This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0439
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 16 March 2023.#European Commission and Council of the European Union v Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd.#Appeal – Dumping – Imports of crystalline silicon photovoltaic modules and key components (i.e. cells) originating in or consigned from China – Implementing Regulation (EU) 2016/2146 withdrawing the acceptance of the undertaking for two exporting producers under Implementing Decision 2013/707/EU – Admissibility of the action at first instance – Fourth paragraph of Article 263 TFEU – Criterion of direct concern – Article 277 TFEU – Plea of illegality – Admissibility – Interest in bringing proceedings against the acts which served as the legal basis for the contested measure – Regulation (EU) 2016/1036 – Article 8(9) – Regulation (EU) 2016/1037 – Article 13(9) – Consequences of the withdrawal by the European Commission of acceptance of an undertaking – Implementing Regulation (EU) No 1238/2013 – Article 3 – Implementing Regulation (EU) No 1239/2013 – Article 2 – Loss of entitlement to exemption from duties – Implementing Regulation (EU) 2016/2146 – Article 2 – Invalidation of the undertaking invoices – Chargeability of duties on all the transactions concerned – Lack of retroactivity.#Joined Cases C-439/20 P and C-441/20 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Marzu 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi-esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE – Ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kriterju ta’ inċidenza diretta – Artikolu 277 TFUE – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku kontra l-atti li kienu l-bażi legali tal-att ikkontestat – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 8(9) – Regolament (UE) 2016/1037 – Artikolu 13(9) – Konsegwenzi tal-irtirar mill-Kummissjoni Ewropea tal-aċċettazzjoni ta’ impenn – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 – Artikolu 3 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 – Artikolu 2 – Telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dazji – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 – Artikolu 2 – Invalidazzjoni tal-fatturi konformi – Eżiġibbiltà tad-dazji fuq it-tranżazzjonijiet ikkonċernati kollha – Assenza ta’ retroattività.
Kawżi magħquda C-439/20 P u C-441/20 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Marzu 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi-esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE – Ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kriterju ta’ inċidenza diretta – Artikolu 277 TFUE – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku kontra l-atti li kienu l-bażi legali tal-att ikkontestat – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 8(9) – Regolament (UE) 2016/1037 – Artikolu 13(9) – Konsegwenzi tal-irtirar mill-Kummissjoni Ewropea tal-aċċettazzjoni ta’ impenn – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 – Artikolu 3 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 – Artikolu 2 – Telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dazji – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 – Artikolu 2 – Invalidazzjoni tal-fatturi konformi – Eżiġibbiltà tad-dazji fuq it-tranżazzjonijiet ikkonċernati kollha – Assenza ta’ retroattività.
Kawżi magħquda C-439/20 P u C-441/20 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:211
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi-esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE – Ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kriterju ta’ inċidenza diretta – Artikolu 277 TFUE – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku kontra l-atti li kienu l-bażi legali tal-att ikkontestat – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 8(9) – Regolament (UE) 2016/1037 – Artikolu 13(9) – Konsegwenzi tal-irtirar mill-Kummissjoni Ewropea tal-aċċettazzjoni ta’ impenn – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 – Artikolu 3 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 – Artikolu 2 – Telf tal-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dazji – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2146 – Artikolu 2 – Invalidazzjoni tal-fatturi konformi – Eżiġibbiltà tad-dazji fuq it-tranżazzjonijiet ikkonċernati kollha – Assenza ta’ retroattività”
Fil-Kawżi magħquda C‑439/20 P u C‑441/20 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑18 u fil‑21 ta’ Settembru 2020, rispettivament,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,
appellanti fil-kawża C‑439/20 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd, stabbilita f’Changzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata inizjalment minn P. Heeren, advocaat, Y. Melin u B. Vigneron, avukati, sussegwentement minn P. Heeren, advocaat, u Y. Melin, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile, bħala aġent, assistita minn N. Tuominen, avocată,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
u
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile, bħala aġent, assistita minn N. Tuominen, avocată,
appellant fil-kawża C‑441/20 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd, stabbilita f’Changzhou, irrappreżentata inizjalment minn P. Heeren, advocaat, Y. Melin u B. Vigneron, avukati, sussegwentement minn P. Heeren, advocaat, u Y. Melin, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ April 2022,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“istituzzjonijiet”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Lulju 2020, Jiangsu Seraphim Solar System vs Il‑Kummissjoni (T‑110/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:315), li permezz tagħha din annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2146 tat‑7 ta’ Diċembru 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2016, L 333, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn jikkonċerna lil Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Jiangsu Seraphim”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament bażiku antidumping
2 |
Meta ġew stabbiliti d-dazji antidumping inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni tal-miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20). |
3 |
Konformement mal-Artikolu 23 tiegħu, dan ir-regolament ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), li kien ġie emendat, b’mod partikolari, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat‑8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150). |
4 |
Il-premessi 18 u 19 tar-Regolament Nru 461/2004 kienu jiddikjaraw:
|
5 |
Fid-data ta’ adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni kienet irregolata bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antidumping”). Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tiegħu, ir-Regolament bażiku antidumping ħassar ir-Regolament Nru 1225/2009. Skont l-Artikolu 25 tiegħu, ir-Regolament bażiku antidumping daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Lulju 2016. |
6 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku antidumping, intitolat “Impenji”, kien jipprevedi: “1. Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja ta’ dumping u ta’ dannu, il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), taċċetta offerti ta’ impenji volontarji sodisfaċenti mressqa minn kwalunkwe esportatur biex jirrivedi l-prezzijiet tiegħu jew biex jieqaf mill-esportazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping, jekk tkun sodisfatta li b’hekk jiġi eliminat l-effett ta’ dannu mid-dumping. F’tali każ u sakemm ikunu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1), jew id-dazji definittivi imposti f’konformità mal-Artikolu 9(4), skont kif ikun il-każ, ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji, kif emendata sussegwentement. Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt tali impenji ma għandhomx ikunu ogħla milli jkun neċessarju biex jiġi eliminat il-marġni tad-dumping u għandhom ikunu inqas mill-marġni ta’ dumping jekk tali żidiet ikunu adegwati għall-eliminazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. […] 9. Fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji minn kwalunkwe parti għall-impenn, jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandha tiġi rtirata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost f’konformità mal-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament, sakemm l-esportatur ikkonċernat ikun ingħata l-opportunità biex jikkummenta, ħlief fejn huwa jkun irtira l-impenn. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri meta tiddeċiedi li tirtira impenn. Kull parti interessata jew Stat Membru jistgħu jissottomettu informazzjoni li tagħti prima facie prova ta’ ksur ta’ impenn. Il-valutazzjoni sussegwenti jekk ikunx sar ksur ta’ impenn normalment għandha tiġi konkluża fi żmien sitt xhur, iżda f’ebda każ f’aktar minn disa’ xhur wara talba debitament sostanzjata. Il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-monitoraġġ ta’ impenji. 10. Jista’ jiġi impost dazju provviżorju f’konformità mal-Artikolu 7 abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li qiegħed jinkiser xi impenn, jew fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenn, fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għal dak l-impenn ma tkunx ġiet konkluża”. |
