Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0180

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Settembru 2021.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet (UE) 2020/245 u 2020/246 – Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra – Ftehim li ċerti dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu marbuta mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Adozzjoni tar Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija, tal-Kumitat ta’ Sħubija, tas-sottokumitati u ta’ korpi oħra – Adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti – Għażla tal-bażi legali – Artikolu 37 TUE – Artikolu 218(9) TFUE – Regola ta’ vot.
    Kawża C-180/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:658

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

    “Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet (UE) 2020/245 u 2020/246 – Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra – Ftehim li ċerti dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu marbuta mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Adozzjoni tar Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija, tal-Kumitat ta’ Sħubija, tas-sottokumitati u ta’ korpi oħra – Adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti – Għażla tal-bażi legali – Artikolu 37 TUE – Artikolu 218(9) TFUE – Regola ta’ vot”

    Fil-Kawża C‑180/20,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l‑Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl‑24 ta’ April 2020

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer u T. Ramopoulos, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn K. Najmanová kif ukoll minn M. Švarc, J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

    parti intervenjenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Mahnič u M. Balta kif ukoll minn M. Bishop, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stehelin u J.-L. Carré kif ukoll minn A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

    parti intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, C. Toader (Relatur), M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/245 tas‑17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta’ Sottokumitati, għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim għajr it-Titolu II tiegħu (ĠU 2020, L 52, p. 3), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/246 tas‑17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta’ Sottokumitati, għall-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dak il-Ftehim (ĠU 2020, L 52, p. 5) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

    Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ u d-deċiżjonijiet ikkontestati

    2

    Fl‑20 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU 2018, L 23, p. 1). Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 37 TUE kif ukoll fuq l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), u l-Artikoli 207 u 209 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE.

    3

    Dan il-ftehim ta’ sħubija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja”) ġie ffirmat fl‑24 ta’ Novembru 2017 u ġie applikat b’mod provviżorju mill‑1 ta’ Ġunju 2018. Huwa daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2021.

    4

    L-Artikoli 362 u 363 tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jistabbilixxu rispettivament Kunsill ta’ Sħubija u Kumitat ta’ Sħubija filwaqt li l-Artikolu 364 ta’ dan il-ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiġu kkostitwiti, jekk ikun il-każ, sottokumitati u korpi oħra. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 362(4) u tal-Artikolu 363(4) tal-imsemmi ftehim, huwa l-Kunsill ta’ Sħubija li għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u jiddefinixxi fih id-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sħubija, fejn dan tal-aħħar huwa inkarigat b’mod partikolari li jħejji l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Sħubija.

    5

    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 362 sa 364 tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, adottaw flimkien, fid‑29 ta’ Novembru 2018, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet relatati mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija, tal-Kumitat ta’ Sħubija, tas-sottokumitati jew ta’ kull korp ieħor speċjalizzat. Din il-proposta kienet ibbażata fuq l-Artikolu 37 TUE kif ukoll fuq l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) TFUE, u fuq l-Artikoli 207 u 209 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

    6

    Madankollu, fil-proposta emendata tagħha tad‑19 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni neħħiet ir-riferiment għall-Artikolu 37 TUE bħala bażi legali sostantiva. Din il-proposta emendata kienet issegwi l-preċiżazzjoniiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662), li annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/477 tat‑3 ta’ Marzu 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-arranġamenti ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta’ kwalunkwe korp ieħor (ĠU 2017, L 73, p. 15), minħabba li l-Kunsill, sabiex jadotta din id-deċiżjoni, ibbaża ruħu b’mod żbaljat, fuq l-Artikolu 31(1) TUE.

