EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0563

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-24 ta’ Frar 2022.
ORLEN KolTrans sp. z o.o. vs Prezes Urzędu Transportu Kolejowego.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2001/14/KE – Artikolu 4 – Iffissar tat-tariffi tal-infrastruttura permezz ta’ deċiżjoni tal-amministratur – Artikolu 30(2) – Dritt għal azzjoni amministrattiva tal-impriżi ferrovjarji – Artikolu 30(6) – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju.
Kawża C-563/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:113

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2001/14/KE – Artikolu 4 – Iffissar tat-tariffi tal-infrastruttura permezz ta’ deċiżjoni tal-amministratur – Artikolu 30(2) – Dritt għal azzjoni amministrattiva tal-impriżi ferrovjarji – Artikolu 30(6) – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju”

Fil-Kawża C‑563/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

ORLEN KolTrans sp. z o.o.

vs

Prezes Urzędu Transportu Kolejowego,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot (Relatur), L. S. Rossi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ORLEN KolTrans sp. z o.o., minn A. Salbert, radca prawny,

għall-Prezes Urzędu Transportu Kolejowego, minn M. Trela, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Sasinowska, C. Vrignon u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2), (5) u (6) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 315, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ORLEN KolTrans sp. z o.o., impriża ferrovjarja li s-sede tagħha tinsab fi Płock (il-Polonja), u l-Prezes Urzędu Transportu Kolejowego (il-President tal-Uffiċċju tat-Trasport Ferrovjarju, iktar ’il quddiem il-President tal-UTF”) dwar id-determinazzjoni tal-livell tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja miżmuma minn PKP Polskie Linie Kolejowe S.A. fil-Polonja (iktar ’il quddiem “PKP PLK”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 11, 12, 16 u 20 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdu:

“(5)

Sabiex tiġi assigurata trasparenza u aċċess non-diskriminatorju għall-infrastruttura tal-ferroviji għall-impriżi kollha tal-ferroviji l-informazzjoni kollha neċessarja biex jintużaw id-drittijiet ta’ l-aċċess għandha tiġi ppubblikata f’dikjarazzjoni ta’ network.

[…]

(11)

Il-piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

(12)

Fil-qafas stabbilit mill-Istati Membri il-piżijiet u l-iskemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jinkoraġġixxu lil amministraturi ta’ l-infrastruttura tal-binarji biex itejbu l-użu ta’ l-infrastruttura tagħhom.

[…]

(16)

Piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.

[…]

(20)

Huwa xieraq li jingħata grad ta’ flessibbiltà lil amministraturi infrastrutturali sabiex ikun possibbli użu iktar effiċjenti tan-network ta’ l-infrastruttura.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-prinċipji u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fir-rigward tat-tqegħid u l-istabbiliment ta’ piżijiet ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-allokazzjoni ta’ kapaċità ferrovjarja infrastrutturali.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-iskemi tat-tqegħid ta’ piżijiet u tal-kapaċità ta’ allokazzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja jsegwu l-prinċipji stabbiliti f’din id-Direttiva u b’hekk jippermettu lill-amministratur infrastrutturali biex iqiegħed fis-suq u jagħmel użu effettiv mill-kapaċità infrastrutturali disponibbli.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva fih xi definizzjonijiet. Huwa fformulat hekk:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘applikant’ tfisser impriża tal-ferroviji bil-liċenzja […] b’servizz pubbliku jew interess kummerċjali fil-prokura tal-kapaċità infrastrutturali […] għall-operazzjoni ta’ servizz tal-ferrovija fit-territorji rispettivi tagħhom;

[…]

(h)

‘amministratur infrastrutturali’ ifisser kull korp jew impriża responsabbli b’mod partikolari biex tiġi stabbilita u mantnuta infrastruttura tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi wkoll l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u sigurtà ta’ l-infrastruttura. Il-funzjonijiet ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura f’network jew parti minn network jistgħu jiġu allokati għal korpi jew impriżi differenti;

[…]

(k)

‘impriża tal-ferroviji’ tfisser kull impriża pubblika jew privata, liċenzjata skond il-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli, li n-negozju kummerċjali tagħha huwa li tipprovdi s-servizzi għat-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri bil-ferrovija bi ħtieġa li l-impriża għandha tassigura trazzjoni; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

[…]”

6

Fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14 dwar it-tariffi infrastrutturali, l-Artikolu 4 tagħha, intitolat “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

[…]

4.   Ħlief meta jsiru arranġamenti speċifiċi taħt l-Artikolu 8(2), l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jassiguraw li l-iskema tal-piżijiet fis-seħħ hija bbażata fuq l-istess prinċipji fin-network sħiħ tagħhom kollha.

