Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0348

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Lulju 2022.
    Nord Stream 2 AG vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Appell – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Direttiva (UE) 2019/692 – Estensjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73 għal-linji tal-gass bejn Stati Membri u pajjiżi terzi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għal annullament – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-appellanti – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun individwalment ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Aġġustament tad-derogi li jeskludu lill-appellanti inkwantu l-unika operatriċi mill-benefiċċju tagħhom – Talba għall-irtirar ta’ dokumenti mill-proċess – Regoli fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ provi quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea – Dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
    Kawża C-348/20 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:548

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    12 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

    “Appell – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Direttiva (UE) 2019/692 – Estensjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73 għal-linji tal-gass bejn Stati Membri u pajjiżi terzi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għal annullament – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-appellanti – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun individwalment ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Aġġustament tad-derogi li jeskludu lill-appellanti inkwantu l-unika operatriċi mill-benefiċċju tagħhom – Talba għall-irtirar ta’ dokumenti mill-proċess – Regoli fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ provi quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea – Dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”

    Fil-Kawża C‑348/20 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Lulju 2020,

    Nord Stream 2 AG, stabbilita f’Zug (l-Isvizzera), irrappreżentata, għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali, minn L. Van den Hende, advocaat, L. Malý, solicitor-advocate, J. Penz-Evren, Rechtsanwältin, u M. Schonberg, solicitor-advocate,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. McDowell, L. Visaggio, J. Etienne u O. Denkov, bħala aġenti,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn A. Lo Monaco, K. Pavlaki u S. Boelaert, sussegwentement minn A. Lo Monaco u K. Pavlaki, bħala aġenti,

    konvenuti fl-ewwel istanza,

    sostnuti minn:

    Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

    Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata inizjalment minn K. Pommere u V. Soņeca, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

    intervenjenti fl-appell,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatur), K. Jürimäe, C. Lycourgos, S. Rodin, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Presidenti ta’ Awla, J. ‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Nord Stream 2 AG titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (T‑526/19, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:210), sa fejn, minn naħa, ċaħad bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari ordna l-irtirar mill-proċess ta’ ċerti dokumenti ppreżentati mill-appellanti.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑Direttiva kontenzjuża u d‑Direttiva 2009/73

    2

    Id-Direttiva kontenzjuża emendat id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94). Il-premessi 1 sa 4 u 9 tad-Direttiva kontenzjuża huma redatti kif ġej:

    “(1)

    Is-suq intern tal-gass naturali, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999 fl-Unjoni [Ewropea] kollha, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-klijenti finali kollha fl-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini jew jekk huma negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju, kondizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni, prezzijiet kompetittivi, sinjali ta’ investiment effiċjenti u standard ogħla ta’ servizz, u li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà.

    (2)

    Id-Direttivi 2003/55/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230),] u [2009/73] għamlu kontribut sinifikanti għall-ħolqien tas-suq intern tal-gass naturali.

    (3)

    Din id-Direttiva tfittex li tindirizza l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. L-emendi introdotti minn din id-Direttiva huma maħsuba biex jiżguraw li r-regoli applikabbli għal-linji tat-trasmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew aktar ikunu applikabbli wkoll, fl-Unjoni, għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. […]

    (4)

    Biex jittieħed kont tan-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2009/73] għal tali linji ta’ trasmissjoni tal-gass li jkunu tlestew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. […]

    […]

    (9)

    L-applikabbiltà tad-Direttiva [2009/73] għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi tibqa’ limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass offshore, jenħtieġ li tkun applikabbli d-Direttiva [2009/73] fir-rigward tal-baħar territorjali tal-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni man-netwerk tal-Istati Membri.

    […]”

    3

    Konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-Direttiva kontenzjuża (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/73”), tistabbilixxi regoli komuni għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u ħażna ta’ gass naturali u tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni, għall-provvista u għall-ħżin ta’ gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.

    4

    Skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/73, “[l]-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkun indipendenti mill-interessi ta’ fornitura u ta’ produzzjoni għandu jippermetti lill-impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom tal-assi tan-network filwaqt li jiżgura separazzjoni effettiva tal-interessi, sakemm tali operatur indipendenti ta’ sistema jew tali operatur indipendenti tat-trasmissjoni iwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema u sakemm jiġu attwati regolamentazzjoni ddettaljata u mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji estensivi”.

    5

    Sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-punt 17 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi li l-kunċett ta’ “interkonnettur” ikopri mhux biss “linja ta’ trasmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn l-Istati Membri għall-finijiet li tgħaqqad is-sistema ta’ trasmissjoni nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri” iżda wkoll, minn issa, “linja ta’ trasmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru”.

    6

    L‑Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73 intitolat “Separazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni” jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit‑3 ta’ Marzu 2012 ’il quddiem:

    (a)

    kull impriża li tipposjedi sistema ta’ trasmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

    (b)

    l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati:

    (i)

    li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista, u li direttament jew indirettament jezerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni; jew

    (ii)

    li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew provvista;

    (c)

    l-istess persuna jew l-istess persuni mhumiex intitolati jaħtru membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li legalment jirrappreżentaw l-impriża, ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew ta’ provvista; u

    (d)

    l-istess persuna jew l-istess persuni mhumiex intitolati li jkunu membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew tal-entitajiet li legalment jirrappreżentaw l-impriża, kemm ta’ impriża li twettaq kwalunkwe mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni jew ta’ forniment kif ukoll ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni.

    […]

    8.   Fejn, fit‑3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1. Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta’ trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma’ pajjiż terz bejn il-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta’ konnessjoni man-netwerk ta’ dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta’ Mejju 2019 is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1.

    F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

    (a)

    jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 14,
    jew

    (b)

    jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV.

    9.   Fejn, fit‑3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il- paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta’ trasmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma’ pajjiż terz bejn il-fruntiera ta’ dak l- Istat Membru u l-ewwel punt ta’ konnessjoni man-netwerk ta’ dak l-Istat Membru, fejn fit‑23 ta’ Mejju 2019, is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal- Kapitolu IV, dak l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

    7

    L-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-aċċess għal partijiet terzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għal parti terza għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u faċilitajiet tal-[gass naturali likwefatt (LNG)] abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha, inklużi l-impriżi ta’ forniment u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi – u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati – jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.”

    8

    L-Artikolu 36 tal-istess direttiva, intitolat “Infrastruttura ġdida”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri l-interkonnessjonijiet, il-faċilitajiet tal-LNG jew ta’ ħażna, jistgħu, fuq talba, jibbenefikaw, għal perijodu determinat, minn deroga mid-dispożizzjonijiet li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikoli 9 u 32 tagħha, fil-kundizzjonijiet imsemmija fiha, fosthom b’mod partikolari dik li tinsab fil-punt (b), li tipprovdi li l-livell ta’ riskju marbut mal-investiment għandu jkun tali li dan l-investiment ma jkunx jista’ jitwettaq jekk ma tkunx ingħatat deroga. Minbarra dan, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża, l-Artikolu 36(1)(e) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi li d-deroga mogħtija skont din id-dispożizzjoni lill-infrastruttura ġdida b’mod partikolari ma għandhiex tkun ta’ ħsara għas-“sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fl-Unjoni”.

    9

    L-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja”, jipprovdi:

    “6.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jistipulaw jew japprovaw biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet għal:

    (a)

    il-konnessjoni u l-aċċess għan-networks nazzjonali, inklużi tariffi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni, u pattijiet, kondizzjonijiet u tariffi għall-aċċess għall-faċilitajiet LNG. Dawk it-tariffi, jew metodoloġiji għandhom jippermettu l-investimenti meħtieġa fin-networks u faċilitajiet LNG li jsiru b’mod li jippermetti lil dawn l-investimenti li jaċċertaw il-vijabbiltà tan-networks u tal-faċilitajiet LNG;

    […]

    (c)

    l-aċċess għal infrastrutturi transkonfinali, inklużi l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità u tal-konġestjoni.

    […]

    8.   Meta jkunu qed jistipulaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi tal-ibbilanċjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni jingħataw inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati.

    […]

    10.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom l-awtorità li jesiġu li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, tal-ħżin, tal-LNG, jekk hekk ikun meħtieġ, jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoloġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jiżguraw li jkunu proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. […]”

    10

    L-Artikolu 49a ta’ din id-direttiva, intitolat “Derogi fir-rigward ta’ linji ta’ trasmissjoni lejn u minn pajjiżi terzi”, iddaħħal bid-Direttiva kontenzjuża u jipprovdi:

    “1.   Fir-rigward ta’ linji ta’ trasmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt ta’ konnessjoni ta’ tali linja ta’ trasmissjoni man-netwerk ta’ Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jidderoga mill-Artikoli 9, 10, 11 u 32 u l-Artikolu 41(6), (8) u (10) għat-taqsimiet ta’ tali linja ta’ trasmissjoni tal-gass li jinsabu fit-territorju u l-baħar territorjali tiegħu, għal raġunijiet oġġettivi, bħall-possibbiltà tal-irkupru tal-investiment imwettaq jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, dment li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass naturali jew għall-funzjonament effettiv tiegħu, jew għas-sigurtà tal- provvista fl-Unjoni.

