijodu bejn l‑2017 u l‑2019.

    70

    F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, mill-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, fil‑31 ta’ Diċembru 2020, l-obbligu tar-Renju Unit li jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna biss lill-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju Unit isostni, f’dan ir-rigward, li n-numru ta’ dgħajjes intiżi għall-użu privat fl-Irlanda ta’ Fuq huwa stmat għal 1500 u li kienu biss 132 litru ta’ karburant immarkat li ġew ipprovduti lill-utenti ta’ dawn id-dgħajjes matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u t‑22 ta’ Marzu 2021.

    71

    It-tielet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultà tal-konformità sabiex tiddetermina l-gravità tan-nuqqas. Barra minn hekk, billi wettaq konsultazzjoni pubblika matul is-sena 2019 u billi adotta l-leġiżlazzjoni primarja inkwistjoni, ir-Renju Unit għamel progress sinjifikattiv minn meta ngħatat is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, huwa aġixxa in bona fide sa fejn żamm regolarment lill-Kummissjoni informata bil-miżuri meħuda. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din kienet l-ewwel darba li ġie ppreżentat rikors kontra dan l-Istat għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    72

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-perijodu ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jibda jiddekorri biss mill-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li fil-prattika kien possibbli li tiġi eżegwita s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, mis-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773), jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi sabiex jiġi evalwat dan it-tul.

    73

    Fit-tielet lok, ir-Renju Unit jindika li l-fattur “n” ta’ 3.41, li ġie stabbilit fil-Komunikazzjoni tal‑2020, huwa eċċessiv.

    74

    L-ewwel, il-kapaċità ta’ ħlas ma tistax iktar tkun ibbażata fuq il-prodott domestiku gross (PDG) tar-Renju Unit fl-intier tiegħu, peress li l-obbligi imposti mid-Direttiva 95/60 u mill-Artikolu 260 TFUE ma japplikawx iktar, sa minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. L-ekonomija tal-Irlanda ta’ Fuq kienet tirrappreżenta madwar 2.28 % tal-ekonomija tar-Renju Unit għas-sena 2018, b’tali mod li l-fattur “n” kellu jiġi aġġustat proporzjonalment. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tar-Renju ta’ Spanja li huwa biss il-PGD tal-País Vasco li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni peress li l-ksur tar-regoli tal-Unjoni kien jikkonċerna biss din il-parti tar-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-regoli tal-Unjoni kienu japplikaw għal dan l-Istat Membru fl-intier tiegħu, filwaqt li, f’dan il-każ, id-Direttiva 95/60 ma għadhiex tapplika għar-Renju Unit ħlief fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-fattur “n” kellu jiġi kkalkolat mill-ġdid wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ikun kontradittorju li jintuża l-PDG totali tar-Renju Unit wara dan il-perijodu.

    75

    It-tieni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Renju Unit ma għadx għandu siġġu fil-Parlament Ewropew.

    76

    It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar informazzjoni reċenti dwar il-PDG. F’dan ir-rigward, ir-rappreżentant tar-Renju Unit ippreċiża, waqt is-seduta, li, fir-rigward tas-sena 2020, il-PGD ta’ dan l-Istat kien jammonta għal GBP 2156073 miljun (madwar EUR 2423426 miljun).

    77

    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi fuq ir-Renju Unit sanzjoni ogħla minn dik li hija pproponiet.

    78

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tfakkar li ċ-ċarezza tal-obbligu miksur għandha rwol importanti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Bl-istess mod, il-kwistjoni ma hijiex jekk ir-Renju Unit osservax l-għan tad-Direttiva 2003/96, iżda pjuttost jekk ikkonformax mal-obbligu ċar u indispensabbli previst mid-Direttiva 95/60 li jitneħħa d-dritt tad-dgħajjes intiżi għall-użu privat li jużaw karburant immarkat. Barra minn hekk, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha turi li l-konsegwenzi tal-ksur effettivament seħħew.

    79

    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, huwa rilevanti biss il-fatt li d-dgħajjes intiżi għall-użu privat kellhom aċċess għall-ilmijiet ta’ diversi Stati Membri bil-karburant immarkat, li l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati setgħu leġittimament jippreżumu li ma kienx ġie ntaxxat.

    80

    Barra minn hekk, ir-Renju Unit dewwem f’żewġ istanzi l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti. Barra minn hekk, huwa biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors li dan l-Istat antiċipa din l-adozzjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li din hija l-ewwel proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-imsemmi Stat.

