EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0644

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta’ Mejju 2022.
W. J. vs L. J. u J. J.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Determinazzjoni tal-liġi applikabbli – Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 3 – Residenza abitwali tal-kreditur – Mument li fih tiġi ddeterminata r-residenza abitwali – Żamma illegali ta’ wild.
Kawża C-644/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:371

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Determinazzjoni tal-liġi applikabbli – Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 3 – Residenza abitwali tal-kreditur – Mument li fih tiġi ddeterminata r-residenza abitwali – Żamma illegali ta’ wild”

Fil-Kawża C‑644/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

W. J.

vs

L. J. u J. J., legalment irrappreżentati minn A. P.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin u J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi (Relatriċi) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn D. Milanowska, M. Wilderspin u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Den Haag”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn W. J., minn naħa, u L. J. u J. J., min-naħa l-oħra, iż-żewġ uliedu minuri, irrappreżentati legalment minn A. P,. ommhom, dwar il-ħlas minn W. J. ta’ kreditu ta’ manteniment.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980

3

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluż f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), jipprevedu:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali fis-sens tal-Artikolu 3 u meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mit-tneħħija jew miż-żamma fil-mument li titressaq it-talba quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, l-awtorità li quddiemha titressaq din it-talba għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, anki jekk it-talba quddiemha titressaq wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sena previst fil-paragrafu preċedenti, għandha wkoll tordna r-ritorn tal-minuri, sakemm ma jiġix stabbilit li l-minuri integra ruħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 jipprevedi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma tkunx obbligata tordna r-ritorn tal-minuri meta l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jkunu qegħdin jopponu għar-ritorn jistabbilixxu:

a) li l-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li kellhom il-kura tal-persuna tal-minuri ma kinux effettivament qegħdin jeżerċitaw id-dritt ta’ kustodja fiż-żmien meta l-minuri tneħħa jew inżamm, jew kienu taw il-kunsens tagħhom għal jew kienu sussegwentement baqgħu siekta fir-rigward ta’ din it-tneħħija jew ta’ din iż-żamma; jew

b) li hemm riskju gravi li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk tikkonstata li dan joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jekk dan ikun laħaq età u livell ta’ maturità tali li jkun xieraq li din l-opinjoni tittieħed inkunsiderazzjoni.

Fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artikolu, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mogħtija mill-Awtorità Ċentrali jew minn kull awtorità kompetenti oħra tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri dwar is-sitwazzjoni soċjali tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 4/2009

5

L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29), intitolat “Ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut”, jipprevedi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika jekk il-preżenza saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni.”

6

L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi determinata skont il-Protokoll [ta’ Den Haag] […] fl-Istati Membri marbutin b’dak l-istrument.”

Id‑Deċiżjoni 2009/941/KE

7

Il-premessi 3 u 11 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (ĠU 2009, L 331, p. 17), jipprevedu:

“(3)

Il-Protokoll [ta’ Den Haag] jagħti kontribut siewi biex jiżgura ċertezza legali u prevedibbiltà akbar lill-kredituri u d-debituri tal-manteniment. L-applikazzjoni ta’ regoli uniformi sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli tippermetti ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-deċiżjonijiet dwar l-obbligi ta’ manteniment fil-Komunità, mingħajr ebda forma ta’ kontroll fl-Istat Membru fejn tkun ser issir l-eżekuzzjoni.

[…]

(11)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, [fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġutizzja] anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.”

Il‑Protokoll ta’ Den Haag

8

L-Artikolu 1(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag jipprevedi:

“Dan il-Protokoll għandu jiddetermina l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment emerġenti minn relazzjoni familjari, filjazzjoni, żwieġ jew affinità, inkluż obbligu ta’ manteniment lejn il-wild indipendentement mill-istat maritali tal-ġenituri.”

9

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni universali”, jiddisponi:

“Dan il-Protokoll japplika anki jekk il-liġi applikabbli tkun ta’ Stat li mhux Kontraenti.”