    Id-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien sa 20 sena fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’ tiġġedded jekk ikun hemm ġustifikazzjoni u tista’ tkun soġġetta għal kondizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq.

    […]

    3.   Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adotttati sal‑24 ta’ Mejju 2020. L-Istati Membri għandhom jagħtu notifika dwar kwalunkwe tali deċiżjoni lill-Kummissjoni [Ewropea] u għandhom jippubblikawha.”

    11

    Konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva kontenzjuża, l-Istati Membri kienu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom magħha mhux iktar tard mill‑24 ta’ Frar 2020, bla ħsara għal kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73.

    Ir‑Regolament (KE) Nru 1049/2001

    12

    Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331):

    “1.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

    (a)

    l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

    […]

    relazzjonijiet internazzjonali,

    […]

    2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

    […]

    proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

    […]

    jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    13

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jinsabu fil-punti 1 sa 11 tad-digriet appellat, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

    14

    L-appellanti, Nord Stream 2, hija kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-kumpannija b’responsabbiltà limitata pubblika Russa Gazprom. Hija responsabbli mill-ippjanar, mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-pipeline offshore “Nord Stream 2”, li l-finanzjament tiegħu, sa EUR 9.5 biljun, huwa żgurat 50 % minn ENGIE SA, minn OMV AG, minn Royal Dutch Shell plc, minn Uniper SE u minn Wintershall Dea GmbH.

    15

    F’Jannar 2017, ix-xogħlijiet bdew għall-kisi bil-konkrit ta’ pajpijiet iddestinati għal dan il-pipeline offshore, li l-kunsinna finali tiegħu seħħet f’Settembru 2018.

    16

    L-imsemmi pipeline offshore, li huwa kompost minn żewġ linji ta’ trażmissjoni tal-gass, jiżgura l-fluss tal-gass bejn Vyborg (ir-Russja) u Lubmin (il-Ġermanja). Ladarba fit-territorju Ġermaniż, il-gass ittrasportat mill-istess pipeline offshore ser jiġi ttrasportat permezz tal-pipeline terrestri ENEL u permezz tal-pipeline terrestri EUGAL.

    17

    Fuq il-proposta tal-Kummissjoni, tat‑8 ta’ Novembru 2017 (proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, COM (2017) 660 final), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw, fis‑17 ta’ April 2019, id-Direttiva kontenzjuża, li daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha, jiġifieri fit‑23 ta’ Mejju 2019. F’din id-data, skont l-indikazzjonijiet tal-appellanti, ix-xogħlijiet għall-kisi bil-konkrit ta’ pajpijiet iddestinati għall-pipeline Nord Stream 2 kienu tlestew sa 95 %, filwaqt li, rispettivament, 610 km u 432 km miż-żewġ linji ta’ dan il-pipeline kienu tpoġġew fil-qiegħ tal-baħar territorjali u/jew taż-żona ekonomika esklużiva tar-Russja, tal-Finlandja, tal-Isvezja u tal-Ġermanja.

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

    18

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Lulju 2019, l-appellanti ppreżentat quddiemha rikors intiż għall-annullament tad-Direttiva kontenzjuża fl-intier tagħha, fejn qajmet, għal dan il-għan, sitt motivi.

    19

    Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ottubru u fl‑14 ta’ Ottubru 2019, rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors intiża għall-annullament tad-Direttiva kontenzjuża.

    20

    Barra minn hekk, permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill talab lill-Qorti Ġenerali tordna li ċerti dokumenti ma jiddaħħlux fil-proċess jew, fir-rigward ta’ dawk prodotti mill-appellanti, li jiġu rtirati minnu. Fil-kuntest ta’ din it-talba inċidentali, il-Kunsill indika li kien irċieva diversi talbiet, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li kienu jirrigwardaw dokumenti dwar in-negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa kif ukoll dwar il-proċedura leġiżlattiva ta’ adozzjoni tad-Direttiva kontenzjuża, li, fid-data tat-tressiq tal-imsemmija talba inċidentali, huwa ma kien ta aċċess għal ebda wieħed minn dawn id-dokumenti u li, fid-data tal-preżentata tar-rikors mill-appellanti, ebda kontestazzjoni dwar iċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet ta’ aċċess għal dokumenti ma kienet ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali.

    21

    Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Novembru 2019, l-appellanti talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tikkonsisti f’li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti miżmuma mill-Kunsill.

    22

    Fis‑17 ta’ Jannar 2020, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fejn il-Kunsill barra minn hekk talab, f’din l-okkażjoni, li ċerti dokumenti, annessi mill-appellanti mat-talba tagħha msemmija fil-punt preċedenti, jitneħħew mill-proċess.

    Id‑digriet appellat

    It-talbiet għall-irtirar ta’ dokumenti u għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

    23

    Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, fir-rigward, minn naħa, tat-talba inċidentali għall-irtirar ta’ dokumenti mressqa mill-Kunsill fil‑11 ta’ Ottubru 2019, ordnat li d-dokumenti prodotti mill-appellanti fl-Annessi A 14 (rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Ġunju 2017 għall-attenzjoni tal-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa dwar l-operat tal-pipeline Nord Stream 2, iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni”) u O 20 (parir tas-servizz legali tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2017 dwar din ir-rakkomandazzjoni indirizzata lir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri tal-Unjoni quddiem din l-istituzzjoni, iktar ’il quddiem il-“parir tas-servizz legali tal-Kunsill”) jitneħħew mill-proċess u li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni siltiet mir-rikors u mill-annessi ta’ dan ir-rikors li fihom huma riprodotti estratti minn dawn id-dokumenti. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tat-talba għall-irtirar ta’ dokumenti fformulata mill-Kunsill fis‑17 ta’ Jannar 2020 fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ordnat li ż-żewġ dokumenti prodotti mill-appellanti fl-Annessi M 26 u M 30 (dokumenti li jinkludu l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva kontenzjuża, iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”) jitneħħew mill-proċess.

    24

    F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punti 38 sa 45 tad-digriet appellat, filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438), u fuq is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is-Slovenja vs Il-Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65), li, anki jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinux applikabbli fil-proċedura quddiemha, dawn id-dispożizzjonijiet madankollu kellhom ċertu valur indikattiv fid-dawl tal-kunsiderazzjoni tal-interessi meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba inċidentali intiża għall-irtirar tad-dokumenti msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

    25

    Sussegwentement, fil-punti 47 sa 56 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-parir tas-servizz legali tal-Kunsill u ddeċidiet li kien b’mod ġust li din l-istituzzjoni bbażat ruħha, fir-rigward ta’ dan il-parir, fuq il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    26

    Barra minn hekk, fil-punti 57 sa 64 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u waslet għall-konklużjoni li l-Kunsill kien korrett meta qies li l-iżvelar ta’ din ir-rakkomandazzjoni jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika, fih innifsu, li l-imsemmija rakkomandazzjoni titneħħa mill-proċess.

    27

    Fl-aħħar nett, fil-punti 125 sa 135 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Peress li kkunsidrat, minn naħa, li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li l-verżjonijiet mhux imnaddfa taż-żewġ dokumenti li jinkludu dawn l-osservazzjonijiet kienu nkisbu regolarment u, min-naħa l-oħra, li l-iżvelar ta’ dawn iż-żewġ dokumenti huwa ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari billi jdgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija kontriha mill-appellanti, din iddeċidiet li kien hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kunsill li dawn jitneħħew mill-proċess, filwaqt li ppreċiżat li dawn iż-żewġ dokumenti fi kwalunkwe każ ma kinux ta’ natura li juru li l-appellanti kienet direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża, fis-sens tat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod li ma kienx hemm lok għaliha li teħtieġ il-produzzjoni tagħhom mill-Kunsill.

    L-ammissibbiltà tar-rikors

    28

    Filwaqt li ddeċidiet fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali bdiet billi fakkret, minn naħa, fil-punt 78 tad-digriet appellat, li s-sempliċi fatt li r-rikors kien ġie ppreżentat kontra direttiva ma kienx biżżejjed sabiex dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli u, min-naħa l-oħra, fil-punti 79 sa 85 ta’ dan id-digriet, li d-Direttiva kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att leġiżlattiv li għandu bħala destinatarji l-Istati Membri u li japplika għall-parti l-kbira tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, b’tali mod li l-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors kienet suġġetta, skont it-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għall-kundizzjoni li l-appellanti tkun direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-direttiva.

    29

    Fi tmiem l-iżviluppi li jinsabu fil-punti 102 sa 124 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat l-istess rikors bħala inammissibbli minħabba li l-appellanti ma kinitx direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża.

