This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0567
Judgment of the Court (Third Chamber) of 5 May 2022.#A.H. v Zagrebačka banka d.d.#Request for a preliminary ruling from the Općinski građanski sud u Zagrebu.#Reference for a preliminary ruling – Consumer protection – Unfair terms – Directive 93/13/EEC – Applicability ratione temporis – Article 10(1) – Loan agreement concluded prior to Member State’s accession to the EU but amended after that date – Article 6 – Reimbursement of benefits improperly obtained by the seller or supplier – National legislation providing for the replacement of unfair terms and reimbursement of the overpayment – Applicability ratione materiae – Article 1(2) – Exclusion of contractual terms which reflect mandatory statutory or regulatory provisions.#Case C-567/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
A.H. vs Zagrebačka banka d.d.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 10(1) – Kuntratt ta’ self konkluż qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea iżda emendat wara din id-data – Artikolu 6 – Restituzzjoni tal-vantaġġi indebitament irċevuti mill-kummerċjant – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-sostituzzjoni ta’ klawżoli inġusti u l-ħlas lura tal-ġbir żejjed fir-rigward tagħhom – Applikazzjoni ratione materiae – Artikolu 1(2) – Klawżoli kuntrattwali li jirriflettu liġijiet u regolament mandatorji.
Kawża C-567/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
A.H. vs Zagrebačka banka d.d.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 10(1) – Kuntratt ta’ self konkluż qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea iżda emendat wara din id-data – Artikolu 6 – Restituzzjoni tal-vantaġġi indebitament irċevuti mill-kummerċjant – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-sostituzzjoni ta’ klawżoli inġusti u l-ħlas lura tal-ġbir żejjed fir-rigward tagħhom – Applikazzjoni ratione materiae – Artikolu 1(2) – Klawżoli kuntrattwali li jirriflettu liġijiet u regolament mandatorji.
Kawża C-567/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:352
*A9* Općinski građanski sud u Zagrebu, Prethodno pitanje od 15/10/2020 (71 P-9883/19)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 10(1) – Kuntratt ta’ self konkluż qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea iżda emendat wara din id-data – Artikolu 6 – Restituzzjoni tal-vantaġġi indebitament irċevuti mill-kummerċjant – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-sostituzzjoni ta’ klawżoli inġusti u l-ħlas lura tal-ġbir żejjed fir-rigward tagħhom – Applikazzjoni ratione materiae – Artikolu 1(2) – Klawżoli kuntrattwali li jirriflettu liġijiet u regolament mandatorji”
Fil-Kawża C‑567/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Zagreb, Il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura
A.H.
vs
Zagrebačka banka d.d.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur), M. Safjan, N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal A.H., minn P. Đurić u S. Kalebota, odvjetnici, |
– |
għal Zagrebačka banka d.d., minn B. Porobija, M. Kiš Kapetanović u S. Porobija, odvjetnici, |
– |
għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Mataija u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A.H. u Zagrebačka banka d.d. dwar il-ħlas lura ta’ somom allegatament miġbura indebitament minn din tal-aħħar skont klawżoli inġusti li inizjalment kienu jinsabu fil-kuntratt ta’ self konkluż minn dawn il-partijiet u li ġew issostitwiti sussegwentement minnhom, permezz ta’ emenda li tirriżulta mill-bidliet previsti minn liġi Kroata. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
L‑Att ta’ Adeżjoni tal-2012
3 |
L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21), jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “Mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lill-Kroazja u għandhom japplikaw fil-Kroazja bil-kondizzjonijiet imniżżlin f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.” |
Id‑Direttiva 93/13
4 |
It- 13-il premessa tad-Direttiva 93/13 hija fformulata kif ġej: “Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”. |
5 |
L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” |
6 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
7 |
L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1994. Dawn għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih. Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi wara l‑31 ta’ Diċembru 1994.” |
Id‑dritt Kroat
8 |
Adottat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, iż-Zakon o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum, Narodne novine, br. 75/09), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2010, kellha bħala għan li timplimenta, fid-dritt Kroat, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46). |
