Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0274

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2021.
    GN u WX vs Prefettura di Massa Carrara – Ufficio Territoriale del Governo di Massa Carrara.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Giudice di pace di Massa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Ċirkulazzjoni fit-toroq – Reġistrazzjoni u tassazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Xufier li jirrisjedi fi Stat Membru – Vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor – Vettura mqiegħda għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas għal żmien qasir – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni li jirrisjedu fl-Italja għal iktar minn 60 jum milli jsuqu f’dan l-Istat Membru vettura rreġistrata barra mill-pajjiż.
    Kawża C-274/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1022

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    16 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Ċirkulazzjoni fit-toroq – Reġistrazzjoni u tassazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Xufier li jirrisjedi fi Stat Membru – Vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor – Vettura mqiegħda għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas għal żmien qasir – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni li jirrisjedu fl-Italja għal iktar minn 60 jum milli jsuqu f’dan l-Istat Membru vettura rreġistrata barra mill-pajjiż”

    Fil-Kawża C‑274/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Giudice di pace di Massa (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Massa, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

    GN,

    WX

    vs

    Prefettura di Massa Carrara – Ufficio Territoriale del Governo di Massa Carrara,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal GN u WX, minn M. Kòsa, avvocato,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Očková, bħala aġenti,

    għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, B.‑R. Killmann u L. Malferrari, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 21, 26, 45, 49 sa 55, u 56 sa 62 TFUE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn GN u WX u l-Prefettura di Massa Carrara – Ufficio Territoriale del Governo di Massa Carrara (il-Prefettura ta’ Massa Carrara – l-Uffiċċju Territorjali tal-Gvern ta’ Massa Carrara, l-Italja) dwar rapport ta’ kontravvenzjoni.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 93(1‑bis) tad-decreto legislativo no 285 – Nuovo codice della strada (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 285, li Jistabbilixxi Kodiċi tat-Triq Ġdid), tat‑30 ta’ April 1992 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 114, tat‑18 ta’ Mejju 1992), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Triq”), jipprevedi li:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1‑ter, kull persuna li tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha fl-Italja għal iktar minn [60] jum hija pprojbita milli ssuq vettura rreġistrata barra mill-pajjiż.”

    4

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ksur tal-Artikolu 93(1‑bis) ta’ dan il-kodiċi huwa ssanzjonat permezz ta’ multa amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 712 sa EUR 2848.

    5

    L-Artikolu 93(1‑ter) tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi li:

    “Jekk il-vettura tkun vettura mogħtija b’leasing jew b’kiri mingħajr xufier minn impriża kkostitwita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea li ma tkunx stabbilixxiet fergħa jew stabbiliment ieħor fl-Italja, kif ukoll jekk tkun vettura mislufa lil persuna residenti fl-Italja u marbuta b’relazzjoni ta’ xogħol jew ta’ kollaborazzjoni ma’ impriża kkostitwita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea li ma tkunx stabbilixxiet fergħa jew stabbiliment ieħor fl-Italja b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, dokument, iffirmat minn persuna li f’isimha tkun irreġistrata l-vettura u ddatat, li jippermetti li jiġi stabbilit it-titolu u t-tul tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-vettura, għandu jinżamm abbord il-vettura. Fl-assenza ta’ dan id-dokument, id-disponibbiltà tal-vettura għandha titqies li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-sewwieq.”

    6

    L-Artikolu 43 tal-Codice Civile (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jiddefinixxi r-“residenza” bħala “il-post fejn il-persuna għandha r-residenza abitwali tagħha”.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    7

    GN jirrisjedi fl-Italja, filwaqt li martu, WX, tirrisjedi fis-Slovakkja.

    8

    Fis‑17 ta’ Frar 2019, filwaqt li WX kienet tinsab fl-Italja, GN u WX użaw il-vettura ta’ din tal-aħħar, irreġistrata fis-Slovakkja, sabiex imorru f’supermarket.

    9

    Din il-vettura ġiet l-ewwel misjuqa minn WX, imbagħad minn GN.

