Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0646

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Novembru 2022.
    Senatsverwaltung für Inneres und Sport, Standesamtsaufsicht vs TB.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Divorzju – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Il-punt 4 tal-Artikolu 2 u Artikolu 21 – Kunċett ta ‘sentenza’ – Rikonoxximent, fi Stat Membru, ta’ xoljiment ta’ żwieġ maqbul fi ftehim bejn il-miżżewġin u ddikjarat minn reġistratur ċivili ta’ Stat Membru ieħor – Kriterju li jippermetti li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ‘sentenza’.
    Kawża C-646/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:879

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Divorzju – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Il-punt 4 tal-Artikolu 2 u Artikolu 21 – Kunċett ta ‘sentenza’ – Rikonoxximent, fi Stat Membru, ta’ xoljiment ta’ żwieġ maqbul fi ftehim bejn il-miżżewġin u ddikjarat minn reġistratur ċivili ta’ Stat Membru ieħor – Kriterju li jippermetti li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ‘sentenza’”

    Fil-Kawża C‑646/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

    Senatsverwaltung für Inneres und Sport, Standesamtsaufsicht,

    vs

    TB,

    fil-preżenza ta’:

    Standesamt Mitte von Berlin,

    RD,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, M. Safjan (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Frar 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

    għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Natale, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold, M. Wilderspin u W. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Senatsverwaltung für Inneres und Sport, Standesamtsaufsicht (il-Ministeru ta’ Berlin għall-Intern u għall-Isports, Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Istat Ċivili, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Istat Ċivili”) u TB dwar ir-rifjut, minn din l-awtorità, li tawtorizza r-reġistrazzjoni, fir-reġistru Ġermaniż taż-żwiġijiet, tad-divorzju ta’ TB u ta’ RD, li seħħ b’mod ekstraġudizzjarju fl-Italja, fl-assenza ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ dan id-divorzju mill-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża kompetenti.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Il‑Konvenzjoni ta’ Brussell

    3

    L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni, ‘sentenza’ tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat kontraenti, indipendentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll id-determinazzjoni tal-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Ir‑Regolament Brussell IIa

    4

    Il-premessi 1, 2, 8, 21 u 22 tar-Regolament Brussell IIa jiddikjaraw:

    “(1)

    il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu talpersuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji gżat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.

    (2)

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifikat id-dritt taż- żjara bħala prijorità. […]

    […]

    (8)

    Fir-rigward ta’ sentenzi dwar divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg, dan ir-Regolament għandu japplika biss għax-xoljiment tar-rabtiet matrimonjali u m’għandux jittratta ma’ kwistjonijiet bħal raġunijiet għal divorzju, il-proprjetà bħala konsegwenza taż-żwieg jew kwalsiasi miżuri oħra anċillari.

    […]

    (21)

    Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

    (22)

    L-istrumenti awtentiċi u l-ftehim bejn partijiet li huma nfurzabbli fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu ttrattati bħala ugwali għal ‘sentenzi’ għall-iskop ta’ l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

    5

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament kien redatt kif ġej:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

    (a)

    id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

    (b)

    l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

    […]

    3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    […]

    (e)

    l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

    […]”

    6

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    1.

    ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

    […]

    3.

    il-kliem ‘L-Istati Membri’ għandhom ifissru l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka;

    4.

    il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

    […]”

    7

    Taħt it-titolu “Ir-rikonoxximent u l-infurzar”, il-Kapitolu III tar-Regolament Brussell IIa kien jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Ir-Rikonoxximent”, li taħtha kienu jinsabu l-Artikoli 21 sa 27 ta’ dan ir-regolament.

    8

    L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

    “1.   Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

    2.   Partikolarment, u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 3, l-ebda proċedura speċjali m’għandha tkun meħtieġa għall-aġġornament ta’ l-atti uffiċjali ta’ l-istat ċivili ta’ Stat Membru dwar il-bażi ta’ sentenza dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg mogħti fi Stat Membru ieħor u kontra liema m’hemm l-ebda appell ieħor taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

    […]”

    9

    Skont l-Artikolu 22 tal-istess regolament, intitolat “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ”:

    “Sentenza dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

    (a)

    jekk jidher ċar li l-imsemmi rikonoxximent huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub;

    […]”

    10

    L-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell IIa kien jaqra kif ġej:

    “Ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza ma tistax tiġi rrifjutata minħabba li l-liġi ta’ l-Istat Membru fejn huwa mitlub dan ir-rikonoxximent ma jħallie id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg fuq l-istess provi.”