    7

    Waqt il-laqgħa tal‑4 ta’ Diċembru 2019, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) iddeċieda li jaqsam l-att dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill, jiġifieri, minn naħa, id-Deċiżjoni 2020/245, intiża sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja bl-eċċezzjoni tat-Titolu II tiegħu, ibbażat fuq bażi legali sostantiva magħmula mill-Artikolu 91 u l-Artikoli 207 u 209 TFUE, u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2020/246, intiża sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dan il-ftehim, ibbażata fuq bażi legali sostantiva magħmula biss mill-Artikolu 37 TUE. Fis‑17 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, abbażi tal-istess bażijiet legali sostantivi. Filwaqt li d-Deċiżjoni 2020/245 ġiet adottata b’maġġoranza kkwalifikata, peress li l-bażi legali proċedurali tagħha hija magħmula b’mod partikolari mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE u mill-Artikolu 218(9) TFUE, id-Deċiżjoni 2020/246 ġiet adottata b’unanimità. Fil-fatt, il-bażi legali proċedurali ta’ din id-deċiżjoni tinkludi, minbarra l-Artikolu 218(9) TFUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, li jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod partikolari b’unanimità meta l-ftehim ikun jirrigwarda qasam li għalih din hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

    8

    Għalhekk, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2020/245 jipprovdi li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija, tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, kif ukoll l-istabbiliment tal-lista ta’ sottokumitati, għall-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim bl-eċċezzjoni tat-Titolu II tagħha, hija bbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2020/246 għandu kontenut identiku f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dan il-ftehim.

    9

    Il-Kummissjoni esprimiet oġġezzjonijiet f’dikjarazzjoni inkluża fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill, billi sostniet li ż-żieda tal-Artikolu 37 TUE bħala bażi legali għad-Deċiżjoni 2020/246 u l-qsim tal-att tal-Kunsill f’żewġ deċiżjonijiet kienu illegali. Ir-Repubblika Ċeka inkludiet ukoll fil-minuti dikjarazzjoni tal-laqgħat tal-Coreper u tal-Kunsill, li tipprovdi li l-imsemmija introduzzjoni kienet żbaljata fid-dawl tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662). Bl-istess mod, l-Ungerija esprimiet riżervi fir-rigward tal-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti. Dawn iż-żewġ Stati Membri astjenew milli jivvotaw fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    It-talbiet tal-partijiet

    10

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, iżżomm l-effetti tagħhom u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    11

    Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l‑ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tagħha.

    12

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Awwissu 2020 u tal‑25 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Franċiża ġew ammessi, rispettivament, sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill.

    Fuq ir-rikors

    13

    Il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ir-rikors żbaljat għall-Artikolu 37 TUE bħala bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni 2020/246 u, it-tieni wieħed, fuq il-qsim illegali, bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-att li jikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja f’żewġ deċiżjonijiet separati.

    Fuq l-ewwel motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    14

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, tilmenta li l-Kunsill inkluda l-Artikolu 37 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, fil-bażi legali tad-Deċiżjoni 2020/246 li twassal għalhekk għall-applikazzjoni tar-regola ta’ vot unanimu mill-Kunsill. Skont il-Kummissjoni, ir-rabtiet mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) li għandu t-Titolu II tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw din l-inklużjoni.

    15

    Insostenn ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE, dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali fl-intier tiegħu, għandha tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata meta ċ-ċentru ta’ gravità tal-imsemmi ftehim ikun jinsab f’qasam li għalih il-bażijiet legali sostantivi jeħtieġu tali maġġoranza. Għalhekk, l-għażla tal-bażi legali għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod partikolari fuq il-kontenut u l-għan tal-att ikkonċernat.

    16

    F’dan il-kuntest, għalkemm għanijiet ġenerali jistgħu jiġu stabbiliti fil-preambolu jew fl-artikoli inizjali tal-att inkwistjoni, hija l-portata tal-obbligi effettivament previsti sabiex jintlaħqu l-għanijiet inkwistjoni u l-predominanza ta’ ċerti suġġetti koperti li huma determinanti sabiex jiġi ddefinit il-qasam li jaqa’ taħtu. Meta l-att li l-adozzjoni tiegħu hija prevista jikkonċerna, b’mod ġenerali, il-funzjonament ta’ korpi maħluqa abbażi ta’ ftehim internazzjonali, il-qasam li taħtu jaqa’ l-imsemmi att għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ftehim kollu kemm hu. Il-prattika ta’ istituzzjoni li tmur kontra dawn ir-regoli ma tistax tbiddel dawn ir-regoli jew tiġġustifika derogi.