7 |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Retroattività”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu: “F’każijiet ta’ ksur jew irtirar ta’ impenji, jistgħu jinġabru dazji definittivi minn fuq merkanzija mdaħħla għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa mhux iktar minn 90 ġurnata qabel l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 14(5), u sakemm kwalunkwe tali stima retroattiva ma għandhiex tapplika għal importazzjonijiet imdaħħlin qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn”. |
8 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Dispożizzjonijiet ġenerali”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għandhom jiġu imposti dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi permezz ta’ regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament li jimponi tali dazji. Tali dazji għandhom ukoll jiġu miġbura indipendentement mid-dazji tad-dwana, taxxi u imposti l-oħrajn normalment imposti fuq l-importazzjonijiet. […]” |
Ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji
9 |
Fid-data li fiha ġew imposti d-dazji kumpensatorji inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidji mill-Unjoni kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93, rettifiki fil-ĠU 2015, L 187, p. 91, u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20). |
10 |
Konformement mal-Artikolu 34 tiegħu, dan ir-regolament ħassar ir-Regolament Nru 2026/97, li kien ġie emendat, b’mod partikolari, bir-Regolament Nru 461/2004. |
11 |
Fid-data tal-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidji mill-Unjoni kienet irregolata bir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku kontra s-sussidji”). Konformement mal-Artikolu 35 tiegħu, ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji ħassar ir-Regolament Nru 597/2009. Skont l-Artikolu 36 tiegħu, ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Lulju 2016. |
12 |
Ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-impenji u r-retroattività fformulati f’termini essenzjalment identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament bażiku antidumping. |
13 |
Għalhekk, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-Artikolu 13(9), l-Artikolu 13(10), l-Artikolu 16(5) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jikkorrispondu, essenzjalment, għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1), għall-Artikolu 8(9), għall-Artikolu 8(10), għall-Artikolu 10(5) u għall-Artikolu 14(1), rispettivament, tar-Regolament bażiku antidumping. |
14 |
Barra minn hekk, sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji (iktar ‘il quddiem, flimkien, ir-“Regolamenti bażiċi”) huma, essenzjalment, identiċi għal dawk li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1225/2009 u taħt ir-Regolament Nru 597/2009, rispettivament, ser isir riferiment, għall-finijiet tal-eżami tal-appelli, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, għar-regolamenti bażiċi, ħlief jekk ir-Regolamenti Nri 1225/2009 u 597/2009 ivarjaw minn dawn tal-aħħar jew jekk il-kuntest jeżiġi dan. |
Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013
15 |
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1), jipprevedi: “Dejn mad-dwana għandu jiġġarrab fil-mument ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera:
|
Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013
16 |
L-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66) jipprevedi: “2. Id-dejn doganali jiġġarrab meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera:
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
17 |
Il-fatti li taw lok għat-tilwima ġew esposti fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata kif ġej:
[…]” |
Ir‑Regolament kontenzjuż
18 |
Il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha fir-Regolament kontenzjuż li hija adottat abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Fl-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn tal-prezz li hija kienet tat, b’mod partikolari, lil Jiangsu Seraphim (iktar ’il quddiem l-“impenn ikkonċernat”). |
19 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż jipprevedi: “1. Il-fatturi tal-impenn elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament jiġu ddikjarati invalidi. 2. Id-dazji antidumping u kumpensatorji dovuti fil-ħin tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 [għandhom jinġabru].” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
20 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Frar 2017, Jiangsu Seraphim ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. Fil-kuntest ta’ dak ir-rikors, hija qajmet motiv wieħed, ibbażat fuq l-aspett li, permezz tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 8(1), (9) u (10), kif ukoll l-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping, l-Artikolu 13(1), (9) u (10), kif ukoll l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, u r-rikorrenti fl-ewwel istanza argumentat li dik l-istituzzjoni kienet invalidat fatturi konformi, u sussegwentement ordnat lill-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex jiġbru dazji, bħallikieku ebda fattura konformi ma kienet inħarġet u kkomunikata lil dawn l-awtoritajiet doganali fil-mument meta l-merkanzija kienet ġiet irrilaxxata f’ċirkulazzjoni libera. |
21 |
Fil-kuntest tal-imsemmi rikors, Jiangsu Seraphim, barra minn hekk, qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, ibbażata fuq allegat ksur tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 1225/2009 kif ukoll tal-Artikolu 13 u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 597/2009, kif dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar kienu applikabbli fid-data tal-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013. |
22 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li s-suġġett tar-rikors kien jirrigwarda l-legalità tal-invalidazzjoni tal-fatturi konformi ta’ Jiangsu Seraphim u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan, b’mod partikolari, fir-rigward tal-irkupru tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji dovuti, u mhux il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta rtirat l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn ikkonċernat. |
23 |
Sussegwentement, meta ddeċidiet, fl-ewwel lok, fil-punti 28 sa 49 tas-sentenza appellata, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, u bbażata fuq l-inammissibbiltà tar-rikors li kienet adita bih, il-Qorti Ġenerali qieset li Jiangsu Seraphim kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u li hija kellha, barra minn hekk, interess ġuridiku f’dan ir-rigward. |
24 |
Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli. |
25 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 50 sa 64 tas-sentenza appellata, dwar l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma minn Jiangsu Seraphim, fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013. |
26 |
F’dan ir-rigward, peress li qieset, b’mod partikolari, li ma setax jitqies li Jiangsu Seraphim kienet ammissibbli, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), sabiex tikkontesta dawn id-dispożizzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, direttament wara l-adozzjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrenti milli tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjonijiet fil-kuntest tar-rikors li hija kienet adita bih. |
27 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 65 sa 152 tas-sentenza appellata, eżaminat il-fondatezza tal-motiv uniku mqajjem fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. |
28 |
Għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ippreċiżat, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni li kienet tqum fil-kawża, jiġifieri dik tal-impożizzjoni ratione temporis tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant kien miksur jew irtirat, kellha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet espressi tal-Artikolu 8(10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll ta’ dawk tal-Artikolu 13(10) u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
29 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni proposta mill-istituzzjonijiet, skont liema s-setgħa tagħhom, sa fejn dawn kienu inkarigati mill-eżekuzzjoni tar-regolamenti bażiċi li teżiġi, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ta’ eżekuzzjoni, il-ħlas mill-impriżi kkonċernati tad-dazji kollha dovuti għal tranżazzjonijiet koperti minn fatturi konformi sadanittant invalidati, kienet tiġi dedotta minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
30 |
Billi qieset, fl-aħħar, fil-punti 139 sa 151 tas-sentenza appellata, li ebda wieħed mill-argumenti l-oħra invokati mill-istituzzjonijiet ma kien ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 152 ta’ dik is-sentenza, li r-regolamenti bażiċi ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet legali suffiċjenti għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li kienet imqajma l-illegalità tagħhom. |
31 |
Fir-raba’ lok, sabiex jiġi eżaminat jekk, minkejja din l-assenza ta’ bażijiet legali suffiċjenti fir-Regolamenti bażiċi, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 jistgħux legalment ikunu l-bażi tar-Regolament kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 154 sa 157 tas-sentenza appellata, fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità li Jiangsu Seraphim kienet qajmet fil-konfront ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
32 |
Għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-kuntest tal-eżami fil-mertu tal-motiv uniku mqajjem fil-kuntest tar-rikors li kienet adita bih, dwar l-istruttura ġenerali tar-Regolamenti bażiċi, il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-eċċezzjoni ta’ illegalità u, għaldaqstant, ikkonkludiet, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu inapplikabbli f’dan il-każ. |
