This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0091
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 9 November 2021.#LW v Bundesrepublik Deutschland.#Request for a preliminary ruling from the Bundesverwaltungsgericht.#Reference for a preliminary ruling – Common policy on asylum and subsidiary protection – Standards for the qualification of third-country nationals or stateless persons as beneficiaries of international protection – Directive 2011/95/EU – Articles 3 and 23 – More favourable standards capable of being retained or introduced by the Member States for the purposes of extending the refugee or subsidiary protection status of a beneficiary of international protection to family members – Grant of a parent’s refugee status to his or her minor child as a derived right – Maintaining family unity – Best interests of the child.#Case C-91/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Novembru 2021.
LW vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal‑protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal.
Kawża C-91/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Novembru 2021.
LW vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal‑protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal.
Kawża C-91/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:898
*A9* Bundesverwaltungsgericht, Beschluss vom 18/12/2019 (1143715)
*P1* Bundesverwaltungsgericht, 1. Senat, Beschluss vom 27/01/2022 (ECLI:DE:BVerwG:2022:270122B1C41.21.0)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
9 ta’ Novembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal‑protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal”
Fil-Kawża C‑91/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Frar 2020, fil-proċedura
LW
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), J. C. Bonichot, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Frar 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal LW, minn F. Schleicher, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u A. Azema, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LW u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u r-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li tirrifjutalu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jistipula: “Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna: […] 2. Li, […] billi tibża’ b’mod iġġustifikat li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha f’ċertu grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tridx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma għandhiex nazzjonalità u tinsab barra mill-pajjiż li fih kellha r-residenza abitwali tagħha wara avvenimenti bħal dawn, ma tistax jew, minħabba l-biża’ msemmija, ma tridx tirritorna hemmhekk. Fil-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu’ tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li din il-persuna għandha n-nazzjonalità tiegħu. Ma għandhiex titqies li ġiet imċaħħda mill-protezzjoni tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu kull persuna li, mingħajr raġuni valida fondata fuq biża’ ġġustifikata, ma tkunx talbet il-protezzjoni lil wieħed mill-pajjiżi li għandha n-nazzjonalità tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt tal-Unjoni
4 |
Id-Direttiva 2011/95 għamlet ir-“riformulazzjoni” tad-Direttiva tal‑Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall‑kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). |
5 |
Il-premessi 4, 12, 14, 16, 18, 19, 36 u 38 tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala [min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’] refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.” |
8 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprevedi, fil-paragrafu (3)(e) tiegħu: “3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’: […]
|
9 |
L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Esklużjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:
2. Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:
3. Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih”. |
10 |
L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm. 2. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment [li ma jissodisfawx individwalment il-kundizzjonijiet meħtieġa] għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja. 3. Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V. 4. Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku. 5. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra qrib li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak il-ħin.” |
Id-dritt Ġermaniż
11 |
L-Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1126), kif ippubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi: “Barrani huwa refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] meta huwa
|
12 |
L-Artikolu 26(2) tal-AsylG jipprevedi: “Il-wild mhux miżżewweġ ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil, li jkun minuri fil‑mument li japplika għall-ażil, ikun, fuq talba tiegħu, irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għall-ażil meta r-rikonoxximent taċ-ċittadin barrani bħala benefiċjarju tad-dritt għal-ażil ma jkunx għadu jista’ jiġi kkontestat, u meta dan ma jkunx jista’ jiġi rrevokat u lanqas irtirat iktar.” |
13 |