    17

    Issa, f’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jikkonċerna prinċipalment il-kummerċ u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp kif ukoll il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport, li għalihom hija ddedikata l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Ir-rabtiet mal-PESK li għandhom id-disa’ artikoli li jifformaw it-Titolu II ta’ dan il-ftehim huma purament anċillari għal dawn il-komponenti u ma humiex importanti biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-użu ta’ bażi legali sostantiva distinta.

    18

    Mill-bqija, dawn id-disa’ artikoli huma, fil-kontenut u fin-numru, paragunabbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija mar-Repubblika tal-Kazakistan eżaminati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx suffiċjenti sabiex tkun iġġustifikata ż-żieda ta’ bażi legali sostantiva speċifika relatata mal-PESK u t-titoli taż-żewġ ftehimiet li jistgħu jintrabtu mal-PESK jistabbilixxu, fi kwalunkwe każ, l-istess livell limitat ta’ impenn.

    19

    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja ġie konkluż f’kuntest ġeopolitiku kumpless, ikkaratterizzat mill-kunflitt ta’ Nagorno‑Karabakh, ma jiġġustifikax li dan il-ftehim jingħata dimensjoni marbuta mal-PESK li ma tirriżultax mill-kontenut tiegħu.

    20

    Ir-Repubblika Ċeka taqbel mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Skont dan l-Istat Membru, l-għanijiet marbuta mal-PESK fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jistgħu wkoll jiġu integrati fil-kuntest tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp kif ukoll tal-kummerċ. Barra minn hekk, il-kumulu ta’ diversi dispożizzjonijiet f’bażi legali sostantiva għandu jibqa’ l-eċċezzjoni. Fid-dawl tal-importanza kwalitattiva u kwantitattiva dgħajfa tal-elementi tat-Titolu II ta’ dan il-ftehim li jistgħu jintrabtu mal-PESK, tali eċċezzjoni ma hijiex iġġustifikata f’dan il-każ.

    21

    Fid-difiża tiegħu, il-Kunsill jallega li l-għanijiet ta’ ftehim internazzjonali huma essenzjali sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li jittrattaw politika differenti, peress li l-kontenut tal-imsemmi ftehim għandu jiġi eżaminat biss fit-tieni lok. Issa, f’dan il-każ, l-argumenti tal-Kummissjoni ma jikkunsidrawx biżżejjed l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja. Fil-fatt, l-analiżi tal-għanijiet ta’ dan il-ftehim u l-kontenut tat-Titolu II tiegħu juru li d-dispożizzjonijiet marbuta mal-PESK ma humiex anċillari meta mqabbla mal-oqsma tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, iżda jikkostitwixxu komponent indipendenti ta’ dan il-ftehim.

    22

    F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li, b’differenza mill-Ftehim ta’ Sħubija inkwistjoni fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662), il-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jinkludi tal-inqas għan sostantiv supplimentari, jiġifieri dak li tissaħħaħ is-sħubija politika komprensiva (Artikolu 1(a)) u li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn il-partijiet (Artikolu 1(b)).

    23

    Minn dan il-Kunsill jiddeduċi li l-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja ma huwiex sempliċi strument fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-kummerċ. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tiegħu jittraduċi wħud mill-għanijiet ġenerali msemmija fl-Artikolu 1 tiegħu f’numru ta’ għanijiet iktar preċiżi segwiti speċifikament mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II dwar id-djalogu politiku, ir-riformi interni u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-PESK. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dispożizzjonijiet li jipprevedu kooperazzjoni fil-forma ta’ djalogu politiku ma jistgħux jikkostitwixxu tali implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PESK.

    24

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li kważi d-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jaqgħu f’oqsma mhux marbuta mal-PESK, il-Kunsill josserva li l-kriterju dwar id-daqs tat-Titolu II ma huwiex relatat mal-għan jew mal-kontenut tal-miżuri adottati, b’tali mod li ma jistax ikun determinanti għall-għażla tal-bażi legali tal-azzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, dan il-kriterju huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ikkonċernati u l-partijiet l-oħra tal-ftehim.