33 |
Għaldaqstant, fil-punt 160 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv uniku mqajjem fil-kuntest tar-rikors li kienet adita bih u, konsegwentement, annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appelli
34 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑439/20 P, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
35 |
Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑441/20 P, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
36 |
Jiangsu Seraphim titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
37 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2021, il-Kawżi C‑439/20 P u C‑441/20 P ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza. |
Dwar l-appelli
38 |
Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑439/20 P, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tqajjem erba’ aggravji, li jikkoinċidu, fil-parti l-kbira, maż-żewġ aggravji li l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqajjem insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑441/20 P. Għalhekk, f’dan ir-rigward, dawn l-aggravji għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
39 |
L-ewwel aggravji mqajma fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat ammissibbli, l-ewwel, ir-rikors li kienet adita bih u, it-tieni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu Seraphim. It-tieni u t-tielet aggravju mqajma fil-kuntest tal-Kawża C‑439/20 P u l-ewwel parti tat-tieni aggravju mqajjem fil-kuntest tal-Kawża C‑441/20 P huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolamenti bażiċi ma kinux jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. Ir-raba’ aggravju mqajjem fil-kuntest tal-Kawża C‑439/20 P u t-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem fil-kuntest tal-Kawża C‑441/20 P huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 597/2009 sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jawtorizzaw lill-Kunsill jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-impenji li tinkludi l-invalidazzjoni tal-fatturi kkonċernati. |
Fuq l‑ewwel aggravji
L‑argumenti tal‑partijiet
40 |
Permezz tal-ewwel aggravji mqajma fil-kuntest tal-Kawżi C‑439/20 P u C‑441/20 P, li huma artikolati f’żewġ partijiet, l-istituzzjonijiet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li, l-ewwel, ir-rikors li kienet adita bih u, it-tieni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu Seraphim fil-kuntest ta’ dan ir-rikors kienu ammissibbli. |
41 |
Permezz tal-ewwel parti ta’ dawn l-ewwel aggravji, li tinkludi żewġ ilmenti, l-istituzzjonijiet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li Jiangsu Seraphim kienet direttament ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, u li din kellha interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament ta’ dan l-Artikolu 2. |
42 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment, dwar il-punti 37, 38, 44 u 45 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq l-aspett li Jiangsu Seraphim ma kinitx direttament ikkonċernata mill-imsemmi Artikolu 2, l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li ma hijiex Jiangsu Seraphim, bħala produttur-esportatur, iżda fil-fatt Seraphim Solar System GmbH, bħala importatur relatat, li wettqet id-dikjarazzjonijiet doganali li jikkonċernaw il-prodotti li għalihom il-fatturi maħruġa minn Jiangsu Seraphim ġew invalidati minn dan ir-regolament u li hija għalhekk debitriċi tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji dovuti b’konsegwenza tal-invalidazzjoni ta’ dawn il-fatturi. Konsegwentement, is-sitwazzjoni legali ta’ Jiangsu Seraphim, bħala produttur-esportatur, ma ġietx emendata bl-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. Għalhekk, sa fejn il-punti 37, 38 u 44 tas-sentenza appellata għandhom jinftiehmu fis-sens li s-sitwazzjoni legali ta’ din il-kumpannija tal-aħħar inbidlet jew li tali produttur-esportatur huwa dejjem direttament ikkonċernat minn regolament li jirtira impenn u jinvalida l-fatturi korrispondenti, din il-konstatazzjoni hija żbaljata u ma għandha ebda bażi fil-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti. |
43 |
Fit-tieni lok, permezz ta’ lment imqajjem sussidjarjament u li jirrigwarda l-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, l-istituzzjonijiet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ liġi sa fejn din iddeċidiet li Jiangsu Seraphim kellha interess ġuridiku kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
44 |
L-ewwel, skont l-istituzzjonijiet, fil-punt 47 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċetti ta’ “locus standi” u ta’ “interess ġuridiku”. Dan il-punt ta’ motivi huwa bbażat, barra minn hekk, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li r-rikorrenti għandha tkun direttament ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u fuq analoġija skorretta mal-każ ta’ regolament tal-Kummissjoni li jirtira l-aċċettazzjoni ta’ impenn u li jistabbilixxi drittijiet għall-futur. |
45 |
Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill stabbilixxa dazji fil-mument stess meta l-Kummissjoni aċċettat l-impenn ikkonċernat. Minn dan isegwi li jekk Jiangsu Seraphim riedet tikkontesta l-istabbiliment ta’ dawn id-dazji, hija kellha tippreżenta rikors kontra r-regolamenti tal-Kunsill ikkonċernati minflok ma tikkontesta biss l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi korrispondenti u l-ġbir tad-dazji li jikkonċernaw operatur ekonomiku ieħor, minkejja li ebda waħda minn dawn il-fatturi ma kienet tbiddel is-sitwazzjoni legali tagħha. |
46 |
It-tieni, skont l-istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, impliċitament interpretat il-kunċett ta’ “interess ġuridiku”, kuntrarjament għall-ġurisprudenza, bħallikieku kien biżżejjed li jintwera sempliċi vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-fatt li r-rikors ippreżentat jirnexxi, meta l-benefiċċju rilevanti għandu jkun jista’ jiġi vverifikat fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, ma ġiet prodotta ebda prova minn Jiangsu Seraphim ta’ xi effett tal-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż fuq ir-relazzjoni kummerċjali tagħha ma’ Seraphim Solar System. Barra minn hekk, dan l-annullament ma għandux effett ġuridiku fuq l-eżistenza tad-dejn doganali ta’ din il-kumpannija tal-aħħar. |
47 |
Permezz tat-tieni parti tal-imsemmija l-ewwel aggravji, li tirrigwarda l-punti 57 sa 64 tas-sentenza appellata, l-istituzzjonijiet jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità, li Jiangsu Seraphim kienet qajmet fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet koperti mill-eċċezzjoni ta’ illegalità”), kienet ammissibbli. |
48 |
L-istituzzjonijiet isostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li Jiangsu Seraphim ma setgħetx titlob l-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li għalhekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinitx “prekluża”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), milli tqajjem din l-eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, mis-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑205/16 P, EU:C:2017:840), u tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258), isegwi, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li Jiangsu Seraphim ma setgħetx titqies li kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-imsemmija dispożizzjonijiet u li hija ma kellhiex interess ġuridiku fil-kuntest tar-rikors għal annullament li kienet adita bih. |
49 |
Fit-tieni lok, l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità huma inseparabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013. Issa, meta diversi artikoli jew, bħal f’dan il-każ, id-dispożittiv kollu ta’ att tal-Unjoni ma jistgħux jiġu sseparati, l-ilmenti kollha li jikkontestaw il-legalità ta’ dan l-att għandhom jitqajmu waqt il-kontestazzjoni tal-imsemmi att fl-intier tiegħu. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet biss fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħetx tikkontesta d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità li hija kienet qajmet. Fil-fatt, Jiangsu Seraphim setgħet tikkontesta r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 kollha, li huwa l-kriterju rilevanti f’dan il-kuntest, billi tinvoka, f’dan il-kuntest, l-illegalità ta’ kull dispożizzjoni speċifika tagħhom. Għaldaqstant, peress li ma kkontestatx dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors li kien mogħti lilha, Jiangsu Seraphim kienet prekluża milli tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità f’dan ir-rigward. |
50 |
Fit-tielet lok u sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-istess eċċezzjoni ta’ illegalità kienet ammissibbli, sa fejn, peress li d-dispożizzjonijiet imsemmija minn din tal-aħħar ma kinux separabbli mill-kumplament tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013, Jiangsu Seraphim ma setgħetx tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward biss tad-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità, iżda kellha tqajjem din tal-aħħar fir-rigward ta’ dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni kollha, “f’pakkett”. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità ma jikkostitwixxux dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali, iżda deċiżjonijiet individwali fil-konfront ta’ Jiangsu Seraphim. |
51 |