    10

    F’din l-okkażjoni, dawn twaqqfu u ġew ikkontrollati mill-pulizija tat-traffiku ta’ Massa Carrara. Waqt dan il-kontroll tal-pulizija, tħejja rapport ta’ kontravenzjoni kontra GN, is-sewwieq tal-vettura kkonċernata fil-mument tal-imsemmi kontroll, kif ukoll kontra WX, bħala l-proprjetarja ta’ din il-vettura, u din tal-aħħar ġiet issekwestrata, għall-ksur tal-Artikolu 93(1‑bis) tal-Kodiċi tat-Triq, għar-raġuni li GN, li kien ilu jirrisjedi fl-Italja għal iktar minn 60 jum, kien qiegħed isuq vettura rreġistrata barra mill-pajjiż.

    11

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-persuni li jkunu ilhom jirrisjedu għal iktar minn 60 jum fl-Italja ma humiex awtorizzati jsuqu hemmhekk vettura rreġistrata barra mill-pajjiż u, sabiex jagħmlu dan, huma obbligati jirreġistraw din il-vettura fl-Italja, billi jikkonformaw ruħhom ma’ formalitajiet amministrattivi kumplessi u għaljin.

    12

    Din il-qorti tippreċiża li r-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fl-Italja timplika, minbarra l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ proċeduri amministrattivi pjuttost kumplessi, l-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tieħu għal darba oħra l-vettura għall-manutenzjoni fl-Italja, li tħallas it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur fl-Italja inkluż għas-sena kurrenti li għaliha t-taxxa ekwivalenti diġà tkun tħallset barra mill-pajjiż, u li takkwista polza ta’ assigurazzjoni ġdida mingħand kumpannija Taljana.

    13

    L-imsemmija qorti tqis li l-projbizzjoni ta’ sewqan fl-Italja b’vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor, irrispettivament mill-persuna li f’isimha tkun irreġistrata din il-vettura, imposta mil-leġiżlazzjoni Taljana fuq kull persuna li tirrisjedi fl-Italja għal iktar minn 60 jum, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tqis li l-obbligu li jiġu rreġistrati fl-Italja vetturi bil-mutur diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor jista’ jirrendi diffiċli jew jirrestrinġi, b’mod indirett, iżda b’mod sinjifikattiv, l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, ta’ ċerti drittijiet stabbiliti mit-Trattat FUE.

    14

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice di pace di Massa (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Massa, l-Italja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kunċett ta’ projbizzjoni ta’ kull ‘diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza’ fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa pprojbit għall-Istati Membri li jilleġiżlaw bi kwalunkwe mod li jkunu jistgħu, anki b’mod indirett, moħbi jew materjali, biex ipoġġu f’diffikultà ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 93(1a [(1‑bis)] tal-[Kodiċi tat-Triq], li jipprevedi l-projbizzjoni ta’ moviment bi plakek ta’ reġistrazzjoni barranin (tkun li tkun il-persuna li f’isimha l-vettura hija rreġistrata) wara [60] ġurnata ta’ residenza fl-Italja, jista’ jpoġġi f’diffikultà liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn (detenturi ta’ vettura mgħammra bi plakka ta’ reġistrazzjoni barranija) u, konsegwentement, ikollu natura diskriminatorja abbażi tan-nazzjonalità?

    3)

    Il-kunċetti ta’

    a.

    ‘id-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri’ msemmi fl-Artikolu 21 TFUE,

    b.

    ‘suq intern’ li ‘jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati’ msemmi fl-Artikolu 26 TFUE,

    c.

    ‘[g]ħandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni’ msemmi fl-Artikolu 45 TFUE,

    d.

    ‘ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor’ imsemmija fl-Artikoli 49 sa 55 TFUE, u ta’

    e.

    ‘restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni […] projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi’ msemmija fl-Artikoli 56 sa 62 TFUE

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu, anki biss b’mod indirett, moħbi jew materjali, jillimitaw jew irendu iktar diffiċli, għaċ-ċittadini Ewropej, l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għal-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, il-libertà tal-istabbiliment u l-liberta li jiġu pprovduti servizzi jew li jinfluwenzaw bi kwalunkwe mod li jkun id-drittijiet inkwistjoni, huma wkoll ipprojbiti?

    4)

    Jekk tingħata risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikolu 93(1a) tal-[Kodiċi tat-Triq], li jipprevedi l-projbizzjoni ta’ moviment bi plakek ta’ reġistrazzjoni barranin (tkun li tkun il-persuna li f’isimha l-vettura hija rreġistrata) wara [60] ġurnata ta’ residenza fl-Italja, jista’ jillimita, jew irendi iktar diffiċli jew jinfluwenza bi kwalunkwe mod l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għal-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt għall-moviment liberu ta’ ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, il-libertà tal-istabbiliment u l-liberta li jiġu pprovduti servizzi?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    15

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18, 21, 26, 45, 49 sa 55, u 56 sa 62 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lil kull persuna li tirrisjedi għal iktar minn 60 jum fi Stat Membru milli ssuq fih vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor, u dan irrispettivament mill-persuna li f’isimha tkun irreġistrata din il-vettura.