5.   L-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta’ l-iskema tal-piżijiet tirriżulta f’piżijiet ekwivalenti non-diskriminatorji għal impriżi tal-ferroviji differenti li jwettqu servizzi ta’ natura ekwivalenti f’parti simili tas-suq u li l-piżijiet attwalment applikati jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-network.

[…]”

7

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett miinimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi pprovduta f’mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq. Jekk is-servizzi mhumiex offruti minn amministratur ta’ l-infrastruttura wieħed, il-fornitur ta’ l-infrastruttura ewlenija għandu juża l-isforzi kollha raġonevoli biex jiffaċilita l-fornitura ta’ dawn is-servizzi.”

8

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, dwar l-ir-rendikonti tal-infrastruttura u ta’ l-ispejjeż, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, inklużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq in-naħa l-oħra.

[…]

2.   Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom […] jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet ta’ l-aċċesss.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-dispożizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tiġi implimentata, jew permezz ta’ ftehim kontrattwali bejn l-awtorità kompetenti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkopri terminu ta’ mhux inqas minn tliet snin li jipprovdi għal fondi mill-Istat jew permezz ta’ l-istabbiliment ta’ miżuri regolatorji xierqa b’poteri adegwati.

[…]

5.   Metodu għall-apporzjonament ta’ l-ispejjeż għandu jiġi stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu approvazzjoni minn qabel. Dan il-metodu għandu jiġi aġġornat minn żmien għal żmien għall-aħjar prattika internazzjonali.”

9

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, dwar il-prinċipji ta’ tarifikazzjoni:

“1.   Il-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji għandhom jitħallsu lill-amministratur ta’ l-infrastruttura u jintużaw biex jipprovdu fondi għan-negozju tiegħu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija.

[…]

7.   Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, m’għandhomx ikunu koperti b’dan l-Artikolu. Bla ħsara għal dan ta’ hawn fuq, għandu jittieħed kont, fl-istabbiliment tal-prezzijiet tas-servizzi stabbiliti fl-Anness II, il-punt 2, tas-sitwazzjoni kompetittiva tat-trasport bil-ferrovija.

[…]”

10

L-Artikoli 8 sa 12 tal-istess direttiva jipprevedu, rispettivament, eċċezzjonijiet għall-prinċipji ta’ tarifikazzjoni, il-possibbiltà li jingħata tnaqqis fuq it-tariffi tal-infrastruttura, sistema ta’ kumpens ta’ ċerti spejjeż, sistema ta’ titjib tal-operat u l-possibbiltà li jinġabru taxxi ta’ riżervazzjoni tal-kapaċitajiet.

11

Fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2001/14, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, jinsab l-Artikolu 17, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għall-Artikoli 81, 82 u 86 tat-Trattat, ftehim qafas jista’ jiġi konkluż ma’ l-applikant. Dan il-kwadru ta’ ftehim jispeċifika l-karatteristiċi tal-kapaċità infrastrutturali meħtieġa [mill-]applikant […] Il-ftehim qafas m’għandux jispeċifika mogħdija tal-ferrovija fid-dettall, imma għandu jkun tali li jfittex li jilħaq il-ħtiġiet leġittimi kummerċjali ta’ l-applikant. Stat Membru jista’ jitlob approvazzjoni minn qabel ta’ dan il-ftehim qafas mill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva.”

12

L-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Pjan tat-titjib tal-kapaċità”, jipprovdi:

“1.   Fi żmien sitt xhur mill-kompletazzjoni ta’ analiżi tal-kapaċità, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jipproduċi pjan għat-tijib tal-kapaċità.

2.   Il-pjan għat-tijib tal-kapaċità għandu jiġi żviluppat wara konsultazzjoni ma’ l-utenti ta’ l-infrastruttura kkonġestjonata relevanti.

Għandu jidentifika:

[…]

(d)

l-għażliet u l-ispejjeż għat-titjib tal-kapaċità inklużi tibdiliet possibbli għatll-piżijiet ta’ l-aċċess.

Għandu wkoll, abbażi ta’ analiżi tal-benefiċċji ta’ l-ispejjeż tal-miżuri possibbli identifikati, jiddetermina liema azzjoni għandha tittieħed sabiex tittejjeb il-kapaċità infrastrutturali, inkluż kalendarju għall-implimentazzjoni tal-miżuri

Il-pjan jista’ jkun soġġett għall-approvazzjoni preċedenti mill-Istat Membru.

