Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0569

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-19 ta’ Mejju 2022.
    IR vs Spetsializirana prokuratura.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess – Impossibbiltà li tiġi llokalizzata l-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ kundanna fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża.
    Kawża C-569/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:401

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

    19 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess – Impossibbiltà li tiġi llokalizzata l-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ kundanna fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża”

    Fil-Kawża C‑569/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ottubru 2020, fil-proċeduri kriminali kontra

    IR,

    fil-preżenza ta’:

    Spetsializirana prokuratura,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra IR fir-rigward ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati fiskali suġġetti għal pieni li jċaħħdu l-libertà.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessi 9, 10, 33, 35 sa 39, 42, 43 u 47 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdu:

    “(9)

    L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

    (10)

    Bl-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin […]

    […]

    (33)

    Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni [Ewropea] kollha.

    […]

    (35)

    Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.

    (36)

    F’ċerti ċirkostanzi għandu jkun possibbli li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata tingħata minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-proċess. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata, fi żmien debitu, dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u xorta, madankollu, ma tidhirx. Li persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata dwar il-proċess għandu jinftiehem li jfisser li l-persuna tħarrket personalment jew, b’mezzi oħrajn, li dik il-persuna ngħatat informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b’mod li jippermetti lilu jew lilha li jsiru konxji mill-proċess. Li persuna suspettata jew akkużata tiġi infurmata dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat li jfisser li l-persuna ġiet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx fil-proċess.

    (37)

    Għandu jkun ukoll possibbli li jsir proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar ħtija jew innoċenza ukoll fl-assenza ta’ persuna suspettata jew akkużata fejn dik il-persuna tkun ġiet infurmata bil-proċess u tkun tat mandat lil avukat li jkun inħatar minn dik il-persuna jew mill-Istat biex jirrappreżentaha waqt il-proċess u li rrappreżenta l- persuna suspettata jew akkużata.

    (38)

    Meta jkun qed jitqies jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, għandha tingħata wkoll, jekk ikun xieraq, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill- awtoritajiet pubbliċi biex jinfurmaw lill-persuna kkonċernata u lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna kkonċernata sabiex tirċievi l-informazzjoni indirizzata lilha.

    (39)

    Fejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jsir proċess fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati, iżda l-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ deċiżjoni fin-nuqqas ta’ persuna suspettata jew akkużata partikolari ma jkunux sodisfatti minħabba li l-persuna suspettata jew akkużata ma setgħetx tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, pereżempju minħabba li l-persuna tkun ħarbet jew evadiet, għandu madankollu jkun possibbli li tittieħed deċiżjoni fl-assenza tal-persuna suspettata jew akkużata u li tiġi infurzata dik id-deċiżjoni. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma għandhom ukoll jiġu infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id- deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor.[…]

    […]

    (42)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess u d-dritt għal proċess ġdid, il-ħtiġijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli jkunu meqjusa. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali [(ĠU 2013, C 378, p. 8)], persuni suspettati jew akkużati li huma vulnerabbli għandhom jiġu meqjusa li huma kollha persuni suspettati jew akkużati li mhumiex kapaċi jifhmu jew jipparteċipaw b’mod effettiv fi proċedimenti kriminali minħabba l-età tagħhom, il-kundizzjoni mentali jew fiżika tagħhom jew kwalunkwe diżabilità li jista’ jkollhom.

    (43)

    It-tfal huma vulnerabbli u għandhom jingħataw livell speċifiku ta’ protezzjoni. Għalhekk, fir-rigward ta’ wħud mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji proċedurali speċifiċi.

    […]

    (47)

    Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta u fil-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-‘KEDB’], inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġu kkunsidrat, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 [TFUE], li jgħid li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, u li jgħid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett”, jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

    (a)

    ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

    (b)

    id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

    5

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil- proċess tagħhom.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

    (a)

    il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

    (b)

    il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat [inkarigat], li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

    3.   Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

    4.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il- possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.

