This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0228
Judgment of the Court (Second Chamber) of 7 April 2022.#I GmbH v Finanzamt H.#Request for a preliminary ruling from the Niedersächsisches Finanzgericht.#Reference for a preliminary ruling – Common system of value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Article 132(1)(b) – Exemptions for certain activities in the public interest – Exemption for hospital and medical care – Private hospital – Duly recognised establishment – Comparable social conditions.#Case C-228/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022.
I GmbH vs Finanzamt H.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika – Stabbiliment li huwa sptar privat – Stabbiliment debitament irrikonoxxut – Kundizzjonijiet soċjali komparabbli.
Kawża C-228/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022.
I GmbH vs Finanzamt H.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika – Stabbiliment li huwa sptar privat – Stabbiliment debitament irrikonoxxut – Kundizzjonijiet soċjali komparabbli.
Kawża C-228/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:275
*A9* Niedersächsisches Finanzgericht, Beschluss vom 02/03/2020 (5 K 256/17)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(b) – Eżenzjonijiet favur ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Eżenzjoni tal-kura fi sptar u tal-kura medika – Stabbiliment li huwa sptar privat – Stabbiliment debitament irrikonoxxut – Kundizzjonijiet soċjali komparabbli”
Fil-Kawża C‑228/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura
I GmbH
vs
Finanzamt H,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal I GmbH, minn W. Franz, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Finanzamt H, minn K. Hintzelmann, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Heimerl, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u L. Mantl, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I GmbH u l-Finanzamt H (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ H, il-Ġermanja) dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tas-servizzi tal-isptarijiet ipprovduti minn I matul is-snin fiskali 2009 sa 2012. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-Artikolu 131 tad-Direttiva dwar il-VAT jikkostitwixxi l-uniku artikolu li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, tat-Titolu IX tagħha, intitolat “Eżenzjonijiet”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej: “L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.” |
4 |
L-Artikolu 132(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tal-imsemmi Titolu IX, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 134 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi: “Il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi m’għandhiex tingħata eżenzjoni, kif previst fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1), fil-każijiet li ġejjin:
|
Id‑dritt Ġermaniż
7 |
Skont il-punt 14 tal-Artikolu 4 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), tal‑21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), huma eżentati mill-VAT: “[…]
|
8 |
L-Artikolu 108, intitolat “Sptarijiet approvati”, tal-Ktieb V tal-Kodiċi Soċjali (iktar ’il quddiem is-“SGB V”), jipprovdi: “Il-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa jistgħu jipprokuraw kura fl-isptar biss mill-isptarijiet li ġejjin (sptarijiet approvati): 1. [sptarijiet tal-università], 2. sptarijiet li huma inklużi fi pjan tal-isptarijiet fuq livell tal-Land (sptarijiet inklużi fil-pjan), jew 3. sptarijiet li kkonkludew kuntratt għall-provvista ta’ kura tas-saħħa mal-Landesverbände der Krankenkassen [(l-assoċjazzjonijiet tal-fondi ta’ assigurazzjoni għas-saħħa fil-livell tal-Land)] u l-Verbände der Ersatzkassen [(l-assoċjazzjonijiet tal-fondi sostituti)].” |
9 |
Fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, l-Artikolu 109 tas-SGB V, intitolat “Konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ kura ma’ sptarijiet”, jipprevedi li: “[…] (2) Id-dritt li jiġi konkluż kuntratt għall-provvista ta’ kura tas-saħħa imsemmi fl-Artikolu 108(3) tas-SGB V ma japplikax […] (3) Il-kuntratt għall-provvista ta’ kura tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 108(3) tas-SGB V ma għandux jiġi konkluż f’każ fejn l-isptar:
[…]” |
10 |
L-Artikolu 1, intitolat “Prinċipju”, tal-Gesetz zur wirtschaftlichen Sicherung der Krankenhäuser und zur Regelung der Krankenhauspflegesätze (Krankenhausfinanzierungsgesetz) (il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Isptarijiet), tal‑10 ta’ April 1991 (BGB1. 1991 I, p. 886, iktar ’il quddiem il-“KHG”), jipprevedi: “(1) L-għan ta’ din il-Liġi huwa li tipprovdi sikurezza ekonomika għall-isptarijiet sabiex tiġi żgurata lill-poplu kura ta’ kwalità għolja, ibbażata fuq il-pazjent u fuq il-bżonn permezz ta’ sptarijiet effiċjenti, ta’ kwalità għolja, u mħaddma b’mod indipendenti u biex tikkontribwixxi għal spiża tal-kura tas-saħħa li hija soċjalment sostenibbli.” |