10

L-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli”, jipprevedi:

“1.   L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll ma jipprevedix mod ieħor.

2.   F’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.”

11

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Den Haag, intitolat “Regoli speċjali li jiffavorixxu lil ċerti kredituri”:

“1.   Id-dispożizzjonjiet li ġejjin għandhom japplikaw f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment ta’:

a)

ġentituri lejn uliedhom;

[…]

2.   Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3, jikseb manteniment mingħand id-debitur, għandha tapplika l-liġi tal-forum.

[…]

4.   Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz tal-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jikseb manteniment mid-debitur, il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tagħhom, jekk ikun hemm, għandha tapplika.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 2201/2003

12

L-Artikolu 1(3)(e) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013 L 82, p. 63), jindika li dan ir-regolament ma japplikax għall-obbligi ta’ manteniment.

13

It-Taqsima 2, intitolata “IR-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, tal-Kapitolu II, intitolat “Il-ġurisdizzjoni”, ta’ dan ir-regolament tinkludi l-Artikolu 8 sa 15.

14

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

15

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

a)

kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

b)

il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

i)

Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

ii)

talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

iii)

każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skont l-Artikolu 11(7);

iv)

sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

16

A. P. u W. J., ċittadini ta’ nazzjonalità Pollakka, li kienu residenti u jeżerċitaw attività professjonali fir-Renju Unit mill-inqas sa mill‑2012, welldu lil L. J. u lil J. J., li twieldu rispettivament f’Ġunju 2015 u f’Mejju 2017 fir-Renju Unit. Dawn iż-żewġt ulied għandhom in-nazzjonalità Pollakka u dik Brittanika.

17

Matul il-ħarifa tal‑2017, A. P. u bintha L. J. marru l-Polonja sabiex jirrisjedu hemmhekk sas‑7 ta’ Ottubru 2017, minħabba l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità tal-karta tal-identità ta’ A. P.. Matul din ir-residenza, A. P. informat lil W. J. bl-intenzjoni tagħha li testendi t-tul tar-residenza tagħha fil-Polonja, u dan tal-aħħar ta l-kunsens tiegħu. A. P. irritornat fir-Renju Unit fis‑7 ta’ Ottubru 2017, minn fejn hija telqet l-għada, u ħadet magħha lil binha J. J. Ftit jiem wara, A. P. informat lil W. J. bl-intenzjoni tagħha li tibqa’ b’mod permanenti fil-Polonja ma’ L. J. u J. J. (iktar ’il quddiem l-“ulied”), ħaġa li W. J. irrifjuta.

18

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, f’April 2019, l-ulied kienu jirrisjedu f’lokalità Pollakka ma’ A. P., kif ukoll man-nanniet tagħhom, maz-ziju tagħhom u ma’ kuġina ukoll minuri, li L. J. kien jattendi l-iskola elementari, filwaqt li J. J. kien baqa’ taħt il-kura ta’ A. P. kif ukoll taħt il-kontroll ta’ strutturi mediċi minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu li kien jeħtieġ żmien fl-isptar b’mod perjodiku. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li A. P. ibbenefikat minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fil-Polonja għall-kura ta’ wliedha.

19

W. J. ressaq, skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, talba għar-ritorn tal-ulied quddiem l-Awtorità Ċentrali Britannika.

20

Fit‑3 ta’ Jannar 2018, it-talba ġiet trażmessa lis-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja) kompetenti, li, permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Frar 2018, ċaħdet din it-talba.

21

Fis‑7 ta’ Novembru 2018, l-ulied, irrappreżentati minn A. P., ressqu quddiem is-Sąd Rejonowy w pile (il-Qorti Distrettwali ta’ Piła, il-Polonja), talba għall-ħlas ta’ allowance għall-manteniment fix-xahar, fir-rigward ta’ W. J., li kien parti fil-kawża u ma qajjimx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

22

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ April 2019, din il-qorti kkundannat lil W. J. sabiex iħallas lil kull wieħed mill-ulied allowance għall-manteniment kull xahar mis‑7 ta’ Novembru 2018, skont il-liġi Pollakka.

