EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0360

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
Ministerul Lucrărilor Publice, Dezvoltării şi Administraţiei vs NE.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Argeş.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal‑Unjoni Ewropea – Artikolu 325 TFUE – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn – Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Kunċett ta’ ‘frodi’ – Aġir li jikkostitwixxi ksur matul il-perijodu ta’ durabbiltà ta’ proġett.
Kawża C-360/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:856

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

14 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal‑Unjoni Ewropea – Artikolu 325 TFUE – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn – Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Kunċett ta’ ‘frodi’ – Aġir li jikkostitwixxi ksur matul il-perijodu ta’ durabbiltà ta’ proġett”

Fil-Kawża C‑360/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Argeş (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeş, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

Ministerul Lucrărilor Publice, Dezvoltării şi Administraţiei, li kien Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice

vs

NE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Passer, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, L. S. Rossi u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall‑Ministerul Lucrărilor Publice, Dezvoltării şi Administraţiei, li kien il‑Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice, minn I. Ştefan, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, L. Mantl u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”), kif ukoll tal-Artikolu 57(1) u (3) u tal-Artikolu 98 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Ġunju 2010 (ĠU 2010, L 158, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1083/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Ministerul Lucrărilor Publice, Dezvoltării şi Administraţiei (il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, għall-Iżvilupp u għall-Amministrazzjoni, ir-Rumanija), li kien imsejjaħ il-Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice (il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u għall-Amministrazzjoni Pubblika, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) kontra digriet li permezz tiegħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ddeċieda li jagħlaq il-proċeduri kriminali mnedija kontra NE dwar ksur relatat mal-ġbir indebitu ta’ fondi li ġejjin mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni PIF

3

L-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF jipprevedi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-:

a)

rigward l-infiq, kwalunkwe att jew omissjoni b’intenzjoni dwar:

l-użu jew presentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett il-misapproprjazzjoni jew iż-żamma mhux korretta ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, il-Komunitajiet Ewropej,

ma tkunx żvelata informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett,

l-applikazzjoni ħażina ta’ dawn il-fondi għall-għanijiet barra dawk li għalihom ingħataw oriġinarjament;

[…]”

Ir-Regolament Nru 1083/2006

4

Skont il-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

[…]

7)

‘irregolarità’: kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali.”

5

L-Artikolu 57(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “It-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjonijiet”, jipprovdi:

“L-Istat Membru jew l-awtorità ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li operazzjoni li tinkludi investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv tibqa’ żżomm il-kontribuzzjoni mill-Fondi biss jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin qabel it-tlestija tagħha, ma ġġarrabx modifika sostanzjali kkawżat minn bidla fid-dritt ta’ proprjetà ta’ xi element ta’ infrastruttura jew mill-waqfien ta’ xi attività produttiva u li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jew tagħti lil xi kumpannija jew korp pubbliku xi vantaġġ mhux dovut.

L-azzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-għajnuna mill-FSE għandhom jitqiesu bħala li ma żammux kontribuzzjoni biss fejn ikunu suġġetti għal obbligu għaż-żamma ta’ investiment taħt ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fejn iġarrbu modifika sostanzjali bħala riżultat tal-waqfien tal-attività produttiva fil-perjodu stabbilit f’dawk ir-regoli.

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għal tliet snin f’dawk il-każijiet li jikkonċernaw iż-żamma ta’ investiment minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju”.

3. Somom ta’ flus imħallsa b’mod mhux debitu għandhom jiġu rkuprati skond l-Artikoli 98 sa 102.

[…]”

6

L-Artikolu 98 tal-imsemmi regolament, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.   L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

Ir-riżorsi mill-fondi rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru sal‑31 ta’ Diċembru 2015 għall-programm operattiv konċernat skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

[…]

3.   Il-kontribuzzjoni li tkun tħassret skond il-paragrafu 2 ma tistax terġa’ tintuża għall-operazzjoni jew l-operazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-korrezzjoni, lanqas, fejn tkun saret korrezzjoni finanzjarja għal irregolarità sistematika, għal operazzjonijiet eżistenti li jaqgħu taħt l-assi prijoritarju fl-intier tagħhom jew parti minnhom fejn ikun saret l-irregolarità sistematiku.