9 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jelenka t-tipi ta’ kuntratti ta’ kreditu li għalihom din ma tapplikax, li fosthom ma humiex inklużi l-kuntratti ta’ kreditu intiżi sabiex jippermettu l-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà ta’ art jew ta’ proprjetà immobbli eżistenti jew ipproġettata. |
10 |
Din il-liġi ġiet emendata biz-Zakon o izmjeni i dopunama Zakona o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi li temenda u tikkompleta l-Liġi dwar il-kreditu għall-konsum, Narodne novine, br. 102/15) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kreditu għall-konsum”), li daħħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Settembru 2015 |
11 |
Il-Kapitolu IV.a tal-Liġi tal-2015 dwar il-kreditu għall-konsum jinkludi l-Artikoli 19a sa 19i tagħha, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirregolaw il- “konverżjoni tal-krediti ddenominati fi franki Svizzeri [(CHF)] u krediti ddenominati fil-kunas [Kroati (HRK)] bi klawżola ta’ kambju fi franki Svizzeri”. |
12 |
L-Artikolu 19b ta’ din il-liġi, intitolat “Prinċipju ta’ konverżjoni tal-kreditu”, jipprevedi: “Il-konverżjoni ta’ kreditu denominat fi franki Svizzeri fi kreditu iddenominat f’euros u ta’ kreditu ddenominat f’kunas [Kroati] ma’ klawżola ta’ kambju fi franki Svizzeri fi kreditu iddenominat f’kunas [Kroati] ma’ klawżola ta’ kambju f’euro timplika konverżjoni ta’ kreditu sabiex tiġi emendata l-munita li fiha huwa jkun iddenominat jew sabiex il-munita tal-klawżola tal-kambju tiegħu ssir b’mod li l-pożizzjoni tal-konsumatur bi kreditu iddenominat fi franki Svizzeri u ssir ekwivalenti għal dik li kien jinsab jekk kien ibbenefika minn kreditu ddenominat f’euros u għal dak li l-pożizzjoni tal-konsumatur bi kreditu ddenominat f’kunas [Kroati] bi klawżola ta’ kambju fi franki Svizzeri ssir l-istess għal dik li fiha kien jinsab kieku kien ibbenefika minn kreditu ddenominat f’kunas [Kroati] bi klawżola ta’ kambju f’euros.” |
13 |
L-Artikolu 19c tal-imsemmija liġi, intitolat “Metodu ta’ kalkolu tal-konverżjoni tal-kreditu”, jipprevedi proċedura speċifika għall-kalkolu tal-ammont il-ġdid bħala ammont prinċipali tad-dejn tal-konsumatur ikkonċernat, li jikkonsisti essenzjalment fit-tqabbil tar-rimborsi tas-self li jkun sar minn dan il-konsumatur mal-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn self fittizju ddenominat f’euros. Il-bilanċ il-ġdid tas-self espress f’euros fit‑30 ta’ Settembru 2015, miksub fit-tmiem ta’ din il-proċedura speċifika ta’ kalkolu, jikkostitwixxi l-ammont miżmum għar-rimbors tas-self mill-imsemmi konsumatur b’effett minn din id-data. |
14 |
L-Artikolu 19e ta’ din l-istess liġi, intitolat “Konverżjoni tal-kreditu”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1), (5) u (6) tiegħu: “1. F’terminu ta’ 45 jum li jibda jiddekorri mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-kreditur huwa obbligat li jibgħat lill-konsumatur, permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, il-kalkolu tal-konverżjoni tal-kreditu, mas-sitwazzjoni kkalkulata fid-data tat‑30 ta’ Settembru 2015 skont l-Artikolu 19c ta’ din il-liġi, kif ukoll bi proposta ta’ kuntratt ta’ kreditu ġdid jew tal-kuntratt ta’ kreditu emendat. […] 5. Fil-każ li l-konverżjoni tal-kreditu tiġi aċċettata, il-konsumatur huwa obbligat jinforma lill-kreditur bl-aċċettazzjoni tal-kalkolu tal-konverżjoni, jew permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, jew personalment, f’terminu ta’ 30 jum li jibda jiddekorri mill-jum li fih jiġi riċevut il-kalkolu tal-konverżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u tal-istima tas-sitwazzjoni tal-krediti kollha tal-kreditur, jiġifieri sommarju tal-ammonti li jibqgħu dovuti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. 6. Jekk il-konsumatur ma jaċċettax il-kalkolu tal-konverżjoni tal-kreditu jew ma jikkonkludix mal-kreditur il-ftehim imsemmi fil-punt 6 tal-Artikolu 19c(1) ta’ din il-liġi, ir-rimbors tal-kreditu għandu jsir skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali validi u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
15 |
Fil‑15 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konsumatriċi ddomiċiljata fil-Kroazja, u Zagrebačka banka, bank stabbilit f’dan l-Istat Membru, ikkonkludew kuntratt ta’ self immobiljari li kien jirrigwarda ammont iddenominat fi franki Svizzeri, iżda mħallas f’kunas Kroati, bir-rata tal-kambju medja stabbilita mill-Hrvatska Narodna Banka (bank nazzjonali tal-Kroazja) fid-data tal-għoti tas-self. Dan il-kuntratt kien jinkludi, b’mod partikolari, klawżola li tipprevedi li l-frank Svizzeru kien jikkostitwixxi l-munita li abbażi tagħha l-ammont dovut għas-self kellu jiġi rrimborsat u klawżola li tipprevedi li r-rata ta’ interessi varjabbli li għandha tiġi applikata tista’ tinbidel fuq deċiżjoni unilaterali ta’ Zagrebačka banka. |
16 |