23

W. J. appella mid-digriet tas‑26 ta’ Frar 2018, iċċitat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mis-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, iċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

24

Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019, is-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja) kompetenti, adita bl-appell mid-digriet tas‑26 ta’ Frar 2018, ordnat lil A. P. tikkonsenja l-ulied lil W. J. sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ġunju 2019, peress li l-ulied kienu s-suġġett ta’ żamma illegali fil-Polonja, li r-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel din iż-żamma kienet tinsab fir-Renju Unit u li ma kienx hemm riskju serju li r-ritorn tagħhom f’dan l-Istat jesponihom għal perikolu fiżiku jew psikoloġiku, jew b’xi mod ieħor iqegħduhom f’sitwazzjoni intollerabbli, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.

25

Insostenn tal-appell ippreżentat mis-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja), W. J. invoka motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fattwali sa fejn ma ttiħidx inkunsiderazzjoni d-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019 imsemmi fil-punt preċedenti tal-preżenti sentenza li obbliga lil A.P. tibgħat lill-ulied lil missierhom sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ġunju 2019, u dan jirrendi inġustifikat l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ manteniment fuq dan tal-aħħar.

26

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-imsemmi digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019 huwa definittiv u li l-eżekuzzjoni tiegħu jimplika r-ritorn tal-ulied fir-Renju Unit, peress li r-residenza abitwali ta’ W. J. għadha tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat. Madankollu, A. P. ma kkonsenjax l-ulied lil W. J. fit-terminu stabbilit, peress li t-tfittxija sabiex jinstabu, sad-data li fiha ġie ppreżentat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma rnexxietx.

27

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fit-tieni lok, li l-qrati Pollakki għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009, fatt li ma huwiex ikkontestat minn W. J. li ma qajjimx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

28

Fit-tielet lok, tippreċiża li hija għandha tiddetermina l-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment inkwistjoni.

29

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-liġi Pollakka, li abbażi tagħha s-Sąd Rejonowy w pile (il-Qorti Distrettwali ta’ Piła) tat is-sentenza tagħha, tista’ tiġi applikata biss fil-każ fejn l-ulied, minkejja ż-żamma illegali tagħhom fil-Polonja u d-deċiżjoni ġudizzjarja li tordna r-ritorn tagħhom lejn ir-Renju Unit, ikunu kisbu, wara l-wasla tagħhom fl‑2017, residenza abitwali fil-Polonja, fatt li jiġġustifika li l-liġi applikabbli tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag peress li, skont il-qorti tar-rinviju, huma esklużi kriterji oħra ta’ rabta mal-liġi Pollakka.

30

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata billi tispira ruħha mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jipprekludi, bħala prinċipju, li l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali l-ġdida tiegħu, f’każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ dan il-wild f’dan l-Istat Membru.

31

Issa, jekk jiġi aċċettat li l-ulied ma jistgħux jakkwistaw residenza abitwali ġdida fl-Istat fejn jinżammu illegalment, il-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun, abbażi tal-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag, il-liġi tar-Renju Unit, bħala liġi tal-Istat li fih dawn il-minuri żammew ir-residenza abitwali tagħhom.

32

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li, b’differenza mir-Regolament Nru 2201/2003, la r-Regolament Nru 4/2009 u lanqas il-Protokoll ta’ Den Haag ma jinkludu regoli speċifiċi li jiddeterminaw ir-rabtiet bejn, minn naħa, ir-residenza abitwali u, min-naħa l-oħra, rispettivament, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment u l-liġi applikabbli f’dan il-qasam, meta l-kreditur tal-manteniment ikun wild miżmum illegalment fi Stat Membru. Din il-konstatazzjoni tista’ tippermetti li jiġi konkluż li, skont l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, iż-żamma illegali ta’ minuri fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandha l-ebda effett fuq il-kisba minn dan il-wild tar-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li l-liġi tal-imsemmi Stat Membru tista’, bħala liġi tar-residenza abitwali l-ġdida, issir applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment mill-mument li fih tkun seħħet tali bidla fir-residenza.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Den Haag […], għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditur li huwa minuri jista’ jikseb residenza abitwali ġdida f’pajjiż fejn huwa ġie ddetenut illegalment, fil-każ ta’ ordni minn qorti sabiex il-kreditur jiġi rritornat lejn il-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel id-detenzjoni illegali?”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