11 |
L-Artikolu 6, intitolat “Pjan tal-isptarijiet u programmi ta’ investiment”, tal-KHG, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-Länder għandhom iħejju pjanijiet tal-isptar u programmi ta’ investiment intiżi li jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1; l-ispejjeż marbutin ma’ dawn, b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq l-ispiża għall-kura tas-saħħa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
12 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija li l-għan tagħha huwa l-ippjanar, il-ħolqien u l-operat ta’ sptar li fih huma rrappreżentati l-oqsma kollha tan-newroloġija. |
13 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tipprovdi servizzi ta’ sptar fis-sens tad-dritt Ġermaniż u l-operat tagħha huwa awtorizzat mill-Istat. Madankollu, hija ma hijiex integrata fil-pjan tal-ħtiġijiet tal-isptarijiet tal-Land ta’ Niedersachsen u għalhekk ma hijiex stabbiliment li jaqa’ taħt il-pjan tal-isptarijiet fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 108 tas-SGB V. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex stabbiliment tal-kura kopert minn kuntratt peress li ma kkonkludietx kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 108 tas-SGB V. |
14 |
Il-pazjenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma pazjenti privati, li jħallsu minn buthom għat-trattament tagħhom u li jingħataw aċċess għal dan it-trattament wara li jkunu għamlu ħlas bil-quddiem, pazjenti affiljati ma’ skema ta’ assigurazzjoni għall-mard privata u/jew li huma intitolati għall-Beihilfe (għajnuna mħallsa lill-uffiċjali fil-każ ta’ mard), pazjenti msejħa “konsulari”, li fir-rigward tagħhom l-ambaxxata ta’ Stat barrani toħroġ konferma li ser tassumi responsabbiltà għall-ispejjeż, pazjenti li huma membri tal-forzi armati Ġermaniżi, pazjenti li huma koperti minn organu ta’ previdenza professjonali u pazjenti affiljati mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard statutorja. Il-pazjenti affiljati ma skemi ta’ assigurazzjoni għall-mard privati jew statutorji kienu jiġu ttrattati każ b’każ wara konferma li ser tiġi assunta responsabbiltà għall-ispejjeż mid-dipartimenti responsabbli għall-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali fil-każ ta’ mard, mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, mill-fondi sostituti jew mill-assigurazzjonijiet privati. Fil-każ tal-pazjenti konsulari, ir-responsabbiltà għall-ispejjeż kienet tittieħed mill-organi soċjali barranin permezz tal-ambaxxati kkonċernati. |
15 |
Inizjalment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tiffattura s-servizzi ta’ sptar, il-kura medika, kif ukoll it-tranżazzjonijiet li kienu marbuta mill-qrib magħhom fuq il-bażi ta’ rati fissi għal kull jum ta’ kura, kif hija l-użanza għall-isptarijiet imsemmija fl-Artikolu 108 tas-SGB V, rati li magħhom kienu jiżdiedu l-eventwali supplimenti, meta l-pazjenti kienu rrikoverati fi kmamar individwali jew doppji. Is-servizzi mediċi fakultattivi kienu jiġu ffatturati separatament. Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ffatturat progressivament id-diversi servizzi tagħha abbażi ta’ rati fissi għal kull grupp ta’ każijiet, skont sistema msejħa “Diagnosis Related Group” (grupp omoġenju ta’ djanjosi). Fl‑2011, 15 sa 20 % tal-ġranet ta’ kura fi sptar ġew iffatturati skont din is-sistema. |
16 |
Fit‑28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet kuntratt qafas fis-sens tal-punt 14(b)(cc) tal-Artikolu 4 tal-UStG ma’ fond ta’ assigurazzjoni għal inċidenti, li jaġixxi bħala organu tal-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni għal inċidenti, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2012. |
17 |
Fid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għas-snin 2009 sa 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ttrattat is-servizzi ta’ sptar iffatturati abbażi ta’ rati fissi ta’ kura kif ukoll it-tariffi ffatturati lit-tobba li kellhom sodod f’dipartiment tal-isptar bħala tranżazzjonijiet eżentati mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. |
18 |
Fil-kuntest ta’ kontroll fiskali mwettaq mill-Finanzamt für Grossbetriebsprüfung H (l-Uffiċċju tat-Taxxa Responsabbli għall-Kontroll tal-Impriżi l-Kbar ta’ H, il-Ġermanja) l-uffiċjal li wettqet l-eżami qieset li l-parti l-kbira tas-servizzi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imwettqa qabel l‑1 ta’ Lulju 2012, ma kellhomx jiġu eżentati mill-VAT minħabba li, qabel dik id-data, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx sptar approvat. Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata mill-Uffiċċju tat-Taxxa permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Settembru 2017. |