Fit‑30 ta’ Settembru 2015, ir-riforma introdotta bil-Liġi tal-2015 dwar il-kreditu għall-konsum daħlet fis-seħħ. Skont l-Artikolu 19b ta’ din il-liġi, kull kreditu ddenominat fi franki Svizzeri kellu neċessarjament jiġi kkonvertit f’kreditu ddenominat f’euros b’tali mod li l-konsumatur jitqiegħed f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik tal-persuni li jissellfu f’self iddenominat f’euros. Skont l-Artikolu 19e tal-imsemmija liġi, il-persuni li jsellfu kellhom l-obbligu li jipproponu lill-konsumaturi kkonċernati kollha li jikkonkludu ftehimiet ta’ kreditu ġodda jew li jemendaw il-kuntratti li huma kienu kkonkludew, filwaqt li josservaw il-modalitajiet ta’ konverżjoni stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 19c ta’ l-istess liġi. Fil-każ li l-konsumatur ma jaċċettax tali konverżjoni, ir-rimbors tas-self tiegħu kellu jkompli skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali validi. |
17 |
Fit‑8 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Zagrebačka banka kkonkludew emenda għall-kuntratt inizjali tagħhom, sabiex iwettqu l-konverżjoni prevista mil-Liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum, b’tali mod li r-rimbors tas-self ġie indiċjat fuq l-euros, li wassal għal emenda kemm tal-ammont dovut prinċipali kif ukoll tal-metodu ta’ kalkolu tal-interessi, mit‑30 ta’ Settembru 2015. |
18 |
Fit‑12 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarrket lil Zagrebačka banka quddiem l-Općinski građanski sud u Zagrebu (il‑Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Zagreb, il-Kroazja). |
19 |
Permezz tar-rikors tagħha, minn naħa, hija titlob li l-klawżola ta’ indiċjar fuq il-frank Svizzeru u l-klawżola dwar ir-rata ta’ interess varjabbli li kienu jinsabu fil-kuntratt konkluż fil‑15 ta’ Ottubru 2007 jiġu ddikjarati inġusti u għalhekk nulli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Kroat kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, prinċipalment dawk tad-Direttiva 93/13. |
20 |
Insostenn ta’ din it-talba, hija tislet argument mir-riżultat ta’ proċedura ta’ rikors kollettiv li nbeda, quddiem it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroazja), kontra diversi banek, fosthom Zagrebačka banka. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, billi bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, il-qrati Kroati aditi suċċessivament fil-kuntest ta’ din il-proċedura ddikjaraw, permezz ta’ deċiżjonijiet li saru definittivi, li l-banek imsemmija kienu kisru l-interessi kollettivi u d-drittijiet tal-konsumaturi billi kkonkludew, matul perijodu li jinkludi s-sena 2007, kuntratti ta’ kreditu li kienu jinkludu klawżoli meqjusa inġusti u nulli sa fejn dawn kienu jipprevedu indiċjar tar-rimbors fuq il-frank Svizzeru u emenda tar-rata tal-interessi fuq deċiżjoni unilaterali tal-kreditur. |
21 |
Min-naħa l-oħra, billi tibbaża ruħha fuq perizja li hija għamlet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob li Zagrebačka banka tiġi kkundannata tħallasha lura l-vantaġġi kollha li din kienet akkwistat indebitament abbażi tal-klawżoli inġusti li kienu jinsabu fil-kuntratt inizjali u li ġew issostitwiti bis-saħħa ta’ emenda li l-effetti tagħha, fil-fehma tagħha, huma ta’ natura li jissewwew insuffiċjentement. |
22 |
F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-qorti tar-rinviju għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ kull regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludiha milli tikseb il-ħlas lura sħiħ tal-imsemmija vantaġġi, peress li hija ma rrinunzjatx għad-drittijiet li hija detentriċi tagħhom bħala konsumatur. Fil-fehma tagħha, il-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum u l-emenda li tirriproduċi l-kontenut ta’ din il-liġi ma ppermettewlhiex li tiġi sostitwita fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku l-kuntratt inizjali ma kienx jinkludi klawżoli inġusti. |
23 |
Zagrebačka banka topponi dawn it-talbiet billi ssostni li, minħabba l-konverżjoni tas-self prevista mill-imsemmija liġi u l-aċċettazzjoni tal-emenda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar ma għadx għandha bażi legali sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt inizjali u sabiex tirċievi kumpens għal dan il-għan, peress li, skont dan il-bank, is-self ġie kkalkolat retroattivament daqslikieku kien iddenominat f’euros. |
24 |
Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Liġi tal-2015 dwar il-Kreditu għall-konsum u l-emenda konklużi skont din il-liġi saru wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li għandha ġurisdizzjoni ratione temporis sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari li hija tagħmel f’din il-kawża. |
25 |