    25

    Ir-Repubblika Franċiża, li tintervjeni insostenn tal-argumenti tal-Kunsill, tosserva li d-determinazzjoni tal-għanijiet imfittxija minn att għandha ssir billi jiġi analizzat il-kontenut tiegħu u li, fl-istess ħin, l-eżami ta’ dan il-kontenut għandu jsir fid-dawl tal-għan aħħari tal-imsemmi att. Dan l-approċċ huwa iktar u iktar importanti meta l-att jaqa’ parzjalment taħt il-PESK, peress li din hija suġġetta għal regoli u għal proċeduri speċifiċi skont l-Artikolu 24(1) TUE. Għalhekk, l-inferjorità kwantitattiva tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-PESK ma tistax, fil-preżenza ta’ għanijiet li jaqgħu b’mod ċar taħtha, tippermetti li jiġi konkluż li din tal-aħħar hija biss anċillari meta mqabbla mal-politiki l-oħra involuti. Fil-fatt, kooperazzjoni ekonomika teħtieġ, min-natura tagħha, numru ikbar ta’ preċiżazzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha milli l-istabbiliment ta’ djalogu politiku.

    26

    Il-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni u juri, huwa wkoll, li dan il-ftehim jaqa’ taħt il-PESK, peress li dan ġie konkluż f’kuntest politiku u ta’ sigurtà speċifiku ikkaratterizzat minn kriżijiet reġjonali, bħall-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 218 TFUE, sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti ta’ kjarezza, ta’ koerenza u ta’ raġonevolezza, jipprevedi proċedura unifikata u ta’ portata ġenerali li tirrigwarda, b’mod partikolari, in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija kompetenti tikkonkludi fl-oqsma ta’ azzjoni tagħha, inkluża l-PESK, sakemm it-Trattati ma jipprevedux proċeduri speċjali (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fir-rigward tal-Artikolu 218(9) TFUE, dan jipprevedi proċedura ssemplifikata għall-finijiet, b’mod partikolari, tad-definizzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fl-adozzjoni, fi ħdan l-istanza deċiżjonali stabbilita bil-ftehim internazzjonali kkonċernat, ta’ atti li jirriżultaw mill-applikazzjoni jew mill-implimentazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Madankollu minn qari konġunt tal-paragrafi 6, 9 u 10 tal-Artikolu 218 TFUE jirriżulta li din is-semplifikazzjoni, li tapplika biss fir-rigward ta’ atti li ma jikkompletawx jew li ma jbiddlux il-qafas istituzzjonali tal-ftehim, tikkonsisti esklużivament f’limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punti 2526).

    29

    Peress li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 218(9) TFUE ma jipprevedi ebda regola ta’ vot għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-kategoriji ta’ deċiżjonijiet li huwa jsemmi, huwa b’riferiment għall-Artikolu 218(8) TFUE li r-regola ta’ vot applikabbli għandha, f’kull każ inkwistjoni, tiġi ddeterminata. Fid-dawl tal-użu, minn naħa, tal-espressjoni “tul il-proċedura kollha”, fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, tat-terminu “[m]adankollu”, fil-bidu tat-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, bħala regola ġenerali, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata u li huwa biss unikament fil-każijiet esposti fit-tieni subparagrafu li huwa għandu jiddeċiedi b’unanimità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola ta’ vot applikabbli għandha, f’kull każ inkwistjoni, tiġi ddeterminata skont jekk taqax jew le taħt dawn l-aħħar każijiet.

    30

    B’hekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita permezz ta’ ftehim internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, fl-ipoteżi fejn tali deċiżjoni ma tikkorrispondi għal ebda wieħed mill-każijiet speċifiċi fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jirrikjedi vot bl-unanimità, huwa, bħala prinċipju, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) u tal-Artikolu 218(9) TFUE, billi jiddeċiedi permezz tal-maġġoranza kkwalifikata, li l-Kunsill għandu jadotta l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    31

    Fl-ewwel wieħed minn dawn il-każijiet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jeżiġi li deċiżjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu tiġi adottata b’unanimità meta din tkun taqa’ taħt qasam li fih l-unanimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni adottata fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 218(9) TFUE effettivament tittrattax tali qasam, hemm lok li jsir riferiment għall-bażi legali sostantiva tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 35).