34

Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Novembru 2021, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2021, is-Sąd Najwyższy, Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (il-Qorti Suprema, Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u ta’ Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja), adita b’appell straordinarju (skarga nadzwyczajna) ippreżentat mir-Rzecznik Praw Dziecka (il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal, il-Polonja), mid-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019, imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, annullat parzjalment dan id-digriet. Minn dan isegwi, skont il-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġie ordnat, fl‑24 ta’ Mejju 2019, ir-ritorn tal-ulied fir-Renju Unit ma għadhiex applikabbli.

35

Fit‑23 ta’ Novembru 2021, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jinnotifika din l-ittra lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ġew mistiedna jikkomunikaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom qabel il‑15 ta’ Diċembru 2021.

36

Hija biss il-Kummissjoni Ewropea li wieġbet għal din l-istedina, billi indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja milli tissottometti osservazzjonijiet addizzjonali għal dawk ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-domanda preliminari.

37

Permezz ta’ ittra ġdida tal‑20 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Diċembru 2021, il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931), informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li membru tal-kulleġġ ġudikanti li ressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari nħatar, skont il-proċedura ta’ delega, mill-Ministru għall-Ġustizzja Pollakk sabiex jeżerċita, fi ħdan il-qorti tar-rinviju, il-funzjoni ta’ mħallef għal żmien indeterminat. F’din l-ittra, il-qorti tar-rinviju fakkret ukoll li l-proċedura tal-appell straordinarju imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, kienet is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Kawża C‑720/21.

38

Fil‑11 ta’ Jannar 2022, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jinnotifika din l-ittra l-ġdida tal-qorti tar-rinviju lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-partijiet ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom qabel il‑31 ta’ Jannar 2022.

39

L. J. u J. J, il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni wieġbu għal din l-istedina.

40

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, L. J. u J. J., legalment irrappreżentati minn A. P., essenzjalment, minn naħa, talbu sabiex il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal jiġi mistieden “jieħdu pożizzjoni” f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, sostnew li, jekk il-proċedura tal-appell straordinarja kellha titqies li hija vvizzjata b’irregolarità, huma ma għandhomx ibatu l-konsegwenzi eventwali tagħha.

41

Il-Gvern Pollakk isostni li l-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju fl-imsemmija ittra ġdida hija irrilevanti kemm fir-rigward kemm tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fir-rigward tal-eżami ta’ din id-domanda.

42

Filwaqt li indikat li kienet qiegħda tirrinunzja milli tippreżenta osservazzjonijiet, il-Kummissjoni enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma kinitx ippreċiżat sa fejn kien neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni d-delega mill-Ministru għall-Ġustizzja ta’ mħallef li jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti li minnu oriġinat dan it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-eventwali konsegwenzi ta’ din id-delega fuq, b’mod partikolari, l-indipendenza ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti jew l-impatt tas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931), fuq din il-kawża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx elementi li jippermettu li tingħata deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk id-delega tal-qorti kkonċernata quddiem din il-qorti tikkostitwixxix ksur tal-indipendenza tagħha.