Fuq il-mertu, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tindika li kkonstatat, fid-dawl tal-emenda kkonċernata, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx irrinunzjat għal kumpens sħiħ u għall-protezzjoni ġudizzjarja tal-interessi tagħha u li, barra minn hekk, din ir-rinunzja hija pprojbita fid-dritt Kroat, b’mod partikolari mil-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum. Barra minn hekk, hija tqis li din il-liġi la tiddetermina n-natura inġusta u n-nullità ta’ klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la d-dannu mġarrab individwalment minn konsumatur minħabba klawżoli inġusti, u lanqas l-ammonti indebitament akkwistati minn kummerċjant f’dan ir-rigward, peress li dawn l-elementi tħallew għall-evalwazzjoni tal-qorti adita. Skont din il-qorti, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wriet li l-konverżjoni tas-self magħmula ma ppermettietx lil Zagrebačka banka tħallasha lura l-vantaġġi kollha miksuba indebitament għad-detriment tagħha. |
26 |
Sussegwentement, l-imsemmija qorti tenfasizza li, fil-kuntest ta’ “proċedura pilota”, il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja) tat, fl‑4 ta’ Marzu 2020, deċiżjoni interpretattiva li tipprovdi li kull ftehim ta’ konverżjoni konkluż skont il-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum “jipproduċi effetti legali u huwa validu meta l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self bażiku relatati mar-rata ta’ interessi li tista’ tiġi emendata u l-klawżola monetarja huma nulli”, minħabba, b’mod partikolari, li tali ftehim jikkostitwixxi rabta kuntrattwali ġdida peress li l-konsumatur mhuwiex obbligat li jaċċetta, għad-differenza taċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207). |
27 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-deċiżjoni tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) torbot lill-qrati inferjuri, iżda kienet suġġetta għal interpretazzjonijiet diverġenti f’dak li jirrigwarda l-effett tagħha fuq id-dritt għal kumpens ta’ konsumatur li ta l-kunsens tiegħu għal tali konverżjoni. Skont l-ewwel approċċ, huwa irrilevanti jekk il-kummerċjant akkwistax vantaġġi indebitament u jekk il-konsumatur ġiex ikkumpensat kompletament. Skont it-tieni approċċ, ippreferut mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tinftiehem b’dan il-mod, taħt piena li tipproduċi effetti kuntrarji għar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
28 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlatur ta’ Stat Membru jista’ jadotta miżuri iktar protettivi għall-konsumaturi minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva. Skont din il-qorti, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrifjuta li tapplika d-dispożizzjonijiet mhux konformi tal-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum u tiddeċiedi, f’dan il-każ, li l-klawżoli inġusti għandhom jitneħħew daqslikieku qatt ma eżistew u li l-vantaġġi kollha miksuba minn Zagrebačka banka abbażi ta’ dawn il-klawżoli għandhom jitħallsu lura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
29 |
Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tesponi li minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Kroat jirriżulta li l-validità ta’ kuntratt għandha tiġi evalwata fil-mument tal-konklużjoni tiegħu u li klawżola nulla ma tistax tiġi rregolarizzata. Hija tqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, li minnha jirriżulta, fil-fehma tagħha, li l-qrati nazzjonali għandhom ma japplikawx klawżoli inġusti sa mill-bidu tagħhom, u mhux issostitwixxuhom b’kontenut li ma ġiex miftiehem bejn il-partijiet. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
31 |
Zagrebačka banka teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tallega li t-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju ma taqax ratione temporis taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li, minn naħa, din it-tilwima għandha bħala suġġett biss, skont din il-parti fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ self li kien ġie konkluż qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. |
32 |
Min-naħa l-oħra, Zagrebačka banka ssostni li d-Direttiva 93/13, imsemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, tissuġġetta l-applikabbiltà tagħha, skont l-Artikolu 10(1) tagħha, għad-data li fiha l-kuntratt ikkonċernat ġie konkluż, u mhux fuq il-perijodu li matulu dan il-kuntratt jipproduċi l-effetti legali tiegħu. |
33 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franck, C‑801/19, EU:C:2020:1049, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja msemmi fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni jorbtu lil dan l-Istat Membru u japplikaw fl-imsemmi Stat biss mid-data tal-adeżjoni tiegħu, jiġifieri mill‑1 ta’ Lulju 2013 (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 55). |
35 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li r-risposta għaliha tista’ tqiegħed inkwistjoni l-kompatibbiltà ma’ dan tal-aħħar ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, adottata wara l-adeżjoni inkwistjoni, toħloq ukoll effetti legali fuq kuntratt li ġie konkluż qabilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punti 40 sa 43). |