    11

    Taħt it-Taqsima 3, intitolata “Id-Disposizzjonijiet komuni għal Taqsima 1 u 2”, tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament kien hemm b’mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu li kien jipprovdi:

    “Il-qorti kompetenti jew l-awtorità ta’ Stat Membru ta’ l-oriġini għandha, fuq talba minn kwalsijasi parti nteressata, toħroġ ċertifikat billi tuża l-forma standard kif stabbilita fl-Anness I (sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali) jew fl-Anness II (sentenzi dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri).”

    12

    It-Taqsima 5 ta’ dan il-Kapitolu III, intitolata “L-istrumenti u l-fteħim awtentiċi”, kienet tinkludi biss l-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament li kien ifformulat kif ġej:

    “Id-dokumenti li jkunu ġew formalment magħmula jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u li jkunu nfurzabbli fi Stat Membru wieħed u kif ukoll il-ftehim bejn il-partijiet li huma nfurzabbli fl-Istat Membru fejn ġew konkluzi għandhom jiġu rikonoxxuti u ddikjarati li huma nfurzabbli taħt l-istess kondizzjonijiet tas-sentenzi.”

    Ir‑Regolament Brussell IIb

    13

    Skont l-Artikolu 104(1) tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIb”), li jwettaq riformulazzjoni tar-Regolament Brussell IIa, ħassar dan tal-aħħar mill‑1 ta’ Awwissu 2022. Madankollu, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Brussell IIb, ir-Regolament Brussell IIa jkompli japplika għad-deċiżjonijiet mogħtija wara proċeduri ġudizzjarji mibdija, għall-atti awtentiċi mfassla jew irreġistrati u għall-ftehimiet li saru eżekuttivi fl-Istat Membru li fih ġew konklużi qabel l‑1 ta’ Awwissu 2022. Fid-dawl tad-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, din hija għalhekk irregolata mir-Regolament Brussell IIa.

    14

    Il-premessa 14 tar-Regolament Brussell IIb tistipula:

    “Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li t-terminu ‘qorti’ tingħata tifsira wiesgħa sabiex tkopri wkoll awtoritajiet amministrattivi, jew awtoritajiet oħra, bħal nutara, li jeżerċitaw ġurisdizzjoni f’ċerti kwistjonijiet matrimonjali jew kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim approvat mill-qorti wara eżami tal-mertu tal-każ f’konformità mal-liġi u l-proċedura nazzjonali jiġi rikonoxxut jew infurzat bħala ‘deċiżjoni’. Jenħtieġ li ftehimiet oħra li jiksbu effett legali vinkolanti fl-Istat Membru tal-oriġini wara l-intervent formali ta’ awtorità pubblika jew awtorità oħra kif ikkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru għal dak il-fini jingħataw effett fi Stati Membri oħra f’konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar strumenti awtentiċi u ftehimiet f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jippermettix ċirkolazzjoni libera ta’ sempliċi ftehimiet privati. Madankollu, ftehimiet li la jkunu deċiżjoni u lanqas strument awtentiku iżda li jkunu ġew irreġistrati minn awtorità pubblika kompetenti li tagħmel dan, jenħtieġ li jiġu ċċirkolati. Tali awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinkludu nutara li jirreġistraw ftehimiet, anke fejn dawn jeżerċitaw professjoni liberali.”

    15

    L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “1.   Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

    2.   Partikolarment, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, jenħtieġ li ebda proċedura speċjali ma tkun meħtieġa għall-aġġornament tal-atti uffiċjali tal-istat ċivili ta’ Stat Membru abbażi ta’ deċiżjoni dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ mogħti fi Stat Membru ieħor u li kontrih ma hemm l-ebda appell ieħor taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

    […]”

    16

    L-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.   Strumenti awtentiċi u ftehimiet dwar is-separazzjoni legali u d-divorzju li jkollhom effett legali vinkolanti fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali. It-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu għandha tapplika skont dan, sakemm mhux previst mod ieħor f’din it-Taqsima.

    2.   Strumenti awtentiċi u ftehimiet fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li għandhom effett legali vinkolanti u huma infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu rikonoxxuti u infurzati fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa ebda dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà. It-Taqsimiet 1 u 3 ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw skont dan, sakemm mhux previst mod ieħor f’din it-Taqsima.”

    Id‑dritt Ġermaniż

    17

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 97(1) tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura fi Kwistjoni ta’ Kawżi tal-Familja u ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja) tas‑17 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 2586), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FamFG”), jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-atti tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx jiġu affettwati” minn dawk tal-FamFG.