19 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li dawn is-servizzi huma eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Hija ssostni li hija topera sptar awtorizzat u li hija tipprovdi servizzi tal-isptarijiet u terapiji b’mod analogu għal organu rregolat mid-dritt pubbliku. L-attività tagħha hija ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, minn naħa, hija tipproponi firxa ta’ servizzi komparabbli għal dik tal-isptarijiet pubbliċi jew integrati fil-pjan tal-isptarijiet. Min-naħa l-oħra, hija tipprovdi s-servizzi tagħha lil kull persuna, kemm jekk din tkun affiljata ma’ skema ta’ assigurazzjoni statutorja jew privata, u kemm jekk ma tkunx assigurata. L-ispejjeż relatati mat-terapiji huma fil-parti l-kbira tagħhom imħallsa minn organi tas-sigurtà soċjali, li ma jinkludux biss il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard statutorji, iżda wkoll il-forzi armati Ġermaniżi, l-organi ta’ previdenza professjonali, is-servizzi ta’ allokazzjoni tal-għajnuna mħallsa lill-uffiċjali fil-każ ta’ mard u l-ambaxxati. Il-pazjenti li l-ispejjeż tagħhom huma b’hekk koperti minn organi tas-sigurtà soċjali kienu jirrappreżentaw rispettivament 33.08 % fl‑2009, 34.31 % fl‑2010, 38.15 % fl‑2011 u 40.30 % fl‑2012 tal-ġranet ta’ rikoveru fi sptar. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti fil-punt 14(b)(aa) tal-Artikolu 4 tal-UStG u li hija tista’ tinvoka l-eżenzjoni prevista fil-punt 14(b)(cc) tal-Artikolu 4 tal-UStG b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2012 biss, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt qafas konkluż mal-fond tal-assigurazzjoni għal inċidenti. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għall-isptarijiet li ma humiex organi rregolati mid-dritt pubbliku, il-punt 14(b)(aa) tal-Artikolu 4 tal-UStG jirriżerva l-eżenzjoni mill-VAT għall-isptarijiet li kienu minn tal-ewwel li ġew integrati fil-pjan tal-isptarijiet u li s-servizzi tagħhom jissodisfaw ħtiġijiet iddefiniti fir-rigward tad-dritt tas-sigurtà soċjali. Konformement mal-Artikolu 108 u mal-punt 3 tal-Artikolu 109(3) tas-SGB V, il-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jew il-fondi sostituti statutorji jistgħu jikkonkludu kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura ma’ sptar bil-kundizzjoni biss li dan ikun meħtieġ għal kura fl-isptar adattata għall-ħtiġijiet tal-persuni assigurati. Anki meta sptar ikun integrat fi pjan tal-isptarijiet, l-aspetti ekonomiċi jibqgħu rilevanti peress li, skont l-Artikolu 1 tal-KHG, l-għan ta’ din il-liġi tal-aħħar huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ tariffi għall-kura raġonevoli. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, ebda sptar supplimentari ma jista’ jiġi integrat fil-pjan tal-isptarijiet tal-Land tiegħu, u għaldaqstsant lanqas ma jista’ jikkonkludi kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi tal-iskema statutorja tal-assigurazzjoni għall-mard meta, fi ħdan dan il-Land, ikun hemm numru suffiċjenti ta’ sodod ta’ sptar disponibbli għal dixxiplina medika partikolari. |
22 |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sistema ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ twassal sabiex servizzi komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti. Il-vantaġġ mogħti lil ċerti sptarijiet meta mqabbla ma’ oħrajn huwa bbażat biss fuq il-fatt li dawn l-isptarijiet huma iktar antiki u setgħu kienu l-ewwel li ġew integrati fil-pjan tal-isptarijiet jew li kkonkludew kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura. |
23 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fi ħdan il-ġurisprudenza tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), ħarġet tendenza li tqis li l-punt 14 tal-Artikolu 4 tal-UStG ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT minħabba li l-eżenzjoni fiskali tas-servizzi offruti fl-isptarijiet li ma humiex organi rregolati mid-dritt pubbliku hija possibbli biss bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jissodisfaw ħtiġijiet iddefiniti fid-dawl tad-dritt tas-sigurtà soċjali. |
24 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta’ kura fi sptar offruti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u t-tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib magħhom ġewx ipprovduti f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk tal-organi rregolati mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar ir-rilevanza tal-kriterji relatati mal-ġestjoni, mal-istrutturi tal-ispejjeż u mal-prestazzjoni ekonomika tal-istabbiliment inkwistjoni, kif adottati mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi). Hija tqis li l-pożizzjoni li għandha tittieħed għandha tkun iktar mill-perspettiva tal-pazjent. |
25 |
B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet soċjali huma komparabbli meta l-ispejjeż tal-maġġoranza tal-pazjenti jitħallsu minn organi tas-sigurtà soċjali. L-ammont tal-ispejjeż netti ta’ sptar ma huwiex kriterju xieraq sabiex jiġi stabbilit jekk sptar privat joffrix is-servizzi tiegħu taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk ta’ sptar pubbliku, peress li t-tariffi proposti minn sptar privat speċjalizzat huma neċessarjament ogħla minn dawk ta’ sptar pubbliku li jipprovdi wkoll numru ta’ trattamenti mediċi sempliċi li ma jeħtiġux tagħmir li jiswa ħafna flus. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