[…]”

13

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Korp regolatorju”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 21(6), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju. Dan il-korp, li jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport jew kwalunkwe korp ieħor, għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar fondi, struttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull amministratur ta’ l-infrastruttura, korp tal-piżijiet, korp jew applikant ta’ l-allokazzjoni. Barra minn hekk għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku. Il-korp għandu jiffunzjona skond il-prinċipji delinjati f’dan l-Artikolu meta l-appell u l-funzjonijiet regolatorji jistgħu jiġu attribwiti għal korpi separati.

2.   Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

[…]

(d)

l-iskema tal-piżijiet;

(e)

livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

[…]

3.   Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

4.   Il-korp regolatorju għandu l-awtorità jitlob informazzjoni relevanti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, applikanti u kull parti terza fl-Istat Membru kkonċernat, li għandha tiġi fornita mingħajr dewmien.

5.   Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja.”

14

L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi li għandhom jingħataw lill-impriżi tal-ferroviji”, fil-punti 1 u 2 tiegħu jipprovdi:

“1. Il-pakkett ta’ aċċess minimu għandu jkun jikkonsisti:

(a) fl-immaniġġar ta’ talbiet għall-kapaċità infrastrutturali;

[…]

2. Aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi u l-fornitura tas-servizzi għandhom jinkludu:

(a)

l-użu ta’ tagħmir għall-provvista elettrika għall-kurrent tat-traction, meta disponibbli;

[…]”

Id-dritt Pollakk

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

15

L-ustawa kodeks postępowania administracyjnego (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), tal-14 ta’ Ġunju 1960 (Dz. U. tal-2013, pożizzjoni 267) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva”), fl-Artikolu 28 tiegħu jipprovdi:

“Tikkostitwixxi parti kull persuna li l-interess ġuridiku tagħha jew obbligu tagħha jkun is-suġġett ta’ proċedura jew li, minħabba l-interess ġuridiku tagħha jew l-obbligu tagħha, titlob lil awtorità tintervjeni.”

16

Skont l-Artikolu 61 ta’ din il-liġi:

“Il-proċedura amministrattiva għandha tinbeda fuq talba ta’ parti jew ex officio.”

17

L-Artikolu 61a(1) tal-imsemmija deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Meta t-talba msemmija fl-Artikolu 61 issir minn persuna li ma tkunx waħda mill-partijiet jew meta, għal raġunijiet leġittimi oħra, ma tkunx tista’ tinbeda proċedura, l-awtorità pubblika amministrattiva għandha tieħu deċiżjoni li tirrifjuta li tibda l-proċedura. […]”

18

L-Artikolu 157(2) tal-istess liġi jipprevedi:

“Il-proċedura għall-annullament tad-deċiżjoni għandha tinbeda fuq talba ta’ parti jew ex officio.”

Il-Liġi dwar it-Trasport Ferrovjarju

19

L-ustawa o transporcie kolejowym (il-Liġi dwar it-Trasport Ferrovjarju), tat-28 ta’ Marzu 2003 (Dz. U. tal-2013, pożizzjoni 1594), fl-Artikolu 13(1) u (6) tagħha tipprovdi:

“1.   Huwa l-President tal-[Uffiċċju tat-Trasport Ferrovjarju (UTF)] li għandu, […] fil-qasam tar-regolamentazzjoni tat-trasport ferrovjarju:

1)

japprova u jikkoordina t-tariffi għall-użu tal-mogħdijiet tal-infrastruttura ferrovjarja mogħtija, billi tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mar-regoli tal-iffissar tagħhom;

[…]

4)

jikkontrolla jekk l-amministratur iffissax korrettament it-tariffi bażiċi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u t-tariffi addizzjonali għall-provvisti ta’ servizzi addizzjonali;

5)

jeżamina l-azzjonijiet tat-trasportaturi ferrovjarji dwar:

[…]

b)

l-għoti tal-mogħdijiet u dwar it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja;

[…]

6.   Jekk jiġi kkonstatat li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet, tad-deċiżjonijiet jew tad-digrieti fil-qasam ferrovjarju, il-President tal-UTF għandu jagħti deċiżjoni li tippreċiża l-portata tal-ksur u t-terminu ta’ rettifika tal-irregolarità.”

20

Skont l-Artikolu 29(3) u (4) ta’ din il-liġi:

“3.   It-trasportatur ferrovjarju jikseb id-dritt li juża l-mogħdijiet tal-ferrovija allokati u ffissati fl-iskeda ta’ servizz wara l-konklużjoni ta’ ftehim għal dan il-għan mal-amministratur.