    18

    L-Artikolu 107 tal-FamFG, intitolat “Rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin fi kwistjonijiet matrimonjali”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Id-deċiżjonijiet barranin li permezz tagħhom żwieġ jiġi annullat, invalidat jew xolt bi jew mingħajr ir-rabta ta’ żwieġ jew li permezz tagħhom tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żwieġ bejn il-partijiet, jew l-assenza tiegħu, jiġu rrikonoxxuti biss jekk l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Land tkun ikkonstatat li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma ssodisfatti. Meta d-deciżjoni tkun ingħatat minn qorti jew awtorità tal-Istat li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fil-mument tad-deċiżjoni, ir-rikonoxximent ma jiddependix fuq konstatazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Land.”

    19

    L-Artikolu 3 tal-Personenstandsgesetz (il-Liġi dwar l-Istatus Ċivili) tad‑19 ta’ Frar 2007 (BGBl. 2007 I, p. 122), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“PStG”), huwa intitolat “Reġistru Ċivili”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa redatt b’dan il-mod:

    “Fil-qasam tal-kompetenza tiegħu, is-servizz tar-reġistru ċivili għandu jżomm:

    1)

    reġistru taż-żwiġijiet (Artikolu 15),

    […]”

    20

    L-Artikolu 5 tal-PStG, intitolat “Aġġornament tar-reġistru ċivili”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-entrati fir-reġistru għandhom jiġu kkompletati u kkoreġuti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi (aġġornament).”

    21

    Intitolat “Aġġornament”, l-Artikolu 16 tal-PStG jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fl-entrata dwar iż-żwieġ għandhom jissemmew l-atti sussegwenti li jikkonċernaw

    […]

    3)

    l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju,

    […]”

    Id‑dritt Taljan

    22

    Id-decreto-legge no 132 – Misure urgenti di degiurisdizionalizzazione ed altri interventi per la definizione dell’arretrato in materia di processo civile (id-Digriet-Liġi Nru 132 dwar Miżuri Urġenti għal Deċiżjoni tal-Qorti u Interventi Oħra Sabiex Jitnaqqas l-Eċċess tal-Proċeduri Ċivili) tat‑12 ta’ Settembru 2014 (GURI Nru 212 tat‑12 ta’ Settembru 2014), li ġie kkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 162 tal‑10 ta’ Novembru 2014 (GURI Nru 261 tal‑10 ta’ Novembru 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 132/2014”), jipprovdi, fl-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 12 tiegħu intitolat “Separazzjoni b’kunsens reċiproku, talba għal xoljiment jew waqfien tal-effetti ċivili taż-żwieġ u modifika tal-kundizzjonijiet tas-separazzjoni jew tad-divorzju quddiem ir-reġistratur ċivili”, li l-konjuġi, possibbilment assistiti minn avukat, jistgħu b’mod partikolari jikkonkludu, quddiem ir-reġistratur ċivili kompetenti, ftehim ta’ xoljiment jew ta’ waqfien tal-effetti ċivili taż-żwieġ, bil-kundizzjoni li dawn il-konjuġi la jkollhom tfal minuri u lanqas tfal adulti inkapaċi, b’diżabbiltà serja jew li ma humiex ekonomikament indipendenti.

    23

    Barra minn hekk, l-Artikolu 12(3) tad-Digriet-Liġi Nru 132/2014 jipprevedi li r-reġistratur ċivili għandu jirċievi personalment minn kull waħda mill-partijiet dikjarazzjoni li tgħid li huma jixtiequ jxolju jew iwaqqfu l-effetti ċivili taż-żwieġ, skont il-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom, li l-ftehim ma jistax jikkonċerna t-trażmissjoni tal-patrimonju, li l-att li jkun fih il-ftehim għandu jiġi kkompletat u ffirmat immedjatament mal-irċevuta tad-dikjarazzjonijiet tal-konjuġi, li l-imsemmi ftehim għandu jissostitwixxi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar, b’mod partikolari, il-modalitajiet tax-xoljiment u tal-waqfien tal-effetti ċivili taż-żwieġ, u li, meta jirċievi d-dikjarazzjonijiet tal-konjuġi, ir-reġistratur ċivili għandu jistedinhom sabiex jidhru quddiemu mhux inqas minn 30 jum wara l-irċevuta ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet sabiex jikkonfermaw il-ftehim, peress li jekk ma jidhrux, dan huwa ekwivalenti għal assenza ta’ konferma tal-ftehim.