    30

    F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 106 u 107 tad-digriet appellat, li direttiva ma setgħetx, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu u konsegwentement ma setgħetx tiġi invokata, inkwantu tali, mill-awtoritajiet nazzjonali kontra tiegħu fl-assenza ta’ adozzjoni preċedenti ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kontenzjuża ma jistgħux għalhekk, qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, ikunu sors dirett jew immedjat ta’ obbligi imposti fuq l-appellanti u jistgħu, għalhekk, jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tagħha.

    31

    Fil-punti 108 u 109 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), li l-fatt li, issa, l-attivitajiet tal-appellanti huma parzjalment irregolati mid-Direttiva 2009/73 huwa sempliċement il-konsegwenza tal-għażla tagħha li tiżviluppa u li żżomm l-attività tagħha fit-territorju tal-Unjoni. Li jintlaqa’ l-argument invokat mill-appellanti jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li, kull darba li l-leġiżlatur tal-Unjoni jissuġġetta, f’qasam partikolari, operaturi għal obbligi li dawn preċedentement ma kinux suġġetti għalihom, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni taffettwa neċessarjament u direttament lil dawn l-operaturi, fis-sens tat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    32

    Fil-punti 110 u 111 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, għalhekk, huwa konsegwentement unikament permezz tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kontenzjuża li l-operaturi, bħall-appellanti, ser ikunu suġġetti għall-obbligi tad-Direttiva 2009/73 u li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, tali miżuri ta’ traspożizzjoni kienu neqsin f’dak li jirrigwarda r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    33

    Sussegwentement, f’dan il-punt 111 kif ukoll fil-punti 112 sa 115 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali essenzjalment esponiet li, fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri kellhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73. Din irrilevat f’dan ir-rigward, minn naħa, li, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(8) u l-Artikolu 9(9) ta’ din id-direttiva, li jiddeċiedu li ma japplikawx għall-interkonnessjonijiet l-obbligu ta’ separazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni u tal-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni previst fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, skont emendi magħmula permezz tad-Direttiva kontenzjuża, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 36 u l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu minn issa ’l quddiem jiddeċiedu li jagħtu lill-infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass u lil-linji ta’ trażmissjoni tal-gass bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 derogi li jikkonċernaw ċerti artikoli tad-Direttiva 2009/73.

    34

    Fl-aħħar nett, fil-punt 117 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti ma tistax, sabiex issostni l-argument tagħha intiż li turi li hija direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża, tinvoka s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159). Fil-fatt, is-sitwazzjoni legali u fattwali tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza bl-ebda mod ma hija paragunabbli ma’ dik ta’ din il-kawża, peress li din tal-aħħar għandha biss bħala suġġett direttiva, li, barra minn hekk, ma hijiex “atipika”, fir-rigward tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

    It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    35

    Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat;

    tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tiddikjara l-appell ammissibbli u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu;

    sussidjarjament, tiddikjara li hija direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk hijiex individwalment ikkonċernata minn din id-direttiva jew sabiex tordna l-eżami ta’ din il-kwistjoni fil-mertu, u

    tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    36

    Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    37

    Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ottubru 2020, tat‑12 u tad‑19 ta’ Novembru 2020, rispettivament, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

    38

    Fis‑16 ta’ Lulju 2021, sussegwentement għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Imħallef Relatur u mill-Avukat Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-dokumenti li hija kienet ippreżentat preċedentement quddiem il-Qorti Ġenerali fl-Annessi A 14, O 20, M 26 u M 30.

    39

    Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2022, ir-rappreżentanti tal-appellanti informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-fatt li, mill‑1 ta’ Marzu 2022, huma ma baqgħux iktar jirrappreżentawha, filwaqt li indikaw li wieħed minn dawn ir-rappreżentanti jista’ jibqa’ l-punt ta’ kuntatt bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-appellanti sakemm din tal-aħħar taħtar rappreżentant ġdid.

    Fuq l‑appell

    40

    L-appellanti tqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju, maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    41

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-eżami mill-Qorti Ġenerali tat-talbiet għall-irtirar ta’ dokumenti fformulati mill-Kunsill.

    Fuq l‑ewwel aggravju

    Osservazzjonijiet preliminari

    42

    Għall-finijiet tal-eżami tal-appell, għandu jiġi rrilevat li l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat mill-appellanti intiż għall-annullament tad-Direttiva kontenzjuża għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li skont dawn tali appell huwa ammissibbli biss meta r-rikorrent ikun direttament u individwalment ikkonċernat mill-att kontenzjuż. Peress li skont il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma kinitx direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża u dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli mingħajr ma ddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx individwalment ikkonċernata minn din id-direttiva.

    43

    Skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tad-digriet appellat, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tagħha teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li din il-miżura, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    L-istess japplika, hekk kif il-Qorti Ġenerali indikat ukoll fil-punt 103 tad-digriet appellat, meta l-possibbiltà għad-destinatarji li ma jagħtux segwitu għall-att tal-Unjoni tkun purament teoretika, billi r-rieda tagħhom li jisiltu konsegwenzi konformi miegħu ma toħloq ebda dubju (sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 1971, Bock vs Il‑Kummissjoni, 62/70, EU:C:1971:108, punti 6 sa 8, kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2019, PGNiG Supply Trading vs Il-Kummissjoni, C‑117/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1042, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Permezz taż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta l-applikazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet, rispettivament, tal-ewwel u tat-tieni waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    46

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda l-punti 106 sa 111 tad-digriet appellat, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-Direttiva kontenzjuża ma kinitx tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha minħabba li din hija direttiva.

    47

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-appellanti ssostni li l-motiv tal-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat li jgħid li direttiva ma tistax minnha nnifisha, qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni mill-Istat Membru kkonċernat jew l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ operatur, huwa żbaljat fil-prinċipju stess. Fil-fatt, dan iwassal sabiex jiġi prekluż kull rikors abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra direttiva, peress li, fil-prattika, it-terminu ta’ rikors jiskadi sistematikament qabel l-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni neċessarji. Billi bbażat ruħha fuq dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza, għaldaqstant iċċitata fil-punt 78 tad-digriet appellat, li tipprovdi li l-fatt li att kien ġie adottat fil-forma ta’ direttiva ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jikkonċernaw individwu direttament u individwalment.

    48

    It-tieni, l-appellanti ssostni li ċ-ċirkustanza, enfasizzata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tad-digriet appellat, li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha, id-Direttiva kontenzjuża ma kinitx għadha ġiet trasposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija irrilevanti. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-fatt li s-sitwazzjoni legali ta’ persuna hija direttament affettwata minn direttiva jiddependi mill-kontenut ta’ din id-direttiva u mhux mill-eventwali adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, hija żżid li l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li tipprovdi li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-att kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija identika kemm fir-rigward tat-tieni jew tat-tielet parti ta’ din id-dispożizzjoni, li jimplika neċessarjament li l-kundizzjoni li teżiġi li l-att kontenzjuż “ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tkun kundizzjoni addizzjonali, distinta minn din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà.

    49

    It-tielet, l-appellanti ssostni li, fid-data tal-preżentata tar-rikors għal annullament tagħha, l-effett tad-Direttiva kontenzjuża kien li tiġi suġġetta għar-regoli tad-Direttiva 2009/73, filwaqt li hija kienet evitat dan qabel l-adozzjoni tagħha. Tali bidla fl-istatus ġuridiku għandha effetti legali profondi u serji għaliha. Meta l-Istati Membri kkonċernati ma jkollhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżekuzzjoni ta’ miżura tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ hawnhekk, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din il-miżura jixbah sempliċi posponiment temporali tal-applikabbiltà sħiħa tagħha.

    50

    Fl-aħħar nett, ir-raba’, l-appellanti tqis li ebda element ma kien jippermetti lill-Qorti Ġenerali tissuġġerixxi, kif jidher li kkunsidrat fil-punt 109 tad-digriet appellat, li r-rikonoxximent li hija kienet direttament affettwata mid-Direttiva kontenzjuża jfisser li kwalunkwe operatur ikun jista’ jikkontesta kull miżura leġiżlattiva li timponi fuqu obbligi ġodda, billi r-restrizzjoni prinċipali li tipprekludi l-“ftuħ ta’ bibien miftuħa kbar” għall-miżuri leġiżlattivi hija l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li tipprovdi li r-rikorrent għandu jkun individwalment ikkonċernat mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu.

    51

    Min-naħa l-oħra, il-Parlament u l-Kunsill jaqblu mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

    52

    Skont il-Parlament, il-Qorti Ġenerali kienet ġustament iddeċidiet li direttiva, inkluża d-Direttiva kontenzjuża, ma setgħetx, minnha nnifisha, qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni jew l-iskadenza tat-terminu previst għal dan il-għan, taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ operatur, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    53

    Barra minn hekk, il-Parlament iqis li l-argument tal-appellanti li t-terminu ta’ traspożizzjoni jixbah “sempliċi posponiment temporali tal-applikabbiltà sħiħa” tal-miżura inkwistjoni huwa żbaljat ukoll. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li din il-miżura tista’, b’mod ġenerali, tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, li ma huwiex il-każ.