4.   Għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, l-amministratur tagħha għandu jirċievi t-tariffi msemmija fl-Artikolu 33.”

21

Skont l-Artikolu 33 tal-imsemmija liġi:

“1.   L-amministratur għandu jistabbilixxi l-ammont tat-tariffi dovuti għall-użu tal-infrastruttura mit-trasportaturi ferrovjarji.

[…]

6.   L-amministratur huwa obbligat li jippubblika […] l-ammont u t-tipi ta’ rati tat-tariffa bażika kif ukoll ta’ tariffi addizzjonali.

7.   Ir-rati unitarji tat-tariffa bażika u tat-tariffi supplimentari, esklużi t-tariffi għall-użu tal-kurrent ta’ trazzjoni, għandhom jintbagħtu flimkien mal-kalkoli tal-ammont tagħhom, lill-President tal-UTF.

8.   Il-President tal-UTF għandu japprova r-rati previsti fil-paragrafu 7, fi żmien 30 jum minn meta jirċevihom, jew jirrifjuta li japprovahom jekk huwa jikkonstata ksur tar-regoli msemmija fil-paragrafi 2 sa 6, fl-Artikolu 34 jew fid-dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 35.”

Ir-regolament dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess u għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja

22

Ir-rozporządzenie Ministra Infrastruktury w sprawie warunków dostępu i korzystania z infrastruktury kolejowej (ir-Regolament tal-Ministru għall-Infrastruttura dwar il-Kundizzjonijiet għall-Aċċess u għall-Użu tal-Infrastruttura Ferrovjarja), tas‑27 ta’ Frar 2009 (Dz. U tal-2009, Nru 35, pożizzjoni 274), fl-Artikolu 16 tiegħu jipprevedi:

“1.   L-amministratur, sa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta’ servizz tal-ferroviji, għandu jippreżenta abbozz lill-president tal-UTF għall-approvazzjoni:

1)

tar-rati unitarji tat-tariffa bażika;

2)

tar-rati tat-tariffi għas-servizzi msemmija fil-Parti II tal-anness tal-liġi.

[…]

3.   Fuq talba tat-trasportatur, l-amministratur għandu jippermettilu li jsir jaf bl-abbozz imsemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll bil-lista msemmija fil-paragrafu 2.

[…]”

23

L-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-President tal-UTF għandu jirrifjuta li japprova l-proġett sottomess, imsemmi fl-Artikolu 16(1), biss jekk ikun ġie redatt bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(8) tal-Liġi [dwar it-Trasport Ferrovjarju].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

ORLEN KolTrans hija impriża li għandha s-sede tagħha fil-Polonja u li twettaq, b’mod partikolari, trasport ta’ merkanzija bil-ferrovija. Għal dan il-għan, hija tuża l-infrastruttura ferrovjarja li tappartjeni lill-amministratur tagħha, jiġifieri PKP PLK.

25

PKP PLK għaddiet lill-korp regolatorju Pollakk, jiġifieri l-UTF, stabbilit skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, abbozz ta’ modifika tar-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura tiegħu. Dawn ir-rati jikkostitwixxu waħda mill-varjabbli li jippermettu lill-amministratur tal-infrastruttura jiddetermina l-ammont tat-tariffi dovuti minn impriża ferrovjarja għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2010”), il-President tal-UTF approva dan l-abbozz.

26

Abbażi ta’ din id-deċiżjoni, PKP PLK applikat ir-rati unitarji l-ġodda sabiex tiddetermina l-ammont tat-tariffi tal-infrastruttura li kellhom jitħallsu minn ORLEN KolTrans, skont il-kuntratt konkluż minn dawn iż-żewġ impriżi.

27

Fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, billi ppermettiet li fil-kalkolu tat-tariffi miġbura għall-provvisti minimi u għall-aċċess, permezz tan-network, għall-infrastrutturi jiġu inklużi spejjeż li ma jistgħux jitqiesu bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14, rispettivament.

28

Wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, ORLEN KolTrans eżaminat mill-ġdid it-tariffi li hija kienet tħallas lil PKP PLK. Peress li qieset li l-metodu ta’ kalkolu tagħhom kien imur kontra d-Direttiva 2001/14, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2014 hija talbet lill-President tal-UTF jibda proċedura amministrattiva, fis-sens tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2010.