27 |
Mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali jipprevedu li sptar li ma huwiex organu rregolat mid-dritt pubbliku jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT, konformement mal-punt 14(b)(aa) tal-Artikolu 4 tal-UStG, jekk dan l-isptar ikollu approvazzjoni fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V, jew għaliex ikun integrat fil-pjan tal-isptarijiet ta’ Land jew minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti statutorji. |
28 |
Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isemmi element komplimentari relatat mad-dritt nazzjonali. Huwa jispeċifika li minn ċirkulari amministrattiva, applikabbli b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2009, jirriżulta li anki l-isptarijiet privati li ma humiex approvati fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT meta s-servizzi tagħhom jikkorrispondu għas-servizzi pprovduti mill-isptarijiet operati minn organi pubbliċi jew minn sptarijiet approvati fis-sens tal-Artikolu 108 tas-SGB V u meta l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi jitħallsu, fil-parti l-kbira tagħhom, mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jew minn organi oħra tas-sigurtà soċjali. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi tal-qorti nazzjonali kif saru u fil-limiti stabbiliti minn din tal-aħħar. |
31 |
Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-punti ta’ liġi deskritti mill-qorti tar-rinviju, li tagħmel din id-domanda fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 108 tas-SGB V. Issa, iċ-ċirkulari amministrattiva invokata mill-Gvern Ġermaniż ma tistax iddaħħal inkwistjoni r-rilevanza ta’ din id-domanda, u dan iktar u iktar għaliex dan il-gvern ma huwiex qiegħed jikkontesta l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet kif indikati mill-qorti tar-rinviju, iżda, l-iktar l-iktar, isemmi kundizzjonijiet alternattivi supplimentari li ma ssemmewx minn dik il-qorti. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li s-servizzi ta’ kura pprovduti minn sptar privat huma eżentati mill-VAT jekk dan l-isptar ikun approvat konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard minħabba l-integrazzjoni tiegħu fil-pjan tal-isptarijiet ta’ Land jew minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti statutorji. |
33 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni - II), C‑357/20, EU:C:2021:881, punt 20). |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT u għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija permezz tal-imsemmija eżenzjonijiet. B’hekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użat sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 132 għandu jiġi interpretat b’mod li jċaħħad lil dawn l-eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 57). |
35 |
Dawn ir-regoli ta’ interpretazzjoni japplikaw għall-kundizzjonijiet speċifiċi li huma meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva dwar il-VAT, u b’mod partikolari għal dawk li jirrigwardaw il-kwalità jew l-identità tal-operatur ekonomiku li jwettaq provvisti koperti minn eżenzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 57). |
36 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-kura fi sptar u l-kura medika kif ukoll it-tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib magħhom, ipprovduti minn organi rregolati mid-dritt pubbliku jew, “skond kondizzjonijiet soċjali komparabbli” ma’ dawk applikabbli għal dawn tal-aħħar, “minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti”. |
37 |
Konformement mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huma meħtieġa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex is-servizzi ta’ kura fi sptar, ta’ kura medika kif ukoll it-tranżazzjonijiet li huma marbuta mill-qrib magħhom, offerti minn entità li ma hijiex organu rregolat mid-dritt pubbliku, ikunu jistgħu jiġu eżentati mill-VAT. L-ewwel kundizzjoni hija marbuta mas-servizzi pprovduti u tirrikjedi li dawn jitwettqu f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III, C‑211/18, EU:C:2020:168, punti 20 u 21). |
38 |
It-tieni kundizzjoni tirrigwarda l-kwalità tal-istabbiliment li jipprovdi dawn is-servizzi u teżiġi li l-operatur ikun sptar, ċentru ta’ kura medika u ta’ dijanjosi jew stabbiliment ieħor tal-istess natura debitament irrikonoxxut. |
39 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà ma’ din it-tieni kundizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jirriżervaw l-eżenzjoni mill-VAT għall-isptarijiet approvati abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard. |