    54

    Barra minn hekk, il-Parlament jaqbel mal-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li jekk jintlaqa’ l-argument tal-appellanti, dan ikollu l-konsegwenza li jċaħħad minn kull effett utli l-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu. Fil-fatt, kull leġiżlazzjoni ġdida b’hekk tikkonċerna direttament kull persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi fil-qasam irregolat minnha.

    55

    Il-Kunsill isostni li l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-digriet appellat, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-forma ta’ direttiva tal-miżura inkwistjoni kienet fiha nnifisha suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li s-sitwazzjoni legali tagħha kienet direttament affettwata mid-Direttiva kontenzjuża. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, ġustament, li d-Direttiva kontenzjuża ma taffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, peress li l-awtorità regolatorja Ġermaniża, il-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja), ma tistax, fl-assenza ta’ adozzjoni, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kontenzjuża, teżiġi mill-appellanti li tosserva l-obbligi previsti f’din id-direttiva.

    56

    Barra minn hekk, id-Direttiva kontenzjuża, inkwantu direttiva, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ma tistax, minnha nnifisha, tiġi invokata kontra individwi, fatt li barra minn hekk l-appellanti ma tikkontestax.

    57

    Il-Kunsill iżid li, minn naħa, l-interpretazzjoni invokata mill-appellanti li l-kundizzjoni li tgħid li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent għandha tkun direttament affettwata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu għandha tiġi eżaminata fir-rigward tas-sustanza tal-miżura inkwistjoni ma ssib ebda bażi fil-ġurisprudenza. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar l-atti li “ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni” tapplika biss għall-atti regolatorji, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk din l-aħħar kundizzjoni ma tistax tbiddel il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu, fis-sens tat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    58

    Il-Gvern Estonjan, Latvjan u Pollakk isostnu, essenzjalment, l-argument invokat mill-Parlament u mill-Kunsill.

    59

    Il-Gvern Pollakk iżid li, minn naħa, id-Direttiva 2009/73 kienet diġà applikabbli għall-pipeline Nord Stream 2 qabel l-adozzjoni tad-Direttiva kontenzjuża, peress li din tal-aħħar hija intiża biss sabiex tipprevedi l-modalitajiet prattiċi ta’ traspożizzjoni u ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 fir-rigward tal-pipelines bħall-pipeline Nord Stream 2.

    60

    Min-naħa l-oħra, skont dan il-gvern, il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament affettwat mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors tiegħu għandha tiġi ssodisfatta fid-data tal-preżentata tar-rikors, ħaġa li essenzjalment kienet nieqsa f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-pipeline Nord Stream 2 la kien tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża u lanqas fid-data tal-preżentata tar-rikors ippreżentat mill-appellanti.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    61

    L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-Direttiva kontenzjuża ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u, għaldaqstant, ma ssodisfatx l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

    62

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u, għaldaqstant, jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263TFUE, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 38).

    64

    Għalhekk, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tiġi evalwata fir-rigward tal-fatt biss li dan l-att għandu l-forma ta’ direttiva.

    65

    Minkejja li l-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 78 tad-digriet appellat, li s-sempliċi fatt li r-rikors kien ġie ppreżentat kontra direttiva ma kienx biżżejjed sabiex dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, jidher madankollu, fir-raġunament sussegwenti tagħha, b’mod partikolari, fil-punti 106 u 107 ta’ dan id-digriet, li din ibbażat ruħha prinċipalment, sabiex tikkonkludi li d-Direttiva kontenjzuża ma pproduċietx direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, fuq il-fatt li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu jew tkun sors dirett u immedjat ta’ tali obbligi, fl-assenza ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni.

    66

    F’dan ir-rigward, hekk kif l-appellanti ssostni ġustament, sa fejn id-direttivi kollha huma kkaratterizzati mill-inkapaċità tagħhom li jimponu, waħedhom, obbligi fuq l-individwi jew li jiġu invokati kontra tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith,C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali jimplika li jiġi eskluż kategorikament li d-direttivi jistgħu jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom, u, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    67

    Tali approċċ finalment iwassal, bi ksur ta’ dak li ġie espost fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, sabiex għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjoni li l-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, tingħata prijorità lill-forma tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri dik ta’ direttiva, fuq is-sustanza stess ta’ din il-miżura.

    68

    Fit-tieni lok, l-istess japplika għall-motivi tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 110 u 111 tad-digriet appellat, li jgħidu li l-individwi, bħala prinċipju, huma affettwati fis-sitwazzjoni legali tagħhom mhux mid-Direttiva, iżda unikament mill-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, filwaqt li, fid-data ta’ preżentata tar-rikors għal annullament, ebda waħda minn dawn il-miżuri ma kienet ġiet adottata mill-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    69

    Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji ta’ direttiva għandu l-obbligu li jadotta, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, il-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tagħha, konformement mal-għan li għandha tilħaq (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter, C‑491/06, EU:C:2008:263, punt 28).

    70

    Madankollu, li jiġi kkonfermat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali espost fil-punt 68 ta’ din is-sentenza jwassal ukoll sabiex jiġi kkunsidrat li d-direttivi ma jistgħu qatt jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwi, sa fejn dawn l-effetti huma dejjem assoċjati mal-miżuri adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni tagħhom u mhux mad-direttivi stess.

    71

    Barra minn hekk, l-istess punti tad-digriet appellat ma josservawx id-distinzjoni li tapplika bejn il-kundizzjoni li l-att li jkun is-suġġett tar-rikors għandu jikkonċerna direttament lil rikorrent u dik li skontha tali att ma għandux jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni, li tinsab fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    72

    Għalhekk, din it-tielet parti, li tirrigwarda d-dritt għal azzjoni legali kontra atti regolatorji, timponi kemm il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors tiegħu kif ukoll dik li teżiġi li, sabiex ir-rikors ikun ammissibbli, tali atti ma jinkludux miżuri ta’ implimentazzjoni, fejn din l-aħħar kundizzjoni għalhekk tiżdied mal-ewwel waħda u għalhekk ma għandhiex tiġi konfuża magħha.

    73

    Billi l-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament mill-att kontenzjuż tinsab, f’termini identiċi, kemm fit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll fit-tielet parti ta’ din id-dispożizzjoni, din għandu jkollha l-istess tifsira f’kull wieħed minn dawn il-partijiet ta’ sentenza. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni ta’ natura oġġettiva ma tistax tvarja skont id-diversi partijiet ta’ sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

    74

    Konsegwentement, kull att, kemm jekk ikun ta’ natura leġiżlattiva jew ta’ natura oħra, jista’, bħala prinċipju, jikkonċerna direttament lil individwu, u b’hekk jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu, indipendentement mill-fatt dwar jekk jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni, inklużi, fir-rigward ta’ direttiva, miżuri ta’ traspożizzjoni. Għalhekk, fil-każ fejn id-direttiva inkwistjoni tipproduċi tali effetti, il-fatt li miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kienu ġew adottati jew għadhom iridu jiġu adottati ma huwiex rilevanti, bħala tali, peress li dawn ma jikkompromettux in-natura diretta tar-rabta eżistenti bejn din id-direttiva u dawn l-effetti, bil-kundizzjoni li l-imsemmija direttiva ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tal-impożizzjoni tal-imsemmija effetti fuq dan l-individwu. Din l-aħħar kundizzjoni hija s-suġġett tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju.

    75

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżami tal-kapaċità tad-Direttiva kontenzjuża li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti konformement mal-kriterji esposti fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva kontenzjuża, billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għal interkonnessjonijiet li jinsabu bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, bħall-interkonnessjoni li l-appellanti għandha l-intenzjoni li topera, għandha bħala konsegwenza li tissuġġetta l-operat ta’ din l-interkonnessjoni għar-regoli stabbiliti minn din id-direttiva tal-aħħar, u b’hekk tagħmel applikabbli għall-appellanti l-obbligi speċifiċi li tipprevedi rigward dan is-suġġett, fosthom b’mod partikolari dawk fil-qasam ta’ separazzjoni ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73, u dawk dwar is-sistema ta’ aċċess minn terzi għas-sistema bbażata fuq tariffi ppubblikati u approvati mill-awtorità regolatorja kkonċernata jew ikkalkolati abbażi ta’ metodi approvati minnha, stabbiliti fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73.

    76

    F’dan ir-rigward, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, huwa irrilevanti, inkwantu tali, il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni mill-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn dan l-Istat Membru ma jgawdix minn marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni, li jista’ jipprekludi li l-imsemmija obbligi jiġu imposti fuq l-appellanti. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni, l-imsemmija miżuri ta’ traspożizzjoni ma jqajmux dubju dwar in-natura diretta tar-rabta li teżisti bejn id-Direttiva kontenzjuża u l-impożizzjoni tal-istess obbligi.