    32

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni essenzjalment il-Kunsill u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jirriżulta li wieħed minn dawn il-kriterji jipprevali fuq l-ieħor. Fil-fatt, huwa billi wieħed jibbaża ruħu fuq l-elementi oġġettivi identifikabbli kollha relatati ma’ wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kriterji li għandu, f’kull każ speċifiku, jiġi ddeterminat il-qasam li taħtu jaqa’ att.

    34

    Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan tal-aħħar għandu għan doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Huwa biss eċċezzjonalment, jekk jiġi stabbilit li l-att għandu diversi għanijiet jew għandu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun anċillari għall-ieħor, li tali att għandu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kumulu ta’ żewġ bażijiet legali huwa mandankollu eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażi jkunu inkompatibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑155/07, EU:C:2008:605, punt 37).

    35

    B’hekk, bħal fil-każ tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, u li tirrigwarda esklużivament qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità, għandha, b’deroga mir-regola ġenerali tal-maġġoranza kkwalifikata, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, bħala prinċipju tiġi adottata b’unanimità, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-PESK fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE jipprevedi b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE għandhom jittieħdu bl-unanimità, b’eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-imsemmi kapitolu jipprovdi mod ieħor. Għall-kuntrarju, jekk tali deċiżjoni tinkludi diversi komponenti jew għandha diversi għanijiet, li wħud minnhom jaqgħu taħt il-PESK, ir-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni tagħha għandha tiġi ddeterminata fir-rigward tal-għan jew tal-komponent prinċipali jew predominanti tagħha. B’hekk, jekk l-għan jew il-komponent prinċipali jew predominanti tad-deċiżjoni jaqa’ taħt qasam li fir-rigward tiegħu l-unanimità ma hijiex meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-imsemmija deċiżjoni għandha, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 38).

    36

    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 27 sa 35 ta’ din is-sentenza li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati jaqgħux taħt qasam, bħall-PESK, li għalih hija meħtieġa l-unanimità jew jekk dawn jaqgħux fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni li għalihom għandha bħala prinċipju tittieħed deċiżjoni b’maġġoranza kkwalifikata, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport, tal-politika kummerċjali komuni u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, fis-sens tal-Artikoli 91, 207 u 209 TFUE.

    37

    F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja dwar l-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija, tal-Kumitat ta’ Sħubija, tas-sottokumitati u ta’ korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista tas-sottokumitati, għall-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 2020/245 tikkonċerna l-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja kollu, bl-eċċezzjoni tat-Titolu II tiegħu, filwaqt li d-Deċiżjoni 2020/246 tirrigwarda biss dan it-Titolu II.

    38

    Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li dawn id-deċiżjonijiet jikkonċernaw formalment titoli differenti tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja, il-qasam li jaqgħu taħtu u, għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tal-azzjoni esterna tal-Unjoni inkwistjoni, għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ dan il-ftehim kollu kemm hu.

    39

    Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkonċernaw, b’mod ġenerali, il-funzjonament tal-istanzi internazzjonali maħluqa abbażi tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja.

    40

    Issa, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill, ibbażati fuq bażijiet legali differenti, iżda li huma intiżi li jistabbilixxu l-pożizzjoni unika li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar il-funzjonament tal-korpi stabbiliti minn dan il-ftehim, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk il-ftehim, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jinkludi komponenti distinti li jikkorrispondu għall-bażijiet legali differenti użati għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet.

    41

    Fir-rigward, l-ewwel, tal-kontenut tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja, huwa minnu li t-Titolu II ta’ dan, intitolat, “Djalogu u Riforma Politiċi; Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà”, u li fih hemm l-Artikoli 3 sa 11 tal-imsemmi ftehim, jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-promozzjoni tad-djalogu politiku fil-qasam tas-sigurtà u, sussegwentement, jittratta kwistjonijiet li jistgħu jkunu marbuta mal-PESK.

    42

    B’hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jfakkar l-għanijiet tad-djalogu politiku u jelenka, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-ħdax-il għan segwiti fil-kuntest ta’ dan id-djalogu, li fosthom hemm it-tisħiħ tas-sħubija politika, il-promozzjoni tal-paċi, tal-istabbiltà u tas-sigurtà internazzjonali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi, it-tisħiħ tal-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, l-iżvilupp tad-djalogu u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża kif ukoll l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tajba ta’ viċinat.