36 |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li din tal-aħħar hija applikabbli biss għall-kuntratti konklużi wara l‑31 ta’ Diċembru 1994, data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għal dawn il-kuntratti, peress li l-perijodu li matulu dawn tal-aħħar jipproduċu effetti ma huwiex rilevanti (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18 EU:C:2020:537, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Din il-ġurisprudenza ġiet ippreċiżata fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu fl-Istati Membri li, bħar-Repubblika tal-Kroazja, aderixxew mal-Unjoni wara l‑31 ta’ Diċembru 1994, peress li l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13 ma saritx obbligatorja għal dawn l-Istati ħlief mill-adeżjoni tagħhom. F’dan il-kuntest partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat ripetutament l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva, u għalhekk il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tinterpretaha, fir-rigward tad-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu kienet imsemmija fil-kawża prinċipali, qabel ma eżaminat jekk il-kuntratt ikkonċernat kienx ġie konkluż wara din l-adeżjoni u, għaldaqstant, kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑3 ta’ April 2014, Pohotovosť, C‑153/13, EU:C:2014:1854, punti 23 sa 25; tat‑3 ta’ Lulju 2014, Tudoran, C‑92/14, EU:C:2014:2051, punti 26 sa 29, kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 41 sa 44). |
38 |
F’dan il-każ, id-Direttiva 93/13 ma hijiex applikabbli għall-kuntratt inizjali li huwa kkontestat fil-kawża prinċipali, peress li ġie konkluż fil‑15 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2013. Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punti 34 u 40 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eventwali ħlas lura ta’ vantaġġi miksuba indebitament minn Zagrebačka banka skont klawżoli potenzjalment inġusti ta’ dan il-kuntratt ma jistax jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
39 |
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 93/13 hija applikabbli għall-emenda għall-kuntratt inizjali, peress li din l-emenda, li ġiet ukoll ikkontestata fil-kawża prinċipali, ġiet konkluża fit‑8 ta’ Jannar 2016, jiġifieri wara d-data ta’ din l-adeżjoni. Issa, meta l-fatti tal-kawża prinċipali jseħħu parzjalment wara d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, f’dan ir-rigward, sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franck, C‑801/19, EU:C:2020:1049, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija emenda ma tistax twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva kif iddefinit fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-eventwali obbligu ta’ ħlas lura impost fuq Zagrebačka banka skont il-klawżoli tal-imsemmija emenda ma jistax jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew ikun ibbażat fuqhom fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-konklużjoni tagħha. |
41 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 biss sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-klawżoli li jinsabu fl-istess emenda u l-perijodu ta’ wara l-konklużjoni tagħha. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
42 |
Zagrebačka banka ssostni li ż-żewġ domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli bħala irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, peress li, fil-fehma tagħha, la d-dispożizzjonijiet tad-dritt Kroat imsemmija mill-qorti tar-rinviju, inklużi dawk interpretati mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema), u lanqas l-emenda għall-kuntratt konkluża mill-partijiet ma jċaħħdu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mid-dritt li titlob, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ħlas lura ta’ benefiċċji li l-bank ikkonċernat kien indebitament kiseb skont il-kuntratt ta’ self inizjali. |
43 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari dawk tad-Direttiva 93/13, u ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokat id-drittijiet iggarantiti minn din id-direttiva fil-kuntest ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, ġie kkonstatat, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija direttiva. |
45 |
Fit-tieni lok, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Għaldaqstant, l-argumenti dwar l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari li Zagrebačka banka tislet, essenzjalment, mill-effetti li l-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum tipproduċi, fl-opinjoni tagħha, fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu miċħuda. |
47 |
Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Fuq l‑ewwel domanda.