    16

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk, fuq il-livell formali, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18, 21, 26, 45, 49 sa 55, u 56 sa 62 TFUE, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ self mogħti bejn ċittadini residenti fi Stati Membri differenti, li s-self għal użu transkonfinali, bla ħlas, ta’ vettura bil-mutur jikkostitwixxi moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    18

    Peress li huwa applikabbli l-Artikolu 63 TFUE li jipprovdi għal regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni, għaldaqstant ma għandux japplika l-Artikolu 18 TFUE (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 24).

    19

    Barra minn hekk, l-Artikoli 49 sa 55 TFUE, li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, din it-tilwima la tikkonċerna l-aċċess għal attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha u lanqas l-eżerċizzju tagħhom.

    20

    Bl-istess mod, sa fejn il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikoli 56 sa 62 TFUE, l-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar lanqas ma tidher rilevanti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-imsemmija tilwima.

    21

    Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn din is-sitwazzjoni u l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, previst fl-Artikolu 45 TFUE.

    22

    Fl-aħħar nett, peress li l-Artikolu 26 TFUE jipprevedi li s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-kapital għandu jiġi żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u li l-Artikolu 63 TFUE huwa applikabbli, l-ewwel artikolu ma japplikax.

    23

    Għalhekk, sa fejn il-kawża prinċipali tikkonċerna s-self ta’ vettura minn resident ta’ Stat Membru lil resident fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula qabelxejn fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 25).

    24

    Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu fformulati mill-ġdid u li jitqies li, permezz tagħhom, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 21 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil kull persuna li tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru għal iktar minn 60 jum milli ssuq fih vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor, u dan irrispettivament mill-persuna li f’isimha tkun irreġistrata din il-vettura.

    Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni

    25

    Jikkostitwixxu restrizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, miżuri imposti minn Stat Membru li huma ta’ natura li jiddisswadu lir-residenti tiegħu milli jidħlu f’kuntratti ta’ self fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Skont l-Artikolu 93(1‑bis) tal-Kodiċi tat-Triq, kull persuna li tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha fl-Italja għal iktar minn 60 jum hija pprojbita milli ssuq vettura rreġistrata barra mill-pajjiż.

    27

    Konsegwentement, persuna li tkun tirrisjedi fl-Italja għal iktar minn 60 jum, bħal GN, li jkollha vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor u li tkun tixtieq issuqha fl-Italja, hija obbligata li tirreġistraha f’dan l-aħħar Stat Membru, li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, jimplika l-ħlas ta’ spejjeż u ta’ taxxi kif ukoll it-twettiq ta’ formalitajiet amministrattivi kumplessi.

    28

    Issa, peress li l-element essenzjali ta’ self għal użu jikkonsisti fil-possibbiltà li jintuża l-oġġett misluf, għandu jiġi kkonstatat li, billi timponi fuq il-persuni li jirrisjedu fl-Italja għal iktar minn 60 jum l-ħlas ta’ taxxa meta tintuża, fin-network tat-toroq Taljan, vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor, inkluż jekk din tkun ġiet mislufa mingħajr ħlas minn resident ta’ Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali twassal sabiex jiġi ntaxxat is-self għal użu transkonfinali mingħajr ħlas ta’ vetturi bil-mutur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 39). Min-naħa l-oħra, is-self għal użu mingħajr ħlas ta’ vettura rreġistrata fl-Italja ma huwiex suġġett għal din it-taxxa.

    29

    Għalhekk, tali differenza fit-trattament, skont l-Istat fejn tkun irreġistrata l-vettura mislufa, hija ta’ natura li tiddisswadi lir-residenti tal-Italja milli jaċċettaw is-self offrut lilhom minn residenti ta’ Stat Membru ieħor ta’ vettura rreġistrata f’dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Wallonische Region (Reġistrazzjoni ta’ vettura mislufa), C‑41/20 sa C‑43/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:703, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, sa fejn hija ta’ natura li tiddisswadi lir-residenti tal-Italja milli jidħlu f’kuntratti ta’ self fi Stati Membri oħra, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punti 4041).