L-Artikolu 26(4) tal-AsylG jeskludi mill-benefiċċju ta’ dan l-artikolu b’mod partikolari l-persuni li jaqgħu taħt raġuni għall-esklużjoni prevista fl‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95. |
14 |
L-Artikolu 26(5) tal-AsylG jiddisponi: “Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-familja, kif imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Il‑kunċetti ta’ ‘status ta’ refuġjat’ jew ta’ protezzjoni sussidjarja jieħdu post dak ta’ ‘benefiċjarju tad-dritt għall-ażil’ […]”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twieldet fil-Ġermanja fl‑2017 minn omm Tuneżina u minn missier Sirjan. |
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha n-nazzjonalità Tuneżina. Ma huwiex stabbilit jekk hija għandhiex ukoll in-nazzjonalità Sirjana. |
17 |
Fix-xahar ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju ta l-istatus ta’ refuġjat lill-missier tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali. L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn omm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fil-Libja u li kienet iddikjarat li kellha hemmhekk ir-residenza abitwali tagħha sat-tluq tagħha minn dan l-Istat, ma rnexxietx. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2017, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara t-twelid tagħha bħala “manifestament infondata”. |
19 |
Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, il-Verwaltungsgericht Cottbus (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja) annullat din id-deċiżjoni sa fejn din kienet ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala “manifestament infondata”, pjuttost milli bħala “infondata”, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Dik il-qorti qieset li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, peress li hija ma kellha l-ebda raġuni sabiex tibża’ minn persekuzzjonijiet fit‑Tuneżija, il-pajjiż jew wieħed mill-pajjiżi li tagħhom hija ċittadina. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ddeċidiet li din ir-rikorrenti lanqas ma setgħet tislet, skont l-Artikolu 26(2) u (5) tal-AsylG, dritt għall-protezzjoni tal-familja mill-istatus ta’ refuġjat li ngħata lil missierha fil-Ġermanja. Fil-fatt, l-istess qorti qieset li jkun kuntrarju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali li l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali jiġi estiż għall-persuni li, bħala ċittadini ta’ Stat li huwa f’pożizzjoni li jagħtihom protezzjoni, huma esklużi mill-kategorija tal-persuni li għandhom bżonn protezzjoni. |
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” kontra dik is‑sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). |
21 |
Fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li għandhom jingħataw lill-ulied minuri ta’ ġenituri li għandhom nazzjonalitajiet differenti l‑istatus ta’ refuġjat għall-protezzjoni tal-familja skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 26(2) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(5) tal-AsylG, inkluż fil-każ fejn dan l-istatus ingħata lil wieħed biss minn dawn il-ġenituri. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati ma jipprekludix dan. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lil Stat Membru, fil-każijiet li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali lill-membru ta’ familja, li jestendi l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja, sakemm dawn ma jkunux jaqgħu taħt xi raġuni għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u s-sitwazzjoni tagħhom tkun tippreżenta, minħabba l-ħtieġa taż-żamma tal-unità tal-familja, rabta mal-għan tal-protezzjoni internazzjonali. Fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-minuri u għall-interessi tal-wild. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax titlob l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat abbażi ta’ dritt li huwa tagħha stess. Fil-fatt, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jesprimi l-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati, isegwi li l-persuni li għandhom żewġ nazzjonalitajiet jew iktar ma jistgħux jingħataw l-istatus ta’ refuġjat meta huma jistgħu japprofittaw ruħhom mill-protezzjoni ta’ wieħed mill-pajjiżi li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità. Huwa f’dan is-sens li għandu jiġi interpretat ukoll l-Artikolu 2(d) u (n) tad-Direttiva 2011/95. Hija biss il-persuna li hija mingħajr protezzjoni, għaliex ma tibbenefikax minn protezzjoni effettiva mill-pajjiż ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 2(n) ta’ din id-direttiva, li tkun refuġjata, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva. Issa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija, pajjiż li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità. |
23 |
Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet, previsti fid-dritt Ġermaniż, sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat bħala wild minuri mhux miżżewweġ ta’ ġenitur li ngħata dan l-istatus. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 26(2) u tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 26(5) tal-AsylG, hemm lok li jingħata l-istatus ta’ refuġjat, b’mod idderivat u għall-finijiet tal-protezzjoni tal-familja fil-kuntest tal-ażil, ukoll lil wild li twieled fil-Ġermanja u li għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz li fit-territorju tiegħu huwa ma jkunx ippersegwitat. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk tali interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2011/95. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