Fir-raba’ lok u b’mod dejjem sussidjarju, skont l-istituzzjonijiet, il-motiv uniku mqajjem fl-ewwel istanza huwa ineffettiv sa fejn huwa dirett kontra dispożizzjonijiet li ma jikkostitwixxux il-bażi legali tar-Regolament kontenzjuż. Dan ir-regolament huwa, fil-fatt, ibbażat fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku antidumping u fuq l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Barra minn hekk, skont l-istituzzjonijiet, jidher li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Jiangsu Seraphim ma kinitx prekluża milli tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE wara interpretazzjoni żbaljata tal-motiv uniku mqajjem minnha, fis-sens li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza sostniet li r-Regolament kontenzjuż stess kien jikser id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti bażiċi. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet manifestament ultra petita. |
52 |
Jiangsu Seraphim issostni li l-ewwel aggravji mqajma fil-kuntest tal-Kawżi C‑439/20 P u C‑441/20 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
53 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li jkun irrikonoxxut il-locus standi tagħha, li jeżisti f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat bil-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravji mqajma fil-kuntest tal-Kawżi C‑439/20 P u C‑441/20 P, l-istituzzjonijiet jikkontestaw, fl-ewwel lok, l-analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 37, 38, 44 u 45 tas-sentenza appellata, billi jeżaminaw l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet, jiġifieri fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kinitx direttament ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
55 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li din id-deċiżjoni, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 83). |
56 |
F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet isostnu, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, ma hijiex, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod partikolari, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, Jiangsu Seraphim, bħala produttur-esportatur, li hija direttament ikkonċernata, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ‘il fuq, mill-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, iżda Seraphim Solar System, bħala importatur relatat, sa fejn hija din tal-aħħar li wettqet id-dikjarazzjonijiet doganali meħtieġa u li hija debitriċi tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji dovuti bħala konsegwenza tal-invalidazzjoni tal-fatturi inkwistjoni. |
57 |
Minn ġurisprudenza stabbilita, li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punt 12), isegwi li r-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping, minkejja li għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment lil dawk il-produtturi u esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping bl-użu ta’ data li toriġina mill-attività kummerċjali tagħhom. Dan huwa l-każ, b’mod ġenerali, tal-impriżi produtturi u esportaturi li jistgħu juru li dawn ġew identifikati fl-atti tal-istituzzjonijiet jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (ara, l-aħħar, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li impriża ma tistax titqies bħala direttament ikkonċernata minn regolament li jistabbilixxi dazju antidumping sempliċement minħabba l-kwalità tagħha ta’ produttriċi tal-prodott suġġett għall-imsemmi dazju, peress li, f’dan ir-rigward, il-kwalità ta’ esportatriċi hija essenzjali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stess iċċitata fil-punt preċedenti jsegwi li l-inċidenza diretta, minn regolament li jistabbilixxi dazji antidumping, ta’ ċerti produtturi u esportaturi tal-prodott inkwistjoni hija dovuta b’mod partikolari għall-fatt li l-prattiki ta’ dumping huma imputati lilhom. Madankollu, produttur li ma jesportax il-produzzjoni tiegħu fis-suq tal-Unjoni, iżda sempliċement ibiegħha fis-suq nazzjonali tiegħu, ma tistax tiġi imputata lilu prattika ta’ dumping (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 74). |
59 |
B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li Jiangsu Seraphim hija kemm produttriċi kif ukoll esportatriċi tal-prodotti koperti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013. |
60 |
Fit-tieni lok, Jiangsu Seraphim ġiet identifikata fl-Anness I tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013, li stabbilixxew id-dazju antidumping definittiv u d-dazju kumpensatorju definittiv li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, fl-anness tad-Deċiżjoni Nru 2013/423, li permezz tagħha l-Kummissjoni aċċettat l-impenn tal-prezz kopert minn din it-tilwima, fl-anness tad-Deċiżjoni Nru 2013/707, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonfermat tali aċċettazzjoni, kif ukoll fl-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż, li permezz tiegħu l-Kummissjoni rtirat din l-aċċettazzjoni sa fejn din tirrigwarda, b’mod partikolari, lil Jiangsu Seraphim. |
61 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn ikkonċernat, stabbilit mir-Regolament kontenzjuż, u li minnu jirriżulta li Jiangsu Seraphim ma tibbenefikax iktar mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, jipproduċi effetti paragunabbli, fuq is-sitwazzjoni legali tal-produtturi-esportaturi kkonċernati, għall-effetti tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu d-dazji inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni legali tal-produtturi-esportaturi kkonċernati. Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali produtturi-esportaturi jistgħu jitqiesu bħala direttament affettwati mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti. |
62 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż jipprevedi li l-fatturi konformi maħruġa minn Jiangsu Seraphim u elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament huma invalidati u, konsegwentement, li d-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi għandhom jinġabru fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija minn dawn il-fatturi, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza appellata. |
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet ipproduċew direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Jiangsu Seraphim, sa fejn dawn neċessarjament jaffettwaw tranżazzjonijiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza hija parti għalihom u r-relazzjonijiet kuntrattwali li jirregolawhom. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ma kkontestawx il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li saret ukoll fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jħallu ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet doganali nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-invalidazzjoni tal-fatturi inkwistjoni u l-ġbir tad-dazji dovuti f’dan ir-rigward. |
64 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li Jiangsu Seraphim kienet direttament ikkonċernata mill-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
65 |
Barra minn hekk, sa fejn l-istituzzjonijiet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li Jiangsu Seraphim kellha interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament ta’ dan l-Artikolu 2, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors għalhekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 91). |
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li ma huwiex eskluż, anki jekk dawn huma kundizzjonijiet distinti, li ċerti fatturi jew elementi jistgħu juru kemm il-locus standi ta’ rikorrent kontra att tal-Unjoni kif ukoll, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ wieħed mill-kriterji ta’ din il-kwalità, bħall-fatt li persuna tkun ikkonċernata direttament minn dan l-att, u l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ dan ir-rikorrent kontra dan l-att. |
67 |
Għalhekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, essenzjalment, l-istess fatturi sabiex tiddetermina jekk kienx hemm interess ġuridiku ta’ Jiangsu Seraphim u fir-rigward tal-kwistjoni, diskussa fil-punti 57 sa 63 ta’ din is-sentenza, dwar jekk l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż kienx jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, jiġifieri l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi maħruġa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, konsegwentement, il-ġbir tad-dazji fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn il-fatturi, mingħajr ma jkun jista’ jiġi konkluż f’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-istituzzjonijiet, li hemm żball ta’ liġi bbażat fuq l-aspett li l-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċetti ta’ “locus standi” u ta’ “interess ġuridiku” jew li din ibbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-att li huwa s-suġġett tar-rikors, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
68 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma kkonstata l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis li l-invalidazzjoni tal-fatturi maħruġa minn Jiangsu Seraphim u l-ordni li jinġabru d-dazji definittivi dovuti għat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn il-fatturi jikkostitwixxu fatturi legali dannużi għar-rikorrenti fl-ewwel istanza, bħala produttur-esportatur tal-prodotti kkonċernati, li l-eliminazzjoni tagħhom għalhekk tagħti benefiċċju lil din tal-aħħar, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza. |
69 |