40 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli dwar kif ir-rikonoxximent ta’ stabbiliment għall-finijiet tal-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jista’ jingħata lill-istabbilimenti li jitolbu tali rikonoxximent. L-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Tali rikonoxximent ma jeħtieġx proċedura formali u ma għandux jirriżulta neċessarjament minn dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 61). |
42 |
Meta persuna taxxabbli titlob li tibbenefika mill-kwalità ta’ stabbiliment debitament irrikonoxxut fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija minn din l-aħħar dispożizzjoni billi japplikaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li, fil-qasam tal-VAT, huwa espress permezz tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu ddeterminati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija mid-Direttiva dwar il-VAT lil Stat Membru u li għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sptar privat ikun suġġett għall-kundizzjoni li jkun approvat konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard, li jimplika li l-imsemmi sptar ikun jew integrat fil-pjan tal-isptarijiet lokali jew ikun ikkonkluda kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti statutorji, jaqa’ taħt tali limiti. |
44 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel, jekk ir-rekwiżit li wieħed ikun “debitament irrikonoxxut” japplikax għall-entitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jew jekk japplikax biss għal “stabblimenti oħrajn ta’ natura simili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, fil-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża, Portugiża, Rumena, Spanjola u Taljana tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-espressjoni “debitament rikonoxxuti” tinsab wara r-referenza għal “stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili”, filwaqt li, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari dawk bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Latvjan, l-espressjoni “debitament rikonoxxuti” tinsab bejn il-kliem “oħrajn” u “stabbilimenti ta’ natura simili”. Għaldaqstant, ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jissuġġerixxu li huma biss l-“istabbilimenti l-oħra ta’ natura simili” li huma suġġetti għar-rekwiżit li jkunu “rikonoxxuti debitament”, filwaqt li verżjonijiet oħra jammettu li dan ir-rekwiżit japplika għall-kategoriji kollha ta’ stabbilimenti privati msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
46 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, KAHL u Roeper, C‑197/20 u C‑216/20, EU:C:2021:892, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dan il-każ, sa fejn, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni, “stabbilimenti oħrajn” għandhom ikunu “ta’ natura simili” bħal “sptarijiet u ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi”, il-kundizzjoni tar-rikonoxximent ta’ stabbiliment għandha tinftiehem bħala li tkopri l-istabbilimenti kollha msemmija fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
49 |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest u mill-għan tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, li din tinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva. Għalhekk, din l-eżenzjoni tikkonċerna l-istabbilimenti li jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali. |
51 |
Sussegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s‑servizzi ta’ natura medika mwettqa bl-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-individwi, inkluż l-għan li tinżamm u li tiġi stabbilita mill-ġdid, jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl‑Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic, C‑91/12, EU:C:2013:198, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-għan tas-servizzi huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn is-servizzi humiex eżentati mill-VAT u ta’ jekk l-istabbiliment ikkonċernat jaqax taħt l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, din l-eżenzjoni hija intiża li tapplika għas-servizzi li l-għan tagħhom ikun id-djanjosi, il-kura jew il-fejqan tal-mard jew tal-anomaliji tas-saħħa jew il-protezzjoni, iż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid tas‑saħħa tal‑persuni, iżda ma tinkludix is-servizzi li jindirizzaw għanijiet purament kożmetiċi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic, C‑91/12, EU:C:2013:198, punti 28 u 29). |
53 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva għall-osservanza ta’ waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 133. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw l-għanijiet tal-imsemmija organi, il-ġestjoni tagħhom u l-prezzijiet applikati minnhom u jikkonċernaw l-organi privati kollha koperti mill-imsemmi Artikolu 132(1)(b). |
54 |
Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri f’dan il-kuntest, kif imfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza tal-possibbiltà prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT tikkorrobora l-interpretazzjoni fis-sens li d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli dwar kif tali rikonoxximent jista’ jingħata lill-istabbilimenti li jitolbuh, anki jekk il-fatt li Stat Membru ma jkunx eżerċita din il-possibbiltà ma jaffettwax il-possibbiltà li stabbiliment jiġi rrikonoxxut għall-finijiet tal-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C‑45/01, EU:C:2003:595, punti 64 sa 66). |
55 |
Madankollu, ir-rikonoxximent ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma għandux jiġi assimilat mal-awtorizzazzjoni li jitwettqu ċerti tranżazzjonijiet konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali għaliex jekk ikun hekk dan iċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali mis-setgħa diskrezzjonali li tagħtihom din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 75). |
56 |
Minn dan isegwi li r-rikonoxximent bħala stabbiliment li jista’ jiġi eżentat mill-VAT, taħt l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, jippermetti lill-Istati Membri, minn naħa, jiżguraw li jkunu biss l-istabbilimenti li jwettqu l-attivitajiet li jikkorrispondu għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni li jibbenefikaw minn tali eżenzjoni u, min-naħa l-oħra, jissuġġettaw il-benefiċċju tal-imsemmija eżenzjoni għall-osservanza tal-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 133 tad-Direttiva dwar il-VAT, u ma jistax, għaldaqstant, ikun limitat biss għal “stabbilimenti oħrajn” koperti mill-ewwel dispożizzjoni. |
57 |
Fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod partikolari li tnaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li tagħmel din il-kura iktar aċċessibbli għall-individwi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C‑45/01, EU:C:2003:595, punt 43), li jimplika wkoll l-aċċessibbiltà ta’ kura ta’ kwalità tajba. |
58 |
L-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din id-dispożizzjoni jsostni interpretazzjoni fis-sens li s-setgħa diskrezzjonali, li għandhom l-Istati Membri, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, tirrigwarda l-istabbilimenti kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni. |
59 |
Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi b’mod partikolari, kif imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li operaturi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir tal-VAT (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C‑45/01, EU:C:2003:595, punt 44). |
60 |
Minn dan isegwi li Stat Membru jista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jissuġġetta sptar privat għall-kundizzjoni li jkun “debitament rikonoxxut” sabiex is-servizzi ta’ kura pprovduti minnu taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku jkunu jistgħu jiġu eżentati konformement mal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
61 |
Fir-rigward, it-tieni, tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent bħala stabbilimenti li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, konformement mad-dritt tal-Unjoni u suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom in-natura ta’ interess ġenerali tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-fatt li persuni taxxabbli oħra li jwettqu l-istess attivitajiet jibbenefikaw diġà minn rikonoxximent simili kif ukoll il-fatt li l-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni eventwalment jitħallsu, fil-parti l-kbira tagħhom, minn fondi għall-mard jew minn organi oħra tas-sigurtà soċjali (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT hija limitata mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
63 |
Fil-fatt, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-osservanza tan-newtralità fiskali teżiġi, b’mod partikolari, li l-organi kollha li ma jkunux organi rregolati mid-dritt pubbliku jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza għall-finijiet tar-rikonoxximent tagħhom fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 50). |
64 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Ġermaniż, l-approvazzjoni ta’ sptar privat, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard, timplika li dan l-istabbiliment ikun ġie integrat fil-pjan tal-isptarijiet ta’ Land jew ikkonkluda kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jew ma’ fondi sostituti statutorji. |
65 |
B’mod partikolari, konformement mal-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, il-Länder ifasslu pjanijiet tal-isptarijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-KHG, jiġifieri li tiġi ggarantita s-sigurtà ekonomika tal-isptarijiet sabiex tiġi żgurata lill-popolazzjoni kura ta’ kwalità għolja, iffokata fuq il-pazjent u l-ħtiġijiet tiegħu, permezz ta’ sptarijiet effettivi u ta’ kwalità għolja, indipendenti fuq il-livell ekonomiku, u billi jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ tariffi għall-kura raġonevoli fuq il-livell soċjali. |
66 |