    77

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-Direttiva kontenzjuża ma pproduċietx direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

    78

    Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tal-Gvern Pollakk li permezz tagħhom dan jixtieq juri li l-appellanti ma kinitx direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża għal raġunijiet differenti minn dawk li ġew stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat.

    79

    Għalhekk, minn naħa, fir-rigward tal-argument li d-Direttiva 2009/73 kienet tapplika diġà qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża għal interkonnessjonijiet bħal dik tal-appellanti, dan l-argument huwa, fi kwalunkwe każ, ikkontestat b’mod ċar kemm mill-għan ta’ din id-direttiva tal-aħħar, kif stabbilit fil-premessi 3 u 4 tagħha, kif ukoll mill-modifika tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “interkonnessjoni” li jinsab fil-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73.

    80

    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Pollakk, il-fatt li d-Direttiva kontenzjuża tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti lanqas ma jista’ jiġi eskluż minħabba li, la fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u lanqas fid-data ta’ preżentata tar-rikors kontriha, l-interkonnessjoni tal-appellanti ma kienet tlestiet. Fil-fatt, minn naħa, l-appellanti kienet diġà wettqet, fil-mument tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, investimenti importanti fid-dawl tal-kostruzzjoni ta’ din l-interkonnessjoni, li kienet tinsab fi stadju avvanzat. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2009/73, b’mod partikolari fl-Artikolu 36 tagħha, li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti ta’ deroga għal proġetti ta’ infrastrutturi tal-gass, tieħu inkunsiderazzjoni preċiżament l-ipoteżi tal-kostruzzjoni ta’ pipelines ġodda u konsegwentement hija intiża sabiex tirregola wkoll l-ipoteżi ta’ pipelines ippjanati u li għadhom ma twettqux.

    81

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    82

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda l-punti 111 sa 115 tad-digriet appellat, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-Direttiva kontenzjuża kienet tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

    83

    L-appellanti ssostni, l-ewwel, li l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa żbaljat sa fejn dan jirriżulta minn evalwazzjoni ġenerali, mingħajr ma l-punt sa fejn is-sitwazzjoni legali tagħha kienet direttament affettwata mid-Direttiva kontenzjuża kien ġiet eżaminat b’mod speċifiku, fid-dawl tal-għan tar-rikors tagħha konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 30 u 31), kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 50 u 51).

    84

    It-tieni, l-appellanti ssostni, fir-rigward tal-obbligi fil-qasam ta’ separazzjoni li hija suġġetta għalihom wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża, li, għalkemm id-Direttiva 2009/73 ċertament tagħti, lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu soluzzjonijiet oħra minbarra s-separazzjoni sħiħa, iż-żewġ aspetti tal-alternattiva li jistgħu jkunu rilevanti f’dan il-każ, jiġifieri l-operatur tas-sistema indipendenti u l-operatur ta’ trażmissjoni indipendenti, għandhom, l-istess bħas-separazzjoni sħiħa, impatt negattiv kunsiderevoli fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. L-istess japplika fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u għar-regolamentazzjoni tat-tariffi li fi kwalunkwe każ huma applikabbli għaliha. Għalhekk, konformement mat-termini tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159), il-ħsara kkawżata lis-sitwazzjoni legali tal-appellanti hija dovuta għad-Direttiva kontenzjuża kif ukoll għad-Direttiva 2009/73 li hija temenda, u b’mod partikolari għar-rekwiżit li jinkiseb ir-riżultat stipulat minnhom.

    85

    It-tielet, l-appellanti ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ eventwali marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istat Membru kkonċernat kellu fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, tali marġni ta’ diskrezzjoni kellu jiġi stabbilit b’riferiment għas-sitwazzjoni partikolari tagħha u għas-suġġett tar-appell tagħha, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dan l-appell jirrigwarda essenzjalment l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73, ippreżentat mid-Direttiva kontenzjuża. Issa, fir-rigward tad-deroga prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi llimitaha għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass “li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019”, xtaq li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li d-data ta’ din il-limitazzjoni ġiet magħżula preċiżament sabiex l-appellanti tiġi eskluża mill-benefiċċju ta’ din id-deroga. Bl-istess mod, huwa paċifiku li l-pipeline tagħha ma huwiex eliġibbli għad-deroga prevista fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, mingħajr ma l-awtoritajiet Ġermaniżi jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

    86

    Min-naħa l-oħra, il-Parlament u l-Kunsill jaqblu mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

    87

    Il-Parlament isostni, l-ewwel, li, billi l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100), iċċitata mill-appellanti, tikkonċerna atti regolatorji u mhux atti leġiżlattivi, din il-ġurisprudenza ma tistax tqajjem dubju dwar l-approċċ restrittiv prevalenti fir-rigward tar-rikorsi ta’ individwi kontra dawn l-atti tal-aħħar.

    88

    It-tieni, fl-opinjoni tal-Parlament, il-formulazzjoni tad-Direttiva kontenzjuża tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva, b’mod partikolari fl-Artikolu 9(8) u (9) tad-Direttiva 2009/73 u fl-Artikolu 49a ta’ din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva kontenzjuża u mhux l-unika possibbiltà li tinkiseb deroga skont l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73.

    89

    It-tielet, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159), imsemmija mill-appellanti, kienet tikkonċerna kawża li fiha, kuntrarjament għal din il-kawża, l-att kontenzjuż ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali.

    90

    Il-Kunsill isostni, fl-ewwel lok, li r-rikors tal-appellanti kien dirett kontra d-Direttiva kontenzjuża fl-intier tagħha, b’tali mod li l-marġni ta’ diskrezzjoni li tħalla lill-Istati Membri kellu jiġi analizzat fid-dawl ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha.

    91

    Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-argument li ma kien jeżisti ebda dubju dwar il-mod kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tittrasponi d-Direttiva kontenzjuża huwa fundamentalment żbaljat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043), li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 jagħti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali setgħa diskrezzjonali sabiex jagħtu derogi mir-regoli stabbiliti minn din id-direttiva. L-istess loġika tapplika fir-rigward tad-deroga prevista fl-Artikolu 49a tal-imsemmija direttiva.

    92

    Fit-tielet lok, skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kienet korretta wkoll meta kkonkludiet li s-sitwazzjoni legali u fattwali tal-appellanti ma kinitx paragunabbli ma’ dik li kienet tipprevali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159). Fil-fatt, kuntrarjament għall-att kontenzjuż f’din il-kawża, id-Direttiva kontenzjuża, mill-forma u mill-kontenut tagħha, hija direttiva “tipika”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jiġifieri li “torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb”, iżda tħalli “l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Konsegwentement, ma teżistix rabta kawżali bejn id-Direttiva kontenzjuża u l-effetti prodotti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

    93

    Il-Gvern Estonjan, Latvjan u Pollakk isostnu, essenzjalment, l-argumenti invokati mill-Parlament u mill-Kunsill.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    94

    It-tieni parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-Direttiva kontenzjuża tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tagħha, konformement mat-tieni waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

    95

    Fl-ewwel lok, minn naħa, mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk att iħallix lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tas-sustanza nnifisha ta’ tali att.

    96

    Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-att kontenzjuż għandu jkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, inklużi, fir-rigward ta’ direttiva, ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tiegħu, ma jimplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-destinatarji ta’ tali att, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza.

    97

    Fit-tieni lok, meta, bħal f’dan il-każ, att partikolari jista’ jipproduċi diversi effetti legali skont is-sitwazzjonijiet differenti li għalihom huwa intiż li japplika, l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni għandha neċessarjament tiġi evalwata fir-rigward tal-effetti legali konkreti previsti fir-rikors u li jistgħu effettivament jipproduċu ruħhom fis-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

    98

    Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk att iħallix lid-destinatarji tiegħu marġni ta’ diskrezzjoni bil-għan li jiġi implimentat, għandhom jiġu eżaminati l-effetti legali prodotti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att, li huma msemmija fir-rikors, fuq is-sitwazzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont it-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kumissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 50 u 51, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 3839).

    99

    Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Parlament u l-Kunsill, dan huwa wkoll il-każ fl-ipoteżi fejn ir-rikors jirrigwarda, formalment, l-att ikkonċernat fl-intier tiegħu, jekk il-motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors jippermettu li jiġi stabbilit li s-suġġett ta’ dan tal-aħħar fil-verità jikkonċerna aspetti speċifiċi ta’ dan l-att.

    100

    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex issostni l-argument tagħha intiż li juri l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li jitħalla lill-Istati Membri mid-Direttiva kontenzjuża f’dak li jikkonċerna l-effetti prodotti minn din id-direttiva fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, l-appellanti essenzjalment sostniet, fil-kuntest tal-appell tagħha, li d-Direttiva kontenzjuża kellha bħala effett, wara l-bidla li hija tagħmel tal-kunċett ta’ “interkonnettur” previst fil-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, li tissuġġettaha għall-obbligi speċifiċi ta’ din id-direttiva dwar is-separazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni u tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll dawk relatati mal-aċċess ta’ terzi u mar-regolazzjoni tat-tariffi, previsti fl-Artikolu 32 tal-istess direttiva, mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tibbenefika minn deroga għal dawn ir-regoli skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 jew l-Artikolu 49a tagħha, kif inkluż mid-Direttiva kontenzjuża.