    43

    Barra minn hekk, l-Artikolu 4 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Riforma domestika”, jelenka serje ta’ għanijiet ġenerali mfittxija mill-kooperazzjoni tal-partijiet f’dan il-ftehim, fosthom l-iżvilupp, il-konsolidazzjoni u ż-żieda tal-istabbiltà u tal-effikaċja tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-Istat tad-dritt, kif ukoll il-fatt li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

    44

    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Politika estera u ta’ sigurtà”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu li “[i]l-Partijiet għandhom jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-[PESK], fir-rikonoxximent tal-importanza li r-Repubblika tal-Armenja tagħti lill-parteċipazzjoni tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali u formati ta’ kooperazzjoni kif ukoll l-obbligi eżistenti tagħha li joħorġu minnhom, u għandhom jindirizzaw kwistjonijiet partikolari ta’ prevenzjoni ta’ kunflitt u ġestjoni tal-kriżijiet, tnaqqis tar-riskju, ċibersigurtà, riforma tas-settur tas-sigurtà, stabbiltà reġjonali, diżarm, nonproliferazzjoni, kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni”. Dan l-istess Artikolu 5 jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[i]l-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji u l-istandards tal-liġi internazzjonali, inklużi dawk minquxa fil-Karta tan-[Nazzjonijiet Uniti] u fl-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-[Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)], u l-impenn tagħhom għall-promozzjoni ta’ dawk il-prinċipji fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom”. Fir-rigward tal-Artikoli 6 sa 11 tal-imsemmi ftehim, dawn jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet għall-prevenzjoni ta’ reati serji ta’ portata internazzjonali, għall-prevenzjoni ta’ kunflitti u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, għall-istabbiltà reġjonali u għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, għad-diżarm, għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll ir-rieda tagħhom ta’ kooperazzjoni u ta’ djalogu f’dawn l-oqsma.

    45

    Madankollu, il-kwalifika ta’ ftehim bħala ftehim ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha ssir b’kunsiderazzjoni tal-għan essenzjali ta’ dan u mhux skont il-klawżoli partikolari, bil-kundizzjoni li dawn il-klawżoli jkunu jinkludu obbligi ta’ tali portata biss, fl-oqsma speċifiċi li huma jirrigwardaw, jekk dawn l-obbligi jikkostitwixxu fil-verità għanijiet differenti minn dawk tal-kooperazzjoni u tal-iżvilupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 39, u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, punt 47).

    46

    Issa, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jirrigwardaw suġġetti li jistgħu jaqgħu taħt il-PESK u jaffermaw mill-ġdid ir-rieda tal-partijiet li jikkollaboraw bejniethom f’dan il-qasam, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-istess dispożizzjonijiet, li huma ftit meta mqabbla mat-total ta’ 386 artikolu ta’ dan il-ftehim, li l-parti l-kbira tagħhom jikkonċernaw l-oqsma tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, huma limitati essenzjalment għal dikjarazzjonijiet tal-partijiet kontraenti dwar il-programmi tagħhom, fejn jillimitaw ruħhom sabiex jiddeskrivu r-relazzjonijiet eżistenti bejniethom u l-intenzjonijiet komuni tagħhom għall-futur, mingħajr ma jistabbilixxu programm ta’ azzjoni jew ma jiddeterminaw metodi konkreti għall-kooperazzjoni tagħhom.

    47

    Fir-rigward, it-tieni, tal-għanijiet ta’ dan il-ftehim, minn analiżi sħiħa tal-preambolu tiegħu, tal-għanijiet elenkati fl-Artikolu 1 tiegħu kif ukoll tal-maġġoranza kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu jirriżulta li dan il-ftehim huwa intiż prinċipalment sabiex jistabbilixxi l-qafas tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport, tal-kummerċ u tal-iżvilupp bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra.