43

Fl‑4 ta’ Frar 2022, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jiċħad it-talba ta’ L. J. u ta’ J. J. intiża sabiex il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal jiġi mistieden “jieħu pożizzjoni” f’din il-kawża, sa fejn dan ma huwiex parti fil-kawża prinċipali u sa fejn l-akkoljenza ta’ tali talba fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura tirriskja li twassal għal dewmien sinjifikattiv fl-iżvolġiment tagħha u, għaldaqstant, ikollha effetti kuntrarji għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Fuq l‑ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

44

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 2021, imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li membru tal-kulleġġ ġudikanti li ressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġie ddelegat mill-Ministru għall-Ġustizzja Pollakk sabiex jeżerċita, fi ħdan il-qorti tar-rinviju, il-funzjoni ta’ mħallef għal żmien indeterminat. Kif osservat il-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax liema huma, fil-fehma tagħha, il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali sitwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza ta’ din il-qorti. Madankollu jidher li, billi tenfasizza l-imsemmija sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tidher li għandha dubji dwar il-kwalità tagħha ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 43, kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 66).

46

L-indipendenza tal-imħallfin tal-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea minn diversi aspetti. B’mod partikolari, l-imsemmija indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inkorporata fil-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss permezz ta’ korp, inkarigat li japplika d-dritt tal-Unjoni, li jissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu l-esklużjoni ta’ kwalunkwe dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 52, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 6771).

48

F’dan il-każ, ma hemmx dubju li, bħala tali, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) tinsab fost il-qrati Pollakki tad-dritt komuni.

49

Issa, sa fejn talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 69).

50

Madankollu din il-preżunzjoni tapplika biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin li jifformaw il-qorti tar-rinviju neċessarjament jippermettu li jiġu ssodisfatti l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 74).

51

Barra minn hekk, din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata meta deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva mogħtija minn qorti nazzjonali jew internazzjonali twassal sabiex jitqies li l-qorti jew il-qrati li jikkostitwixxu l-qorti tar-rinviju ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-istess japplika jekk ikun hemm, lil hinn mis-sitwazzjoni personali tal-imħallef jew tal-imħallfin li formalment jippreżentaw talba skont l-Artikolu 267 TFUE, elementi oħra li għandhom ikollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-qorti tar-rinviju li dawn l-imħallfin jagħmlu parti minnha u b’hekk jikkontribwixxu sabiex tiġi ppreġudikata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 72 u 75).

52

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma pproduċiet ebda element konkret u preċiż li jippermetti li tiġi kkonfutata, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn organu li jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

53

Fit-tieni lok, fl-ittra tagħha tal‑4 ta’ Novembru 2021, imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019, li impona li A. P. tagħti l-ulied lil W. J. sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ġunju 2019, kien waqaf jipproduċi l-effetti tiegħu, peress li l-appell straordinarju ippreżentat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal kontra dan id-digriet pubbliku kien intlaqa’ mis-Sąd Najwyższy, Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (il-Qorti Suprema, Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Kawżi Pubbliċi).

54

Għalkemm huwa minnu li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tistrieħ essenzjalment fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, mill-konstatazzjoni, magħmula fid-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019, li ulied W. J. u A. P. inżammu illegalment minn din tal-aħħar fil-Polonja u li kellhom jingħataw lil W. J., residenti fir-Renju Unit, madankollu ma tistax tiġi dedotta mid-deċiżjoni tas-Sąd Najwyższy, Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (il-Qorti Suprema, Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi), li tali deċiżjoni ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

55

Fil-fatt, ma huwiex ċert, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li, skont tali deċiżjoni tas-Sąd Najwyższy, Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (il-Qorti Suprema, Awla ta’ Kontroll Straordinarja u tal-Kawżi Pubbliċi, il-Polonja), id-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019 li jimponi l-għoti tal-ulied lil W. J. għandu jitqies li qatt ma pproduċa effetti fl-ordinament ġuridiku Pollakk, b’tali mod li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tibbenefika l-qorti tar-rinviju ma hijiex ikkonfutata.