    24

    Ċirkulari tal-Ministero della Giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Italja) tat‑22 ta’ Mejju 2018 dwar id-Digriet-Liġi Nru 132/2014 taħtar lir-reġistratur ċivili bħala l-awtorità kompetenti, fl-Italja, sabiex toħroġ iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament Brussell IIa.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    25

    TB, ta’ nazzjonalità doppja Ġermaniża u Taljana, iżżewġet lil RD, ta’ nazzjonalità Taljana, fl‑20 ta’ Settembru 2013 quddiem l-iStandesamt Mitte von Berlin (l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili ta’ Berlin-Mitte, il-Ġermanja). Dan iż-żwieġ ġie rreġistrat fir-reġistru taż-żwiġijiet ta’ Berlin.

    26

    Fit‑30 ta’ Marzu 2017, TB u RD dehru, għall-ewwel darba, quddiem ir-reġistratur ċivili ta’ Parma (l-Italja) sabiex jibdew proċedura ta’ divorzju b’mod ekstraġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 12 tad-Digriet-Liġi Nru 132/2014. Huma dehru għat-tieni darba quddiem dan ir-reġistratur, fil‑11 ta’ Mejju 2017, sabiex jikkonfermaw id-dikjarazzjoni tagħhom. Wara t-tielet dehra, fil‑15 ta’ Frar 2018, TB u RD iddikjaraw, billi rreferew għad-dikjarazzjoni tagħhom tat‑30 ta’ Marzu 2017, li huma xtaqu x-xoljiment taż-żwieġ tagħhom, filwaqt li ppreċiżaw ukoll li l-ebda proċedura ma kienet pendenti f’dan ir-rigward. Peress li dawn id-dikjarazzjonijiet ġew ikkonfermati wkoll fis‑26 ta’ April 2018 quddiem l-imsemmi reġistratur, dan, fit‑2 ta’ Lulju 2018, ħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament Brussell IIa lil TB, li jiddikjara d-divorzju tagħha minn ma’ RD b’effett mill‑15 ta’ Frar 2018.

    27

    TB talbet lill-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili ta’ Berlin-Mitte sabiex jirreġistra dan id-divorzju fir-reġistru taż-żwiġijiet ta’ Berlin, skont id-dispożizzjonijiet tal-PStG. Madankollu, peress li kellu dubji dwar jekk din ir-reġistrazzjoni kinitx teħtieġ rikonoxximent minn qabel skont l-Artikolu 107 tal-FamFG, dan l-uffiċċju, permezz tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Istat Ċivili, ressaq din il-kwistjoni quddiem l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja) kompetenti.

    28

    Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019, dik il-qorti ddeċidiet li r-reġistrazzjoni tad-divorzju b’mod ekstraġudizzjarju ta’ TB u ta’ RD fir-reġistru taż-żwiġijiet kienet possibbli biss wara rikonoxximent, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 107(1) tal-FamFG, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Land, f’dan il-każ is-Senatsverwaltung für Justiz, Verbraucherschutz und Antidiskriminierung (il-Ministeru ta’ Berlin għall-Ġustizzja, għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru ta’ Berlin għall-Ġustizzja”).

    29

    It-talba għal rikonoxximent ippreżentata minn TB lill-Ministeru ta’ Berlin għall-Ġustizzja madankollu ġiet miċħuda minn dan tal-aħħar minħabba li din ma kinitx deċiżjoni li teħtieġ rikonoxximent. L-appell ippreżentat minn TB kontra ċ-ċaħda ta’ din it-talba għadu pendenti quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja).

    30

    Barra minn hekk TB ippreżentat appell kontra d-digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019, li ntlaqa’ mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin). Din tal-aħħar għalhekk ipprojbixxiet lill-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili ta’ Berlin-Mitte milli jissuġġetta r-reġistrazzjoni tad-divorzju ta’ TB u ta’ RD li seħħ fl-Italja fir-reġistru taż-żwiġijiet għal rikonoxximent minn qabel mill-Ministeru ta’ Berlin għall-Ġustizzja.

    31

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Istat Ċivili ressqet appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi kkonfermat mill-ġdid id-digriet tal‑1 ta’ Lulju 2019.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-kunċett ta’ “sentenza” imsemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, ir-regoli previsti mill-imsemmi regolament fil-qasam tar-rikonoxximent tas-sentenzi ta’ divorzju japplikawx fil-każ ta’ divorzju li jirriżulta minn ftehim konkluż mill-konjuġi u ddikjarat minn reġistratur ċivili ta’ Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fl-affermattiv u fid-dawl tal-fatt li dawn ir-regoli ma humiex affettwati, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 97(1) tal-FamFG, minn dawk tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, l-ebda proċedura ta’ rikonoxximent ma hija neċessarja fil-Ġermanja. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIa, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss l-atti li joriġinaw minn qorti jew minn awtorità li teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li għandhom effett kostituttiv ta’ drittijiet jew jekk dan ikoprix ukoll l-atti legali privati li jaqgħu taħt ir-rieda awtonoma tal-partijiet, adottati mingħajr tali parteċipazzjoni b’effett kostituttiv ta’ awtorità Statali, kif jirriżulta mill-proċedura prevista fl-Italja fl-Artikolu 12 tad-Digriet-Liġi Nru 132/2014.