    […]”

    6

    L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, bit-titolu “Id-dritt għal proċess mill-ġdid” huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”

    Id‑dritt Bulgaru

    7

    L-Artikolu 55(1) tan-Nakazatelno‑protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi:

    “[…] Il-persuna akkużata tgawdi d-drittijiet li ġejjin: […] tipparteċipa fil-proċeduri kriminali […]”

    8

    L-Artikolu 94(1) u (3) tan-NPK jipprovdi:

    “(1)   Il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant fil-proċess kriminali hija obbligatorja meta:

    […]

    8.

    il-kawża tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata;

    […]

    3.   Meta l-intervent ta’ rappreżentant ikun obbligatorju, l-awtorità kompetenti taħtar avukat bħala rappreżentant.”

    9

    Skont l-Artikolu 247b(1) tan-NPK, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari:

    “[…] In-notifika tal-att ta’ akkuża għandha tinforma lill-persuna akkużata bid-data stabbilita għas-seduta preliminari […], bid-dritt tagħha li tidher ma’ avukat tal-għażla tagħha u bil-possibbiltà li jkollha avukat imqabbad ex officio fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 94(1) u li l-kawża tista’ tiġi eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, skont l-Artikolu 269”

    10

    L-Artikolu 269 tan-NPK jipprevedi:

    “1.   Il-preżenza tal-persuna akkużata waqt il-proċess hija obbligatorja meta din tiġi akkużata b’reat kriminali gravi.

    […]

    3.   Meta dan ma jipprekludix li tiġi skoperta l-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:

    1.

    hija ma tinsabx fl-indirizz li hija tkun indikat jew tkun biddlitu mingħajr ma informat lill-awtorità kompetenti b’dan;

    2.

    il-post ta’ residenza tagħha fil-Bulgarija ma jkunx magħruf u ma jkunx ġie ddeterminat wara tfittxija bir-reqqa;

    […]”

    11

    Skont l-Artikolu 423(1) tan-NPK, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari:

    “[…] F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva jew mill-konsenja effettiva tagħha lir-Repubblika tal-Bulgarija minn pajjiż ieħor, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul il-proċeduri kriminali. It-talba għandha tintlaqa’, ħlief, minn naħa, fil-każ fejn il-persuna kkundannata tkun ħarbet wara l-komunikazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża, fil-kuntest tal-proċedura preliminari, bl-effett li l-proċedura skont l-Artikolu 247b(1) ma tkunx tista’ tiġi eżegwita, jew, min-naħa l-oħra, wara li din il-proċedura tkun ġiet eżegwita, il-persuna kkundannata ma tkunx dehret għas-seduta mingħajr raġuni valida.”

    12

    Il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 425 tan-NPK huwa redatt b’dan il-mod:

    “Meta tiddeċiedi li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tkun fondata, il-qorti tista’:

    1.

    tannulla l-kundanna […] u tibgħat lura l-kawża għal eżami ġdid billi tindika f’liema stadju għandu jibda l-eżami l-ġdid tal-kawża.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    13

    L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) beda proċeduri kriminali kontra IR, akkużat li pparteċipa fi grupp kriminali organizzat bil-għan li jwettaq reati fiskali, suġġetti għal pieni li jċaħħdu l-libertà.

    14

    Inizjalment, att ta’ akkuża ġie nnotifikat personalment lil IR.

    15

    Wara din in-notifika, IR indika l-indirizz li fih huwa seta’ jiġi kkuntattjat. Madankollu, huwa ma nstabx fih meta nbdiet il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, b’mod partikolari meta l-qorti tar-rinvju, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) ippruvat tħarrku għas-seduta. Dik il-qorti nnominat avukat ex officio li, madankollu, ma stabbilixxiex kuntatt ma’ IR.

    16

    Peress li l-att ta’ akkuża li kien ġie nnotifikat lil IR kien ivvizzjat b’irregolarità, dan ġie ddikjarat null u l-proċeduri konsegwentement ingħalqu. Sussegwentement, tfassal att ta’ akkuża ġdid u l-proċeduri nfetħu mill-ġdid. F’din l-okkażjoni, IR reġa’ ġie mfittex, inkluż permezz tal-membri tal-familja tiegħu, tal-persuni li qabel kienu jimpjegawh u tal-operaturi tat-telefonija mobbli, iżda ma setax jiġi llokalizzat.