    48

    B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tal-imsemmi ftehim iqassam dawn l-għanijiet f’diversi oġġettivi, li fosthom jinsabu t-tisħiħ tas-sħubija politika u ekonomika komprensiva u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet, it-tisħiħ tal-qafas għal djalogu politiku fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku, filwaqt li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi fil-qrib bejn il-partijiet, il-kontribuzzjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija u għall-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fl-Armenja, il-promozzjoni, iż-żamma u t-tisħiħ tal-paċi u tal-istabbiltà fil-livelli reġjonali kif ukoll internazzjonali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, it-tisħiħ tal-mobbiltà u tal-kuntatti bejn il-popli, l-appoġġ għall-isforzi magħmula mir-Repubblika tal-Armenja sabiex tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku tagħha permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni kummerċjali msaħħa u l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet neċessarji għal kooperazzjoni dejjem iktar mill-qrib f’oqsma oħra ta’ interess reċiproku.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 208 TFUE, li tikkostitwixxi wieħed mill-komponenti prinċipali tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja, ma hijiex limitata għall-miżuri intiżi direttament għall-qerda tal-faqar, iżda ssegwi wkoll l-għanijiet ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 21 TUE, bħal dawk, stabbiliti fil-paragrafu 2(c) tiegħu, li tiġi ppreservata l-paċi, li jiġu evitati l-kunflitti u li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali kif ukoll dak stabbilit fil-paragrafu 2(d) tiegħu, li jikkonsisti fl-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi f’fażi ta’ żvilupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 37). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tenfasizza, sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir tista’ tiġi kkunsidrata bħala li sservi l-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, sa fejn tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġu eliminati jew imnaqqsa ostakoli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑91/05, EU:C:2008:288, punt 68).

    50

    Barra minn hekk, l-għanijiet previsti mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp huma wisgħin fis-sens li l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu għandhom ikunu jistgħu jikkonċernaw suġġetti speċifiċi differenti. Dan huwa l-każ b’mod partikolari fil-każ ta’ ftehim li jistabbilixxi l-qafas ta’ din il-kooperazzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1996, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑268/94, EU:C:1996:461, punt 37).

    51

    F’dan il-kuntest, li jinħtieġ li ftehim ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ikun ukoll ibbażat fuq dispożizzjoni differenti minn dik relatata ma’ din il-politika kull darba li taffettwa suġġett speċifiku huwa, fil-prattika, ta’ natura li jxejjen is-sustanza tal-kompetenza u l-proċedura previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1996, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑268/94, EU:C:1996:461, punt 38, u tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 38).

    52

    F’dan il-każ, l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja jesprimi r-rieda tal-partijiet li “jsaħħu l-qafas għal djalogu politiku” li huma għandhom l-intenzjoni li jżommu, filwaqt li l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim jispeċifika l-għanijiet ta’ dan id-djalogu billi jelenka sensiela ta’ għanijiet iktar speċifiċi. Kif isostni l-Kunsill, uħud minn dawn l-għanijiet speċifiċi, b’mod partikolari dak stabbilit fl-Artikolu 3(2)(b) tal-imsemmi ftehim, li jikkonsisti fiż-żieda tal-effikaċja tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà, jistgħu jkunu marbuta mal-PESK. Madankollu, l-elenkar ta’ dawn l-għanijiet speċifiċi ma huwa, kif ġie enfasizzat essenzjalment fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, akkumpanjat minn ebda programm ta’ azzjoni jew modalitajiet konkreti ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam, li huma ta’ natura li jistabbilixxu li l-PESK tikkostitwixxi wieħed mill-komponenti distinti ta’ dan l-istess ftehim, b’mod marġinali għall-aspetti marbuta mal-kummerċ u mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

    53

    Fid-dawl tal-kunċett wiesa’ tal-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni, kif imfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, u tal-fatt li l-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja kollu kemm hu jsegwi prinċipalment għanijiet marbuta mal-kummerċ u mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp fir-relazzjoni ma’ dan l-Istat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-komponenti prinċipali ta’ dan il-ftehim li huma l-politika kummerċjali komuni, il-kummerċ tas-servizzi ta’ trasport u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp jinkludu l-elementi ta’ djalogu politiku li huma marbuta mal-PESK li huwa jinkludi, b’mod li din tal-aħħar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi komponent distint ta’ dan il-ftehim iżda hija, għall-kuntrarju anċillari għall-imsemmija komponenti prinċipali msemmija iktar ’il fuq (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 46).