Dan il-gvern jesponi, essenzjalment, li, sabiex jikkonkludi kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti statutorji, sptar privat għandu joffri l-garanzija ta’ kura fi sptar effikaċi u ekonomika, għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalità deskritti b’mod iktar preċiż fil-liġi, u għandu jkun meħtieġ għall-finijiet ta’ kura fi sptar adattata għall-ħtiġijiet tal-persuna assigurata. Meta jkun hemm diversi sptarijiet adegwati li jkunu kandidati għall-konklużjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura u meta jkun meħtieġ li ssir għażla, id-deċiżjoni għandha tittieħed billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku u d-diversità tal-istituzzjonijiet li jamministraw sptarijiet wara li jkun ġie debitament evalwat liema wieħed mill-isptarijiet jissodisfa bl-aħjar mod ir-rekwiżiti ta’ kura fi sptar ta’ kwalità għolja, iffokata fuq il-pazjenti u l-ħtiġijiet, effiċjenti u effikaċi. |
67 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, kif imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-konsegwenza li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT hija possibbli biss jekk is-servizzi pprovduti mill-isptar privat inkwistjoni jissodisfaw ħtiġijiet iddefiniti fir-rigward tad-dritt tas-sigurtà soċjali. B’hekk, fil-prattika, sptar privat ma jkollu l-ebda ċans li jiġi integrat fil-pjan tal-isptarijiet tal-Land tiegħu u lanqas li jikkonkludi kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi tal-iskema statutorja tal-assigurazzjoni għall-mard meta, fi ħdan dan il-Land, ikun hemm diġà numru suffiċjenti ta’ sodod ta’ sptar disponibbli għal dixxiplina medika partikolari. |
68 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 111 u 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-organi tal-iskema statutorja tal-assigurazzjoni għal inċidenti, l-assoċjazzjonijiet tal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard fil-livell tal-Land u l-assoċjazzjonijiet tal-fondi sostituti għandhom ċerta setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ sptar u li l-Länder ma humiex obbligati jintegraw fil-pjan tal-isptarijiet tagħhom l-isptarijiet li ma humiex sptarijiet universitarji rregolati mid-dritt privat li jwettqu tranżazzjonijiet f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku. |
69 |
L-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali skont ħtiġijiet iddefiniti fir-rigward tad-dritt tas-sigurtà soċjali jista’ jkollu l-konsegwenza, bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li sptarijiet privati komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward tas-servizzi simili, ipprovduti taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku. |
70 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tipprevedi li s-servizzi ta’ kura pprovduti minn sptar privat huma eżentati mill-VAT jekk dan l-isptar ikun approvat konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-mard minħabba l-integrazzjoni tiegħu fil-pjan tal-isptarijiet ta’ Land jew minħabba l-konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura mal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew mal-fondi sostituti statutorji, twassal sabiex l-isptarijiet privati komparabbli li jipprovdu servizzi simili f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
71 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi liema huma l-elementi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk servizzi ta’ kura pprovduti minn sptar privat humiex żgurati f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
72 |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk il-prestazzjoni tal-isptar fil-qasam tal-persunal, tal-bini u tat-tagħmir kif ukoll l-effettività ekonomika tal-amministrazzjoni tiegħu jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan, jew jekk hemmx lok li tittieħed pożizzjoni mill-perspettiva tal-pazjent u li jitqies li l-kundizzjonijiet soċjali huma komparabbli meta l-ispejjeż tal-maġġoranza tal-pazjenti jitħallsu minn organi tas-sigurtà soċjali. |
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jiddefinixxix b’mod preċiż l-aspetti tas-servizzi ta’ kura kkonċernati li għandhom jitqabblu sabiex jiġi evalwat jekk dawn is-servizzi humiex żgurati f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli u, għaldaqstant, jekk l-imsemmija dispożizzjoni hijiex applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III, C‑211/18, EU:C:2020:168, punt 24). |
74 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi bħalma huma n-natura ta’ interess ġenerali tas-servizzi pprovduti, il-fatt li s-servizzi huma koperti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali jew huma pprovduti fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi ma’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, bi prezzijiet iffissati minn dawn il-kuntratti u li l-ispejjeż tagħhom huma parzjalment imħallsa minn istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C‑262/08, EU:C:2010:328, punti 69 u 70, u tal‑5 ta’ Marzu 2020, Idealmed III, C‑211/18, EU:C:2020:168, punt 32). |