    17

    Minn dan il-qorti tar-rinviju tqis li IR ħarab. Hija tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża tista’ tiġi deċiża fl-assenza ta’ IR. Hija madankollu tistaqsi jekk tali sitwazzjoni taqax taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jew taħt il-każ previst fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva. Huwa importanti li din il-kwistjoni tiġi deċiża, peress li l-qorti kriminali li tagħti deċiżjoni fil-kontumaċja għandha l-obbligu tindika liema tip ta’ proċeduri fil-kontumaċja qegħdin jitwettqu, sabiex il-persuna kkonċernata tkun korrettament informata dwar il-garanziji proċedurali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji, li hija għandha, b’mod konformi mad-dispożizzjoni tad-Direttiva 2016/343 li taħtha essenzjalment jaqgħu l-proċeduri inkwistjoni.

    18

    Issa, hemm inċertezza fir-rigward tal-garanziji proċedurali li l-persuna akkużata għandha tibbenefika minnhom f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, fejn din il-persuna, wara li tkun ġiet innotifikata bl-ewwel att ta’ akkuża u qabel ma nbdiet il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, tkun ħarbet. Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li ma jistax jiġi eskluż li IR jinsab u jiġi arrestat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, interpretazzjoni mhux biss tad-Direttiva 2016/343, iżda wkoll tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija neċessarja.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-Artikolu 8(2)(b) moqri flimkien mal-premessi 36 sa 39 tad-Direttiva [2016/343] u l-Artikolu 4a(1)(b) [tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584] moqri flimkien mal-premessi 7 sa 10 tad-[Deċiżjoni Qafas 2009/299] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru l-każ li fih il-persuna akkużata tkun ġiet informata bl-akkużi mressqa kontra tagħha, fil-verżjoni oriġinali tagħhom, u li fih, wara li din il-persuna tkun ħarbet, hija ma tkunx tista’ tiġi informata dwar il-proċess u tkun irrappreżentata minn avukat imqabbad ex officio, li miegħu ma jkollha l-ebda kuntatt?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: Dispożizzjoni legali nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 423(1) u (5) tan-[NPK] li ma tipprevedix rimedju ġudizzjarju kontra l-atti ta’ investigazzjoni mwettqa in absentia u kontra kundanna in absentia f’sitwazzjoni fejn il-persuna akkużata, wara li tkun ġiet informata bil-verżjoni inizjali tal-akkużi mressqa kontra tagħha, tkun ħarbet u, għalhekk, ma setgħetx tiġi informata bid-data u bil-post tal-proċess u bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra tagħha, hija kompatibbli mal-Artikolu 9 [tad-Direttiva 2016/343], moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) [tagħha], u mal-Artikolu 4a(3) [tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584], moqri flimkien mal-Artikolu 4a(1)(d) [tagħha]?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu effett dirett?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ammissibbiltà

    20

    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċeduri fil-kawża prinċipali ma jirrigwardax, la prinċipalment u lanqas inċidentalment, il-validità jew l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għalkemm din il-qorti ċertament enfasizzat li ma jistax jiġi eskluż li fil-futur IR jiġi llokalizzat u arrestat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u kkonsenjat lill-awtoritajiet Bulgari bis-saħħa ta’ tali mandat, mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li tali sitwazzjoni ma teżistix fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li wasslu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    22

    Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni fattwali li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju hija ta’ natura ipotetika.

    23

    Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli inkwantu din tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    Fuq il‑mertu

    24

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li persuna akkużata, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minkejja l-isforzi raġonevoli tagħhom, ma jirnexxilhomx jillokalizzaw u li lilha dawn l-awtoritajiet, minħabba f’hekk, ma rnexxilhomx jagħtuha l-informazzjoni dwar il-proċess imressqa kontriha, tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess u, jekk ikun il-każ, ta’ kundanna fil-kontumaċja mingħajr ma jkollha l-possibbiltà, wara li din il-kundanna tkun ġiet ikkomunikata, tinvoka direttament id-dritt, mogħti minn din id-direttiva, li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-kawża.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li d-Direttiva 2016/343 hija intiża, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id-“dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess”. Hekk kif tikkonferma espressament il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jagħmel parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

    26

    L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fir-rigward tal-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw ir-rispett tal-imsemmi dritt. Madankollu, skont l-Artikolu 8(2) u (4), l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu ż-żamma ta’ proċess fil-kontumaċja.