Minn dan isegwi li, indipendentement mill-fatt dwar jekk jew sa fejn il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali semmiet fil-punt 47 tas-sentenza appellata hija rilevanti f’din il-kawża, din setgħet, ġustament, tikkonkludi, fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, li Jiangsu Seraphim kellha interess ġuridiku għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
70 |
Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-ilment imqajjem mill-istituzzjonijiet ibbażat fuq l-aspett li d-dazji inkwistjoni fil-fatt diġà ġew stabbiliti fl-aċċettazzjoni tal-impenn ikkonċernat, peress li, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tal-interess ġuridiku, għandu jiġi ddeterminat jekk tali interess, u għalhekk, b’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni dannuża li r-rikors ippreżentat huwa intiż li jikkumpensa, jippersistix u għadux jeżisti, fi kwalunkwe każ, fid-data tal-preżentata tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 50, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 92). |
71 |
Fl-aħħar, sa fejn l-istituzzjonijiet jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 48 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, indikat hija stess, li dan il-punt jistabbilixxi biss aggravju superfluwu. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il‑Parlament, C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravji mqajma fil-kuntest tal-Kawżi C‑439/20 P u C‑441/20 P għandha tiġi miċħuda. |
73 |
Permezz tat-tieni parti ta’ dawn l-ewwel aggravji, l-istituzzjonijiet jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 57 sa 64 tas-sentenza appellata, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu Seraphim, fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, kienet ammissibbli. |
74 |
Sa fejn l-istituzzjonijiet isostnu, fl-ewwel lok, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), li Jiangsu Seraphim ma setgħetx tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità wara l-adozzjoni tagħhom, b’tali mod li r-rikorrenti fl-ewwel istanza għalhekk ma kinitx tkun “prekluża”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, milli tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza, għandu jiġi nnotat, minkejja li l-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll, b’mod partikolari fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza setgħetx titqies li kienet direttament u, skont il-każ, individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità, li, mill-Artikolu 64 tas-sentenza appellata isegwi, b’mod partikolari, li din ikkonkludiet li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità kienet ammissibbli għar-raġuni li Jiangsu Seraphim ma kellhiex interess ġuridiku kontra dawn id-dispożizzjonijiet direttament wara l-adozzjoni tagħhom. |
75 |
Għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013 kienu jikkostitwixxu eżenzjonijiet favur Jiangsu Seraphim, fis-sens li l-prodotti inkwistjoni, importati fl-Unjoni, ma kinux suġġetti għall-ħlasijiet tad-dazji antidumping u kumpensatorji definittivi, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet previsti fl-impenji jiġu ssodisfatti. |
76 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, li dawn id-dispożizzjonijiet kienu intiżi biss sabiex jagħtu lill-Kummissjoni d-dritt li tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenji konkreti u li tinvalida fatturi konformi korrispondenti, b’tali mod li l-effetti sfavorevoli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jimmanifestaw ruħhom biss permezz ta’ miżuri partikolari futuri, jiġifieri, b’mod partikolari, l-irtirar mill-Kummissjoni tal-aċċettazzjoni ta’ impenn mogħti, kif ukoll, sussegwentement, l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi korrispondenti u l-ġbir tad-dazji dovuti għat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett tagħhom. |
77 |
Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tqis essenzjalment, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li, fid-data tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità jew direttament wara din l-adozzjoni, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal Jiangsu Seraphim baqgħet ipotetika u l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza ma setax ikun ibbażat fuq din is-sempliċi possibbiltà, peress li, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, tali interess għandu jkun imnissel u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 92). |
78 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ att tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-validità tal-atti istituzzjonali preċedenti li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti tal-aħħar, li hija għaldaqstant tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punt 39, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 67). |
79 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ att hija neċessarjament suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrent li jinvokaha ma kellux id-dritt li jippreżenta rikors dirett intiż għall-annullament ta’ dan l-att (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA, C‑601/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1048, punt 27). |
80 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, ġustament, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas li seta’ jkollha interess ġuridiku kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità direttament wara l-adozzjoni tagħhom, Jiangsu Seraphim ma setgħetx tiġi “prekluża” milli tqajjem din l-eċċezzjoni ta’ illegalità fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza. |
81 |
L-eventwali konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi li jivvizzja l-punt 63 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità ma kellhomx in-natura ta’ deċiżjoni individwali iżda ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali, ma tistax ixxejjen din il-konklużjoni. Għaldaqstant, l-ewwel ilment imqajjem insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravji għandu jiġi miċħud. |
82 |
Sa fejn l-istituzzjonijiet isostnu, fit-tieni lok u sussidjarjament, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza ammissibbli, filwaqt li kellha tikkonstata li d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità kienu inseparabbli mill-kumplament tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 u li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità kellha titqajjem fir-rigward ta’ dawn ir-regolamenti ta’ implementazzjoni kollha, għandu jiġi rrilevat li l-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), li l-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, kienet qajmet fl-ewwel istanza, kien ibbażat fuq l-iskadenza tat-terminu għal rikors previst fl-Artikolu 263 TFUE, u mhux fuq iċ-ċirkustanza li dawn id-dispożizzjonijiet huma inseparabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-imsemmija regolamenti ta’ implimentazzjoni. |
83 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ilment li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tkun ħadet konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il‑Kummissjoni, C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punti 37 u 38). |
84 |
Għaldaqstant, l-ilment tal-istituzzjonijiet ibbażat fuq iċ-ċirkustanza li d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-eċċezzjoni ta’ illegalità huma inseparabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dan l-ilment tqajjem għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appelli. |
85 |
Fit-tielet lok, huwa inammissibbli għall-istess motivi l-ilment, invokat ukoll sussidjarjament, ibbażat fuq l-aspett li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fl-ewwel istanza minn Jiangsu hija ineffettiva sa fejn hija diretta kontra dispożizzjonijiet li ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tar-Regolament kontenzjuż. |
86 |
Sa fejn l-istituzzjonijiet isostnu, fl-aħħar lok u b’mod iktar sussidjarju, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar din l-eċċezzjoni ta’ illegalità billi pproċediet għal interpretazzjoni żbaljata tal-motiv uniku mqajjem fl-ewwel istanza, fis-sens li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti sostniet li r-Regolament kontenzjuż kien jikser direttament id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti bażiċi, filwaqt li r-rikors fl-ewwel istanza ma jinkludix dan il-motiv, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-kliem ta’ dan ir-rikors isegwi li dan il-motiv kien espliċitament ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll tal-Artikolu 13(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, u li l-imsemmi motiv uniku kien ikkombinat ma’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013. |
87 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
88 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravji mqajma fil-kuntest tal-Kawżi C‑439/20 P u C‑441/20 P għandha tiġi miċħuda. |
89 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, hemm għalhekk lok li dawn l-ewwel aggravji jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑439/20 P u fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑441/20 P
L‑argumenti tal‑partijiet
90 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑439/20 P u permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑441/20 P, l-istituzzjonijiet jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, wettqet, fil-punti 115 sa 152 tas-sentenza appellata, żbalji ta’ liġi meta qieset li r-Regolamenti bażiċi ma kinux jikkostitwixxu bażijiet legali suffiċjenti għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, li jirrigwarda l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi ta’ Jiangsu Seraphim kif ukoll il-ġbir tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji dovuti fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f’ċirkulazzjoni libera msemmija minn dawn il-fatturi. |