29

Permezz tad-digriet tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2014, il-President tal-UTF ċaħad din it-talba għar-raġuni li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, ORLEN KolTrans ma kellhiex il-kwalità ta’ “parti” fil-proċedura ta’ approvazzjoni tar-rati unitarji tat-tariffa bażika u, konsegwentement, ma tistax titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2010, u dan anki fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

30

ORLEN KolTrans ippreżentat appell mill-imsemmi digriet tal-11 ta’ Ġunju 2014 quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). Fil-kuntest ta’ dak l-appell, hija qiegħda tfittex li tikseb stħarriġ tal-validità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2010, li, fid-dawl tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), ġiet adottata bi ksur tad-Direttiva 2001/14.

31

Fl-istess ħin, din l-impriża ressqet talba għal kumpens kontra l-Istat Pollakk minħabba li t-traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/14 wasslet għal dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ tariffi tal-infrastruttura eċċessivi. Talbiet simili tressqu wkoll minn impriżi ferrovjarji oħra. Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), adita b’waħda minn dawn il-kawżi ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel, fit-3 ta’ Marzu 2020, domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża ferrovjarja tistax, mingħajr stħarriġ tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju mill-qorti kompetenti, tfittex għad-danni lil Stat Membru għall-implimentazzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/14. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal dawn id-domandi permezz tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie (C‑120/20, EU:C:2021:553).

32

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, permezz tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2001/14 tipprekludi l-istħarriġ tan-natura ekwa tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, każ b’każ, mill-qrati ordinarji, u l-possibbiltà li jiġi emendat l-ammont ta’ dawn it-tariffi, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju previst fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

33

F’dan il-kuntest hija tenfasizza li, skont id-dritt Pollakk, hija għandha tieħu konjizzjoni tal-appelli mid-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju.

34

F’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/14, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-Polonja, l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jissuġġetta r-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-approvazzjoni tal-korp regolatorju. L-impriżi ferrovjarji ma humiex parti minn din il-proċedura u ma jistgħux jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni adottati mill-President tal-UTF.

35

Ċertament, il-punt 5(b) tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar it-Trasport Ferrovjarju jippermetti li jitressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja fir-rigward tat-tariffi tal-infrastruttura meħtieġa mill-amministratur tal-infrastruttura. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet, tad-deċiżjonijiet jew tad-digrieti fil-qasam ferrovjarju, il-President tal-UTF jagħti deċiżjoni li tippreċiża l-portata tal-ksur u t-terminu ta’ rettifika. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk ma jistax ikollha l-effett li tibdel ir-rati unitarji tat-tariffa bażika li l-korp regolatorju jkun approva.

36

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, huma biss il-persuni li għandhom il-kwalità ta’ parti li jistgħu jitolbu l-annullament ta’ deċiżjoni. Peress li l-impriżi ferrovjarji ma humiex partijiet fil-proċedura ta’ approvazzjoni tar-rati unitarji tat-tariffa bażika, fil-fehma tagħha huma ma għandhomx rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jikkontestaw il-livell ta’ dawn ir-rati.

37

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 jagħtix lill-impriżi ferrovjarji d-dritt li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tar-rati unitarji tat-tariffa bażika meħuda mill-President tal-UTF. Hija tqis li tali dazju jista’ jiġi dedott, minn naħa, mill-paragrafu 2(e) ta’ dan l-artikolu, fil-każ li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi l-ammissjoni tal-impriżi ferrovjarji bħala partijiet fil-proċedura ta’ approvazzjoni tar-rati unitarji tat-tariffa bażika. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni setgħet tikser id-drittijiet tal-impriżi ferrovjarji, dritt ta’ appell jista’ jirriżulta mill-paragrafi 5 u 6 tal-istess artikolu.

38

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva [2001/14] għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża infrastruttura ferrovjarja, id-dritt li tipparteċipa fil-proċedura mressqa mill-korp regolatorju intiża għall-istabbiliment, mill-amministratur tal-infrastruttura tal-binarji, tal-ammont ta’ ħlas għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża infrastruttura ferrovjarja, id-dritt li tappella mid-deċiżjoni tal-korp regolatorju li tapprova l-ammont ta’ ħlas għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja stabbilit mill-amministratur ta’ din l-infrastruttura?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

39

Għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Liġi dwar it-Trasport Ferrovjarju tipprevedi, b’mod partikolari, li waħda mill-varjabbli li jippermettu lill-amministratur tal-infrastruttura jiddetermina l-ammont tat-tariffi tal-infrastruttura dovuti minn impriża ferrovjarja, jiġifieri r-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja, għandha tiġi approvata mill-President tal-UTF.