    81

    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-fattur ta’ gravità ma kellux jitnaqqas minħabba t-tnaqqis tal-portata territorjali tal-ksur peress li dan it-tnaqqis kien jirriżulta mill-Ftehim dwar il-ħruġ, u mhux minn miżuri adottati mir-Renju Unit sabiex jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    82

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni diffikultajiet prattiċi u lanqas il-fatt li r-Renju Unit wettaq sforzi in bona fide.

    83

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fattur “n”, il-Kummissjoni tfakkar, l-ewwel nett, li din il-proċedura ġiet introdotta qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni u li, skont l-Artikoli 127 u 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, ir-Renju Unit baqa’ responsabbli, fl-intier tiegħu, għall-applikazzjoni u għar-rispett tad-dritt tal-Unjoni matul l-imsemmi perijodu.

    84

    It-tieni, in-numru ta’ siġġijiet li għandu Stat Membru fil-Parlament jintuża bħala varjabbli sabiex jiġi ddeterminat il-fattur “n” peress li jikkostitwixxi indikatur utli tad-daqs ta’ dan l-Istat Membru, b’mod li l-fatt li r-Renju Unit ma għadx għandu siġġu fil-Parlament huwa irrilevanti u, barra minn hekk, huwa konsegwenza diretta tal-Ftehim dwar il-ħruġ li huwa ffirma. Il-Kummissjoni ssostni, fi kwalunkwe każ, li dan l-Istat kien irrappreżentat fil-Parlament meta ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul is-sena 2018.

    85

    It-tielet, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Renju Unit li l-fattur “n” għandu jitnaqqas għal raġunijiet ekonomiċi, il-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta, li ċ-ċifri kkomunikati mir-Renju Unit għas-sena 2020 setgħu jitqiesu bħala affidabbli. Barra minn hekk, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aġġustament tal-kalkolu għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa u ta’ penali proposti mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, wara l-ħruġ tar-Renju Unit” (ĠU 2021, C 129, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2021”), il-fattur “n” għandu issa jiġi stabbilit għal 3.70 fir-rigward tal-ksur imwettaq minn dan l-Istat u tas-somma f’daqqa minima li għandha tiġi stabbilita għal EUR 8215000.

    86

    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju Unit jindika li huwa kkonforma ruħu mad-Direttiva 95/60 fl‑1 ta’ Ottubru 2021. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li għandhom jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji, peress li mis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 70), jirriżulta li dawn huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-eżekuzzjoni rapida ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, f’każ ta’ persistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    87

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan l-Istat jiċħad l-argument tal-Kummissjoni li mill-ewwel premessa tad-Direttiva 95/60 jirriżulta li l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva għandhom jitqiesu bħala importanti. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 54), l-indikazzjonijiet ta’ premessa għandhom valur analitiku dgħajjef sabiex tiġi evalwata l-importanza relattiva ta’ regola meta mqabbla ma’ regoli oħra tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, diversi direttivi jinkludu termini ekwivalenti.

    88

    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan finali tad-Direttiva 95/60 li tiġi implimentata sistema armonizzata ta’ impożizzjoni tad-dazji tas-sisa fuq in-nafta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonfondi l-kwistjoni tal-konformità ma’ din id-direttiva ma’ dik tal-fatturi rilevanti sabiex tevalwa l-gravità ta’ nuqqas ta’ konformità.

    89

    Barra minn hekk, il-fatt li l-karburant immarkat ipprovdut lill-utenti ta’ dgħajjes intiżi għall-użu privat fir-Renju Unit kien jirrappreżenta 0.2 % tal-karburant immarkat imqassam f’dan l-Istat u li l-karburant immarkat ipprovdut lil dawn l-utenti fl-Irlanda ta’ Fuq kien jammonta għal 0.02 % tas-suq tar-Renju Unit matul ix-xhur bejn Ġunju sa Awwissu 2019 huwa determinanti.

    90

    Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni rreferiet biss għal estratti tal-istampa mhux issostanzjati dwar il-multi imposti, fi Stat Membru wieħed, fuq utenti ta’ dgħajjes intiżi għall-użu privat tar-Renju Unit u li hija ma pproduċiet ebda prova tal-impożizzjoni ta’ tali multa mix-xahar ta’ Mejju 2018 juri l-impatt limitat tan-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 95/60. Mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑457/07, EU:C:2009:531, punt 98) jirriżulta li meta, bħal f’din il-kawża, Stat Membru jkun ipproduċa informazzjoni fid-dettall li turi l-effett limitat jew l-assenza ta’ effett ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-pożizzjoni tagħha. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq in-nuqqas inizjali ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex tikkontesta l-bona fide tagħha.