26 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 u l-Artikolu 23(2) tad‑Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, skont dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill‑wild minuri mhux miżżewweġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu dan l-istatus ikun ġie rrikonoxxut skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil‑każ li dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għandu, mill‑ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fit-territorju tiegħu ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat. F’dan il-kuntest, dik il-qorti tistaqsi wkoll jekk, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwiex rilevanti li jsir magħruf jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għall-wild u għall‑ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz tal‑aħħar. |
27 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja jsegwi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandha ssir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tagħha, b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tat-trattati rilevanti l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, bħalma jsegwi mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, b’osservanza tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), C‑507/19, EU:C:2021:3, punt 39). |
28 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li wild li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik invokata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jingħata, individwalment, l-istatus ta’ refuġjat skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”. |
30 |
Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-kwalità ta’ refuġjat teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, li huma intrinsikament marbuta u li jirrigwardaw, minn naħa, il-biża’ ta’ persekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni mill-pajjiż terz li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department, C‑255/19, EU:C:2021:36, punt 56). |
31 |
L-imsemmija definizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, dik li tinsab fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Issa, din tal-aħħar tippreċiża li, “[f]il-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu’ tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li din il-persuna għandha n-nazzjonalità tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[m]a għandhiex titqies li ġiet imċaħħda mill-protezzjoni tal-pajjiż li għandha n-nazzjonalità tiegħu kull persuna li, mingħajr raġuni valida fondata fuq biża’ ġġustifikata, ma tkunx talbet il-protezzjoni lil wieħed mill-pajjiżi li għandha n-nazzjonalità tiegħu”. |
32 |
Għalkemm din il-preċiżazzjoni, li tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali, ma hijiex espressament integrata fid-Direttiva 2011/95, madankollu mill-Artikolu 2(n) tagħha jirriżulta li kull wieħed mill-pajjiżi li applikant għandu, skont il-każ, in-nazzjonalità tiegħu, għandu jitqies bħala l-“pajjiż ta’ oriġini” għall-finijiet ta’ din id-direttiva. |
33 |
Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 2(n) tad‑Direttiva 2011/95 jirriżulta li applikant li għandu n-nazzjonalità ta’ diversi pajjiżi terzi huwa kkunsidrat bħala mċaħħad mill-protezzjoni biss jekk ma jistax jew, minħabba l-biża’ ta’ persekuzzjoni, ma jixtieq jitlob il-protezzjoni tal-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi. Dan il-qari huwa barra minn hekk ikkonfermat mill‑Artikolu 4(3)(e) ta’ din id-direttiva, skont liema hemm, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-fatt li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li l-applikant jista’ jinvoka l-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor li tiegħu huwa jista’ jinvoka ċ-ċittadinanza. |
34 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika minn protezzjoni effettiva fit-Tuneżija, pajjiż terz li tiegħu hija għandha, minn ommha, in-nazzjonalità tiegħu. Dik il-qorti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li ma hemm ebda element li jippermetti li wieħed jaħseb li r-Repubblika tat-Tuneżija ma hijiex disposta jew f’pożizzjoni li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-protezzjoni neċessarja kontra persekuzzjonijiet u kontra refoulement lejn is-Sirja, pajjiż ta’ oriġini ta’ missierha li l-awtoritajiet Ġermaniżi tawh l-istatus ta’ refuġjat, jew lejn pajjiż terz ieħor. |
35 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont is-sistema stabbilita mid‑Direttiva 2011/95, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tintlaqa’, individwalment, għas-sempliċi raġuni li membru tal-familja tal-applikant itenni biża’ fondata ta’ persekuzzjoni jew riskju reali ta’ dannu serju, meta jiġi stabbilit li, minkejja r-rabta tiegħu ma’ dan il-membru tal-familja u l-vulnerabbiltà partikolari li, kif tenfasizza l-premessa 36 ta’ din id-direttiva, tirriżulta minn dan bħala regola ġenerali, l-applikant ma huwiex huwa nnifsu espost għal theddid ta’ persekuzzjoni jew għal dannu gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 50). |