    33

    Il-qorti tar-rinviju tqis li la l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas it-tagħlim li jinsilet mis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Sahyouni (C‑372/16, EU:C:2017:988), ma jippermettu li din il-kwistjoni tiġi deċiża b’mod ċar, anki jekk parti mill-kummentarji Ġermaniżi jagħtu interpretazzjoni wiesgħa ta’ din il-formulazzjoni li tippermetti li jitqies li r-regoli previsti mir-Regolament Brussell IIa fil-qasam tar-rikonoxximent tas-sentenzi ta’ divorzju japplikaw għad-divorzji li seħħew wara proċedura ekstraġudizzjarja, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    34

    Filwaqt li din il-parti tal-kummentarji ssostni li tali interpretazzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tal-iskop tar-Regolament Brussell IIa li jikkonsisti f’li jiġi żgurat rikonoxximent faċli fil-qasam tal-kwistjonijiet matrimonjali fl-Unjoni, il-qorti tar-rinviju xxaqleb favur interpretazzjoni opposta. Skont dik il-qorti, ir-Regolament Brussell IIa huwa bbażat fuq il-premessa li hija biss sentenza ta’ divorzju mogħtija minn awtorità pubblika u li magħha huwa marbut effett kostituttiv ta’ drittijiet li tippermetti li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konjuġi “l-iktar dgħajjef” mill-iżvantaġġi marbuta mad-divorzju, peress li tali awtorità tkun għalhekk tista’ timpedixxi d-divorzju billi teżerċita l-kompetenza superviżorja tagħha. Issa, dan ma jkunx il-każ meta l-bażi legali tax-xoljiment taż-żwieġ tkun tinsab fir-rieda awtonoma tal-konjuġi espressa f’att legali privat u l-parteċipazzjoni tal-awtorità pubblika tkun limitata għal funzjonijiet ta’ twissija, ta’ kjarifika, ta’ prova jew ta’ konsulenza mingħajr setgħa ta’ kontroll fuq il-mertu.

    35

    Il-qorti tar-rinviju żżid li tali approċċ huwa sostnut, minn naħa, mill-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Brussell IIa, l-ebda proċedura ta’ divorzju b’mod ekstraġudizzjarju ma kienet teżisti fid-dritt tal-Istati Membri ta’ dak iż-żmien, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jieħu dan l-eżempju inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIb, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Brussell IIa mill‑1 ta’ Awwissu 2022, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni sadanittant ippreveda regoli li jkopru d-divorzji bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma kienx ikun il-każ taħt ir-Regolament Brussell IIa.

    36

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, hija nieqsa fil-każ ta’ divorzji bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-rikonoxximent ta’ tali divorzju huwiex madankollu possibbli abbażi tal-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament. Il-qorti tar-rinviju għandha tendenza li teskludi tali possibbiltà mill-fatt li din id-dispożizzjoni, għall-kuntrarju tad-dispożizzjoni korrispondenti prevista fir-Regolament Brussell IIb, issemmi biss l-atti awtentiċi u l-ftehimiet bejn il-partijiet li huma “[i]nfurzabbli”, li ma jikkonċernawx il-kwistjoni tad-divorzju, iżda biss dik tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

    37

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont parti mill-kummentarji Ġermaniżi, l-Artikolu 46 tar-Regolament Brussell IIa japplika fil-każ ta’ divorzji bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Xoljiment taż-żwieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-[Digriet-Liġi Nru 132/2014] huwa deċiżjoni ta’ divorzju fis-sens tar-Regolament Brussell IIa?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: xoljiment taż-żwieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-[Digriet-Liġi Nru 132/2014] għandu jiġi ttrattat bl-applikazzjoni mutatis mutandis tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 46 tar-Regolament Brussell IIa dwar id-dokumenti awtentiċi u l-ftehimiet?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    39

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa għandux jiġi interpretat, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li att ta’ divorzju stabbilit minn reġistratur ċivili ta’ Stat Membru, li jinkludi ftehim ta’ divorzju konkluż mill-konjuġi u kkonfermat minnhom quddiem dan ir-reġistratur skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jikkostitwixxix “sentenza”, fis-sens ta’ dan il-punt 4 tal-Artikolu 2.