    101

    Għaldaqstant, huwa fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tas-sitwazzjoni konkreta tal-appellanti li għandu jiġi ddeterminat jekk, wara l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża, id-Direttiva 2009/73 tħallix lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tagħhom għall-appellanti.

    102

    Għalhekk, fir-rigward, l-ewwel, tad-derogi previsti fl-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 114 u 115 tad-digriet appellat, l-eżistenza ta’ dawn il-possibbiltajiet ta’ deroga, filwaqt li ppreċiżat li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kellhom, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dik prevista f’dan l-Artikolu 49a, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għoti ta’ tali deroga.

    103

    Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali madankollu naqset milli teżamina, meta ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-appellanti u billi ffukat fuq is-sustanza ta’ dawn id-derogi, jekk dawn tal-aħħar setgħux japplikaw għas-sitwazzjoni tagħha u jekk id-Direttiva kontenzjuża kinitx tħalli lill-Istat Membru kkonċernat marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tagħha fir-rigward tal-appellanti.

    104

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni skont derogi previsti fl-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, ukoll fil-punti 74 u 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ebda waħda minn dawn id-derogi ma tista’ tapplika għas-sitwazzjoni tal-appellanti, sa fejn, minn naħa, l-investimenti għall-pipeline Nord Stream 2 kienu diġà ġew deċiżi fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kontenzjuża, li kien jeskludi lil dan il-pipeline mill-benefiċċju ta’ deroga skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, li huwa applikabbli għall-infrastrutturi maġġuri ġodda jew għaż-żidiet sinjifikattivi tal-kapaċità tal-infrastrutturi eżistenti, u, min-naħa l-oħra, f’din id-data, kien evidenti li l-imsemmi pipeline ma setax jitlesta qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, li b’hekk jiġi prekluż l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 49a ta’ din id-direttiva.

    105

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ċertament l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ tali derogi lil impriżi tal-gass li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, min-naħa l-oħra, dawn ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jagħtu dawn id-derogi lill-appellanti, li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk, teżisti rabta diretta bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża u l-impożizzjoni, minn din tal-aħħar, fuq l-appellanti tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73, imsemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

    106

    It-tieni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-Istat Membru kkonċernat igawdix fir-rigward tal-appellanti minn setgħa diskrezzjonali għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-riżultat li għandu jintlaħaq, li jista’ jkollu l-konsegwenza li din madankollu tevita dawn l-obbligi.

    107

    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-obbligu ta’ separazzjoni previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 112 tad-digriet appellat, li l-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, għandhom il-possibbiltà, skont il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(8) u l-Artikolu 9(9) ta’ din id-direttiva, li ma japplikawx dan l-obbligu, b’mod partikolari, għall-interkonnessjonijiet bħall-pipeline Nord Stream 2. F’każ bħal dan, dawn l-Istati Membri għandhom, minflok jisseparaw l-istrutturi ta’ proprjetà u dawk ta’ provvista u ta’ produzzjoni, jew jaħtru operatur ta’ sistema indipendenti skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, jew jaħtru operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni indipendenti. L-imsemmija Stati Membri għalhekk għandhom, skont il-Qorti Ġenerali, setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

    108

    Madankollu, tali konstatazzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ separazzjoni previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73.

    109

    Fil-fatt, mill-premessa 13 tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li, għalkemm iż-żewġ aspetti tal-alternattiva offruta fir-rigward tal-obbligu ta’ separazzjoni previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva kellhom “jippermett[u] lill-impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom tal-assi tan-network”, dawn għandhom xorta waħda “jiżgura[w] separazzjoni effettiva tal-interessi”, fejn l-operatur ta’ sistema jew ta’ trażmissjoni indipendenti għandu “iwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema” u jkun suġġett għal “regolamentazzjoni ddettaljata u mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji estensivi”.

    110

    Isegwi li, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, tkun xi tkun l-għażla finalment privileġġata fost dawk imsemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni legali tal-appellanti ser tkun inevitabbilment mibdula, peress li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73 joffri biss lill-Istati Membri l-għażla tal-mezzi li permezz tagħhom riżultat iddefinit sew, jiġifieri dak ta’ separazzjoni effettiva tal-istrutturi ta’ trażmissjoni minn dawk ta’ produzzjoni u ta’ provvista, għandu jintlaħaq. Għalhekk, minkejja li l-Istati Membri ma humiex imċaħħda minn kwalunkwe marġni ta’ manuvra sabiex jimplimentaw dan l-Artikolu 9, huma ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ separazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-appellanti ma tistax taħrab minnu, indipendentement mill-għażla magħmula fost wieħed mit-tliet metodi previsti mill-imsemmija dispożizzjoni.

    111

    L-istess japplika għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 41(6), (8) u (10) tagħha. L-imsemmija obbligi jimponu, b’mod partikolari, fuq l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni suġġetti għal din id-direttiva li jagħtu aċċess għas-sistema tagħhom lil terzi fuq il-bażi ta’ sistema applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni, ibbażata fuq tariffi ppubblikati, proporzjonati u approvati mill-awtorità regolatorja kompetenti. Din l-awtorità għandha, fil-kuntest tal-approvazzjoni ta’ dawn it-tariffi, b’mod partikolari tipprevedi inċentivi xierqa sabiex l-operaturi jiġu mħeġġa jtejbu l-prestazzjoni tagħhom.

    112

    Fil-fatt, għalkemm dawn l-obbligi jeħtieġu l-adozzjoni, b’mod partikolari mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ta’ miżuri ta’ natura teknika għall-finijiet tal-konkretizzazzjoni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li tali miżuri ma jistgħux jimmodifikaw ir-riżultat li l-imsemmija obbligi jwasslu għalih, jiġifieri li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jiggarantixxu lil terzi aċċess mhux diskriminatorju għal din is-sistema fil-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2009/73, u dan bil-għan li jiġi ggarantit lill-atturi tas-suq kollha aċċess effettiv għal dan is-suq.

    113

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta qieset, fil-punt 117 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma setgħetx tinvoka s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159). Fil-fatt, anki jekk il-kawża li tat lok għal din is-sentenza hija differenti minn din il-kawża sa fejn kienet tikkonċerna l-effetti legali prodotti minn deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li s-saħħa vinkolanti ta’ din id-deċiżjoni kienet dovuta, finalment, għal din id-direttiva u li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija deċiżjoni kienet tiddetermina, bħad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva kontenzjuża msemmija fil-punti 110 u 111 ta’ din is-sentenza, ir-riżultat li kellu jintlaħaq, li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri ma kellhom ebda setgħa diskrezzjonali.

    114

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-Direttiva kontenzjuża ppermettiet marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-appellanti u l-fatt li d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża kellu bħala konsegwenza diretta li din tal-aħħar tiġi suġġetta għal obbligi li r-riżultat tagħhom ma setax jiġi mibdul. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tintlaqa’.

    115

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel aggravju huwa fondat, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-appellanti ma kinitx direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża. Minn dan jirriżulta li l-punt 4 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn, fir-rigward tiegħu, ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kien ġie miċħud bħala inammissibbli għal din ir-raġuni.

    Fuq it‑tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    116

    Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami tagħha tat-talba għall-irtirar tad-dokumenti tal-Kunsill li wassluha sabiex b’mod żbaljat tordna li l-parir tas-servizz legali tal-Kunsill, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitneħħew mill-proċess kif ukoll sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni siltiet mir-rikors u mill-annessi ta’ dan tal-aħħar li fihom estratti minn dawn id-dokumenti huma riprodotti.

    117

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat kompletament l-evalwazzjoni tagħha fuq il-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001, li jirregola l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, mingħajr ma fittxet li ssir taf jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux utli għas-soluzzjoni tat-tilwima, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270).

    118

    It-tieni, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta applikat għad-dokumenti inkwistjoni l-kuntest ġuridiku restrittiv iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi gravi u speċifiċi tal-kawżi li wasslu għad-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438), u għas-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65). Hija tqis b’mod partikolari li dawn id-dokumenti kollha jagħmlu parti mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva kontenzjuża, b’tali mod li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza ikbar stabbilit bis-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għall-argument li ċerti siltiet mill-parir tas-servizz legali tal-Kunsill kienu ssemmew b’mod wiesa’ ħafna mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni stess fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali.

    119

    It-tielet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tat importanza sinjifikattiva lill-proċedura ta’ arbitraġġ li hija kienet bdiet skont it-Trattat tal-Karta ta’ l-Enerġija, iffirmat f’Lisbona fis‑17 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 199), approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat‑23 ta’ Settembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 24). Il-Qorti Ġenerali tiġġustifika l-approċċ li segwiet min-neċessità li jiġi protett l-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda ma tispjegax kif il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni tista’ eventwalment tikkawżalu dannu. Fil-fatt, proċedura ta’ arbitraġġ ma taqax taħt “relazzjonijiet internazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    120

    Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni aggravju minħabba li, fil-fehma tiegħu, dan l-aggravju huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali.