36 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix l-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus, li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus. Fil-fatt, mill-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din sempliċement timponi fuq l-Istati Membri li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li tali membri tal-familja jkunu jistgħu jitolbu, konformement mal-proċeduri nazzjonali u sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali ta’ dawn il-membri tal-familja, ċerti vantaġġi, li jinkludu b’mod partikolari l-għoti ta’ permess ta’ residenza, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom l-għan li jżommu l-unità tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 68). |
37 |
Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “membri tal-familja” għall-bżonnijiet ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 23(2) tagħha jirriżulta li l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu l-aċċess għal dawn il-vantaġġi ma jestendix għat-tfal ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li twieldu fl-Istat Membru ospitanti ta’ familja li kienet stabbilita fih. |
38 |
Fit-tielet lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax madankollu jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lil wild li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu “standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala [min jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’] refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva”. |
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li minn din il-formulazzjoni, moqrija flimkien mal-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95, isegwi li r-regoli iktar favorevoli previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’attenwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti, lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 70). |
40 |
Fir-rigward tal-preċiżazzjoni li tinsab f’dan l-Artikolu 3, skont liema kull regola iktar favorevoli għandha tkun kompatibbli mad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ifisser li din ir-regola ma għandhiex tippreġudika l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Huma partikolarment ipprojbiti regoli intiżi sabiex jiġi irrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Issa, ir-rikonoxximent awtomatiku, skont id-dritt nazzjonali, tal-istatus ta’ refuġjat lil membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95, ma huwiex, a priori, nieqes minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 72). |
42 |
Fil-fatt, minn naħa, billi enfasizzaw fl-att finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Plenipotenzjarji dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat tal‑25 ta’ Lulju 1951, li fasslet it-test tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li “l-unità tal-familja […] hija dritt essenzjali tar-refuġjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u billi rrakkomandaw lill-Istati firmatarji “jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-familja tar-refuġjat u b’mod partikolari sabiex […] [t]iġi żgurata ż-żamma tal-unità tal-familja tar-refuġjat”, l-abbozzaturi ta’ din il-konvenzjoni stabbilixxew rabta mill-qrib bejn tali miżuri u l-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din ir-rabta ġiet ikkonfermata diversi drabi mill-korpi tal-UNHCR. |
43 |
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/95 stess tirrikonoxxi l-eżistenza tal-imsemmija rabta billi tippreskrivi, f’termini ġenerali, fl-Artikolu 23(1) tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. |
44 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-estensjoni awtomatika, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat għall-wild minuri ta’ persuna li lilha ngħata dan l-istatus, irrispettivament mill-fatt jekk dan il-wild jissodisfax jew le individwalment il‑kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi status u inkluż meta l-imsemmi wild twieled fl-Istat Membru ospitanti, prevista mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, tfittex l-għan tal‑protezzjoni tal-familja u taż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għandha rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali. |
45 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom tali estensjoni awtomatika, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal‑familja, tal-istatus ta’ refuġjat għall-wild minuri ta’ persuna li lilha ngħata dan l-istatus tkun, minkejja l-eżistenza ta’ din ir-rabta, inkompatibbli mad‑Direttiva 2011/95. |
46 |
Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-għan tar-raġunijiet għall-esklużjoni previsti fid‑Direttiva 2011/95, li huwa li tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minnha b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ir-riżerva li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva tipprekludi li Stat Membru jadotta jew iżomm dispożizzjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat previst minnha lil persuna li hija eskluża minn dan taħt l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 115). |
47 |