    27

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jinżamm tali proċess għalkemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux ssodisfatti, il-persuna kkonċernata jkollha dritt “għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża […] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali” (iktar ’il quddiem id-“dritt għal proċess ġdid”). Hekk kif jippreċiża l-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, f’dan il-każ huwa importanti li kemm id-dritt għal proċess ġdid kif ukoll il-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni fil-kontumaċja jiġu mgħarrfa lill-persuna kkonċernata fil-mument li fih din tiġi informata b’din id-deċiżjoni.

    28

    Peress li l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxu b’mod inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tad-dritt għal proċess ġdid, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li għandhom effett dirett. Għaldaqstant, kull persuna li jkollha dritt għal proċess ġdid tista’ tinvoka dan id-dritt kontra l-Istat Membru kkonċernat, quddiem il-qrati nazzjonali, jew meta dan l-Istat Membru jkun naqas milli jittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fit-termini imposti fuqu, jew meta huwa jkun wettaq traspożizzjoni inkorretta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 9899).

    29

    Hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mingħajr ambigwità mill-imsemmija dispożizzjonijiet, dan id-dritt huwa rriżervat għall-persuni li l-proċess tagħhom jinżamm fil-kontumaċja għalkemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti.

    30

    Għaldaqstant, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 8(2) ikunu ssodisfatti, il-proċess miżmum fil-kontumaċja jista’ jwassal għal deċiżjoni li, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 8(3), tista’ tiġi eżegwita, mingħajr obbligu għall-Istat Membru inkwistjoni li jipprevedi d-dritt għal proċess ġdid.

    31

    Minn dan jirriżulta li persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ tiċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li l-kontenut tiegħu għandu jiġi ppreċiżat, ikunu ssodisfatti.

    32

    Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-Drittijiet), C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 42). Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-premessi tal-att tal-Unjoni kkonċernat, inkwantu dawn tal-aħħar jikkostitwixxu elementi ta’ interpretazzjoni importanti, li huma ta’ natura li jikkjarifikaw ir-rieda tal-awtur ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 75).

    33

    Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, hemm lok li jiġi rrilevat li minnha jirriżulta li l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni timplika jew li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, dwar iż-żamma tal-proċess kif ukoll dwar il-konsegwenzi ta nuqqas ta’ dehra, jew li hija sempliċement tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess meta hija tkun barra minn hekk irrappreżentata minn avukat inkarigat innominat minnha jew innominat mill-Istat.

    34

    Hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343 lill-Istati Membri li jżommu, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ikunu ssodisfatti, proċess fil-kontumaċja u li jeżegwixxu d-deċiżjoni mingħajr ma jipprevedu d-dritt għal proċess ġdid hija bbażata fuq il-premessa li, fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 8(2), il-persuna kkonċernata, debitament informata, tkun irrinunzjat b’mod volontarju u inekwivokabbli li teżerċita d-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha.

    35

    Dan huwa kkorroborat mill-premessa 35 ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi li l-persuna kkonċernata tista’, b’mod espress jew b’mod taċitu iżda inekwivokabbilment, tirrinunzja għad-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha. Din il-premessa, li tippermetti li jinftiehem il-kuntest li fih jaqgħu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, tippreċiża li għalkemm, ċertament, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ma huwiex ta’ natura assoluta, il-possibbiltà li jinżamm proċess fil-kontumaċja mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi organizzat, sussegwentement, proċess ġdid fuq talba tal-persuna kkonċernata, tibqa’ madankollu limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom din tal-aħħar tkun, minn jeddha, astjeniet, inekwivokabbilment, milli tkun preżenti waqt il-proċess mibdi kontriha.