    121

    Barra minn hekk, il-Parlament u l-Kunsill iqisu li t-tieni aggravju għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat.

    122

    L-ewwel, il-Parlament isostni li kull argument tal-appellanti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli teżamina jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux “manifestament rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima”, filwaqt li l-Kunsill iżid, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali ma applikatx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 la esklużivament u lanqas direttament. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali, fir-realtà, ipproċediet għall-ibbilanċjar tal-interessi involuti, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270).

    123

    It-tieni, il-Kunsill jippreċiża f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li, bħala regola ġenerali, dokumenti jistgħu jintużaw fi proċedura biss jekk l-awtur jew l-istituzzjoni konvenuta jkunu awtorizzaw il-produzzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali analizzat fid-dettall iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li tressqet quddiemha u kkonkludiet li l-irtirar mill-proċess tad-dokumenti inkwistjoni kien neċessarju għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

    124

    It-tielet, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali, ġustament, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mid-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438), u mis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is-Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65), ikkonstatat li, billi bbażat ruħha, f’dan il-każ, fuq il-parir tas-servizz legali tal-Kunsill, l-appellanti kienet fir-realtà qiegħda tfittex li tikkonfronta lill-Kunsill rigward il-parir li huwa kien irċieva mis-servizz legali tiegħu u għalhekk li ġġiegħlu li pubblikament jieħu pożizzjoni dwar dan il-parir, li wassal għal effetti negattivi fuq l-interess ta’ din l-istituzzjoni li tkun tista’ tibbenefika minn pariri legali.

    125

    Il-Parlament u l-Kunsill jaffermaw f’dan il-kuntest li l-ebda wieħed mid-dokumenti inkwistjoni, b’mod partikolari l-parir legali tal-Kunsill, ma huwa relatat ma’ proċedura leġiżlattiva, peress li dawn kollha kienu preċedenti għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali.

    126

    Ir-raba’, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ordnat l-irtirar mill-proċess tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod partikolari, minħabba li l-iżvelar tal-kontenut tagħhom jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’hekk stabbilixxiet mill-ġdid l-istatus quo ante li permezz tiegħu l-qorti tal-Unjoni hija l-unika istanza li għandha s-setgħa tordna lill-partijiet jipproduċu dokumenti jew li tevalwa r-rilevanza tagħhom.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    127

    Il-motiv ta’ inammissibbiltà kkontestat mill-Kunsill fir-rigward tat-tieni aggravju, li jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, permezz ta’ dan l-aggravju, sabiex tiddeċiedi dwar konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali biss, bħala prinċipju, hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti, l-imsemmi aggravju ma jistedinx lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-fatti li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha f’dan il-każ, iżda jikkonċerna kwistjoni ta’ liġi dwar il-kuntest ġuridiku applikat minnha għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti.

    128

    Għall-finijiet tal-eżami tal-fondatezza tat-tieni aggravju, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimplika l-obbligu li lil kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett fil-konfront tal-avversarju tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund,C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 96).

    129

    Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju applikabbli fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ prova prodotta fil-ħin tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni abbażi biss tal-fatt li din il-prova tkun inkisbet irregolarment (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten, C‑130/19, EU:C:2021:782, punt 104).

    130

    Għalhekk, fil-preżenza ta’ provi prodotti b’mod irregolari minn parti, bħal dokumenti interni msemmija mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-produzzjoni tagħhom la ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata u lanqas ordnata mill-qorti tal-Unjoni, għandu jingħata piż għall-interessi tal-partijiet rispettivi fil-proċedura marbuta mad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi protetti mir-regoli miksura jew evitati meta jinkisbu tali provi.

    131

    Minn dan jirriżulta li, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 119 u 138 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tal-Unjoni, adita b’talba għall-irtirar tal-provi korrispondenti, għandha twettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-interessi tar-rikorrent li jkun ipproduċa dawn il-provi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-utilità tagħhom għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-merti tar-rikors ippreżentat quddiemha, u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-parti avversarja li għalihom iż-żamma fil-proċess tal-imsemmija provi tista’ konkretament u effettivament tippreġudika.

    132

    Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għall-irtirar mill-proċess ta’ dokumenti interni msemmija mir-Regolament Nru 1049/2001, dan ir-regolament, filwaqt li ma huwiex applikabbli f’rikors bħal dak ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, għalhekk għandu ċertu valur indikattiv fid-dawl tal-kunsiderazzjoni tal-interessi meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni fuq tali talba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punti 1213).

    133

    Madankollu, ma jistax jitqies li r-Regolament Nru 1049/2001 jirregola b’mod eżawrjenti l-ibbilanċjar tal-interessi meħtieġ għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għall-irtirar ta’ dokumenti mill-proċess ta’ kawża.

    134

    Fil-fatt, filwaqt li dan ir-regolament huwa intiż li jtejjeb it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali fil-livell tal-Unjoni billi jimplimenta d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, u stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punti 3536), l-ammissibbiltà ta’ provi tiddependi, fir-rigward tagħha, finalment minn ibbilanċjar tal-interessi involuti, fid-dawl tal-għan li jiġi ggarantit id-dritt tal-partijiet għal smigħ xieraq, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll, essenzjalment, fil-punti 129 u 130 tal-konklużjonijiet tiegħu.

    135

    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-eżami tad-dokumenti inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq, l-ewwel, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ordnat li l-parir tas-servizz legali tal-Kunsill jitneħħa mill-proċess u li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni siltiet li jinsabu fir-rikors u fl-annessi ta’ dan tal-aħħar li fihom huma riprodotti estratti minn dan il-parir.

    136

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun kuntrarju għall-interess pubbliku li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, jekk jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ tali dokumenti interni tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija produzzjoni mill-istituzzjoni kkonċernata jew mingħajr ordni għal tali produzzjoni minn din il-qorti (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    137

    Fil-fatt, permezz tal-produzzjoni mhux awtorizzata ta’ tali parir legali, ir-rikorrent jikkonfronta l-istituzzjoni kkonċernata, fil-proċedura dwar il-validità ta’ att kontenzjuż, rigward parir mogħti mis-servizz legali tagħha stess waqt it-tfassil ta’ dan l-att. Issa, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ammess li dan ir-rikorrent jista’ jdaħħal fil-proċess parir legali ta’ istituzzjoni li l-iżvelar tiegħu ma kienx ġie awtorizzat minn din tal-aħħar imur kontra r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    138

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, eċċezzjonalment, il-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jiġġustifika żvelar fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dokument ta’ istituzzjoni li ma jkunx sar aċċessibbli għall-pubbliku u li jkun jinkludi parir legali meta dan il-parir legali jkun jirrigwarda proċedura leġiżlattiva li għaliha tkun imposta trasparenza ikbar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 56 sa 59).

    139

    Madankollu din it-trasparenza ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv partikolari iżda li għandu natura partikolarment sensittiva jew ambitu partikolarment wiesa’ li jmur lil hinn mill-kuntest ta’ dan il-proċess leġiżlattiv, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-protezzjoni tal-pariri legali, f’liema każ hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tagħti raġunijiet iddettaljati għar-rifjut (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs lI‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 60).

    140

    F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 50 u 54 tad-digriet appellat, il-parir tas-servizz legali tal-Kunsill, li l-produzzjoni tiegħu ma kinitx ġiet awtorizzata minnu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, ma rrigwardax proċess leġiżlattiv, iżda għandu bħala suġġett rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill intiża għall-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni u Stat terz fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Barra minn hekk, dan l-għan ma jistax jiġi affettwat mis-sempliċi fatt li dan il-parir kien issemma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni stess fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali.

    141

    F’tali ċirkustanzi, huma suffiċjentement stabbiliti, minn naħa, il-fatt li ż-żamma fil-proċess tal-imsemmi parir tippreġudika d-dritt tal-Kunsill għal smigħ xieraq u l-interess tiegħu li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-produzzjoni tal-parir legali inkwistjoni mill-appellanti. Minbarra dan, sa fejn l-uniku interess tal-appellanti, daqstant leġittimu daqs kemm jista’ jkun, li ssostni l-argument tagħha bl-għajnuna ta’ dan il-parir ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat tali ħsara għad-drittijiet u għall-interessi tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punti 15 sa 18, kif ukoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punti 70 u 71), speċjalment peress li l-fondatezza ta’ dan l-argument u konsegwentement il-possibbiltà li tintrebaħ il-kawża bl-ebda mod ma jiddependu mill-produzzjoni ta’ tali parir, għandu jiġi konkluż li l-ibbilanċjar tal-interessi mfakkra fil-punt 131 ta’ din is-sentenza jaqa’ favur il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u interessi tal-Kunsill.