75 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-portata tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet soċjali komparabbli”, għandu jiġi ppreċiżat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-imsemmija kundizzjoni tirreferi għas-servizzi pprovduti mill-istabbiliment ikkonċernat. |
76 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom is-servizzi huma pprovduti fi sptar għandhom ikunu mhux identiċi iżda komparabbli ma’ dawk li fihom jiġu pprovduti s-servizzi fi stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawn il-kundizzjonijiet għandu jkollhom natura soċjali. |
77 |
Fit-tieni lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjoni dwar il-“kundizzjonijiet soċjali komparabbli” hija intiża li jiġi evitat li s-servizzi offruti mill-istabbilimenti privati jkunu eżentati meta l-imsemmija stabbilimenti ma jkunux suġġetti għal obbligi li jissodisfaw għan soċjali komparabbli ma’ dawk imposti fuq l-istabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku. |
78 |
Fit-tielet lok, kif tfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa intiż b’mod partikolari li jnaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li jagħmel din il-kura iktar aċċessibbli għall-individwi, li jimplika wkoll l-aċċessibbiltà ta’ kura ta’ kwalità tajba. |
79 |
Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk is-servizzi tal-isptarijiet privati humiex żgurati f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk tal-istabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku, il-qorti tar-rinviju għandha, l-ewwel nett, tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet, previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli, li għalihom huma suġġetti l-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku, f’dak li jirrigwarda s-servizzi pprovduti, u li huma intiżi li jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li jagħmlu kura ta’ kwalità tajba iktar aċċessibbli għall-individwi, u li huma adatti u neċessarji għal dan il-għan. |
80 |
Sussegwentement, mill-għan tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif imfakkar fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mill-isptarijiet privati li jkollhom jitħallsu mill-pazjenti. |
81 |
F’dan ir-rigward, kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, il-kwistjoni ta’ jekk it-tariffi b’rata fissa għal kull jum humiex ikkalkulati b’mod komparabbli fi sptar privat u fi sptar irregolat mid-dritt pubbliku tista’ tirriżulta rilevanti. Bl-istess mod, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk is-servizzi pprovduti mill-isptarijiet privati humiex koperti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali jew abbażi ta’ kuntratti konklużi mal-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, b’tali mod li l-ispejjeż li jkollhom jitħallsu mill-pazjenti jkunu ta’ livell komparabbli ma’ dawk sostnuti mill-pazjenti fi stabbilimenti pubbliċi. |
82 |
Fl-aħħar nett, il-prestazzjoni tal-isptar privat, fil-qasam tal-persunal, tal-bini u tat-tagħmir, kif ukoll l-effiċjenza ekonomika tal-amministrazzjoni tiegħu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku jkunu suġġetti għal indikaturi ta’ ġestjoni komparabbli u meta dawn tal-aħħar jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li l-kura ta’ kwalità tajba tkun iktar aċċessibbli għall-individwi, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
83 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk servizzi ta’ kura pprovduti minn sptar privat humiex żgurati f’kundizzjonijiet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għall-organi rregolati mid-dritt pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jkunu intiżi li jilħqu l-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u li l-kura ta’ kwalità tajba tkun iktar aċċessibbli għall-individwi, il-kundizzjonijiet regolamentari applikabbli għas-servizzi pprovduti mill-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku kif ukoll l-indikaturi tal-prestazzjoni ta’ dan l-isptar privat fil-qasam tal-persunal, tal-bini u tat-tagħmir kif ukoll l-effiċjenza ekonomika tal-amministrazzjoni tiegħu, meta dawn l-indikaturi jkunu applikabbli wkoll għall-isptarijiet irregolati mid-dritt pubbliku. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-modalitajiet għall-kalkolu tat-tariffi b’rata fissa għal kull jum kif ukoll it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas, taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali jew taħt kuntratti konklużi ma’ awtoritajiet pubbliċi, tas-servizzi pprovduti mill-imsemmi sptar irregolat mid-dritt privat, b’tali mod li l-ispejjeż sostnuti mill-pazjent ikunu qrib dawk sostnuti, fir-rigward ta’ servizzi simili, mill-pazjent ta’ sptar irregolat mid-dritt pubbliku. |
Fuq l‑ispejjeż
84 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.