40

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, skont id-dritt Pollakk, id-dritt li jintalab l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dawn ir-rati huwa rriżervat biss għall-persuni li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, jingħataw l-istatus ta’ parti fil-proċedura ta’ approvazzjoni.

41

Minn dan jirriżulta li l-impriżi ferrovjarji li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jużaw jew li għandhom l-intenzjoni jużaw l-infrastrutturi ferrovjarji ma jistgħux jikkontestaw ir-rati unitarji tat-tariffa bażika stabbiliti mill-korp regolatorju peress li ma għandhomx il-kwalità ta’ “parti”, meħtieġa mid-dritt Pollakk sabiex ikunu jistgħu jressqu azzjoni ġudizzjarja għal dan il-għan. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kwalità ta’ “parti” għandha tiġi rrikonoxxuta lilhom jew jekk il-possibbiltà li jippreżentaw tali rikors għandhiex tiġi rrikonoxxuta lilhom mingħajr ma tiġi rrikonoxxuta lilhom din il-kwalità.

Fuq l-ewwel domanda

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża l-infrastruttura ferrovjarja, għandhiex tkun tista’ tipparteċipa fi proċedura mressqa mill-korp regolatorju għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tapprova jew tiċħad abbozz ta’ rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ppreżentat minn amministratur tal-infrastruttura, u dan jagħtiha l-kwalità ta’ parti f’tali proċedura.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jipprevedu proċedura ta’ approvazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura jew tal-varjabbli li jippermettu li jiġu ddeterminati dawn tal-aħħar.

44

B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14, dwar it-tariffi tal-infrastrutturi, ma tistabbilixxi tali proċedura ta’ approvazzjoni.

45

Huwa minnu li l-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jissottomettu l-“metodu għall-apporzjonament ta’ l-ispejjeż” għal approvazzjoni minn qabel. Madankollu, kif jirriżulta mill-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu, il-metodu inkwistjoni huwa stabbilit għal finijiet ta’ kontabbiltà fil-kuntest tal-għajnuna finanzjarja li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-amministraturi tal-infrastruttura. Dan ma jikkonċernax it-tariffi tal-infrastruttura.

46

Bl-istess mod, il-proċedura ta’ approvazzjoni li tista’ tiġi stabbilita skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/14, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura, ma tikkonċernax id-determinazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura, iżda l-ftehimiet qafas konklużi mill-amministraturi tal-infrastruttura sabiex jiġu speċifikati, għal applikant, il-karatteristiċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja li huma meħtieġa.

47

L-istess japplika għall-approvazzjoni minn qabel tal-pjanijiet ta’ titjib tal-kapaċitajiet, imsemmija fl-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, li jinsab fl-istess Kapitolu III. Għalkemm dan il-pjan ikun fih previżjonijiet fir-rigward tal-ispiża tat-titjib tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura u l-impatt probabbli tiegħu fuq it-tariffi tal-infrastruttura, minn dan ma jistax jiġi dedott li dan jistabbilixxi minn qabel l-iffissar ta’ dawn it-tariffi.

48

Fir-rigward tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, dan minn naħa jirregola l-kompetenzi li għandu jingħata l-korp regolatorju, stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u min-naħa l-oħra jipprevedi, kif jirriżulta mill-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu, li d-deċiżjonijiet adottati minn dan il-korp għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

49

F’dak li jikkonċerna l-kompetenzi tal-korp regolatorju, skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2001/14, id-deċiżjonijiet tal-amministraturi tal-infrastruttura, b’mod partikolari dawk dwar is-sistema ta’ tarifikazzjoni jew dwar il-livell jew l-istruttura tat-tariffi tal-infrastruttura, jistgħu jiġu kkontestati quddiem dan il-korp. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-korp regolatorju huwa obbligat jagħti deċiżjoni fuq kull ilment imressaq quddiemu. Barra minn hekk, mill-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li dan il-korp huwa responsabbli li jiżgura l-konformità, mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, tat-tariffi ffissati mill-amministraturi tal-infrastruttura u li jissorvelja n-negozjati bejn dawn l-amministraturi u l-impriżi ferrovjarji. Sabiex iwettaq dawn il-kompiti, il-korp regolatorju huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14, jitlob informazzjoni, b’mod partikolari mingħand l-amministraturi tal-infrastruttura.