91 |
B’mod partikolari, permezz tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑439/20 P u permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑441/20 P, l-istituzzjonijiet jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 119, 129 sa 132, 138, 140 sa 147 u 151 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi sa fejn ikklassifikat il-ġbir ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet ikkonċernati bħala “retroattiv”. |
92 |
Skont l-istituzzjonijiet, l-ewwel, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-ipoteżi li dawn id-dazji kienu jinġabru “retroattivament”, minkejja li din l-ipoteżi hija l-bażi ta’ dawn il-punti tas-sentenza appellata u hija “fil-qalba” tal-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 128 sa 138 ta’ dik is-sentenza, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti bażiċi. |
93 |
It-tieni, billi kklassifikat il-ġbir tad-dazji inkwistjoni bħala “retroattiv”, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping, kif ukoll tal-Artikolu 13(10) u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għall-ġbir tad-dazji fuq importazzjonijiet ikkunsidrati bħala li jiksru l-impenn ikkonċernat. |
94 |
F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li l-kwistjoni ma hijiex dwar meta dazju jinġabar fuq l-importazzjoni kkonċernata, iżda dwar jekk din l-importazzjoni ġietx irrilaxxata f’ċirkulazzjoni libera wara l-impożizzjoni ta’ dan id-dazju. Għalhekk, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġbir tal-imsemmi dazju huwiex retroattiv huwa d-data li fiha l-miżura inkwistjoni ġiet stabbilita. Issa, f’dan il-każ, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013 isegwi b’mod ċar li d-dazji fuq l-importazzjonijiet inkwistjoni ġew stabbiliti fl‑2013, jiġifieri qabel ir-rilaxx f’ċirkulazzjoni libera ta’ dawn l-importazzjonijiet, koperti mill-fatturi konformi invalidi. Ir-Regolament kontenzjuż ta lok biss għall-ġbir ta’ dawn id-dazji. |
95 |
Permezz tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑439/20 P, l-istituzzjonijiet jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 119, 129 sa 138, 140 sa 147 u 151 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1), (9) u (10) u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll l-Artikolu 13(1), (9) u (10) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, sa fejn din qieset li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux applikabbli għal dan il-każ. Il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, warrbet l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet adottata mill-istituzzjonijiet. |
96 |
Qabelxejn, skont l-istituzzjonijiet, l-istess dispożizzjonijiet, kif emendati bir-Regolament Nru 461/2004, jikkostitwixxu, fir-realtà, bażi legali suffiċjenti għall-ġbir ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet fejn ġie kkonstatat li dawn kienu jiksru l-impenn ikkonċernat. Il-Qorti Ġenerali injorat kompletament, fil-punti 115 sa 118 tas-sentenza appellata, li, wara tali emenda, jiġi stabbilit dazju definittiv mal-aċċettazzjoni tal-impenn inkwistjoni, u mhux biss ladarba dan l-impenn ikun ġie rtirat. Għaldaqstant, dawn id-dazji ma ġewx stabbiliti retroattivament. |
97 |
Skont l-istituzzjonijiet, il-punt 119 tas-sentenza appellata huwa, b’mod partikolari, ivvizzjat b’żewġ żbalji ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-ġbir ta’ dazji fuq importazzjonijiet li kisru l-impenn inkwistjoni kien limitat għaż-żewġ ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 8(10) u fl-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll fl-Artikolu 13(10) u fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
98 |
Skont l-istituzzjonijiet, l-ewwel, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji, jiġifieri, kuntrarjament għal dak li jipprevedi r-Regolament kontenzjuż, il-ġbir ta’ dazji fuq importazzjonijiet irrilaxxati f’ċirkulazzjoni libera qabel l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi. It-tieni, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-emenda leġiżlattiva li seħħet fl‑2004. Fil-fatt, iż-żewġ ipoteżijiet previsti jirrigwardaw biss is-sitwazzjoni li fiha dazju definittiv ma kienx ġie stabbilit mill-Kunsill fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-impenn inkwistjoni. |
99 |
L-istituzzjonijiet iqisu, sussegwentement, li l-premessi tar-Regolamenti bażiċi li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punti 132 sa 137 tas-sentenza appellata huma irrilevanti. Kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 144 ta’ dik is-sentenza, huma l-premessi 18 u 19 tar-Regolament Nru 461/2004 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji biss wara l-ksur jew l-irtirar ta’ impenn u dwar l-impożizzjoni retroattiva ta’ dawn id-dazji ma jillimitawx il-ġbir ta’ dazji preċedentement stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li fir-rigward tagħhom kien ġie kkonstatat li dawn ma kinux josservaw il-kundizzjonijiet formali jew materjali tal-impenn ikkonċernat. |
100 |
Fl-aħħar, il-konstatazzjonijiet magħmula, b’mod partikolari, mill-Qorti Ġenerali fil-punti 141, 145 u 146 tas-sentenza appellata huma żbaljati. |
101 |
Jiangsu Seraphim issostni li l-Qorti Ġenerali, ġustament, eskludiet l-interpretazzjoni invokata mill-istituzzjonijiet u li l-motivi mqajma minn dawn tal-aħħar għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati. |
102 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, skont Jiangsu Seraphim, ir-Regolament kontenzjuż jimponi dazji retroattivament, u għalhekk imur lil hinn minn dak li jippermettu r-Regolamenti bażiċi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li dawn ir-Regolamenti bażiċi ma jikkostitwixxux bażi ġuridika suffiċjenti għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament kontenzjuż. |
103 |
Min-naħa l-oħra, skont Jiangsu Seraphim, fil-każ ta’ ksur tat-termini ta’ impenn, mill-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jirriżulta li d-dazji li ma kinux japplikaw, bħala konsegwenza tal-aċċettazzjoni ta’ dan l-impenn, japplikaw awtomatikament għall-importazzjonijiet magħmula mid-data li fiha l-imsemmi impenn ikun ġie rtirat, u mhux għal importazzjonijiet preċedenti. |
104 |
Skont Jiangsu Seraphim, bħalma qieset il-Qorti Ġenerali, fis-sistema maħluqa mir-Regolamenti bażiċi, id-dazji dovuti minħabba l-ksur tal-impenji kkonċernati ma jistgħux jiġu imposti retroattivament lil hinn mil-limiti proċedurali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll tal-Artikolu 13(10) u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Id-dritt tal-Unjoni ma jawtorizza bl-ebda mod lill-Kummissjoni sabiex tinvalida l-fatturi kkonċernati u tordna lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jiġbru dazji definittivi retroattivament fuq l-importazzjonijiet preċedenti mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera fl-assenza tar-reġistrazzjoni u tal-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji. Skont Jiangsu, l-emendi magħmula fl‑2004 kellhom biss bħala għan, minn naħa, li jippermettu l-irtirar ta’ impenn u l-applikazzjoni tad-dazju kkonċernat permezz ta’ att ġuridiku wieħed, billi temmew il-“proċedura doppja oneruża fis-seħħ preċedentement” li kienet tipprevedi l-intervent kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Kunsill, u, min-naħa l-oħra, li jiffissaw termini vinkolanti għall-għeluq tal-investigazzjonijiet dwar ksur preżunt tal-impenji kkonċernati. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
105 |
It-tieni u t-tielet aggravji fil-Kawża C‑439/20 P u l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑441/20 P huma diretti kontra l-motivi tas-sentenza appellata, li jinsabu fil-punti 115 sa 152 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali laqgħet fil-mertu l-uniku motiv imqajjem minn Jiangsu Seraphim insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, intiż sabiex turi li, permezz tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kisret, minn naħa, l-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament bażiku antidumping u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 13 u 16 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi invalidat l-fatturi konformi u ordnat il-ġbir tad-dazji dovuti fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx f’ċirkulazzjoni libera dwar l-importazzjonijiet koperti minn dawn il-fatturi. |
106 |
Permezz tal-ilmenti li l-istituzzjonijiet iqajmu insostenn ta’ dawn il-motivi u din il-parti, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, wettqet interpretazzjoni żbaljata tar-Regolamenti bażiċi, b’mod partikolari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fil-kuntest tagħhom, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, billi kklassifikat b’mod żbaljat il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż bħala “retroattivi”, li dawn ma kinux jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jadottaw dawn il-miżuri b’konsegwenza tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn ikkonċernat. |