    36

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, għandu jiġi nnotat li l-premessa esposta fil-punt 34 ta’ din is-sentenza tiggarantixxi l-osservanza tal-iskop ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti, hekk kif jiddikjaraw il-premessi 9 u 10 tagħha, fit-tisħiħ tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod li tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

    37

    Fid-dawl ta’ dan l-iskop, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva dwar id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu u dwar id-dritt għal proċess ġdid għandhom jiġu interpretati b’mod li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jiġi evitat li persuna, li, minkejja li tkun informata biż-żamma ta’ proċess, tkun irrinunzjat, jew espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, milli tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, tkun tista’, wara kundanna fil-kontumaċja, titlob li jinżamm proċess ġdid u b’hekk abbużivament ixxekkel l-effettività tal-proċeduri kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

    38

    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi testwali, kuntestwali u teleoloġiċi li hemm lok li jiġi ppreċiżat, iktar ’il quddiem, f’liema kundizzjonijiet proċess miżmum fil-kontumaċja jaqa’ taħt waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, jiġifieri sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata, b’mod taċitu, iżda inekwivokabbilment, tkun irrinunzjat għall-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, minħabba l-fatt li hija ma tkunx dehret għalih minkejja li hija għandha titqies li ġiet “infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess” u hija, barra minn hekk, jew irrappreżentata minn avukat inkarigat minnha jew informata dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra.

    39

    Fir-rigward tal-informazzjoni relatata maż-żamma tal-proċess, mill-premessa 36 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jitqies li l-persuna kkonċernata tkun ġiet debitament informata jekk, fi żmien xieraq, hija tkun “tħarrket personalment” jew “b’mezzi oħrajn, […] dik il-persuna ngħatat informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b’mod li jippermetti lilu jew lilha li jsiru konxji [minnu]”.

    40

    Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li, skont dan il-leġiżlatur, il-fatt li l-persuna kkonċernata tiġi informata dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra jfisser, b’mod partikolari, li din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq “li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx fil-proċess”.

    41

    Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li hija mitluba teżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti li għandha tivverifika jekk dokument uffiċjali, li jindika b’mod inekwivoku d-data u l-post stabbiliti għall-proċess u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rappreżentanza minn avukat inkarigat, il-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ dehra, ikunx inħareġ għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata.

    42

    Barra minn hekk, hija dik il-qorti li għandha tivverifika jekk dan id-dokument ikunx ġie nnotifikat fi żmien xieraq, jiġifieri f’data suffiċjentement imbiegħda mid-data ffissata għall-proċess, b’mod li jippermetti lill-persuna kkonċernata, jekk tiddeċiedi li tipparteċipa fil-proċess, tipprepara d-difiża tagħha b’mod utli.

    43

    L-imsemmija qorti tista’, għall-finijiet ta’ dawn il-verifiki, tibbaża ruħha fuq il-modalitajiet tal-konvokazzjoni għall-proċess li huma previsti mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-Direttiva 2016/343 hija intiża biss li tistabbilixxi regoli minimi komuni u għalhekk ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 30, u tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata), C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 30). Madankollu, tali modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux jippreġudikaw l-iskop ta’ din id-direttiva li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċeduri u li għalhekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha, fatt li jimplika l-possibbiltà li tipprepara d-difiża tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 128).

    44

    Meta l-persuna kkonċernata ma tkunx irċeviet id-dokument uffiċjali msemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, din il-persuna tista’ madankollu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 39 tad-Direttiva 2016/343, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni eżekuttiva, mogħtija fil-kontumaċja.

    45

    Madankollu, hekk kif tiddikjara barra minn hekk din il-premessa, id-dritt għal proċess ġdid, fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, għandu jingħata lill-imsemmija persuna, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva ma jkunux issodisfatti.

    46

    Konsegwentement, il-persuni akkużati li jkunu ħarbu jaqgħu taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti.

    47

    Din id-direttiva tipprekludi, għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal proċess ġdid għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u l-awtoritajiet ma jkunux irnexxilhom jillokalizzawha.

    48

    Huwa biss meta minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li l-persuna kkonċernata, filwaqt li tkun ġiet informata uffiċjalment li ġiet akkużata li wettqet reat kriminali u filwaqt li għalhekk tkun taf li proċess ser jinżamm kontriha, deliberatament tevita li tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess, li din il-persuna tista’, bla ħsara madankollu għall-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli previsti fil-premessi 42 u 43 tad-Direttiva 2016/343, titqies li tkun ġiet informata dwar iż-żamma tal-proċess u li tkun irrinunzjat b’mod volontarju u b’mod inekwivoku li teżerċita d-dritt tagħha li tkun preżenti waqtu. Is-sitwazzjoni ta’ tali persuna li tkun irċeviet informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf li proċess ser jinżamm kontriha u li tkun, permezz ta’ atti deliberati u bl-intenzjoni li tevita l-azzjoni ġudizzjarja, ipprekludiet lill-awtoritajiet milli jinformawha uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess fi żmien xieraq permezz tad-dokument imsemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, taqa’ għalhekk taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