48 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekludu lill-qorti adita milli tilqa’ t-talba ta’ konsumatur intiża għall-ħlas lura sħiħ tal-vantaġġi li kummerċjant ikun kiseb minn klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt ta’ self, meta l-kummerċjant ikun kostrett jipproponi lill-konsumatur emenda fil-kuntratt inizjali tagħhom permezz ta’ ftehim li l-kontenut tiegħu huwa ddeterminat minn dawn id-dispożizzjonijiet u dan il-konsumatur kellu l-fakultà li japprova tali emenda. |
49 |
Il-Qorti tar-rinviju tindika li, skont l-interpretazzjoni tal-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum mogħtija minn ċerti qrati Kroati, dawn jistgħu jkunu l-effetti prodotti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV.a ta’ din il-liġi. B’mod partikolari, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kredituri professjonali kienu kostretti jipproponu lil kull konsumatur li kkonkluda kuntratt ta’ kreditu ddenominat fi franki Svizzeri li jipproċedi għal konverżjoni tiegħu f’kreditu ddenominat f’euros b’osservanza tal-modalitajiet stabbiliti mill-imsemmija liġi. Il-konsumatur ikkonċernat kellu l-possibbiltà li jirrifjuta din il-proposta, iżda, jekk jaċċettaha, il-konverżjoni kellha neċessarjament issir billi jiġi inkorporat il-kontenut previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet jew f’emenda għall-kuntratt inizjali, kif sar fil-kawża prinċipali, jew f’kuntratt ġdid, konkluż bejn il-partijiet kontraenti. |
50 |
Sabiex tagħti lil din il-qorti risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk, kif semmew il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, id-Direttiva 93/13 hijiex applikabbli ratione materiae fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tagħha. |
51 |
F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 93/13, jirriżulta li din id-direttiva hija applikabbli biss għall-emenda għall-kuntratt inizjali u li l-obbligu eventwali ta’ ħlas lura impost fuq Zagrebačka banka bis-saħħa ta’ din l-emenda ma jistax jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew jiġi bbażat fuqhom fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-konklużjoni tiegħu. |
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda biss sa fejn din tikkonċerna l-klawżoli kuntrattwali li ddaħħlu a posteriori fil-kuntratt inizjali bl-imsemmi emenda konformement mal-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum. |
53 |
Il-kawża prinċipali hija għalhekk differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207). Fil-fatt, din l-aħħar kawża kienet tirrigwarda, b’mod iktar ġenerali, l-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tikklassifika bħala inġusti u nulli klawżoli dwar id-differenza fir-rati tal-kambju inklużi f’kuntratti ta’ self u li tissostitwixxi dawn il-klawżoli bi klawżoli li japplikaw ir-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-bank nazzjonali ta’ Stat Membru għall-munita korrispondenti, dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jitlob l-annullament tal-kuntratt ta’ self inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punti 35 sa 38). |
54 |
F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha l-intenzjoni li tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 sabiex tikkontesta b’mod awtonomu l-klawżoli tal-emenda għall-kuntratt inizjali li ddaħħlu f’dan tal-aħħar skont il-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum, sa fejn dawn il-klawżoli ma humiex biżżejjed sabiex jinkiseb ħlas lura sħiħ tal-vantaġġi li l-kummerċjant ikun ħa mill-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt ta’ self inizjali. |
55 |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”, espressjoni li, fid-dawl tat-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, tinkludi kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u dawk li huma ta’ natura supplenti, jiġifieri li japplikaw awtomatikament, fl-assenza ta’ arranġament differenti, bejn il-partijiet (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-imsemmi Artikolu 1(2) fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma jkoprix klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali obbligatorji, introdotti wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur u intiżi li jissupplimentaw klawżola tiegħu vvizzjata b’nullità (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et, C‑932/19, EU:C:2021:673, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