    40

    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat, fl-Unjoni kollha, b’mod awtonomu u uniformi, liema interpretazzjoni għandha tirriżulta minn teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl et (Tqegħid ta’ applikant għall-ażil fi sptar psikjatriku), C‑231/21, EU:C:2022:237, punt 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Fid-dawl tal-fatt li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Brussell IIa, b’mod partikolari l-punt 4 tal-Artikolu 2 tiegħu, ma tinkludi riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tat-terminu “sentenza” imsemmi b’mod partikolari kemm f’din id-dispożizzjoni kif ukoll fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, għandu jitqies li dan it-terminu għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fid-dritt tal-Unjoni, konformement mal-metodoloġija mfakkra fil-punt preċedenti.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 67(1) u (4) TFUE u tal-Artikolu 81(1) u (2) TFUE kif ukoll minn dawk preċedenti tal-Artikolu 61(c) KE u tal-Artikolu 65(a) KE jirriżulta li, sabiex tikkostitwixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Unjoni għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom effett transkonfinali, billi tiżgura, inter alia, b’mod partikolari meta jkun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji.

    43

    F’dan il-kuntest, kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet, li huwa stess huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, huma, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Huwa f’dan il-kuntest li r-Regolament Brussell IIa għandu l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 21 tiegħu, li jiffaċilita, inter alia, abbażi tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina, ir-rikonoxximent tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri fil-qasam tad-divorzju, billi jnaqqas għall-minimu neċessarju r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ tali sentenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato, C‑386/17, EU:C:2019:24, punti 4146 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    B’hekk, l-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament Brussell IIa, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(a) u mal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, jipprevedi b’mod partikolari li, sakemm ma tiġix stabbilita waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent imsemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 21 ta’ dan tal-aħħar, is-sentenzi mogħtija fi Stat Membru fil-qasam tad-divorzju għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jirrikorri għal kwalunkwe proċedura, filwaqt li jippreċiża, minn naħa, li, għall-finijiet tal-aġġornament ta’ atti tal-istat ċivili fl-Istat Membru mitlub, is-sentenza ma tistax tkun għadha tista’ tiġi appellata skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, li r-rikonoxximent ta’ sentenza ma jistax b’mod partikolari jiġi rrifjutat għar-raġuni li l-liġi tal-Istat Membru mitlub ma tippermettix id-divorzju abbażi ta’ fatti identiċi.

    46

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tad-divorzju, dan ikopri “divorzju […] [iddikjarat] minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni”. Il-kunċett ta’ “qorti” huwa stess huwa ddefinit, fil-punt 1 ta’ dan l-artikolu, bħala l-“awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1”. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, bis-saħħa tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, l-espressjoni “Stat Membru” tkopri l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka.

    47

    Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 1(1)(a) u tal-punti 1, 3 u 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa jirriżulta li l-kunċett ta’ sentenza fil-qasam tad-divorzju jirreferi għal kull sentenza ta’ divorzju, tkun xi tkun id-denominazzjoni tagħha, li tingħata minn awtorità ta’ Stat Membru kompetenti, bl-eċċezzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju tad-Danimarka.

    48

    Minn din id-definizzjoni mogħtija mir-Regolament Brussell IIa stess, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li dan ir-regolament jista’ jkopri s-sentenzi ta’ divorzju li jseħħu wara proċedura kemm ġudizzjarja kif ukoll ekstraġudizzjarja, sakemm id-dritt tal-Istati Membri jagħti wkoll lill-awtoritajiet ekstraġudizzjarji kompetenzi fil-qasam tad-divorzju.

    49

    Minn dan isegwi li kull sentenza mogħtija minn tali awtoritajiet ekstraġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-divorzju fi Stat Membru, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa, tiġi rrikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, bla ħsara, minn naħa, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li, għall-finijiet tal-aġġornament tal-atti tal-istat ċivili fl-Istat Membru mitlub, is-sentenza ma tistax tkun għadha tista’ tiġi appellata.

    50

    Għandu jiġi ppreċiżat li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-ebda Stat Membru ma kien għadu ppreveda fil-leġiżlazzjoni tiegħu, waqt it-tfassil u l-adozzjoni tar-Regolament Brussell IIa, il-possibbiltà, għall-konjuġi, li jiddivorzjaw b’mod ekstraġudizzjarju. Fil-fatt, l-imsemmija interpretazzjoni tirriżulta direttament mid-definizzjonijiet wiesgħa u miftuħa tal-kunċetti ta’ “qorti” u ta’ “sentenza” imsemmija rispettivament fil-punti 1 u 4 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

    51

    Barra minn hekk, l-istess interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Brussell IIa, li huwa intiż, inter alia, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, sabiex jiffaċilita, abbażi tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa bbażat il-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina fil-livell tal-Unjoni, ir-rikonoxximent tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri fil-qasam, b’mod partikolari, tad-divorzju.