    49

    L-eżistenza ta’ tali indizji preċiżi u oġġettivi tista’, pereżempju, tiġi kkonstatata meta l-imsemmija persuna tkun ikkomunikat volontarjament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam kriminali jew ma tkunx għadha tinsab fl-indirizz li hija tkun ikkomunikat.

    50

    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ipprovduta iktar ’il fuq, hija kkorroborata mill-premessa 38 ta’ din id-direttiva, li skontha hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-mod li bih l-informazzjoni hija pprovduta huwiex biżżejjed sabiex jiġi ggarantit li l-persuna kkonċernata tkun taf dwar il-proċess, li tingħata attenzjoni partikolari, minn naħa, għad-diliġenza li biha l-awtoritajiet pubbliċi jkunu informaw lill-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, għad-diliġenza min-naħa ta’ din tal-aħħar sabiex tirċievi l-imsemmija informazzjoni.

    51

    Din l-interpretazzjoni tirrispetta, barra minn hekk, id-dritt għal smigħ xieraq, previst fil-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343 u kif stabbilit fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 kif ukoll fl-Artikolu 48 tal-Karta, li, hekk kif jippreċiżaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), jikkorrispondu għall-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata), C‑688/18, EU:C:2020:94, punti 3435).

    52

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, la l-formulazzjoni u lanqas l-għan tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludu lil persuna milli tirrinunzja minn jeddha għall-garanziji ta’ smigħ xieraq b’mod espress jew taċitu. Ir-rinunzja għad-dritt ta’ parteċipazzjoni fis-seduta għandha tkun stabbilita b’mod inekwivoku u tinkludi minimu ta’ garanziji li jikkorrispondu għall-gravità tagħha. Barra minn hekk, din ma għandha tmur kontra ebda interess pubbliku importanti (il-Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 86, kif ukoll il-Qorti EDB, 13 ta’ Marzu 2018, Vilches Coronado et vs Spanja, CE:ECHR:2018:0313JUD005551714, punt 36).

    53

    B’mod partikolari minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li tali rinunzja tista’ tiġi kkonstatata meta jkun stabbilit li l-persuna akkużata hija informata li proċeduri kriminali huma mressqa kontriha, li hija taf in-natura kif ukoll il-kawża tal-akkuża u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tipparteċipa fil-proċess jew għandha l-intenzjoni tevita l-proċeduri (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, l‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 99, u il-Qorti EDB 23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, punt 48). Tali intenzjoni tista’, b’mod partikolari, tkun ikkonstatata meta t-taħrika sabiex il-persuna tidher ma setgħetx tiġi kkonsenjata minħabba bidla fl-indirizz li l-persuna akkużata naqset milli tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti. F’tali każ, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka dritt għal proċess ġdid (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, is‑26 ta’ Jannar 2017 Lena Atanasova vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, punt 52).

    54

    F’dan il-każ, huwa fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 li tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tiddetermina jekk IR għandux jibbenefika mid-dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża, teżamina jekk huwa ġiex informat, fi żmien xieraq, dwar iż-żamma tal-proċess kif ukoll, fil-każ ta’ assenza ta’ rappreżentanza minn avukat inkarigat, dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, u jekk huwa rrinunzjax taċitament iżda inekwivokabbilment, għad-dritt tiegħu li jkun preżenti waqt dan il-proċess.

    55

    Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-eżami tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

    56

    Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-avukat ta’ IR imqabbad ex officio fl-ebda mument ma kien f’kuntatt ma’ dan tal-aħħar, li lanqas ma esprima ruħu dwar in-nomina ta’ dan l-avukat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-avukat jista’ ma jitqiesx li ġie “[inkarigat]” fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, minn IR, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id-direttiva, l-eżistenza ta’ “mandat”, fis-sens tagħha, teħtieġ fil-fatt li l-persuna kkonċernata stess tkun fdat lil avukat, jekk ikun il-każ lil dak li jkun ġie mqabbad għaliha ex officio, il-kompitu li jirrappreżentaha.