50

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 ma jipprevedix proċedura ta’ approvazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu ma jeżiġux li l-amministraturi tal-infrastruttura jissuġġettaw it-tariffi tal-infrastruttura li huma għandhom l-intenzjoni jiġbru jew varjabbli li jippermettu li jiġu kkalkolati lill-korp regolatorju għall-approvazzjoni. Għall-kuntrarju, kulma jagħmlu dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jipprevedu kontroll tat-tariffi diġà stabbiliti, li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafu 2 u mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu. Dan l-istħarriġ jaqa’ fuq il-korp regolatorju li jiddeċiedi jew fil-kuntest ta’ appell jew ex officio.

51

Barra minn hekk, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2001/14 tfittex li tiżgura l-indipendenza tal-ġestjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Dan tal-aħħar għandu jagħmel użu mis-sistema ta’ tarifikazzjoni bħala strument ta’ amministrazzjoni. B’hekk, mill-premessa 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandhom jinkoraġġixxu lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-infrastruttura tagħhom fil-kuntest iddefinit mill-Istati Membri. Sabiex dan l-aħjar użu jkun possibbli, l-imsemmija amministraturi għandhom ikollhom ċertu marġni ta’ flessibbiltà, kif issemmi l-premessa 20 tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 82).

52

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 jistabbilixxi allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura għal dak li jikkonċerna s-sistemi ta’ tarifikazzjoni. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għat-tarifikazzjoni, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-irkupru tagħha jaqgħu fuq l-amministratur tal-infrastruttura, li huwa obbligat jiżgura l-applikazzjoni ta’ prinċipji uniformi, kif jipprevedi b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) u (5) ta’ dik id-direttiva (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 49, u tat-28 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 84).

53

Għalhekk, huma l-amministraturi tal-infrastruttura, li għandhom l-obbligu li jiddeterminaw u li jiġbru t-tariffi b’mod nondiskriminatorju, li mhux biss għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet għall-użu tan-network ferrovjarju b’mod ugwali għall-utenti kollha tan-network, iżda għandhom ukoll jiżguraw li dawn it-tariffi effettivament miġbura jkunu jikkorrispondu għal dawn il-kundizzjonijiet (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 50, u tat-8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie, C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 43).

54

Peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-Direttiva 2001/14 ma tipprevedix proċedura ta’ approvazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura jew tal-varjabbli li jippermettu li jiġu ddeterminati dawn tal-aħħar, hija lanqas ma tista’ tiddetermina jekk waħda jew oħra mill-persuni ġuridiċi jew fiżiċi għandhomx l-istatus ta’ “parti” f’tali proċedura.

55

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “parti”, użat mill-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, ma għandux x’jaqsam ma’ din id-direttiva. B’mod partikolari, l-appell mid-deċiżjonijiet adottati mill-amministraturi tal-infrastruttura, previst fl-Artikolu 30(2) tagħha, huwa miftuħ għall-“applikanti”. Dan l-aħħar kunċett, iddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2001/14, jinkludi, b’mod partikolari, kull impriża ferrovjarja awtorizzata.

56

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għall-ħtiġijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari l-paragrafi 2 u 3 tiegħu, jipprekludux proċedura ta’ approvazzjoni bħal dik prevista mid-dritt Pollakk. B’mod partikolari, ma jidhirx neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività, dawn id-dispożizzjonijiet imorrux kontra l-approvazzjoni, mill-President tal-UTF, ta’ waħda mill-varjabbli li jippermettu lill-amministratur tal-infrastruttura jiddetermina l-ammont tat-tariffi tal-infrastruttura dovuti minn impriża ferrovjarja, jiġifieri r-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja.

57

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax id-dritt ta’ impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża l-infrastruttura ferrovjarja, li tipparteċipa fi proċedura eventwali mressqa mill-korp regolatorju għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tapprova jew tiċħad abbozz ta’ rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura sottomess minn amministratur tal-infrastruttura.

Fuq it-tieni domanda

58

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża l-infrastruttura ferrovjarja, għandha tkun tista’ tikkontesta, quddiem il-qorti kompetenti, id-deċiżjoni tal-korp regolatorju li tapprova r-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura, stabbiliti mill-amministratur ta’ dik l-infrastruttura.

59

Kif jirriżulta mill-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, imsemmi b’mod espliċitu mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, peress li jikkonċerna biss il-kompetenzi tal-korp regolatorju. Huwa biss il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati minn dan il-korp.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju b’mod ġenerali u ma jiddeterminax min għandu jiġi rrikonoxxut li għandu locus standi.