    52

    Kif jirriżulta mill-elementi esposti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u mfakkra fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, dik il-qorti tistaqsi madankollu wkoll dwar il-livell ta’ kontroll li għandha teżerċita l-awtorità kompetenti fil-qasam tad-divorzju sabiex l-att ta’ divorzju li hija tistabbilixxi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “sentenza”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament.

    53

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Regolament Brussell IIa jkopri biss id-divorzji mogħtija jew minn qorti Statali, jew minn awtorità pubblika jew taħt il-kontroll tagħha, u dan jeskludi d-divorzji privati sempliċi, bħal dak li jirriżulta minn dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Sahyouni, C‑372/16, EU:C:2017:988, punti 39 sa 43, 4849).

    54

    Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li kull awtorità pubblika li jkollha tagħti “sentenza”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, għandha żżomm il-kontroll tal-għoti tad-divorzju, li jimplika, fil-kuntest tad-divorzji b’kunsens reċiproku, li hija twettaq eżami tal-kundizzjonijiet tad-divorzju fid-dawl tad-dritt nazzjonali kif ukoll tar-realtà u tal-validità tal-kunsens tal-konjuġi li jiddivorzjaw.

    55

    Ir-rekwiżit ta’ eżami, fis-sens tal-punt preċedenti, bħala element karatteristiku tal-kunċett ta’ sentenza jista’ wkoll jiġi dedott mis-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221). Fil-punti 15 sa 17 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, redatt f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, bl-eċċezzjoni notevoli tal-fatt li huma biss id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li huma koperti minn din id-dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, li l-kunċett ta’ “sentenza” jimplika li l-qorti għandha tiddeċiedi “dwar il-kwistjonijiet bejn il-partijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tagħha stess”.

    56

    Huwa minnu li, kif fakkar il-Gvern Pollakk waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-imsemmija sentenza, li tranżazzjoni li saret quddiem qorti ta’ Stat Membru u li ttemm it-tilwima ma tistax tikkostitwixxi “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott b’analoġija li l-klassifikazzjoni bħala “sentenza”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, għandha tiġi sistematikament eskluża fil-każ fejn awtorità ekstraġudizzjarja tkun awtorizzata sabiex tiddikjara d-divorzju abbażi ta’ ftehim konkluż mill-konjuġi, wara eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ.

    57

    Fil-fatt, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221), ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati kienu ta’ natura essenzjalment kuntrattwali, u b’hekk il-qorti kkonċernata sempliċiment tieħu nota tat-tranżazzjoni mingħajr ma teżerċita l-ebda eżami tal-kontenut ta’ din it-tranżazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ.

    58

    Barra minn hekk, ir-Regolament Brussell IIb, li fassal mill-ġdid ir-Regolament Brussell IIa, jipprovdi, fil-premessa 14 tiegħu, li “[j]enħtieġ li kwalunkwe ftehim approvat mill-qorti wara eżami tal-mertu tal-każ f’konformità mal-liġi u l-proċedura nazzjonali jiġi rikonoxxut jew infurzat bħala ‘deċiżjoni’”. Huwa jżid li “[j]enħtieġ li ftehimiet oħra li jiksbu effett legali vinkolanti fl-Istat Membru tal-oriġini wara l-intervent formali ta’ awtorità pubblika jew awtorità oħra kif ikkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru għal dak il-fini jingħataw effett fi Stati Membri oħra f’konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar strumenti awtentiċi u ftehimiet f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jippermettix ċirkolazzjoni libera ta’ sempliċi ftehimiet privati. Madankollu, ftehimiet li la jkunu deċiżjoni u lanqas strument awtentiku iżda li jkunu ġew irreġistrati minn awtorità pubblika kompetenti li tagħmel dan, jenħtieġ li jiġu ċċirkolati. Tali awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinkludu nutara li jirreġistraw ftehimiet, anke fejn dawn jeżerċitaw professjoni liberali”.

    59

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk spjega, b’għan ta’ kontinwità, il-fatt li l-ftehimiet ta’ divorzju, li kienu ġew approvati minn awtorità ġudizzjarja jew ekstraġudizzjarja wara eżami fuq il-mertu mwettaq konformement mal-leġiżlazzjonijiet u mal-proċeduri nazzjonali, jikkostitwixxu “sentenzi”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell IIb li jissostitwixxu din id-dispożizzjoni, u li huwa preċiżament dan l-eżami fuq il-mertu li jiddistingwi dawn is-sentenzi minn atti awtentiċi u minn ftehimiet, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti.