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tasal għall-konklużjoni li tinsab fil-punt 152 tas-sentenza appellata, skont liema r-Regolamenti bażiċi ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet legali suffiċjenti għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, qieset, fil-punti 115 sa 119 tas-sentenza appellata, li, peress li l-każ inkwistjoni kien jikkonċerna, fil-fehma tagħha, l-impożizzjoni tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji li kienu jkunu dovuti fl-assenza ta’ impenn li sadanittant inkiser, dan il-każ la kien irregolat mill-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(10) tar-Regolamenti bażiku kontra s-sussidji, u lanqas mill-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, b’tali mod li dawn is-sitwazzjonijiet ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-ipoteżijiet espressament previsti mir-Regolamenti bażiċi, u li kellu jiġi eżaminat jekk ma kienx hemm bażi legali oħra għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
108 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eskludiet, fil-punti 130 sa 138 tas-sentenza appellata, li dan seta’ jkun il-każ, peress li mill-istruttura u mill-għanijiet tar-Regolamenti bażiċi, u b’mod partikolari mill-premessi ta’ dawn tal-aħħar, kien isegwi, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirregola b’mod espliċitu, fir-Regolamenti bażiċi, il-modalitajiet li bihom, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, l-istituzzjonijiet kellhom is-setgħa li jimponu retroattivament id-dazji dovuti u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ dawn ir-regolamenti kienu jelenkaw, b’mod limitattiv, is-sitwazzjonijiet li fihom kienet awtorizzata tali impożizzjoni retroattiva. |
109 |
Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, b’mod partikolari, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza appellata, li din is-setgħa la tista’ tkun ibbażata fuq it-termini tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li jipprovdu li d-dazji japplikaw awtomatikament wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenji, u lanqas fuq it-termini tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, sa fejn l-“elementi l-oħra” tal-ġbir tad-dazji huma msemmija fih. |
110 |
Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 139 sa 151 tas-sentenza appellata, li ebda wieħed mill-ilmenti l-oħra mqajma mill-istituzzjonijiet, bħal dak ibbażat fuq kontroll u fuq sanzjoni effikaċi tal-impenji kkonċernati, ma kien ta’ natura li jbiddel din l-evalwazzjoni. |
111 |
Sabiex jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali adottat b’dan il-mod tar-Regolamenti bażiċi hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, permezz tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni, l-ewwel, fl-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, irtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn ikkonċernat, konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku antidumping u mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, u, it-tieni, mal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, siltet il-konsegwenzi ta’ dan l-irtirar billi invalidat il-fatturi konformi kkonċernati u ordnat il-ġbir tad-dazji antidumping u tad-dazji kumpensatorji dovuti fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera dwar it-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn il-fatturi. |
112 |
Peress li l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat għalhekk jirrigwarda l-konsegwenzi jew l-effetti ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn u peress li din il-kwistjoni hija speċifikament imsemmija fl-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, għandha tiġi eżaminata l-legalità ta’ dan l-Artikolu 2, fl-ewwel lok, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li r-Regolament kontenzjuż jippreżenta, barra minn hekk, bħala l-bażi legali għall-adozzjoni tiegħu. |
113 |
Bħalma l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret fil-punt 131 tas-sentenza appellata, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
114 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li mill-kliem tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jsegwi li, fil-każ, b’mod partikolari, tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn mill-Kummissjoni, id-dazju antidumping jew id-dazju kumpensatorju definittivi stabbiliti konformement mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku antidumping u mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, rispettivament, bħalma huma d-dazji stabbiliti f’din il-kawża mill-Artikoli 1 tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013, “japplika[w] awtomatikament”. |
115 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, jiġifieri l-invalidazzjoni ta’ fatturi konformi u l-ġbir tad-dazji fir-rigward tat-tranżazzjonijiet koperti minn dawn il-fatturi, inklużi dawk li ppreċedew id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, dawn għandhom jinqraw flimkien, minn naħa, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li minnhom jsegwi li għandhom jiġu “imposti” dazji definittivi mill-Kummissjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ma’ dawk tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku antidumping u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, li jipprevedi li, “sakemm” impenn ikun għadu fis-seħħ, id-dazji definittivi “ma għandhomx japplikaw” għall-importazzjonijiet ikkonċernati. |
116 |
Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet isegwi li l-“applikazzjoni awtomatika” tad-dazju provviżorju jew definittiv kif previst fl-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, f’każ, b’mod partikolari, tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn mill-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata mhux bħala l-istabbiliment ta’ dazju ġdid, iżda bħala l-applikazzjoni tad-dazju stabbilit inizjalment, filwaqt li huwa mifhum li l-applikazzjoni ta’ dan id-dazju kienet sospiża “sakemm” l-impenn kien għadu fis-seħħ. |
117 |
Għalhekk, b’mod iktar partikolari, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dazji definittivi prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku antidumping u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, meta jiġi aċċettat impenn, u l-applikazzjoni awtomatika ta’ dawn id-dazji, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, bħala konsegwenza tal-irtirar tiegħu, ma jagħmlux riferiment għall-istabbiliment stess tal-imsemmija dazji, iżda għall-effetti tagħhom, bħalma huwa, b’mod partikolari, il-ġbir tagħhom. |
118 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, is-setgħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkarigati mill-implimentazzjoni tar-Regolamenti bażiċi li jeżiġu l-ħlas, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, tad-dazji dovuti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet koperti mill-fatturi konformi invalidati, kif jipprevedi l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, tista’ validament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
119 |
L-istess konklużjoni tapplika barra minn hekk sa fejn l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż jipprevedi l-invalidazzjoni ta’ dawn il-fatturi konformi. |
120 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, id-dazji antidumping jew id-dazji kumpensatorji għandhom jiġi imposti permezz ta’ regolament u jinġabru mill-Istati Membri skont il-forma, ir-rata u l-elementi l-oħra stabbiliti fir-regolament li jimponihom. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn din il-formulazzjoni jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux il-ħsieb li jiddetermina b’mod limitattiv l-elementi dwar il-ġbir tad-dazji antidumping li jistgħu jiġu stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punti 57 u 58). |
121 |
Issa, il-ħruġ ta’ fatturi konformi, kif ġie impost f’dan il-każ fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, ikopri l-ġbir tad-dazji antidumping jew tad-dazji kumpensatorji definittivi stabbiliti minn dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni sa fejn il-produzzjoni ta’ dawn il-fatturi tikkostitwixxi kundizzjoni għall-eżenzjoni prevista fl-imsemmija artikoli. Barra minn hekk, l-imsemmija fatturi jservu wkoll sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati meta l-ġbir ta’ dawn id-dazji jiġi ordnat bħala konsegwenza tal-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn inkwistjoni. |
122 |
Konsegwentement, il-ħruġ tal-fatturi konformi jaqa’, kif isostnu l-istituzzjonijiet, taħt ir-rekwiżiti li jistgħu jistabbilixxu dawn tal-aħħar, f’regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jew dazji kumpensatorji, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
123 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tas-setgħa li ssir l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi, din konsegwentement tappartjeni lill-istituzzjonijiet taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet. |
124 |
Għalhekk, meta l-Kummissjoni tislet, permezz ta’ att adottat abbażi tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, il-konsegwenzi tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, xejn ma jipprekludi, kuntrarjament għal dak li ssuġġeriet il-Qorti Ġenerali fil-punti 137 u 138 tas-sentenza appellata, li dik l-istituzzjoni tipproċedi, permezz ta’ dan l-att, għall-invalidazzjoni tal-fatturi konformi kkonċernati minn dan l-impenn, bħala kundizzjoni formali qabel il-ġbir tad-dazji fuq it-tranżazzjonijiet koperti minn dawn il-fatturi. |