    91

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fattur “n”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma għadux japplika għar-Renju Unit ħlief fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li kif sostna r-Renju Unit waqt is-seduta, kienet tirrappreżenta 2.25 % tal-PDG tar-Renju Unit fl‑2020. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq id-daqs tal-ekonomija tat-territorju li japplika għalih id-dritt tal-Unjoni fid-data tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża.

    92

    Waqt is-seduta, ir-Renju Unit sostna wkoll li, sa mill-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, huwa kien jinsab f’sitwazzjoni differenti meta mqabbel mal-Istati Membri, b’mod li għandu jiġi applikat fil-konfront tiegħu trattament differenti, partikolarment fir-rigward tal-fattur “n”, u għandu jitnaqqas l-ammont tas-somma f’daqqa.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    93

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, fl‑1 ta’ Ottubru 2021, ir-Renju Unit temm in-nuqqas tiegħu li jeżegwixxi b’mod sħiħ is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, għaldaqstant, li, fil-każ ineżami, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jissoktax sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, żammet it-talba tagħha intiża għall-kundanna ta’ dan l-Istat għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

    94

    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li rikors li bih il-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma jistax jiġi miċħud għas-sempliċi raġuni li għandu bħala suġġett nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, filwaqt li ssokta maż-żmien, intemm fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti kontenzjużi (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 70).

    95

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-istat – Ferronikil), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le u li tiddetermina, skont il-każ, l-ammont tagħha. Barra minn hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’tali mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm il-gravità tal-ksur, il-perijodu li matul tiegħu dan issokta mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat l-imsemmi ksur kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 113 u 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    97

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandha titfakkar l-importanza tar-regola miksura għall-istabbiliment tas-suq intern li, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 98), tikkostitwixxi waħda mill-missjonijiet essenzjali mogħtija lill-Unjoni skont l-Artikolu 3(3) TUE.

    98

    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 44 u 46 tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minn naħa, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/60, moqri fid-dawl tat-tielet premessa tagħha, l-Istati Membri huma obbligati japplikaw sistema ta’ mmarkar fiskali kif previst minn din id-direttiva, b’mod partikolari, għan-nafta li ma hijiex intaxxata bir-rata sħiħa u, min-naħa l-oħra, l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, jiġifieri li tiġi kkompletata d-Direttiva 2003/96 u li jiġu promossi t-twettiq u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi tingħata l-possibbiltà ta’ identifikazzjoni faċli u rapida tan-nafta mhux suġġetta għal-livell normali ta’ tassazzjoni, ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw l-użu tal-immarkar fiskali anki għan-nafta intiża għal użu suġġett għar-rata normali ta’ tassazzjoni.

    99

    Barra minn hekk, il-miżuri previsti fid-Direttiva 95/60 huma, skont l-ewwel premessa tagħha, mhux biss neċessarji, iżda wkoll indispensabbli għat-twettiq tal-għanijiet tas-suq intern.

    100

    Ċertament, ir-Renju Unit isostni li huwa stabbilixxa sistema kompleta li tippermetti li jiġi vverifikat li l-ammont xieraq tat-taxxa tħallas mill-utenti ta’ dgħajjes għall-użu privat u li din is-sistema tista’ tintuża wkoll mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, waqt verifiki ulterjuri li, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxux l-għan prinċipali tad-Direttiva 95/60.

    101

    Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-immarkar fiskali tan-nafta eżentat jew intaxxat b’rata mnaqqsa, prevista mid-Direttiva 95/60, huwa intiż, preċiżament, li jiffaċilita l-kontrolli tal-ħlas effettiv tad-dazji tas-sisa xierqa fl-Istat Membru tar-rilaxx għall-konsum mill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor u li ma huwiex wisq rilevanti li jeżistu mezzi oħra ta’ kontroll, bħall-produzzjoni ta’ rċevuta li tikkonferma l-ħlas tad-differenza fid-dazji tas-sisa, issuġġerita mir-Renju Unit.