L-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ din id-direttiva li tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espliċitament iżomm (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Huma l-qrati nazzjonali aditi li għandhom jivverifikaw jekk il-klawżola kkonċernata taqax taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dawl tal-kriterji li ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri billi jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati kif ukoll il-kuntest ġuridiku u fattwali li jaqgħu taħtu dawn tal-aħħar, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst minn din id-direttiva, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tagħha għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika, essenzjalment, li l-klawżoli tal-emenda li Zagrebačka banka u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew, sabiex jemendaw il-kuntratt inizjali tagħhom b’mod li jikkonvertu s-self iddenominat fi franki Svizzeri f’self iddenominat f’euros, jirriflettu l-kontenut tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu IV.a tal-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum. |
60 |
Fil-fatt, l-ewwel, din il-qorti tirrileva li l-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum timponi fuq il-kummerċjanti l-obbligu li jipproponu tali modifika lill-konsumaturi kkonċernati u li hija tistabbilixxi metodoloġija partikolari ta’ kalkolu tal-ammont il-ġdid tal-impenji ta’ kreditu ta’ dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Kroat jippreċiża li l-awtonomija tar-rieda tal-banek kienet limitata mill-imsemmija liġi, sa fejn dawn kienu kostretti minnha li jipproponu lill-konsumaturi l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ konverżjoni tal-kuntratt eżistenti tagħhom, li l-kontenut tiegħu kien iddeterminat preċiżament minn din ir-regola mandatorja. |
61 |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-partijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-2015 dwar il-kreditu għall-konsum ipproċedew bl-emenda tar-relazzjoni kuntrattwali inizjali abbażi ta’ ftehim ta’ volontajiet, u mhux direttament abbażi ta’ intervent leġiżlattiv, kif kien il-każ, b’mod partikolari, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207). Madankollu, anki jekk kull konsumatur kellu l-fakultà li jirrifjuta l-konverżjoni prevista minn din il-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li meta l-konsumatur ta l-kunsens tiegħu, bħal fil-kawża prinċipali, il-partijiet biddlu l-kuntratt inizjali tagħhom, sabiex jissostitwixxu l-klawżoli inġusti li jinsabu fih, mhux b’mod liberu, iżda bl-obbligu li japplikaw ir-regoli ta’ konverżjoni imposti mil-leġiżlatur nazzjonali. Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sempliċi rekwiżit ta’ ftehim tal-konsumatur ma għandux il-konsegwenza li jipprekludi l-klawżoli tal-emenda kkonċernata milli jitqiesu li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji, peress li l-kontenut ta’ din l-emenda huwa kompletament iddeterminat mill-imsemmija liġi. |
62 |
It-tielet, kif l-Avukat Ġenerali osservat, essenzjalment, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għan imfittex mil-leġiżlatur Kroat kien li jiġi stabbilit bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ikkonċernati mil-liġi tal‑2015 dwar il-kreditu għall-konsum. |
63 |
Għaldaqstant, anki jekk din il-klassifikazzjoni ġuridika taqa’ b’mod definittiv fuq il-qorti tar-rinviju skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, jidher li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu IV.a tal-imsemmija liġi jikkostitwixxu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ natura mandatorja, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-istess liġi intiżi sabiex jissupplimentaw klawżoli vvizzjati b’nullità li kienu jinsabu f’kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-kummerċjant ġie obbligat jipproponi lill-konsumatur emenda fil-kuntratt inizjali tagħhom permezz ta’ ftehim li l-kontenut tiegħu huwa ddeterminat minn dawn id-dispożizzjonijiet u dan il-konsumatur kellu l-possibbiltà li jagħti l-kunsens tiegħu għal tali emenda. |
Fuq it‑tieni domanda
65 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Dwar l‑ispejjeż
66 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-kummerċjant ġie obbligat jipproponi lill-konsumatur emenda fil-kuntratt inizjali tagħhom permezz ta’ ftehim li l-kontenut tiegħu huwa ddeterminat minn dawn id-dispożizzjonijiet u dan il-konsumatur kellu l-possibbiltà li jagħti l-kunsens tiegħu għal tali emenda. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.