Issa, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 26(4) tal-AsylG jeskludi tali persuni mill-benefiċċju tal-estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jirriżulta minn applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-paragrafi 2 u 5 ta’ dan l‑Artikolu 26. |
48 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi li vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu estiżi għal membru tal-familja ta’ dan il-benefiċjarju meta dan ikun inkompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja kkonċernat. |
49 |
Mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u mill-portata tar-riżerva li hija tipprevedi jirriżulta li din tal-aħħar tapplika wkoll fil-każ fejn Stat Membru jiddeċiedi li ma hemmx lok li jillimita ruħu għall-estensjoni tal-vantaġġi, iżda jixtieq, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jadotta regoli iktar favorevoli li abbażi tagħhom l‑istatus mogħti lil benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwa awtomatikament estiż għall-membri tal-familja tiegħu indipendentement mill-fatt jekk jissodisfawx individwalment jew le l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l‑istatus. |
50 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-riżerva li issa tinsab fl-Artikolu 23(2) tad‑Direttiva 2011/95 kienet ġiet proposta mill-Parlament Ewropew matul il‑proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/83, li d‑Direttiva 2011/95 tikkostitwixxi r-“riformulazzjoni” tagħha u li l-Artikolu 23 tagħha jikkorrispondi fil-parti l-kbira għall-istess artikolu ta’ din id-direttiva tal‑aħħar. Din il-proposta kienet relatata mal-proposta tal-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej li kienet tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw “li l-membri tal-familja tagħhom li jakkompanjaw lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jitolbu l-istess status bħalhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Filwaqt li ppropona l-estensjoni ta’ dan l-obbligu sabiex jiġu inklużi l-membri tal-familja li jingħaqdu mal-applikanti sussegwentement, il-Parlament kien qies li kien xieraq li tiġi introdotta din ir-riżerva sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-membri tal-familja “jistgħu jkollhom bi dritt tagħhom status ġuridiku differenti minn dak tal-[applikant], li jista’ ma jkunx kompatibbli mal-protezzjoni internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara r-rapport tal-Parlament Ewropew tat‑8 ta’ Ottubru 2002 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istandards minimi relatati mal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li, għal raġunijiet oħra, teħtieġ protezzjoni internazzjonali, u relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istatus, COM(2001)510, A 5‑0333/2002 final, modifika 22 (ĠU 2002, C 51 E, p. 325)). |
51 |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni finalment ma adottax l-imsemmi obbligu. Madankollu, huwa żamm ir-riżerva ta’ kompatibbiltà u llimita ruħu li jippreskrivi, fl-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttivi 2004/83 u 2011/95, lill-Istati Membri li jiżguraw li l-unità tal-familja tkun tista’ tinżamm u li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiksbu din il-protezzjoni jkunu jistgħu jitolbu ċerti vantaġġi, konformement mal-proċeduri nazzjonali. |
52 |
Għalhekk, mill-oriġini ta’ dan l-Artikolu 23 jirriżulta li Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-fakultà mogħtija fl-Artikolu 3 ta’ dawn id-direttivi, jixtieq jadotta jew iżomm fis-seħħ regoli iktar favorevoli, skont liema l-istatus mogħti lil tali benefiċjarju huwa awtomatikament estiż għall-membri tal-familja tiegħu indipendentement mill-fatt jekk jissodisfawx individwalment jew le l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus, għandu, fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, jiżgura l-osservanza tar-riżerva stabbilita fl-imsemmi Artikolu 23(2). |
53 |
Fir-rigward tal-portata ta’ din ir-riżerva, din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 li tiġi żgurata ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u tal-kuntest speċifiku li fih taqa’ tali riżerva. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies li jkun b’mod partikolari inkompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-wild tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ din il-protezzjoni li jiġu estiżi lilu l-vantaġġi msemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 jew l-istatus mogħti lil dan il-benefiċjarju, meta dan il-wild ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jew nazzjonalità oħra li tagħtih, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar f’dan l-Istat Membru minn dak li jirriżulta minn tali estensjoni. |
55 |
Din l-interpretazzjoni tar-riżerva li tinsab fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-aħjar interessi tat-tfal, li fid-dawl tagħhom din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata u applikata. Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tenfasizza espressament li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta u li hija tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 tagħha, u d-drittijiet tat-tfal, irrikonoxxuti mill-Artikolu 24 tal-Karta, li fosthom hemm, fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi superjuri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punti 36 sa 38). |