    102

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva jikkostitwixxi obbligu essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità kunsiderevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    103

    Sa fejn ir-Renju Unit jallega li l-gravità tal-ksur hija minima minħabba l-fatt li l-karburant immarkat ipprovdut lill-utenti ta’ dgħajjes għall-użu privat fir-Renju Unit kien jirrappreżenta 0.2 % tal-karburant immarkat imqassam f’dan l-Istat, għandu jiġi kkonstatat, bħal ma sostniet il-Kummissjoni, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni seta’ jippenalizza numru kunsiderevoli ta’ utenti ta’ dgħajjes għall-użu privat u, għaldaqstant, jippreġudika l-interessi privati u pubbliċi kkonċernati. Fil-fatt, kemm iċ-ċittadini Brittaniċi li xtaqu jmorru fl-ibħra tal-Istati Membri ġirien tar-Renju Unit kif ukoll iċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri ġirien li xtaqu jmorru fl-ibħra tar-Renju Unit u kellhom jimlew il-karburant immarkat qabel ma jirritornaw fl-ilmijiet tal-imsemmija Stati Membri setgħu jiġu esposti għal diffikultajiet matul il-kontrolli mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, setgħu jiġu imposti mutli minn dawn l-awtoritajiet.

    104

    Barra minn hekk, ir-Renju Unit stess indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li projbizzjoni tal-karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dawn id-dgħajjes għandha konsegwenzi prattiċi kunsiderevoli, u dan ma jkunx jagħmel sens jekk il-kwantità ta’ karburant immarkat ipprovdut għal dan l-għan tkun negliġibbli. Barra minn hekk, mid-dokument tal‑15 ta’ Lulju 2019, intitolat “Implementation of the Court of Justice of the European Union (CJEU) judgment on diesel fuel used in private pleasure craft”, li permezz tiegħu tnediet konsultazzjoni pubblika fir-Renju Unit, jirriżulta li dan l-Istat kellu numru kunsiderevoli ta’ dgħajjes għall-użu privat u li kwantità kbira ta’ karburant immarkat kienet użata għall-propulsjoni ta’ dawn id-dgħajjes.

    105

    Fir-rigward tal-eventwali ċirkustanzi attenwanti invokati mir-Renju Unit, l-ewwel, fid-dawl tal-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ dan l-Istat li jgħid li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ gravità modesta ħafna minħabba d-diffikultajiet prattiċi inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prassi jew sitwazzjonijiet mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑243/13, EU:C:2014:2413, punt 53; tat‑13 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑388/16, EU:C:2017:548, punt 41, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑205/17, EU:C:2018:606, punt 62).

    106

    It-tieni, fir-rigward tal-fatt li r-Renju Unit, matul il-proċedura prekontenzjuża, innotifika regolarment lill-Kummissjoni bil-miżuri li kien beħsiebu jieħu sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jitfakkar li obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni jaqa’ fi kwalunkwe każ fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika li kull Stat Membru huwa obbligat jiffaċilita għal din l-istituzzjoni t-twettiq tal-missjoni tagħha li, skont l-Artikolu 17 TUE, tikkonsisti fil-fatt li, bħala gwardjan tat-Trattati, hija tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 527).

    107

    Għaldaqstant, hija biss kooperazzjoni mal-Kummissjoni kkaratterizzata minn passi li juru l-intenzjoni ta’ konformità fl-iqsar żmien possibbli mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni mogħtija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

    108

    Madankollu, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li r-Renju Unit kien indika lill-Kummissjoni fl-ittra tiegħu tad‑19 ta’ Diċembru 2018, huwa ma wettaqx, matul is-snin 2019 u 2020, l-emendi leġiżlattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, sa fejn dan l-Istat indika, fl-ittra tiegħu tal‑11 ta’ Settembru 2020, li d-deċiżjoni dwar it-terminu għat-tneħħija tad-dritt ta’ użu tal-karburant immarkat għall-propulsjoni ta’ dgħajjes għall-użu privat tittieħed biss wara konsultazzjoni pubblika relatata mat-tneħħija ta’ dan id-dritt għal setturi għajr dawk għall-propulsjoni ta’ dawn id-dgħajjes, huwa rrikonoxxa li l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza setgħet titwettaq iktar malajr.

    109

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kooperazzjoni tar-Renju Unit mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

    110

    Min-naħa l-oħra, it-tielet, għandu jitqies bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li r-Renju Unit ħa ċertu numru ta’ miżuri kemm qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors kif ukoll fil-mori tal-kawża sabiex jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, b’mod partikolari, li temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat bid-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Ottubru 2021, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Finanzi tal‑2020 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑407/09, EU:C:2011:196, punt 41).

    111

    Bl-istess mod, ir-raba’, għalkemm, ċertament, id-daqs tal-Istat Membru kkonċernat ma huwiex fih innifsu rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, mill‑1 ta’ Jannar 2021, id-Direttiva 95/60 ma għadhiex iktar applikabbli għar-Renju Unit għajr fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, b’tali mod li l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu naqset minn din id-data.