    57

    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-att ta’ akkuża inizjali, innotifikat personalment lil IR, ġie ddikjarat null. L-att ta’ akkuża l-ġdid, li fuqu huwa bbażat il-proċess attwalment miżmum fil-kontumaċja, ma ġiex innotifikat personalment, peress li IR, mingħajr ma informa lill-awtoritajiet kompetenti, telaq, għal perijodu a priori indeterminat, mill-post li huwa kien ikkomunika l-indirizz tiegħu wara n-notifika tal-att ta’ akkuża inizjali u li huwa kien iddikjara li kien dak li fih huwa seta’ jiġi kkuntattjat.

    58

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax jekk in-natura u r-raġuni tal-akkuża mressqa kontra IR, kif indikati fl-att ta’ akkuża l-ġdid, inkluż għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kkontestati, jikkorrispondux għal dawk indikati fl-att ta’ akkuża inizjali. F’din it-talba lanqas ma huwa ppreċiżat jekk in-notifika ta’ att ta’ akkuża ġdid kinitx neċessarja biss għaliex l-att ta’ akkuża inizjali kien ivvizzjat b’difett formali. Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-kontenut tal-att ta’ akkuża l-ġdid jikkorrispondi għall-att ta’ akkuża inizjali u li dan l-att il-ġdid, filwaqt li ma setax jiġi kkonsenjat personalment lil IR, intbagħat u ġie kkonsenjat fl-indirizz li huwa kien ikkomunika lill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni wara li huwa kien irċieva l-att ta’ akkuża inizjali, tali ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu indizji preċiżi u oġġettivi li jippermettu li jitqies li IR, peress li, konformement mad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), ġie informat dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża mressqa kontrih u, għaldaqstant, dwar il-fatt li kien ser jinżamm proċess kontrih, billi telaq, bl-intenzjoni li jevita l-azzjoni ġudizzjarja, mill-indirizz li huwa kien ikkomunika lill-awtoritajiet, ipprekluda lil dawn tal-aħħar milli jinformawh uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki kollha f’dan ir-rigward fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali.

    59

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna akkużata li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minkejja l-isforzi raġonevoli tagħhom, ma jkunux irnexxilhom jillokalizzaw u li lilha dawn l-awtoritajiet, minħabba f’hekk, ma jkunux irnexxilhom jagħtu l-informazzjoni dwar il-proċess imressaq kontriha tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess u, jekk ikun il-każ, ta’ kundanna fil-kontumaċja, iżda f’dan il-każ għandu jkollha, bħala prinċipju, il-possibbiltà, wara l-komunikazzjoni ta’ din il-kundanna, li tinvoka direttament id-dritt, mogħti minn din id-direttiva, li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-kawża. Madankollu l-imsemmija persuna tista’ tiġi mċaħħda minn dan id-dritt jekk minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li hija tkun irċeviet informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf li kien ser jinżamm proċess kontriha u, permezz ta’ atti deliberati u bl-intenzjoni li tevita l-azzjoni ġudizzjarja, tkun ipprekludiet lill-awtoritajiet milli jinformawha uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess.

    Fuq l‑ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna akkużata li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minkejja l-isforzi raġonevoli tagħhom, ma jkunux irnexxilhom jillokalizzaw u li lilha dawn l-awtoritajiet, minħabba f’hekk, ma jkunux irnexxilhom jagħtu l-informazzjoni dwar il-proċess imressaq kontriha tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess u, jekk ikun il-każ, ta’ kundanna fil-kontumaċja, iżda f’dan il-każ għandu jkollha, bħala prinċipju, il-possibbiltà, wara l-komunikazzjoni ta’ din il-kundanna, li tinvoka direttament id-dritt, mogħti minn din id-direttiva, li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-kawża. Madankollu l-imsemmija persuna tista’ tiġi mċaħħda minn dan id-dritt jekk minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li tkun irċeviet informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf li kien ser jinżamm proċess kontriha u, permezz ta’ atti deliberati u bl-intenzjoni li tevita l-azzjoni ġudizzjarja, tkun ipprekludiet lill-awtoritajiet milli jinformawha uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top