    60

    Għaldaqstant, meta awtorità ekstraġudizzjarja kompetenti tapprova, wara eżami fuq il-mertu, ftehim ta’ divorzju, dan huwa rrikonoxxut bħala “sentenza”, konformement mal-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa u mal-Artikolu 30 tar-Regolament Brussell IIb, filwaqt li ftehimiet oħra ta’ divorzju li għandhom effett legali vinkolanti fl-Istat Membru ta’ oriġini huma rrikonoxxuti, skont il-każ, bħala atti awtentiċi jew ftehimiet, konformement mal-Artikolu 46 tar-Regolament Brussell IIa u mal-Artikolu 65 tar-Regolament Brussell IIb.

    61

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, mill-oriġini tal-premessa 14 u mill-Artikolu 65 tar-Regolament Brussell IIb jirriżulta li, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jinnova u li jintroduċi regoli ġodda, iżda biss li “jiċċara”, minn naħa, il-portata tar-regola diġà inkluża fl-Artikolu 46 tar-Regolament Brussell IIa u, min-naħa l-oħra, il-kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “sentenza” u dawk ta’ “att awtentiku” u ta’ “ftehim bejn il-partijiet”, jiġifieri l-kriterju dwar l-eżami fuq il-mertu.

    62

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, att ta’ divorzju stabbilit minn reġistratur ċivili ta’ Stat Membru, li jinkludi ftehim ta’ divorzju konkluż mill-konjuġi u kkonfermat minnhom quddiem dan ir-reġistratur skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jikkostitwixxix “sentenza” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament.

    63

    F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-reġistratur ċivili, fl-Italja, huwa awtorità legalment stabbilita li, bis-saħħa tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, hija kompetenti sabiex tiddikjara d-divorzju b’mod legalment vinkolanti billi tadotta, bil-miktub, il-ftehim ta’ divorzju redatt mill-konjuġi, wara li tkun għamlet eżami fis-sens tal-punt 54 ta’ din is-sentenza.

    64

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 12 tad-Digriet-Liġi Nru 132/2014, ir-reġistratur ċivili għandu jiġbor, personalment u darbtejn, f’intervall ta’ mill-inqas 30 jum, id-dikjarazzjonijiet ta’ kull konjuġi, li jinvolvi li huwa jiżgura ruħu min-natura valida, libera u informata tal-kunsens tagħhom li jiddivorzjaw.

    65

    Barra minn hekk, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, dan ir-reġistratur għandu jwettaq eżami tal-kontenut tal-ftehim ta’ divorzju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, jiġifieri li jiżgura ruħu li dan il-ftehim jirrigwarda biss ix-xoljiment jew il-waqfien tal-effetti ċivili taż-żwieġ, bl-esklużjoni ta’ kull trażmissjoni tal-patrimonju, u li l-konjuġi ma jkollhomx tfal minuri jew tfal adulti inkapaċi, b’diżabbiltà serja jew li ma humiex ekonomikament indipendenti, b’tali mod li l-ftehim ma jirrigwardax tali tfal.

    66

    Mill-Artikolu 12 tad-Digriet-Liġi Nru 132/2014 jirriżulta wkoll li r-reġistratur ċivili ma huwiex awtorizzat jiddikjara d-divorzju jekk kundizzjoni waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti, b’mod partikolari jekk dan ir-reġistratur ikollu dubju dwar in-natura libera u informata tal-kunsens ta’ wieħed mill-konjuġi li jiddivorzjaw, jekk il-ftehim jikkonċerna t-trażmissjoni tal-patrimonju jew inkella jekk il-konjuġi jkollhom tfal oħra minbarra tfal adulti li huma ekonomikament indipendenti.

    67

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li att ta’ divorzju stabbilit minn reġistratur ċivili tal-Istat Membru ta’ oriġini, li jinkludi ftehim ta’ divorzju konkluż mill-konjuġi u kkonfermat minnhom quddiem dan ir-reġistratur skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jikkostitwixxi “sentenza”, fis-sens ta’ dan il-punt 4 tal-Artikolu 2.

    It‑tieni domanda

    68

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l‑ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000,

     

    għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li:

     

    att ta’ divorzju stabbilit minn reġistratur ċivili tal-Istat Membru ta’ oriġini, li jinkludi ftehim ta’ divorzju konkluż mill-konjuġi u kkonfermat minnhom quddiem dan ir-reġistratur skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, jikkostitwixxi “sentenza”, fis-sens ta’ dan il-punt 4 tal-Artikolu 2.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top