4.   Fil-każ ta’ irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-inkjesti tiegħu sabiex ikopru l-operazzjonijiet li probabbilment jiġu milquta.”

Id-dritt Rumen

7

L-Artikolu 181(1) tal-legea nr. 78/2000 pentru prevenirea, descoperirea și sancționarea faptelor de corupție (il-Liġi Nru 78/2000 dwar il-Prevenzjoni, l-Identifikazzjoni u r-Repressjoni tal-Atti ta’ Korruzzjoni) tat‑8 ta’ Mejju 2000, kif emendata bil-legea nr. 187/2012 pentru punerea în aplicare a Legii nr. 286/2009 privind Codul penal (il-Liġi Nru 187/2012 dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali) (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 181(1) tal-Liġi Nru 78/2000”), jipprevedi:

“L-użu jew il-preżentazzjoni b’mala fide tad-dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, ineżatti jew inkompleti li jkollu bħala effett il-ġbir indebitu ta’ fondi li ġejjin mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew mill-baġits amministrati minnha jew f’isimha, għandu jiġi ssanzjonat b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u seba’ snin u bil-projbizzjoni ta’ ċerti drittijiet.”

8

Skont l-Artikolu 2(1)(b) tal-Ordonanța de urgență nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea şi sancţionarea neregulilor apărute în obţinerea şi utilizarea fondurilor europene şi/sau a fondurilor publice naţionale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 dwar il-Prevenzjoni, il-Konstatazzjoni u s-Sanzjoni tal-Irregolaritajiet li jirriżultaw fil-Kisba u l-Użu tal-Fondi Ewropej u/jew ta’ Fondi Pubbliċi Nazzjonali Relatati) tad‑29 ta’ Ġunju 2011:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, ‘frodi’ tfisser ir-reat imwettaq b’rabta mal-kisba jew mal-użu ta’ fondi Ewropej u/jew ta’ fondi nazzjonali relatati magħhom, issanzjonat mill-Kodiċi Kriminali jew minn liġijiet speċjali oħra.”

9

L-Artikolu 26 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“Bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn ir-regoli stabbiliti mid-donatur pubbliku internazzjonali jipprovdu mod ieħor, l-awtorità kompetenti sabiex tamministra l-fondi Ewropej għandha tinkariga ruħha li tistabbilixxi r-rapporti ta’ konstatazzjoni tal-irregolaritajiet u ta’ determinazzjoni tal-krediti tal-baġit billi tapplika l-Artikoli 20 u 21, meta:

a)

matul il-perijodu ta’ segwitu, hija tikkonstata li l-proġett ma josservax ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà/durabbiltà previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli;

b)

fi tmiem il-perijodu ta’ segwitu, hija għandha tikkonstata li l-indikaturi/għanijiet tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi Ewropej jew mill-fondi pubbliċi nazzjonali relatati magħhom ma twettqux kompletament jew twettqu parzjalment.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ proġett intitolat “Mănăstirea Cetățuia Negru Vodă – Legendă și tradiție” (il-Monasteru Cetățuia, Negru Vodă – Leġġenda u tradizzjoni). Dan il-proġett ġie kkofinanzjat minn fondi Ewropej, skont kuntratt ta’ finanzjament li l-benefiċjarja tagħhom hija l-Unitatea Administrativ Teritorială C. (it-Taqsima Amministrattiva Territorjali C., ir-Rumanija), irrappreżentata mis-sindku, NE.

11

Dan il-kuntratt kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-benefiċjarja kienet ser twettaq, mill-fondi tagħha stess, matul il-perijodu ta’ wara l-eżekuzzjoni tal-proġett, jiġifieri l-perijodu ta’ durabbiltà tal-proġett, l-istampar u d-distribuzzjoni ta’ materjal promozzjonali bħal fuljetti, kartolini, brochures, albums tar-ritratti u gwidi turistiċi, sabiex jiġi żgurat ir-reklamar tal-proġett.