    112

    Fl-aħħar, il-ħames, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li r-Renju Unit qatt qabel ma kien naqas milli jeżegwixxi sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 55).

    113

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li jkun għadda bejn, minn naħa, id-data tal-għoti tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE u, min-naħa l-oħra, il-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti jew id-data li fiha l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza jekk din l-aħħar data tokkorri qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑407/09, EU:C:2011:196, punt 35, u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 122).

    114

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li għaddew 1079 jum u għalhekk kważi tliet snin bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-eżekuzzjoni tagħha mir-Renju Unit.

    115

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq il-PGD tal-Istat Membru kkonċernat bħala fattur predominanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu u tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, sabiex tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-istat – Ferronikil), C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 116130).

    116

    F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit isostni, l-ewwel, li hemm lok li wieħed jibbaża ruħu esklużivament fuq il-PDG tal-Irlanda ta’ Fuq għall-perijodu kollu ta’ ksur, filwaqt li l-Kummissjoni hija tal-fehma li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG tar-Renju Unit fl-intier tiegħu għal dan il-perijodu.

    117

    F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, id-dritt tal-Unjoni kien japplika għar-Renju Unit fl-intier tiegħu matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2020, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni jikkonċerna biss lill-Irlanda ta’ Fuq mill‑1 ta’ Jannar 2021.

    118

    Dan premess, mill-Artikolu 12(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, jirriżulta li huma l-awtoritajiet tar-Renju Unit, u mhux dawk tal-Irlanda ta’ Fuq, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula applikabbli permezz ta’ dan il-protokoll għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju Unit, il-fatt li dan tal-aħħar ma għadux Stat Membru b’effett mill‑1 ta’ Frar 2020 ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu, b’mod li ma għandux jiġi applikat fil-konfront tiegħu trattament differenti minn irriżervat għall-Istati Membri f’dan ir-rigward.

    119

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, il-kapaċità ta’ ħlas tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, u dan bl-għan li tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, sanzjoni fir-rigward tar-Renju Unit ikkalkolata, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas, billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-PDG tal-Irlanda ta’ Fuq, f’dak li jirrigwarda l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma hijiex suffiċjentement dissważiva u, għaldaqstant, ma tistax tippermetti li jintlaħaq dan l-għan.

    120

    Barra minn hekk, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 111 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma għadux applikabbli għar-Renju Unit ħlief fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni huwa ċirkustanza attenwanti li għandha rwol fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma huwiex iġġustifikat li din iċ-ċirkustanza tittieħed inkunsiderazzjoni mill-ġdid fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju Unit.

    121

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG tar-Renju Unit fl-intier tiegħu għall-perjodu kollu tal-ksur sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat.

    122

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti mressqa mir-Renju Unit. Fil-fatt, għalkemm għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata), minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju Unit, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-PGD tat-territorju li japplika għalih id-dritt tal-Unjoni fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    123

    Barra minn hekk, sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li, konformement mal-Komunikazzjoni tal‑2021, il-fattur “n” għandu jiġi stabbilit għal 3.70 fir-rigward tal-ksur imwettaq mir-Renju Unit u s-somma f’daqqa minima għal EUR 8215000 u, min-naħa l-oħra, dan l-Istat isostni li l-argument ta’ din l-istituzzjoni dwar il-kapaċità tiegħu li tħallas u din il-komunikazzjoni tal‑2021 jikkontradixxu ruħhom, huwa biżżejjed li jitfakkar li linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni stess meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-istat – Ferronikil), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    124

    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li l-fattur “n” imressaq mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq in-numru ta’ siġġijiet li għandu Stat Membru fil-Parlament minkejja li r-Renju Unit ma għandu ebda siġġu f’din l-istituzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx indispensabbli sabiex tiġi ggarantita dissważjoni suffiċjenti u sabiex dan l-Istat Membru jiġi ggwidat għall-bidla fl-aġir attwali jew futur tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-istat – Ferronikil), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 115).

    125

    It-tielet, kif ġie sostnut fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat, kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    126

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ineżami jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li jkollu jħallas ir-Renju Unit, għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Ottubru 2018 u t‑30 ta’ Settembru 2021, jiġi ffissat għal EUR 32000000.

    127

    Għaldaqstant, ir-Renju Unit huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 32000000.

    Fuq l‑ispejjeż

    128

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Renju Unit, u peress li ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan tal-aħħar għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi ma ħax, sad-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri l‑15 ta’ Settembru 2020, il-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑503/17, EU:C:2018:831), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

     

    2)

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 32000000.

     

    3)

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top