    142

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward, it-tieni, tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jidher li, minkejja li l-Qorti Ġenerali stess fakkret, fil-punt 39 tad-digriet appellat, il-valur unikament indikattiv tar-Regolament Nru 1049/2001 għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għall-irtirar ta’ dokumenti, din fir-realtà bbażat ruħha, minkejja din il-premessa u dak li ġie espost fil-punti 131 u 133 ta’ din is-sentenza, esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex jiġi ġġustifikat l-irtirar ta’ dawn id-dokumenti.

    143

    F’dan ir-rigward, minn naħa, filwaqt li jiġi ammess li l-interess relatat mal-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali stabbilita f’din id-dispożizzjoni għandu valur indikattiv f’dan il-kuntest, huwa dejjem minnu li, għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-interessi msemmi fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi stabbilit li ż-żamma ta’ dawn id-dokumenti fil-proċess toħloq riskju li l-interess invokat sabiex jiġi ġġustifikat l-irtirar tal-imsemmija dokumenti jiġi konkretament u effettivament ippreġudikat.

    144

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista f’din id-dispożizzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, peress li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika tali interess, u dan indipendentement mill-fatt li tali istituzzjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punti 51, 52, 6364).

    145

    Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-digriet appellat li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fir-rigward tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li tiddeduċi, fil-punti 57 u 60 sa 63 tad-digriet appellat, ir-riskju ta’ ħsara konkreta u effettiva għall-interess ikkonċernat mis-sempliċi fatt li dan id-dokument kien irrigwarda l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar in-negozjati internazzjonali ma’ Stat terz.

    146

    Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkunsidrat, sabiex tiġġustifika l-irtirar tagħhom mill-proċess, li l-iżvelar ta’ dawn l-osservazzjonijiet jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, “b’mod partikolari billi jdgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ mibdija kontriha mir-rikorrenti”, mingħajr ma spjegat kif tali proċedura ta’ arbitraġġ, skont kull probabbiltà ta’ natura privata, tikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll fil-punt 157 tal-konklużjonijiet tiegħu, u lanqas ma fittxet li tistabbilixxi barra minn hekk ir-realtà tar-riskju ta’ ħsara għall-protezzjoni ta’ dan l-interess pubbliku pprovokat miż-żamma tal-imsemmija osservazzjonijiet fil-proċess.

    147

    Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies stabbilit li l-imsemmi interess pubbliku jiġi pperikolat biż-żamma, fil-proċess, tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali għalhekk kellha twettaq ibbilanċjar tal-interessi involuti, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, ħaġa li hija naqset milli tagħmel.

    148

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li, billi ordnat li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitneħħew mill-proċess u li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni siltiet tar-rikors u tal-annessi ta’ dan tal-aħħar li fihom estratti minn dawn id-dokumenti huma riprodotti, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi sa fejn, minn naħa, applikat esklużivament dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex teżamina t-talba għall-irtirar tal-imsemmija dokumenti mill-proċess mingħajr ma wettqet ibbilanċjar tal-interessi involuti u, min-naħa l-oħra, naqset milli tevalwa, meta ħadet inkunsiderazzjoni spjegazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward mill-Kunsill, il-kwistjoni jekk iż-żamma tal-istess dokumenti fil-proċess setgħetx konkretament u effettivament tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    149

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’ wkoll sa fejn jikkonċerna r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Minn dan jirriżulta li l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, sa fejn dan il-punt jirrigwarda r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (Anness A 14), u l-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv għandhom ukoll jiġu annullati.

    150

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

    Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

    151

    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    152

    F’dan il-każ, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istadju tal-proċeduri, ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill matul il-proċedura tal-ewwel istanza.

    153

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti hijiex individwalment ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża, hija ssostni, essenzjalment, li l-pipeline offshore Nord Stream 2 huwa l-uniku pipeline avvanzat ġdid ikkonċernat minn din id-direttiva li għalih kienet ittieħdet deċiżjoni finali ta’ investiment, fejn investiment importanti ħafna kien ġie approvat ħafna qabel l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva u li l-proprjetarju tiegħu ma jistax jibbenefika minn deroga skont l-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73.

    154

    Il-Parlament u l-Kunsill isostnu, essenzjalment, li l-appellanti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża. Skont dawn l-istituzzjonijiet, il-fatt li huwa possibbli li jiġi ddeterminat, f’mument partikolari, in-numru jew l-identità tal-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li din id-direttiva tikkonċerna, bl-istess mod, il-pipelines kollha, terrestri jew offshore, eżistenti minn qabel jew li tlestew, ġodda jew futuri, li jgħaqqdu lill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant dan huwa ċirku miftuħ ta’ operaturi ekonomiċi. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti tonqos milli tippreċiża kif il-pipeline Nord Stream 2 huwa differenti minn kull interkonnessjoni transkonfinali oħra ma’ pajjiż terz.

    155

    Il-Kunsill iżid, minn naħa, li l-appellanti tikkontesta d-Direttiva kontenzjuża fl-intier tagħha, b’tali mod li r-rikors tagħha ma huwiex limitat għall-validità tal-kundizzjonijiet ta’ deroga li jinsabu fl-Artikolu 49a tad-Direttiva 2009/73 li ddaħħal mid-Direttiva kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100), imsemmija mill-appellanti, ma humiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn dawn is-sentenzi rrigwardaw operaturi li għandhom dritt miksub preċedentement li jindividwalizzahom fir-rigward ta’ kwalunkwe operatur ieħor.

    156

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 93).

    157

    F’dan il-kuntest, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi preċiżjoni ikbar jew inqas, in-numru jew anki l-identità tal-persuni suġġetti tad-dritt li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma jimplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sakemm din l-applikazzjoni titwettaq skont sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    158

    Madankollu, jirriżulta għaldaqstant minn ġurisprudenza stabbilita li, meta att jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fid-data meta kien ġie adottat dan l-att u skont kriterji li huma speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati mill-imsemmi att sa fejn jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59).

    159

    F’dan il-każ, huwa minnu li d-Direttiva kontenzjuża hija fformulata f’termini ġenerali u tapplika indistintivament għal kull operatur li jopera linja ta’ trażmissjoni tal-gass bejn Stat Membru u pajjiż terz, billi tissuġġetta lill-operaturi hekk imsemmija għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73. Iċ-ċirkustanza li dawn l-operaturi jinsabu f’numru żgħir, f’dan il-kuntest, ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li huma individwalment ikkonċernati mid-Direttiva kontenzjuża, peress li din iċ-ċirkustanza hija spjegata mhux min-natura tal-effetti legali prodotti minn din id-direttiva tal-aħħar, iżda mill-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat.

    160

    Madankollu, hekk kif dan ġie rrilevat fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma setgħetx tibbenefika minn deroga la skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, u lanqas taħt l-Artikolu 49a ta’ din id-direttiva.

    161

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fost l-interkonnessjonijiet eżistenti kif ukoll fost l-interkonnessjonijiet li għad iridu jinbnew, il-pipeline Nord Stream 2 huwa l-uniku wieħed li jinsab, u li jista’ jinsab, f’tali sitwazzjoni, sa fejn l-operaturi tal-interkonnessjonijiet l-oħra kollha li jaqgħu taħt id-Direttiva 2009/73 kellhom jew għandhom il-possibbiltà li jingħataw deroga abbażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva msemmija fil-punt preċedenti, hekk kif issostni l-appellanti mingħajr ma hija kkontestata.

    162

    Isegwi li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża, l-artikolazzjoni bejn, minn naħa, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-interkonnessjonijiet bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, prevista fil-punt 17 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament tal-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti fl-Artikoli 36 u 49a tal-imsemmija direttiva pproduċiet effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti ta’ natura li tindividwalizza lil din tal-aħħar b’mod analogu għal dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni.

    163

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-appellanti hija individwalment ikkonċernata mill-kundizzjonijiet ta’ deroga li jirriżultaw mill-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, hekk kif ġew rispettivament emendati u mdaħħla mid-Direttiva kontenzjuża.

    164

    Fit-tieni lok, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 61 sa 81 u 94 sa 115 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-appellanti hija wkoll direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    165

    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-Direttiva kontenzjuża.

    166

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi ddikjarat ammissibbli fil-limiti msemmija fil-punt 163 ta’ din is-sentenza.

    167

    Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu ta’ dan ir-rikors għal annullament.

    Fuq l‑ispejjeż

    168

    Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210), sa fejn dan il-punt jirrigwarda r-rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fid‑9 ta’ Ġunju 2017 għall-attenzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-operat tal-pipeline Nord Stream 2 (Anness A 14), kif ukoll il-punti 3 u 4 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet huma annullati.

     

    2)

    Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

     

    3)

    Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Nord Stream 2 AG kontra d-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, huwa ammissibbli, sa fejn huwa ppreżentat kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, hekk kif ġew rispettivament emendati u mdaħħla mid-Direttiva 2019/692.

     

    4)

    Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tar-rikors għal annullament imsemmi fil-punt 3 ta’ dan id-dispożittiv.

     

    5)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Top