61

Għalkemm bħala prinċipju huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-locus standi ta’ individwu, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ madankollu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx tippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Lufthansa, C‑379/18, EU:C:2019:1000, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

B’hekk, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ mid-Direttiva 2001/14 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 38, u tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Lufthansa, C‑379/18, EU:C:2019:1000, punt 59).

63

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jindikaw il-qrati kompetenti u jirregolaw il-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 39, u tal-14 ta’ Settembru 2017, Petrea, C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 58).

64

Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/14 tagħti drittijiet lill-impriżi ferrovjarji.

65

Fil-fatt, fost l-għanijiet mfittxija mid-Direttiva 2001/14 jinsab, b’mod partikolari, dan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura, hekk kif inhu espost, b’mod partikolari, fil-premessi 5 u 11 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, għandha l-għan li tiggarantixxi kompetizzjoni ekwa. Il-premessa 16 tagħha tiddikjara, f’dan ir-rigward, li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ allokazzjoni tal-kapaċitajiet għandhom jippermettu kompetizzjoni ekwa fil-provvista ta’ servizzi ferrovjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punti 3637).

66

Minn dan jirriżulta li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jiżgura lilu nnifsu, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2001/14, li s-sistema ta’ tarifikazzjoni tiġi applikata b’mod li d-diversi impriżi ferrovjarji li jwettqu servizzi ta’ natura simili f’parti simili tas-suq jiġu ssuġġettati għal tariffi ekwivalenti u nondiskriminatorji u li t-tariffi effettivament applikati jkunu konformi mar-regoli ddefiniti fid-dikjarazzjoni tan-network tal-ferrovija (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 45).

67

Għall-kuntrarju, konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/14, l-impriżi ferrovjarji huma intitolati, fuq bażi nondiskriminatorja, għall-provvisti minimi kollha kif ukoll għall-aċċess, permezz tan-network, għall-infrastrutturi ta’ servizzi deskritti fl-Anness II ta’ dik id-direttiva. L-aċċess għas-servizzi msemmija fil-punt 2 tal-istess anness wkoll għandu jkun nondiskriminatorju, iżda jista’ jiġi rrifjutat jekk ikunu jeżistu għażliet vijabbli oħra għall-kundizzjonijiet tas-suq.

68

Għandu jiġi rrilevat li dan id-dritt ta’ aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji huwa kkompletat minn regoli ta’ tarifikazzjoni li jinsabu fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14, dwar it-tariffi tal-infrastruttura, u b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tagħha. Il-paragrafu 3 ta’ dan tal-aħħar jipprevedi li t-tariffi miġbura għall-provvisti minimi kollha, elenkati fil-punt 1 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, u għall-aċċess, permezz tan-network, għall-infrastrutturi ta’ servizzi, għandhom ikunu ugwali għall-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 jew 5 tal-istess Artikolu 7 jew għall-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi msemmija fil-punt 2 ta’ dan l-anness, l-Artikolu 7(7) tad-Direttiva 2001/14 jeżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-ferroviji.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) u (7) tagħha, tagħti lill-impriżi ferrovjarji li jużaw jew li għandhom l-intenzjoni jużaw l-infrastruttura ferrovjarja, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, drittijiet li għandhom ikun jistgħu jkunu suġġetti għal protezzjoni ġudizzjarja.

70

Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju ġudizzjarju li jippermetti lil dawn l-impriżi jikkontestaw deċiżjoni tal-korp regolatorju li tista’ tippreġudika d-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrendi impossibbli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

71

Għal kull bon fini, għandu wkoll jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(2) u (6) tad-Direttiva 2001/14 huma inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi u li għaldaqstant għandhom effett dirett. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet huma vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi amministrattivi kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu japplikawhom (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie, C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 58).

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża l-infrastruttura ferrovjarja, għandha tkun tista’ tikkontesta, quddiem il-qorti kompetenti, id-deċiżjoni tal-korp regolatorju li tapprova r-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura, stabbiliti mill-amministratur ta’ dik l-infrastruttura.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax id-dritt ta’ impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża l-infrastruttura ferrovjarja, li tipparteċipa fi proċedura eventwali mressqa mill-korp regolatorju għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tapprova jew tiċħad abbozz ta’ rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura sottomess minn amministratur tal-infrastruttura.

 

2)

L-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2007/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża l-infrastruttura ferrovjarja, għandha tkun tista’ tikkontesta, quddiem il-qorti kompetenti, id-deċiżjoni tal-korp regolatorju li tapprova r-rati unitarji tat-tariffa bażika għall-aċċess minimu għall-infrastruttura, stabbiliti mill-amministratur ta’ dik l-infrastruttura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top