12

Il-benefiċjarja ppreżentat, minn naħa, rapport dwar id-durabbiltà tal-investiment u, min-naħa l-oħra, rapport dwar id-distribuzzjoni tal-materjal promozzjonali.

13

Il-Ministeru qies li kien hemm xi inkonsistenzi bejn il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti u l-provi prodotti mill-benefiċjarja waqt kontroll fuq il-post. Minkejja li din tal-aħħar iddikjarat li wettqet u ddistribwixxiet il-materjal promozzjonali konformement mal-kuntratt, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġustifikah b’mod suffiċjenti, u għalhekk, skont il-Ministeru, nisslet suspett raġonevoli fir-rigward tal-eżattezza tad-dokumenti ppreżentati. Għalhekk, il-Ministeru jsostni li għandu indizji solidi dwar il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, ineżatti jew inkompleti.

14

Wara li ġie adit mill-Ministeru, il-Parchetul de la pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția Națională Anticorupție – Serviciul teritorial Pitești (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Direttorat Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni – Dipartiment Territorjali ta’ Pitești, ir-Rumanija) fetaħ proċedura kriminali fl‑14 ta’ Frar 2017 minħabba ksur possibbli msemmi fl-Artikolu 181(1) tal-Liġi Nru 78/2000, jiġifieri l-użu jew il-preżentazzjoni b’mala fide ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, ineżatti jew inkompleti, li jkollu bħala effett il-ġbir indebitu ta’ fondi li ġejjin mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

15

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2017, id-Direcția Națională Anticorupție – Serviciul teritorial Pitești (id-Direttorat Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni – Dipartiment Territorjali ta’ Pitești, ir-Rumanija) beda proċeduri kriminali in rem għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 181(1) tal-Liġi Nru 78/2000.

16

Fl‑1 ta’ Awwissu 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta digriet li ddeċieda li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-kawża, peress li qies li l-eżistenza tal-fatti msemmija fl-Artikolu 181(1) tal-Liġi Nru 78/2000 ma kinitx ġiet stabbilita. Sabiex jimmotiva din id-deċiżjoni, huwa ddeċieda, qabelxejn, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ finanzjament, l-attivitajiet previsti sabiex tiġi żgurata ż-żamma u s-segwitu tal-attività ta’ promozzjoni turistika matul il-ħames snin ta’ wara l-implimentazzjoni tal-proġett, inkluż l-istampar u d-distribuzzjoni ta’ materjal promozzjonali, kienu ffinanzjati mill-baġit proprju tal-benefiċjarja u mhux bl-għajnuna tal-baġit tal-Unjoni.

17

Sussegwentement, huwa indika li r-rapporti, li l-eżattezza tal-kontenut tagħhom hija kkontestata mill-Ministeru, intbagħtu mill-benefiċjarja wara l-għeluq tal-proġett, fil-kuntest tal-kontroll ex post. Issa, skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-elementi oġġettivi li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 181(1) tal-Liġi Nru 78/2000 ma humiex issodisfatti, peress li r-rabta kawżali bejn il-preżentazzjoni jew l-użu tad-dokumenti u l-kisba indebita ta’ fondi Ewropej hija nieqsa f’dan il-każ. L-Uffiċċju tal-Prosekutur għalhekk iqis li l-kisba ta’ fondi Ewropej seħħet matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-proġett u ma ġietx suġġetta għall-preżentazzjoni tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ durabbiltà tal-proġett, b’tali mod li ma setax jitqies li l-baġit tal-Unjoni ġie ppreġudikat.