56

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domanda preliminari

57

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-manteniment ta’ wild minuri mneħħi minn wieħed mill-ġenituri tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat Membru, il-fatt li qorti ta’ dan l-Istat Membru ordnat, fil-kuntest ta’ proċedura distinta, ir-ritorn ta’ dan il-wild fl-Istat fejn jirrisjedi abitwalment mal-ġenituri tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu, huwa biżżejjed sabiex jipprekludi li l-imsemmi wild ikun jista’ jikseb residenza abitwali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

58

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn il-Protokoll ta’ Den Haag, permezz tad-Deċiżjoni 2009/941, ġie approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Mölk, C‑214/17, EU:C:2018:744, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li fit-territorju tiegħu jirrisjedi W. J., ma huwiex marbut mill-imsemmi protokoll ma għandux effett fuq din il-kawża peress li, skont l-Artikolu 2 tiegħu, il-Protokoll ta’ Den Haag huwa applikabbli anki meta l-liġi li huwa jindika tkun dik ta’ Stat mhux kontraenti.

59

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment hija, salv dispożizzjoni kuntrarja f’dan il-protokoll, dik tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, f’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.

60

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kreditu ta’ manteniment, huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-bidla tar-residenza abitwali, prevista fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, fil-każ fejn il-kreditur tal-manteniment ikun is-suġġett ta’ żamma illegali fit-territorju tal-Istat fejn ikun fiżikament preżenti. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk iż-żamma illegali ta’ dan il-kreditur fit-territorju ta’ Stat Membru tistax tbiddel l-istabbiltà tar-residenza tiegħu bħala kriterju għad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tiegħu.

61

Id-domanda magħmula għalhekk teħtieġ l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-kreditur tal-manteniment, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, kif ukoll il-verifika li n-natura illegali taż-żamma ta’ dan il-kreditur fit-territorju ta’ Stat Membru ma tipprekludix it-trasferiment tar-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat.

62

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-kreditur tal-manteniment, għandu jiġi rrilevat li l-Protokoll ta’ Den Haag ma jiddefinixxihx u lanqas ma jagħmel riferiment espliċitu għad-dritt tal-partijiet kontraenti sabiex jiddefinixxu s-sens u l-portata tiegħu. F’tali ċirkustanzi, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjonijiet u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 44, u tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 39).

63

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi kkonstatat li l-użu tal-aġġettiv “abitwali” jippermetti li jiġi dedott li r-residenza għandha jkollha livell suffiċjenti ta’ stabbiltà, bl-esklużjoni ta’ preżenza temporanja jew okkażjonali. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kunsiderazzjoni, li tinsab fil-punt 42 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni dwar il-Protokoll ta’ Den Haag, redatt minn Andrea Bonomi (test adottat mill-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat), li l-kriterju tar-residenza “abitwali” jimplika ċerta stabbiltà, li jfisser li “s-sempliċi residenza temporanja ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment”.

64

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag jirrifletti s-sistema ta’ regoli ta’ rabta li fuqha huwa bbażat dan il-protokoll, peress li tali sistema hija intiża li tiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli, billi tiżgura li l-liġi magħżula ma tkunx nieqsa minn rabta suffiċjenti mas-sitwazzjoni tal-familja inkwistjoni, filwaqt li l-liġi tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment tidher li hija, bħala prinċipju, dik li għandha l-iktar rabta stretta mas-sitwazzjoni tiegħu u bħala li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirregola l-problemi konkreti li dan il-kreditur jista’ jiltaqa’ magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, KP, C‑83/17, EU:C:2018:408, punti 41 sa 43, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Mölk, C‑214/17, EU:C:2018:744, punt 28).

65

Għandu jiġi rrilevat, kif jindika l-punt 37 tar-rapport imsemmi fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li din ir-rabta tippreżenta l-vantaġġ prinċipali li tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-ammont tal-obbligu ta’ manteniment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni “kundizzjonijiet legali u fattwali għall-ambjent soċjali tal-pajjiż fejn il-kreditur jgħix u jeżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu”. Fil-fatt, sa fejn, kif jenfasizza l-istess punt ta’ dan ir-rapport, huwa sabiex jgħix li l-kreditur ta’ manteniment ser juża l-allowance ta’ manteniment tiegħu, għandha “tiġi evalwata l-problema konkreta li tqum fir-rigward ta’ soċjetà konkreta, jiġifieri dik fejn il-kreditur ta’ manteniment jgħix u ser jgħix”.