    54

    Barra minn hekk, il-kuntest li jaqa’ fih att jista’ ċertament jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza b’mod partikolari l-kuntest li jirrappreżenta l-kunflitt ta’ Nagorno-Karabakh. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim ta’ sħubija mal-Armenja ma jipprevedi ebda miżura konkreta jew speċifika sabiex tiġi affrontata din is-sitwazzjoni li tinvolvi s-sigurtà internazzjonali.

    55

    Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom bħala għan il-funzjonament tal-istanzi internazzjonali maħluqa abbażi ta’ dan il-ftehim, b’mod li dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkonċernaw b’ebda mod il-miżuri konkreti li jistgħu eventwalment jittieħdu abbażi tal-imsemmi ftehim.

    56

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi jew id-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja marbuta mal-PESK ma humiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxu komponent awtonomu ta’ dan il-ftehim. Għaldaqstant, il-Kunsill żbalja meta għażel l-Artikolu 37 TUE bħala bażi legali sostantiva u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE bħala bażi legali proċedurali tad-Deċiżjoni 2020/246.

    57

    Għaldaqstant, l-ewwel motiv tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ u d-Deċiżjoni 2020/246 għandha tiġi annullata.

    58

    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2020/245, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 10 u mill-Artikolu 1 tagħha, din ma tikkonċernax il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja sa fejn din il-pożizzjoni tirrigwarda l-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dan il-ftehim. Issa, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li d-dispożizzjonijiet inklużi f’dan it-titolu ma jikkostitwixxux komponent distint tal-imsemmi ftehim, li jimponi fuq il-Kunsill li jibbaża ruħu, fost oħrajn, fuq l-Artikolu 37 TUE u fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE sabiex jistabbilixxi din l-istess pożizzjoni. Konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hemm lok għalhekk li jiġi kkonstatat li xejn ma kien jiġġustifika li l-Kunsill jeskludi mis-suġġett tad-Deċiżjoni 2020/245 il-pożizzjoni inkwistjoni, sa fejn din tirrigwarda l-applikazzjoni tat-Titolu II tal-istess ftehim, u jadotta deċiżjoni distinta skont l-Artikolu 218(9) TFUE, li għandha l-għan li tistabbilixxi l-imsemmija pożizzjoni sa fejn din tirrigwarda din l-istess applikazzjoni. Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni 2020/245 għandha wkoll tiġi annullata.

    Fuq it-tieni motiv

    59

    Peress li l-ewwel motiv intlaqa’ u d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew annullati, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

    Fuq iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati

    60

    Il-Kunsill, il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Ċeka jaqblu sabiex jitolbu, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iż-żamma tal-effetti tagħhom, sabiex tiġi evitata kull konsegwenza negattiva għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja.

    61

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

    62

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-motivi relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tagħhom iwassal għal konsegwenzi negattivi gravi għall-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 51).

    63

    F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu fis-seħħ l-effetti tagħha jkun jista’ jfixkel il-funzjonament tal-istanzi stabbiliti mill-Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja, joħloq inċertezza dwar l-impenn tal-Unjoni fir-rigward tal-atti legali adottati mill-istanzi tagħha u jostakola, b’dan il-mod, l-applikazzjoni korretta ta’ dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Konsegwentement, hemm lok li jinżammu, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-annullament tagħhom huwa ppronunzjat permezz ta’ din is-sentenza, sakemm il-Kunsill jieħu deċiżjoni ġdida b’mod konformi ma’ din is-sentenza.

    Dwar l-ispejjeż

    65

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    66

    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Ċeka jbatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/245 tas‑17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta’ Sottokumitati, għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim għajr it‑Titolu II tiegħu, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/246 tas‑17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta’ Sottokumitati, għall-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dak il-Ftehim, huma annullati.

     

    2)

    L-effetti tad-Deċiżjonijiet 2020/245 u 2020/246 għandhom jinżammu.

     

    3)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    4)

    Ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Ċeka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top