18

Fid‑29 ta’ Awwissu 2019, il-Ministeru adixxa lill-Kap Prosekutur tat-Taqsima tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția Națională Anticorupție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Sezzjoni Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni, ir-Rumanija) bi lment kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni mingħajr segwitu, billi argumenta li din kienet illegali u infondata. Dan l-ilment ġie miċħud bħala infondat.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ministeru adixxa lit-Tribunalul Argeș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeș, ir-Rumanija) b’rikors kontra d-digriet ta’ klassifikazzjoni mingħajr segwitu tal‑1 ta’ Awwissu 2019.

20

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Ministeru jsostni li l-preżentazzjoni, wara l-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-proġett, ta’ dokumenti li jinkludu informazzjoni ineżatta tista’ tikkostitwixxi ksur skont l-Artikolu 181(1) tal-Liġi Nru 78/2000. Huwa jqis li l-ġbir indebitu ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni, li jirriżulta mill-preżentata ta’ dawn id-dokumenti, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt ta’ finanzjament, b’tali mod li l-attivitajiet relatati mal-perijodu ta’ durabbiltà, anki jekk huma sussegwenti għat-twettiq effettiv tal-proġett, jaqgħu fil-kuntest tal-kuntratt u matul il-perijodu ta’ validità tiegħu.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Argeş (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeş) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni Ewropea] previst fl-Artikolu 1(1)(a) tal-[Konvenzjoni PIF] ikopri l-ksur imwettaq sabiex tinħoloq id-dehra ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57(1) tar-Regolament [Nru 1083/2006] sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni mill-Istat Membru tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98 tal-istess regolament, jew dan il-kunċett ikopri biss ksur imwettaq sat-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni, bl-esklużjoni tal-atti mwettqa matul il-perijodu ta’ sostenibbiltà?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) TUE flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE [u] tal-Artikolu 1(1)(a) tal-[Konvenzjoni PIF], jista’ jiġi interpretat bħala li jipprekludi regola nazzjonali li teskludi s-sanzjonar tal-persuna akkużata bi ksur imwettaq wara t-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni, jiġifieri matul il-perijodu ta’ sostenibbiltà, fir-rigward ta’ obbligi assunti minnha permezz ta’ kuntratt ta’ finanzjament, kif ukoll li jipprekludi l-interpretazzjoni tar-regola nazzjonali fis-sens li l-kunċett ta’ frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni] ma jkoprix l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-benefiċjarju tal-finanzjament, matul il-perijodu ta’ sostenibbiltà tal-proġett, fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ finanzjament, irrispettivament mill-oriġini tal-fondi jew tal-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju għas-sostenibbiltà tal-proġett, rispettivament mill-baġit tal-benefiċjarju stess jew mill-fondi [tal-Unjoni?]”.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tribunalul Argeş (il-Qorti tal-Kontea ta’ Argeş) talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għal din is-sentenza jkun is-suġġett ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti sostniet, essenzjalment, li jeżisti riskju ta’ skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

23

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jindirizza sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, fl‑14 ta’ Settembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba għal proċedura mħaffa, sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma kienx fiha elementi suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw li tingħata deċiżjoni f’qasir żmien fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tipprovdi, insostenn tat-talba tagħha, id-data tal-fatti u tiċċita r-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, mingħajr madankollu ma ddeċidiet dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji” tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-użu ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew ineżatti ppreżentati wara l-eżekuzzjoni tal-proġett li jibbenefika minn finanzjament sabiex tinħoloq l-illużjoni tal-osservanza tal-obbligi previsti matul il-perijodu ta’ durabbiltà tal-proġett.

27

Konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) (a) tal-Konvenzjoni PIF, jikkostitwixxi “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji” tal-Unjoni, fil-qasam tal-infiq, kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali dwar l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew ta’ dokumenti foloz, ineżatti jew inkompleti, li jkollhom bħala effett il-ġbir jew iż-żamma indebita ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni.

28

Għalhekk, il-“frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji” tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF, tkopri mhux biss il-kisba, iżda wkoll iż-żamma indebita ta’ fondi li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant, frodi li l-għan tagħha jkun ikopri ż-żamma indebita ta’ fondi tista’ tieħu l-forma ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni wara l-kisba tal-imsemmija fondi.