66

Għaldaqstant huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl ta’ dan l-għan, ir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment tkun dik tal-post fejn jinsab, fil-fatt, iċ-ċentru abitwali tal-ħajja ta’ dan tal-aħħar, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ambjent familjari u soċjali tiegħu. Dan japplika iktar u iktar meta dan il-kreditur ikun wild ta’ età żgħira, fid-dawl tan-neċessità, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interess ta’ dan il-wild, li jirrikjedi b’mod partikolari li jiżgura ruħu, kif essenzjalment enfasizza l-Gvern Pollakk, li huwa jibbenefika minn riżorsi suffiċjenti fid-dawl tal-ambjent familjari u soċjali li fih huwa jkun qiegħed jgħix.

67

Peress li, kif jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-kompitu li jiġi stabbilit f’każ konkret jekk il-kreditur ta’ manteniment jirrisjedix abitwalment fi Stat jew f’ieħor jikkostitwixxix evalwazzjoni ta’ fatt, hija l-qorti nazzjonali adita li għandha tiddetermina l-post tar-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata abbażi ta’ numru ta’ ċirkustanzi ta’ fatt speċifiċi għall-każ inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, permezz ta’ analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 42, u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 40).

68

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Protokoll ta’ Den Haag ma jipprevedi ebda eċċezzjoni għall-Artikolu 3(2) tiegħu, li jistabbilixxi r-rabta mal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tal-kreditur tal-manteniment mill-mument li fih seħħet il-bidla tar-residenza abitwali, anki meta deċiżjoni ġudizzjarja tkun talbet l-għoti tal-kreditur ta’ manteniment minuri lil wieħed mill-ġenituri tiegħu residenti fi Stat ieħor.

69

Mill-bqija, ir-regola li tinsab f’din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi ppreżervata r-rabta tal-kreditur tal-manteniment mal-post fejn huwa konkretament jgħix (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, KP, C‑83/17, EU:C:2018:408, punt 43) u, għaldaqstant, meta dan il-kreditur ikun minuri, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-aħjar interessi ta’ dan il-wild, sa fejn jippermetti lill-qorti adita tiddetermina r-riżorsi li dan ikollu bżonn billi tieħu inkunsiderazzjoni bl-aħjar mod l-ambjent familjari u soċjali li fih ikun qiegħed jevolvi b’mod abitwali.

70

Minn dan isegwi li jkun kontra l-għan tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, kif ukoll dan tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, minuri, li jitqies li l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru, li tikkonstata n-natura illegali tat-tneħħija jew taż-żamma ta’ wild minuri u li tordna l-għoti ta’ dan il-wild lil wieħed mill-ġenituri tiegħu residenti fi Stat ieħor, tipprekludi, bħala prinċipju, li jitqies li l-imsemmi wild jirrisjedi abitwalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-manteniment applikabbli għalih.

71

F’dan ir-rigward, ma teżisti l-ebda raġuni, fis-silenzju tat-testi, li tiġġustifika li l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag jiġi interpretat fid-dawl jew ispirat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jinnewtralizzaw it-trasferiment, bħala prinċipju, tal-ġurisdizzjoni, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, lejn l-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu wara t-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, favur l-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel din it-tneħħija jew din iż-żamma.