    Fuq il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni

    31

    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni fir-rigward ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-TFUE ma tistax tiġi ammessa ħlief jekk din tkun issegwi għan leġittimu kompatibbli mal-imsemmi trattat u li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’każ bħal dan, li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy, C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 31, u d-digriet tat‑23 ta’ Settembru 2021, Wallonische Region (Reġistrazzjoni ta’ vettura ta’ kumpannija mingħajr personalità ġuridika), C‑23/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:770, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Il-Gvern Taljan isostni, essenzjalment, li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jiġi evitat li, permezz tal-użu abitwali fit-territorju nazzjonali ta’ vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż, persuni li jirrisjedu u li jaħdmu fl-Italja jkunu jistgħu jwettqu atti illegali, bħan-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi, ta’ imposti u ta’ pedaġġi tat-triq, ikunu jistgħu jevitaw sanzjonijiet jew jibbenefikaw minn primjums ta’ assigurazzjoni iktar vantaġġużi, iżda wkoll li l-identifikazzjoni tal-persuni li effettivament isuqu dawn il-vetturi ssir diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-forzi tal-pulizija inkarigati li jwettqu kontrolli.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali fl-oqsma tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li Stat Membru jista’ jissuġġetta għal taxxa ta’ reġistrazzjoni vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor meta din il-vettura tkun intiża li tintuża essenzjalment fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew meta, fil-fatt, tkun qiegħda tintuża b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, ir-rabta ma’ Stat Membru tal-vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tkun dgħajfa, b’tali mod li tkun meħtieġa ġustifikazzjoni oħra għar-restrizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa t-tul tas-self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u n-natura tal-użu effettiv tal-vetturi mislufa (sentenza tas‑26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punt 49).

    36

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-għan ta’ prevenzjoni ta’ abbuż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni b’mod abbużiv jew frawdolenti, preżunzjoni ġenerali ta’ abbuż ma tistax tkun ibbażata fuq il-fatt li persuna li tirrisjedi fl-Italja tuża, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor li ġiet mislufa lilha mingħajr ħlas minn persuna li tirrisjedi f’dan l-Istat Membru l-ieħor (digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Wallonische Region (Reġistrazzjoni ta’ vettura mislufa), C‑41/20 sa C‑43/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:703, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni marbuta mar-rekwiżit tal-effikaċja tal-kontrolli fit-triq, invokata mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għandu jiġi osservat li ma jidhirx għal liema raġunijiet l-identifikazzjoni tal-persuni li effettivament isuqu vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż issir diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-forzi tal-pulizija inkarigati li jwettqu kontrolli.

    38

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-għan li s-sewwieq ikkonċernat ma jibbenefikax minn primjums ta’ assigurazzjoni iktar vantaġġużi, imressqa minn dan il-gvern, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-imsemmi gvern ma jirriżulta kif dan l-għan jikkostitwixxi għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat TFUE u huwa ġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru li jinvoka raġuni li tiġġustifika restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dan it-trattat li għandu juri b’mod konkret l-eżistenza ta’ raġuni ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 69).

    39

    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tnaqqis fid-dħul fiskali ma jistax jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 49; tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 61, kif ukoll id-digriet tal‑10 ta’ Settembru 2020, Wallonische Region (Reġistrazzjoni ta’ vettura mislufa), C‑41/20 sa C‑43/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:703, punt 55).

    40

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil kull persuna li tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru għal iktar minn 60 jum milli ssuq fih vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor, u dan irrispettivament mill-persuna li f’isimha tkun irreġistrata din il-vettura, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-imsemmija vettura fl-ewwel Stat Membru u mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun tista’ tinvoka dritt għal eżenzjoni meta din l-istess vettura la tkun intiża li tintuża essenzjalment fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt, ma tintuża b’dan il-mod.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-interpetazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE.

    Fuq l‑ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil kull persuna li tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru għal iktar minn 60 jum milli ssuq fih vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor, u dan irrispettivament mill-persuna li f’isimha tkun irreġistrata din il-vettura, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-imsemmija vettura fl-ewwel Stat Membru u mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun tista’ tinvoka dritt għal eżenzjoni meta din l-istess vettura la tkun intiża li tintuża essenzjalment fl-ewwel Stat Membru b’mod permanenti u lanqas, fil-fatt, ma tintuża b’dan il-mod.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top