29

Konsegwentement, il-kunċett ta’ “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji” tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF, għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-użu intenzjonat ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew ineżatti ppreżentati wara l-eżekuzzjoni tal-proġett li jibbenefika minn finanzjament, sabiex tinħoloq l-illużjoni tal-osservanza tal-obbligi previsti matul il-perijodu ta’ durabbiltà tal-proġett mill-kuntratt ta’ finanzjament, sabiex jittieħdu, b’mod indebitu, fondi li joriġinaw mill-baġit tal-Unjoni. Huwa jkopri wkoll il-perijodu kollu li matulu l-kuntratt ta’ finanzjament jimponi obbligi fuq il-benefiċjarji, inkluż il-perijodu ta’ durabbiltà.

30

Barra minn hekk, l-oriġini tal-fondi li jservu sabiex jiġi ssodisfatt obbligu marbut mal-kuntratt ta’ finanzjament hija irrilevanti, peress li l-osservanza tal-imsemmi obbligu tikkundizzjona l-għoti u ż-żamma ta’ fondi li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji” tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-użu ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew ineżatti ppreżentati wara l-eżekuzzjoni tal-proġett li jibbenefika minn finanzjament sabiex tinħoloq l-illużjoni tal-osservanza tal-obbligi previsti matul il-perijodu ta’ durabbiltà tal-proġett.

Fuq it-tieni domanda preliminari

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil qorti nazzjonali tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-istanzi kollha tal-Istati Membri l-obbligu li jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi normi tal-Unjoni, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li jipprovdi li l-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt intern, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi t-tilwima li tkun adita biha (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, f’dan il-każ, jekk id-dritt nazzjonali jistax jiġi interpretat fis-sens li jkopri mhux biss il-kisba, iżda wkoll iż-żamma indebita ta’ fondi meta din tista’ tikkostitwixxi frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif iddefinita fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF.

36

F’dan il-kuntest, għandu, sussegwentement, jiġi rrilevat li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat preċiż, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri dissważivi u effettivi kif ukoll l-obbligu tagħhom li jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess, u li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha bħala effett, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fir-relazzjoni tagħha mad-dritt intern tal-Istati Membri, li trendi awtomatikament inapplikabbli, minħabba d-dħul fis-seħħ stess tagħha, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 5152).

37

Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, skont liema d-dikjarazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “frodi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jistgħu jiġu pprosekutati biss meta jkunu seħħew matul l-eżekuzzjoni tal-proġett u mhux matul il-perijodu ta’ durabbiltà, hija, indipendentement mis-sors tal-fondi użati, insuffiċjenti, u għalhekk kuntrarja għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, peress li hija tista’ tipprevjeni l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għall-każijiet ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

38

Fl-aħħar nett, meta tagħti interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati jiġu rrispettati u tevita li dawn tal-aħħar jiġu imposti sanzjonijiet fuqhom li ma kinux jiġu imposti li kieku dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali kienu ġew applikati, konformement mal-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 53).

39

Għalhekk, kieku l-qorti nazzjonali kellha tqis li interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali hija f’kunflitt mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, hija ma tkunx obbligata li tikkonforma ma’ dan l-obbligu, u dan anki jekk l-osservanza tiegħu kienet tippermetti rimedju għal sitwazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk il-kompitu tal-leġiżlatur nazzjonali li jieħu l-miżuri neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil qorti nazzjonali li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF, sakemm tali interpretazzjoni ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji” tal-Unjoni Ewropea, imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-użu ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew ineżatti ppreżentati wara l-eżekuzzjoni tal-proġett li jibbenefika minn finanzjament sabiex tinħoloq l-illużjoni tal-osservanza tal-obbligi previsti matul il-perijodu ta’ durabbiltà tal-proġett.

 

2)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil qorti nazzjonali li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995, sakemm tali interpretazzjoni ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top