72

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija regola ta’ interpretazzjoni stretta u għalhekk ma tawtorizzax interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punti 45 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, huwa biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bidla tar-residenza abitwali tal-wild, kreditur tal-manteniment, immaterjalizzatx ruħha effettivament, li, filwaqt li tiżgura li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti nazzjonali adita tista’ tieħu inkunsiderazzjoni n-natura possibbilment illegali tat-tneħħija jew taż-żamma tal-imsemmi wild, li flimkien mal-elementi li jistgħu juru jew jirrifjutaw li l-preżenza ta’ dan l-istess wild fl-Istat li fih ikun ġie mċaqlaq tipprovdi grad suffiċjenti ta’ stabbiltà, b’kont meħud tal-ambjent familjari u soċjali tiegħu.

74

F’dan ir-rigward, meta qorti ta’ Stat Membru tiġi adita, bħal fil-kawża prinċipali, b’talba għal ħlas ta’ kreditu ta’ manteniment għal perijodu sussegwenti għaċ-ċaqliq tal-kreditur ta’ manteniment f’dan l-Istat Membru, għandu jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, il-mument li fih din il-qorti għandha tqiegħed ruħha konkretament sabiex tevalwa l-post tar-residenza abitwali ta’ dan il-kreditur, sabiex tiġi identifikata l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment ikkonċernati, huwa l-mument li fih għandha tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal manteniment tiegħu, kif wara kollox sostniet il-Kummissjoni fl-ossevazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tippermetti li tiġi ppreżervata, konformement mal-għan tal-Artikolu 3(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, ir-rabta bejn kreditur tal-manteniment u l-post fejn il-kreditu ta’ manteniment li għalih huwa intitolat għandu jippermettilu li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu.

75

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li d-deċiżjoni tas-Sąd Rejonowy w Pile (il-Qorti Distrettwali ta’ Piła) li tagħti, skont il-liġi Pollakka, il-kreditu ta’ manteniment lill-ulied, ingħatat fil‑11 ta’ April 2019, jiġifieri f’mument meta, minn naħa, l-ulied kienu jirrisjedu fil-Polonja ma’ ommhom, fil-familja ta’ din tal-aħħar, għal ftit iktar minn 17-il xahar, u fejn, min-naħa l-oħra, is-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali) kompetenti, adita minn W. J. bit-talba għal ritorn tal-ulied, kienet ċaħdet din it-talba.

76

Għaldaqstant, is-Sąd Rejonowy w pile (il-Qorti Distrettwali ta’ Piła) ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni, meta adottat is-sentenza tagħha tal‑11 ta’ April 2019, id-digriet tal‑24 ta’ Mejju 2019, imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li ordnat ir-ritorn tal-ulied fir-Renju Unit.

77

It-tieni, sa fejn il-qorti tar-rinviju hija kompetenti sabiex twettaq evalwazzjoni tal-fatti kompletament ġdida meta mqabbla ma’ dik imwettqa mis-Sąd Rejonowy w Pile (il-Qorti Distrettwali ta’ Piła), hija għandha, sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli għall-kreditu ta’ manteniment mitlub, tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti kollha, li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-ulied u fid-dawl tal-ambjent familjari u soċjali ta’ dawn tal-aħħar, il-preżenza tagħhom fl-Istat Membru fejn ġew imċaqalqa hijiex ta’ natura stabbli.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kreditu ta’ manteniment ta’ wild minuri mneħħi minn wieħed mill-ġenituri tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, il-fatt li qorti ta’ dan l-Istat Membru ordnat, fil-kuntest ta’ proċedura distinta, ir-ritorn ta’ dan il-wild fl-Istat fejn huwa jirresjedi abitwalment mal-ġenituri tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex dan il-wild ikun jista’ jikseb ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ tali Stat Membru.

Fuq l‑ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3 tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat-30 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kreditu ta’ manteniment ta’ wild minuri mneħħi minn wieħed mill-ġenituri tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, il-fatt li qorti ta’ dan l-Istat Membru ordnat, fil-kuntest ta’ proċedura distinta, ir-ritorn ta’ dan il-wild fl-Istat fejn huwa jirresjedi abitwalment mal-ġenituri tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu, ma huwiex biżżejjed sabiex dan il-wild ikun jista’ jikseb ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ tali Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top