56 |
L-imsemmija interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, għal dik proposta mill-UNHCR, li d-dokumenti tiegħu jgawdu minn rilevanza partikolari fir-rigward tar-rwol mogħti lilu mill-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57). |
57 |
Għalhekk, fil-kummenti annotati tiegħu dwar id-Direttiva 2004/83 dwar l-Artikolu 23(1) u (2) tagħha, “[l-UNHCR] iqis li l-membri tal-istess familja għandhom jingħataw l-istess status bħall-applikant prinċipali (status idderivat)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jirrileva dan li ġej: “[I]l-prinċipju tal-unità tal-familja jirriżulta mill-Att finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 tal-Plenipotenzjarji dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat kif ukoll mid-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-[Unjoni Ewropea] jipprevedu status idderivat għall-membri tal-familja tar-refuġjati. L-esperjenza [tal-UNHCR] turi wkoll li huwa ġeneralment l-iktar mod prattiku li wieħed jipproċedi. Madankollu jeżistu sitwazzjonijiet fejn dan il-prinċipju ta’ status idderivat ma għandux jiġi segwit, jiġifieri meta l-membri tal-familja jixtiequ japplikaw għall-ażil b’mod individwali jew meta l-għoti tal-istatus idderivat ikun inkompatibbli mal-istatus personali tagħhom, pereżempju minħabba li huma ċittadini tal-pajjiż ospitanti jew minħabba li n-nazzjonalità tagħhom tagħtihom dritt għal trattament aħjar”. |
58 |
Issa, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba n-nazzjonalità Tuneżina tagħha jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tagħha, għandha dritt għal trattament aħjar fil-Ġermanja minn dak li jirriżulta mill-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat mogħti lil missierha, previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
59 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kompatibbiltà mad-Direttiva 2011/95, u b’mod partikolari mar-riżerva li tinsab fl-Artikolu 23(2) tagħha, ta’ dispożizzjoni nazzjonali iktar favorevoli, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew tal-applikazzjoni tagħha għal sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għaliha u għall-ġenituri tagħha, li jistabbilixxu ruħhom fit-Tuneżija. |
60 |
Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġuni għall-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva hija li jippermetti lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jgawdi d-drittijiet li tagħtih din il-protezzjoni filwaqt li tinżamm l-unità tal-familja tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-eżistenza ta’ possibbiltà għall-familja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi ruħha fit-Tuneżija ma tistax, konsegwentement, tiġġustifika li r-riżerva li tinsab fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni tinftiehem bħala li teskludi l-għoti lil din tal-aħħar tal-istatus ta’ refuġjat, peress li tali interpretazzjoni tkun timplika li missierha jirrinunzja għad-dritt għall-ażil mogħti lilu fil-Ġermanja. |
61 |
Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil membri tal-familja ta’ persuna li lilha ngħata dan l-istatus, filwaqt li tali possibbiltà ta’ stabbiliment ta’ din il-familja f’pajjiż terz teżisti, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li tali leġiżlazzjoni ma hijiex nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall‑finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu ġie rrikonoxxut dan l-istatus b’applikazzjoni tas‑sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil-każ fejn dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in‑nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fih ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat, bil‑kundizzjoni li dan il-wild ma jaqax taħt raġuni għall-esklużjoni msemmija fl‑Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u li dan ma jkollux, permezz tan‑nazzjonalità tiegħu jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar fl-imsemmi Stat Membru minn dak li jirriżulta mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward il‑kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għall‑imsemmi wild u l-ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom f’dan il-pajjiż terz ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall‑kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall‑kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu ġie rrikonoxxut dan l-istatus b’applikazzjoni tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil-każ fejn dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru u għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fih ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat, bil-kundizzjoni li dan il-wild ma jaqax taħt raġuni għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u li dan ma jkollux, permezz tan-nazzjonalità tiegħu jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar fl-imsemmi Stat Membru minn dak li jirriżulta mill‑għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward il‑kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għall‑imsemmi wild u l-ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom f’dan il-pajjiż terz ieħor. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.