125 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li r-raġunament espost fil-punti 130 sa 138 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi sa fejn huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż japplika b’mod retroattiv, sa fejn jipprevedi, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn meħud minn Jiangsu Seraphim, l-invalidazzjoni tal-fatturi konformi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u l-ħlas tad-dazji antidumping u kumpensatorji fuq it-tranżazzjonijiet koperti minn dawn il-fatturi. |
126 |
Għandu jitfakkar li, b’differenza għar-regoli proċedurali li ġeneralment huma meqjusa li japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom isegwi b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
127 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt il-liġi l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
128 |
F’dak li jirrigwarda r-Regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat, bħalma jsegwi mill-punti 113 sa 118 ta’ din is-sentenza u bħalma enfasizzaw ġustament l-istituzzjonijiet, li dan ma stabbilixxiex dazji ġodda fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, iżda applika d-dazji stabbiliti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1238/2013 u 1239/2013, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dazji kienet biss sospiża sakemm l-impenn meħud minn Jiangsu Seraphim kien għadu fis-seħħ, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, u dan konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku antidumping u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
129 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż għalhekk jinkludi applikazzjoni għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, iktar milli applikazzjoni retroattiva għal sitwazzjoni miksuba qabel din id-data, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 126 u 127 ta’ din is-sentenza. |
130 |
Huwa wkoll ivvizzjat bi żball ta’ liġi l-argument tal-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li jgħid li, minn naħa, l-Artikolu 8(10) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 13(10) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jipprekludu l-eżistenza tas-setgħa tal-Kummissjoni li tinvalida fatturi konformi u li teżiġi, b’mod allegatament retroattiv, il-ħlas tad-dazji fuq it-tranżazzjonijiet ikkonċernati, għar-raġuni li dawn id-dispożizzjonijiet jidentifikaw b’mod limitattiv is-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dazji jistgħu jiġu applikati b’mod retroattiv. |
131 |
Fil-fatt, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-miżuri adottati fl-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż ma għandhomx portata retroattiva, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 129 ta’ din is-sentenza. |
132 |
Min-naħa l-oħra, ġie kkonstatat, fil-punti 115 sa 118 ta’ din is-sentenza, li tali setgħa tista’ validament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping u fuq l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
133 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013, dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala retroattivi, sa fejn huma stabbilixxew dazji antidumping u dazji kumpensatorji fir-rigward tal-importazzjonijiet imwettqa, bi ksur tal-impenn ikkonċernat, wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, u pprevedew, permezz tal-annullament tal-fatturi konformi, il-ġbir ta’ dawn id-dazji fil-futur b’konsegwenza u fl-ipoteżi ta’ tali ksur u tal-irtirar ta’ dan l-impenn. |
134 |
Minn dan isegwi li s-sentenza appellata hija wkoll ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod partikolari fil-punti 132 sa 139 ta’ din is-sentenza, fuq ir-retroattività tar-Regolament kontenzjuż jew fuq dik tar-regolamenti ta’ implementazzjoni msemmija iktar ’il fuq sabiex tikkonkludi li mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-istruttura ġenerali tar-Regolamenti bażiċi jsegwi li dawn ma setgħux jikkostitwixxu bażi legali għall-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
135 |
Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma essenzjalment enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolamenti bażiċi hija kkorroborata mill-fatt li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 151 tas-sentenza appellata, fl-assenza ta’ possibbiltà li jinġabru, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, id-dazji antidumping u d-dazji kumpensatorji fir-rigward tal-importazzjonijiet kollha li jkunu saru bi ksur ta’ dan l-impenn, tali ksur ma jwassalx għal konsegwenzi gravi biżżejjed sabiex jiġu żgurati l-osservanza u l-eżekuzzjoni korretta tal-impenji meħuda mill-produtturi-esportaturi, li għalhekk jippreġudika l-effikaċità tas-sistemi ta’ difiża li r-Regolamenti bażiċi huma intiżi li jistabbilixxu. |
136 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-Regolamenti bażiċi ma setgħux jikkostitwixxu bażijiet legali suffiċjenti għall-adozzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż. |
137 |
Konsegwentement, hemm lok li jintlaqgħu t-tieni u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑439/20 P u l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑441/20 P u, għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑439/20 P u t-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑441/20 P, li s-sentenza appellata tiġi annullata. |
Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
138 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni. |
139 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża u li għandha tingħata deċiżjoni fuq it-talba għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż. |
140 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, mir-risposta, minn naħa, għall-ewwel parti tal-ewwel aggravji invokati fiż-żewġ kawżi, fil-punti 53 sa 72 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, għat-tieni parti ta’ dawn l-ewwel aggravji, fil-punti 73 sa 88 ta’ din is-sentenza, isegwi li hemm lok li jiġu ddikjarati ammissibbli, essenzjalment għar-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali, kemm ir-rikors intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż li Jiangsu Seraphim ippreżentat quddiem din tal-aħħar kif ukoll l-eċċezzjoni ta’ illegalità li r-rikorrenti fl-ewwel istanza qajmet fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013. |
141 |
Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-motiv uniku mqajjem minn Jiangsu Seraphim quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż sabiex juri li, permezz tal-Artikolu 2 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kisret, minn naħa, l-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament bażiku antidumping u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 13 u 16 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi invalidat il-fatturi konformi u billi ordnat il-ġbir tad-dazji dovuti fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx f’ċirkulazzjoni libera dwar l-importazzjonijiet imsemmija minn dawn il-fatturi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat għar-raġunijiet esposti fil-punti 111 sa 135 ta’ din is-sentenza. |
142 |
Fl-aħħar, Jiangsu Seraphim, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti bażiċi, qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1238/2013 u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1239/2013. |
143 |
Jiangsu Seraphim issostni, essenzjalment, li l-Kunsill, billi aġixxa bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, u mhux bħala leġiżlatur, ma setax jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tinvalida l-fatturi konformi fuq is-sempliċi rtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn, u lanqas jordna lill-awtoritajiet doganali jiġbru d-dazji fuq il-merkanzija diġà mqiegħda f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
144 |
F’dan ir-rigward, mill-motivi esposti fil-punti 111 sa 136 ta’ din is-sentenza jsegwi li din l-interpretazzjoni ma hijiex fondata fid-dritt. |
145 |
B’mod partikolari, għar-raġunijiet indikati fil-punti 114 sa 118 ta’ din is-sentenza, mill-istruttura ġenerali tar-Regolamenti bażiċi, b’mod partikolari mill-Artikolu 8(1) u (9) tar-Regolament bażiku antidumping kif ukoll mill-Artikolu 13(1) u (9) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji jsegwi li l-Kunsill seta’ jawtorizza lill-Kummissjoni tipprevedi li, wara l-irtirar tal-aċċettazzjoni tagħha ta’ impenn u l-invalidazzjoni tal-fatturi korrispondenti, dejn doganali kellu jitnissel fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera. |
146 |
Barra minn hekk, bħalma jsegwi mir-raġunament espost fil-punti 120 sa 124 ta’ din is-sentenza, is-setgħa tal-Kunsill li jadotta d-dispożizzjonijiet koperti mill-eċċezzjoni ta’ illegalità tidħol fil-kuntest tas-setgħa li jiġu stabbiliti, fir-regolament li jimponi d-dazji antidumping jew kumpensatorji, l-“elementi l-oħra” relatati mal-ġbir ta’ dawn id-dazji, bħalma jipprevedu l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. |
147 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma minn Jiangsu Seraphim għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
148 |
Peress li la l-motiv uniku tar-rikors ippreżentat minn Jiangsu Seraphim quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma huma fondati, l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l‑ispejjeż
149 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
150 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
151 |
Peress li Jiangsu Seraphim tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri tal-appell mill-istituzzjonijiet, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.